Kawża C-230/06
Militzer & Münch GmbH
vs
Ministero delle Finanze
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione)
“Unjoni doganali — Tranżitu Komunitarju — Irkupru tad-dejn doganali — Stat Membru kompetenti — Prova tar-regolarità ta’ l-operazzjoni jew tal-post fejn seħħ il-ksur — Termini — Responsabbiltà tal-prinċipal”
Sommarju tas-sentenza
1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
(Artikolu 234 KE)
2. Moviment liberu tal-merkanzija — Tranżitu Komunitarju — Tranżitu Komunitarju estern — Ksur jew irregolaritajiet
(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikoli 203(1) u 215(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikoli 378 u 379)
3. Moviment liberu tal-merkanzija — Tranżitu Komunitarju — Tranżitu Komunitarju estern — Ksur jew irregolaritajiet
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikoli 378 u 379(1) u (2))
4. Moviment liberu tal-merkanzija — Tranżitu Komunitarju — Tranżitu Komunitarju estern — Ksur jew irregolaritajiet
(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 239; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikoli 899 sa 905)
1. Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti li ressqet id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu in kunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt Komunitarju li ma sarx riferiment għalihom mill-qorti nazzjonali fid-domanda tagħha.
(ara l-punt 19)
2. Sabiex tiġi vverifikata l-kompetenza ta’ l-Istat Membru li wettaq l-irkupru tad-dazju doganali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, fil-mument ta’ meta ġie kkonstatat li l-kunsinna ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni, il-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità setax jiġi stabbilit. Jekk dan huwa l-każ, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 203(1) u 215(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jippermettu li jiġi magħżul bħala kompetenti sabiex jirkupra d-dejn doganali dak l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu seħħet l-ewwel offiża jew irregolarità li tista’ tiġi kkwalifikata bħala tneħħija mis-sorveljanza doganali. Min-naħa l-oħra, jekk il-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità ma setax jiġi stabbilit, l-Istat Membru li minnu jiddependi l-uffiċċju tat-tluq huwa kompetenti sabiex iwettaq l-irkupru tad-dazju doganali, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 378 u 379 tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92. Fil-fatt, l-Artikolu 378(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprevedi li, bla ħsara għar-regoli dwar id-determinazzjoni tal-post fejn ġie inkors id-dejn doganali msemmi fl-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali, meta l-kunsinna ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni u fil-każ li l-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità ma setax jiġi stabbilit, din l-offiża jew irregolarità għandha tiġi meqjusa li tkun seħħet fl-Istat Membru li minnu jiddependi l-uffiċċju tat-tluq jew fl-Istat Membru li minnu jiddependi l-uffiċċju ta’ tranżitu fid-dħul fil-Komunità u li lilu jkun intbagħat avviż ta’ tranżitu, sakemm, fit-terminu indikat fl-Artikolu 379(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, ma ġietx ippreżentata prova tar-regolarità ta’ l-operazzjoni ta’ tranżit jew tal-post fejn effettivament seħħet l-offiża jew l-irregolarità.
(ara l-punti 30, 36 u d-dispożittiv 1)
3. Meta kunsinna ma ġietx ppreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni u fil-każ li l-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità ma setax jiġi stabbilit, huwa biss l-uffiċċju tat-tluq li għandu jwettaq in-notifika prevista, fl-osservanza tat-termini ta’ ħdax-il xahar u tliet xhur imsemmija fl-Artikolu 379(1) u (2) tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92.
(ara l-punti 41, 42 u d-dispożittiv 2)
4. Il-fatt li forwarding agent doganali, fil-kwalità tiegħu ta’ prinċipal, jinżamm responsabbli għad-dejn doganali, ikun x’ikun l-ammont ta’ dan id-dejn meta mqabbel mar-remunerazzjoni li huwa jirċievi meta jaġixxi bħala forwarding agent doganali, ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fill-fatt, il-prinċipal, fil-kwalità tiegħu ta’ titulari tas-sistema ta’ tranżitu Komunitarju estern, huwa debitur tad-dejn doganali li jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din is-sistema. Ir-responsabbiltà imposta fuq il-prinċipal hija intiża sabiex tassigura applikazzjoni diliġenti u uniformi tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ l-irkupru tad-dejn doganali fl-interess tal-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri. Bl-istess mod, il-fatt li l-prinċipal ikun in bona fede u li l-ksur tas-sistema ta’ tranżit Komunitarju estern jirriżulta minn frodi li mhumiex imputabbli lilu lanqas mhuwa ta’ natura tali li jippreġudika l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Li kieku dan kien il-każ, il-prinċipal ma jibqax inċentivat wisq li jassigura l-iżvolġiment korrett ta’ l-operazzjonijiet ta’ tranżitu. Madankollu, meta l-obbligu għal ħlas tad-dejn doganali jirriżulta minn ċirkustanzi li la jimplikaw immanuvrar u lanqas negliġenza manifesta min-naħa tal-prinċipal, l-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta’ ekwità, jippermetti li l-prinċipal ikun jista’ jitlob eżenzjoni tad-dazji. Għal dan il-għan, l-Artikoli 899 sa 905 tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ Kodiċi Doganali, jistabbilixxu proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni.
(ara l-punti 48-51 u d-dispożittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
3 ta’ April 2008 (*)
“Unjoni doganali – Tranżitu Komunitarju – Irkupru tad-dejn doganali – Stat Membru kompetenti – Prova tar-regolarità ta’ l-operazzjoni jew tal-post fejn seħħ il-ksur – Termini – Responsabbiltà tal-prinċipal”
Fil-kawża C‑230/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju 2006, fil-proċedura
Militzer & Münch GmbH
vs
Ministero delle Finanze,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus, J. N. Cunha Rodrigues, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2007,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Militzer & Münch GmbH, minn W. Wielander, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux u C. Zadra, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 215 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), l-Artikoli 378 u 379 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1, iktar’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), kif ukoll fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Militzer & Münch GmbH (iktar’il quddiem “M&M”) u l-ministero delle Finanze dwar l-irkupru ta’ dazju doganali.
Il-kuntest ġuridiku
3 Skond l-Artikolu 96 tal-Kodiċi Doganali :
“1. Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal :
a) preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni;
b) l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura tat-transitu tal-Komunità.
2. Minkejja l-obbligazzjonijiet tal-prinċipal skond il-paragrafu 1, min iġorr jew jircevi merkanzija u jaċċetta merkanzija meta jkun jaf li qiegħda tiċċaqlaq taħt transitu tal-Komunità għandu wkoll ikun responsabbli għall-produzzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni.”
4 L-Artikoli 203 u 204 tal-Kodiċi Doganali jipprovdu :
“Artikolu 203
1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
– tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.
3. Id-debituri għandhom ikunu :
– il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali,
– kull persuna li tkun ipparteċipat f’dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u
– kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji [k]konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li kienu tneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali
u
– fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa [li] tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji.
Artikolu 204
1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
a) tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu,
jew
b) tan-nuqqas ta’ konformità ma’ kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta’ dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta’ l-użu finali tal-merkanziji,
f’każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata.
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors jew fil-mument meta l-obbligazzjoni li n-nuqqas ta’ l-eżekuzzjoni tagħha tagħti lok għad-dejn doganali ma tiġix issodisfata jew fil-mument meta l-merkanziji jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali involuta fejn jiġi stabbilit sussegwentement li kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt l-imsemmija proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta’ dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta’ l-użu finali tal-merkanziji ma ġietx fil-fatt issodisfata.
3. Id-debitur għandu jkun il-persuna li tkun meħtieġa, skond iċ-ċirkostanzi, jew li tesegwixxi l-obbligazzjonijiet li joħorġu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqegħdu, jew li tħares il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura.”
5 L-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi :
“1. Dejn doganali għandu jiġi inkors fil-post fejn jiġru l-avvenimenti li minnhom joħroġ.
2. Fejn ma jkunx possibbli [li] jiġi stabbilit il-post li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post fejn l-awtoritajiet doganali jikkonkludu li l-merkanziji kienu f’sitwazzjoni li fiha ġie inkors dejn doganali.
3. Fejn proċedura doganali ma tkunx twettqet għal merkanziji, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post fejn il-merkanziji :
– ġew imqiegħda taħt dik il-proċedura,
jew
– daħlu fil-Komunità taħt dik il-proċedura.
4. Fejn l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet doganali tagħmilha possibbli għalihom li jistabbilixxu li d-dejn doganali kien diġà ġie inkors meta l-merkanziji kienu f’post ieħor f’data qabel, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post li jista’ jiġi stabbilit bħala l-lok tal-merkanziji fiż-żmien l-aktar kmieni li jista’ jiġi stabbilit dejn doganali.”.
6 L-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi :
“1. Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238 :
– li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat;
– li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.
2. Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-ammont tad-dazji kien ġie komunikat lid-debitur.
Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li dan il-perjodu jinqabeż f’każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif jixraq.”
7 L-Artikolu 378 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi :
“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 215 tal-Kodiċi, meta l-kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post ta’ l-offiża jew l-irregolarità ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħallikieku saru :
– fl-Istat Membru li jappartjeni għalih l-uffiċju tat-tluq
jew
– fl-Istat Membru li jappartjeni għalih fil-punt tad-dħul fil-Komunità l-uffiċju ta’ transitu, li lilu tkun intbagħtet nota ta’ avviż ta’ transitu,
sakemm fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 379(2), il-prova ta’ l-irregolarità ta’ l-operazzjoni tat-transitu jew tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu attwalment saru tingħata għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali.
2. Meta l-ebda prova bħal din ma tingħata u l-imsemmija ksur jew irregolarità jitqiesu li saru fl-Istat Membru tat-tluq jew fl-Istat Membru tad-dħul kif jidher fl-ewwel paragrafu, it-tieni inċiż, id-dazji u piżijiet oħra li jirrigwardaw il-merkanzija kkonċernata għandhom jinġabru minn dak l-Istat Membru skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali.
[…]”
8 Skond l-Artikolu 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni :
“1. Meta kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċju tad-destinazzjoni u l-post fejn il-ksur jew l-irregolarità ikunu saru ma jkunx jista' jiġi stabbilit, l-uffiċju tat-tluq għandu jinnotifika lill-prinċipal b’ dan il-fatt malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel l-aħħar tal-11-il xahar wara d-data ta’ reġistrazzjzoni tad-dikjarazzjoni ta’ transitu Komunitarj[u].
2. Il-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tindika, partikolarment, it-terminu li fih il-prova ta’ irregolarità ta’ l-operazzjoni ta’ transitu jew il-post fejn attwalment ikunu saru il-ksur jew l-irregolarità għandha tingħata lill-uffiċju tat-tluq għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali. Dak it-terminu għandu jkun ta’ tlett xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1. Jekk il-prova msemmija ma tkunx ġiet prodotta sa tmiem it-terminu, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-passi biex jirkupra d-dazji u piżijiet oħra nvoluti. F’ każijiet meta dak l-Istat Membru ma jkunx dak li fih l-uffiċju ta’ tluq jinstab, dan ta’ l-aħħar għandu immedjatament jinforma lill-Istat Membru imsemmi.”
9 Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni huma, essenzjalment, identiċi għal dawk ta’ l-Artikolu 11(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1062/87, tas-27 ta’ Marzu 1987, dwar dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni kif ukoll miżuri ta’ simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju (ĠU L 107, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1429/90, tad-29 ta’ Mejju 1990 (ĠU L 137, p. 21, iktar’il quddiem ir-“Regolament Nru 1062/87”), u sussegwentement riprodotti fl-Artikolu 49 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1214/92, tal-21 ta’April 1992, dwar id-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-proċedura transitorja tal-Komunità u għal ċerti simplifikazzjonijiet ta’ dik il-proċedura (ĠU L 132, p.1).
10 L-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi :
“1. Meta l-awtorità doganali ta’ deċiżjoni li lilha l-applikazzjoni għar-rimbors jew remissjoni skond l-Artikolu 239(2) tal-Kodiċi tkun ġiet sottomessa, ma tkunx tista’ tieħu deċiżjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 899, imma l-applikazzjoni tkun sostnuta minn prova li tista tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkostanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza evidenti min-naħa ta’ l-interessat ma tkun attribwita lil dan, l-Istat Membru li lilu tkun tappartieni din l-awtorità għandu jittrasmetti il-każ lill-Kummissjoni biex dan ikun deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 906 sa 909.
Il-frażi ‛il-persuna interessata’ għandha tinftiehem fis-sens ta’ l-Artikolu 899.
Fil-każijiet l-oħra kollha, l-awtorità doganali ta’ deċiżjoni għandha tiċħad l-applikazzjoni.
2. Il-każ li jintbagħat lill-Kummissjoni għandu jinkludi il-fatti meħtieġa għall-ezami sħiħ tal-każ ippreżentat.
Malli tirċievi il-każ il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat kif xieraq.
Jekk jinstab li l-informazzjoni fornuta mill-Istat Membru ma tkunx biżżejjed ħalli tkun tista tittieħed deċiżjoni dwar il-każ ikkonċernat fid-dawl tal-fatti kollha magħrufa, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali.
3. Mingħajr ma tistenna li tiġi finalizzata il-proċedura prevista fl-Artikoli 906 sa 909, l-awtorità doganali ta’ deċiżjoni tista, jekk l-applikazzjoni tkun saret lilha, tawtorizza t-twettiq tal-formalitajiet doganali li għandhom x’jaqsmu mar-ri-esportazzjoni jew distruzzjoni tal-merkanzija qabel ma l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni fuq il-każ in kwestjoni. Awtorizzazzjoni bħal din ma tippreġudika bl-ebda mod id-deċiżjoni finali fuq il-każ in kwistjoni.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 M&M hija kumpannija ta’ burdnara stabbilita fil-Ġermanja. Bejn it-23 ta’ April u s-16 ta’ Lulju ta’ l-1993, hija ħarġet 20 dokument ta’ tranżitu Komunitarju T1 għat-trasport ta’ butir provenjenti mir-Repubblika Ċeka, għal minn Waidhaus (il-Ġermanja) lejn Venezja u Milan (l-Italja).
12 Wara li rċeviet kopja tad-dokumenti ta’ tranżitu, mgħammra bit-timbri u bin-numru ta’ l-ordni ta’ l-uffiċċji tad-dwana ta’ Venezja u ta’ Milan, l-uffiċċju doganali ta’ Waidhaus ipproċeda għall-ivverifikar ta’ dawn il-kunsinni.
13 Sussegwentement, is-servizz ta’ kontra l-frodi tal-Guardia di Finanza stabbilixxa li l-merkanzija ma kinitx waslet fid-destinazzjoni tagħha, minħabba frodi li ma kellhiex x’taqsam miegħu M&M u li, x’aktarx, kien jimplika l-kompliċità tal-persunal tad-dwana Taljana.
14 Fis-17 ta’ Novembru 1995, l-awtoritajiet doganali Taljani talbu lil M&M tħallas is-somma ta’ ITL 4 601 255 310 bħala dazju doganali għal merkanzija mibgħuta.
15 Id-dwana Taljana rrifjutat it-talba għall-eżenzjoni tad-dazju magħmula minn M&M fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. It-Tribunale u sussegwentement il-Corte d’appello di Trento ċaħdu r-rikors ta’ M&M, u għalhekk din ta’ l-aħħar appellat fil-kassazzjoni.
16 Permezz ta’ sentenza mogħtija f’Awli magħquda, fis-27 ta’ Settembru 2002, il-Corte suprema di cassazione ddeċidiet, fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali li, id-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet Taljani li tiċħad it-talba għall-eżenzjoni tad-dazju ppreżentata minn M&M skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali ma tistax tiġi mistħarrġa mill-awtorità ġudizzjarja, peress li din “timplika għażliet u deċiżjoni ta natura politika”. Barra minn hekk, il-kawża ġiet rinvjata quddiem is-Sezione tributaria [sezzjoni fiskali] ta’ din il-qorti sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-aggravji l-oħra ta’ l-appell.
17 Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari :
“1) L-Artikolu 11a (1) tar-Regolament Nru 1062/87, kif emendat mir-[Regolament ta’ implementazzjoni], għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħmel it-terminu ta’ żmien ta’ ħdax-il xahar applikabbli fil-konfront ta’ l-uffiċċju doganali tat-tluq sabiex jindika n-nuqqas ta’ vverifikar tal-merkanzija li tqiegħdet taħt is-sistema ta’ tranżitu Komunitarju, fis-sitwazzjoni fejn jirriżulta li l-ivverifikar ta’ l-uffiċċju tad-dwana tad-destinazzjoni ġiet attestata permezz ta’ dokumenti ffalsifikati, li n-natura falza tagħhom ma kinitx faċilment rikonoxxibbli; għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hemm lok li jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti […] mill-Qorti tal-Ġustizzja [sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Cipriani, C-395/00, Ġabra. p. I-11877, u tad-29 ta’ April 2004, British American Tobacco, C-222/01, Ġabra. p. I-4683]; u l-attribuzzjoni lill-forwarding agent doganali tal-konsegwenzi kollha ta’ operazzjoni irregolari ta’ tranżitu Komunitarju, fis-sitwazzjoni kkunsidrata, tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità?
2) Fis-sitwazzjoni deskritta fl-ewwel domanda, l-Artikolu 11(a)(2) huwa applikabbli?
3) L-Artikolu 215(1) tal-[Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fis-sitwazzjonijiet bħal dik deskritta fl-ewwel domanda, il-kompetenza doganali għandha tiġi ddeterminata skond il-kriterju previst fit-tieni jew fit-tielet parti ta’ din id-dispożizzjoni?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
18 M&M, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jaqblu dwar il-fatt li l-qorti tar-rinviju rreferiet għar-regoli Komunitarji li huma inapplikabbli ratione temporis imma ma jaqblux fir-rigward tad-determinazzjoni tar-regoli applikabbli. Skond il-Gvern Taljan, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-1993, meta sar il-frodi. Għaldaqstant, id-determinazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti tkun rregolata mill-Artikolu 34(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2726/90, tas-17 ta’ Settembru 1990, dwar transitu fil-Komunità (ĠU L 262, p. 1), li ġie abrogat b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994. Fir-rigward tal-kwistjoni tar-rispett tat-termini taż-żmien qabel l-irkupru tad-dejn doganali, il-Gvern Taljan isostni li din għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1214/92. Dan il-Gvern jikkunsidra li l-fatt li ssemma’ l-Artikolu 11a tar-Regolament Nru 1062/87, minkejja li dan ġie abrogat b’effett mill-1 ta’ Jannar 1993, għandu jimplika l-inammissibbiltà parzjali tad-domanda preliminari.
19 Għandu jiġi mfakkar li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti li ressqet id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu in kunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt Komunitarju li ma sarx riferiment għalihom mill-qorti nazzjonali fid-domanda tagħha (sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1990, Bagli Pennacchiotti, C-315/88, Ġabra p. I-1323, punt 10, u tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 39).
20 F’dan il-każ, M&M u l-Kummissjoni ġustament jikkunsidraw li r-regoli rilevanti huma dawk li kienu fis-seħħ fid-data ta’ l-avviż ta’ l-irkupru maħruġ mill-awtoritajiet Taljani fis-17 ta’ Novembru 1995 u li l-legalità tagħha hija kkontestata fil-kawża prinċipali.
21 Peress li l-Kodiċi Doganali u r-Regolament ta’ implementazzjoni saru applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, minn dawn jirriżulta li l-permezz ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel domanda u tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-termini previsti fl-Artikolu 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, u li permezz tat-tielet domanda, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kriterji msemmija fl-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru kompetenti li jirkupra d-dejn doganali kif ukoll, permezz tat-tieni parti ta’ l-ewwel domanda, sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tas-sistema tar-responsabbiltà tal-prinċipal fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
22 Qabel xejn, għandha tiġi eżaminata t-tielet domanda dwar id-determinazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti li jirkupra d-dejn doganali.
Fuq it-tielet domanda
23 M&M u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-Istat Membru kompetenti li jirkupra d-dejn doganali għandu jiġi ddeterminat mhux abbażi ta’ l-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali, imma skond l-Artikolu 378(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li jikkostitwixxi lex specialis għall-attribuzzjoni tal-kompetenza fil-qasam ta’ l-irkupru tad-dazju doganali fil-kuntest tas-sistema tat-tranżitu Komunitarju estern. L-Istat Membru li minnu jiddependi l-uffiċċju tat-tluq huwa, bħala prinċipju, kompetenti, peress li l-Artikolu 378(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni joħloq preżunzjoni f’dan is-sens meta, minn naħa, il-kunsinna ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-post fejn seħħ il-ksur jew l-irregolarità ma jistax jiġi stabbilit. Fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfati peress li l-post fejn saret it-tneħħija tal-merkanzija mis-sorveljanza doganali ma ġiex stabbilit u huwa paċifiku li l-merkanzija ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni.
24 Il-Gvern Taljan iqis ruħu kompetenti skond l-Artikolu 215(2) tal-Kodiċi Doganali, safejn il-ksur seħħ jew, mill-inqas, ġie kkonstatat fit-territorju Taljan.
25 F’dan ir-rigward, mill-Artikoli 215(1) tal-Kodiċi Doganali u mill-Artikoli 378 u 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li d-determinazzjoni tal-post fejn ġie inkors id-dejn doganali tippermetti li jiġi stabbilit l-Istat Membru kompetenti li jirkupra d-dazju doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Road Air Logistics Customs, C-526/06, Ġabra p. I‑11337, punt 26). Fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ frodi, li hija kkaratterizzata minn ksur jew irregolaritajiet, il-post fejn ġie inkors id-dejn doganali huwa dak fejn il-merkanzija tneħħiet mis-sorveljanza doganali, kif jirriżulta mill-qari flimkien ta’ l-Artikoli 203(2) u 215(1) tal-Kodiċi Doganali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-1 ta’ Frar 2001, D. Wandel, C-66/99, Ġabra p. I-873, punt 50, u tal-11 ta’ Lulju 2002, Liberexim, C-371/99, Ġabra p. I-6227, punt 52).
26 Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett tat-tneħħija mis-sorveljanza doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kull att jew ommissjoni li jkollhom bħala riżultat li jimpedixxu, anki għal żmien qasir, li l-awtorità doganali kompetenti jkollha aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li twettaq il-kontrolli previsti fl-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali (is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq D.Wandel, punt 47, Liberexim, punt 55, u tat-12 ta’ Frar 2004, Hamann International, C-337/01, Ġabra p. I-1791, punt 31).
27 It-tneħħija mis-sorveljanza doganali tippresupponi biss li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet oġġettivi bħal, per eżempju, in-nuqqas fiżiku tal-merkanzija fil-post ta’ depożitu miftiehem fil-mument meta l-awtorità doganali jkollha l-intenzjoni li teżamina l-imsemmija merkanzija (is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq D. Wandel, punt 48, u Liberexim, punt 60) jew jekk id-dokument ta’ tranżitu T1 jiġi temporanjament separat mill-merkanzija li jirreferi għaliha (is-sentenza British American Tobacco, iċċitata iktar’il fuq, punt 53).
28 Fil-każ ta’ twettiq, fit-territorju ta’ Stati Membri differenti, ta’ diversi offiżi jew irregolaritajiet, l-Istat Membru kompetenti sabiex jirkupra d-dazju doganali huwa dak li fit-territorju tiegħu tkun seħħet l-ewwel offiża jew irregolarità (ara, b’analoġija, is-sentenza Liberexim, iċċitata ikta’il fuq, punt 57).
29 Kif ġustament enfasizzaw M&M u l-Kummissjoni, l-Artikolu 378 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirregola speċifikament, fil-qasam tat-tranżitu Komunitarju estern, id-determinazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti li jirkupra d-dazju doganali u jistabbilixxi preżunzjoni ta’ kompetenza favur l-Istat Membru li minnu jiddependi l-uffiċċju tat-tluq (is-sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-104/02, Ġabra p. I-2689, punt 86).
30 L-Artikolu 378(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprevedi effettivament li, bla ħsara għar-regoli dwar id-determinazzjoni tal-post fejn ġie inkors id-dejn doganali msemmi fl-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali, meta l-kunsinna ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni u fil-każ li l-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità ma setax jiġi stabbilit, din l-offiża jew irregolarità għandha tiġi meqjusa li tkun seħħet fl-Istat Membru li minnu jiddependi l-uffiċċju tat-tluq jew fl-Istat Membru li minnu jiddependi l-uffiċċju ta’ tranżitu fid-dħul fil-Komunità u li lilu jkun intbagħat avviż ta’ tranżitu, sakemm, fit-terminu indikat fl-Artikolu 379(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, ma ġietx ippreżentata prova tar-regolarità ta’ l-operazzjoni ta’ tranżit jew tal-post fejn effettivament seħħet l-offiża jew l-irregolarità (sentenza ta’ l-20 ta’ Jannar 2005, Honeywell Aerospace, C-300/03, Ġabra p. I-689, punt 21).
31 Għalhekk, l-implementazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni tippresupponi li l-post ta’ l-offiża jew ta’ l-irregolarità ma jistax jiġi stabbilit mill-awtoritajiet doganali (sentenza ta’ l-14 ta’ Novembru 2002, SPKR, C-112/01, Ġabra p. I-10655, punt 35).
32 Konsegwentement, sabiex tiġi vverifikata l-kompentenza ta’ l-Istat Membru li wettaq l-irkuprar tad-dazju doganali, għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-mument ta’ meta ġie kkonstatat li l-kunsinna ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni, setax jiġi stabbilit il-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità. Jekk dan huwa l-każ, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 203(1) u ta’ l-Artikolu 215(1) tal-Kodiċi Doganali jippermettu li jiġi magħżul bħala kompetenti sabiex jirkupra d-dejn doganali dak l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu seħħet l-ewwel offiża jew irregolarità li tista’ tiġi kkwalifikata bħala tneħħija mis-sorveljanza doganali.
33 Min-naħa l-oħra, jekk il-post ta’ l-offiża jew ta’ l-irregolarità ma setax jiġi stabbilit, l-Istat Membru li minnu jiddependi l-uffiċċju tat-tluq huwa kompetenti li jwettaq l-irkupru tad-dazju doganali, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 378 u 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.
34 Sabiex jiġi ddeterminat, fil-kawża prinċipali, jekk l-awtoritajiet Taljani kinux kompetenti li jwettqu l-irkupru tad-dazju in kwistjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverfika, fid-dawl ta’ l-elementi kollha rilevanti li kienu disponibbli fil-mument ta’ meta ġie kkonstatat li l-kunsinna ma ġietx ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni, jekk il-post fejn seħħet l-ewwel offiża jew irregolarità li tista’ tikkwalifika bħala tneħħija mis-sorveljanza doganali setax jiġi stabbilit. Jekk dan mhuwiex il-każ, il-preżunzjoni tal-kompetenza favur l-Istat Membru li minnu jiddependi l-uffiċċju tat-tluq prevista fl-Artikolu 378(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni twassal sabiex tkun ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tiġi magħżula bħala l-Istat Membru kompetenti li jwettaq l-irkupru tad-dazju doganali.
35 Din il-preżunzjoni tista’ tiġi eskluża għall-benefiċċju ta’ kompetenza ta’ Stat Membru ieħor biss jekk jiġi stabbilit li l-ewwel offiża jew irregolarità ġiet effettivament imwettqa fit-territorju ta’ dan ta’ l-aħħar. Madankollu, din il-prova għandha tiġi ppreżentata għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru li minnu jiddependi l-uffiċċju tat-tluq skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, u dan jimplika, b’mod partikolari, ir-rispett tat-termini li huma previsti f’dan l-Artikolu.
36 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li, sabiex tiġi vverifikata l-kompetenza ta’ l-Istat Membru li wettaq l-irkupru tad-dazju doganali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fil-mument ta’ meta ġie kkonstatat li l-kunsinna ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni, il-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità setax jiġi stabbilit. Jekk dan huwa l-każ, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 203(1) u 215(1) tal-Kodiċi Doganali jippermettu li jiġi magħżul bħala kompetenti sabiex jirkupra d-dejn doganali dak l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu seħħet l-ewwel offiża jew irregolarità li tista’ tiġi kkwalifikata bħala tneħħija mis-sorveljanza doganali. Min-naħa l-oħra, jekk il-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità ma setax jiġi stabbilit, l-Istat Membru li minnu jiddependi l-uffiċċju tat-tluq huwa kompetenti li jwettaq l-irkupru tad-dazju doganali, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 378 u 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.
Fuq l-ewwel parti ta’ l-ewwel domanda u fuq it-tieni domanda
37 Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa ta’ l-awtoritajiet doganali, tat-termini ta’ ħdax-il xahar u ta’ tliet xhur, li huma rispettivament previsti għall-benefiċċju tal-prinċipal fl-Artikolu 379(1) u (2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tipprekludix l-irkupru tad-dazju doganali.
38 Kif ġustament osservaw il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ ħdax-il xahar ma jipprekludix, fih innifsu, l-irkupru tad-dejn doganali mingħand il-prinċipal (sentenzi ċċitati iktar’il fuq SPKR, punti 27 sa 33, u l-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 69).
39 Min-naħa l-oħra, in-notifika lill-prinċipal tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 379(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tikkostitwixxi obbligu preliminari għall-irkupru tad-dejn doganali mill-awtoritajiet doganali (sentenzi ċċitati iktar’il fuq SPKR, punt 32; Honeywell Aerospace, punti 23 u 24, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 71; id-digriet tas-6 ta’ April 2006, Reyniers & Sogama, C-407/05, Ġabra p. I‑50, punt 22, u s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, Gerlach, C-44/06, Ġabra p. I-2071, punt 33).
40 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li dawn it-termini ta’ ħdax-il xahar u ta’ tliet xhur għandhom l-għan li jassiguraw applikazzjoni diliġenti u uniformi, min-naħa ta’ l-awtoritajiet kompetenti, tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ l-irkupru tad-dejn doganali fl-interess tat-tqegħid għad-dispożizzjoni effettiv u rapidu tar-riżorsi proprji tal-Komunità (sentenzi ċċitati iktar’il fuq, SPKR, punt 34, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 69 u 78). Barra minn hekk, it-terminu ta’ tliet xhur għandu wkoll l-għan li jipproteġi l-interessi tal-prinċipal billi jikkonċedilu terminu suffiċjenti li fih huwa għandu jippreżenta, jekk ikun hemm bżonn, il-prova tar-regolarità ta’ l-operazzjoni tat-tranżitu jew tal-post fejn tkun effettivament seħħet l-irregolarità jew l-offiża (sentenzi ċċitati iktar’il fuq, SPKR, punt 38, u Honeywell Aerospace, punt 24). Fl-aħħar nett, it-terminu ta’ tliet xhur huwa intiż sabiex jinkoraġġixxi lill-prinċipal jippreżenta, fi żmien imperattiv, l-elementi li huwa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex fi żmien qasir issir l-għażla ta’ l-Istat Membru kompetenti li jirkupra d-dazju (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lensing & Brockhausen, C-233/98, Ġabra p. I-7349, punt 30).
41 Mill-kliem ta’ l-Artikoli 378 u 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li huwa biss l-uffiċċju tat-tluq li għandu jwettaq in-notifika prevista fl-osservanza ta’ dawn it-termini ta’ ħdax-il xahar u tliet xhur, fil-każ li l-kunsinna ma ġietx ppreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni u ladarba l-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità ma setax jiġi stabbilit.
42 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti ta’ l-ewwel domanda u għat-tieni domanda għandha tkun li meta kunsinna ma ġietx ppreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni u fil-każ li l-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità ma setax jiġi stabbilit, huwa biss l-uffiċċju tat-tluq li għandu jwettaq in-notifika prevista fl-osservanza tat-termini ta’ ħdax-il xahar u ta’ tliet xhur imsemmija fl-Artikolu 379(1) u (2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.
Fuq it-tieni parti ta’ l-ewwel domanda
43 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li, forwarding agent doganali, fil-kwalità tiegħu ta’ prinċipal, jinżamm responsabbli għall-konsegwenzi ta’ operazzjoni ta’ tranżitu Komunitarju estern ivvizzjat bi frodi li mhumiex imputabbli lilu, huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, safejn id-dazju doganali jista’, bħal fil-kawża prinċipali, jeċċedi sostanzjalment ir-remunerazzjoni li l-prinċipal irċeva għas-servizzi tiegħu.
44 Il-Kummissjoni tiddubita r-rilevanza ta’ din id-domanda safejn il-leġiżlazzjoni doganali ma tipprevedix limiti għar-responsabbiltà tal-prinċipal. Hija tissuġġerixxi li din id-domanda għandha tiġi mifhuma bħala li tirrigwarda sitwazzjoni fejn jista’ jkun inġust li l-prinċipal jinżamm responsabbli għal frodi li għalihom huwa ma pparteċipax u li fihom x’aktarx kienu implikati impjegati ta’ l-uffiċċju tad-destinazzjoni. Għalhekk, hija tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja twessa t-termini tad-domanda preliminari u tieħu in kunsiderazzjoni l-kriterji li jippermettu eżenzjoni tad-dazju minħabba raġunijiet ta’ ekwità, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikoli 899 sa 909 tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Għalhekk, hija ssostni li, meta sabu ruħhom affaċjati b’ “sitwazzjoni partikolari”, l-awtoritajiet Taljani kellhom iressqu quddiem il-Kummissjoni t-talba għal eżenzjoni tad-dazju skond l-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.
45 M&M u l-Kummissjoni jżidu li l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju jeżiġu li d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-awtoritajiet doganali jirrifjutaw li jilqgħu talba bħal din għandhom jiġu suġġetti għal stħarriġ ġurisdizzjonali effettiv u għal dan il-għan, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar is-sentenza tal-Corte suprema di cassazione tas-27 ta’ Settembru 2002.
46 Il-Gvern Taljan huwa tal-fehma li l-fatt li l-prinċipal jinżamm responsabbli ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Pascoal & Filhos, C-97/95, Ġabra p. I-4209, u tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C-293/04, Ġabra p. I-2263). Huwa jsostni li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar is-sentenza tal-Corte suprema di cassazione tas-27 ta’ Settembru 2002 in kwantu ma saret ebda domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.
47 Skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni Komunitarja jkunu adegwati sabiex jintlaħaq l-għan persegwit u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 47, u tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken, C-479/04, Ġabra p. I-8089, punt 53).
48 Il-prinċipal, fil-kwalità tiegħu ta’ titulari tas-sistema ta’ tranżitu Komunitarju estern, huwa debitur tad-dejn doganali li jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din is-sistema. Għalhekk, ir-responsabbiltà imposta fuq il-prinċipal hija intiża sabiex tassigura applikazzjoni diliġenti u uniformi tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ l-irkupru tad-dejn doganali fl-interess tal-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri. Għalhekk, il-fatt li l-prinċipal jiġi obbligat iħallas id-dejn doganali, ikun x’ikun l-ammont ta’ dan id-dejn meta mqabbel mar-remunerazzjoni li huwa jirċievi meta jaġixxi, bħal fil-każ preżenti, bħala forwarding agent doganali, ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
49 Il-fatt li l-prinċipal huwa in bona fede u li l-ksur tas-sistema ta’ tranżit Komunitarju estern jirriżulta minn frodi li mhumiex imputabbli lilu lanqas mhuwa ta’ natura tali li jippreġudika l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Li kieku dan kien il-każ, il-prinċipal ma jibqax inċentivat wisq li jassigura l-iżvolġiment korrett ta’ l-operazzjonijiet ta’ tranżitu (ara, b’analoġija, is-sentenza Pascoal & Filhos, iċċitata iktar’il fuq, punti 51 sa 55).
50 Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, meta l-obbligu għal-ħlas dejn doganali jirriżulta minn ċirkustanzi li la jimplikaw immanuvrar u lanqas negliġenza manifesta min-naħa tal-prinċipal, l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, li jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta’ ekwità, jippermetti li l-prinċipal ikun jista’ jitlob eżenzjoni tad-dazji. Għal dan il-għan, l-Artikoli 899 sa 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jistabbilixxu proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni.
51 Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti ta’ l-ewwel domanda għandha tkun li l-fatt li forwarding agent doganali, fil-kwalità tiegħu ta’ prinċipal, jinżamm responsabbli għad-dejn doganali ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Fuq l-ispejjeż
52 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Sabiex tiġi vverifikata l-kompetenza ta’ l-Istat Membru li wettaq l-irkupru tad-dazju doganali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fil-mument ta’ meta ġie kkonstatat li l-kunsinna ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni, il-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità setax jiġi stabbilit. Jekk dan huwa l-każ, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 203(1) u 215(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jippermettu li jiġi magħżul bħala kompetenti sabiex jirkupra d-dejn doganali dak l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu seħħet l-ewwel offiża jew irregolarità li tista’ tiġi kkwalifikata bħala tneħħija mis-sorveljanza doganali. Min-naħa l-oħra, jekk il-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità ma setax jiġi stabbilit, l-Istat Membru li minnu jiddependi l-uffiċċju tat-tluq huwa kompetenti sabiex iwettaq l-irkupru tad-dazju doganali, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 378 u 379 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92.
2) Meta kunsinna ma ġietx ppreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni u fil-każ li l-post fejn seħħet l-offiża jew l-irregolarità ma setax jiġi stabbilit, huwa biss l-uffiċċju tat-tluq li għandu jwettaq in-notifika prevista fl-osservanza tat-termini ta’ ħdax-il xahar u ta’ tliet xhur imsemmija fl-Artikolu 379(1) u (2) tar-Regolament Nru 2454/93.
3) Il-fatt li forwarding agent doganali, fil-kwalità tiegħu ta’ prinċipal, jinżamm responsabbli għad-dejn doganali ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Firem
* Lingwa tal-kawża: It-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy