Kawża C-278/06
Manfred Otten
vs
Landwirtschaftskammer Niedersachsen
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht)
“Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/1999 — Artikolu 7(2) — Skadenza ta’ qbiela — Akkwist tranżitorju ta’ kwantità ta’ referenza minn sid ta’ l-art li mhuwiex produttur tal-ħalib u li m’għandux l-intenzjoni li jsir produttur tal-ħalib — Trasferiment, permezz ta’ uffiċċju ta’ bejgħ ta’ l-Istat, tal-kwantità ta’ referenza fl-iqsar żmien possibbli lil produttur”
Sommarju tas-Sentenza
Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Ħalib u prodotti tal-ħalib – Imposta addizzjonali fuq il-ħalib
(Regolament tal-Kunsill Nru 3950/92, kif emendat mir-Regolament Nru 1256/1999, Artikolu 7(2))
L-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92, li jistabbilixxi imposti addizzjonali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tiskadi qbiela li tirrigwarda impriża tal-ħalib, il-kwantità ta’ referenza marbuta magħha tista’ tingħata lura lis-sid ta’ l-art sakemm huwa, li ma jkunx produttur u m’għandux l-intenzjoni li jsir produttur, jittrasferixxi permezz ta’ uffiċċju ta’ bejgħ ta’ l-Istat, din il-kwantità fl-iqsar żmien possibbli lil persuna oħra li jkollha din il-kwalità.
(ara l-punt 40 u disp.)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
7 ta’ Ġunju 2007(*)
“Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/1999 – Artikolu 7(2) – Skadenza ta’ qbiela – Akkwist tranżitorju ta’ kwantità ta’ referenza minn sid ta’ l-art li ma jkunx produttur tal-ħalib u li m’għandux l-intenzjoni li jsir produttur tal-ħalib – Trasferiment, permezz ta’ uffiċċju ta’ bejgħ ta’ l-Istat, tal-kwantità ta’ referenza fl-iqsar żmien possibbli lil produttur”
Fil-kawża C‑278/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2006, fil-proċedura
Manfred Otten
vs
Landwirtschaftskammer Niedersachsen,
fil-preżenza ta’:
Jonny Kück
u
Vertreterin des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn R. Schintgen, President ta’ l-Awla, A. Borg Barthet u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċediment bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal M. Otten, minn G.-W. Bieniek, Rechtsanwalt,
– għal-Landwirtschaftskammer Niedersachsen, minn H. Steggewentz, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Schieferer u F. Erlbacher, kif ukoll minn H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 tat-28 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi imposti addizzjonali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU L 405, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 160, p. 73, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3950/92”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kontroversja bejn M. Otten, li kien jikri artijiet li jaqgħu taħt l-użu tas-settur tal-ħalib, u l-Landwirtschaftskammer Niedersachsen (Kamra ta’ l-agrikoltura ta’ Niedersachsen) fir-rigward ta’ trasferiment tal-kwantità ta’ referenza ta’ ħalib jew ta’ prodotti tal-ħalib lil kerrej, filwaqt li dan ta’ l-aħħar, li mhuwiex produttur tal-ħalib jew ta’ prodotti tal-ħalib, jittrasferixxi min-naħa tiegħu, permezz ta’ uffiċċju ta’ bejgħ ta’ l-Istat, l-imsemmija kwantità fi żmien kemm jista’ jkun qasir lil persuna oħra li hija produttur tal-ħalib.
Il-kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Fl-1984, minħabba l-persistenza ta’ nuqqas ta’ ekwilibriju bejn l-offerta u t-talba fis-settur tal-ħalib, ġiet introdotta skema ta’ imposti addizzjonali fuq il-ħalib permezz ta’ l-Artikolu 5C tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 148, p. 13), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 856/84 tal-31 ta’ Marzu 1984 (ĠU L 90, p. 10). Skond din id-dispożizzjoni, imposta addizzjonali hija dovuta għal kwantità ta’ ħalib li taqbeż kwantità ta’ referenza li għad trid tiġi stabbilita.
4 Ir-regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ l-imposti addizzjonali huma ddefiniti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84 tal-31 ta’ Marzu 1984, li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ l-imposti msemmija fl-Artikolu 5C tar-Regolament Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 13).
5 Ir-Regolament Nru 857/84 tħassar bir-Regolament Nru 3950/92, li pproroga din l-iskema ta’ imposti addizzjonali sa l-1 ta’ April 2000, filwaqt li fil-bidu din kellha tapplika biss sa l-1 ta’ April 1993.
6 L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3950/92 jipprovdi li:
“Fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet, fil-każ ta’ qbiela li se jiskadu mingħajr possibbiltà ta’ tiġdid taħt kundizzjonijiet analogi, jew f’sitwazzjonijiet li jikkomportaw effetti ġuridiċi komparabbli, il-kwantità ta’ referenza disponibbli fuq l-użu kkonċernat għandha tiġi ttrasferita, kompletament jew parzjalment, lill-produtturi li jiksbuhom, skond id-dispożizzjonijiet deċiżi jew li għad iridu jiġu deċiżi mill-Istati membri, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-partijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 L-Artikolu 8 ta’ l-istess Regolament jgħid li:
“Bl-għan li titwettaq ir-ristrutturazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib jew tat-titjib ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jieħdu xi waħda jew aktar minn dawn l-azzjonijiet li ġejjin bi qbil mar-regoli dettaljati li huma għandhom jistabbilixxu billi jieħdu akkont ta’ l-interessi leġittimi tal-partijiet:
[…]
(b) jiddeterminaw fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi l-kondizzjonijiet li bihom produtturi jistgħu jakkwistaw, bi ħlas, fil-bidu ta’ perijodu ta' 12-il xahar, l-allokazzjoni mill-ġdid mill-awtoritajiet kompetenti jew minn korp innominat minn dik l-awtorità, ta’ kwantitajiet ta’ referenza rrilaxxata definittivament fit-tmiem tal-perjodu tat-12-il xahar preċedenti minn produtturi oħra minflok kumpens bi [ħlas] annwali wieħed jew aktar ekwivalenti għall-pagament imsemmi hawn fuq;
[…]
(e) jawtorizzaw, b’applikazzjoni mill-produttur lejn l-awtorità kompetenti jew minn korp innominat minn dik l-awtorità, it-trasferiment definittiv tal-kwantitajiet ta’ referenza mingħajr it-trasferiment korrispondenti ta’ l-art, jew viċe versa, bl-għan li tittejjeb l-istruttura tal-produzzjoni tal-ħalib għal-livell tal-qasam jew li titħalla l-estenzjoni tal-produzzjoni.
[…]”
8 L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 3950/92 jipprovdi li:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, wieħed jifhem bil-kelma:
[…]
(ċ) “produttur”: negozjant agrikolu, persuna fiżika jew ġuridika jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-impriża tagħhom tinsab fi ħdan it-territorju ġeografiku ta’ Stat Membru:
– li jbigħ ħalib jew prodotti oħra tal-ħalib direttament lill-konsumatur
u/jew
– li jipprovdi l-kunsinna lix-xerrej;
[…]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
9 Is-sistema ta’ trasferiment tal-kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna ta’ ħalib jew ta’ prodotti tal-ħalib hija rregolata mid-deċiżjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ l-imposti addizzjonali (Zusatzabgabenverordnung) tat-12 ta’ Jannar 2000 (BGB1 2000 I, p. 27, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ZAV”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2000.
10 Skond id-deċiżjoni ZAV, il-kwantità ta’ referenza tista’, bħala prinċipju, tinbiegħ biss fi tliet dati kull sena, jiġifieri fl-1 ta’ April, fl-1 ta’ Lulju jew fit-30 ta’ Ottubru, permezz ta’ uffiċċji tal-bejgħ ta’ l-Istat, skond proċedura ddefinita sew li ma tiħux in kunsiderazzjoni l-wiċċ ta’ l-artijiet li jaqgħu taħt impriża fis-settur tal-ħalib.
11 Peress li l-kuntratt ta’ qbiela fil-kawża prinċipali ġie konkluż qabel l-1 ta’ April 2000, l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament rigward il-kwantità ta’ ħalib iggarantit (Milchgarantiemengenverordnung), tal-25 ta’ Mejju 1984 (BGB1. 1984 I, p. 720), kif emendata mit-tlieta u tletin regolament li jemenda tal-25 ta’ Marzu 1996 (BGB1 1996 I, p. 535), huwa applikabbli premezz ta’ l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 12(2) tad-deċiżjoni ZAV. Skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament rigward il-kwantità ta’ ħalib iggarantit, il-kwantità ta’ referenza għandha tingħata lura lis-sid ta’ l-art fil-każ li l-kuntratt ta’ qbiela jiskadi.
12 Ladarba kwantità ta’ referenza tiġi ttrasferita lis-sid ta’ l-art li ma jistax jiġi kkwalifikat bħala produttur, l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 12(2) tad-deċiżjoni ZAV timponi li 33 % ta’ din il-kwantità tinġabar favur ir-riżerva tal-Land.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 Fl-1974, il-predeċessur ta’ M. Otten ikkonkluda kuntratt ta’ qbiela għal żmien indeterminat ma’ J. Kück għal finijiet ta’ produzzjoni ta’ ħalib, fuq artijiet li l-wiċċ tagħhom huwa ta’ 4 1862 ettaru.
14 Fl-1984, fil-kuntest ta’ l-introduzzjoni tas-sistema ta’ imposti addizjonali fuq il-produtturi tal-ħalib li jaqbżu l-kwantità ta’ referenza attribwita lilhom, il-predeċessur ta’ M. Otten ġie għaldaqstant allokat ċerta kwantità ta’ referenza b’konnessjoni ma din l-art mikrija għall-produzzjoni tal-ħalib.
15 Fis-sena 2000, M.M Otten u Kück temmew il-kuntratt ta’ kiri li kien jorbothom b’effett mill-1 ta’ Jannar 2001. L-użu ta’ din l-art reġa għaldaqstant ġie f’idejn
J. Kück f’din l-istess data.
16 Fuq talba ta’ J. Kück, il-Landwirtschaftskammer Hannover (Kamra ta’ l-agrikoltura ta’ Hanover) ikkonfermat, b’deċiżjoni amministrattiva ta’ l-14 ta’ Frar 2001, emendata fis-27 ta’ April 2001, lil J. Kück, li kwantità ta’ referenza ta’
9 315 kg ġiet ittrasferita lilu. Hija ddeċidiet ukoll li kwantità ta’ referenza ta’
4 588 kg inġabret biex tiġi miżjuda mar-riżerva tal-Land minħabba li J. Kück ma kienx produttur.
17 M. Otten ippreżenta rikors lil awtorità amministrattiva superjuri kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud mil-Landwirtschaftskammer Hannover.
18 M. Otten għaldaqstant ippreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Stade (it-tribunal amministrattiv tal-belt) li annulla dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi.
19 B’sentenza tas-16 ta’ Marzu 2005, in-Niedersächsisches Oberverwaltungsgericht (tribunal amministrattiv superjuri ta’ Niedersachsen) ċaħad l-appell imressaq mil-Landwirtschaftskammer Niedersachsen. In-Niedersächsisches Oberverwaltungsgericht qies li ladarba qbiela bbażata fuq użu għall-produzzjoni tal-ħalib tintemm, il-kwantità ta’ referenza korrispondenti tingħata lura lis-sid ta’ l-art biss jekk ikun huwa stess il-produttur jew jekk jittrasferixxi immedjatament l-artijiet lil produttur ieħor.
20 Il-Landwirtschaftskammer Niedersachsen ippreżenta rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesverwaltungsgericht.
21 Dan ta’ l-aħħar qies li, skond l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002, Thomsen (C-401/99, Ġabra p. I-5775), akkwist ta’ tranżizzjoni minn sid ta’ art li ma jistax jiġi kkwalifikat bħala produttur huwa dejjem possibbli safejn, minn naħa, dan l-akkwist ikun temporanju u meħtieġ taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali u, min-naħa l-oħra, dan iwassal għal ċessjoni mill-ġdid tal-qbiela lil kerrej ieħor li jkollu l-kwalifika ta’ produttur. Ir-riżultat finali ta’ dawn iż-żewġ trasferimenti, skond l-interpretazzjoni ta’ l-imsemmija sentenza mogħtija mill-qorti tar-rinviju, titqies li hija operazzjoni waħda ta’ trasferiment tal-kwantità ta’ referenza ta’ produttur lil produttur ieħor (sentenza Thomsen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
22 Din l-interpretazzjoni għandha tiġi applikata wkoll fil-konfront tal-kawża prinċipali, fejn it-trasferiment ta’ l-artijiet huwa, fil-kuntest tat-tieni operazzjoni ta’ trasferiment u skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida, distint mit-trasferiment tal-kwantitajiet ta’ referenza.
23 Barra minn hekk, skond din l-interpretazzjoni, il-kwantitajiet ta’ referenza jintużaw għal raġunijiet ta’ produzzjoni jew ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib b’mod li s-sid ta’ l-art li mhuwiex produttur ma jistax jikseb vantaġġi purament finanzjarji billi jgawdi mill-valur fis-suq ta’ dawn il-kwantitajiet (sentenzi ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002, Mulligan et, C-313/99, Ġabra p. I-5719, punt 30, u Thomsen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll, fl-istess sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et, C-292/97, Ġabra p. I-2737, punt 57).
24 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċieda li jissospendi d-deċiżjoni u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3950/92 għandu jiġi interpretat, […] fis-sens li, malli tiskadi qbiela li tirrigwarda impriża tal-ħalib jew fuq artijiet użati għall-produzzjoni tal-ħalib, il-kwantitajiet ta’ referenza li jiġu magħha jistgħu saħansitra jingħataw lura lis-sid ta’ l-art fil-każ fejn dan mhuwiex u ma jkunx ser isir produttur, iżda jittrasferixxi, permezz ta’ uffiċċju ta’ bejgħ ta’ l-Istat, il-kwantità ta’ referenza fl-iqsar żmien lil persuna oħra li għandha din il-kwalità?”
Fuq id-domanda preliminari
25 Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3950/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li, malli tiskadi qbiela li tirrigwarda impriża tal-ħalib, il-kwantità ta’ referenza li tiġi magħha tistax tingħata lura lis-sid ta’ l-art safejn dan, li mhuwiex produttur u m'għandux l-intenzjoni li jsir produttur, jittrasferixxi, permezz ta’ uffiċċju ta’ bejgħ ta’ l-Istat, l-imsemmija kwantità fl-iqsar żmien possibbli lil persuna oħra li għandha din il-kwalità.
26 Għandu jiġi fuq kollox imfakkar li jirriżulta mill-kuntest ġenerali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward ta’ l-imposta addizzjonali fuq il-ħalib li kwantità ta’ referenza tista’ bħala regola tiġi attribwita lil impriża agrikola biss sakemm din ikollha l-kwalità ta’ produttur (ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Kibler, C-275/05, Ġabra p. I-10569, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Fil-fatt, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3950/92, malli tiskadi qbiela li tirrigwarda impriża tal-ħalib, il-kwantità ta’ referenza marbuta magħha tista’, bħala prinċipju, tingħata lura kompletament jew parzjalment lis-sid ta’ l-art biss ladarba jkollu l-kwalità ta’ produttur skond l-Artikolu 9(c) ta’ l-imsemmi Regolament (sentenza Thomsen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).
28 Taħt dawn il-kundizzjonijiet, akkwist tranżitorju tal-kwantità ta’ referenza minn sid ta’ l-art li m’għandux il-kwalità ta’ produttur jista’, fir-rigward tad-dritt Komunitarju, jiġi ammess biss sakemm dan ikun neċessarju u għall-iqsar żmien possibbli (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Thomsen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
29 Issa, din l-interpretazzjoni tgħodd għall-kawża prinċipali. Fl-ewwel lok, jirriżulta mis-sitt premessa tar-Regolament Nru 1256/1999 li l-Istati Membri jistgħu jorganizzaw it-trasferiment tal-kwantità ta’ referenza b’metodi oħra li mhumiex permezz ta’ tranżazzjonijiet individwali bejn produtturi. Fit-tieni lok, jirriżulta mill-punt 43 tas-sentenza Thomsen, iċċitata iktar ’il fuq, li l-attribuzzjoni tranżitorja tal-kwantità ta’ referenza għal perjodu twil ta’ żmien lil sidien ta’ l-art li m’għandhomx l-intenzjoni li jsiru produtturi tmur kontra, minn naħa, il-kuntest ġenerali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar imposti addizzjonali fuq il-ħalib u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju li kwantità ta’ referenza m’għandhiex tiġi attribwita lil impriża agrikola li m’għandhiex il-kwalità ta’ produttur tal-ħalib.
30 Iċ-ċirkustanza li, fil-kawża prinċipali, it-trasferiment tal-kwantità ta’ referenza mhuwiex konness mat-trasferiment ta’ l-impriża, ma taffettwax l-imsemmija interpretazzjoni.
31 Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk kwantità ta’ referenza, bħala prinċipju, tiġi ttrasferita biss bit-trasferiment ta’ l-impriża li tkun marbuta magħha, bil-kundizzjoni li dan it-trasferiment jirrispetta l-forom u l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3950/92, iktar u iktar kwantità ta’ referenza tista’ tiġi ttrasferita mingħajr l-impriżi fil-każ ta’ derogi previsti mid-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mulligan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-Artikolu 8 (b) u (e) tar-Regolament Nru 3950/92 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw waħedhom jew konġuntament waħda jew iktar mill-miżuri elenkati, iżda ma tawtorizzahomx jipprovdu tipi ġodda ta’ dispożizzjonijiet f’dan il-qasam (sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-173/02, Ġabra p. I-9735, punt 26).
33 Fil-fatt, l-Istati Membri jistgħu, skond l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 3950/92, u sabiex timxi sew ir-ristrutturazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib jew it-titjib ambjentali, jiddeterminaw abbażi ta’ kriterji oġġettivi l-kundizzjonijiet li bihom il-produtturi jistgħu jiksbu fil-bidu ta’ perijodu ta’ tnax-il xahar, taħt ħlas, l-allokazzjoni mill-ġdid mill-awtorità kompetenti jew mill-organu li hija tagħżel, tal-kwantitajiet ta’ referenza meħlusa definittivament minn produtturi oħra fl-aħħar tal-perijodu ta’ tnax-il xahar preċedenti.
34 Skond l-Artikolu 8(e) tar-Regolament Nru 3950/92, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ukoll, fuq talba tal-produttur lill-awtorità kompetenti jew lill-organu li huwa jagħżel, it-trasferiment definittiv ta’ kwantità ta’ referenza mingħajr l-impriża korrispondenti.
35 Isegwi li l-leġiżlatur Komunitarju ppreveda l-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ kwantità ta’ referenza, permezz ta’ organu ta’ l-Istat tal-bejgħ, lil produttur, mingħajr ma tiġi ttrasferita l-impriża marbuta magħha.
36 L-interpretazzjoni ta’ qabel mhijiex ikkontestata mill-punti 42 u 43 tas-sentenza Thomsen, iċċitata iktar ’il fuq, rigward trasferiment ta’ kwantitajiet ta’ referenza filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni l-wiċċ ta’ l-art li jaqa’ taħt l-impriża agrikola, b’mod li ma jirriżultax mill-imsemmija sentenza li s-sid ta’ l-art ma setax jittrasferixxi l-kwantità ta’ referenza lil produttur ieħor mingħajr ma tkun marbuta magħha l-impriża, permezz ta’ organu ta’ l-Istat tal-bejgħ, u dan fl-iqsar żmien possibbli wara li jiskadi l-kuntratt ta’ qbiela.
37 Iċ-ċirkustanza li, fil-kawża prinċipali, il-kwantità ta’ referenza marbuta ma’ impriża tal-ħalib tingħata lura temporanjament lis-sid ta’ l-art li m’għandux il-kwalità ta’ produttur mhijiex determinanti sakemm din is-sitwazzjoni mhijiex għal żmien twil u l-kwantità ta’ referenza in kwistjoni tiġi ttrasferita fl-iqsar żmien possibbli lil persuna oħra li effettivament ikollha l-kwalità ta’ produttur.
38 Għaldaqstant, akkwist tranżitorju ta’ kwantità ta’ referenza marbuta ma’ impriża minn sid ta’ art li m’għandux il-kwalità ta’ produttur sabiex jittrasferiha lil uffiċċju ta’ bejgħ ta’ l-Istat tal-kwantità ta’ referenza sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tbiegħha fl-iqsar żmien possibbli lil produtturi, m’għandux jitqies li jmur kontra l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3950/92.
39 Din l-interpretazzjoni hija inizjalment kompatibbli ma’ l-għan prinċipali ta’ l-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament Nru 3950/92, li tgħid li l-kwantità ta’ referenza m’għandhiex tingħata lil persuni li jixtiequ jiksbu vantaġġ purament finanzjarju minn din l-allokazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thomsen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).
40 Fid-dawl ta’ kull ma ntqal, id-domanda magħmula għandha tiġi mwieġba billi jingħad li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3950/92 għandhu jiġi interpretat fis-sens li, malli tiskadi qbiela li tirrigwarda impriża tal-ħalib, il-kwantità ta’ referenza marbuta magħha tista’ tingħata lura lis-sid ta’ l-art sakemm huwa, li ma jkunx produttur u m’għandux l-intenzjoni li jsir produttur, jittrasferixxi permezz ta’ uffiċċju ta’ bejgħ ta’ l-Istat, din il-kwantità fl-iqsar żmien possibbli lil persuna oħra li jkollha din il-kwalità.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 tat-28 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi imposti addizzjonali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tiskadi qbiela li tirrigwarda impriża tal-ħalib, il-kwantità ta’ referenza marbuta magħha tista’ tingħata lura lis-sid ta’ l-art sakemm huwa, li ma jkunx produttur u m’għandux l-intenzjoni li jsir produttur, jittrasferixxi permezz ta’ uffiċċju ta’ bejgħ ta’ l-Istat, din il-kwantità fl-iqsar żmien possibbli lil persuna oħra li jkollha din il-kwalità.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy