Kawża C-285/06
Heinrich Stefan Schneider
vs
Land Rheinland-Pfalz
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)
“Agrikoltura — Regolamenti (KE) Nru 1493/1999 u 753/2002 — Organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid — Deskrizzjoni, denominazzjoni, preżentazzjoni u protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur ta’ l-inbid — Protezzjoni tat-termini tradizzjonali — Traduzzjoni f’lingwa oħra — Użu għal inbejjed li joriġinaw minn Stat Membru produttur ieħor”
Sommarju tas-sentenza
1. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Inbid — Deskrizzjoni u preżentazzjoni ta’ l-inbejjed — Regolamenti Nru 1493/1999 u Nru 753/2002
(Regolament tal-Kunsill Nru 1493/1999, Artikolu 47(2)(c), u Anness VII(B), il-ħames inċiż tal-punt 1(b), u punt 3; Regolament tal-Kummissjoni Nru 753/2002, Artikoli 6(1) u 23)
2. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Inbid — Deskrizzjoni u preżentazzjoni ta’ l-inbejjed — Regolamenti Nru 1493/1999 u Nru 753/2002
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 753/2002, Artikolu 24(2)(a) u Anness III)
3. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Inbid — Deskrizzjoni u preżentazzjoni ta’ l-inbejjed — Regolamenti Nru 1493/1999 u Nru 753/2002
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 753/2002, Artikolu 24(2) u Anness III)
1. L-Artikolu 47(2)(c) tar-Regolament Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, moqri flimkien mal-punt 3 ta’ l-Anness VII(B) ta’ dan ir-regolament u ma’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 753/2002, li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni ta’ l-oriġini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur ta’ l-inbid, kif emendat mir-Regolament Nru 1512/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ dettall dwar metodu ta’ produzzjoni jew ta’ xjuħija jew skond il-każ dwar il-kwalità ta’ l-inbid huwa awtorizzat biss skond dawn id-dispożizzjonijiet jekk dan id-dettall ma joħloqx, għall-persuni li lilhom ikun indirizzat, riskju ta’ konfużjoni bejn l-imsemmi dettall u t-termini addizzjonali tradizzjonali previsti fl-imsemmi mal-punt 1(b) ta’ l-Anness VII(B) u fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 753/2002 . Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk it-termini in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux iwasslu għal tali riskju.
(ara l-punti 28, 29, 31, 32 u d-dispożittiv 1)
2. L-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Nru 753/2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni ta’ l-oriġini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur ta’ l-inbid, kif emendat bir-Regolament Nru 1512/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun hemm imitazzjoni jew evokazzjoni ta’ terminu tradizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta dan it-terminu jiġi tradott f’lingwa oħra barra dik li fiha tali terminu huwa indikat fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, peress li tali traduzzjoni hija ta’ natura li toħloq konfużjoni jew twassal sabiex tiżgwida lill-persuni li lilhom ikun indirizzat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dan huwiex il-każ fil-kawża mressqa quddiemha.
(ara l-punti 39, 43, 44 u d-dispożittiv 2)
3. L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 753/2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni ta’ l-oriġini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur ta’ l-inbid, kif emendat bir-Regolament Nru 1512/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li terminu tradizzjonali elenkat fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament huwa protett kemm safejn huma kkonċernati l-inbejjed ta’ l-istess kategorija jew kategoriji ġejjin mill-istess Stat Membru ta’ produzzjoni bħal dak ta’ dan it-terminu tradizzjonali, kemm safejn huma kkonċernati l-inbejjed ta’ l-istess kategorija jew kategoriji li ġejjin minn Stati Membri oħra ta’ produzzjoni.
(ara l-punti 53, 55, 56, 58 u d-dispożittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
13 ta’ Marzu 2008(*)
“Agrikoltura — Regolamenti (KE) Nru 1493/1999 u 753/2002 — Organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid — Deskrizzjoni, denominazzjoni, preżentazzjoni u protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur ta’ l-inbid — Protezzjoni tat-termini tradizzjonali — Traduzzjoni f’lingwa oħra — Użu għal inbejjed li joriġinaw minn Stat Membru produttur ieħor”
Fil-kawża C‑285/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2006, fil-proċedura
Heinrich Stefan Schneider,
vs
Land Rheinland-Pfalz,
fil-preżenza ta’:
Vertreterin des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, G. Arestis, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2007,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal M. Schneider, minn H. Böckel u H. Uhlmann, Rechtsanwälte,
– għal-Land Rheinland-Pfalz, minn M. Justen u C. Pause, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn S. Charitaki u S. Papaioannou, bħala aġenti,
– għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Jimeno Fernández u F. Erlbacher, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid (ĠU L 179, p. 1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad-29 ta’ April 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni ta’ l-oriġini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur ta’ l-inbid (ĠU L 118, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1512/2005, tal-15 ta’ Settembru 2005 (ĠU L 241, p. 15, iktar’il quddiem ir-“Regolament Nru 753/2002”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn H. Schneider u l-Land Rheinland-Pfalz (Land tar-Renanja-Palatinat) dwar l-użu tat-termini tradizzjonali “Réserve”, “Grande Réserve”, “Reserve” u “Privat-Reserve”għall-bejgħ ta’ l-inbid.
Kuntest Ġuridiku
Ir-Regolament Nru 1493/1999
3 Il-ħamsin premessa tar-Regolament Nru 1493/1999 tipprovdi kif ġej :
“Id-deskrizzjoni, disinjazzjoni u presentazzjoni ta’ prodotti koperti b’dan ir-Regolament jista’ jkollhom effetti sinifikanti dwar il-kummerċjabbiltà tagħhom fis-suq; dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi regoli f’dan ir-rigward li jieħdu akkont ta’ l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u l-produtturi u li jippromwovu l-ħidma mingħajr skossi tas-suq intern u l-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità; il-prinċipji fundamentali ta’ dawn ir-regoli għandhom jipprovdu għall-użu obbligatorju ta’ ċerti termini u l-użu voluntarju ta’ informazzjoni oħra fuq il-bażi ta’ regoli Komunitarji jew soġġetti għal regoli dwar il-prevenzjoni ta’ prattiċi qarrieqa. Id-deskrizzjoni, disinjazzjoni u presentazzjoni ta’ prodotti koperti b’dan ir-Regolament jista’ jkollhom effetti sinifikanti dwar il-kummerċjabbiltà tagħhom fis-suq; dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi regoli f’dan ir-rigward li jieħdu akkont ta’ l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u l-produtturi u li jippromwovu l-ħidma mingħajr skossi tas-suq intern u l-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità; il-prinċipji fundamentali ta’ dawn ir-regoli għandhom jipprovdu għall-użu obbligatorju ta’ ċerti termini u l-użu voluntarju ta’ informazzjoni oħra fuq il-bażi ta’ regoli Komunitarji jew soġġetti għal regoli dwar il-prevenzjoni ta’ prattiċi qarrieqa.”
4 L-Artikolu 47(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi :
“1. Ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mad-deskrizzjoni, mad-disinjazzjoni u mal-presentazzjoni ta’ ċerti prodotti koperti minn dan ir-Regolament, u l-protezzjoni ta’ ċerti dettalji u t-termini jinsabu f’dan il-Kapitolu u fl-Annessi VII u VIII. Ir-regoli għandhom jieħdu in konsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-objettivi li ġejjin:
a) il-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi tal-konsumaturi;
b) il-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi tal-produtturi;
ċ) il-ħidma mingħajr skossi tas-suq intern:
d) il-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità.
2. Ir-regoli li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet li:
a) jagħmlu l-użu ta’ ċertu termini obbligatorji;
b) jippermettu l-użu ta’ ċertu termini, soġġetti għal kondizzjonijiet;
ċ) jippermettu l-użu ta’ termini oħrajn, inkluża l-informazzjoni li tista’ tkun utili għall-konsumaturi;
(d) jirregolaw l-arranġamenti tal-protezzjoni u l-kontroll ta’ ċerti termini;
(e) jirregolaw l-użu ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u t-termini tradizzjonali;
[…]”
5 L-Artikolu 48 ta’ l-istess Regolament jipprovdi :
“Id-deskrizzjoni u l-presentazjoni tal-prodotti li hemm referenza dwarhom f’dan ir-Regolament, u kull forma ta’ riklamar ta’ dawn il-prodotti, ma tistax tkun inkorretta jew li aktarx li toħloq konfużjoni jew timmisgwida lill-persuni li lejhom ikunu indirizzati, partikolarment fir-rigward ta’:
– l-informazzjoni li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 47. Dan għandu japplika anki jekk l-informazzjoni tintuża fi traduzzjoni jew b’referenza għall-provenjenza attwali jew b’żidiet bħal ‘xorta’, ‘tip’, ‘stil’, ‘imitazzjoni’, ‘marka’ jew oħrajn bħal dawn
[…]”
6 L-Anness VII(B) ta’ l-istess regolament jgħid taħt it-titolu “Dettalji voluntarji” :
“1. L-ittikkettar tal-prodotti miksuba fil-Komunità jista’ jkun issupplimentat bid-dettalji li ġejjin, skond il-kondizzjonijiet li għandhom ikunu ddeterminati:
[…]
b) fil-każ ta’ l-inbejjed tal-mejda b’indikazzjoni ġeografika u l-inbejjed ta’ kwalità psr [produzzjoni ta’ inbid ta’ kwalità f’reġjuni speċifikati]
[…]
– kliem tradizzjonali ieħor [termini tradizzjonali oħrajn] bi qbil mad-disposizzjonijiet stipulati mill-Istat Membru tal-produzzjoni,
[…]
3. Fil-każ tal-prodotti li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 tal-punt A, l-ittikkettjar jista’ jkun issupplimentat b’dettalji oħrajn.
[…]”
Ir-Regolament Nru 753/2002
7 Skond ir-raba’ u t-tmintax-il premess tar-Regolament Nru 753/2002 :
“Dan ir-Regolament għandu jkun konformi ma’ l-objettivi tal-protezzjoni ta’ l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u l-produtturi, jassigura l-operat mingħajr xkiel tas-suq intern u jippromwovi l-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità kif stabbilit fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament [...] 1493/1999 [...].
[…]
L-użu u r-regolament ta’ ċerti termini (apparti d-designazzjoni ta’ l-oriġini) sabiex jiddeskrivu prodotti fis-settur ta’ l-inbid hija prattika stabbilita fit-tul fil-Komunità. Espressjonijiet tradizzjonali bħal dawn jistgħu joħolqu fl-imħuħ tal-konsumaturi produzzjoni jew metodu ta’ xjuħija jew kwalità, kulur jew tip ta’ l-inbid jew ġrajja partikolari magħquda ma’ l-istorja ta’ l-inbid. Sabiex tkun assigurata kompetizzjoni imparzjali u biex jiġi evitat li jkunu żgwidati l-konsumaturi, struttura komuni għandha tkun stabbilita biex ikunu rreġistrati u protetti espressjonijiet tradizzjonali bħal dawn. L-użu u r-regolament ta’ ċerti termini (apparti d-designazzjoni ta’ l-oriġini) sabiex jiddeskrivu prodotti fis-settur ta’ l-inbid hija prattika stabbilita fit-tul fil-Komunità. Espressjonijiet tradizzjonali bħal dawn jistgħu joħolqu fl-imħuħ tal-konsumaturi produzzjoni jew metodu ta’ xjuħija jew kwalità, kulur jew tip ta’ l-inbid jew ġrajja partikolari magħquda ma’ l-istorja ta’ l-inbid. Sabiex tkun assigurata kompetizzjoni imparzjali u biex jiġi evitat li jkunu żgwidati l-konsumaturi, struttura komuni għandha tkun stabbilita biex ikunu rreġistrati u protetti espressjonijiet tradizzjonali bħal dawn.”
8 L-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Regoli komuni għall-partikolaritajiet kollha fuq it-tikkettjar”, jipprovdi :
“1. Għall-iskopijiet ta’ l-Anness VII(B)(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, it-tikkettjar tal-prodotti koperti minn dak l-Anness jistgħu jkunu ssupplimentati minn partikolaritajiet oħra basta iżda li ma jkunx hemm riskju li l-partikolaritajiet bħal dawn jistgħu jiżgwidaw lil dawk li lejhom huma indirizzati, partikolarment billi joħolqu konfużjoni mal-partikolaritajiet obligatorji li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu A(1) jew il-partikolaritajiet volunraji li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu B ta’ dak l-Anness.
2. Fil-każ tal-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Anness VII(B)(3) tar-Regolament […] Nru 1493/1999, l-awtorità nnominata permezz ta’ l-Artikolu 72(1) tiegħu tista’, basta iżda li taġixxi b’ konformità mar-regoli proċedurali ġenerali adottati mill-Istati Membri, teħtieġ li l-bottiljaturi, il-konsinjaturi jew l-importaturi li jipprovdu prova ta’ l-eżattezza tal-kliem użat għad-deskrizzjoni kif jirrrigwardja n-natura, l-identità, il-kwalità, il-komposizzjoni, l-oriġini jew is-sorsi tal-prodott ikkonċernat jew il-prodotti użati għall-produzzjoni tiegħu.
[…]”
9 L-Artikolu 23 ta’ l-imsemmi Regolament, intitolat “Definizzjoni ta’ “termini tradizzjonali oħrajn”, jgħid kif ġej :
“Għall-iskopijiet tal-ħames inċiż tal-punt 1(b) ta’ l-Anness VII(B) tar-Regolament Nru 1493/1999, "termini tradizzjonali oħrajn" tfisser termini addizzjonali tradizzjonali użati fl-Istati Membri produtturi biex jinnominaw, fil-każ ta’ l-inbejjed li hemm referenza dwarhom f’dan it-Titolu, il-produzzjoni jew il-metodu tax-xjuħija jew il-kwalità, il-kulur, it-tip ta’ post, jew xi ġrajja partikolari marbuta ma’ l-istorja ta’ l-inbid ikkonċernat u definita f’leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru għall-iskopijiet tad-deskrizzjoni ta’ l-inbid ikkonċernat li joriġina fit-territorju tiegħu.”
10 L-Artikolu 24 ta’ l-istess Regolament, intitolat “Protezzjoni tat-termini tradizzjonali”, jipprovdi:
“1. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘termini tradizzjonali’ tfisser termini addizzjonali tradizzjonali li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 23, it-termini li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 28 u t-termini speċifiċi tradizzjonali li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 14(1), l-ewwel subparagrafu, punt (c), l-Artikolu 29 u l-Artikolu 38(3).
2. It-termini tradizzjonali elenkati fl-Anness III għandhom ikunu rriservati għall-inbejjed li magħhom huma marbuta u għandhom ikunu protetti kontra:
a) l-użu ħażin, il-limitazzjoni jew l-evokazzjoni kollha, anke jekk it-terminu protett huwa akkompanjat minn espressjoni bħal ma hi ‘kwalità’, ‘tip’, ‘stil’, ‘imitazzjoni’, ‘taħlita’ jew simili;
b) xi indikazzjoni oħra mhux meħtieġa, falza jew qarrieqa f’dak li hi n-natura jew il-kwalitajiet essenzjali ta’ l-inbid fuq il-pakkeġġar ta’ ġewwa jew ta’ barra, fil-materjal tal-pubbliċita jew xi dokumenti li għandhom x’jaqsmu miegħu;
ċ) xi prattika oħra li tista’ tisgwida l-pubbliku, partikolarment biex tagħti l-impressjoni li l-inbid jikkwalifika għat-terminu tradizzjonali protett.
3. Marki ta’ kummerċ użati biex jiddeskrivu l-inbid fuq it-tikkettjar tiegħu ma jistgħux ikun fihom termini tradizzjonali elenkati fl-Anness III kemm-il darba l-inbid jikkwalifika għal terminu tradizzjonali bħal dan.
[…]
4. […]
Il-protezzjoni ta’ terminu tradizzjonali għandha tgħodd biss għal lingwa(i) li fih jidher fl-Anness III.
Kull terminu tradizzjonali elenkat fl-Anness III għandu jingħaqad ma’ wieħed jew aktar tal-kategoriji ta’ l-inbid. Dawn il-kategoriji huma:
a) l-inbejjed psr likuri ta’ kwalità u l-inbejjed likuri b’indikazzjoni ġeografika; f’dan il-każ il-protezzjoni tat-terminu tradizzjonali għandu jgħodd biss għan-nomina ta’ l-inbejjed likuri;
(b) l-inbejjed psr ta’ kwalità frizzanti (inklużi nbejjed psr ta’ kwalità frizzanti tat-tip aromatiku); f’dan il-każ il-protezzjoni tat-terminu tradizzjonali għandu jgħodd biss għan-nomina ta’ l-inbejjed frizzanti u l-inbejjed frizzanti bil-gass;
ċ) l-inbejjed psr ta’ kwalità semi frizzanti u l-inbejjed semi frizzanti b’indikazzjoni ġeografika; f’dan il-każ il-protezzjoni tat-terminu tradizzjonali għandha tgħodd biss għan-nomina ta’ l-inbejjed semi frizzanti u l-inbejjed semi frizzanti bil-gass;
d) l-inbejjed psr ta’ kwalità mhux koperti minn (a), (b) jew (ċ) msemmija hawn fuq u l-inbejjed tal-mejda b’indikazzjoni ġeografika; f’dan il-każ il-protezzjoni tat-terminu tradizzjonali għandu jgħodd biss għan-nomina ta’ l-inbejjed l-oħra għajr l-inbejjed likuri, l-inbejjed frizzanti, l-inbejjed frizzanti bil-gass, l-inbejjed semi frizzanti u l-inbejjed semi frizzanti bil-gass;
e) il-masti ta’ l-għeneb fil-fermentazzjoni intiżi għall-konsum uman dirett b’indikazzjoni ġeografika; f’dan il-każ il-protezzjoni tat-terminu tradizzjonali għandu jgħodd biss għan-nomina tal-masti ta’ l-għeneb fil-fermentazzjoni;
f) l-inbid ta’ l-għeneb misjur iżżejjed b’indikazzjoni ġeografika; f’dan il-każ il-protezzjoni tat-terminu tradizzjonali għandu jgħodd biss għan-nomina ta’ l-inbid ta’ l-għeneb misjur iżżejjed;
5. Biex jikkwalifika sabiex jiġi inkluż fl-Anness III(A), it-terminu tradizzjonali għandu:
a) ikun speċifiku fih innifsu u preċiżament definit fil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru;
b) ikun distintiv biżżejjed u/jew igawdi reputazzjoni stabbilita fis-suq tal-Komunità;
ċ) ikun ġie użat tradizzjonalment għal mill-anqas 10 snin fl-Istat Membru msemmi;
(d) ikun użat għall-inbid tal-Komunità jew għall-kategoriji ta’ l-inbid tal-Komunità, wieħed jew aktar minn wieħed.
[…]
L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni:
a) il-fatti li jiġġustifikaw l-għarfien ta’ kull terminu;
b) it-termini tradizzjonali inklużi fil-leġislazzjoni tagħhom li jilħqu l-ħtiġiet imsemmija hawn fuq u l-inbejjed għal liema huma riservati;
ċ) xi termini tradizzjonali li jiefqu milli ikunu protetti fil-pajjiż ta’ l-oriġini.
[…]”
11 L-Anness III tar-Regolament Nru 753/2002 fih il-lista tat-termini tradizzjonali previsti fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament. F’dan l-Anness jidhru, b’mod partikolari:
– għall-Greċja, it-termini bil-Grieg “Ειδικά Επιλεγμένος (Grande réserve)”, “Επιλογή ή Επιλεγμένος (Réserve)” u “Παλαιωθείς επιλεγμένος (Vieille réserve)”,
– għal Spanja, it-termini bl-Ispanjol “Gran Reserva” u “Reserva”,
– għall-Italja, it-terminu bit-Taljan “Riserva”,
– għall-Awstrija, it-terminu bil-Ġermaniż “Reserve”,
– għall-Portugall, it-termini bil-Portugiż “Reserva”, “Reserva velha” (jew “grande reserva”) u “Super reserva”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 H. Schneider huwa proprjetarju ta’ impriża ta’ l-inbid fil-Land tar-Renanja-Palatinat, imniżżla fir-reġistru tal-kummerċ bl-isem kummerċjali “Consulat des Weins”.
13 Waqt spezzjoni li saret fix-xahar ta’ Novembru 2002, ġie stabbilit li
H. Schneider kien jipproduċi tmien tipi ta’ nbid li t-tikketti tagħhom kellhom l-isem kummerċjali tiegħu kif ukoll it-termini “Grande Réserve” għal żewġ inbejjed ta’ prezz ogħla, “Réserve” għal erbgħa nbejjed ta’ prezz medju, u “Terroir” jew “Terroir Palatinat” għal żewġ inbejjed fil-kategorija ta’ prezz inqas għoli.
14 B’deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2002, l-Aufsichts-und Dienstleistungsdirektion Trier ipprojbixxiet lil H. Schneider milli jbigħ l-inbejjed in kwistjoni taħt it-termini tal-lingwa Franċiża “Réserve” u “Grande Réserve”.
15 B’deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2003, l-Aufsichts-und Dienstleistungsdirektion Trier ċaħdet l-ilment ta’ H. Schneider li permezz tiegħu qal li kien lest li jagħmel użu, minnflok ta’ l-imsemmija termini, ta’ termini fil-lingwa Ġermaniża “Reserve” jew “Privat-Reserve” u indikat, f’komunikazzjoni tal-21 ta’ Mejju 2003, li lanqas it-terminu “Privat-Reserve” ma seta’ jiġi aċċettat.
16 B’deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2004, il-Verwaltungsgericht Neustadt an der Weinstraβe ċaħdet ir-rikors imressaq minn H. Schneider kontra dawn id-deċiżjonijiet.
17 Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Settembru 2004, l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz ċaħdet l-appell imressaq minn H. Schneider minn din id-deċiżjoni.
18 Għaldaqstant, H. Schneider ressaq talba ta’ “Reviżjoni”quddiem il-qorti tar-rinviju.
19 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 47(2)(b) u (ċ), moqri flimkien mal-ħames inċiż tal-punti 1(b) u 3 ta’ l-Anness VII(B) tar-Regolament [...] Nru 1493/1999 u ma’ l-Artikolu 23 tar-Regolament [...] Nru 753/2002, għandu jiġi interpretat fis-sens li dettall dwar metodu ta’ produzzjoni jew ta’ xjuħija jew skond il-każ dwar il-kwalità ta’ l-inbid huwa awtorizzat biss bħala dettall fakultattiv irregolat mill-ħames inċiż tal-punt 1(b) ta’ l-Anness VII(B) tar-Regolament [...] Nru 1493/1999 taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt kif ukoll fl-Artikolu 23 tar-Regolament [...] Nru 753/2002 u mhux bħala dettall ieħor fis-sens tal-punt 3 ta’ l-Anness VII(B) tar-Regolament [...] Nru 1493/1999?
2) L-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament [...] Nru 753/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm imitazzjoni jew evokazzjoni biss jekk il-lingwa użata tkun l-istess bħal dik tat-termini tradizzjonali protetti?
3) L-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 753/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-termini tradizzjonali elenkati fl-Anness III huma protetti biss fir-rigward ta’ nbejjed li joriġinaw mill-istess Stat Membru produttur li minnu joriġina t-terminu tradizzjonali protett?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
20 Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk dettall dwar metodu ta’ produzzjoni jew ta’ xjuħija jew skond il-każ dwar il-kwalità ta’ l-inbid huwiex awtorizzat biss taħt l-Artikolu 47(2)(b) tar-Regolament Nru 1493/1999, moqri flimkient mal-ħames inċiż tal-punt 1(b) ta’ l-Anness VII(B) ta’ dan ir-regolament, u flimkien ma’ l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 753/2002 jew jekk l-użu ta’ tali dettall jistax ukoll jiġi awtorizzat skond l-imsemmi Artikolu 47(2)(c), moqri flimkien mal-punt 3 ta’ l-Anness VII(B).
21 L-Artikolu 47(2)(c) tar-Regolament Nru 1493/1999 jipprovdi r-regoli dwar id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni u l-protezzjoni tal-prodotti li jaqgħu taħt dan ir-regolament, kif ukoll għall-protezzjoni ta’ ċerti dettalji u termini u ta’ ċerti termini li jinkludu b’mod partikolari xi dispożizzjonijiet li jagħmlu l-użu ta’ ċerti termini obbligatorji (dettalji obbligatorji) u jippermettu l-użu ta’ ċerti termini, suġġetti għal kundizzjonijiet, kif ukoll ta’ termini oħra, inkluża l-informazzjoni li tista’ tkun utli għall-konsumaturi (dettalji fakultattivi).
22 F’dan ir-rigward, il-ħames inċiż tal-punt 1(b) ta’ l-Anness VII(B) ta’ l-imsemmi regolament jippreċiża li, fil-każ ta’ l-inbejjed tal-mejda b’indikazzjoni ġeografika u l-inbejjed ta’ kwalità psr, l-ittikkettar tal-prodotti miksuba fil-Komunità jista’ jkun issupplementat b’xi termini, skond il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ddeterminati u qbil mad-dispożizzjonijiet stipulati mill-Istat Membru tal-produzzjoni.
23 Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 753/2002 jiddefinixxi l-kunċett ta’ termini addizzjonali tradizzjonali.
24 Issa, jirriżulta mit-talba għal domanda preliminari li, skond il-qorti tar-rinviju, it-termini in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux termini addizzjonali tradizzjonali fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu 23 u tal-ħames inċiż tal-punt 1(b) ta’ l-Anness VII(B) tar-Regolament Nru 1493/1999, peress li dawn it-termini ma ġewx iddefiniti fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża.
25 Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-użu tat-termini in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi awtorizzat skond l-imsemmi mal-punt 1(b) ta’ l-Anness VII(B).
26 Skond din id-dispożizzjoni, l-ittikkettjar jista’ jiġi ssupplementat b’dettalji oħrajn.
27 Kif ukoll jirriżulta mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 753/2002, tali dettalji jistgħu jirrigwardaw in-natura, l-identità, il-kwalità, il-kompożizzjoni, l-oriġini jew is-sorsi tal-prodott ikkonċernat jew il-prodotti użati għall-produzzjoni tiegħu.
28 Madankollu, l-imsemmi Artikolu 6(1) jippreċiża li, jekk l-ittikkettjar jista’ jiġi ssupplementat minn dettalji oħrajn, huwa taħt il-kundizzjoni li ma jkunx hemm riskju li dawn id-dettalji jistgħu jiżgwidaw lil dawk li lejhom huma indirizzati, partikolarment billi joħolqu konfużjoni mad-dettalji obbligatorji msemmija fil-punt 1 ta’ l-Anness VII(A) tar-Regolament Nru 1493/1999, jew id-dettalji fakultattivi previsti fil-paragrafu B ta’ l-istess Anness VII.
29 Minn dan jirriżulta li jekk mhuwiex eskluż li l-użu ta’ dettall dwar il-metodu ta’ produzzjoni, jew ta’ xjuħija jew dwar il-kwalità ta’ nbid, jista’ jiġi awtorizzat skond il-punt 3 ta’ l-Anness VII(B) tar-Regolament Nru 1493/1999, dan ma jkunx il-każ jekk tali dettall ikun jista’ joħloq, lill-persuni li lilhom ikun indirizzat, riskju ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija dettall u t-termini addizzjonali tradizzjonali previsti fl-imsemmi ħames inċiż tal-punt 1(b) ta’ l-Anness VII(B) u fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 753/2002.
30 Fil-fatt, interpretazzjoni kuntrarja twassal sabiex iċċaħħad minn kull effett utli l-protezzjoni mogħtija lit-termini tradizzjonali mill-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 753/2002.
31 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk it-termini in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux iwasslu għal tali riskju.
32 Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 47(2)(c) tar-Regolament Nru 1493/1999, moqri flimkien mal-punt 3 ta’ l-Anness VII(B) ta’ dan ir-regolament u ma’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 753/2002, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ dettall dwar metodu ta’ produzzjoni jew ta’ xjuħija jew skond il-każ dwar il-kwalità ta’ l-inbid huwa awtorizzat biss skond dawn id-dispożizzjonijiet jekk dan id-dettall ma joħloqx, għall-persuni li lilhom ikun indirizzat, riskju ta’ konfużjoni bejn l-imsemmi dettall u t-termini addizzjonali tradizzjonali previsti fl-imsemmi mal-punt 1(b) ta’ l-Anness VII(B) u fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 753/2002. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk it-termini in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux iwasslu għal tali riskju.
Fuq it-tieni domanda
33 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk ikunx hemm imitazzjoni jew evokazzjoni tat-termini tradizzjonali protetti fis-sens ta’ l-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Nru 753/2002 biss fil-każ fejn il-lingwa użata tkun l-istess bħal dik li biha dan it-terminu jkun indikat fl-Anness III tar-Regolament jew jekk dan jistax ikun il-każ ukoll fejn it-terminu in kwistjoni jiġi tradott f’lingwa oħra barra dik indikata fl-imsemmi anness.
34 Skond l-Artikolu 47(2)(d) tar-Regolament Nru 1493/1999, ir-regoli dwar id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti jaqgħu taħt dan ir-regolament stess, kif ukoll il-protezzjoni ta’ ċerti indikazzjonijiet u termini kif ukoll il-protezzjoni ta’ ċerti dettalji u termini u ta’ ċerti termini li jinkludu b’mod partikolari xi dispożizzjonijiet li jirregolaw il-protezzjoni u l-kontroll ta’ tali termini.
35 It-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 48 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li d-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tal-prodotti msemmija f’dan ir-Regolament, u kull forma ta’ riklamar ta’ dawn il-prodotti, ma tistax tkun żbaljata jew li aktarx li toħloq konfużjoni jew tiżgwida lill-persuni li lilhom ikun indirizzat, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-dettalji previsti b’applikazjoni ta’ l-Artikolu 47 ta’ l-istess Regolament, u jippreċiża li din id-dispożizzjoni għandha tapplika anki meta dawn id-dettalji jintużaw fi traduzzjoni kemm jekk jirreferu għall-provenjenza attwali jew b’żidiet ta’ termini bħal “xorta”, “tip”, “stil”, “imitazzjoni”, “marka” jew oħrajn bħal dawn.
36 Issa, it-termini tradizzjonali previsti fl-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Nru 753/2002 huma parti mill-imsemmi termini u jgawdu mill-protezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.
37 Skond l-Artikolu 24(2)(a), it-termini tradizzjonali li jidhru fl-Anness III ta’ dan ir-regolament huma rriżervati għall-inbejjed li huma marbuta magħhom u huma protetti minn kull użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni.
38 Huwa minnu li t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 24(4) jippreċiża li l-protezzjoni ta’ terminu tradizzjonali tapplika biss safejn jirrigwarda l-lingwa jew lingwi li fiha jidhru fl-imsemmi Anness III.
39 Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li t-traduzzjoni ta’ terminu tradizzjonali f’lingwa oħra barra dik li fiha dan it-terminu huwa indikat fl-istess Anness III tista’ twassal sabiex toħloq konfużjoni jew tiżgwida lill-persuni li lilhom ikun indirizzat u tista’, għaldaqstant, tikkostitwixxi imitazzjoni jew evokazzjoni ta’ terminu tradizzjonali fis-sens ta’ l-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Nru 753/2002.
40 Fil-fatt, interpretazzjoni kuntrarja ta’ l-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Nru 753/2002, toħloq ir-riskju li jiġi injorat l-għan tal-protezzjoni ta’ l-interessi leġittimi tal-konsumaturi stabbiliti fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1493/1999 u tkun għaldaqstant kuntrarja għar-rekwiżit stabbilit fir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 753/2002.
41 Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tmur kontra l-kliem stess ta’ l-ewwel premessa ta’ l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1493/1999, li jipprovdi espressament li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll meta dawn it-termini tradizzjonali jintużaw fi traduzzjoni.
42 F’dan il-każ, għandu jiġi assigurat b’mod partikolari li tali traduzzjoni ma tkunx ta’ natura li toħloq konfużjoni jew twassal sabiex tiżgwida lill-persuni li lilhom ikun indirizzat.
43 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dan huwiex il-każ fil-kawża mressqa quddiemha.
44 Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Nru 753/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun hemm imitazzjoni jew evokazzjoni ta’ terminu tradizzjonali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta dan it-terminu jiġi tradott f’lingwa oħra barra dik li fiha tali terminu jkun indikat fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, peress li tali traduzzjoni tkun ta’ natura li toħloq konfużjoni jew twassal sabiex tiżgwida lill-persuni li lilhom ikun indirizzat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dan huwiex il-każ fil-kawża mressqa quddiemha.
Fuq it-tielet domanda
45 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk terminu tradizzjonali elenkat fl-Anness III tar-Regolament Nru 753/2002 huwiex protett biss safejn jirrigwarda l-inbejjed ġejjin mill-istess Stat Membru ta’ produzzjoni bħal dak ta’ dan it-terminu tradizzjonali jew jekk huwiex protett ukoll f’dak li jirrigwarda l-inbejjed li ġejjin minn Stati Membri ta’ produzzjoni oħra.
46 Skond il-ħames premessa ta’ l-Artikolu 47(1)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1493/1999, ir-regoli relattivi għad-deskrizzjoni, għad-denominazzjoni jew għall-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti li jaqgħu taħt dan ir-regolament, kif ukoll mill-protezzjoni ta’ ċerti dettalji jew ta’ ċerti termini, stabbiliti fil-kuntest ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, għandhom bħala għan partikolari li jassiguraw il-protezzjoni ta’ l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u li jiffavorixxu l-funzjoni tajba tas-suq intern.
47 Skond ir-raba’ premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 753/2002 għandu jirrispetta l-imsemmija għanijiet.
48 F’dan il-kuntest, dan ir-regolament jistabbilixxi, kif ukoll jirriżulta mit-tmintax-il premessa tiegħu, qafas komuni sabiex jiġu rreġistrati u protetti ċerti espressjonijiet tradizzjonali sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni ekwa u sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu żgwidati.
49 Skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 753/2002, li huwa parti minn dan il-qafas komuni, it-termini tradizzjonali li jidhru fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament huma rriżervati għall-inbejjed li magħhom huma marbuta.
50 L-Artikolu 24(3) jipprovdi li, għad-deskrizzjoni ta’ nbid, ma jistgħux jintużaw fl-ittikkettjar il-marki li jkun fihom it-termini tradizzjonali elenkati fl-Anness III mingħajr ma dan l-inbid jikkwalifika għal terminu tradizzjonali bħal dan.
51 It-tielet inċiż ta’ l-imsemmi Artikolu 24(4) jiddisponi li kull terminu tradizzjonali li jidher fl-imsemmi anness III huwa marbut ma’ kategorija ta’ nbid jew ma diversi kategoriji ta’ nbid.
52 Skond l-Artikolu 24(5)(d), sabiex jiġi elenkat fl-anness in kwistjoni, terminu tradizzjonali għandu jiġi użat għal wieħed jew, jekk ikun il-każ, għal diversi nbejjed jew kategoriji ta’ nbid tal-Komunità.
53 Jirriżulta mit-totalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li t-termini tradizzjonali previsti fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 753/2002 għandhom ikunu marbuta ma’ kategorija jew diversi kategoriji ta’ nbid u li dawn it-termini huma rriżervati għall-kategorija jew kategoriji ta’ nbid li huma marbuta magħhom.
54 Dawn il-kategoriji, li huma elenkati fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 24(4) huma, kif ukoll jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 24(5)(d), kategoriji ta’ nbid tal-Komunità.
55 Minħabba dan, l-imsemmija kategoriji ma jistgħux għaldaqstant jitqiesu li jirreferu biss għal inbejjed ġejjin minn Stat Membru ta’ produzzjoni wieħed, iżda għandhom, bil-kontra, jitqiesu li huma użati bħala nbejjed li ġejjin mit-totalità ta’ l-Istati Membri ta’ produzzjoni.
56 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-protezzjoni ta’ terminu tradizzjonali fis-sens ta’ l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 753/2002 jopera kemm safejn huma kkonċernati l-inbejjed ta’ l-istess kategorija jew kategoriji ġejjin mill-istess Stat Membru ta’ produzzjoni bħal dak ta’ dan it-terminu tradizzjonali, kemm safejn huma kkonċernati l-inbejjed ta’ l-istess kategorija jew kategoriji li ġejjin minn Stati Membri oħra ta’ produzzjoni.
57 Interpretazzjoni kuntrarja twassal biex iċċaħħad mill-effett utli tagħha l-protezzjoni tat-termini tradizzjonali, iggarantita fl-Artikolu 24(2) u tmur kontra l-protezzjoni ta’ l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern infittex mir-Regolementi Nru 1493/1999 u 753/2002.
58 Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 753/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li terminu tradizzjonali elenkat fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament huwa protett kemm safejn huma kkonċernati l-inbejjed ta’ l-istess kategorija jew kategoriji ġejjin mill-istess Stat Membru ta’ produzzjoni bħal dak ta’ dan it-terminu tradizzjonali, kemm safejn huma kkonċernati l-inbejjed ta’ l-istess kategorija jew kategoriji li ġejjin minn Stati Membri oħra ta’ produzzjoni.
Fuq l-ispejjeż
59 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 47(2)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid moqri flimkien mal-punt 3 ta’ l-Anness VII(B) ta’ dan ir-Regolament, u ma’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad-29 ta’ April 1996 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni ta’ l-oriġini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur ta’ l-inbid, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1512/2005, tal-15 ta’ Settembru 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ dettall dwar metodu ta’ produzzjoni jew ta’ xjuħija jew skond il-każ dwar il-kwalità ta’ l-inbid huwa awtorizzat biss skond dawn id-dispożizzjonijiet jekk dan id-dettall ma joħloqx, għall-persuni li lilhom ikun indirizzat, riskju ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija dettall u t-termini addizzjonali tradizzjonali previsti fl-imsemmi punt 1(b) ta’ l-Anness VII(B) u fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 753/2002. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk it-termini in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux iwasslu għal tali riskju.
2) L-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Nru 753/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun hemm imitazzjoni jew evokazzjoni ta’ terminu tradizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta dan it-terminu jiġi tradott f’lingwa oħra barra dik li fiha tali terminu huwa indikat fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, peress li tali traduzzjoni hija ta’ natura li toħloq konfużjoni jew twassal sabiex tiżgwida lill-persuni li lilhom ikun indirizzat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dan huwiex il-każ fil-kawża mressqa quddiemha.
3) L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 753/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li terminu tradizzjonali elenkat fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament huwa protett kemm safejn huma kkonċernati l-inbejjed ta’ l-istess kategorija jew kategoriji ġejjin mill-istess Stat Membru ta’ produzzjoni bħal dak ta’ dan it-terminu tradizzjonali, kemm safejn huma kkonċernati l-inbejjed ta’ l-istess kategorija jew kategoriji li ġejjin minn Stati Membri oħra ta’ produzzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy