SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
24 ta’ Jannar 2008 (*)
“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Moviment liberu tal-ħaddiema –Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – L-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 6(1) – Ħaddiem Tork legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol – Permess ta’ dħul bħala student jew au pair – Effett fuq id-dritt ta’ residenza”
Fil-kawża C‑294/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ġunju 2006, fil-proċedura
The Queen, fuq talba ta’:
Ezgi Payir,
Burhan Akyuz,
Birol Ozturk
vs
Secretary of State for the Home Department,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, P. Lindh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2007,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Payir, minn S. Cox, barrister, u R. Despicht, solicitor,
– għal Akyuz u Ozturk, minn N. Rogers, barrister,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Gibbs, bħala aġent, assistita minn P. Saini, barrister,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. Wissels, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Rozet u N. Yerrell, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għad-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-Iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem “id-Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf mill-ftehim li ħoloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa waħda, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din ta’ l-aħħar mid-deċiżjoni tal-Kunsill Nru 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 217, 1964, p. 3685).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, is-Sinjur Payir, u s-Sinjuri Akyuz u Ozturk, u min-naħa l-oħra, is-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) dwar iċ-ċaħda ta’ dan ta’ l-aħħar li jġedded il-permess ta’ residenza tagħhom.
Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jgħid kif ġej :
“1. Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għal xogħol għal membri tal-familja tiegħu, ħaddiem Tork, li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru:
– għandu dritt, f’dak l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu mingħand l-istess persuna li timpjega, jekk din għandha xogħol x’toffri;
– għandu d-dritt, f’dak l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u suġġett għall-prijorità li tingħata lill-ħaddiema ta’ Stati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għall-offerta oħra ta’ xogħol fl-istess professjoni ma’ persuna li timpjega ta’ l-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali, irreġistrata mas-servizzi ta’ xogħol ta’ dak l-Istat Membru;
– wara erba’ snin ta’ impjieg legali, jibbenefika, f’dak l-Istat Membru, minn aċċess liberu għall-attivitajiet kollha bi ħlas ta’ l-għażla tiegħu.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
4 Id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-persuni au pair huma elenkati b’mod partikolari fil-punti 88 sa 93 tar-regoli fuq l-immigrazzjoni adottati mill-Parlament tar-Renju Unit fl-1994 (United Kingdom Immigration Rules, House of Commons Paper 395, iktar ’il quddiem l-“Immigration Rules”) kif ġej:
“Definizzjoni ta’ impjieg ‘au pair’
88. Fis-sens tar-regoli preżenti, impjieg ‘au pair’ għandu jfisser kuntratt li taħtu persuna żagħżugħa:
a) tiġi fir-Renju Unit bil-għan li titgħallem l-Ingliż; [...]
b) toqgħod f’dan iż-żmien għand familja li titkellem bl-Ingliż fejn tgawdi minn opportunitajiet xierqa sabiex tistudja, u
c) tgħin fix-xogħol tad-dar għal mhux iktar minn 5 sigħat kuljum u tirċievi, bħala ħlas, kumpens raġjonevoli, u tgawdi minn jumejn ta’ mistrieħ fil-ġimgħa.
Kundizzjonijiet għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni [‘leave to enter’] bħala persuna ‘au pair’ żagħżugħa
89. Il-persuna li titlob permess ta’ dħul fir-Renju Unit bħala ‘au pair’ żagħżugħa għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
i) jkollha l-intenzjoni tidħol fir-Renju Unit sabiex tibda impjieg, mogħti minn qabel, u dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens tad-definizzjoni mogħtija fill-punt 88 hawn fuq; [...]
ii) ma jkollhiex inqas minn 17-il sena jew iktar minn 27 sena jew kellha din l-età meta rċeviet il-permess ta’ dħul tagħha; [...]
iii) ma tkunx miżżewġa; [...]
iv) ma jkollhiex persuni dipendenti fuqha; [...]
v) tkun ċittadina ta’ wieħed mill-Istati Membri li ġejjin: […] it-Turkija; [...]
vi) ma jkollhiex il-ħsieb li toqgħod fir-Renju Unit għal iktar minn sentejn bħala ‘au pair’ żagħżugħa; [...]
vii) tkun bi ħsiebha titlaq mir-Renju Unit wara li ttemm ir-residenza tagħha bħala ‘au pair’ żagħżugħa; [...]
viii) fil-każ fejn l-imsemmija persuna kienet residenti preċedentement fir-Renju Unit fil-kuntest ta’ impjieg ‘au pair’, ma tipprovax tikseb permess ta’ dħul li huwa validu għal iktar minn sentejn li jibdew jiddekorru mid-data meta hija kisbet l-ewwel permess, u
ix) tkun kapaċi tmantni lilha nnfisa u tiddisponi minn post fejn tgħix mingħajr ma jkollha tirrikorri għal fondi pubbliċi.
Permess ta’ dħul bħala ‘au pair’ żagħżugħa
90 Persuna li titlob awotorizzazzjoni ta’ dħul fir-Renju Unit fil-kuntest ta’ impjieg ‘au pair’ tista’ tiġi ammessa fit-territorju għal perijodu ta’ mhux iktar minn sentejn taħt il-kundizzjoni li ma teżerċitax l-ebda impjieg ieħor ħlief dak ta’ ‘au pair’, u safejn l-uffiċjal tas-servizz ta’ l-immigrazzjoni jqis li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fil-punt 89 hawn fuq huma ssodisfati […]”.
5 Id-dispożizzjonijiet fuq l-immigrazzjoni dwar l-istudenti huma elenkati b’mod partikolari fil-punti 57 sa 62 ta’ l-Immigration Rules:
“Kundizzjonijiet għall-ksib ta’ permess ta’ dħul bħala student
57. Persuna li titlob sabiex tiġi awtorizzata tidħol fir-Renju Unit bħala student trid tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
i) tkun ġiet aċċettata li ssegwi kors ta’ studju:
a) f’stabbiliment iffinanzjat pubblikament ta’ tagħlim post-sekondarju jew ogħla jew [f’ċerti stabbilimenti ta’ tagħlim privati eliġibbli]; [...]
ii) ikunu kapaċi u jkollhom l-intenzjoni jsegwu:
a) jew korsijiet ta’ studju full time li jwasslu għal diploma universitarja rikonoxxuta fi stabbiliment iffinanzjat pubblikament ta’ tagħlim post-sekondarju jew ogħla, jew [ċerti korsijiet ta’ studju full time]; [...]
[…]
iv) jkollha l-intenzjoni li titlaq mir-Renju Unit fl-aħħar ta’ l-istudji tagħha; [...]
v) ma jkollhiex l-intenzjoni li twettaq attività kummerċjali jew tokkupa impjieg, ħlief għal attivitajiet part time jew ta’ xogħol fil-vaganzi, li għalihom trid tingħata permess mingħand is-Secretary of State for Employment, u
vi) tkun kapaċi tħallas l-ispejjeż ta’ l-istudji u l-bżonnijiet personali tagħha, kif ukoll dawk tal-persuni dipendenti fuqha, inkluża l-akkomodazzjoni, mingħajr ma jkollhom impjieg jew attività kummerċjali jew mingħajr ma jirrikorru għal fondi pubbliċi.
Permess ta’ dħul bħala student
58. Persuna li titlob permess ta’ dħul fir-Renju Unit tista’ tiġi ammessa fuq it-territorju għal perijodu adattat, ikkalkolat skond id-dewmien tal-kors ta’ studju segwit u skond il-mezzi li tiddisponi minnhom din il-persuna, billi din l-awtorizzazzjoni tinkludi kundizzjoni li tirrestrinġi d-dritt ta’ din il-persuna li jkollha impjieg [...]”.
6 Skond il-punt 4 ta’ l-Anness A tal-Kapitolu 3 ta’ l-istruzzjonijiet tad-Direttorat ta’ l-Immigrazzjoni tas-Secretary of State (“Immigrations Directorate’s Instructions”):
“Studenti li għandhom iktar minn 16-il sena u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi 2 (kundizzjoni li tirrestrinġi d-dritt tagħhom li jkollhom impjieg) jistgħu jkollhom xogħol part time jew xogħol fil-vaganzi mingħajr ma jkun hemm il-bżonn ta’ permess mill-aġenzija ta’ xogħol lokali [‘local Jobcentre’]. Bl-istess mod, jistgħu jkollhom wkoll impjieg fil-kuntest ta’ kors universitarju li jinkludi perijodu ta’ xogħol jew jieħdu sehem f’taħriġ professjonali mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ permess tax-xogħol [maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit]. L-istudenti ma jistgħux jaħdmu għal iktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa fil-perijodu skolastiku [...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 Il-kawża tirrigwarda, minn naħa, tfajla au pair żagħżugħa, E. Payir, u min-naħa l-oħra, żewġ studenti B. Akyuz u B. Ozturk.
8 E. Payir, li dak iż-żmien kellha 21 sena, ġiet awtorizzata tidħol fir-Renju Unit u, f’April 2000, ngħatat permess ta’ dħul validu sa April 2002. Dan il-permess ingħata taħt kundizzjoni li tgħid li E. Payir ma setgħet ikollha ebda impjieg ieħor, bi ħlas jew le, minbarra dak ta’ persuna au pair.
9 Mad-dħul tagħha fir-Renju Unit, E. Payir ngħatat xogħol bħala au pair minn familja, u wara, minn Marzu 2001, minn familja oħra, li għaliha hija ħadmet bejn 15 u 25 siegħa fil-ġimgħa. Hija kienet tingħata alloġġ kif ukoll ikel u rċeviet paga ta’ GBP 70 (madwar EUR 103) fil-ġimgħa.
10 F’April 2002, qabel l-iskadenza tal-permess ta’ dħul tagħha, E. Payir talbet mis-Secretary of State permess ta’ residenza fir-Renju Unit itwal, u qieset, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li hija kienet impjegata għal iktar minn sena ma’ l-istess familja u li hija xtaqet tibqa’ fis-servizz tagħhom. It-talba tagħha ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni meħuda fit-18 ta’ Awwissu 2004.
11 E. Payir ressqet appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court). Din il-qorti, li laqgħat dan ir-rikors, annullat l-imsemmija deċiżjoni u kkundannat lis-Secretary of State sabiex iġedded il-permess ta’ dħul ta’ E. Payir u jneħħi l-kundizzjoni inizjali li tillimita l-aċċess tal-persuna kkonċernata għas-suq tax-xogħol. Il-permess ta’ dħul ta’ E. Payir iġġedded sat-2 ta’ Awwissu 2006. F’Ottubru 2005, din ta’ l-aħħar ġiet impjegata bħala shop assistant.
12 Is-Secretary of State appella mid-deċiżjoni tal-High Court minħabba l-fatt li l-Artikolu 6( 1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma japplikax għal persuni au pair.
13 B. Akyuz u B. Ozturk daħlu fir-Renju Unit fl-1999 u fl-1997 rispettivament bħala studenti li kellhom permess ta’ dħul, u sessegwentement permess ta’ residenza. Dawn ta’ l-aħħar kienu jippreċiżaw li r-rikorrenti kienu awtorizzati jaħdmu għal mhux aktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa matul il-perijodu skolastiku.
14 Matul l-istudji tagħhom, iż-żewġ ċittadini Torok ħadmu part time bħala wejters f’ristorant u l-persuni li impjegawhom ipproponew li l-kuntratt tagħhom ta’ xogħol jiġġedded. Qabel l-iskadenza tal-permess ta’ dħul jew ta’ residenza bħala studenti, B. Akyuz u B. Ozturk talbu mis-Secretary of State, rispettivament f’Lulju 2003 u f’Jannar 2004, permessi ta’ residenza, billi bbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Billi t-talbiet tagħhom ġew miċħuda, ir-rikorrenti ressqu appelli fuq punt ta’ dritt quddiem il-High Court, liema qorti laqgħathom. Billi sostna li l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma japplikax għal studenti, is-Secretary of State appella mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-High Court.
15 L-appelli ta’ E. Payir u kif ukoll ta’ B. Akyuz u B. Ozturk ġew eżaminati flimkien mill-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division).
16 Din il-qorti rrilevati li dawn it-tliet residenti Torok ġew ikkunsidrati, mill-High Court, bħala ħaddiema fis-sens mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja lil dan il-kunċett, b’mod partikolari fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Birden (C 1/97, Ġabra p. I-7747, punt 24).
17 Filwaqt li tammetti din il-konstatazzjoni tal-High Court, il-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) issostni li hemm lok li tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fuq il-bażi tagħha l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi ta’ welfare. Minn dan jirriżulta li, anke jekk dawn is-sistemi jimplikaw it-twettiq ta’ attività bħala ħaddiem, dan ma jwassalx neċessarjament għall-integrazzjoni tar-rikorrenti fis-suq legali ta’ l-impjieg ta’ dawn l-Istati.
18 Fil-kawża prinċipali, il-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) kellha xi dubji fuq il-possibbiltà għar-residenti Torok ikkonċernati li jibbażaw ruħhom fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6( 1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. F’dawn iċ-ċirkustanzi din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) F’kawża fejn:
– permess ta’ dħul fir-Renju Unit kien ġie mogħti lil ċittadina Torka għal perijodu ta’ sentejn fil-kuntest ta’ twettiq ta’ xogħol bħala au pair, kif iddefinit mill-[Immigration Rules]; [...]
– dak il-permess ta’ dħul jinkludi d-dritt li tkun impjegata bħala tali;[...]
– hija baqgħet f’dan l-impjieg b’mod mhux interrott fis-servizz ta’ l-istess persuna li timpjega għal iktar minn sena matul il-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ dħul; [...]
– dan l-impjieg kien jikkostitwixxi attività ekonomika reali u effettiva, u
– dan l-impjieg kien konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-impjieg u l-immigrazzjoni,
matul il-perjodu li fih hija kienet f’dan l-impjieg, din iċ-ċittadina Torka kienet:
– ħaddiem skond l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 1/80 [...]?
– legalment irreġistrata fis-suq tax-xogħol tar-Renju Unit skond din id-dispożizzjoni?
2) F’kawża fejn:
– permess ta’ dħul fir-Renju Unit ġie mogħti lil ċittadin Tork skond l-[Immigration Rules] sabiex jippermettilu jsegwi kors ta’ studju f’dan il-pajjiż; [...]
– il-permess ta’ dħul tiegħu kien jinvolvi d-dritt li jokkupa kwalunkwe impjieg li t-tul tiegħu, ikkalkulat għal perjodu ta’ xogħol, ma setax jaqbeż 20 siegħa fil-ġimgħa, [...]
– huwa kien impjegat b’mod kontinwu ma’ l-istess persuna li timpjega għal iktar minn sena matul il-perjodu ta’ validità tal-permess ta’ dħul tiegħu;
– dan l-impjieg kien jikkostitwixxi attività ekonomika reali u effettiva; u
– dan l-impjieg kien konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-impjieg u l-immigrazzjoni,
matul dan il-perjodu li fih huwa kien f’dan l-impjieg, dan iċ-ċittadin Tork kien:
– ħaddiem skond l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80?
– legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol tar-Renju Unit skond din id-dispożizzjoni?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
19 Id-domandi mressqa f’dawn iż-żewġ kawżi huma kważi identiċi u jirrigwardaw, minn naħa, persuni au pair u, min-naħa l-oħra, studenti.
20 Jirriżulta minn dawn id-domandi li l-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk sitwazzjoni fejn ċittadin Tork ġie awtorizzat jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru bħala persuna au pair jew student iċċaħħad lil dan iċ-ċittadin mill-kwalità ta’ “ħaddiem” u twaqqfu milli jirreġistra fis-“suq legali tax-xogħol” ta’ dan l-Istat Membru fis-sens ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, b’tali mod li ma jistax jirrikorri għal din id-dispożizzjoni sabiex iġedded il-permess tax-xogħol tiegħu u jibbenifika mid-dritt ta’ residenza li huwa korrelat miegħu.
L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
21 E. Payir, B. Akyuz u B. Ozturk kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom opinjonijiet simili. Skond dawn, ċittadini Torok, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jissodisfaw il-kundizzjonijiet imposti sabiex jikkwalifikaw bħala ħaddiema skond l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Huma kienu wettqu, taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra, servizzi effettivi u reali li kellhom valur ekonomiku ċert u li għalihom kienu rċevew ħlas.
22 Dawn iċ-ċittadini Torok jappartjenu għas-suq legali tax-xogħol ta’ l-Istat Membru ospitanti. Dawn ikunu daħlu legalment fuq it-territorju ta’ dan l-Istat u jkunu daħlu, bl-istess mod, fis-suq tax-xogħol ta’ l-imsemmi Stat. B’mod partikolari, ma jkunux wettqu l-ebda frodi sabiex jiksbu u jwettqu x-xogħol li jingħatalhom. Konsegwentement, is-sitwazzjoni fuq is-suq tax-xogħol tagħhom tkun stabbli u mhux provviżorja.
23 F’sitwazzjoni fejn dawn ir-residenti jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 1/80, ikunu jistgħu jirrikorru għal din id-dispożizzjoni sabiex jiksbu t-tiġdid tal-permess tax-xogħol u d-dritt ta’ residenza korrelat miegħu. Ma jkun la neċessarju u lanqas rilevanti li jiġu eżaminati l-motivi li wasslu għall-għotja, mir-Renju Unit, tal-permessi ta’ residenza li jirrigwardawhom, jiġifieri li jiġi permess id-dħul ta’ żgħażagħ biss bħala persuni au pair jew bħala studenti, għal perijodu limitat.
24 Il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Taljan u l-Gvern Olandiż isostnu b’mod kuntrarju li l-motivi ta’ residenza huma importanti. L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirrigwarda d-dritt ta’ aċċess għal xogħol ta’ ċittadini Torok awtorizzati sabiex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru bħala ħaddiema. Ċittadini Torok, bħal E. Payir kif ukoll B. Akyuz u B. Ozturk li ma daħlux fir-Renju Unit bħala ħaddiema ma jistgħux jirrikorru għal din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, anke jekk l-attività mwettqa minn dawn ir-residenti tista’ tiġi kkwalifikata bħala attività ekonomika reali u effettiva, ma jirriżultax li r-rikorrenti għandhom il-kwalità ta’ ħaddiema u lanqas li jagħmlu parti mis-suq legali ta’ l-Istat Membru ospitanti fis-sens ta’ l-imsemmija dispożizzjoni.
25 Jekk jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadini Torok awtorizzati sabiex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru bħala persuni au pair jew studenti jistgħu jirrikorru għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, dan jista’ jwassal għal konsegwenzi serji. Qabel kollox dan jista’ jirriżulta fin-nuqqas ta’ libertà għall-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dħul taċ-ċittadini Torok fit-territorju tagħhom. Konsegwentement, tiġi mħeġġa l-evażjoni tal-liġijiet nazzjonali, peress li l-persuni kkonċernati jkollhom interess jippreżentaw ruħhom bħala studenti jew persuni au pair, sabiex jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru fit-territorju li huma daħlu fih. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jkollhom jirrestrinġu l-politika ta’ akkoljenza tagħhom ta’ studenti u persuni au pair ta’ nazzjonalità Torka, bi ħsara għal dawn iż-żewġ gruppi ta’ persuni kkonċernati.
26 Il-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż jżidu li l-fatt li s-sitwazzjoni ta’ student jew persuna au pair li twettaq xogħol parti time tiġi mqabbla ma’ dik ta’ ħaddiem ordinarju hija kuntrarja għall-approċċ adottat mil-leġiżlatur Komunitarju fid-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU L 375, p. 12). Skond dawn, din id-direttiva tagħmel distinzjoni bejn student u ħaddiem.
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
27 Sabiex tingħata risposta għad-domandi ppreżentati kif ifformulati mill-ġdid fil-punt 20 tas-sentenza preżenti, għandhom jiġu mfakkra t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.
28 L-ewwel kundizzjoni hija bbażata fuq il-kwalità tal-ħaddiem. Sabiex jissodisfa din il-kundizzjoni, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li ċ-ċittadin Tork għandu jeżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet fuq skala daqstant żgħira li huma purament marġinali u anċillari. Il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni tax-xogħol hija ċ-ċirkustanza illi persuna twettaq, għal ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt it-tmexxija tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi rimunerazzjoni (ara s-sentenza Birden, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 It-tieni kundizzjoni tirrigwarda r-reġistrazzjoni fis-suq legali tax-xogħol. Il-Qorti ta’ Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett jiddeskrivi l-ħaddiema kollha li kkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet legali u regolamentari ta’ l-Istat ikkonċernat u għandhom b’hekk id-dritt li jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju tiegħu (ara s-sentenza Birden, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).
30 L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jimponi bħala t-tielet kundizzjoni l-eżistenza ta’ impjieg legali, jiġifieri sitwazzjoni stabbli u mhux prekarja fuq is-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru u jimplika, għalhekk, li hemm dritt ta’ residenza mhux ikkontestat (ara s-sentenza tad-19 ta' Novembru 2002, Kurz, C-188/00, Ġabra p. I-10691, punt 48).
31 Skond id-deċiżjoni għar-rinviju, kemm E. Payir u kif ukoll B. Akyuz u B. Ozturk offrew servizzi li jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi reali u effettivi. Jirriżulta mill-inkartament li huma kienu ħadmu taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra u kienu rċevew ħlas għal dan. E. Payir ħadmet bejn 15 u 25 siegħa fil-ġimgħa, B. Akyuz u B. Ozturk kienu ħadmu massimu ta’ 20 siegħa fil-ġimgħa. Mhuwiex allegat li l-attivitajiet imwettqa mill-persuni kkonċernati kienu purament marġinali. Għaldaqstant, skond id-deskrizzjoni mogħtija, dawn l-attivitajiet għandhom il-karatteristiċi meħtieġa sabiex jiġi permess, bħala prinċipju, lil dawk li jwettquhom sabiex jiġu kkwalifikati bħala “ħaddiema” fis-sens ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 .
32 Fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħra, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li E. Payir kif ukoll B. Akyuz u B. Ozturk kienu osservaw il-liġi nazzjonali fuq l-immigrazzjoni u b’hekk daħlu legalment fir-Renju Unit. Din il-qorti żżid li r-rikorrenti kellhom impjiegi konformi mhux biss mar-regoli dwar l-immigrazzjoni iżda wkoll mad-dritt tax-xogħol u, b’mod partikolari, li dawn l-impjiegi kienu jirrispettaw il-kundizzjonijiet annessi mal-permess ta’ dħul tagħhom fit-territorju nazzjonali. Huwa paċifiku li huma jibbenifikaw minn dritt ta’ residenza mhux ikkontestat.
33 Konsegwentement, il-karatteristiċi ta’ l-impjiegi li kellhom it-tliet ċittadini Torok in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, jissodisfaw ukoll iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra elenkati fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jiġifieri, ir-reġistrazzjoni fis-suq legali tax-xogħol u impjieg legali.
34 Madankollu, tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk l-istatus ta’ persuni au pair jew ta’ studenti ta’ ċittadini Torok, li l-attivitajiet imwettqa minnhom jissodisfaw, barra minn hekk, it-tliet kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 6(1), iċaħħadx lil dawn iċ-ċittadini milli jiġu kkwalifikati bħala ħaddiema u jwaqqafhomx milli jirreġistraw fis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
35 Qabel kollox, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-għan soċjali tal-permess mogħti lil studenti jew lil persuni au pair kif ukoll tad-dritt ta’ xogħol li jingħatalhom ma jneħħi xejn, fih innifsu, min-natura legali ta’ l-attivitajiet mwettqa mill-persuni kkonċernati u ma jwaqqafhomx, konsegwentement, milli jirreġistraw fis-suq legali tax-xogħol ta’ l-Istat Membru ospitanti. Il-Qorti ta’ Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 51 tas-sentenza Birden, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kunċett ta’ suq legali tax-xogħol ma jistax jiġi interpretat bħala li japplika għas-suq ġenerali tax-xogħol, kuntrarjament għal suq speċifiku b’għan soċjali sostnut mill-awtoritajiet pubbliċi.
36 Għandu jiġi mfakkar ukoll li d-Deċiżjoni Nru 1/80 ma taffettwax il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri li jirregolaw kemm id-dħul fit-territorju tagħhom taċ-ċittadini Torok, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ l-ewwel impjieg tagħhom, iżda tirregola biss, fl-Artikolu 6 tagħha, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok li huma diġà integrati legalment fis-suq tax-xogħol ta’ l-Istat Membru ospitanti (sentenza tat-30 ta’ Settembru 1997, Ertanir, C 98/96, Ġabra p. I-5179, punt 23).
37 Skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu bħala għan li jikkonsolida progressivament is-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok fl-Istat Membru ospitanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Sedef, C-230/03, Ġabra p. I-157, punt 34).
38 Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tapplika għaċ-ċittadini Torok li għandhom il-kwalità ta’ ħaddiema fl-Istat Membru ospitanti mingħajr ma teħtieġ madankollu li jkunu daħlu fil-Komunità bħala ħaddiema. Huma setgħu akkwistaw din il-kwalità wara d-dħul tagħhom f’dan l-Istat Membru. B’hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Birden, iċċitata iktar ’il fuq, is-Sinjur Birden, li kien ġie awtorizzat jidħol f’suq ta’ Stat Membru, kien, għall-ewwel, mingħajr xogħol f’dan l-Istat qabel ma kellu impjieg bi ħlas. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kurz, iċċitata iktar ’il fuq, iċ-ċittadin Tork ikkonċernat kien ġie awtorizzat jidħol fil-Komunità meta kellu l-età ta’ 15-il sena mhux bħala ħaddiem, iżda sabiex isegwi taħriġ professjonali ta’ plamer.
39 Huwa fit-tmiem ta’ l-ewwel sena ta’ xogħol li ċ-ċittadin Tork jista’, jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jitlob t-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu ma’ l-istess persuna li timpjegah u d-dritt ta’ residenza li huwa korrelat miegħu.
40 Sabiex jiġi vverifikat jekk iċ-ċittadini Torok jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, ma jittiħidx in kunsiderazzjoni l-għan li għalih ir-rikorrenti ġew awtorizzati jidħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jissuġġetta r-rikonoxximent tad-drittijiet li huwa jikkonferixxi lill-ħaddiema Torok fuq l-ebda kundizzjoni relattiva li minħabba fiha l-permess ta’ dħul, ta’ xogħol u ta’ residenza kien ingħata inizjalment (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1997, Günaydin, C-36/96, Ġabra p. I-5143, punti 51 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-intenzjoni espressa minn ċittadin Tork li jmur lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu wara li jgħix għal numru ta’ snin fl-Istat Membru ospitanti ma tistax twaqqfu milli jeżerċità d-drittijiet mogħtija lilu mill-imsemmi Artikolu 6(1). Ikun mod ieħor biss jekk dan iċ-ċittadin ipprova jqarraq bl-awtoritajiet kompetenti billi jiddikjara intenzjoni falza bl-għan biss li jwassal lil dawn l-awtoritajiet sabiex jagħtuh il-permessi rikjesti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Günaydin, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 60).
41 Kif jirriżulta mis-sentenza Gunaydin, iċċitata iktar ’il fuq, sitwazzjoni fejn ċittadin Tork ingħata permess jidħol f’territorju ta’ Stat Membru sabiex isegwi korsijiet ta’ studju u li l-permess ta’ residenza tiegħu kien ġie qabel kollox suġġett għal projbizzjoni li jwettaq impjieg bi ħlas ma tostakolax lir-rikorrenti milli jirrikorru għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, peress li huwa kien kiseb legalment xogħol bi ħlas u ħadem għal mill-inqas sena għall-istess persuna.
42 Il-limitazzjoni eventwali fiż-żmien ta’ kuntratt ta’ xogħol lanqas ma jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-fatt li, jekk in-natura temporanja imposta fuq ir-relazzjoni ta’ xogħol hija biżżejjed sabiex tqiegħed in kwistjoni r-regolarità ta’ l-impjieg li r-rikorrenti jwettaq legalment, l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jċaħħdu inġustament lil ħaddiema emigranti Torok li huma awtorizzaw jidħlu fit-territorju tagħhom u li eżerċitaw attività ekonomika legali waqt perijodu mhux interrot ta’ mill-inqas sena, mill-benefiċċju tad-drittijiet li huma jistgħu jippretendu direttament skond l-imsemmi Artikolu 6(1) (ara s-sentenza Birden, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).
43 B’hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin Tork, li daħal legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, jista’, wara li jkun ħadem għal sena f’dan it-territorju, jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrent jissodisfax il-kundizzjonijiet oġġettivi msemmija f’din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu kkunsidrati l-motivi għalfejn id-dritt ta’ dħul fl-imsemmi territorju ngħatalu inizjalment u lanqas il-limitazzjonijiet ta’ żmien eventwalment imposti fuq id-dritt għax-xogħol tiegħu. Skond ġurisprudenza kostanti, l-awtoritajiet nazzjonali m’għandhomx il-fakoltà li jissuġġettaw għal kundizzjonijiet jew li jirrestrinġu l-applikazzjoni ta’ tali drittijiet, għaliex inkella jkunu qed jikkompromettu l-effett utli ta’ l-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenzi Günaydin, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 sa 40 u 50; Birden, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; Kurz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26; tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et C-317/01 u C-369/01, Ġabra p. I-12301, punt 78, u Sedef, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).
44 Konsegwentement, fil-kawżi bħal dik prinċipali, il-motivi li minħabba fihom ikun ingħata l-permess ta’ dħul liċ-ċittadin Tork ikkonċernat, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ attività ta’ persuna au pair jew li qed isegwi xi studji, ma jistgħux fihom infushom jostakolaw lill-persuni kkonċernati milli jirrikorru għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Dan jgħodd ukoll għad-dikjarazzjonijiet rikjesti minn dawn iċ-cittadini, li jgħidu li huma m’għandhomx ix-xewqa li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti għal iktar minn sentejn jew li għandhom l-intenzjoni jitilqu minnu malli jispiċċaw l-istudji tagħhom, u għal-limitazzjonijiet ta’ żmien tal-permess ta’ residenza tagħhom.
45 Peress li l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 27 sa 30 tas-sentenza preżenti huma sodisfatti u, b’mod partikolari, li r-realtà tax-xogħol imwettaq miċ-ċittadini Torok in kwistjoni hija vverifikata, is-sitwazzjoni li fiha dawn il-persuni daħlu bħala studenti sabiex isegwu korsijiet ta’ studju jew bħala persuna au pair bl-għan li jitgħallmu l-lingwa ta’ l-Istat Membru ospitanti mhijiex rilevanti. Jekk dawn iċ-ċittadini Torok jaslu, bis-saħħa tagħhom, sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fit-tliet inċiżi ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ma jistgħux jiġu miċħuda milli jibbenifikaw mid-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħtihom b’mod gradwalment, abbażi tat-tul ta’ żmien ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attività bi ħlas tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Günaydin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).
46 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti invokati mill-Istati Membri meta ppreżentaw l-osservazzjonijeit tagħhom, li jgħidu li student jew persuna au pair tkun tista’ tevadi l-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex jikseb gradwalment dritt ta’ aċċess mingħajr limitu għas-suq tax-xogħol ta’ dan ta’ l-aħħar ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, tali evażjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma tistax teżisti fejn il-persuni kkonċernati jeżerċitaw biss dritt espressament previst mid-Deċiżjoni Nru 1/80. Dan huwa mod ieħor biss meta dawn ta’ l-aħħar ikunu kisbu b’ingann dritt ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru billi jallegaw b’mod falz li għandhom l-intenzjoni li jsegwu kors ta’ studju jew li jwettqu attività ta’ persuna au pair. Min-naħa l-oħra, sakemm ir-realtà ta’ l-intenzjoni tagħhom hija kkonfermata mill-fatt li jsegwu effettivament kors ta’ studju jew jeżerċitaw attività ta’ persuna au pair, li jiksbu legalment xogħol fl-Istat Membru ospitanti u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet rikjesti fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ir-rikorrenti jkunu jistgħu jibbenifikaw kompletament mid-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħtihom.
47 Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż u dak Olandiżi jirreferu għad-Direttiva 2004/114. Mill-kliem ta’ din id-direttiva, huma jaslu għall-konklużjoni li din kienet intiża mil-leġiżlatur Komunitarji sabiex jippermetti lil student isib impjieg u jwettaq ċertu numru ta’ sigħat ta’ xogħol mingħajr madankollu ma jiġi kkunsidrat bħala ħaddiem imħallas, u, għaldaqstant, mingħajr ma jkollu aċċess, permezz ta’ dan, għas-suq tax-xogħol ta’ l-Istat Membru ospitanti.
48 Madankollu, l-imsemmija direttiva mhijiex rilevanti. Skond l-Artikolu 4(1)(a) tagħha, hija tapplika biss fil-fatt meta ma jeżistux dispożizzjonijiet iktar favorevoli li jirriżultaw minn ftehim bilaterali jew multilaterali konkluż bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u Stat terz wieħed jew iktar, min-naħa l-oħra. Konsegwentement, kif tirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha, id-Direttiva 2004/114 ma tistax tiġġustifika interpretazzjoni restrittiva ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u ma tippermetti l-ebda interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
49 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li sitwazzjoni fejn ċittadin Tork ġie awtorizzat jidħol fi Stat Membru bħala persuna au pair jew student ma tistax iċċaħħdu mill-kwalità ta’ “ħaddiem” u twaqqfu milli jirreġistra fis-“suq legali tax-xogħol” ta’ dan l-Istat Membru fis-sens ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Konsegwentement, din is-sitwazzjoni ma tistax twaqqfu milli jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni sabiex jikseb it-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu u milli jibbenifika mill-permess ta’ residenza korrelat miegħu.
Fuq l-ispejjeż
50 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Sitwazzjoni fejn ċittadin Tork ġie awtorizzat jidħol fi Stat Membru bħala persuna au pair jew student ma tistax iċċaħħdu mill-kwalità ta’ “ħaddiem” u twaqqfu milli jirreġistra fis-“suq legali tax-xogħol” ta’ dan l-Istat Membru fis-sens ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-Iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni. Konsegwentement, din is-sitwazzjoni ma tistax twaqqfu milli jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni sabiex jikseb it-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu u milli jibbenefika mill-permess ta’ residenza korrelat miegħu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: L-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy