Kawża C-296/06
Telecom Italia SpA
vs
Ministero dell’Economia e delle Finanze
u
Ministero delle Comunicazioni
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale del Lazio)
“Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet — Direttiva 97/13/KE — Artikoli 6, 11, 22 u 25 — Taxxi u drittijiet applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali — Obbligu impost fuq impriża li qabel kienet detentriċi ta’ dritt esklużiv — Żamma temporanja”
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet — Settur tat-telekomunikazzjonijiet — Qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali — Direttiva 97/13 — Taxxi u drittijiet applikabbli għall-impriżi detenturi ta’ liċenzji individwali
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/13, Artikoli 6, 11, 22 u 25)
L-Artikoli 6, 11, 22 u 25 tad-Direttiva 97/13, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, jipprekludu lil Stat Membru milli jeżiġi mingħand operatur, li qabel kien detentur ta’ dritt esklużiv fir-rigward tas-servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u li sar detentur ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, il-ħlas ta’ piż finanzjarju li jikkorrispondi għall-ammont preċedentement mitlub bħala korrispettiv għall-għoti ta’ l-imsemmi dritt esklużiv, matul sena mill-aħħar jum tat-terminu previst għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ din id-direttiva, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 1998.
(ara l-punt 45 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
21 ta’ Frar 2008 (*)
“Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet – Direttiva 97/13/KE – Artikoli 6, 11, 22 u 25 – Taxxi u drittijiet applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali – Obbligu impost fuq impriża li qabel kienet detentriċi ta’ dritt esklużiv – Żamma temporanja”
Fil-kawża C‑296/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Mejju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2006, fil-proċeduri
Telecom Italia SpA
vs
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
Ministero delle Comunicazioni,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus, J. Klučka, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-4 ta’ Ottubru 2007,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Telecom Italia SpA, minn F. Satta, F. Lattanzi, C. Tesauro u C. Santacroce, avvocati,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, Avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u M. Shotter, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 11, 22 u 25 tad-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, p. 15).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Telecom Italia SpA (iktar ’il quddiem “Telecom Italia”) u, min-naħa l-oħra, il-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi) u l-Ministero delle Comunicazioni (il-Ministeru tal-Komunkazzjoni) dwar l-obbligu impost fuq Telecom Italia li tħallas dritt ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ tagħha matul sena mill-aħħar jum tat-terminu previst għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva 97/13.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikoli 6 u 11(1) tad-Direttiva 97/13, dwar it-taxxi u d-drittijiet applikabbli, rispettivament, għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali, jipprevedu li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-għan tat-taxxi imposti fuq l-impriżi fir-rigward tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjonijiet ikun biss li jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ħruġ, mal-ġestjoni, mal-kontroll u, jekk ikun il-każ, ma’ l-implementazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew ma’ l-applikazzjoni tal-liċenzji individwali applikabbli.
4 It-terminu ġenerali previst għall-implementazzjoni tad-Direttiva 97/13 jinsab fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tagħha, li jipprovdi kif ġej:
“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji u amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva u għandhom jippubblikaw il-kundizzjonijiet u l-proċeduri marbuta ma’ l-awtorizzazzjonijiet malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1997. Huma għandhom jinformaw b’dan immedjatament lill-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 L-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13 jinkludi dispożizzjoni speċifika fir-rigward ta’ l-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva:
“1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex l-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tagħha qabel l-1 ta’ Jannar 1999.
2. Fil-każ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva timplika emendi għall-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjonijiet diġà eżistenti, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-validità tal-kundizzjonijiet apparti minn dawk li jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, li kienu tneħħew jew ser jitneħħew skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja, sakemm dan ikun jista’ jsir mingħajr ma jiġu affettwati d-drittijiet ta’ impriżi oħrajn taħt id-dritt Komunitarju, inkluża din id-Direttiva. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħudin għal dan l-iskop u għandhom jindikaw il-motivazzjonijiet wara dawn il-miżuri.
3. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, l-obbligi li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva li sa l-1 ta’ Jannar 1999 ma jkunux konformi ma’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr effett.
Meta jkun hemm ġustifikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu, wara talba, jiksbu differiment ta’ din id-data mingħand il-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
Il-Kodiċi Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet
6 Qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 97/13, is-servizz pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet fl-Italja kien irriżervat għall-Istat taħt l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1 tal-Kodiċi Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (Codice postale e delle telecomunicazioni, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Postali”), anness mad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 156, li japprova t-test uniku bid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-posta, il-bank postali u t-telekomunikazzjonijiet (approvazione del testo unico delle disposizioni legislative in materia postale, di bancoposta e di telecomunicazioni), tad-29 ta’ Marzu 1973 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 113, tat-3 ta’ Mejju 1973).
7 Skond l-Artikolu 188 tal-Kodiċi Postali, “[i]l-konċessjonarju għandu jħallas lill-Istat dritt annwali kif stabbilit minn dan id-Digriet, mir-Regolament jew mill-att ta’ konċessjoni”. Dan id-dritt kien ikkalkulat proporzjonalment mad-dħul jew mal-profitti grossi tas-servizz li kien is-suġġett tal-konċessjoni, wara li jitnaqqsu l-ammonti mħallsa lill-konċessjonarju tan-netwerk pubbliku.
Id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 318 tat-22 ta’ Settembru 1997
8 Id-Direttiva 97/13 ġiet trasposta b’mod partikolari permezz tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 318, li jistabbilixxi r-regolament għall-applikazzjoni ta’ direttivi Ewropej fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (regolamento per l’attuazione di direttive comunitarie nel settore delle telecomunicazioni), tad-19 ta’ Settembru 1997 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 221, tat-22 ta’ Settembru 1997, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 318/1997”).
9 L-Artikolu 2(3) sa (6) ta’ dan id-digriet jipprovdi:
“3. Id-drittijiet speċjali u esklużivi għall-offerta tas-servizz ta’ telefonija bil-vuċi u għall-installazzjoni u l-provvista ta’ netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet marbuta ma’ dan is-servizz għandhom jinżammu sa l-1 ta’ Jannar 1998. […]
4. Il-konċessjonijiet għal użu pubbliku u l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 184(1) tal-Kodiċi Postali li jkunu eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu mibdula, fuq inizjattiva ta’ l-[awtorità regolatorja nazzjonali], qabel l-1 ta’ Jannar 1999, sabiex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.
5. Meta l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament timplika emendi fil-kundizzjonijiet tal-konċessjonijiet u ta’ l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, il-kundizzjonijiet minbarra dawk li jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, li tneħħew jew li għandhom jitneħħew skond dan ir-Regolament, jibqgħu validi, mingħajr ħsara għad-drittijiet li l-impriżi l-oħra jgawdu, b’mod partikolari, taħt id-dritt Komunitarju.
6. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, l-obbligi li jirriżultaw mill-konċessjonijiet u mill-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet tiegħu, għandhom ikunu mingħajr effett mill-1 ta’ Jannar 1999.”
10 L-Artikolu 6(2) tad-Digriet Nru 318/1997 jipprevedi:
“[…] il-kontribuzzjoni mitluba mingħand l-impriżi fir-rigward tal-proċeduri marbuta mal-liċenzji individwali hija esklużivament maħsuba sabiex tkopri l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-preparazzjoni, mal-kontroll tal-ġestjoni tas-servizz u taż-żamma tal-kundizzjonijiet previsti għal-liċenzji stess. […]”
11 L-Artikolu 21(2) tad-Digriet Nru 318/1997 jipprovdi kif ġej:
“Bla ħsara għal dispożizzjonijiet espressi f’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet għandhom jibqgħu japplikaw. Għandhom jibqgħu japplikaw b’mod partikolari, għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 6(20) u (21), u sakemm tinħareġ deċiżjoni kontrarja mill-[awtorità regolatorja nazzjonali], id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 188 tal-Kodiċi Postali.”
Il-Liġi Nru 448
12 Skond l-Artikolu 20(3) tal-Liġi Nru 448, fuq il-miżuri ta’ finanzi pubbliċi għall-istabbiltà u l-iżvilupp (misure di finanza pubblica per la stabilizzazione e lo sviluppo), tat-23 ta’ Diċembru 1998 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 1998, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 448/1998”):
“3. B’effett mill-1 ta’ Jannar 1999, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 188 tal-[Kodiċi Postali] ma għandhomx jibqgħu japplikaw għall-operaturi ta’ servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet.”
13 L-Artikolu 20(4) ta’ din il-liġi ħassar l-Artikolu 21(2) tad-Digriet Nru 318/1997.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 Telecom Italia, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Taljan, qabel kienet detentriċi ta’ dritt esklużiv, fil-forma ta’ konċessjoni esklużiva, fir-rigward tas-servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet fl-Italja. Din il-kumpannija qiegħda tikkontesta quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio (Tribunal Amministrattiv Reġjonali tal-Lazio) iż-żamma, għas-sena 1998, tad-dritt annwali previst mill-Kodiċi Postali, li jammonta għal madwar EUR 385 miljuni, somma li tagħha hija qiegħda titlob il-ħlas lura. Din il-kumpannija ssostni li l-ftuħ tas-suq tat-telekomunkazzjoni għall-kompetizzjoni fl-1 ta’ Jannar 1998 implika t-tneħħija tad-drittijiet esklużivi f’dan il-qasam. B’effett minn dik id-data, l-uniċi piżijiet finanzjarji applikabbli għall-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet fir-rigward tal-liċenzja individwali tagħhom huma dawk previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fis-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Albacom u Infostrada, (C-292/01 u C-293/01, Ġabra p. I-9449).
15 Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubju wkoll dwar il-validità tad-dritt annwali impost fuq Telecom Italia għas-sena 1998, filwaqt li tistaqsi jekk l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13, li fih dispożizzjoni tranżitorja għall-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, bħal dawk mogħtija lil Telecom Italia, jistax madankollu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza tali dritt għal din is-sena biss. Dik il-qorti madankollu xxaqleb lejn il-fehma, bħal dik espressa minn Telecom Italia, li dan l-Artikolu 22 ma fihx dispożizzjoni tranżitorja li tkopri l-Artikolu 11 ta’ l-imsemmija direttiva, dwar il-piżijiet applikabbli għal-liċenzji individwali, u li għalhekk ma jippermettix l-impożizzjoni ta’ piż finanzjarju bħad-dritt in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
16 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 20(3) tal-Liġi Nru 448/1998 [huwa konformi] ma’ l-Artikoli 11, 22 u 25 tad-Direttiva 97/13[ ?]”
Fuq id-domanda preliminari
17 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija taħt l-Artikolu 234 KE, dwar il-kompatibbiltà ta’ normi tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li joħorġu mid-dritt Komunitarju u li jippermettu lil dik il-qorti tevalwa l-kompatibbiltà ta’ normi tad-dritt intern mal-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1994, Lamaire, C-130/93, Ġabra p. I-3215, punt 10, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, Ġabra p. I-8613, punti 34 u 35).
18 F’dan ir-rigward, minkejja li, mill-aspett formali, il-qorti tar-rinviju limitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 11, 22 u 25 tad-Direttiva 97/13, dan il-fatt ma jwaqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju kollha li jistgħu jkunu utli għall-eżitu tal-kawża li hija għandha quddiemha, irrispettivament minn jekk dik il-qorti għamlitx riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Alevizos, C-392/05, Ġabra p. I-3505, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Għaldaqstant, safejn mill-proċess tal-kawża ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Telecom Italia tgawdi minn awtorizzazzjoni ġenerali, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni anki l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13, dwar l-awtorizzazzjonijiet ġenerali.
20 B’hekk, id-domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża sabiex ikun magħruf jekk l-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 97/13, moqrija flimkien ma’ l-Artikoli 22 u 25 tagħha, jipprekludux lil Stat Membru milli jeżiġi li operatur, li qabel kien detentur ta’ dritt esklużiv fir-rigward tas-servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u li sar detentur ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, iħallas piż finanzjarju bħad-dritt in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkorrispondi għall-ammont preċedentement mitlub bħala korrispettiv għad-dritt esklużiv, matul sena mill-aħħar jum tat-terminu previst għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ din id-direttiva, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 1998.
Osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja
21 Telecom Italia u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li tali dritt huwa kuntrarju għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13 kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u li ż-żamma fis-seħħ tiegħu matul sena mill-aħħar jum tat-terminu previst għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ din id-direttiva mhijiex permessa mill-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva. Skondhom, dan l-Artikolu 22 jippermetti ż-żamma tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 97/13 sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jagħtux drittijiet speċjali jew esklużivi. Issa, l-obbligu li jitħallas id-dritt in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa l-korrispettiv ta’ l-għoti ta’ dritt esklużiv. Għalhekk dan l-obbligu għandu jiġi kkunsidrat bħala kuntrarju għall-imsemmi Artikolu 22.
22 Il-Gvern Taljan, min-naħa tiegħu, jagħmel distinzjoni bejn l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 97/13, li jipprovdi li l-kundizzjonijiet li jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi ma jistgħux jinżammu wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, u l-Artikolu 22(3) tagħha, li jipprovdi li l-obbligi li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti f’dik id-data jistgħu jinżammu sal-31 ta’ Diċembru 1998. Dan il-gvern jindika li d-drittijiet speċjali u esklużivi twaqqfu fil-31 ta’ Diċembru 1997, skond id-Direttiva 97/13. Huwa jżid li r-Repubblika Taljana, barra minn hekk, għamlet użu mid-dritt, mogħti minn dan l-Artikolu 22(3), li żżomm ċerti obbligi għal sena. Il-ħlas tad-dritt impost fuq l-impriża li qabel kienet detentriċi tad-dritt esklużiv jaqa’ fil-kuntest ta’ dawn l-obbligi u għalhekk huwa konformi ma’ l-imsemmija direttiva.
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
23 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni teżamina l-kompatibbiltà mad-Direttiva 97/13 ta’ piż finanzjarju annwali impost fuq impriża tat-telekomunikazzjonijiet u kkalkulat skond perċentwali tad-dħul mill-bejgħ tagħha fil-kuntest tas-sentenza Albacom u Infostrada, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-punt 41 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali piż huwa kuntrarju għall-għanijiet tal-leġiżlatur Komunitarju u jmur lil hinn mill-qafas komuni stabbilit bid-Direttiva 97/13. Barra minn hekk, mill-punti 33 u 42 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li tali piż huwa projbit mill-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li t-taxxi imposti fuq l-impriżi fir-rigward tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjonijiet għandhom l-għan waħdieni li jkopru l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ħruġ, mal-ġestjoni, mal-kontroll u ma’ l-applikazzjoni tal-liċenzji individwali. Peress li t-taxxi imposti bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huma limitati bl-istess mod, l-istess projbizzjoni tapplika abbażi ta’ dan l-artikolu ta’ l-aħħar.
24 Skond l-Artikolu 25 tad-Direttiva 97/13, l-imsemmija Artikoli 6 u 11 kellhom jiġu implementati, bħad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva, mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1997.
25 L-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13, madankollu, fih dispożizzjonijiet derogatorji applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva li jipprovdu li dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu emendati sabiex ikunu konformi ma’ din id-direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1999, jiġifieri mhux iktar tard minn sena wara d-data prevista fl-Artikolu 25.
26 Għalhekk, il-kwistjoni li tqum hija jekk l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13 jippermettix, bħala deroga u għal sena waħda biss, iż-żamma ta’ piż finanzjarju bħad-dritt in kwistjoni fil-kawża prinċipali fil-konfront ta’ l-operatur li kien ingħata dritt esklużiv qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.
27 Apparti li l-Artikolu 22(1) jagħti terminu addizzjonali ta’ sena, li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 1998, sabiex l-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 97/13 ikunu konformi magħha, l-Artikolu 22(2) jipprevedi l-possibbiltà li l-validità tal-kundizzjonijiet marbuta ma’ l-awtorizzazzjonijiet eżistenti tiġi estiża, bil-kundizzjoni iżda li dawn il-kundizzjonijiet ma jagħtux drittijiet speċjali jew esklużivi u li din l-estensjoni ta’ validità ma taffettwax id-drittijiet li impriżi oħra għandhom taħt id-dritt Komunitarju. L-Artikolu 22(3) jikkonċerna l-obbligi marbuta ma’ l-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva. Dan l-artikolu ta’ l-aħħar, li japplika mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22(2), jipprevedi li l-obbligi msemmija għandhom ikunu konformi ma’ din id-direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1999, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx talab u kiseb mill-Kummissjoni estensjoni ta’ din id-data.
28 Għalhekk, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13 ma jikkonċernax b’mod espliċitu l-piżijiet finanzjarji applikabbli għall-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet, irrispettivament minn jekk humiex involuti awtorizzazzjonijiet ġenerali jew liċenzji individwali. L-Artikoli 6 u 11 ta’ din id-direttiva biss jikkonċernaw espressament din il-kwistjoni.
29 Sabiex jiġi vverifikat jekk minkejja kollox dan l-Artikolu 22 huwiex maħsub sabiex japplika għall-piżijiet finanzjarji bħad-dritt in kwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-artikolu għandu jiġi interpretat billi ssir referenza mhux biss għad-diċitura tiegħu iżda anki għall-għan u għall-ekonomija tiegħu fil-kuntest tad-Direttiva 97/13 ikkunsidrata fl-intier tagħha.
30 F’dan ir-rigward, is-sitta u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva tippermetti li jiġi kkjarifikat l-għan ta’ dan l-Artikolu 22. F’din il-premessa l-leġiżlatur Komunitarju kkonstata li ċerti liċenzji ta’ telekomunikazzjonijiet kienu ngħataw mill-Istati Membri għal perijodi li jmorru lil hinn mill-1 ta’ Jannar 1999. Sabiex jiġu evitati talbiet għal kumpens, ġie kkunsidrat neċessarju li l-Istati Membri jitħallew jestendu l-validità ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ dawn il-liċenzji, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jagħtux drittijiet speċjali jew esklużivi. Fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet, mingħajr ħsara għal awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni, dawn kellhom jitwaqqfu b’mod partikolari bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kummissjoni 90/388/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet (ĠU L 192, p. 10).
31 Għalhekk, l-għan ta’ l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13 huwa li jiġu evitati proċeduri kontenzjużi billi r-relazzjonijiet kuntrattwali konklużi bejn l-Istati Membri u l-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva jitħallew fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar 1999 filwaqt li dawn l-Istati ngħataw terminu sa dik id-data biss sabiex jadattaw il-kontenut tal-kuntratti in kwistjoni għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
32 Għalhekk, l-għan ta’ l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13, kif ippreċiżat fid-dawl tas-sitta u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva, jidher li ma jikkonċernax iż-żamma ta’ piż finanzjarju marbut ma’ dritt esklużiv qadim.
33 Analiżi tat-terimini preċiżi ta’ dan l-artikolu ssaħħaħ din il-konstatazzjoni.
34 Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ Stat Membru li ma jkunx kiseb l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni sabiex iżomm drittijiet speċjali jew esklużivi fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 97/13 jeskludi ż-żamma ta’ kundizzjonijiet li jagħtu tali drittijiet wara l-31 ta’ Diċembru 1997. Issa, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk jitwaqqaf dritt esklużiv, dan normalment għandu jkollu effett fuq l-applikazzjoni tal-piż finanzjarju li huwa l-korrispettiv tiegħu.
35 Fit-tieni lok, mit-termini stess ta’ l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 97/13 jirriżulta li dan l-artikolu japplika mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22(2). Peress li dan l-artikolu ta’ l-aħħar jeskludi l-kundizzjonijiet li jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, l-imsemmi Artikolu 22(3) ma jistax ikopri l-obbligi marbuta ma’ tali kundizzjonijiet, b’tali mod li ma jistax jinftiehem fis-sens li jippermetti ż-żamma tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 1998.
36 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li obbligu li jieħu l-forma ta’ ħlas ta’ dritt marbut ma’ dritt esklużiv qadim ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-obbligi msemmija fl-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 97/13 u li tali ħlas ta’ dritt ma jistax jinżamm fis-seħħ wara l-31 ta’ Diċembru 1997, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 25 ta’ l-imsemmija direttiva.
37 Madankollu, matul is-seduta l-Gvern Taljan sostna li l-ħlas tad-dritt in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhuwiex marbut ma’ l-għoti ta’ dritt esklużiv, li barra minn hekk kien ġie rtirat. Fil-verità, l-għan ta’ dan id-dritt kien li jiffaċilita, għar-Repubblika Taljana, it-tranżizzjoni lejn sistema kompetittiva. Peress li dan l-Istat Membru kellu jabbanduna s-sistema ta’ dritt esklużiv li huwa kien stabbilixxa kif ukoll ir-riżorsi li kienet tassiguralu din is-sistema, iż-żamma ta’ dan id-dritt matul sena kienet tikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja li kienet tippermettilu jadatta ruħu progressivament għas-sistema l-ġdida. Il-kelma “obbligi” li tinsab fl-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 97/13 hija distinta mill-kelma “kundizzjonijiet” użata fl-Artikolu 22(2) ta’ l-istess direttiva u għandha tinqara indipendentement mill-kelma ta’ l-aħħar. B’hekk, l-Istat Membru jista’ jimponi, għal raġunijiet finanzjarji, piż finanzjarju bħad-dritt in kwistjoni fil-kawża prinċipali sal-31 ta’ Diċembru 1998.
38 F’dan ir-rigward għandu jingħad li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk id-dritt in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li fir-rigward tiegħu mhuwiex ikkontestat li huwa bbażat fuq l-Artikolu 188 tal-Kodiċi Postali, huwiex marbut mad-dritt esklużiv fir-rigward tas-servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet konċessi lil Telecom Italia qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 97/13.
39 Jekk jitqies li piż finanzjarju bħal dan id-dritt mhuwiex marbut ma’ dritt esklużiv mogħti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 97/13, għandu jiġi eżaminat jekk tali piż jikkostitwixxix obbligu fis-sens ta’ l-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva li jista’ jibbenefika mid-deroga prevista minn din id-dispożizzjoni.
40 F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tal-Gvern Taljana hija bbażata fuq il-premessa li l-kunċett ta’ “obbligi” li jinsab fl-Artikolu 22(3) huwa distint minn dak ta’ “kundizzjonijiet” li jinsab fl-Artikolu 22(2). Skond il-Gvern Taljan, dan il-kunċett ta’ l-aħħar ikopri biss il-vantaġġi mogħtija lill-impriża fl-interess tagħha filwaqt li l-kelma “obbligi” tinkludi l-piżijiet imposti fuq l-impriżi, inklużi dawk, bħal fil-kawża prinċipali, imposti biss fl-interess finanzjarju ta’ l-Istat Membru kkonċernat, irrispettivament mill-“kundizzjonijiet” ta’ l-awtorizzazzjoni.
41 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax taqbel ma’ din l-analiżi. Fl-ewwel lok, mill-ekonomija ta’ dan l-Artikolu 22(2) u (3), kif ukoll mill-użu tal-kelma “kundizzjonijiet”, b’mod partikolari fl-Artikoli 3, 4 u 8 tad-Direttiva 97/13 moqrija flimkien ma’ l-anness tagħha, sabiex jiġu deskritti l-kundizzjonijiet li jistgħu jkunu marbuta ma’ l-awtorizzazzjonijiet, jirriżulta li din il-kelma tkopri l-kunċett ta’ “obbligi” fis-sens ta’ l-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet li jistgħu jkunu marbuta ma’ l-awtorizzazzjonijiet bħal dawk indikati fl-anness ta’ din id-direttiva jinkludu diversi obbligi, fosthom il-kundizzjoni indikata fil-punt 4.3 ta’ dan l-anness, dwar ir-rekwiżiti fil-qasam ta’ l-ambjent u ta’ l-ippjanar tat-territorju urban u rurali.
42 Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li huma biss l-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 97/13 li jikkonċernaw il-piżijiet finanzjarji applikabbli għall-impriżi detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet fil-qasam tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Albacom u Infostrada, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). Fir-rigward tal-liċenzji individwali, l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li t-taxxi imposti mill-Istati Membri fuq l-impriżi detenturi ta’ dawn il-liċenzji għandhom ikunu intiżi biss sabiex ikopru l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ħidma meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dawn il-liċenzji (sentenzi Albacom u Infostrada, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25 u tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany, C-392/04 u C-422/04, Ġabra p. I-8559, punt 28). L-istess kunsiderazzjoni tapplika għat-taxxi imposti mill-Istati Membri fir-rigward ta’ l-awtorizzazzjonijiet ġenerali taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13, li barra minn hekk jipprevedi forma waħda oħra ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet marbuta mal-provvista tas-servizz universali.
43 Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet marbuta ma’ l-awtorizzazzjonijiet” fis-sens tad-Direttiva 97/13 ikopri drittijiet u obbligi differenti, mingħajr madankollu ma jinkludi l-piżijiet finanzjarji imposti fuq l-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet.
44 Minn dan isegwi li l-kelma “obbligi” fis-sens ta’ l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 97/13 ma tkoprix piż finanzjarju, bħad-dritt in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkun impost fuq impriża ta’ telekomunikazzjonijiet, mingħajr ebda rabta mal-kundizzjonijiet ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorizzazzjoni mogħtija lil din l-impriża, bl-iskop waħdieni li jassisti finanzjarjament lill-Istat Membru kkonċernat.
45 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 6, 11, 22 u 25 tad-Direttiva 97/13 jipprekludu lil Stat Membru milli jeżiġi mingħand operatur, li qabel kien detentur ta’ dritt esklużiv fir-rigward tas-servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u li sar detentur ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, il-ħlas ta’ piż finanzjarju bħad-dritt in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkorrispondi għall-ammont preċedentement mitlub bħala korrispettiv għall-għoti ta’ l-imsemmi dritt esklużiv, matul sena mill-aħħar jum tat-terminu previst għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ din id-direttiva, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 1998.
Fuq l-ispejjeż
46 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikoli 6, 11, 22 u 25 tad-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, jipprekludu lil Stat Membru milli jeżiġi mingħand operatur, li qabel kien detentur ta’ dritt esklużiv fir-rigward tas-servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u li sar detentur ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, il-ħlas ta’ piż finanzjarju bħad-dritt in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkorrispondi għall-ammont preċedentement mitlub bħala korrispettiv għall-għoti ta’ l-imsemmi dritt esklużiv, matul sena mill-aħħar jum tat-terminu previst għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ din id-direttiva, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 1998.
Firem
** Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy