Kawża C-310/06
FTS International BV
vs
Belastingdienst - Douane West
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Gerechtshof te Amsterdam)
“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura magħquda — Klassifikazzjoni — Qatgħat mingħajr għadam tat-tiġieġ, iffriżati u mimlija bil-melħ — Validità tar-Regolament (KE) Nru 1223/2002”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni – Intestaturi tariffarji
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Artikolu 9; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1223/2002)
Billi kklassifikat fis-subintestatura 0207 14 10, bir-Regolament Nru 1223/2002, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, il-laħam tat-tiġieġ b’kontenut ta’ melħ bejn 1,2 u 1,9 % skond il-piż, il-Kummissjoni rrestrinġiet il-portata ta’ l-intestatura 0210, li kienu jaqgħu taħtha, skond in-nota addizzjonali 7 tal-kapitolu 2 tat-taqsima I tat-tieni parti tan-Nomenklatura Magħquda fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament Nru 1832/2002, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, il-qatgħat tal-laħam tat-tiġieġ mingħajr għadam, iffriżati, imxappa sew bil-melħ fil-partijiet kollha u b’kontenut ta’ melħ ta’ għall-inqas 1,2 %. Għaldaqstant, hija qabżet il-limiti tas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2658/87. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 1223/2002 għandu jiġi ddikjarat invalidu.
(ara l-punti 24-25 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
18 ta’ Lulju 2007 (*)
“Tariffa doganali komuni – Nomenklatura magħquda – Klassifikazzjoni – Qatgħat mingħajr għadam tat-tiġieġ, iffriżati u mimlija bil-melħ – Validità tar-Regolament (KE) Nru 1223/2002”
Fil-kawża C‑310/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2006, fil-proċedura
F.T.S. International BV
vs
Belastingdienst — Douane West ,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. Klučka, J. N. Cunha Rodrigues, P. Lindh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ April 2007,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal F.T.S. International BV, minn H.C. de Bie u M. Ouwehand, advocaten,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u P. van Ginneken, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux u S. Schonberg, bħala aġenti, assistiti minn F. Tuytschaever u F. Wijckmans, advocaten,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1223/2002, tat-8 ta’ Lulju 2002, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 179, p. 8).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn F.T.S. International BV (iktar ’il quddiem “FTS”) u l-Belastingdienst — Douane West (l-awtorità doganali kompetenti għall-punent ta’ l-Olanda) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ qatgħat mingħajr għadam tal-laħam tat-tiġieġ, iffriżati u mmelħin.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 Il-Konvenzjoni Internazzjonali li waqqfet is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll ta’ emenda ta’ l-24 ta’ Ġunju 1986 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p.1).
4 Skond l-Artikolu 3(1) ta’ l-imsemmija Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tat-tariffi u l-istatistiċi jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li tiġi segwita l-ordni numerika ta’ din is-sistema. L-istess dispożizzjoni tistipula li kull parti kontraenti tintrabat ukoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsima, tal-kapitolu u tas-subintestatura tas-SA u li ma tiġix b’hekk modifikata l-portata tagħhom.
5 Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (World Customs Organisation, iktar ’il quddiem “WCO”)] imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali li ħolqot l-imsemmi kunsill, iffirmata Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, approva, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti spjegattivi tas-SA adottati mill-kumitat tas-SA, kumitat li l-organizzazzjoni tiegħu hija rregolata mill-Artikolu 6 ta’ l-imsemmija konvenzjoni.
6 In-nota ta’ spjegazzjoni ta’ l-intestatura 0210 tas-SA, intitolata “Laħam u interjuri li jittieklu, friski, imkessħin jew iffriżati, tat-tjur tan-Nru 0105”, tistipula dan li ġej:
“Din l-intestatura tapplika biss għal-laħam u interjuri li jittieklu, friski, imkessħin jew iffriżati, tat-tjur domestiċi li, meta ħajjin, huma kklassifikati taħt in-Nru 0105 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 Skond in-nota ta’ spjegazzjoni ta’ l-intestatura 0210 tas-SA, intitolata “Laħam u interjuri ta’ annimali li jittieklu, immelħa jew fis-salmura, imnixxfa jew affumikati; meal, li jittiekel, tal-laħam jew l-interjuri ta’ annimali”:
“Din l-intestatura tapplika biss għal-laħam u l-interjuri ta’ annimali ta’ kwalunkwe tip ippreparati skond l-ispeċifikazzjonijiet mogħtija fl-intestatura, iżda bl-esklużjoni tax-xaħam mingħajr dgħif kif ukoll tax-xaħam tal-majjal u x-xaħam tat-tjur mhux imdewweb jew estratt b’xi mod ieħor (Nru 0209) […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
8 Il-verżjoni tan-nomenklatura magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2003 tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, ta’ l-1 ta’ Awwissu 2002, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 290, p. 1). It-tieni parti tan-NM tinkludi t-taqsima I intitolata “Annimali ħajjin u prodotti minn annimali”, u l-kapitolu 2 tagħha huwa intitolat “Laħam u interjuri ta’ annimali li jittieklu”.
9 L-intestatura 0207 tistipula kif ġej:
“0207 Laħam u interjuri li jittieklu, friski, imkessħin jew iffriżati, tat-tjur tan-Nru 0105:
– ta’ sriedaq u ta’ tiġieġ:
[…]
0207 14 – – Qatgħat ta’ laħam u interjuri, iffriżati:
– – – Qatgħat:
0207 14 10 – – – – mingħajr għadam
– – – – bl-għadam
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 L-intestatura 0210 tuża t-termini li ġejjin:
“0210 Laħam u interjuri ta’ annimali li jittieklu, immelħa jew fis-salmura, imnixxfa jew affumikati; meal, li jittiekel, tal-laħam jew l-interjuri ta’ annimali;
– Laħam tal-majjal:
[…]
0210 20 – Laħam tal-bhejjem ta’ l-ifrat:
[…]
– oħrjan, inkluż meal, li jittiekel, tal-laħam jew l-interjuri ta’ annimali:
[…]
0210 99 – – oħrjan:
– – – Laħam:
0210 99 10– – – – taż-żiemel, immellaħ jew fis-salmura jew imnixxef
– – – – tan-nagħaġ u mogħoż:
[…]
0210 99 31 – – – – tar-renni
0210 99 39 – – – – oħrajn
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
11 In-nota addizzjonali 7 tal-Kapitolu 2, kif kienet tirriżulta mir-Regolament Nru 1832/2002 kienet tistipula:
“Għall-finijiet tan-Nru 0210, l-espressjonijiet ‘laħam u interjuri ta’ l-annimali li jittieklu, immellħa, fis-salmura’ ifissru laħam u interjuri ta’ l-annimali li jittieklu imxappa sew u b’mod omoġenju bil-melħ fil-partijiet kollha u li jkollhom kontenut totali ta’ melħ ta’ mhux anqas minn 1,2 % skond il-piż” [traduzzjoni mhux uffiċjali iżda meħuda mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1871/2003 li ssostitwixxa dan l-Artikolu].
12 Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p. 1), jawtorizza lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkjarifika l-kontentut ta’ intestatura tat-tariffa. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament jiddisponi:
“Miżuri li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-affarijiet msemmija hawn taħt għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10:
a) applikazzjoni tan-nomenklatura magħquda u t-[tariffa magħquda tal-Komunitajiet Ewropej], l-aktar dwar:
– il-klassifikazzjoni tal-oġġetti fin-nomenklaturi msemmija fl-Artikolu 8,
– noti ta’ spjegazzjoni;
b) emendi fin-nomenklatura magħquda biex jitqiesu t-tibdiliet fil-ħtiġijiet dwar statistika jew politika kummerċjali;
[...]
d) emendi fin-nomenklatura magħquda u aġġustamenti fid-dazji skond deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni;
e) emendi fin-nomenklatura magħquda bil-ħsieb li din tkun adattata biex tqis l-iżviluppi teknoloġiċi jew kummerċjali jew biex kliem ikun jaqbel u mfisser sewwa;
[…]”
13 L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2658/87 jikkostitwixxi l-bażi tar-Regolament Nru 1223/2002, li kien jipprovdi li l-oġġetti li ġejjin kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 0207 tan-NM:
“Deskrizzjoni ta’ l-oġġetti
Kodiċi tan-NM
Raġunijiet
(1)
(2)
(3)
Qatgħat mingħajr għadam tat-tiġieġ, iffriżati u mimlija bil-melħ fil-partijiet kollha. Għandhom kontenut tal-melħ skond il-piż ta’ 1,2 % sa 1,9 %.
Il-prodott huwa ffriżat u għandu jinħażen f’temperatura ta’ anqas minn -18 °C biex ikun żgurat tul ta’ żmien li fih jibqa’ tajjeb biex jittiekel ta’ mill-anqas sena.
0207 14 10
Il-klassifikazzjoni hija stabbilita bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċi tan-NM 0207, 020714 u 02071410.
Il-prodott huwa laħam tat-tiġieġ iffriżat għall-konservazzjoni fit-tul. L-addizzjoni tal-melħ ma jbiddilx il-karattru tal-prodott bħala laħam friżat ta’ l-intestatura 0207.”
14 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1871/2003, tat-23 ta’ Ottubru 2003, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 275, p. 5), li daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Novembru 2003, issostiwixxa n-nota addizzjonali 7 tal-Kapitolu 2 tat-taqsima I tat-tieni parti tan-NM b’dan it-test:
“Għall-finijiet ta’ l-Intestatura 0210, l-espressjonijiet ‛laħam u interjuri ta’ l-annimali li jittieklu, immellħa, fis-salmura’ ifissru laħam u interjuri ta’ l-annimali li jittieklu imxappa sew u b’mod omoġenju bil-melħ fil-partijiet kollha u li ikollhom kontenut totali ta’ melħ ta’ mhux anqas minn 1,2 % skond il-piż, kemm-il darba tkun l-imluħa li tiżgura il-priservazzjoni għat-tul.”
15 Fis-27 ta’ Settembru 2005, il-korp li jsolvi t-tilwim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ikkunsidra li qatgħat mingħajr għadam tal-laħam tat-tiġieġ, iffriżat u b’kontenut tal-melħ skond il-piż ta’ 1,2 % sa 3 % kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 0210 tan-NM. Wara din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 949/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 174, p. 3). Ir-Regolament Nru 949/2006 daħal fis-seħħ dakinhar stess, ħassar ir-Regolament Nru 1223/2002 u ssostitwixxxa n-nota addizzjonali 7 tal-Kapitolu 2 tat-taqsima I tat-tieni parti tan-NM bid-dispożizzjonijiet li ġejjin:
“Għall-finijiet tas-subintestaturi NC 0210 11 sa 0210 93, l-espressjonijiet ‛laħam u interjuri ta’ l-annimali li jittieklu, immellħa, fis-salmura’ ifissru laħam u interjuri ta’ l-annimali li jittieklu mxappa sew u b’mod omoġenju bil-melħ fil-partijiet kollha u li jkollhom kontenut totali ta’ melħ ta’ mhux anqas minn 1,2 % skond il-piż, kemm-il darba tkun l-imluħa li tiżgura l-priżervazzjoni għat-tul. Għall-finijiet tas-subintestatura 0210 99, l-espressjonijiet ‛laħam u interjuri ta’ l-annimali li jittieklu, immellħa, fis-salmura’ ifissru laħam u interjuri ta’ l-annimali li jittieklu mxappa sew u b’mod omoġenju bil-melħ fil-partijiet kollha u li jkollhom kontenut totali ta’ melħ ta’ mhux anqas minn 1,2 % skond il-piż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali iżda meħuda mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1871/2003]
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
16 Bejn il-5 ta’ Awwissu u l-11 ta’ Awwissu 2003, FTS importat ġewwa l-Olanda qatgħat ta’ laħam tat-tiġieġ ġejjin mill-Brażil, mingħajr għadam, iffriżati u b’kontenut ta’ melħ bejn 1,4 u 2,9 %.
17 Abbażi tar-Regolament Nru 1223/2002, id-dwana Olandiża kklassifikat din il-merkanzija taħt is-subintestatura 0207 14 10. Il-Belastingdienst — Douane West irrifjutat l-oġġezzjoni ta’ FTS li sostniet li l-imsemmija merkanzija kienet taqa' taħt is-subintestatura 0210 99 39. FTS għalhekk ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Sezzjoni Doganali tal-Gerechtshof te Amsterdam.
18 Peress li kkunsidrat li r-Regolament Nru 1223/2002, applikabbli fid-data tal-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa irrikonċiljabbli man-nota addizzjonali 7 tal-kapitolu 2 tat-taqsima I tat-tieni parti tan-NM fil-verżjoni li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, kif kienet tirriżulta mir-Regolament Nru 1832/2002, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Ir-Regolament Nru 1223/2002 […] huwa validu?”
Fuq id-domanda preliminari
19 FTS hija tal-fehma li r-Regolament Nru 1223/2002 huwa invalidu u ssostni, b’mod partikolari, li huwa inkompatibbli man-nota addizzjonali 7 tal-kapitolu 2 tat-taqsima I tat-tieni parti tan-NM kif ukoll man-noti spejegattivi ta’ l-intestaturi 0207 u 0210 tan-NM, li jistipulaw li l-laħam li jkunu ġew immellħa jaqgħu taħt l-intestatura 0210, kif ġie deċiż mill-korp li jsolvi t-tilwim tal-WTO.
20 Il-Gvern Olandiż u dak Taljan, kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu, għall-kuntrarju, li r-Regolament Nru 1223/2002 huwa validu. Huma jsostnu, essenzjalment, li l-intestatura 0207 tan-NM tkopri l-qatgħat tal-laħam tat-tiġieġ mingħajr għadam, iffriżati, imxappa sew u b’mod omoġenju bil-melħ fil-partijiet kollha u li jkollhom kontenut totali ta’ melħ ta’ bejn 1,2 u 1,9 % skond il-piż. Il-Kummissjoni żżid li l-inkompatibbiltà tar-Regolament Nru 1223/2002 mar-regoli tal-WTO hija rrilevanti għall-validità ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tad-dritt Komunitarju, billi dawn ir-regoli m'għandomx effett dirett u f’dan ir-rigward tirreferi għas-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C‑149/96, Ġabra p. I‑8395), u ta’ l-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys (C‑377/02, Ġabra p. I‑1465).
21 L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Kunsill ta lill-Kummissjoni, li taġixxi b’kooperazzjoni ma’ l-esperti doganali ta’ l-Istati Membri, diskrezzjoni wiesgħa sabiex tippreċiża l-kontenut ta’ l-intestaturi tariffarji li għandhom jiġu kkunsidrati għall-klassifikazzjoni ta’ oġġett speċifiku. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta l-miżuri previsti fl-Artikolu 9(1)(a),(b),(d) u (e) tar-Regolament Nru 2658/87 ma tawtorizzahiex tbiddel il-kontenut ta’ l-intestaturi tariffarji li kienu ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-SA, stabbilita mill-Konvenzjoni li fir-rigward tagħha l-Komunità ntrabtet, skond l-Artikolu 3 tagħha, li ma tbiddilx il-portata tagħha (is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑267/94, Ġabra p. I‑4845, punti 19 u 20; u tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe, C‑15/05, Ġabra p. I‑3657, punt 35).
22 Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, billi adottat ir-Regolament Nru 1223/2002, biddlitx l-intestatura 0210 tan-NM, u b’hekk qabżet il-limiti tas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2658/87.
23 In-nota addizzjonali 7 tal-kapitolu 2 tat-taqsima I tat-tieni parti tan-NM, fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, kienet tillimita ruħha biex tipprovdi li għall-finijiet ta’ l-intestatura 0210, l-espressjoni “laħam u interjuri ta’ l-annimali li jittieklu, immellħa” tfisser “laħam u interjuri ta’ l-annimali li jittieklu imxappa sew u b’mod omoġenju bil-melħ fil-partijiet kollha u li jkollhom kontenut totali ta’ melħ ta’ mhux anqas minn 1,2 % skond il-piż”. B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, il-qatgħat tal-laħam tat-tiġieġ mingħajr għadam, iffriżati, imxappa sew bil-melħ fil-partijiet kollha u b’kontenut ta’ melħ ta’ għall-inqas 1,2 % kienu b’hekk jaqgħu taħt l-intestatura 0210.
24 Billi kklassifika l-prodotti b’kontenut ta’ melħ bejn 1,2 u 1,9 % taħt is-subintestatura 0207 14 10, ir-Regolament Nru 1223/2002, konsegwentement, għolla l-limitu relativ għall-kontenut tal-melħ ta’ l-oġġetti li jaqgħu taħt l-intestatura 0210 għal iktar minn 1,9 %, b’mod li l-prodotti b’kontenut ta’ melħ ta’ bejn 1,2 u 1,9 %, li sa dak iż-żmien kienu jaqgħu taħt din l-intestatura msemmija l-aħħar, ġew esklużi minnha biex ġew ikklassifikati fis-subintestatura 0207 14 10, b’żieda konsegwenti fid-dazji.
25 Billi kklassifikat b’dan il-mod fis-subintestatura 0207 14 10 il-laħam tat-tiġieġ b’kontenut ta’ melħ bejn 1,2 u 1,9 % skond il-piż, il-Kummissjoni rrestrinġiet il-portata ta’ l-intestatura 0210 u, għaldaqstant, qabżet il-limiti tas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2658/87. Konsegwentement, ir-regolament Nru 1223/2002 għandu jiġi ddikjarat invalidu.
26 Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li biha hija adita, għandha tiġi eżaminata l-klassifikazzjoni ta’ l-oġġetti in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
27 Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinsab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħha, hekk kif iddefiniti mill-kliem ta’ l-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C-369/02, Ġabra p. I-8439, punt 27 u tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, Ġabra p. I‑8151, punt 47).
28 Mir-regola ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM Nru 1 jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ l-oġġetti hija ddeterminata legalment skond il-kliem ta’ l-intestaturi u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu kif ukoll, meta ma jmorrux kontra l-kliem ta’ l-imsemmija intestaturi u noti, skond ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni l-oħra. Skond ir-regola ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM Nru 3(a), li tirrigwarda preċiżament is-sitwazzjoni fejn xi oġġetti jkunu jidhru li għandhom jiġu kklassifikati taħt diversi intestaturi, “l-intestatura l-iktar speċifika għandu jkollha l-priorità fuq l-intestaturi ta’ portata iktar ġenerali”.
29 L-intestatura 0207 tkopri “[l]aħam u interjuri li jittieklu, friski, imkessħin jew iffriżati, tat-tjur tan-Nru 0105”. La l-kliem u lanqas l-istruttura ta’ din l-intestatura ma jipprovdu għal jew jeskludu l-applikazzjoni tagħha għal-laħam immellaħ.
30 Min-naħa l-oħra, l-intestatura 0210 tkopri “[l]aħam u interjuri ta’ annimali li jittieklu, immelħa jew fis-salmura, imnixxfa jew affumikati; meal, li jittiekel, tal-laħam jew l-interjuri ta’ annimali”. Għal dawn il-prodotti, in-nota addizjonali 7 tal-kapitolu 2 tat-taqsima I tat-tieni parti tan-NM fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament Nru 1832/2002, tippreskrivi kontenut totali ta’ melħ ta’ mhux anqas minn 1,2 % skond il-piż u teżiġi, barra minn hekk, li jkunu “mxappa sew u b’mod omoġenju bil-melħ fil-partijiet kollha”.
31 B’hekk, fid-data tal-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, qatgħat tal-laħam tat-tiġieġ mingħajr għadam, iffriżati, li kienu mxappa sew u b’mod omoġenju bil-melħ fil-partijiet kollha u li kellhom kontenut totali ta’ melħ ta’ mhux anqas minn 1,2 % skond il-piż kienu jaqgħu taħt is-subintestatura 0210 99 39 tan-NM.
32 Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsdira li l-intestatura 0210 hija rriżervata għal-laħam li jkun ġie mmellaħ sabiex jiġi kkonservat. Min-naħa l-oħra, meta l-konservazzjoni ssir permezz ta’ l-iffriżar, il-laħam jaqa’ taħt l-intestatura 0207, minkejja li eventwalment jiġi mmellaħ. Il-Kummissjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1983, Dinter (175/82, Ġabra p. 969), u tas-27 ta’ Mejju 1993, Gausepohl-Fleisch (C‑33/92, Ġabra p. I‑3047).
33 Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tan-NM applikabbli fid-data tal-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienet tipprovdi espressament li l-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 0210 kienet tiddependi mill-kwistjoni jekk it-timliħ kienx intiż biex tiġi żgurata l-konservazzjoni fit-tul tal-laħam in kwistjoni. Fir-rigward tar-rilevanza tas-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Dinter u Gausepohl-Fleisch, għandu jiġi osservat li dawn id-deċiżjonijiet ingħataw f’ċirkustanzi differenti minn dawk tal-kawża prinċipali, billi ebda dispożizzjoni regolamentari ekwivalenti għan-nota addizzjonali 7 tal-kapitolu 2 tat-taqsima I tat-tieni parti tan-NM ma kienet għadha ġiet adottata dak iż-żmien sabiex tiġi kkjarifikata l-portata tat-terminu “immelħa” skond l-intestatura 0210 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Frar 1990, van de Kolk, C‑233/88, Ġabra p . I-265, punti 14 u 15).
34 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, abbażi ta’ l-indikazzjonijiet mogħtija iktar ’il fuq, tikklassifika l-oġġetti in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
35 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li r-Regolament Nru 1223/2002 huwa invalidu.
Fuq l-ispejjeż
36 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1223/2002, tat-8 ta’ Lulju 2002, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, huwa invalidu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy