Kawża C-338/06
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — It-tieni Direttiva 77/91/KEE — Artikoli 29 u 42 — Kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata — Żieda fil-kapital — Dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma u ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma — Esklużjoni — Protezzjoni tal-azzjonisti — Trattament ugwali”
Sommarju tas-sentenza
1. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Kumpanniji — Direttiva 77/91 — Trattament ugwali tal-azzjonisti – Bidla fil-kapital ta’ kumpannija ta’ responsabbiltà limitata — Dritt ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti previst fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ investimenti bi flus kontanti
(Direttiva tal-Kunsill 77/91, Artikolu 29(1) u (4) u Artikolu 42)
2. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Kumpanniji — Direttiva 77/91 — Bidla fil-kapital ta’ kumpannija ta’ responsabbiltà limitata — Dritt ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti previst fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ investimenti bi flus kontanti
(Direttiva tal-Kunsill 77/91, Artikolu 29(1) u (6))
3. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Kumpanniji — Direttiva 77/91 — Bidla fil-kapital ta’ kumpannija ta’ responsabbiltà limitata — Dritt ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti previst fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ investimenti bi flus kontanti
(Direttiva tal-Kunsill 77/91, Artikolu 29(4) u (6))
1. Stat Membru ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 42 tat-tieni Direttiva 77/91, dwar id-dritt tal-kumpanniji, moqri flimkien mal-Artikolu 29(1) u (4) ta’ din id-direttiva, jekk iżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ kumpannija kkwotata fil-Borża tista’, meta tiddeċiedi dwar żieda fil-kapital bl-esklużjoni sħiħa jew parzjali tad-dritt ta’ prelazzjoni, liberament tiddeċiedi l-prezz tal-ħruġ tal-ishma l-ġodda sakemm l-imsemmija laqgħa ġenerali jkollha rapport tad-diretturi tal-kumpannija kif ukoll rapport ta’ awditur innominat għal dan il-għan u sakemm il-prezz tal-ħruġ tal-ishma jkun ogħla mill-valur nett tal-attiv tagħhom kif jirriżulta mir-rapport tal-awditur.
Fil-fatt, għalkemm id-dritt ta’ prelazzjoni stabbilit favur l-azzjonisti ma jippermetti l-ebda eċċezzjoni ħlief dik espressament stipulata fl-Artikolu 29(4) tat-tieni direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li din timponi rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri ħielsa li jadottaw dispożizzjonijiet li jkunu iktar favorevoli għalihom, u tipprevedi, partikolarment, kundizzjonijiet iktar stretti għall-esklużjoni ta’ dan id-dritt ta’ prelazzjoni.
Barra minn hekk, il-fatt li l-iffissar tal-prezz tal-ħruġ tal-ishma l-ġodda jista’, skont din il-leġiżlazzjoni, ikun inqas mill-valur tas-suq tagħhom m’għandux jiġi kkunsidrat bħala li jista’ joħloq trattament mhux ugwali, skont l-Artikolu 42 tat-tieni direttiva, bejn l-azzjonisti l-qodma u l-ġodda, fin-nuqqas ta’ prova li turi, kif jirrikjedi l-Artikolu 42, li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ azzjonisti jinsabu f’kundizzjonijiet identiċi, b’tali mod li għandhom jingħataw trattament ugwali. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li l-prezz tal-ħruġ tal-ishma l-ġodda ma jkunx inqas mill-valur tas-suq tagħhom għandu bħala konsegwenza li, anki jekk tali prezz kien iġġustifikat permezz tar-rapport tad-diretturi, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ma tistax tapplikah mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali msemmi fl-Artikolu 42 tat-tieni direttiva.
(ara l-punti 26, 30-31, 33-34)
2. Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 29(1) u (6) tat-tieni Direttiva 77/91/KEE, dwar id-dritt tal-kumpanniji, jekk jagħti dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma, fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ investimenti bi flus kontanti, mhux biss lill-azzjonisti iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, u jekk jagħti dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma mhux biss lill-azzjonisti, iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma maħruġa qabel.
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem tal-imsemmi Artikolu 29(1) u (6), l-offerta tal-ishma u ta’ bonds ġodda li jistgħu jinbidlu f’ishma mhijiex indirizzata għall-azzjonisti u għad-detenturi tal-bonds simultanjament, iżda fuq bażi “ta’ prelazzjoni” lill-azzjonisti. Għaldaqstant, huwa biss meta dawn ma jkunux eżerċitaw id-dritt ta’ prelazzjoni tagħhom li l-imsemmija ishma u bonds jistgħu jiġu offruti lill-akkwirenti l-oħra, fosthom partikolarment lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.
(ara l-punti 39, 40, 46 u d-dispożittiv 1)
3. Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 29(6), tat-tieni Direttiva 77/91, dwar id-dritt tal-kumpanniji, moqri flimkien mal-Artikolu 29(4) tal-istess direttiva, jekk ma jipprovdix li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ kumpannija tista’, meta jkun hemm ħruġ ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, tiddeċiedi dwar l-esklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.
Għalkemm l-Istati Membri huma ħielsa sabiex jistabbilixxu kundizzjonijiet iktar stretti għall-esklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 29(6) tat-tieni direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 29(4) tal-istess direttiva, jeżiġi li, f’ċerti ċirkustanzi, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti għandha tkun tista’ tiddeċiedi li teskludi d-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-bonds kollha li jistgħu jinbidlu f’ishma. Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix espressament għall-possibbiltà ta’ tali esklużjoni, anki jekk jitqies li tista’ tiġi interpretata f’sens oppost għall-kliem tagħha, ma tistax toħloq sitwazzjoni suffiċjentement ċerta, ċara u trasparenti, b’mod illi l-individwi jkunu jistgħu jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali.
(ara l-punti 50, 51, 55, 57 u d-dispożittiv 1)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Diċembru 2008 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – It-tieni direttiva 77/91/KEE – Artikoli 29 u 42 – Kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata – Żieda fil-kapital – Dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma u ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma – Esklużjoni – Protezzjoni tal-azzjonisti – Trattament ugwali”
Fil-Kawża C‑338/06,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2006,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Braun u R. Vidal Puig, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn F. Díez Moreno, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut
sostnut mir-:
Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,
Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn J. Stratford, barrister,
intervenjenti
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: R. Grass,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:
– billi ppermetta li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tawtorizza l-ħruġ ta’ ishma ġodda bl-esklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tagħhom bi prezz inqas mill-valur xieraq tagħhom;
– billi ta d-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma, fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ investimenti bi flus kontanti, mhux biss lill-azzjonisti iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma;
– billi ta d-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma mhux biss lill-azzjonisti, iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma maħruġa qabel, u
– billi ma pprovdiex li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista’ tawtorizza l-esklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma,
ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 29 u 42 tat-tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu [48] tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU 1977, L 26, p. 1, iktar ’il quddiem it-“tieni direttiva”).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 It-tieni u l-ħames premessi tat-tieni direttiva, li għandha bħala bażi ġuridika l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat KEE [li sar l-Artikolu 54(3)(g)), KE, u mbagħad l-Artikolu 44(2)(g) KE] jipprovdu dan li ġej:
“billi sabiex protezzjoni minima indaqs tiġi assigurata kemm għal azzjonisti u kemm għal kredituri ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferixxu għall-formazzjoni tagħhom u għaż-żamma, żjieda jew tnaqqis tal-kapital tagħhom hija partikolarment importanti;
[…]
Billi huwa meħtieġ, wara li jiġu kunsidrati l-għanijiet ta’ l-Artikolu [44(2)(g) KE] li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar iż-żjieda jew tnaqqis ta’ kapital jassiguraw li l-prinċipji ta’ trattament indaqs ta’ azzjonisti fl-istess pożizzjoni u ta’ protezzjoni ta’ kredituri li t-talbiet tagħhom jeżistu qabel id-deċiżjoni dwar tnaqqis huma mħarsa u armonizzati”.
3 L-Artikolu 29 tat-tieni direttiva jipprovdi:
“1. Kull meta l-kapital jiżdied b’konsiderazzjoni ta’ flus [permezz ta’ investimenti bi flus kontanti], l-ishma għandhom jiġu offruti fuq bażi preventiva [ta’ prelazzjoni] lill-azzjonisti fil-proporzjon tal-kapital rappreżentat mill-ishma tagħhom.
[…]
4. Il-jedd preventiv [id-dritt ta’ prelazzjoni] ma jistax ikun ristrett jew irtirat mill-istatuti jew dokument ta’ inkorporazzjoni. Dan jista’, madankollu, jsir b’deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali. Il-korp amministrattiv jew ta’ ġestjoni għandu jkun meħtieġ li jippreżenta lil dik il-laqgħa rapport bil-miktub li juri r-raġunijiet għar-restrizzjoni jew irtirar tal-jedd preventiv [tad-dritt ta’ prelazzjoni], u li jiġġustifka l-prezz tal-ħruġ propost. Il-laqgħa ġenerali għandha taġixxi skond ir-regoli dwar quorum u maġġoranza speċifikati fl-Artikolu 40. […]
[…]
6. Il-paragrafi 1 sa 5 għandhom japplikaw għall-ħruġ tat-titoli kollha li jistgħu jinbidlu f’ishma jew li jkollhom il-jedd [id-dritt] ta’ sottoskrizzjoni għal ishma, iżda mhux għall-konverżjoni ta’ dawk it-titoli, lanqas għall-eżerċizzju tal-jedd [tad-dritt] ta’ sottoskrizzjoni.
[…]”
4 L-Artikolu 42 tat-tieni direttiva jipprovdi:
“Għall-għanijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jassiguraw trattament indaqs ta’ l-azzjonisti kollha li huma fl-istess pożizzjoni.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Skont l-Artikolu 158(1) tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1564/1989, li permezz tiegħu ġiet approvata l-verżjoni riveduta tal-liġi dwar il-kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (Real decreto legislativo 1564/1989 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley de Sociedades Anónimas), tat-22 ta’ Diċembru 1989 (BOE Nru 310, tas-27 ta’ Diċembru 1989, p. 679), fil-verżjoni applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem l-“LSA”):
“Fil-każ ta’ żieda fil-kapital permezz tal-ħruġ ta’ ishma ordinarji jew privileġġjati ġodda, l-azzjonisti u d-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma jistgħu jeżerċitaw, fit-terminu li l-amministrazzjoni tagħti lill-kumpannija għal dan il-għan […], id-dritt tagħhom li jissottoskrivu għal numru ta’ ishma li jkun proporzjonali għall-valur nominali tal-ishma li jkunu diġà fil-pussess tagħhom jew, fil-każ tad-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, li kien ikollhom fil-pussess tagħhom li kieku jeżerċitaw f’dak il-mument id-dritt tagħhom għall-konverżjoni.”
6 L-Artikolu 159 tal-LSA jipprovdi:
“1. Fil-każ li l-interess tal-kumpannija jeħtieġ dan, il-laqgħa ġenerali, meta tiddeċiedi dwar żieda fil-kapital, tista’ tapprova l-esklużjoni sħiħa jew parzjali tal-jedd [tad-dritt] ta’ prelazzjoni. Biex tagħmel dan hija obbligata tirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 u tassigura li:
[…]
b) jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-azzjonisti, fil-mument tas-sejħa għal-laqgħa ġenerali, ir-rapport tad-diretturi skont l-Artikolu 144(1)(c), li għandu jagħti motivazzjoni dettaljata tal-proposta u tan-natura tal-ħruġ tal-ishma, filwaqt li jindika l-persuni li għalihom huma intenzjonati, kif ukoll rapport redatt, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, minn awditur differenti mill-awditur tal-kumpannija, innominat għal dan il-għan mill-Uffiċċju tar-Reġistru Kummerċjali, li jkun jirrigwarda l-valur xieraq tal-ishma tal-kumpannija, il-valur teoretiku tal-jeddijiet [tad-drittijiet] ta’ prelazzjoni li tagħhom hija proposta l-esklużjoni u l-eżattezza tal-informazzjoni inkluża fir-rapport tad-diretturi;
c) il-valur nominali tal-ishma li jkunu ser jinħarġu, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-primjum ta’ ħruġ, għandu jikkorrispondi għall-valur xieraq li jirriżulta mir-rapport tal-awdituri msemmi fil-punt (b) hawn fuq. Fil-każ ta’ kumpannija kkwotata fil-Borża, il-valur xieraq tal-ishma ta’ kumpannija għandu jinftiehem, salv f’każ ta’ prova kuntrarja, bħala l-valur tas-suq li għandu jiġi ffissat abbażi tal-kwotazzjonijiet fil-Borża.
Madankollu, b’eċċezzjoni għal dak li ġie previst qabel, fil-każ ta’ kumpanniji kkwotati fil-Borża, hekk kif il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jkollha r-rapport tad-diretturi u r-rapport tal-awditur, meħtieġa skont il-punt b) hawn fuq, minn fejn għandu jirriżulta, f’dan il-każ, il-valur nett tal-attiv tal-ishma, din tista’ liberament tiddeċiedi l-prezz tal-ħruġ tal-ishma l-ġodda, sakemm dan ikun ogħla mill-valur nett tal-attiv tagħhom kif jirriżulta mir-rapport ta’ dan l-awditur. Il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista’ wkoll tillimita ruħha li tistabbilixxi l-proċedura għall-iffissar tal-prezz. […]
[…]”
7 L-Artikolu 293 tal-LSA jgħid kif ġej:
“1. L-azzjonisti tal-kumpannija għandhom il-jedd [id-dritt] ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.
2. Id-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, li jkunu nħarġu qabel, għandhom l-istess dritt skont il-proporzjon previst mid-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-konverżjoni.
3. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 158 ta’ din il-liġi japplikaw għall-jedd [għad-dritt] ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.”
Il-proċedura prekontenzjuża
8 Billi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Spanjola mhijiex konformi mal-Artikoli 29 u 42 tat-tieni direttiva, il-Kummissjoni, fil-15 ta’ Jannar 2004, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja. Dan tal-aħħar irrisponda, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Marzu 2004, billi ċaħad l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tat-tieni direttiva.
9 Il-Kummissjoni, peress li ddeċidiet li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Renju ta’ Spanja ma kinux sodisfaċenti, fil-5 ta’ Jannar 2005, bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, u dan tal-aħħar irrisponda fl-4 ta’ Marzu 2005, billi bagħtilha rapport redatt mill-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi.
10 Billi kkunsidrat li l-ispjegazzjonijiet mogħtija ma kinux sodisfaċenti għalkollox, fl-4 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 226 KE.
11 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2007, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja, kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew awtorizzati jintervjenu fil-kawża preżenti insostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ Spanja.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ewwel ilment
L-argumenti tal-partijiet
12 Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li t-tieni sentenza tal-Artikolu 159(1)(c) tal-LSA tikser l-Artikolu 42 tat-tieni direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 29(1) u (4) tagħha, peress li ma jiggarantixxix trattament ugwali tal-azzjonisti ta’ kumpannija kkwotata fil-Borża.
13 Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, meta jkun hemm żieda fil-kapital ta’ kumpannija bil-ħruġ ta’ ishma ġodda, l-Artikolu 159(1) tal-LSA jippermetti lil-laqgħa ġenerali ta’ tali kumpannija li tapprova l-esklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni stipulat fl-Artikolu 158 tal-istess liġi, kif ukoll li tiffissa liberament il-prezz tal-ħruġ tal-ishma ġodda, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li dan ikun ogħla mill-“valur nett tal-attiv” tal-imsemmija ishma.
14 Issa, dan ifisser li jkun qed jiġi permess li l-prezz tal-ishma l-ġodda, li għalihom kull dritt ta’ prelazzjoni huwa eskluż, jiġi ffissat f’livell “irraġonevolment” baxx. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, “il-valur nett tal-attiv” ta’ sehem jista’ jkun konsiderevolment inqas mill-“valur tas-suq” tiegħu, ikkalkulat abbażi tal-kwotazzjoni tiegħu fil-Borża, filwaqt li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 159(1)(c) tal-LSA tipprovdi li l-“valur tas-suq” ta’ sehem għandu jinftiehem bħala l-“valur xieraq” tiegħu.
15 Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li t-tieni sentenza tal-Artikolu 159(1)(c) tal-LSA tintroduċi, għall-kumpanniji kkwotati fil-Borża, diskriminazzjoni bejn, minn naħa, l-azzjonisti ta’ qabel iż-żieda fil-kapital tal-kumpannija kkonċernata (iktar ’il quddiem l-“azzjonisti l-qodma”, li akkwistaw l-ishma tagħhom bil-“valur tas-suq” tagħhom, u min-naħa l-oħra, l-azzjonisti li akkwistaw l-ishma tagħhom wara ż-żieda fil-kapital ta’ din il-kumpannija (iktar ’il quddiem l-“azzjonisti l-ġodda”), li setgħu akkwistaw l-ishma tagħhom bi prezz konsiderevolment inqas mill-“valur tas-suq” tagħhom.
16 Filwaqt li jikkonfuta dawn l-argumenti, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, fl-ewwel lok, li l-LSA tistipula kundizzjonijet għall-esklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni li huma iktar stretti minn dawk stipulati fit-tieni direttiva.
17 B’hekk, minn naħa waħda, kif jenfasizzaw ukoll ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit, l-LSA tipprovdi, kuntrarjament għat-tieni direttiva, valur minimu sabiex jiġi ffissat il-prezz ta’ ħruġ tal-ishma l-ġodda, li għandu jkun ogħla mill-“valur nett tal-attiv” tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-istess liġi titlob mhux biss li jitħejja r-rapport previst fl-Artikolu 29(4) tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll it-tieni rapport, redatt minn “awditur” indipendenti, li jiġġustifika l-prezz tal-ħruġ tal-ishma l-ġodda.
18 Imbagħad, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-LSA bl-ebda mod ma tippermetti li jiġi ffissat prezz irraġonevolment inqas mill-“valur tas-suq” tal-ishma l-ġodda. Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 159(1)(c) tal-LSA tillimita ruħha sabiex tintroduċi preżunzjoni konfutabbli li l-“valur xieraq” ta’ sehem ta’ kumpannija kkwotata fil-Borża jikkorrispondi għall-“valur tas-suq” tiegħu. Madankollu, il-laqgħa ġenerali tista’ tiffissa prezz tal-ħruġ inqas mill-“valur tas-suq”, li jkun iġġustifikat bħala raġonevoli fid-dawl taż-żewġ rapporti msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.
19 F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja żżid li, fi kwalunkwe każ, l-iffissar tal-prezz tal-ishma inqas mill-“valur tas-suq” tagħhom għandu jiġi evalwat mhux fid-dawl tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, iżda tal-interess tal-kumpannija.
20 Finalment, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit isostnu li diskriminazzjoni bejn l-azzjonisti l-qodma u l-ġodda mhijiex possibbli minħabba l-fatt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ azzjonisti mhumiex qegħdin f’“kundizzjonijiet identiċi” skont l-Artikolu 42 tat-tieni direttiva. Fil-fatt, minħabba l-varjazzjonijiet fil-kwotazzjoni tal-Borża, kull azzjonist ikun akkwista l-ishma tiegħu bi prezz differenti, li jkun jiddependi mid-data tal-akkwist tagħhom.
21 Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Polonja jenfasizzaw li l-Artikolu 159(1) tal-LSA jeskludi kull possibbiltà ta’ diskriminazzjoni inkwantu jipprovdi li l-esklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni ma tistax tiġi approvata mil-laqgħa ġenerali ħlief jekk jiġu osservati l-maġġoranza u l-kworum meħtieġa għall-bdil fl-istatut u li, fi kwalunkwe każ, l-azzjonisti b’minoranza li jkunu vvutaw kontra d-deċiżjoni li tapprova din l-esklużjoni għandhom il-possibbiltà li jappellaw kontra din id-deċiżjoni, jekk iħossu li hija kontra l-interessi tal-kumpannija.
22 Barra minn hekk, skont ir-Renju Unit, f’din il-kawża m’hemm l-ebda differenza ta’ “trattament”, peress li l-prezz huwa sempliċement fattur ekonomiku. Fi kwalunkwe każ, anke jekk tista’ tiġi stabbilita differenza fit-trattament, din hija ġġustifikata, minn naħa, minħabba l-protezzjonijiet addizzjonali previsti mil-LSA, u min-naħa l-oħra, kif jirrileva wkoll ir-Renju Unit, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi assigurat li ż-żidiet tal-kapital isiru fl-interess finanzjarju tal-kumpannija.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
23 Sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-ewwel ilment issollevat mill-Kummissjoni, l-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li t-tieni direttiva hija intiża sabiex, skont l-Artikolu 44(2)(g) KE, tikkoordina l-garanziji meħtieġa fl-Istati Membri fir-rigward tal-kumpanniji, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 KE, sabiex tiżgura l-ekwivalenza ta’ dawn il-garanziji u tipproteġi l-interessi tal-membri u ta’ terzi. Din id-direttiva b’hekk għandha bħala għan, skont it-tieni premessa tagħha, li tassigura protezzjoni minima indaqs kemm għall-azzjonisti u kemm għall-kredituri ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (sentenza tad-19 ta’ Novembru 1996, Siemens, C‑42/95, Ġabra p. I‑6017, punt 13).
24 Fir-rigward speċifikatament tal-protezzjoni tal-azzjonisti meta jkun hemm żieda fil-kapital permezz ta’ investimenti bi flus kontanti, l-Artikolu 29(1) tat-tieni direttiva jipprovdi f’termini ċari u preċiżi u mingħajr ebda kundizzjoni li l-ishma għandhom jiġu offruti fuq bażi ta’ prelazzjoni lill-azzjonisti fil-proporzjon tal-kapital irrappreżentat mill-ishma tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1992, Syndesmos Melon tis Eleftheras Evangelikis Ekklisias et, C‑381/89, Ġabra p. I‑2111, punt 39).
25 Huwa biss bħala eċċezzjoni li l-Artikolu 29(4) tat-tieni direttiva jipprovdi l-possibbiltà għal-laqgħa ġenerali, b’ċerti kundizzjonijiet espressament iddefiniti fl-istess dispożizzjoni, li tillimita jew teskludi d-dritt ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti.
26 Madankollu, għandu jiġi rrelevat li, għalkemm id-dritt ta’ prelazzjoni stabbilit favur l-azzjonisti ma jippermetti l-ebda eċċezzjoni ħlief dik espressament stipulata fl-imsemmi Artikolu 29(4) (ara s-sentenza Syndesmos Melon tis Eleftheras Evangelikis Ekklisias et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40), xorta jibqa’ l-fatt li t-tieni direttiva, kif jirriżulta mit-tieni premessa tagħha u mis-sentenza Siemens, iċċitata iktar ’il fuq, timponi rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri ħielsa li jadottaw dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għalihom, u tipprevedi, partikolarment, kundizzjonijiet aktar stretti għall-esklużjoni ta’ dan id-dritt ta’ prelazzjoni.
27 Issa, f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha preċiżament l-effett li ssaħħaħ il-protezzjoni mogħtija lill-azzjonisti ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata permezz tal-Artikolu 29(4) tat-tieni direttiva.
28 Fil-fatt, minn naħa, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 159(1)(b) tal-LSA tipprovdi, fil-każ ta’ esklużjoni totali jew parzjali tad-dritt ta’ prelazzjoni, li jitħejja mhux biss ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 29(4) tat-tieni direttiva, imma wkoll ta’ tieni rapport li jirrigwarda l-valur xieraq tal-ishma tal-kumpannija, il-valur teoretiku tad-drittijiet ta’ prelazzjoni li tagħhom hija proposta l-esklużjoni u l-eżattezza tal-informazzjoni inkluża fir-rapport tad-diretturi. Skont l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali, dan it-tieni rapport għandu jiġi redatt, taħt ir-responsabbiltà tad-diretturi, minn awditur differenti mill-awditur tal-kumpannija u innominat għal dan il-għan mill-Uffiċċju tar-Reġistru Kummerċjali.
29 Min-naħa l-oħra, minkejja li l-Artikolu 29(4) tat-tieni direttiva jillimita ruħu sabiex jeżiġi li l-prezz tal-ħruġ tal-ishma l-ġodda ikun iġġustifikat mill-korp amministrattiv jew ta’ ġestjoni tal-kumpannija fir-rapport tiegħu, mingħajr ma jiffissa valur minimu f’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-Artikolu 159(1)(c) tal-LSA tiddefinixxi, fir-rigward tal-kumpanniji kkwotati fil-Borża, prezz minimu ta’ ħruġ ta’ ishma ġodda, filwaqt li tipprovdi li dan il-prezz għandu jkun, indipendentament mill-konklużjonijiet tal-imsemmi rapport, ogħla mill-valur nett tal-attiv tal-ishma inkwistjoni.
30 Din l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax, barra minn hekk, tiġi kkontestata bl-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li l-iffissar tal-prezz tal-ħruġ tal-ishma l-ġodda inqas mill-valur tas-suq tagħhom, kif awtorizzat mill-Artikolu 159 tal-LSA, jista’ joħloq trattament mhux ugwali, skont l-Artikolu 42 tat-tieni direttiva, bejn l-azzjonisti l-qodma u l-ġodda.
31 Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda prova sabiex turi, kif jirrikjedi l-imsemmi Artikolu 42, li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ azzjonisti jinsabu f’kundizzjonijiet identiċi, b’tali mod li l-LSA għandha tassigura t-trattament ugwali tagħhom.
32 Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni invokata mill-Kummissjoni għandha bħala konsegwenza li tneħħi l-effettività tal-Artikolu 29(4) tat-tieni direttiva, inkwantu din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-prezz tal-ħruġ għandu jkun iġġustifikat permezz tar-rapport tad-diretturi, mingħajr madankollu ma tirrikjedi li jkun neċessarjament iffissat b’riferiment għall-valur tas-suq tal-ishma inkwistjoni.
33 Issa, ir-rekwiżit li l-prezz tal-ħruġ tal-ishma l-ġodda ma jkunx inqas mill-valur tas-suq tagħhom għandu bħala konsegwenza li, anke jekk tali prezz kien iġġustifikat permezz tar-rapport tad-diretturi, il-laqgħa ġenerali ma tistax tapplikah mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali msemmi fl-Artikolu 42 tat-tieni direttiva.
34 Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tieni u t-tielet ilmenti
L-argumenti tal-partijiet
35 Permezz tat-tieni u t-tielet ilmenti tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-Kummissjoni tirrileva li, minn naħa, l-Artikolu 158(1) tal-LSA jagħti d-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma ġodda mhux biss lill-azzjonisti, iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 293(2) tal-istess liġi jipprovdi li, meta jkun hemm ħruġ ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, id-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tagħhom jingħata kemm lill-azzjonisti kif ukoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma maħruġa qabel.
36 Issa, l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-LSA jiksru l-Artikolu 29(1) u (6) tat-tieni direttiva, peress li dan jitlob li ishma ġodda kif ukoll bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma jiġu offruti bid-dritt ta’ prelazzjoni lill-azzjonisti biss.
37 Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw din l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, billi jistrieħu, partikolarment, fuq interpretazzjoni teleoloġika tal-imsemmi Artikolu 29(1) u (6), li huwa intiż sabiex jipproteġi lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma bħala azzjonisti potenzjali u sabiex b’hekk jinżamm il-valur tal-ishma li huma riżervati għalihom.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
38 Kif isostni r-Renju ta’ Spanja, huwa minnu li l-Artikolu 29(1) u (6) tat-tieni direttiva ma jipprovdix li l-ishma l-ġodda kif ukoll il-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma għandhom jiġu offruti esklużivament lill-azzjonisti u li allura jistgħu jiġu offruti wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma maħruġa qabel.
39 Madankollu għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem stess tal-imsemmi Artikolu jirriżulta li l-offerta mhijiex indirizzata għall-azzjonisti u għad-detenturi tal-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma simultanjament, iżda fuq bażi “ta’ prelazzjoni” lill-azzjonisti.
40 Għalhekk huwa biss meta dawn ma jkunux eżerċitaw id-dritt ta’ prelazzjoni tagħhom li l-imsemmija ishma u bonds jistgħu jiġu offruti lill-akkwirenti l-oħra, fosthom partikolarment lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.
41 Wara kollox, jekk il-leġiżlatur ried jestendi d-dritt ta’ prelazzjoni inkwistjoni lil dawn tal-aħħar, kien jagħmel dan espressament, bl-istess mod kif fl-Artikolu 29(6) tat-tieni direttiva, estenda d-dritt ta’ prelazzjoni għal titoli oħra li jistgħu jinbidlu f’ishma jew li jkollhom id-dritt ta’ sottoskrizzjoni għal ishma.
42 Tali interpretazzjoni hija konformi wkoll mal-għanijiet tal-imsemmija direttiva.
43 Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif jirriżulta mill-punt 19 tas-sentenza Siemens, iċċitata iktar ’il fuq, wieħed mill-għanijiet tat-tieni direttiva huwa li tiġi assigurata protezzjoni aktar effettiva tal-azzjonisti, billi jippermettilhom jevitaw, meta jkun hemm żieda fil-kapital, it-tnaqqis tal-parti tal-kapital irrapreżentata mill-ishma tagħhom.
44 Huwa għalhekk sabiex jiġi evitat tali riskju li l-Artikolu 29(1) u (6) tat-tieni direttiva jagħti prijorità speċifikament lill-azzjonisti meta mqabbla mal-akkwirenti potenzjali l-oħra ta’ ishma ġodda jew ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.
45 Issa, huwa evidenti li l-ksib ta’ tali għan jiġi kompromess jekk dawn it-titoli l-ġodda jistgħu jiġu offruti wkoll fuq bażi ta’ prelazzjoni lil kategorija oħra ta’ akkwirenti minbarra dik tal-azzjonisti, jiġifieri lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.
46 Minn dan jirriżulta li, billi ta dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma, fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ investimenti bi flus kontanti, mhux biss lill-azzjonisti iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, kif ukoll dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma mhux biss lill-azzjonisti, iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma maħruġa qabel, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 29(1) u (6) tat-tieni direttiva.
Fuq ir-raba’ lment
L-argumenti tal-partijiet
47 Permezz tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 293(3) tal-LSA jikser l-Artikolu 29(6) tat-tieni direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 29(4) tal-istess direttiva, inkwantu ma jipprovdix il-possibbiltà għal-laqgħa ġenerali li teskludi d-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.
48 Skont ir-Renju ta’ Spanja, interpretazzjoni funzjonali tal-Artikolu 293 tal-LSA tista’ twassal biss għall-konklużjoni li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista’ teskludi dan id-dritt ta’ prelazzjoni.
49 F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Finlandja tenfasizza li, fi kwalunkwe każ, anke jekk jiġi ammess li l-Artikolu 293 tal-LSA jeskludi l-possibbiltà li jiġi eskluż l-imsemmi dritt ta’ prelazzjoni, dan ma jkunx biżżejjed sabiex jistabbilixxi nuqqas min-naħa tar-Renju ta’ Spanja, meta jiġi kkunsidrat l-għan ta’ armonizzazzjoni minima tat-tieni direttiva.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
50 Għandu jiġi rrelevat li, għalkemm, kif ġie kkonstatat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri huma ħielsa sabiex jistabbilixxu kundizzjonijiet iktar stretti għall-esklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 29(6) tat-tieni direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 29(4) tal-istess direttiva, jeżiġi li, f’ċerti ċirkustanzi, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti għandha tkun tista’ tiddeċiedi li teskludi d-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-bonds kollha li jistgħu jinbidlu f’ishma.
51 Għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-kliem tal-Artikolu 293 tal-LSA ma jipprovdix espressament għall-possibbiltà ta’ tali esklużjoni.
52 Barra minn hekk, minkejja li dan l-Artikolu, fil-paragrafu 3 tiegħu, jipprovdi li l-Artikolu 158 tal-LSA huwa applikabbli għal dan id-dritt ta’ prelazzjoni, huwa ma jipprovdix li l-Artikolu 159 tal-istess liġi, li jirregola l-esklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-ishma l-ġodda, huwa applikabbli wkoll għad-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma.
53 Barra minn hekk, ma tistax tiġi aċċettata l-interpretazzjoni funzjonali ssuġġerita mir-Renju ta’ Spanja, li, sabiex jiġi evitat li l-Artikolu 293 tal-LSA jiġi pprivat minn kull loġika, dan ma jistax jiġi interpretat ħlief fis-sens li jipprovdi l-possibbiltà li jiġi eskluż id-dritt ta’ prelazzjoni inkwistjoni.
54 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-bżonn li jkun żgurat li d-dritt Komunitarju jiġi applikat b’mod sħiħ jeħtieġ li l-Istat Membri mhux biss iġibu l-leġiżlazzjoni tagħhom konformi mad-dritt Komunitarju, iżda wkoll li jagħmlu dan billi jadottaw liġijiet li jistgħu joħolqu sitwazzjoni li tkun suffiċjentement ċerta, ċara u trasparenti, b’mod illi l-individwi jkunu jistgħu jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali. (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑162/99, Ġabra p. I‑541, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 Issa, f’din il-kawża, anke jekk jitqies li l-Artikolu 293 tal-LSA jista’ jiġi interpretat f’sens oppost għall-kliem tiegħu, kif jissuġġerixxi r-Renju ta’ Spanja, tali interpretazzjoni manifestament ma tistax toħloq sitwazzjoni suffiċjentement ċerta, ċara u trasparenti, b’mod illi l-individwi jkunu jistgħu jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali.
56 Dan huwa iktar u iktar veru, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li r-Renju Spanjal ma ressaq l-ebda prova konkreta li tistabbilixxi li l-qrati Spanjoli jinterpretaw l-Artikolu 293 tal-LSA bħala li jipprovdi l-possibbiltà li d-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma jiġi eskluż.
57 Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, billi ma jipprovdix li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista’ tiddeċiedi dwar l-esklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 29(6) tat-tieni direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 29(4) tal-istess direttiva.
Fuq l-ispejjeż
58 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, partikolarment jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. Finalment, skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu (4) tal-imsemmi Artikolu, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
59 F’din il-kawża, ir-Renju ta’ Spanja, li tilef tlieta mill-erba’ lmenti invokati mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha, għandu jiġi kkundannat ibati tliet kwarti tal-ispejjeż u l-Kummissjoni, li tilfet l-ewwel ilment tagħha, għandha tiġi kkundannata tbati l-kwart tal-ispejjeż.
60 Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-Renju ta’ Spanja:
– billi ta dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma, fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ investimenti bi flus kontanti, mhux biss lill-azzjonisti iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma;
– billi ta dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma mhux biss lill-azzjonisti, iżda wkoll lid-detenturi ta’ bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma maħruġa qabel, u
– billi ma pprovdiex li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista’ tiddeċiedi dwar l-esklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-bonds li jistgħu jinbidlu f’ishma,
naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 29 tat-tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu [48] tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat ibati tliet kwarti tal-ispejjeż. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati kwart tal-ispejjeż.
4) Ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy