SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
21 ta’ Frar 2008
Kawża C-348/06 P
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Marie-Claude Girardot
“Appell – Membru tal-persunal temporanju – Rikors għad-danni – Telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ – Dannu reali u ċert – Determinazzjoni tal-portata tal-kumpens għad-dannu”
Suġġett : Appell ippreżentat mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni (T‑10/02, ĠabraSP p. II‑A‑2‑609), li jitlob l-annullament ta’ din is-sentenza. Appell inċidentali ppreżentat minn M. Girardot.
Deċiżjoni : Ċaħda ta’ l-appell prinċipali u ta’ l-appell inċidentali.
Sommarju
1. Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kumpens għad-dannu materjali marbut mat-telf ta’ opportunità riżultanti minn ċaħda illegali ta’ applikazzjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1)
2. Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza – Inammissibiltà
(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 112(1)(ċ))
1. Meta tkun adita b’kawża ta’ natura pekunjarja skond l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni sħiħa li permezz tagħha hija għandha l-poter, jekk ikun hemm bżonn, li tikkundanna lill-konvenut ex officio sabiex iħallas kumpens għal dannu kkawżat minħabba tort tiegħu, u f’każ bħal dan, wara li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, tiddetermina d-dannu subit ex æquo et bono. Barra minn hekk, ladarba l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ dannu, hi biss hi kompetenti tiddeċiedi, fil-limiti tat-talba u bil-kundizzjoni li jiġi rispettat l-obbligu tal-motivazzjoni, il-mod u l-portata tal-kumpens ta’ dan id-dannu.
F’dan ir-rigward, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kumpens għad-dannu riżultanti mit-telf ta’ l-opportunità, għal membru tal-persunal temporanju li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet illegalament miċħuda, li jiġi reklutat f’impjieg fi ħdan istituzzjoni Komunitarja, l-użu ta’ metodu, applikat f’diversi sistemi nazzjonali, li hu bbażat fuq il-kriterju tat-telf ta’ remunerazzjoni, billi tiġi stabbilita d-differenza bejn ir-remunerazzjoni mistennija u dik li effettivament irċieva, u mbagħad tiġi evalwata, taħt il-forma ta’ perċentwali, l-opportunità li huwa kellu li jiġi reklutat sabiex jiġi bbilanċjat dan it-telf, neċessarjament iwassal lill-Qorti Komunitarja sabiex tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ ipoteżijiet inċerti min-natura tagħhom, iżda li jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza li mhijiex appellabbli u taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha.
2. Mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.
Appell li huwa intiż mhux biex jidentifika l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi li bihom hu allegatament ivvizzjat ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata, iżda biex, minn naħa waħda, billi jiġu rripetuti l-argumenti invokati fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, billi jitressqu provi oħra allegatament ġodda, jikkontesta l-apprezzament tal-fatti li jkun sar minn din il-qorti f’din is-sentenza, ma jissodisfax din il-kundizzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy