Kawża C-361/06
Feinchemie Schwebda GmbH u Bayer CropScience AG
vs
College voor de toelating van bestrijdingsmiddelen
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-
College van Beroep voor het bedrijfsleven)
“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ? Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ? Ethofumesate ? Direttivi 91/414/KEE u 2002/37/KE ? Regolament (KEE) Nru 3600/1992 ? Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali”
Sommarju tas-sentenza
1. Proċedura — Proċedura orali — Ftuħ mill-ġdid
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 222 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 61)
2. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ? Direttiva 2002/37
(Direttiva tal-Kunsill 91/414, Annessi I u II; Direttiva tal-Kummissjoni 2002/37, Artikolu 4(1))
1. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew inkella fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li m’għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kwistjoni għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet. Madankollu, mhuwiex neċessarju li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali, taħt l-imsemmija dispożizzjoni, kull darba li l-Avukat Ġenerali jqajjem punt ta’ dritt li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet. Fil-fatt, jekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 222 KE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta fil-pubbliku, b’imparzjalita u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżiġu l-intervent tiegħu u jekk, fl-eżerċizzju ta’ dan il-kompitu huwa jista’, jekk ikun il-każ, jeżamina talba għal domanda preliminari billi jqiegħdha f’kuntest usa’ minn dak definit b’mod strett mill-qorti tar-rinviju jew mill-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li tagħti lok għall-imsemmija konklużjonijiet.
(ara l-punti 33-34)
2. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/37/KE li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tinkludi l-ethofumesate bħala sustanza attiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri li jtemmu l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jinkludi l-ethofumesate qabel Settembru 2003 minħabba li d-detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni m’għandux, jew m’għandux aċċess għal, fajl li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/414/KEE, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.
Fil-fatt, jekk din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri, minn naħa, li jeżaminaw mill-ġdid l-awtorizzazzjonijiet mogħtija preċedentement għal kull prodott għall-ħarsien tal-pjanti li fih l-ethofumesate, sabiex jiġi assigurat li jissodisfaw ir-rekwiżiti relatati ma’ din is-sustanza attiva stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, u min-naħa l-oħra li jimmodifikaw, jew, jekk ikun il-każ, li jirtiraw l-imsemmija awtorizzazzjonijiet, b’mod konformi ma’ din id-direttiva, qabel l-1 ta’ Settembru 2003, ma jirriżulta bl-ebda mod mit-termini tagħha li d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti għandhom ikollhom, jew ikollhom aċċess għal fajl fis-sens tal-Anness II, għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet. Din l-interpretazzjoni hija l-unika li hija kompatibbli mal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jeżiġi li l-legiżlazzjoni Komunitarja tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b’ċertezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom.
(ara l-punti 44-45, 50, 55 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
22 ta’ Mejju 2008 (*)
“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq – Ethofumesate – Direttivi 91/414/KEE u 2002/37/KE – Regolament (KEE) Nru 3600/1992– Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali”
Fil-kawża C-361/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Settembru 2006, fil-proċedura
Feinchemie Schwebda GmbH,
Bayer CropScience AG
vs
College voor de toelating van bestrijdingsmiddelen,
fil-preżenza ta’:
Agrichem BV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, U. Lõhmus, J. Klučka (Relatur), P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2007,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Feinchemie Schwebda GmbH u Bayer CropScience AG, minn A. Vroninks, u D. Waelbroeck, avocats, u A. Freriks, advocaat,
– għal Agrichem BV, minnW. Hoyng u J. P. L. van Marissing, advocaten,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. A. H. M. ten Dam, bħala aġenti,
– għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Doherty u M. van Heezik, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p. 1, u rettifika ĠU L 170, 1992, p. 40) u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/37KE tat-3 ta’ Mejju 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tinkludi l-ethofumesate bħala sustanza attiva (ĠU L 117, p. 10), kif ukoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92, tal-11 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8 (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li jittratta dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 366, p. 10).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Feinchemie Schwebda GmbH u Bayer CropScience AG (iktar’il quddiem, rispettivament, “Feinchemie” u “Bayer”), u min-naħa l-oħra, il-College voor de toelating van bestrijdingsmiddelen (iktar’il quddiem il-“College”), rigward deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar, tad-19 ta’ Novembru 2004, li fiha dan laqa’ l-ilment imressaq minn Agrichem BV (iktar’il quddiem “Agrichem”) kontra seba’ deċiżjonijiet li kien ħa fit-23 ta’ Jannar 2004. Permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-College kien irtira ċerti awtorizzazzjonijiet li kellha Agrichem għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom l-“ethofumesate” bħala sustanza attiva.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
Id-Direttiva 91/414
3 Fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/414, “prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti” huma ddefiniti bħala “[i]s-sustanzi attivi u preparazzjonijiet li jkollhom fihom sustanza attiva waħda jew aktar, imħejjija fil-forma li biha jkunu sejrin jiġu forniti lill-utent” u li huma prinċipalment immirati biex jipproteġu l-pjanti jew l-prodotti tal-pjanti kontra kull organiżmu perikluż. Skont l-Artikolu 2(4) tal-imsemmija direttiva, is-sustanzi attivi huma ddefiniti bħala “sustanzi jew mikrorganiżmi inklużi l-viruses, li għandhom azzjoni ġenerali jew speċifika” fuq l-organiżmi li jagħmlu l-ħsara jew fuq pjanti, partijiet minn pjanti jew prodotti mill-pjanti”.
4 Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/414, prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jistax jiġi introdott fis-suq u użat fi Stat Membru sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux awtorizzaw il-prodott skont id-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess direttiva.
5 Skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 91/414, “l-Istati Membri għandhom jassiguraw illi prodott għall-ħarsien [protezzjoni] tal-pjanti ma jiġix awtorizzat kemm-il darba [...] is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I u [ma tkunx ġiet issodisfata] kull kundizzjoni stabbilita hemm”, kif ukoll dawk imsemmija fl-istess Artikolu 4(1)(b) sa (f).
6 Il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni tas-sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 huma ddefiniti fl-Artikolu 5 tagħha. B’mod partikolari, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, għandu jkun jista’ jiġi kkonfermat li l-fdalijiet tagħhom, wara użu konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ma jkollhomx effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew għall-ilma ta’ taħt l-art jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent.
7 Il-proċedura ta’ inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 hija rregolata mill-Artikolu 6 tagħha. Assistita mill-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha, skont l-Artikolu 6(1), is-setgħa li tinkludi sustanza attiva f’dan l-Anness. Skont l-Artikolu 6(2), applikazzjoni għall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-imsemmi Anness għandha jkollha mehmuża magħha fajl li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tal-istess Direttiva (iktar ‘il quddiem l-“inkartament fis-sens tal-Anness II”), u fajl li huwa konformi ma’ l-Anness III tal-imsemmija direttiva (iktar ‘il quddiem l-“inkartament fis-sens tal-Anness III”) dwar almenu prodott għall-protezzjoni tal-pjanti wieħed li fih din is-sustanza attiva.
8 L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jirrigwarda l-miżuri u d-derogi tranżitorji. Skont l-Artikolu 8(2):
“B’deroga mill-Artikolu 4 u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 jew għad-Direttiva 79/117/KEE, Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ġewwa t-territorju tiegħu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva.
Wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għal programm ta’ xogħol sabiex jiġu eżaminati bil-mod dawn is-sustanzi attivi matul il-perjodu ta’ 12-il sena li jirreferi għalih is-subparagrafu preċedenti. Dan il-programm jista’ jitlob lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-informazzjoni kollha rikjesta quddiem il-Kummissjoni u l-Istati Membri matul perjodu li jistabbilixxi l-istess programm. Regolament adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19, jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programm.
[…]
Matul il-perjodu ta’ 12-il sena li għalih jirreferi l-ewwel subparagrafu jista’, wara eżami ta’ tali sustanzi attivi mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19, jiġi deċiż bil-proċedura stabbilita f’dak l-Artikolu illi s-sustanza tista tiġi inkluża fl-Anness I u taħt liema kondizzjonijiet jew, f’każijiet fejn ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 5 ma jkunux issodisfati jew it-tagħrif u l-informazzjoni ma jkunux ġew mogħtija fil-perjodu preskritt, li tali sustanzi attivi ma jiġux inklużi fl-Anness I. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom li l-awtorizzazzjonijiet relevanti jiġu mogħtija, irtirati jew varjati skond kif xieraq matul perjodu stabbilit.”
9 L-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414 jipprovdi:
“1. [...] l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-applikanti għal awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti sabiex jissottomettu ma’ l-applikazzjoni tagħhom:
a) dokument li jissoddisfa, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III;
u
b) għal kull sustanza attiva fil-prodott għall-ħarsien tal-pjanti, dokument li jissoddisfa, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.
[...]
3. Fil-konċessjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet, l-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu użu mill-informazzjoni li għaliha jirreferi l-Anness II għall-benefiċċju ta’ applikanti oħrajn:
[…]
d) għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-deċiżjoni, wara li jkunu rċevew informazzjoni ulterjuri neċessarja għall-inklużjoni inizzjali fl-Anness 1, li tkun ittieħdet jew sabiex jiġu varjati l-kondizzjonijiet għal, jew sabiex tibqa’ tissussisti, l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I, kemm-il darba il-perjodu ta’ ħames snin ma jiskadix qabel il-perjodu stabbilit mill-paragrafi 3 (b) u (ċ), f’liema każ il-perjodu ta’ ħames snin għandu jiġi estiż sabiex jiskadi fl-istess data ta’ dawk il-perjodi.
[...]
6. B’deroga mill-paragrafu 1, għal sustanzi attivi diġà fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu, filwaqt li josservaw kif dovut id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ikomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali preċedenti dwar rekwiżiti ta’ informazzjoni sakemm tali sustanzi ma jkunux inklużi fl-Anness I”.
Ir-Regolament Nru 3600/92
10 Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 3600/92, dan “jistpula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE [...] [Dan] l-ewwel stadju jinvolvi stima tas-sustanzi elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament bil-għan li jiġu possibilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva [91/414/KEE]” L-Anness I tar-Regolament Nru 3600/92 isemmi b’mod partikolari l-“ethofumesate”.
11 L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3600/1992 jipprovdi:
“1. Kwalunkwe produttur li jixtieq jiżgura l-inklusjoni ta’ sustanza attiva msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, jew xi mluħa, estri jew ammini tagħhom, fl-Anness I tad-Direttiva [91/41], għandu javvża lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data tal-bidu fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
[…]
2. In-notifika għandha ssir lill-Kummissjoni [...] skond in-notifika kif murija fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, kompluta u li tikkontjeni l-obbligu rreferit lilha f’parti 5 tan-notifika kampjun.
3. Kwalunkwe produttur li ma nnotifikax fil-ħin xi sustanza attiva partikolari msemmija fil-paragrafu 1 għandu jitħalla jipparteċipa fil-programm imsemmi fl-Artikolu 1 biss jekk kolletivament ma’ notifikanti oħrajn ta’ dik is-sustanza attiva jew, fil-każ imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan ir-Regolament, ikun qed jassisti l-Istat Membru notifikant, bl-obbligazzjoni tan-notifikanti oriġinali.
[...]”
12 Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament:
“Fi żmien il-limitu taż-żmien imsemmi fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 5(4), in-notifikanti speċifikati fir-regolament imsemmi f’dak l-Artikolu għandhom, individwalment jew kollettivament, jibagħtu lill-awtorità innominata ta’ l-istat Membru relatur, għal kwalunkwe sustanza in kwistjoni:
a) l-fajl fil-qosor imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan ir-Regolament; u
b) l-fajl komplet imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan ir-Regolament.
[…]
2. L-fajl fil-qosor għandu jinkludi dan li ġej:
[…]
ċ) għal kull punt imsemmi fl-Anness II tad-Direttiva [91/414], is-sommarji disponibbli u r-riżultati ta’ proċessi, l-isem tal-persuna jew ta’ l-istitut li wettaq il-proċessi; l-istess informazzjoni għal kull punt ta’ l-Anness III [ta’ din id]-Direttiva rilevanti għall-istima tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva u għal waħda jew iżjed preparazzjonijiet li huma rappreżentattivi għall-kondizzjonijiet għall-użu msemmija fis-subparagrafu (b);
[…]
3. L-fajl komplet għandu jkollu fih il-Protokoll u r-rapporti ta’ studji kompleti li jikkonċernaw l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu2 (c).
[…]”
Id-Direttiva 2002/37
13 Il-ħames u t-tmien premessi tad-Direttiva 2002/37 jipprovdu kif ġej:
“(5) Minn eżamijiet varji li saru deher li l-prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom ethofumesate jistgħu jintalbu li jissodisfaw, b’mod ġenerali, il-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva [91/414], partikolarment fir-rigward ta’ l-użi li kienu eżamanati u ddettaljati fir-rapport ta’ l-analiżi tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk xieraq li jkun inkluż l-ethofumesate fl-Anness I ma’ dik id-Direttiva [91/414], biex ikun assigurat li fl-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jingħataw awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate, bi qbil mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE.
[…]
(8) Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perijodu raġjonevoli li fih jimplimentaw id-disposizzjonijiet tad-Direttiva [91/414] fir-rigward ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate, u partikolarment, biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti bi qbil mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva [91/414] biex jassiguraw li l-kondizzjonijiet fir-rigward ta’ l-ethofumesate stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ikunu sodisfatti. Perijodu itwal għandu jkun ipprovdut li fih dossier komplut għal kull prodott tal-protezzjoni tal-pjanti, li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ l-Annessi II u III tad-Direttiva [91/414] għandu jkun issottomess u li dak il-prodott għandu jkun evalwat mill-ġdid bi qbil mal-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva [91/414]”.
14 L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/37 jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jirrevedu l-awtorizzazzjoni għal kull prodott tal-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate biex jassiguraw li l-kondizzjonijiet irrelatati ma’ l-ethofumesate stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva [91/414] ikun hemm konformità magħhom. Meta meħtieġ, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni bi qbil mad-Direttiva [91/414] qabel l-1 ta’ Settembru 2003.
2. L-Istati Membri għandhom, għal kull prodott awtorizzat tal-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate jew bħala l-unika sustanza attiva jew bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li kollha kienu elenkati fl-Anness I tad-Direttiva [91/414] sal-1 ta’ Marzu 2003, jevalwaw mill-ġdid il-prodott bi qbil mal-prinċipji uniformi li hemm provvediment dwarhom fl-Anness VI tad-Direttiva [91/414], fuq il-bażi ta’ dossier li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ l-Anness III tiegħu. Fuq il-bażi ta’ dik l-evalwazzjoni, għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) (b), (ċ), (d) u (e) tad-Direttiva [91/414]. Meta meħtieġ u sat-28 ta’ Frar 2007 l-aktar tard, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni għal kull prodott bħal dan tal-protezzjoni ta’ pjanti.”
Id-dritt nazzjonali
15 Skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tal-liġi dwar il-pestiċidi (Bestrijdingsmiddelenwet), tat-12 ta’ Lulju 1962 ((Stb. 1962, Nru 288, iktar’il quddiem il-“Bmw”), il-College għandu jirtira awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jekk dan l-irtirar ikun meħtieġ għall-implementazzjoni ta’ miżura Komunitarja.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
16 L-ethofumesate huwa sustanza attiva li kienet diġà fis-suq sentejn qabel in-notifika tad-Direttiva 91/414. Konsegwentement, huwa kien jaqa’ taħt ir-regoli tranżitorji tal-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 13(6) ta’ din id-direttiva. Huwa bis-saħħa ta’ dawn ir-regoli tranżitorji li l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ingħataw lil Agrichem għal ċertu numru ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-“ethofumesate” bħala sustanza attiva.
17 Wara notifikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3600/92, Feinchemie u Bayer segwew il-proċedura prevista minn dan ir-regolament, bir-riżultat li l-ethofumesate ġie inkluż fl-Anness I tad- Direttiva 91/414. Skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, dawn l-impriżi ppreżentaw quddiem il-Kummissjoni fajl fis-sens tal-Anness II.
18 Agrichem ma intervenietx bħala notifikanta jew konotifikanta fir-rigward tas-sustanza attiva “ethofumesate”.
19 Wara l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, il-College, permezz ta’ seba’ deċiżjonijiet tat-23 ta’ Jannar 2004, meħuda bis-saħħa tal-Bmw, irtira l-awtorizzazzjonijiet li Agrichem kellha għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom il-“ethofumesate” bħala sustanza attiva, minħabba li ma kinitx ġiet stabbilita data-limitu għall-konsum ta’ dawn il-prodotti, u li Agrichem ma kinitx tiddisponi minn fajl komplet li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Anness II u li ma kellhiex aċċess għal tali fajl.
20 Fit-28 ta’ Jannar 2004, Agrichem ressqet ilment quddiem il-College kontra l-imsemmija deċiżjonijiet, billi sostniet li ma kinitx marbuta tipprovdi fajl fis-sens tal-Anness II, jew li turi li kellha aċċess għal tali fajl, peress li, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(1) tad- Direttiva 2002/37 jeżiġi sempliċement li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Anness I tad-Direttiva 91/414 kif emendata mid-Direttiva 2002/37. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2004, il-College mmodifika waħda mid-deċiżjoni tiegħu tat-23 ta’ Jannar 2004 fis-sens li stabbilixxa t-30 ta’ Jannar 2004 bħala d-data li fiha jidħol fis-seħħ l-irtirar ta’ waħda mill-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni.
21 Fit-28 ta’ Jannar 2004, Agrichem ressqet ukoll quddiem l-imħallef għal miżuri provviżjorji tal-College van Beroep voor het bedrijfsleven talba għal miżuri provviżorji. Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2004, dan tal-aħħar laqa’ l-imsemmija talba, u ssospenda d-deċiżjonijiet tal-College tat-23 ta’ Jannar 2004 għal sitt ġimgħat.
22 Wara li Agrichem, kif ukoll Feinchemie u Bayer bħala partijiet terzi, instemgħu mill-Adviescommissie voor de bezwaarschriften (Kumitat Konsultattiv dwar l-Oġġezzjonijiet) tal-College, dan tal-aħħar, permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2004, annulla l-irtirar tas-seba’ deċiżjonijiet inkwistjoni, minħabba li la d-Direttiva 2002/37 u lanqas id-Direttiva 91/414 ma jagħtuh is-setgħa li jeżiġi fajl fis-sens tal-Anness II insostenn tal-awtorizzazzjonijiet fil-kors tal-validità tagħhom fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid tagħhom imwettaq skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37.
23 Fit-23 ta’ Diċembru 2004, Feinchemie u Bayer ressqu quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven, rikors kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar tal-College. Huma jqisu li jirriżulta mill-Artikolu 13(1) u (3) tad-Direttiva 91/414 li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li ma jkunx fl-istess waqt notifikant tas-sustanza attiva inkluża fl-Aness I ta’ din id-direttiva, preżenti f’dan il-prodott, għandu jkollu, jew ikollu aċċess għal, fajl fis-sens tal-Anness II, u li, għal perijodu ta’ ħames snin li jibdew jiddikorru mill-inklużjoni tal-ethofumesate fl-Anness I ta’ din l-istess direttiva, l-informazzjoni ppreżentata min-notifikanti fl-fajl fis-sens tal-Anness II ma tistax tintuża minn terzi għall-bżonnijiet tagħhom mingħajr l-kunsens tan-notifikanti.
24 Skont dawn l-impriżi, safejn, fl-1 ta’ Settembru 2003, Agrichem ma kellhiex fajl fis-sens tal-Anness II u lanqas ma kellha aċċess għal tali fajl, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva ethofumesate kkummerċjalizzati minn din l-impriża tal-aħħar kellhom jiġu rtirati.
25 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, fl-ewwel lok, l-eżistenza tal-livelli differenti ta’ kontroll tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti previsti fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2002/37. Fit-tieni lok, hija tosserva li t-terminu sabiex jitwettaq l-eżami mill-ġdid previst mill-Artikolu 4(1) huwa konsiderevolment iqsar mit-terminu li fih għandha ssir l-evalwazzjoni mill-ġdid skont l-Artikolu 4(2). Fit-tielet lok, hija tenfasizza li jirriżulta mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li huwa biss waqt l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fil-kors tal-validità tagħhom, li huwa neċessarju li l-awtoritajiet kompetenti jiġu pprovduti bl-fajl fis-sens tal-Anness II u inkartamanet li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III tad-Direttiva 91/414 (iktar’il quddiem l-“l-fajl fis-sens tal-Anness III”).
26 Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa minn Feinchemie u Bayer f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata matul il-proċedura ta’ inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, il-qorti tar-rinviju tfakkar li mhuwiex stabbilit li l-College kien ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-informazzjoni li tinsab fl-fajl fis-sens tal-Anness II ippreżentat mill-kumpanniji u tqis li huwa dubjuż li d-detenturi ta’ awtorizzazzjoni eżistenti, mogħtija skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, u eżaminata mill-ġdid skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, għandhom jiġu kkunsidrati bħala applikanti għal awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 91/414.
27 Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa probabbli li l-College ma kien marbut, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, la li jivverifika jekk id-detentur tal-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellux jew le fajl fis-sens tal-Anness II jew jekk kellux aċċess għal tali fajl, u lanqas, fin-nuqqas li jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet, li jirtira l-imsemmija awtorizzazzjonijiet. Madankollu hija tqis li l-interpretazzjoni li għandha tingħata fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, mhijiex daqstant evidenti li ma tħalli l-ebda dubju raġjonevoli.
28 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-Istati Membri jtemmu l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi l-ethofumesate qabel Settembru 2003 minħabba li d-detentur tal-awtorizzazzjoni ma jkollux, jew ma jkollux aċċess għal, fajl li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għad-Direttiva 91/414?”
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
29 Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Diċembru 2007, Feinchemie u Bayer talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, minħabba li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġeneral huma bbażati fuq fatti u argumenti li ma kinux jew ma setgħux jiġu diskussi bejn il-partijiet.
30 Fl-ewwel lok, skont il-punti 85 sa 88 tal-imsemmija konklużjonijiet, id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni ħielsa huma essenzjali għall-eżami tad-domanda preliminari. Issa, qatt ma sar skambju ta’ opinjoni bejn il-partijiet fuq dan il-punt. Barra minn hekk, Feinchemie tqis li, billi jipproponu li ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414 fir-rigward tal-ħarsien tal-informazzjoni tad-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jmorru kontra r-regoli tal-liġi tal-kompetizzjoni.
31 Fit-tieni lok, l-Avukat Ġenerali, fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jiħux inkunsiderazzjoni d-differenza li teżisti bejn il-ħarsien tal-informazzjoni u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni ta’ fajl, li tikkostitwixxi pożizzjoni ġdida, li lanqas ma ġiet diskussa bejn il-partijiet.
32 Fit-tielet u l-aħħar lok, Feinchemie u Bayer iqisu li jirriżulta mill-punt 97 tal-imsemmija konklużjonijiet, li l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali hija bbażata fuq interpretazzjoni manifestament żbaljata tad-Direttiva 91/414.
33 Minn naħa, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew inkella fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li m’għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kwistjoni għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara d-digriet tal-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 18; is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 25 u tal-14 ta’ Settembru 2006, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, C-138/05, Ġabra p. I-8339, punt 23).
34 Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 222, KE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta fil-pubbliku, b’imparzjalita u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżiġu l-intervent tiegħu. Fl-eżerċizzju ta’ dan il-kompitu huwa jista’, jekk ikun il-każ, jeżamina talba għal domanda preliminari billi jqiegħdha f’kuntest usa’ minn dak definit b’mod strett mill-qorti tar-rinviju jew mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li tagħti lok għall-imsemmija konklużjonijiet, mhuwiex neċessarju li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali, taħt l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, kull darba li l-Avukat Ġenerali jqajjem punt ta’ dritt li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet.
35 Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija suffiċjentement informata sabiex tiddeċiedi, u peress li mhuwiex neċessarju li l-kawża tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet, tiddeċiedi li m’hemmx lok li tiġi milqugħa t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.
Fuq id-domanda preliminari
36 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-Istati Membri jtemmu l-awtorizzazzjonijiet ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi l-ethofumesate qabel Settembru 2003 minħabba li l-proprjetarju ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet ma jkollux, jew ma jkollux aċċess għal fajl fis-sens tal-Anness II, għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid tagħha.
L-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
37 Feinchemie u Bayer, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Belġjan, kif ukoll il-Kummissjoni jipproponu li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun fin-negattiv. Huma jsostnu li d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet preċedenti eżistenti huma marbuta li jkollhom fajl fis-sens tal-Anness II sa mill-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414l. Minkejja li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 ma jipprovdix b’mod espress, l-obbligu tal-Istati Membri biex itemmu l-awtorizzazzjonijiet preċedenti eżistenti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi l-ethofumesate qabel Settembru 2003 jirriżulta mill-għanijiet, l-ekonomija ġenerali u mir-regoli tad-Direttiva 91/414.
38 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li t-terminu previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, jikkorrispondi għall-preżentata ta’ fajl fis-sens tal-Anness II, filwaqt li t-terminu previst fl-Artikolu 4(2) jikkorrispondi għall-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fuq il-bażi ta’ fajl fis-sens tal-Anness III, safejn il-kostituzzjoni ta’ dan l-fajl tal-aħħar teżiġi iktar żmien mill-kostituzzjoni tal-fajl fis-sens tal-Anness II.
39 Peress li l-Artikolu 13(3)(d) tad-Direttiva 91/414 jipprojbixxi, bħala prinċipju, lill-Istati Membri, milli jużaw l-informazzjoni pprovduta insostenn ta’ applikazzjoni għal inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-informazzjoni prevista fl-Anness II għall-benefiċċju ta’ applikanti oħra għall-perijodu ta’ ħames snin li jibdew jiddekorru mid-data li fiha d-deċiżjoni li tiġi inkluża s-sustanza attiva tidħol fis-seħħ, għandu jiġi assigurat li d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti jiddisponu wkoll minn fajl fis-sens tal-Anness II jew li jkollhom aċċess għal tali fajl.
40 F’dan is-sens, l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva 91/414 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex ikomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali preċedenti fir-rigward tar-rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni sakemm is-sustanzi attivi kkonċernati ma jkunux inklużi fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Minn dan isegwi li, sa mill-inklużjoni tas-sustanza attiva f’dan l-anness, id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-imsemmija direttiva ma jibqgħux applikabbli għas-sustanza attiva inkwistjoni kif ukoll għall-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li hija parti minnhom, u li dawn tal-aħħar jiġu suġġetti għas-sistema prevista fl-Artikolu 13(1). B’mod partikolari, l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jkollhom fajl li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Annessi II u III.
41 Feinchemie u Bayer, kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-interpretazzjoni tagħhom tad-Direttivi 91/414 u 2002/37 hija kkonfermata mill-formulazzjoni tad-direttivi l-oħra li jirrigwardaw l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, bħalma hija d-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/53/KE tas-16 ta’ Settembru 2005 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 241, p. 51). Il-ħdax-il premessa ta’ din id-direttiva tipprovdi:
“L-esperjenza miksuba mill-inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I għad-Direttiva 91/414 tas-sustanzi attivi evalwati fil-kuntest tar-Regolament Nru 3600/92 uriet li jistgħu jinqalgħu diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet tad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti dwar l-aċċess għad-data. Sabiex jiġu evitati iktar diffikultajiet, jidher għaldaqstant li huwa neċessarju li jiġu ċċarati d-dmirijiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari d-dmir li jiġi vverifikat li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni juri li għandu aċċess għal fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tal-imsemmija direttiva […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
42 Fir-rigward ta’ Agrichem, hija tipproponi li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun fl-affermattiv. Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet ċari tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 jirriżulta li l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate għandhom jissodisfaw biss il-kundizzjonijiet stabbiliti għal din is-sustanza attiva fl-Anness I. L-itwal terminu previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2002/37 huwa ġġustifikat miż-żmien neċessarju għall-kostituzzjoni ta’ inkartment fis-sens tal-Anness III tad-Direttiva 91/414. Għaldaqstant, it-terminu stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, ma jistax jitqies bħala suffiċjenti sabiex jiġi kkostitwit fajl fis-sens tal-Anness II jew l-Anness III tad-Direttiva 91/414. Barra minn hekk, Agrichem issostni li, jekk huwa neċessarju li tali fajl komplut jiġi ppreżentat fil-fażi tal-eżami mill-ġdid, fir-rigward tal-Anness I tad-Direttiva 91/414, l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih l-“ethofumesate” bħala sustanza attiva, ma jkunx hemm differenza bejn iż-żewġ tipi ta’ eżami previsti rispettivament fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2002/37. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva tal-aħħar ma tistax tiġi kkontestata permezz tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414, peress li d-Direttiva 2002/37 hija lex specialis meta mqabbla ma’ din tal-aħħar.
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
43 Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414, hija l-Kummissjoni, assistita mil-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, li għandha s-setgħa tinkludi sustanza attiva fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Id-deċiżjoni tagħha tieħu l-forma ta’ direttiva ta’ inklużjoni, bħalma hija d-Direttiva 2002/37, li l-Artikolu 1 tagħha jelenka fl-imsemmi Anness I is-sustanza attiva “ethofumesate”.
44 Fid-dawl ta’ din l-inklużjoni, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, jimponi fuq l-Istati Membri, minn naħa, li jeżaminaw mill-ġdid l-awtorizzazzjonijiet mogħtija preċedentement għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate, sabiex jiġi assigurat li jissodisfaw ir-rekwiżiti relatati ma’ din is-sustanza attiva stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, u min-naħa l-oħra li jimmodifikaw, jew, jekk ikun il-każ, li jirtiraw l-imsemmija awtorizzazzjonijiet, b’mod konformi ma’ din id-direttiva, qabel l-1 ta’ Settembru 2003. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2002/37 jipprovdi li kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate, kemm jekk huwa l-unika sustanza attiva jew kemm jekk huwa fost diversi sustanzi attivi elenkati fl-Anness tad-Direttiva 91/414 fl-1 ta’ Marzu 2003, għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-ġdid mill-Istati Membri skont il-prinċipji uniformi stabbiliti fl-Anness VI ta’ din id-direttiva, fuq il-bażi ta’ fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III tagħha. .
45 Għaldaqstant, ma jirriżulta bl-ebda mod mit-termini tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, li d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti għandhom ikollhom, jew ikollhom aċċess għal fajl fis-sens tal-Anness II, għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet.
46 Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mit-tmien premessa tad-Direttiva 2002/37. Skont din il-premessa, wara l-inklużjoni tal-ethofumesate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, għandu jiġi stabbilit terminu raġjonevoli għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414 f’dak li jirrigwarda l-prodotti li fihom din is-sustanza attiva, u, b’mod partikolari, għall-eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva tal-aħħar, b’tali mod li jiġi assigurat li r-rekwiżiti relatati ma’ l-ethofumesate stabbiliti fl-Anness I tagħha jiġu ssodisfati. Jirriżulta wkoll minn din il-premessa li terminu itwal għandu jingħata lid-detenturi tal-imsemmija awtorizzazzjonijiet għall-preżentata ta’ fajl fis-sens tal-Anness II u ta’ fajl fis-sens tal-Anness III għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, u għall-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-prodott skont il-prinċipji uniformi stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414.
47 Għaldaqstant, lanqas ma jidher li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 għandu jiġi interpretat bħala wieħed li jobbliga lill-Istati Membri jtemmu, qabel Settembru 2003, awtorizzazzjoni eżistenti ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate minħabba li d-detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni m’għandux fil-pussess tiegħu fajl fis-sens tal-Anness II jew li m’għandux aċċess għal tali fajl.
48 Sabiex tingħata risposta għall-argument invokat minn Feinchemie u Bayer, tal-Gvern Olandiż, tal-Gvern Belġjan u kif ukoll tal-Kummissjoni, li jgħid li tali interpretazzjoni litterali tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414 dwar il-ħarsien tal-informazzjoni, li jinsabu fl-Artikolu 13(3) tagħha, u li konsegwentement l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, għandu jinqara fid-dawl tad-Direttiva 91/414, għandu jiġi ppreċiżat qabel kollox li d-Direttiva 2002/37 għandha tliet għanijiet prinċipali, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-inklużjoni tal-ethofumesate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, fit-tieni lok, li tassigura li l-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid jekk l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-imsemmija prodotti li fihom din is-sustanza attiva jissodisfawx ir-rekwiżiti relatati magħha kif stabbiliti fl-Anness I, u jekk ikun il-każ, li jimmodifikawhom jew jirtirawhom qabel Settembru 2003, u fit-tielet lok, li tassigura li l-Istati Membri jevalwaw mill-ġdid l-imsemmija prodotti skont il-prinċipji uniformi stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414, fuq il-bażi ta’ fajl fis-sens tal-Anness III.
49 Għandu wkoll jiġi mfakkar li, meta direttiva ta’ eżekuzzjoni teżiġi interpretazzjoni, hija għandha tiġi interpretata, fejn dan ikun possibbli, skont id-dispożizzjonijiet tad-direttiva ta’ bażi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1993, Dr Tretter, C-90/92, Ġabra p. I-3569, punt 11). Barra minn hekk, dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, fejn dan ikun possibbli, b’tali mod li ma tiġix affettwata l-validità tagħha (is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-403/99, Ġabra p. I 6883, punti 28 u 37).
50 Madankollu, jekk huwa minnu li n-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tipprovdi, b’mod espliċitu, għall-obbligu għall-Istati Membri li jivverifikaw li d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet preċedenti għandhom aċċess għal fajl fis-sens tal-Anness II, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 għandu bħala effett li jnaqqas it-terminu tal-ħarsien tal-informazzjoni skont l-Artikolu 13(3)(d) tad-Direttiva 91/414, din is-sitwazzjoni tirriżulta direttament mill-mod kif din l-ewwel dispożizzjoni ġiet miktuba. Peress li t-termini tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 huma ċari u mhux ambigwi, l-interpretazzjoni li tgħid li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni preċedenti mhuwiex, skont l-imsemmija dispożizzjoni, obbligat li jippreżenta fajl fis-sens tal-Anness II waqt il-fażi ta’ eżami mill-ġdid, hija l-unika li hija kompatibbli mal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jeżiġi li l-legiżlazzjoni Komunitarja tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b’ċertezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux, C 161/06, ĠU C 154, punti 36 u 38.
51 Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2002/37 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jivverifikaw bi prijorità fuq il-bażi tal-fajl fis-sens tal-Anness III jekk il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) sa (e) tad-Direttiva 91/414 u jimmodifikaw jew jirtiraw, jekk ikun il-każ, għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, l-awtorizzazzjoni mogħtija. B’hekk, din id-dispożizzjoni ma tippermettix is-salvagwardja tal-ekwilibriju bejn, minn naħa, il-ħarsien tal-informazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 91/414, u min-naħa l-oħra, id-drittijiet li d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet preċedenti eżistenti għandhom skont id-dispożizzjonijiet ċari tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37.
52 Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 ma tistax tiġi kkontestata permezz ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 91/414 tali li l-kundizzjonijiet tal-eżami mill-ġdid previsti minn din id-dispożizzjoni jirriżultaw iktar stretti.
53 Fir-rigward tal-argument ta’ Feinchemie u Bayer kif ukoll tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 fid-dawl tad-direttivi l-oħra ta’ inklużjoni tad-diversi sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, bħad-Direttiva 2005/53, hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/37 ma tistax tiddependi fuq l-adozzjoni sussegwenti ta’ miżuri analogi, u min-naħa l-oħra, li l-aħħar sentenza tal-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2005/53 tistabilixxi b’mod preċiż, fl-aħħar sentenza tagħħa, li din id-direttiva ma timponix obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew fuq id-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet meta mqabbla ma’ direttivi adottati sa dak iż-żmien sabiex jiġi mmodifikat l-Anness I tad-Direttiva 91/414.
54 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li fil-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2005/53 huwa indikat ukoll li “l-esperjenza […] uriet li jistgħu jinqalgħu diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet tad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti dwar l-aċċess għad-data. Sabiex jiġu evitati iktar diffikultajiet, jidher għaldaqstant li huwa neċessarju li jiġu ċċarati l-obbligi tal-Istati Membri, b’mod partikolari d-dmir li jiġi vverifikat li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni juri li għandu aċċess għal fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tal-imsemmija direttiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant l-għażla magħmula fid-Direttiva 2005/53 tgħodd għall-futur u bl-ebda mod ma tikkostitwixxi att interpretattiv li jista’ jinfluwenza l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/27.
55 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri li jtemmu l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi l-ethofumesate qabel Settembru 2003 minħabba li l-proprjetarju ta’ din l-awtorizzazzjoni m’għandux, jew m’għandux aċċess għal, fajl li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II.
Fuq l-ispejjeż
56 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/37KE tat-3 ta’ Mejju 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tinkludi l-ethofumesate bħala sustanza attiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri li jtemmu l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi l-ethofumesate qabel Settembru 2003 minħabba li d-detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni m’għandux, jew m’għandux aċċess għal, fajl li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy