Kawża C-400/06
Codirex Expeditie BV
vs
Staatssecretaris van Financiën
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden)
“Tariffa doganali komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tat-tariffi — Subintestatura 0202 30 50 — Qatgħat tal-laħam iffriżat u mingħajr għadam minn parti tal-kwart ta’ quddiem ta’ annimali ta’ l-ifrat”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji —Biċċiet tal-laħam iffriżat u mingħajr għadam mill-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat
L-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […], kif emendat mir-Regolament Nru 2204/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-biċċiet tal-laħam, iffriżat u mingħajr għadam, meħuda mill-kwarti ta’ quddiem ta’ l-ifrat jaqgħu taħt is-subintestatura 0202 30 50 tan-Nomenklatura Magħquda.
Fil-fatt, l-interpretazzjoni uniformi tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tat-termini tas-subintestatura 0202 30 50, li wħud minnhom jirreferu espliċitament għall-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat filwaqt li oħrajn jirreferu espliċitament għad-diversi partijiet tal-kwart ta’ quddiem, twassal sabiex jiġi kkonstatat li n-Nomenklatura Magħquda ma teżiġix espliċitament li l-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat, iffriżat u mingħajr għadam, jiġi ppreżentat fid-dwana bħala biċċa waħda.
Barra minn hekk, il-fatt li l-laħam tal-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat jiġi ppreżentat fid-dwana bħala maqtugħ f’biċċiet ma jaffettwax il-karatteristiċi essenzjali tiegħu kif indikati fis-subintestatura 0202 30 50, minħabba li l-kontenut tal-prodott jaqbel ma’ dak deskritt fin-nota addizzjonali relattiva għal din is-subintestatura, anke jekk huwa ppreżentat f’biċċiet.
L-biċċiet tal-laħam in kwistjoni m’għandhomx għalfejn jissodisfaw xi kundizzjonijiet oħra, b’mod partikolari, il-kundizzjoni li jkunu meħuda mill-istess annimal, sabiex jiġu kklassifikati taħt l-imsemmija subintestatura.
(ara l-punti 20-23, 30 u d-dispożittiv 1-2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
13 ta’ Settembru 2007 (*)
“Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tat-tariffi – Subintestatura 0202 30 50 – Qatgħat tal-laħam iffriżat u mingħajr għadam minn parti tal-kwart ta’ quddiem ta’ annimali ta’ l-ifrat”
Fil-kawża C-400/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, fil-kawża
Codirex Expeditie BV
vs
Staatssecretaris van Financiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn P. Kūris, President ta’ l-Awla, J.‑C. Bonichot u C. Toader (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Olandiż, minn H.G. Sevenster u P. van Ginneken, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn V. Kontolaimos u E. Svolopoulou, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux, bħala aġent,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura tan-Nomenklatura Magħquda 0202 30 50 li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […] (ĠU L 256, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/1999, tat-12 ta’ Ottubru 1999 (ĠU L 278, p. 1, iktar ’il quddiem in-"NM").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Codirex Expeditie BV (iktar 'il quddiem “Codirex”) u l-iStaatssecretaris van Financiёn, dwar il-klassifikazzjoni tat-tariffi ta’ biċċiet taċ-ċanga, iffriżata u bla għadam, mill-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat.
Il-kuntest ġuridiku
3 In-NM hija bbażata fuq is-Sistema Armonizzata Dinjija għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti mfassla mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, liema sistema ġiet imwaqqfa mill-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, li ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1). In-NM tadotta l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri ta’ l-imsemmija sistema, filwaqt li huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri li jiffurmaw is-suddiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.
4 Il-verżjoni tan-NM applikabbli fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali hija dik li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2204/1999.
5 Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM li jidhru fl-Ewwel Parti, Taqsima I, A, ta’ dan l-Anness, jipprovdu, b’mod partikolari:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
2. a) Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.
[…]
3. Meta […] l-oġġetti jiġu kklassifikati prima facie taħt żewġ intestaturi jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej.
a) l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għall-intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. […]
[…]
ċ) meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.
[…]
6. Għall-finijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tiġi deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kundizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-finijiet ta’ din ir-regola, in-noti tat-taqsimiet u tal-kapitoli relattivi japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor. ”
6 Il-kodiċijiet tan-NM li jistgħu jiġu applikati fil-każ preżenti, u li jinsabu fit-tieni parti tas-Sezzjoni I tal-Kapitolu 2 tan-NM, huma s-segwenti:
“Kodiċi NM
Deskrizzjoni ta’ l-oġġetti
1
2
0202
Laħam ta’ annimali ta’ l-ifrat, iffriżat:
[…]
[…]
0202 30
- mingħajr għadam:
[…]
[…]
0202 30 50
-- “Crop”, qatgħat ta’ spalla u skapula u sidra -- […]
0202 30 90
-- oħrajn”
7 In-Noti Addizzjonali rigward is-subintestatura 0202 30 50 jindikaw li “il-biċċiet dorsali tal-kwart ta’ quddiem, inkluża l-parti ta’ fuq ta’ l-ispalla, miksuba minn kwart ta’ quddiem b’minimu ta’ erba’ kustilji u b’massimu ta’ għaxar kustilji maqtugħa b’linja dritta mill-punt fejn l-ewwel kustilja tagħqad ma’ l-ewwel segment ta’ l-isternu sal-punt tar-rifless tad-dijaframma fuq l-għaxar kustilja” huma kkunsidrati bħala “qatgħat ta’ ‘crop’ u ta’ ‘spalla u skapula’” [Nota Addizzjonali 1 A (h), 11, tal-Kapitolu 2 tan-NM). Barra minn hekk, “il-parti t’isfel tal-kwart ta’ quddiem, li tinkludi t-tarf tas-sidra taż-żokra u t-tarf tal-ponta tas-sidra” hija kkunsidrata bħala “qatgħa tas-sidra” [Nota Addizzjonali 1 A(h), 22, tal-Kapitlu 2 tan-NM].
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 Fit-18 ta’ April 2000, l-impriża Codirex indikat is-subintestatatura ta’ tariffa 0202 30 50 tan-NM fid-dikjarazzjoni doganali tagħha għall-importazzjoni miż-Żimbabwe ta’ kunsinna laħam taċ-ċanga, iffriżat u mingħajr għadam, ippakkjat f’535 kaxxa tal-kartun.
9 Matul il-verifika ta’ din id-dikjarazzjoni fid-Dwana Olandiża, ittieħdu żewġ kaxxi mill-kunsinna sabiex iservu ta’ kampjuni. Wara li ġie analizzat il-kontenut tagħhom, il-laboratorju kien tal-fehma li dawn il-kampjuni ma kienux ikkostitwiti “minn qatgħat sħaħ ta’ ‘crop’ u ta’ ‘spalla u skapula’, imma minn biċċiet ta’ dawn il-qatgħat”. Wara li saret analiżi sussegwenti, fuq talba ta’ Codirex, il-laboratorju kkonferma dan ir-riżultat.
10 Għaldaqstant, l-ispettur tad-dwana reġa’ kklassfika l-oġġetti taħt is-subintestatura 0202 30 90 tan-NM u Codirex intalbet tħallas ammont ta’ dazju doganali ta’ 111 352, 80 NLG, b’żieda ma’ l-ammont li kienet diġà ħallset.
11 Codirex ressqet ilment kontra dan l-avviż ta’ ħlas. L-ispettur tad-dwana ċaħad dan l-ilment permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Jannar 2002. Għalhekk, Codirex ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tariefcommissie te Amsterdam. Il-Gerechtshof te Amsterdam, li ssostitwixxa lit-Tariefcommissie te Amsterdam b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002, ċaħad ir-rikors.
12 Fl-appell li ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, Codirex ikkontestat l-interpretazzjoni li ta l-Gerechtshof lill-kunċett ta’ “qatgħat ta’ ‘crop’ u ta’ ‘spalla u skapula’”. Hija ssostni li l-użu tat-terminu “biċċiet” fil-plural (fil-verżjoni Olandiża “gedeelten”) fin-Nota Addizzjonali 1, A(h), 11, tal-Kapitolu 2 tan-NM, kif ukoll tat-termini Ingliżi “chucks and blades” fil-verżjoni Olandiża tas-subintestatura 0202 30 50, u “découpes de quartiers avant dites ‘australiennes’ ” fil-verżjoni Franċiża ta’ din ta’ l-aħħar, jimplika li din is-subintestatura tindika biċċiet distinti. Barra minn hekk, Codirex enfasizzat li l-qatgħat mill-kwarti ta’ quddiem ma jistgħux ikunu kkostitwiti minn biċċa waħda biss, minħabba li mhumiex konnessi bl-għadam u għalhekk jistgħu biss jikkostitwixxu biċċiet anatomikament distinti.
13 Bl-istess mod, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Advocaat Generaal ikkonkluda fis-sens li, mid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tan-Nota Addizzjonali 1, A(h), 11, tal-Kapitolu 2 tan-NM kif ukoll “mir-raġunijiet li wasslu għall-introduzzjoni tas-subintestatura fl-intestatura 0202 30”, jirriżulta li l-kunċett ta’ “qatgħat mill-kwarti ta’ quddiem” jindika d-diversi forom li fihom huma offruti għall-bejgħ il-biċċiet tal-laħam taċ-ċanga magħżula, imqassma u ppakkjati b’mod separat li huma meħuda mill-parti ta’ l-ifrat imsemmija f’din in-nota. Barra minn hekk, skond l-Advocaat Generaal, jirriżulta mill-verżjoni Olandiża u mill-verżjoni Ingliża tas-subintestatura 0202 30 50, li jirreferu għall-“crop(s), chuck(s) and blade(s) and brisket cut(s) ”, li huwa biżżejjed, sabiex il-biċċiet tal-laħam jiġu kklassifikati taħt din is-subintestatura, li dawn ta’ l-aħħar ikunu kollha meħuda mill-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat kif imsemmi fin-Nota Addizzjonali.
14 Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
15 “1. Is-subintestatura 0202 30 50 tan-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-laħam iffriżat (mingħajr għadam), meħud mill-parti tal-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat kif imsemmi fin-Nota Addizzjonali 1, A(h), 11, tal-Kapitolu 2 tan-[NM], jista’ jiġi kklassifikat taħt din is-subintestatura biss jekk il-qatgħa laħam in kwistjoni tkun f’biċċa waħda?
2. Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda timplika li l-laħam li jiġi f’forma ta’ biċċiet separati jista’ jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 0202 30 50, huwa biżżejjed għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni taħt din is-subintestatura li l-kunsinna laħam importata tkun ikkostitwita minn biċċiet tal-laħam iffriżati meħuda mill-parti tal-kwart ta’ quddiem imsemmija fin-nota addizzjonali 1, A(h), 11, tal-Kapitolu 2 tan-[NM], jew din il-kunsinna laħam jew l-elementi tal-kunsinna meħuda separatament (il-kaxex) għandhom, barra minn hekk, jippossjedu karatteristiċi jew partikolaritajiet oħra? ”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
16 Permezz ta’ l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk kunsinna laħam iffriżat u mingħajr għadam meħud mill-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat magħmula minn diversi biċċiet tistax tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 0202 30 50.
17 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-merkanzija għandu jiġi mfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem ta’ l-intestatura ta’ tariffa u min-noti tat-taqsimiet u tal-kapitoli (ara, f’dan is-sens, b’mod particolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1983, Dinter, C-175/82, Ġabra. p. 969, punt 10, u tat-8 ta’ Frar 1990, Van de Kolk, C-233/88, Ġabra. p. I-265, punt 12, kif ukoll tal-11 ta’ Jannar 2007, B.A.S. Trucks BV, C-400/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).
18 Issa skond in-NM, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2204/1999, il-“‘crop’, qatgħat ta’ spalla u skapula u sidra” huma kklassfikati taħt is-subintestatura 0202 30 50, relattiva għal-laħam iffriżat u mingħajr għadam”.
19 Skond in-Nota Addizzjonali 1 A(h), 11, tal-Kapitolu 2 tan-NM, rigward din is-subintestatura, “il-biċċiet dorsali tal-kwart ta’ quddiem, inkluża l-parti ta’ fuq ta’ l-ispalla, miksuba minn kwart ta’ quddiem b’minimu ta’ erba’ kustilji u b’massimu ta’ għaxar kustilji maqtugħa b’linja dritta mill-punt fejn l-ewwel kustilja tagħqad ma’ l-ewwel segment ta’ l-isternu sal-punt tar-rifless tad-dijaframma fuq l-għaxar kustilja” huma kkunsidrati bħala “qatgħat ta’ ‘crop’ u ta’ ‘spalla u skapula’”.
20 Minkejja n-nuqqas ta’ referenza espliċita għall-biċċiet tal-laħam mill-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat fit-termini tas-subintestatura 0202 30 50 kif ukoll fin-nota addizzjonali in kwistjoni, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej enfasizzaw li dawn it-termini ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-imsemmija biċċiet tal-laħam għandhom jiġu esklużi mill-klassifikazzjoni f’din is-subintestatura. Fil-fatt, minn naħa, ċerti verżjonijiet lingwistiċi tat-termini tas-subintestatura 0202 30 50 ma jagħmlux referenza għall-“kwart ta’ quddiem” kollu kemm hu imma għal partijiet minnu, indikati, skond it-terminoloġija Ingliża, bl-espressjoni “crop(s), chuck(s) and blade(s)”, li tinsab, b’mod partikolari, fil-verżjoni Olandiża u fil-verżjoni Ingliża tan-NM. Min-naħa l-oħra, il-biċċiet tal-laħam li jirriżultaw mill-qtugħ u mit-tneħħija ta’ l-għadam jinqatgħu minn xulxin b’mod naturali, minħabba li ma jkunux iżjed marbuta flimkien permezz ta’ l-għadam, u ma jħaddnux iżjed il-karatteristiċi essenzjali u l-partikolaritajiet tal-parti tal-laħam mill-kwart ta’ quddiem.
21 Din l-interpretazzjoni għandha tiġi adottata. Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat, kif issostni l-Kummissjoni, li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi tat-termini tas-subintestatura 0202 30 50 ma jaqblux perfettament, billi wħud minnhom jirreferu espliċitament għall-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat (bħall-verżjonijiet tan-NM bil-Franċiż u bl-Ispanjol), filwaqt li oħrajn jirreferu espliċitament għad-diversi partijiet tal-kwart ta’ quddiem, bħall-espressjoni “crops, chuck and blades” (bħall-verżjoni tan-NM bl-Olandiż, bl-Ingliż u bil-Ġermaniż).
22 L-interpretazzjoni uniformi tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi, kif mitlub mill-ġurisprudenza fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn it-testi (ara, b’mod partikolari f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C-48/98, Ġabra. p. I-7877, punt 46), twassal sabiex jiġi kkonstatat li n-NM ma teżiġix espliċitament li l-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat, iffriżat u mingħajr għadam, jiġi ppreżentat fid-dwana bħala biċċa waħda, u ċerti verżjonijiet lingwistiċi tas-subintestatura 0202 30 50 in kwistjoni lanqas biss jagħmlu referenza għall-parti tal-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat kollha kemm hi.
23 Barra minn hekk, il-fatt li l-laħam tal-kwart ta’ quddiem jiġi ppreżentat fid-dwana bħala maqtugħ f’biċċiet ma jaffettwax il-karatteristiċi essenzjali tiegħu kif indikati fis-subintestatura 0202 30 50, minħabba li l-kontenut tal-prodott jaqbel ma’ dak deskritt fin-nota addizzjonali relattiva għal din is-subintestatura, anke jekk huwa ppreżentat f’biċċiet. Issa preżentazzjoni differenti tal-prodott, meta mqabbla ma’ dak li huwa indikat fin-NM, li ma tbiddilx l-identità tal-kontenut tal-prodott in kwistjoni, ma twassalx għall-esklużjoni mill-klassifikazzjoni fl-intestatura li tikkonċerna lil dan il-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Diċembru 1998, Bruner, C-290/97, Ġabra. p. I-8333, punti 25 sa 27).
24 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat mir-Regolament Nru 2240/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-biċċiet tal-laħam, iffriżat u mingħajr għadam, meħuda mill-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat jaqgħu taħt is-subintestatura 0202 30 50 tan-NM.
Fuq it-tieni domanda
25 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex jiġu kklassifikati fis-subintestatura 0202 30 50, il-biċċiet tal-laħam, iffriżat u mingħajr għadam, mill-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat għandhomx jissodisfaw xi kundizzjonijiet oħra. B’mod partikolari, mill-osservazzjonijiet imqajma matul il-kawża prinċipali, kif imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-qorti a quo tistaqsi, essenzjalment, jekk dawn il-biċċiet għandhomx ikunu meħuda mill-kwart ta’ quddiem ta’ l-istess annimal.
26 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, l-intestatura ta’ tariffa ta’ “laħam ta’ annimali ta’ l-ifrat, iffriżat” u “mingħajr għadam”, in-NM tipprovdi tliet subintestaturi, li l-ewwel waħda minnhom iġġib in-numru 0202 30 10 u tikkonċerna l-“[k]warti ta’ quddiem, sħaħ jew imqattgħin f’massimu ta’ ħames biċċiet, kull kwart qiegħed ġo blokka waħda; kwarti ‘kumpensati’ f’żewġ blokok, waħda fiha l-kwart ta’ quddiem, sħiħ jew imqatta’ f’massimu ta’ ħames biċċiet, u l-oħra, il-kwart ta’ wara, mingħajr flett, f’biċċa waħda”. It-tieni waħda hija s-subintestatura in kwistjoni 0202 30 50, u t-tielet waħda, li ġġib in-numru 0202 30 90, hija dik ġenerali, ta’ natura residwa, intitolata “oħrajn”.
27 Issa għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li s-subintestatura 0202 30 10 tirreferi għall-kwart ta’ quddiem sħiħ u taċċetta li dan jiġi ppreżentat lid-dwana mqatta’ f’massimu ta’ ħames biċċiet biss jekk jiġi ppreżentat lid-dwana “ġo blokka waħda”, tali dettall, kif ġie enfasizzat iktar ’il fuq, ma jissemmiex fis-subintestatura li l-qorti tar-rinviju titlob li tiġi interpretata.
28 Għall-kuntrarju, din is-subintestatura ta’ l-aħħar tikkonċerna espliċitament il-“qatgħat” (“cuts”, fil-verżjoni Ingliża, u “delen”, fil-verżjoni Olandiża tan-NM) u tirreferi, b’mod partikolari fil-verżjoni Franċiża tagħha, għall-partijiet “de quartiers avant découpés” [“tal-kwarti ta’ quddiem imqattgħin”] skond l-informazzjoni pprovduta min-nota addizzjonali relattiva għaliha.
29 L-interpretazzjoni ta’ din is-subintestatura fis-sens li huma biss il-kunsinni tal-laħam li jinkludu l-biċċiet kollha tal-laħam mill-kwart ta’ quddiem u li għalhekk jinkludu biss il-biċċiet mill-kwart ta’ quddiem ta’ annimal wieħed li jaqgħu taħt din l-intestatura, jkollha l-effett li ma tippermettix li ssir distinzjoni bejn is-subintestaturi li jaqgħu taħt l-intestatura 0202 30 tan-NM relattiva għal-laħam taċ-ċanga ffriżat u mingħajr għadam.
30 Fil-fatt, is-subintestatura 0202 30 10 diġà tirreferi għall-kwart ta’ quddiem sħiħ, li skond l-interpretazzjoni esposta fir-risposta għall-ewwel domanda, jista’ jiġi ppreżentat lid-dwana mqatta’ f’biċċiet. Min-naħa l-oħra, is-subintestatura 0202 30 50 tirreferi għall-partijiet mill-kwart ta’ quddiem indikati b’mod partikolari fil-verżjoni Ingliża u fil-verżjoni Olandiża. Għaldaqstant, dawn il-partijiet huma differenti meta mqabbla mal-kwart ta’ quddiem sħiħ. Peress li l-karatteristika essenzjali tagħhom hija li huma meħuda mill-qatgħa indikata fin-nota addizzjonali relattiva għalihom, huma jistgħu jiġu kklassifikati taħt din is-subintestatura mingħajr m’għandhom għalfejn jissodisfaw xi kundizzjonijiet speċjali bħall-kundizzjoni li jkunu meħuda mill-istess annimal.
31 Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat mir-Regolament Nru 2204/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 0202 30 50, il-biċċiet tal-laħam, iffriżat u mingħajr għadam, mill-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat, m’għandhomx għalfejn jissodisfaw xi kundizzjonijiet oħra, b’mod partikolari, il-kundizzjoni li jkunu meħuda mill-istess annimal.
Fuq l-ispejjeż
32 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […], kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/1999, tat-12 ta’ Ottubru 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-biċċiet tal-laħam, iffriżat u mingħajr għadam, meħuda mill-kwarti ta’ quddiem ta’ l-ifrat jaqgħu taħt is-subintestatura 0202 30 50 tan-Nomenklatura Magħquda.
2) L-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat mir-Regolament Nru 2204/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 0202 30 50, il-biċċiet tal-laħam, iffriżat u mingħajr għadam, mill-kwart ta’ quddiem ta’ l-ifrat, m'għandhomx għalfejn jissodisfaw xi kundizzjonijiet oħra, b'mod partikolari, il-kundizzjoni li jkunu meħuda mill-istess annimal.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy