Kawża C-449/06
Sophiane Gysen
vs
Groupe S-Caisse d’Assurances sociales pour indépendants
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal du travail de Bruxelles)
“Uffiċjali — Remunerazzjoni — Regolamenti tal-Persunal — Allowances tal-familja — Determinazzjoni ta’ l-ammont ta’ allowances tal-familja nazzjonali — Determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tat-tfal – Wild li jagħti dritt għal allowances tal-familja taħt ir-Regolamenti tal-Persunal”
Sommarju tas-sentenza
Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Natura ġuridika – Regolament – Applikabbiltà diretta – Obbligi ta’ l-Istati Membri
(Artikolu 249(2), KE; Regolament tal-Kunsill Nru 259/68)
Ir-Regolament Nru 259/68, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri partikolari li huma temporanjament applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni, kif emendat bir-Regolament Nru 2074/83, għandu applikazzjoni ġenerali, jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli f’kull Stat Membru. Fid-dawl ta’ l-applikabbiltà diretta ta’ l-imsemmi Regolament fis-sistema legali ta’ l-Istati Membri, il-wild li għandu dritt għal allowances tal-familja skond ir-Regolamenti tal-Persunal għandu jitqies li huwa wild li għandu dritt għal tali allowances skond id-dritt nazzjonali jew skond konvenzjoni internazzjonali ta’ sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat.
(ara l-punti 24, 25 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
14 ta’ Frar 2008 (*)
“Uffiċjali – Remunerazzjoni – Regolamenti tal-Persunal – Allowances tal-familja – Determinazzjoni ta’ l-ammont ta’ allowances tal-familja nazzjonali – Determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tat-tfal – Wild li jagħti dritt għal allowances tal-familja taħt ir-Regolamenti tal-Persunal”
Fil-kawża C‑449/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal du travail de Bruxelles (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2006, fil-proċedura
Sophiane Gysen
vs
Groupe S-Caisse d’Assurances sociales pour indépendants,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, G. Arestis, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Gysen, minn N. Sluse, avocate,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Novembru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mit-tribunal du travail de Bruxelles, dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej [u li jistabbilixxi miżuri partikolari li huma temporanjament applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni] (ĠU L 56, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 2074/83, tal-21 ta’ Lulju 1983 (ĠU L 203, p. 1) iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Gysen u l-Groupe S-Caisse d’Assurances socials pour indépendants (iktar ’il quddiem il-“Caisse”), dwar id-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tat-tfal ta’ S. Gysen sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ l-allowances tal-familja Belġjani.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-Regolament “għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha”.
3 Skond l-Artikolu 67(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowances tal-familja jinkludu l-allowance ta’ numru ta’ nies id-dar, l-allowance għal tfal dipendenti u l-allowance għall-edukazzjoni.
4 Skond l-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali li jirċievu allowance tal-familja speċifikati f’dan l-Artikolu għandhom jiddikjaraw l-allowance ta’ l-istess natura mħallsa minn sorsi oħra; it-tali allowance ta’ l-aħħar għandhom jitnaqqsu minn dawk imħallsa taħt l-Artikoli 1 sa 3 ta’ l-Anness VII.
5 Skond l-Artikolu 2(7) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk il-kustodja tat-tifel dipendenti fis-sens tal-paragrafi 2 u 3 kienet fdata mil-liġi jew minn ordni tal-qorti jew ta’ l-awtorità amministrattiva kompetenti lil persuna oħra, l-allowance tat-tifel dipendenti jitħallas lil dik il-persuna f’isem u għan-nom ta’ l-uffiċjal.
Id-dritt nazzjonali
6 Skond id-Digriet Irjali tat-8 ta’ April 1976 li jistabbilixxi l-iskema ta’ l-allowances tal-familja għall-persuni li jaħdmu għal rashom (Moniteur belge tas-6 ta’ Mejju 1976), l-ammont ta’ l-allowances għal kull wild jiżdied skond in-numru ta’ tfal.
7 L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(1) ta’ l-imsemmi Digriet Irjali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli meta seħħew il-fatti tal-kawża, jiddetermina s-sekwenza tat-tfal billi jieħu in kunsiderazzjoni l-kronoloġija tat-twelid tat-tfal benefiċjarji skond l-istess Digriet Irjali, il-liġijiet ikkoordinati dwar l-allowance tal-familja għal persuni impjegati, id-Digriet Irjali tas-26 ta’ Marzu 1965 dwar l-allowance tal-familja assenjati lil ċerti kategoriji tal-persunal irremunerat mill-Istat, il-liġi ta’ l-20 ta’ Lulju 1971 li tistabbilixxi allowances tal-familja ggarantiti u l-konvenzjonijiet internazzjonali tas-sigurtà soċjali fis-seħħ fil-Belġju.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 S. Gysen, ċittadina Belġjana, teżerċita attività professjonali indipendenti fil-Belġju. Hija żżewġet fl-1 ta’ Frar 1989. Minn dan iż-żwieġ twieled tifel fl-20 ta’ Ottubru 1989. Il-koppja ddivorzjat f’Ġunju 1993.
9 S. Gysen reġgħet iżżewġet f’Diċembru 1993. Minn dan iż-żwieġ twieldu żewġt itfal fil-5 ta’ Mejju 1994 u fis-17 ta’ Settembru 1996. Il-koppja ddivorzjat matul is-sena 2000.
10 It-tifel il-kbir ta’ S. Gysen ilu jirrisjedi ma’ ommu mis-17 ta’ Jannar 2001. Fir-rigward ta’ l-iżgħar żewġt itfal tagħha, deċiżjoni ġudizzjarja tat-13 ta’ Frar 2001 tindika li l-kustodja u l-amministrazzjoni tal-beni għandhom jiġu eżerċitati konġuntament u li S. Gysen għandha tirċievi l-allowances tal-familja.
11 Fl-1 ta’ Diċembru 2001, missier it-tifel li twieled fl-1989 ġie impjegat mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Sa minn din id-data, is-servizzi tal-Kummissjoni ħallsu l-allowances tal-familja kollha lil S. Gysen, għat-tifel il-kbir tagħha, għan-nom u f’isem il-missier.
12 S. Gysen infurmat lil Caisse b’din is-sitwazzjoni permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Frar 2002, u sussegwentement dan ta’ l-aħħar ma baqax iħallas l-allowances tal-familja għat-tifel il-kbir ta’ S. Gysen, iżda baqa’ jħallashom fir-rigward tat-tfal iż-żgħar.
13 Sussegwentement, peress li kkunsidra li l-allowances ma kinux dovuti, il-Caisse naqqas is-somma ta’ EUR 2 284,84 mill-allowances tal-familja ta’ kull xahar, b’effett mix-xahar ta’ Marzu 2003. Dan l-ammont jikkorrispondi għad-differenza bejn l-allowances mħallsa għat-tfal iż-żgħar tagħha bħala t-tieni u t-tielet ulied tagħha, u dawk li, skond il-Caisse, kellhom jiġu mħallsa, jiġifieri l-allowances għal dawk it-tfal bħala l-ewwel u t-tieni wlied.
14 Peress li qieset li d-deċiżjonijiet amministrattivi tal-Caisse dwar din is-sistema ta’ tnaqqis huma meħuda abbażi ta’ konstatazzjoni illegali tas-sekwenza tat-tlett itfal u, b’konsegwenza, għandhom jiġu annullati, S. Gysen ressqet rikors quddiem il-qorti.
15 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal du travail de Bruxelles iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“[…] Ir-[Regolamenti tal-Persunal] u l-Anness VII: regoli li jirrigwardaw remunerazzjoni [...], taqsima 1, Allowances tal-familja, l-Artikolu 67(1), [li] jinkludi […] l-allowance ta’ numru ta’ nies id-dar, […] l-allowance għat-tfal dipendenti […] [u] l-allowance għall-edukazzjoni, jistgħu jew għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu dak li t-test leġiżlattiv nazzjonali hawnhekk in kwistjoni jiddefinixxi bħala […] ‘konvenzjoni internazzjonali tas-sigurtà soċjali fis-seħħ fil-Belġju’ […]”?
Fuq id-domanda preliminari
16 Sabiex tingħata riposta utli lill-qorti tar-rinviju, li tippermettiha ssib soluzzjoni għal kawża li tressqet quddiemha, għandhom jiġu enfasizzati n-natura u s-saħħa ġuridika tar-Regolamenti tal-Persunal.
17 Fil-fatt, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li ġiet stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ l-imsemmija sistema, l-interpretazzjoni tagħhom hija kompetenza tal-qrati nazzjonali (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C-37/92, Ġabra p. I-4947, punt 7).
18 Mill-kuntest leġiżlattiv tal-kawża prinċipali li ġiet ippreżentata mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Belġjan, wild ta’ persuna li taħdem għal rasha, li tieħu allowances minħabba l-konjuġi jew l-ex-konjuġi, li huma mħallsa mill-korpi tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor skond konvenzjoni internazzjonali, huwa meħud in kunsiderazzjoni matul id-determinazzjoni tas-sekwenza tat-tfal ta’ din l-istess persuna li taħdem għal rasha sabiex jiġi maħdum l-ammont ta’ l-allowances għall-familja Belġjani li din ta’ l-aħħar hija intitolata għalihom fir-rigward tat-tfal l-oħra tagħha.
19 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-kawża prinċipali ġiet issollevata minħabba l-fatt li, matul id-determinazzjoni tas-sekwenza tat-tfal ta’ l-omm, li taħdem għal rasha, il-Caisse irrifjuta li jieħu in kunsiderazzjoni l-wild li jibbenefika minn allowance mħallsa kollha abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal għan-nom u f’isem il-missier, li huwa uffiċjal Komunitarju, sabiex jiġi maħdum l-ammont ta’ l-allowance tal-familja li l-omm hija ntitolata fir-rigward tat-tfal l-oħra tagħha.
20 Mill-qari tal-proċess jidher li d-differenza fit-trattament applikat mill-Caisse għal dawn iż-żewġ każijiet tirriżulta min-natura speċifika tal-bażi ġuridika ta’ l-allowance taħt ir-Regolamenti tal-Persunal imħallsa għat-tifel ta’ S. Gysen li twieled fl-1989.
21 Il-Caisse isostni quddiem il-qorti tar-rinviju li r-Regolamenti tal-Persunal jagħtu lill-uffiċjali Komuntarji drittijiet li huma jistgħu jinfurzaw kontra min iħaddimhom kif ukoll, skond il-każ, id-dritt li jressqu rikors quddiem il-qrati Komunitarji, iżda li dawn id-drittijiet mhumiex immedjatament u direttament applikabbli fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali.
22 Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument imur kontra n-natura u s-saħħa ġuridika taħt ir-Regolamenti tal-Persunal.
23 Huwa ċert li r-Regolament Nru 259/68 li stabbilixxa r-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi mqabbel ma’ konvenzjoni internazzjonali, peress li ma ġiex adottat mill-Istati Membri skond ir-regoli tad-dritt internazzjonali iżda mill-Kunsill bħala istituzzjoni Komunitarja Ewropea li taġixxi b’mod awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Frar 1970, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 38/69, Ġabra p. 47, punt 11, u tat-18 ta’ Marzu 1980, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 91/79, Ġabra p. 1099, punt 7), bl-istess mod li t-Trattat KE li fuqu huwa bbażat l-imsemmi Regolament ma jistax jitqies li huwa konvenzjoni internazzjonali tas-sigurtà soċjali. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, dan ir-Regolament għandu jkollu applikazzjoni ġenerali, ikun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha (ara s-sentenzi ta’ l-20 ta’ Ottubru 1981, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 137/80, Ġabra p. 2393, punt 7, u tas-7 ta’ Mejju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 186/85, Ġabra p. 2029, punt 21). Barra minn hekk, kif sostniet S. Gysen, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi espressament, huwa stess, in-natura obbligatorja ta’ dawn ir-regolamenti fl-intier tagħhom u l-applikabbiltà diretta tagħhom fl-Istati Membri kollha.
24 Fid-dawl ta’ l-applikabbiltà diretta tar-Regolament Nru 259/68 fis-sistema ġuridika ta’ l-Istati Membri, il-qorti nazzjonali għandha tapplikah sabiex tassigura l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni. Għaldaqstant, hija għandha tassigura l-osservanza tat-trattament ugwali bejn il-persuni li l-wild tagħhom għandu dritt għal allowances tal-familja skond ir-Regolamenti tal-Persunal u l-persuni li l-wild tagħhom għandu dritt għal tali allowances skond id-dritt nazzjonali jew skond konvenzjoni internazzjonali tas-sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat.
25 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, minn naħa, ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom applikazzjoni ġenerali, jorbtu fl-intier tagħhom u huma direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, u min-naħa l-oħra li, fir-rigward ta’ l-applikabbiltà diretta tar-Regolament Nru 259/68 fis-sistema ġuridika ta’ l-Istati Membri, il-wild li għandu dritt għal allowances tal-familja skond ir-Regolamenti tal-Persunal għandu jitqies li huwa wild li għandu dritt għal tali allowances skond id-dritt nazzjonali jew skond konvenzjoni internazzjonali tas-sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat.
Fuq l-ispejjeż
26 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, [u li jistabbilixxi miżuri partikolari li huma temporanjament applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni], kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 2074/83, tal-21 ta’ Lulju 1983, għandu applikazzjoni ġenerali, jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Fir-rigward ta’ l-applikabbiltà diretta ta’ l-imsemmi Regolament fis-sistema ġuridika ta’ l-Istati Membri, il-wild li għandu dritt għal allowances tal-familja skond ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandu jitqies li huwa wild li għandu dritt għal tali allowances skond id-dritt nazzjonali jew skond konvenzjoni internazzjonali tas-sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy