Kawża C-516/06 P
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ferriere Nord SpA
“Appell – Kompetizzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Multa – Eżekuzzjoni – Regolament (KEE) Nru 2988/74 – Preskrizzjoni – Att li jikkawża preġudizzju – Inammissibbiltà”
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2007......
Sommarju tas-sentenza
Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti
(Artikoli 230 KE u 256(4) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 2988/74, Artikolu 5(1)(a))
Atti li permezz tagħhom il-Kummissjoni tordna lil impriża sabiex tħallas l-arretrati tal-bilanċ mhux imħallas ta’ multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u t-theddida li jsir użu mill-garanzija bankarja pprovduta minn din l-impriża għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma intimazzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-multa u, bħala tali, kemm jekk dawn l-istess atti jiġu ppreżentati qabel jew wara l-iskadenza ta’ eventwali perijodu ta’ limitazzjoni, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ l-impriża ppenalizzata peress li huma jikkostitwixxu, fir-realtà, atti preparatorji għal atti purament eżekuttivi. Isegwi li tali atti ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.
Din l-interpretazzjoni mhijiex invalidata, meta l-Kummissjoni taċċetta minbarra dan, permezz ta’ dawn l-atti, li twaqqaf il-produzzjoni ta’ l-imgħax f’mument wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonfermat il-penali, permezz tal-preżenza tal-kelma “deċiżjoni” fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 2988/74, li tikkonċerna l-preskrizzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar taħt ir-regoli dwar il-kompetizzjoni, li skond dan il-preskrizzjoni fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni hija interrotta “permess ta’ notifikazzjoni ta’ [deċiżjoni] li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa, penalità jew pagamenti ta’ penalità perjodiċi jew l-irrifjutar ta’ applikazzjoni għat-tibdil”. Fil-fatt, anki bil-preżunzjoni nfisha li deċiżjoni skond din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi, fiċ-ċirkustanzi kollha, att li jista’ jiġi kkontestat skond l-Artikolu 230 KE, permezz ta’ l-atti ċċitati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tinnotifikax lil impriża ppenalizzata b’deċiżjoni “li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa, penalità jew pagamenti ta’ penalità perijodiċi” skond din l-ewwel dispożizzjoni.
Minbarra dan, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni taċċetta li twaqqaf il-produzzjoni ta’ l-imgħax f’mument wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun ikkonfermat il-penali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jista’ jbiddel, f’att li jista’ jiġi kkontestat, att li ma jistax jiġu kkontestat. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza, fiha nfisha, mhijiex ta’ natura li tipproduċi, meta mqabbla mas-sitwazzjoni kif tirriżulta mid-deċiżjoni li imponiet il-multa, effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ l-impriża ppenalizzata.
Fl-aħħar nett, ma jista’ lanqas jiġi invokat, kontra din l-interpretazzjoni, l-argument skond liema jeżisti vojt ġuridiku jekk l-atti kkontestati ma setgħux jiġu kkontestati skond l-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi obbligu pekunjarju a karigu ta’ persuna hija rregolata mill-Artikolu 256 KE, li, fir-raba’ subparagrafu tiegħu, jipprovdi dispożizzjonijiet li jiżguraw protezzjoni ġuridika effettiva. F’kull każ, xorta jibqa’ l-fatt li, għalkemm il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament dwar l-effetti ġuridiċi vinkolanti li huma ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tagħha għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tali interpretazzjoni ma tistax twassal sabiex din il-kundizzjoni ma tiġix ikkunsidrata mingħajr ma jiġu maqbuża l-limiti tal-kompetenzi mogħtija mit-Trattat KE lill-qrati Komunitarji.
(ara l-punti 28-33)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
6 ta’ Diċembru 2007 (*)
“Appell – Kompetizzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Multa – Eżekuzzjoni – Regolament (KEE) Nru 2988/74 – Preskrizzjoni – Att li jikkawża preġudizzju – Inammissibbiltà”
Fil-kawża C‑516/06 P,
li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-11 ta’ Diċembru 2006,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci u F. Amato, bħala aġenti,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Ferriere Nord SpA, irrappreżentata minn W. Viscardini u G. Donà, avvocati,
rikorrenti fl-ewwel istanza
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta’ l-Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, J.-C. Bonichot u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-27 ta’ Settembru 2006, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (T-153/04, Ġabra p. II-3889, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha annullat id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kkomunikati b’ittra tal-5 ta’ Frar 2004 u b’faks tat-13 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”), dwar il-bilanċ mhux imħallas tal-multa imposta fuq Ferriere Nord SpA (iktar ’il quddiem “Ferriere Nord”), permezz tad-deċiżjoni 89/515/KEE tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Awwissu 1989, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.553 - Materjali wweldjati) (ĠU L 260, p.1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ‘Materjali wweldjati’”).
Il-kuntest ġuridiku
2 Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74 tas-26 ta’ Novembru 1974 li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319 p. 1), jipprovdi fl-Artikolu 4 tiegħu intitolat “Perijodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ sanzjonijiet [Perijodu ta’ preskrizzjoni għall-eżekuzzjoni]”:
“1. Is-setgħa tal-Kummissjoni li tenforza deċiżjonijiet li jimponu multi, penalitajiet jew pagamenti ta’ penalitajiet perjodiċi għall-ksur tar-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea fir-rigward tat-trasport jew tal-kompetizzjoni għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin.
2. Iż-żmien għandu jibda jiddekorri fil-ġurnata li fiha d-deċiżjoni ssir finali”.
3 L-Artikolu 5 ta’ l-istess Regolament, intitolat “Interruzzjoni tal-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ sanzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:
“1. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ sanzjonijiet għandu jkun interrott:
(a) permess ta’ notifikazzjoni ta’ [deċiżjoni] li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa, penalità jew pagamenti ta’ penalità perjodiċi jew l-irrifjutar ta’ applikazzjoni għat-tibdil”.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
4 Kif jirriżulta mis-sentenza appellata, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni Materjali wweldjati, li biha, b’mod partikolari, hija kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Ferriere Nord SpA f’serje ta’ ksur fis-suq Komunitarju tal-materjali wweldjati u imponiet fuqha multa ta’ Ecu 320 000.
5 Skond l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni “Materjali wweldjati”, il-multa imposta fuq Ferriere Nord kellha titħallas fi żmien tliet xhur li jibdew jiddekorru min-notifika ta’ din id-deċiżjoni. Gie deċiż ukoll li l-ammont ta’ din il-multa għandu jkollu interessi stabbiliti bil-liġi li jibdew jiddekorru mit-tmiem ta’ dan il-perijodu, bir-rati tal-munita ecu applikabbli mill-Fond Ewropew ta’ Kooperazzjoni monetarja fuq l-operazzjonijiet tiegħu, mill-ewwel jum ta’ xogħol tax-xahar li matulu d-deċiżjoni “Materjali wweldjati” ġiet adottata, b’żieda ta’ 3,5 punti perċentwali, jiġifieri bir-rata ta’ 12,5 %.
6 Fit-18 ta’ Ottubru 1989, Ferriere Nord ippreżentat, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, rikors li jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni “Materjali wweldjati”.
7 Fis-26 ta’ Ottubru 1989, bi qbil mal-Kummissjoni, ġiet ipprovduta garanzija bankarja, fuq istruzzjoni ta’ Ferriere Nord, għall-ammont tal-multa u għall-interessi.
8 Ir-rikors ta’ Ferriere Nord ġie miċħud permezz tas-sentenza tas-6 ta’ April 1995, Ferriere Nord vs il-Kummissjoni (T-143/89, Ġabra p. II-917).
9 L-appell kontra din is-sentenza ġie miċħud bis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C-219/95 P, Ġabra p. I-4411).
10 B’ittra tat-28 ta’ Lulju 1997, filwaqt li invokat id-devalwazzjoni qawwija tal-lira Taljana li seħħet bejn id-data tad-deċiżjoni “Materjali wweldjati” u s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll id-dewmien tal-proċedura ġudizzjarja għal madwar tmien snin, Ferriere Nord talbet lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra mill-ġdid it-tnaqqis fl-ammont tal-multa u ta’ l-interessi. Din it-talba ġiet miċħuda mill-Kummissjoni b’ittra tal-11 ta’ Settembru 1997.
11 B’ittra rreġistrata tat-2 ta’ Diċembru 1997, Ferriere Nord reġgħet tenniet it-talba tagħha. F’din l-istess ittra, hija indikat li, barra minn hekk, kienet ipproċediet biex tħallas is-somma f’liri Taljani li tikkorrispondi għall-ammont tal-multa, jiġifieri Ecu 320 000, skond ir-rata tal-kambju fis-seħħ fl-1989. Din is-somma ġiet akkreditata fil-15 ta’ Diċembru 1997 fil-kont tal-Kummissjoni bil-valur ta’ Ecu 249 918.
12 Il-Kummissjoni ma weġbitx għall-ittra tat-2 ta’ Diċembru 1997.
13 Wara dawn l-avvenimenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin fis-sentenza appellata:
“14. B’ittra tal-5 ta’ Frar 2004 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-5 ta’ Frar 2004”), il-Kummissjoni informat [lil Ferriere Nord] li l-ammont li jibqgħalha tagħti sas-27 ta’ Frar 2004 jammonta għal total ta’ 564402.26 EUR (jiġifieri l-ammont tal-multa kapitali ta’ 320 000 ecu, imnaqqas b’249 918 ecu mħallsa fil-15 ta’ Diċembru 1997, u biż-żieda ta’ l-interessi għal perijodu bejn is-17 ta’ Novembru 1989 u s-27 ta’ Frar 2004). Il-Kummissjoni intimat [lil Ferriere Nord] sabiex tirregola d-dejn tagħha malajr kemm jista’ jkun u indikat li, ġaladarba jsir il-ħlas, hija taċċetta t-tneħħija tal-garanzija bankarja.
15. B’ittra tal-25 ta’ Frar 2004, [Ferriere Nord] irrispondiet lill-Kummissjoni li t-talbiet li jidhru fl-ittra tal-5 ta’ Frar 2004 kienu infondati u saru tard. [Ferriere Nord] sostniet b’mod partikolari li ż-żmien tal-perijodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin għall-infurzar tas-sanzjonijiet, previst mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/74, kien skada fit-18 ta’ Settembru 2002 u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra kreditu favur tagħha u lanqas iddur kontra l-bank garanti.
16. B’faks tat-13 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem il-“faks tat-13 ta’ April 2004”), il-Kummissjoni rrispondiet [lil Ferriere Nord] li, fir-rigward tal-perijodu ta’ limitazzjoni skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/74, din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli f’dan il-każ minħabba l-eżistenza tal-garanzija bankarja, li tista’ tiġi invokata f’kull ħin u għandha l-effett ta’ ħlas provviżorju, b’tali mod li l-infurzar ma jkunx neċessarju. Il-Kummissjoni ammettiet ukoll li ma reġgħetx fakkret [lil Ferriere Nord] biex tirregola d-dejn tagħha wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonfermat id-deċiżjoni Materjali wweldjati u aċċettat f’dan il-kuntest li twaqqaf il-produzzjoni ta’ interessi ħames xhur wara li ngħatat din is-sentenza, jiġifieri fis-17 ta’ Diċembru 1997. Jirriżulta li l-Kummissjoni talbet biss [lil Ferriere Nord] l-ammont ta’ 341 932,32 EUR minflok 564 402,26 EUR mitluba fl-ittra tal-5 ta’ Frar 2004. Il-Kummissjoni fl-aħħar indikat li, fin-nuqqas ta’ ħlas qabel it-30 ta’ April 2004, hija tipproċedi għal mobilizzazzjoni tal-garanzija bankarja”.
Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
14 B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ April 2004, Ferriere Nord talbet l-annullament ta’ l-atti kkontestati.
15 Il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel analizzat, fil-punti 37 sa 53 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar jekk, fid-dati li fihom l-atti kkontestati ġew adottati, jiġifieri fil-5 ta’ Frar u fit-13 ta’ April 2004, is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza d-deċiżjoni “Materjali wweldjati” kinitx preskritta skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/74. Billi ddeċidiet li dan kien il-każ, hija għalhekk iddeċidiet fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kliem li ġejjin:
“54. Għandu jiġi mfakkar li kull att li jimmodifika b’mod sostanzjali u definittiv is-sitwazzjoni ġuridika tad-destinatarju tiegħu jikkostitwixxi deċiżjoni skond l-Artikolu 249 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punti 33 sa 43 u tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2268).
55. Jirriżulta mill-iżviluppi relatati għall-preskrizzjoni (punti 37 sa 51 iktar ’il fuq) li, minħabba l-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza d-deċiżjoni Materjali wweldjati, id-dritt ta’ din ta’ l-aħħar li titlob [lil Ferriere Nord] il-ħlas ta’ l-arretrati tal-bilanċ kien skada u li [Ferriere Nord] setgħet b’mod leġittimu, mit-18 ta’ Settembru 2002, tqies lilha nfisha libera minn kull allegazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni relattiva għall-infurzar ta’ din id-deċiżjoni.
56. Issa, għall-atti (kontroversjali), il-Kummissjoni indirizzat [lil Ferriere Nord] ordni għal proċedura ta’ ħlas sabiex tħallas l-arretrati ta’ bilanċ u wissitha li ser tipproċedi għal mobilizzazzjoni tal-garanzija bankarja. L-atti [kkontestati], li a priori hemm marbut magħhom dubbju ta’ legalità, għalhekk jimmodifikaw b’mod sostanzjali u definittiv is-sitwazzjoni ġuridika u b’hekk jikkostitwixxu deċiżjoni skond l-Artikolu 249 KE, permezz tad-definizzjoni mhux konfermattiva ta’ l-atti preċedenti.
57. Għalhekk l-eċċezzjoni ta’ inammissibiltà trid tiġi miċħuda bħala infondata”.
16 Fir-rigward tal-mertu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li l-motiv dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/74 kien fondat. Hija għalhekk ipproċediet għall-annullament ta’ l-atti kkontestati.
It-talbiet tal-partijiet
17 Permezz ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata, fil-parti fejn hija tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament imressaq minn Ferriere Nord kontra l-atti kkontestati;
– tiddikjara inammissibbli u għalhekk tiċħad ir-rikors għal annullament imressaq fl-ewwel istanza minn Ferriere Nord kontra l-atti kkontestati, u
– tikkundanna lill-Ferriere Nord għall-ispejjeż tal-proċedura ta’ l-ewwel istanza u ta’ l-appell.
18 Ferriere Nord titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell bħala manifestament infondat, u
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
19 In sostenn tat-talbiet tagħha fl-appell, il-Kummissjoni tinvoka aggravju wieħed, intitolat “ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE u ta’ l-Artikolu 249 KE; nuqqas jew żball ta’ motivazzjoni; inkompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza”.
20 Skond il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li kienet iddeċidiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-kriterju applikabbli sabiex tevalwa jekk dan kienx każ ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, ma wrietx li dan il-kriterju kien ġie sodisfatt f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, hija fakkret, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, ir-riżultat ta’ l-analiżi tagħha dwar il-kwistjoni tal-preskrizzjoni. Madankollu, din l-analiżi hija irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà tar-rikors, peress li l-kwistjoni dwar jekk att jipproduċix jew le effetti legali kienet indipendenti minn dik dwar jekk l-argumenti u t-talbiet li jkunu fih humiex jew le fondati.
21 Il-Kummissjoni ssostni li s-sempliċi ordni ta’ ħlas ma tipproduċix effetti legali minnha nfisha. Hija tqis għalhekk li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tatx motivazzjoni, jew inkella, li tat motivazzjoni manifestament żbaljata in sostenn tal-konklużjoni li l-atti kkontestati jistgħu jiġu suġġetti għal azzjoni għal annullament. Minbarra dan, filwaqt li tammetti li din il-motivazzjoni teżisti, hija tibbaża ruħha fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” skond id-dispożizzjonijiet flimkien ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 u ta’ l-Artikolu 249 KE.
22 Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fuq il-kawża meta hija kellhiex kompetenza biex tagħmel hekk.
23 Hija ssostni li, kieku hija riedet tikseb il-ħlas tal-bilanċ min-naħa ta’ Ferriere Nord minkejja r-rifjut ta’ din ta’ l-aħħar, hija jmissha rrikorriet għall-eżekuzzjoni billi tiftaħ kawża għal dan il-għan quddiem il-qorti nazzjonali u dan skond ir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fit-territorju ta’ l-Istat ikkonċernat, kif jipprovdi t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 256 KE. Skond ir-raba’ paragrafu ta’ dan l-istess Artikolu, l-istħarriġ tar-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.
24 Ferriere Nord issostni li, safejn il-preskrizzjoni li seħħet tikkostitwixxi fatt legali li li pproduċa l-estinzjoni ta’ l-obbligu li eżista li titħallas il-multa, l-effett ġuridiku ta’ l-intimazzjoni, li tinsab fl-ittra tal-5 ta’ Frar 2004, ikkonsista fil-fatt ta’ “qawmien mill-ġdid” (jew fit-tentattiv ta’ qawmien mill-ġdid) ta’ dritt li diġà skada, b’effett dirett u awtonomu fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Ferriere Nord.
25 Minbarra dan, il-faks tat-13 ta’ April 2004 kellu kontenut ġdid u addizzjonali meta mqabbla ma’ l-atti preċedenti l-oħra, peress illi, bih, il-Kummissjoni kkomunikat li biddlet l-ammont globali mitlub mingħand Ferriere Nord billi naqset l-ammont ta’ l-interessi. Madankollu, l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 2988/74, li jgħid li l-preskrizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet għandha tiġi interrotta “permess ta’ notifikazzjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa, penalità jew pagamenti ta’ penalità perijodiċi […]”, jikkunsidra t-tnaqqis ta’ l-interessi bħala “deċiżjoni”.
26 Ferriere Nord iżżid li, għalkemm l-ittra tal-5 ta’ Frar 2004 ma setgħatx tiġi kkontestata skond l-Artikolu 230 KE, din tikkostitwixxi lakuna fis-sistema ġuridika Komunitarja u ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, wieħed ma jarax kif hija setgħet b’mod ieħor tagħmel użu mill-preskrizzjoni li seħħet.
27 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament biss il-miżuri li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti u li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C-131/03 P, Ġabra p. I-7795, punt 54 u ġurisprudenza ċċitata).
28 Jirriżulta mill-punt 56 tas-sentenza appellata li, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, is-sitwazzjoni legali ta’ Ferriere Nord ġiet immodifikata b’mod sostanzjali minħabba l-fatt li, permezz ta’ l-atti kkontestati, il-Kummissjoni indirizzat lil Ferriere Nord inġunzjoni sabiex tħallas l-arretrati ta’ bilanċ u wissitha li ser tipproċedi għal mobilizzazzjoni tal-garanzija bankarja.
29 Madankollu, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet dwar l-atti kkontestati li saru mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 14 u 16 tas-sentenza appellata, l-imsemmija atti għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma intimazzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni meħuda preċedentement, jiġifieri d-deċiżjoni “Materjali wweldjati”. Bħala tali, kemm jekk dawn l-istess atti jiġu ppreżentati qabel jew wara l-iskadenza ta’ eventwali preskrizzjoni, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li pproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ Ferriere Nord. Fil-fatt, huma jikkostitwixxu, fir-realtà, sempliċi atti preparatorji għal atti purament eżekuttivi. Madankollu, la dawn l-ewwel atti u lanqas dawn ta’ l-aħħar ma jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-46/03, Ġabra p. I-10167, punt 25, u Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).
30 Din l-interpretazzjoni mhijiex invalidata bil-preżenza tal-kelma “[deċiżjoni]” fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 2988/74. Fil-fatt, anki bil-preżunzjoni nfisha li deċiżjoni skond din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi, fiċ-ċirkustanzi kollha, att li jista’ jiġi kkontestat skond l-Artikolu 230 KE, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ l-atti kkontestati, il-Kummissjoni ma nnotifikatx lil Ferriere Nord b’deċiżjoni “li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa, penalità jew pagamenti ta’ penalità perijodiċi” skond din l-ewwel dispożizzjoni.
31 Minbarra dan, is-sempliċi fatt li, fil-faks tat-13 ta’ April 2004, il-Kummissjoni aċċettat li twaqqaf il-produzzjoni ta’ l-interessi ħames xhur wara li ngħatat is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jista’ jbiddel, f’att li jista’ jiġi kkontestat, att li, minħabba l-motivi indikati fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi kkontestat. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza, fiha nfisha, mhijiex ta’ natura li tipproduċi, meta mqabbla mas-sitwazzjoni kif tirriżulta mid-deċiżjoni “Materjali wweldjati”, effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ Ferriere Nord.
32 Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument li jeżisti vojt ġuridiku jekk l-atti kkontestati ma setgħux jiġu kkontestati skond l-Artikolu 230 KE, għandu jiġi rrilevat li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi a karigu ta’ persuna bħal Ferriere Nord obbligu pekunjarju huwa rregolat permezz ta’ l-Artikolu 256 KE, li, fir-raba’ subparagrafu tiegħu, jipprovdi dispożizzjonijiet li jiżguraw protezzjoni ġuridika effettiva. Minbarra dan, mhuwiex muri li, għalkemm il-Kummissjoni għamlet referenza għall-garanzija bankarja pprovduta minn Ferriere Nord, huwa impossibbli għal din ta’ l-aħħar li tibbenefika minn protezzjoni ġuridika effettiva kontra l-konsegwenzi negattivi ta’ tali sejħa.
33 F’kull każ, jibqa’ l-fatt li, għalkemm il-kundizzjoni dwar l-effetti ġuridiċi vinkolanti li huma ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tagħha għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tali interpretazzjoni ma tistax twassal sabiex din il-kundizzjoni ma tiġix ikkunsidrata mingħajr ma wieħed jeċċedi l-kompetenzi mogħtija mit-Trattat KE lill-qrati Komunitarji (sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).
34 Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat l-atti kkontestati bħala li huma atti li jistgħu jiġu kkontestati skond l-Artikolu 230 KE. Għalhekk is-sentenza appellata għandha tiġi annullata u, fid-dawl ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors għal annullament ta’ l-atti kkontestati għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
35 Skond l-ewwel subinċiż ta’ l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta’ l-istess Regoli, li sar applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-imsemmija Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.
36 Peress li l-appell kif ukoll l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni huma fondati, għandu jiġi deċiż li Ferriere Nord għandha tbati l-ispejjeż kollha sostnuti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-27 ta’ Settembru 2006, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (T-153/04), hija annullata.
2) Ir-rikors għal annullament ta’ Ferriere Nord SpA kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, innotifikati b’ittra tal-5 ta’ Frar 2004 u b’faks tat-13 ta’ April 2004, dwar il-bilanċ mhux imħallas tal-multa imposta fuq Ferriere Nord SpA permezz tad-Deċiżjoni 89/515/KEE tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Awwissu 1989, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.553 - Materjali wweldjati), huwa inammissibbli.
3) Ferriere Nord SpA hija kkundannata għall-ispejjeż taż-żewġt istanzi.
Firem
** Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy