Kawża C-526/06
Staatssecretaris van Financiën
vs
Road Air Logistics Customs BV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden
“Kodiċi Doganali tal-Komunità u r-Regolament ta’ implementazzjoni — Tranżitu Komunitarju — Ksur — Prova tar-regolarità ta’ l-operazzjoni ta’ tranżitu jew tal-post tal-ksur — Nuqqas ta’ għoti tat-terminu ta’ tliet xhur sabiex tingħata din il-prova — Ħlas lura tad-dazji doganali — Kunċett ta’ ‘legalment dovut’”
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2007
Sommarju tas-sentenza
Moviment liberu tal-merkanzija — Tranżitu Komunitarju — Tranżitu Komunitarju estern — Ħlas lura jew remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni — Ammont legalment dovut
(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 236(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 379(2))
L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 236(1) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-awtoritajiet doganali nazzjonali ma ddeterminawx, skond l-Artikolu 379 tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, il-post fejn ġie inkors id-dejn doganali, ma jirrendix l-ammont tad-dazji doganali mhux legalment dovut.
Madankollu, l-Istat Membru li taħtu jaqa’ l-uffiċċju tat-tluq jista’ biss jipproċedi għall-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni jekk, f’konformità ma’ l-Artikolu 379(2) tar-Regolament Nru 2454/93, ikun informa lill-prinċipal li dan jiddisponi minn terminu ta’ tliet xhur sabiex jippreżenta l-prova tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu attwalment saru u jekk din il-prova ma tkunx ġiet ippreżentata f’dan it-terminu.
Fil-fatt, minn naħa, l-ebda dispożizzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali u lanqas l-istruttura tiegħu ma jippermettu li jiġi konkluż li n-nuqqas ta’ determinazzjoni tal-post fejn ġie inkors id-dejn doganali jipprekludi l-imsemmi dejn milli jiġi inkors. F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “legalment dovut”, dan il-kunċett jirrigwarda l-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni applikabbli għall-merkanzija, li huwa stabbilit abbażi tar-regoli ta’ valutazzjoni speċifiċi għal din il-merkanzija fil-mument meta jiġi inkors id-dejn doganali fir-rigward tagħha. Konsegwentement, meta jseħħ fatt li joħloq dejn doganali, l-ammont ta’ dazju legalment dovut jista’ jiġi stabbilit b’applikazzjoni tat-tariffa doganali komuni.
Madankollu, min-naħa l-oħra, jibqa’ l-fatt li n-notifika lill-prinċipal bit-terminu ta’ tliet xhur sabiex jippreżenta l-prova tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu attwalment saru, imsemmija fl-Artikolu 379(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, tikkostitwixxi prerekwiżit għall-irkupru ta’ l-imsemmi dejn mill-awtoritajiet doganali.
(ara l-punti 25, 27, 30, 35-36 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
13 ta’ Diċembru 2007 (*)
“Kodiċi Doganali tal-Komunità u r-Regolament ta’ implementazzjoni – Tranżitu Komunitarju – Ksur – Prova tar-regolarità ta’ l-operazzjoni ta’ tranżitu jew tal-post tal-ksur – Nuqqas ta’ għoti tat-terminu ta’ tliet xhur sabiex tingħata din il-prova – Ħlas lura tad-dazji doganali – Kunċett ta’ ‘legalment dovut’”
Fil-kawża C‑526/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2006, fil-kawża
Staatssecretaris van Financiën
vs
Road Air Logistics Customs BV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn U. Lõhmus (Relatur), President ta’ l-Awla, J. Klučka u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Road Air Logistics Customs BV, minn K. Winters, advocaat, u minn J. Hollebeek, adviseur,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux, bħala aġent, assistita minn F. Tuytschaever, avukat,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 236(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Staatssecretaris van Financiën (Segretarju ta’ l-Istat għall-Finanzi) u l-kumpannija Road Air Logistics Customs BV (iktar ’il quddiem “Road Air”) dwar talba għall-ħlas lura ta’ dazji doganali.
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond l-Artikolu 20(1) tal-Kodiċi Doganali:
“Dazji legalment dovuti meta jiġi inkors dejn doganali għandhom ikunu bbażati fuq it-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej.”
4 Id-dispożizzjonijiet dwar meta jiġi inkors dejn doganali jinsabu fil-Kapitolu 2 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet jiddeskrivu l-fatti li joħolqu tali dejn, jiddeterminaw min huwa d-debitur, kif ukoll il-mument meta u l-post fejn dan jiġi inkors.
5 L-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali jgħid:
“1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
– tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.
[…]”
6 Skond l-Artikolu 214(1) tal-Kodiċi Doganali:
“Ħlief fejn espressament provdut b’dan il-Kodiċi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni applikabbli għall-merkanziji għandu jiġi stabbilit skond il-bażi tar-regoli ta’ valutazzjoni xierqa għal dawk il-merkanziji fil-ħin meta jiġi inkors id-dejn doganali fir-rigward tagħhom.”
7 L-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel l-10 ta’ Mejju 1999, jaqra kif ġej:
“1. Dejn doganali għandu jiġi inkors fil-post fejn jiġru l-avvenimenti li minnhom joħroġ.
2. Fejn ma jkunx possibbli [li] jiġi stabbilit il-post li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post fejn l-awtoritajiet doganali jikkonkludu li l-merkanziji kienu f’sitwazzjoni li fiha ġie inkors dejn doganali.
3. Fejn proċedura doganali ma tkunx twettqet għal merkanziji, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post fejn il-merkanziji:
– ġew imqiegħda taħt dik il-proċedura, jew
– daħlu fil-Komunità taħt dik il-proċedura.
4. Fejn l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet doganali tagħmilha possibbli għalihom li jistabbilixxu li d-dejn doganali kien diġà ġie inkors meta l-merkanziji kienu f’post ieħor f’data qabel, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post li jista’ jiġi stabbilit bħala l-lok tal-merkanziji fiż-żmien l-aktar kmieni li jista’ jiġi stabbilit dejn doganali.”
8 Ir-Regolament (KE) Nru 955/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 1999, li jemenda r-Regolament Nru 2913/92 dwar il-proċedura ta’ tranżitu estern (ĠU L 119, p. 1), applikabbli mill-10 ta’ Mejju 1999, issostitwixxa t-test ta’ l-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali b’test ġdid li m’emendax it-test preċedenti b’mod sostanzjali. Fil-fatt, il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu, minn naħa, u l-paragrafu 4 ta’ l-imsemmi Artikolu, min-naħa l-oħra, ġew riprodotti, rispettivament, fil-paragrafi 1 u 2 ta’ l-Artikolu 215 fil-formulazzjoni l-ġdida tiegħu. Madankollu, iddaħħal paragrafu 3 ġdid, li jaqra kif ġej:
“L-awtoritajiet doganali msemmija fl-Artikolu 217(1) huma dawk ta’ l-Istat Membru fejn id-dejn doganali jkun sar jew meqjus li jkun sar skond dan l-Artikolu.”
9 L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali jgħid:
“Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta’ l-Artikolu 220(2).”
10 Skond l-Artikolu 378(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”):
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 215 tal-Kodiċi, meta l-kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċju tad-destinazzjopni u l-post ta’ l-offiża jew l-irregolarità ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħallikieku saru:
– fl-Istat Membru li jappartjeni għalih l-uffiċju tat-tluq,
jew
– fl-Istat Membru li jappartjeni għalih fil-punt tad-dħul fil-Komunità l-uffiċju ta’ transitu, li lilu tkun intbagħtet nota ta’ avviż ta’ transitu,
sakemm fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 379(2), il-prova ta[r-]regolarità ta’ l-operazzjoni tat-transitu jew tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu attwalment saru tingħata għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali.”
11 L-Artikolu 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jgħid:
“1. Meta kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċju tad-destinazzjoni u l-post fejn il-ksur jew l-irregolarità ikunu saru ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, l-uffiċju tat-tluq għandu jinnotifika lill-prinċipal b’dan il-fatt malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ qabel l-aħħar tal-11-il xahar wara d-data ta’ reġistrazzjzoni tad-dikjarazzjoni ta’ transitu Komunitarja.
2. Il-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tindika, partikolarment, it-terminu li fih il-prova ta[r-]regolarità ta’ l-operazzjoni ta’ transitu jew il-post fejn attwalment ikunu saru il-ksur jew l-irregolarità għandha tingħata lill-uffiċju tat-tluq għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali. Dak it-terminu għandu jkun ta’ tlett xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1. Jekk il-prova msemmija ma tkunx ġiet prodotta sa tmiem it-terminu, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-passi biex jirkupra d-dazji u piżijiet oħra nvoluti. F’każijiet meta dak l-Istat Membru ma jkunx dak li fih l-uffiċju ta’ tluq jinstab, dan ta’ l-aħħar għandu immedjatament jinforma lill-Istat Membru imsemmi.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 Matul il-perijodu mix-xahar ta’ April 1998 sax-xahar ta’ Ottubru 1999 inkluż, Road Air għamlet, għal diversi klijenti, 31 dikjarazzjoni ta’ tranżitu Komunitarju estern u intern u għal dan il-għan għamlet dikjarazzjonijiet doganali T1 u T2. Dawn id-dikjarazzjonijiet kollha jsemmu lill-uffiċju ta’ Roosendaal (l-Olanda) bħala l-uffiċċju doganali tat-tluq.
13 Fost il-kunsinni li ma ġewx rilaxxati, tlieta kienu jirrigwardaw tranżitu Komunitarju estern li għalih l-uffiċċju tad-destinazzjoni kien jinsab fi Stat Membru differenti mill-Olanda. Fir-rigward ta’ tnejn minn dawn il-kunsinni, ġie kkonstatat nuqqas mill-uffiċċju tad-destinazzjoni. Fit-tielet każ, l-uffiċċju tat-tluq ma rċeviex il-ħames kopja tad-dikjarazzjoni T1.
14 Bejn l-24 ta’ Ġunju 1999 u t-18 ta’ Lulju 2001, l-ispettur ta’ l-amministrazzjoni tat-taxxi u tad-dwana ta’ Roosendaal (iktar ’il quddiem “l-ispettur”) innotifika lil Road Air, fir-rigward ta’ dawn it-tliet kunsinni, b’ordnijiet għall-ħlas tad-dazji doganali għall-ksur tas-sistema ta’ tranżitu Komunitarju. Madankollu, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, in-notifiki magħmula lil Road Air ma semmewx li din ta’ l-aħħar kellha l-possibbiltà li tressaq il-prova tal-post fejn seħħ realment il-ksur jew l-irregolarità.
15 Fis-16 ta’ Novembru 2001, Road Air talbet, taħt l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, il-ħlas lura tad-dazji doganali rkuprati kif ukoll tal-multi imposti permezz ta’ l-imsemmija ordnijiet għall-ħlas. Dawn it-talbiet ġew miċħuda b’deċiżjoni ta’ l-ispettur. Wara li sar ilment, din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet ikkonfermata b’deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2002.
16 Fl-10 ta’ Diċembru 2002, Road Air ressqet appell kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (Qorti ta’ l-Appell ta’ Amsterdam). B’sentenza tas-16 ta’ Jannar 2004, din il-qorti ddikjarat dan l-appell parzjalment fondat.
17 Is-Staatssecretaris van Financiën ressaq appell fil-kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Gerechtshof te Amsterdam quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden. Road Air ippreżentat appell inċidentali.
18 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Gerechtshof te Amsterdam ikkonstata li Road Air ma kinitx ingħatat terminu ta’ tliet xhur sabiex tistabbilixxi l-post fejn seħħ realment il-ksur jew l-irregolarità. Konsegwentement, l-ispettur ma kienx irrispetta l-obbligu tiegħu skond l-Artikolu 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, b’mod li ma kellux is-setgħa li jiġbor id-dazji doganali in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Minn dan il-Gerechtshof te Amsterdam ikkonkluda li l-ammonti msemmija fl-ordnijiet għall-ħlas indirizzati lill-kumpannija kkonċernata ma kinux legalment dovuti fis-sens ta’ l-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali.
19 Madankollu, il-Hoge Raad der Nederlanden jqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi stabbilit b’ċertezza biżżejjed li r-raġunament segwit mill-Gerechtshof te Amsterdam huwa fondat. B’mod partikolari, huwa jqajjem il-kwistjoni ta’ l-applikabbiltà, f’dan il-każ, tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, Transport Maatschappij Traffic (C‑247/04, Ġabra p. I‑9089).
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-kunċett ta’ ‘mhux legalment dovut’, użat fl-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-każ fejn il-post fejn jiġi inkors dejn doganali ma jkunx ġie ddeterminat skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali?”
Fuq id-domanda preliminari
21 Permezz tad-domanda mressqa, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-awtoritajiet doganali nazzjonali ma ddeterminawx, skond l-Artikolu 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-post fejn ġie inkors id-dejn doganali, jirrendi l-ammont tad-dazji doganali mhux legalment dovut.
22 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 29 u fid-dispożittiv tas-sentenza Transport Maatchappij Traffic, iċċitata iktar ’il fuq, li, għall-finijiet ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali, id-dazji fuq l-importazzjoni jew id-dazji fuq l-esportazzjoni huma legalment dovuti meta dejn doganali ġie inkors, fiċ-ċirkustanzi stabbiliti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu VII ta’ dan il-kodiċi, u meta l-ammont ta’ dawn id-dazji seta’ jiġi ddeterminat skond it-tariffa doganali komuni, skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan il-kodiċi.
23 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Hoge Raad der Nederlanden ressaq id-domanda tiegħu fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza. Fil-fatt, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk mill-fatt li l-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu VII, jistax jirriżulta li, meta waħda mill-kundizzjonijiet relattivi għad-determinazzjoni tal-post tal-ksur jew ta’ l-irregolarità li jkun ta lok għal dejn doganali ma tkunx sodisfatta waqt l-imsemmija determinazzjoni, jiġix sodisfatt il-kriterju stabbilit mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 ta’ din is-sentenza.
24 Skond Road Air, mill-istruttura tal-Kodiċi Doganali jirriżulta inkontestabbilment li d-dispożizzjonijiet kollha tal-Kapitolu 2 tat-Titolu VII ta’ dan il-kodiċi, li fosthom hemm dawk relattivi għad-determinazzjoni tal-post fejn ġie inkors id-dejn doganali, huma neċessarji sabiex jiġi kkonstatat li dan id-dejn ġie inkors.
25 Din it-teżi ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, il-Kapitolu 2 isemmi, fl-Artikoli 201 sa 205 u 209 sa 211 tal-Kodiċi Doganali, diversi fatti li joħolqu dejn doganali. Dawn id-dispożizzjonijiet jispeċifikaw, f’kull każ, il-mument meta jiġi inkors id-dejn dogonali. L-ebda dispożizzjoni ta’ l-imsemmi kapitolu u lanqas l-istruttura tal-Kodiċi Doganali ma jippermettu li jiġi konkluż li n-nuqqas ta’ determinazzjoni tal-post fejn ġie inkors dan id-dejn, li huwa rregolat mill-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali u mir-Regolament ta’ implementazzjoni, jipprekludi l-imsemmi dejn milli jiġi inkors.
26 Fil-fatt, mit-test ta’ l-imsemmi Artikolu 215, ta’ l-Artikoli 378 u 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-determinazzjoni tal-post fejn ġie inkors id-dejn doganali tippermetti li jiġi stabbilit l-Istat Membru kompetenti sabiex jiġbor id-dazji doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lensing & Brockhausen, C‑233/98, Ġabra p. I‑7349, punt 30). Minn dan isegwi li, għalkemm jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali, l-Artikolu 215 ta’ dan il-kodiċi ma jistabbilixxix kundizzjonijiet li huma prerekwiżiti sabiex jiġi inkors dejn doganali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiddetermina l-kompetenza territorjali fir-rigward tal-ġbir ta’ l-ammont tad-dejn doganali.
27 F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “legalment dovut”, għandu jiġi kkonstatat li, skond l-Artikoli 20(1) u 214(1) tal-Kodiċi Doganali, dan il-kunċett jirrigwarda l-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni applikabbli għall-merkanzija, li huwa stabbilit abbażi tar-regoli ta’ valutazzjoni speċifiċi għal din il-merkanzija fil-mument meta jiġi inkors id-dejn doganali fir-rigward tagħha. Konsegwentement, meta jseħħ fatt li joħloq dejn doganali, l-ammont ta’ dazji legalment dovuti jista’ jiġi stabbilit b’applikazzjoni tat-tariffa doganali tal-Komunitajiet.
28 Mill-proċess u mill-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-merkanziji in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma waslux fid-destinazzjoni tagħhom u li l-irregolarità fl-operazzjonijiet ta’ tranżitu mhijiex ikkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, irregolarità kkwalifikata bħala tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali dejjem ikollha l-konsegwenza, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, li jiġi inkors dejn doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Liberexim, C‑371/99, Ġabra p. I‑6227, punt 52).
29 Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Transport Maatschappij Traffic, iċċitata iktar ’il fuq, f’sitwazzjoni fejn id-dejn doganali ġie inkors bis-saħħa ta’ l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali u fejn huwa possibbli li jiġi stabbilit l-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni abbażi tar-regoli ta’ valutazzjoni speċifiċi għall-merkanzija in kwistjoni b’applikazzjoni tat-tariffa doganali tal-Komunitajiet, l-imsemmi ammont huwa legalment dovut fis-sens ta’ l-Artikolu 236(1) ta’ dan il-kodiċi, anki jekk l-awtoritajiet doganali nazzjonali ma jkunux iddeterminaw il-post fejn ġie inkors id-dejn doganali skond l-Artikolu 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.
30 Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm in-nuqqas ta’ determinazzjoni tal-post fejn ġie inkors id-dejn doganali ma jipprekludix dan id-dejn milli jiġi inkors, jibqa’ l-fatt li n-notifika lill-prinċipal bit-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 379(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tikkostitwixxi prerekwiżit għall-irkupru ta’ l-imsemmi dejn mill-awtoritajiet doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Jannar 2005, Honeywell Aerospace, C‑300/03, Ġabra p. I‑689, punt 23).
31 Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-kliem stess ta’ l-Artikoli 378(1) u 379(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li n-notifika mill-uffiċċju tat-tluq, lill-prinċipal, bit-terminu li fih jistgħu jiġu ppreżentati l-provi mitluba hija ta’ natura obbligatorja u għandha tiġi qabel l-irkupru tad-debitu doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lensing & Brockhausen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; Honeywell Aerospace, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; u tat-8 ta’ Marzu 2007, Gerlach, C‑44/06, Ġabra p. I‑2071, punt 33).
32 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan it-terminu huwa intiż sabiex jipproteġi l-interessi tal-prinċipal billi dan jingħata tliet xhur sabiex jippreżenta, jekk ikun il-każ, il-prova tar-regolarità ta’ l-operazzjoni ta’ tranżitu jew tal-post fejn effettivament seħħ il-ksur jew l-irregolarità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Novembru 2002, SPKR, C‑112/01, Ġabra p. I‑10655, punt 38; ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑460/01, Ġabra p. I‑2613, punt 62; u Gerlach, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).
33 Minn dan isegwi li l-Istat Membru li taħtu jaqa’ l-uffiċċju tat-tluq jista’ biss jipproċedi għall-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni jekk ikun informa minn qabel lill-prinċipal li dan jiddisponi minn terminu ta’ tliet xhur sabiex jippreżenta l-provi mitluba, u jekk dawn ma jiġux ippreżentati fit-terminu msemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lensing & Brockhausen, punt 31, u Gerlach, punt 35).
34 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha raġun meta tgħid li l-ksur ta’ l-Artikolu 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jwassal għall-inkompetenza ta’ l-awtoritajiet doganali sabiex jipproċedu għall-irkupru.
35 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-awtoritajiet doganali nazzjonali ma ddeterminawx, skond l-Artikolu 379 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-post fejn ġie inkors id-dejn doganali, ma jirrendix l-ammont tad-dazji doganali mhux legalment dovut.
36 Madankollu, l-Istat Membru li taħtu jaqa’ l-uffiċċju tat-tluq jista’ biss jipproċedi għall-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni jekk, f’konformità ma’ l-Artikolu 379(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, ikun informa lill-prinċipal li dan jiddisponi minn terminu ta’ tliet xhur sabiex jippreżenta l-prova tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu attwalment saru u jekk din il-prova ma tkunx ġiet ippreżentata f’dan it-terminu.
Fuq l-ispejjeż
37 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 236(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-awtoritajiet doganali nazzjonali ma ddeterminawx, skond l-Artikolu 379 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, il-post fejn ġie inkors id-dejn doganali, ma jirrendix l-ammont tad-dazji doganali mhux legalment dovut.
Madankollu, l-Istat Membru li taħtu jaqa’ l-uffiċċju tat-tluq jista’ biss jipproċedi għall-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni jekk, f’konformità ma’ l-Artikolu 379(2) tar-Regolament Nru 2454/93, ikun informa lill-prinċipal li dan jiddisponi minn terminu ta’ tliet xhur sabiex jippreżenta l-prova tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu attwalment saru u jekk din il-prova ma tkunx ġiet ippreżentata f’dan it-terminu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy