DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)
17 ta’ Lulju 2007
Kawża F-141/06
Marc Hartwig
vs
Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kwistjonijiet proċedurali – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu M. Hartwig talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tas-27 ta’ Marzu 2006, u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ April 2006, safejn huma jistabbilixxu l-klassifika tiegħu fil-grad B*3.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli safejn sar kontra l-Parlament. Il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Ir-rikorrent u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-proċedura dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. L-ispejjeż huma rriżervati għall-bqija.
Sommarju
Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv minn qabel – Rekwiżiti proċedurali
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))
Peress li l-ilment amministrattiv imressaq minn uffiċjal m’għandux ikollu forma partikolari, jikkostitwixxi lment fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal att imressaq b’mezz elettroniku u li juri b’mod ċar u preċiż ir-rieda ta’ min jagħmlu li jikkontesta deċiżjoni meħuda fil-konfront tiegħu.
Ilment huwa meqjus imressaq meta jasal fl-istituzzjoni destinatarja. Dan mhux il-każ f’ilment mibgħut lil indirizz elettroniku ineżatt, ukoll jekk jista’ jasal fuq is-server ġenerali ta’ l-istituzzjoni, mingħajr ma l-mittent jirċievi messaġġ ta’ żball.
Fil-fatt, uffiċjal diliġenti, li jagħżel li jindirizza l-ilment tiegħu b’mezz elettroniku, għandu jassigura l-eżattezza ta’ l-indirizz tad-destinatarju u li d-dokument jasal, per eżempju billi jċempel lil dan id-destinatarju jew billi jitolbu dokument li juri li l-posta elettronika waslet. Din il-prekawzjoni elementari għandha ssir aktar u aktar meta mhuwiex ċert li l-mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni, kif inhuma dawk użati fil-preżent fl-istituzzjonijiet, jistgħu jiggarantixxu, b’mod partikolari meta t-termini qabel is-sinjal “@” ikunu żbaljati jew ineżatti, ridistribuzzjoni sistematika tad-dokument in kwistjoni lid-destinatarju tiegħu, jew għall-inqas, li jintbagħat lill-mittent messaġġ ta’ żball fil-forma ta’ risposta awtomatika (“autoreply”).
(ara l-punti 26 sa 30 u 32)
Referenza għal:
Qorti tal-Ġustizzja: 31 ta’ Mejju 1988, Rousseau vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, 167/86, Ġabra p. 2705, punt 8; 14 ta’ Lulju 1988, Aldinger et Virgili vs Il-Parlament, 23/87 u 24/87, Ġabra p. 4395, punt 13
Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Settembru 1991, Lacroix vs Il-Kummissjoni, T‑54/90, Ġabra p. II‑749, punti 28 u 29; 16 ta’ Frar 2005, Reggimenti vs Il-Parlament, T‑354/03, Ġabra SP p. I‑A‑33 u II‑147, punt 43
Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Mejju 2006, Schmit vs Il-Kummissjoni, F‑3/05, Ġabra SP p. I-A-1-9 u II-A-1-33, punt 28
Full & Egal Universal Law Academy