Kawża T-40/06
Trioplast Industrier AB
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-boroż industrijali tal-plastik — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Tul tal-ksur — Multi — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni matul il‑proċedura amministrattiva — Proporzjonalità — Responsabbiltà in solidum — Prinċipju ta’ ċertezza legali”
Sommarju tas-sentenza
1. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur u tat-tul tiegħu — Portata tal-oneru probatorju
(Artikolu 81(1) KE)
2. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Impriża ttrasferita diversi drabi matul il-ksur — Suċċessjoni ratione temporis ta’ diversi kumpanniji parent
(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)
3. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika li kienet teżisti meta twettaq il-ksur
(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)
4. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża — Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, l-ewwel inċiż tal-punt 3)
5. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Obbligu li tiġi żgurata proporzjonalità bejn l-ammont tal-multi u l-volum globali tas-suq tal-prodotti kkonċernati — Assenza
(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3))
6. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni — Multa ikbar mid-dħul mill-bejgħ magħmul permezz tal-prodotti kkonċernati — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza
(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))
7. Kompetizzjoni — Multi — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas — Determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandu jitħallas mill-impriża responsabbli in solidum — Impriża ttrasferita diversi drabi matul il-ksur — Suċċessjoni ratione temporis ta’ diversi kumpanniji parent
(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)
1. Il-Kummissjoni mhux biss għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ akkordju iżda wkoll it-tul tiegħu. F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żminijiet suffiċjentement qrib, b’tali mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur seħħ bla interruzzjoni bejn żewġ dati.
F’sitwazzjoni fejn huwa stabbilit li impriża pparteċipat fi ksur kemm qabel kif ukoll wara ċertu perijodu, billi pparteċipat f’sensiela ta’ laqgħat antikompetittivi mingħajr ma ddisassoċjat ruħha pubblikament mill-kontenut tagħhom, jista’ jiġi konkluż li l-ksur kompla għaddej mingħajr waqfien jekk l-impriża ġiet mistiedna tipparteċipa fil-laqgħat antikompetittivi li seħħew matul dan il-perijodu u hija kienet skużat ruħha diversi drabi għall-assenza tagħha.
(ara l-punti 41, 42, 46-48)
2. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-metodu użat mill-Kummissjoni huwa li kumpannija parent tiġi attribwita l-istess ammont inizjali bħal dak deċiż fir-rigward tas-sussidjarja li pparteċipat direttament fl-akkordju, mingħajr id-diviżjoni, fil-każ ta’ suċċessjoni ratione temporis ta’ diversi kumpanniji parent, ta’ dan l-ammont, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala intrinsikament mhux xierqa. Fil-fatt, l-għan imfittex mill-Kummissjoni, permezz tal-użu ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu, huwa li kumpannija parent, li tinżamm responsabbli għal ksur minħabba l-imputazzjoni lilha tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha, tiġi attribwita l-istess ammont inizjali li hija kienet tiġi attribwita li kieku hija kienet ipparteċipat direttament fl-akkordju nnifsu. Issa, dan huwa konformi mal-għan tal-politika ta’ kompetizzjoni u, b’mod partikolari, ma’ dak tal-istrument ta’ din il-politika kkostitwit mill-multi, li jikkonsisti f’li l-aġir tal-impriżi jiġi orjentat lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni.
Iċ-ċirkustanza li l-ammonti attribwiti lill-kumpanniji parent suċċessivi, meta magħduda flimkien, jaqbżu l-ammont attribwit lis-sussidjarja tagħhom, ma tistax, fiha nnifisha, twassal għall-konklużjoni li dan il-metodu ta’ kalkolu huwa manifestament żbaljat. Fil-fatt, fid-dawl tal-applikazzjoni tal-metodoloġija esposta fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA u tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, il-Kummissjoni tista’, ladarba l-eżistenza ta’ entità ekonomika li pparteċipat fil-ksur tkun stabbilita, żżomm lil waħda mill-persuni ġuridiċi ta’ din l-entità, jew li kienet ta’ din l-entità, kemm jekk hija l-kumpannija parent jew anki sussidjarja, responsabbli għall-ħlas ta’ ammont ogħla min dak li għandu jitħallas mill-persuna jew persuni ġuridiċi l-oħra li jifformaw jew li kienu jifformaw l-imsemmija entità ekonomika. Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ ksur imwettaq minn sussidjarja li suċċessivament saret proprjetà ta’ diversi entitajiet ekonomiċi matul il-ksur, il-fatt li r-riżultat tal-ammonti attribwiti lill-kumpanniji parent ikun ogħla mill-ammont, jew mir-riżultat tal-ammonti, attribwit lill-imsemmija sussidjarja, ma jistax a priori jiġi kkunsidrat bħala mhux xieraq.
(ara l-punti 74, 76)
3. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tkun tirrigwarda r-realtà ekonomika li kienet teżisti fiż-żmien ta’ meta twettaq l-imsemmi ksur. F’dan ir-rigward, l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma, b’mod partikolari, id-daqs u s-setgħa ekonomika ta’ kull impriża kif ukoll d-daqs tal-ksur imwettaq minn kull waħda fosthom. Għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, għandu neċessarjament isir riferiment għad-dħul mill-bejgħ magħmul fiż-żmien inkwistjoni.
Is-sena ta’ referenza ma għandhiex neċessarjament tkun l-aħħar sena sħiħa li matulha seħħ il-ksur.
Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, meta l-Kummissjoni tapplika metodu individwalizzat, li jkun intiż sabiex id-destinatarji tad-deċiżjoni li nżammew responsabbli biss bħala kumpanniji parent jiġu ttrattati bħala parteċipanti diretti fil-ksur, is-sena ta’ referenza ma tistax, mingħajr indizji oħra rilevanti, tkun sena li matulha l-entità ekonomika komposta mill-kumpannija parent u mis-sussidjarja kienet għadha ma teżistix.
(ara l-punti 91, 93, 95)
4. Skont l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-linji ġwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, ir-“rwol esklużivament passiv jew emulattiv” ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur jikkostitwixxi, jekk jiġi stabbilit, ċirkustanza attenwanti. Rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “low-profile” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fl-elaborazzjoni ta’ xi ftehim antikompetittiv.
Fost l-elementi li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm in-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri ordinarji tal-akkordju kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur jew saħansitra l-eżistenza tad-dikjarazzjonijiet espliċiti f’dan is-sens magħmula minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur.
Barra minn dan, il-fatt li impriżi oħra li pparteċipaw fl-istess akkordju uniku setgħu kienu iktar attivi minn parteċipant partikolari ma jimplikax, għaldaqstant, li dan tal-aħħar kellu rwol esklużivament passiv jew emulattiv. Fil-fatt, hija biss il-passività totali li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni u din għandha tiġi stabbilita mill-parti li tinvokaha.
(ara l-punti 106-108)
5. Waqt id-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali u ma hijiex obbligata tapplika, f’dan ir-rigward, formola matematika preċiża. Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, l-ammont tal-multa huwa ddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur u tat-tul tiegħu. Barra minn hekk, l-imsemmi ammont huwa r-riżultat ta’ sensiela ta’ evalwazzjonijiet iċċifrati magħmula mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA. Id-determinazzjoni ta’ dan l-ammont hija, b’mod partikolari, ir-riżultat ta’ diversi ċirkustanzi relatati mal-aġir individwali tal-impriża inkwistjoni, bħall-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.
Minn dan il-qafas ġuridiku ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm proporzjonalità bejn l-ammont totali tal-multi, hekk ikkalkolati u imposti fuq il-parteċipanti tal-akkordju, u l-volum tas-suq tal-prodott ikkonċernat matul sena partikolari tal-ksur, fid-dawl tal-fatt li l-ksur dam għaddej għal iktar minn għoxrin sena u li l-ammonti tal-multi jiddependu wkoll fuq ċirkustanzi oħra marbuta mal-aġir individwali tal-impriżi kkonċernati.
(ara l-punti 141, 142)
6. L-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, huwa intiż sabiex jevita li l-multi jkunu sproporzjonati. F’sitwazzjoni fejn l-ammont tal-multa finali ma jaqbiżx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat minħabba li l-ammont totali tal-multi jaqbeż il-volum globali tas-suq rilevanti, u lanqas minħabba li l-multa taqbeż id-dħul mill-bejgħ annwali magħmul minn impriża permezz tal-prodott inkwistjoni. Il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għandu jiġi applikat mingħajr it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol speċifiku li impriża kellha fl-akkordju.
Fir-rigward tal-paragun bejn l-impriżi destinatarji ta’ deċiżjoni li timponilhom multi, differenza fit-trattament tista’ tkun il-konsegwenza diretta tal-limitu massimu li r-Regolament Nru 1/2003 jimponi fuq il-multi, li evidentement japplika biss fil-każijiet fejn l-ammont tal-multa proposta kien ser jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata. Tali differenza fit-trattament ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
(ara l-punti 144, 147)
7. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi, b’mod partikolari, li kull att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jimponi jew jimpermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, ikun ċar u preċiż, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnu u jkunu jistgħu jaġixxu konsegwentement.
Meta kumpannija parent u sussidjarja jikkostitwixxu jew kienu jikkostitwixxu entità ekonomika li pparteċipat f’akkordju, il-Kummissjoni tista’ żżommhom responsabbli in solidum għall-ksur tar-regoli tal-Kompetizzjoni.
Fil-każ ta’ sussidjarja li kienet suċċessivament ta’ diversi kumpanniji parent, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli żżomm lid-diversi kumpanniji parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħhom. Min-naħa l-oħra, deċiżjoni li tagħti lill-Kummissjoni libertà sħiħa fir-rigward tal-irkupru tal-multa mingħand waħda jew oħra mill-persuni ġuridiċi kkonċernati, li abbażi tagħha l-Kummissjoni tista’ għalhekk tiddeċiedi li tirkupra l-multa kollha jew parti minnha mingħand is-sussidjarja jew mingħand waħda mill-kumpanniji parent jew mingħand il-kumpanniji parent kollha li kkontrollaw suċċessivament is-sussidjarja, sakemm il-multa tas-sussidjarja titħallas kollha, tissuġġetta, mingħajr ma tkun tista’ tiġi invokata xi ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura dissważiva tal-multi, l-ammont effettivament irkuprat mingħand waħda mill-kumpanniji parent għall-ammont irkuprat mingħand l-oħrajn. Issa, sa fejn dawn il-kumpanniji parent suċċessivi qatt ma fformaw, flimkien, entità ekonomika komuni, ma jista’ jkun hemm ebda responsabbiltà in solidum li torbothom flimkien. Il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet jeżiġi li l-ammont effettivament imħallas minn waħda mill-kumpanniji parent ma jaqbiżx il-kwota tar-responsabbiltà in solidum tagħha. Meta deċiżjoni tonqos milli tispeċifika l-kwota dovuta mill-kumpanniji parent, filwaqt li tagħti lill-Kummissjoni libertà sħiħa fir-rigward tal-implementazzjoni tar-responsabbiltajiet in solidum rispettivi tal-kumpanniji parent suċċessivi, li qatt ma fformaw entità ekonomika bejniethom, tali deċiżjoni hija inkompatibbli mal-obbligu li l-Kummissjoni għandha, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li tqiegħed lill-kumpanniji parent f’pożizzjoni li jkunu jafu mingħajr ambigwità l-ammont eżatt tal-multa li huma għandhom iħallsu fir-rigward tal-perijodu li għalih huma nżammew responsabbli għall-ksur in solidum mas-sussidjarja. Tali deċiżjoni tikser kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.
(ara l-punti 161, 163-167, 169, 170)
SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla)
13 ta’ Settembru 2010 (*)
“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-boroż industrijali tal-plastik – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Tul tal-ksur – Multi – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni matul il‑proċedura amministrattiva – Proporzjonalità – Responsabbiltà in solidum – Prinċipju ta’ ċertezza legali”
Fil-Kawża T‑40/06,
Trioplast Industrier AB, stabbilita fi Smålandsstenar (l-Isvezja), irrappreżentata minn T. Pettersson u O. Larsson, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, P. Hellström u V. Bottka, sussegwentement minn F. Castillo de la Torre, L. Parpala u V. Bottka, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 4634 finali, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) dwar akkordju fis-suq tal-boroż tal-plastik industrijali, kif ukoll, sussidjarjament, talba intiża għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,
IL-QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla),
komposta minn A. W. H. Meij (Relatur), President tal-Awla, V. Vadapalas u L. Truchot, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Ir-rikorrenti, Trioplast Industrier AB, hija l-kumpannija parent tal-grupp Trioplast. Din il-kumpannija hija d-destinatarja tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ Trioplast Wittenheim SA, stabbilita f’Wittenheim (Franza), u li tipproduċi boroż industrijali, films u għantijiet.
2 Fl-1999, permezz tas-sussidjarja tagħha Trioplanex France SA, ir-rikorrenti xtrat Trioplast Wittenheim, li dak iż-żmien kienet Silvallac, mingħand Nyborg Plast International A/S, kumpannija rregolata mid-dritt Daniż, li sussegwentement saret FLS Plast A/S. Dan it-trasferiment seħħ fid-19 ta’ Jannar 1999, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 1999.
3 FLS Plast innifisha, f’Diċembru 1990, kienet xtrat 60 % tal-azzjonijiet ta’ Trioplast Wittenheim mingħand il-Kumpannija Cellulose du Pin, membru tal-grupp ikkontrollat mill-Compagnie de Saint-Gobain SA. Cellulose du Pin ittrasferiet il-kumplament tal-azzjonijiet, 40 %, lil FLS Plast f’Diċembru 1991.
Il-proċedura amministrattiva
4 F’Novembru 2001, il-kumpannija British Polythene Industries, informat lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-boroż industrijali (iktar ’il quddiem l-“akkordju”). Hija esprimiet ix-xewqa tagħha li tikkoopera fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”).
5 Fis-26 u fis-27 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet fi tlettax-il impriża skont l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3). Fost dawn l-impriżi kien hemm Trioplast Wittenheim.
6 Bejn l-14 ta’ Novembru 2002 u l-21 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għall-informazzjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, lil diversi impriżi, fosthom Trioplast Wittenheim.
7 Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2002, ikkompletata b’ittra tas-16 ta’ Jannar 2003, anki Trioplast Wittenheim indikat li riedet tikkoopera fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, u pprovdiet spjegazzjonijiet bil-miktub.
8 Fl-4 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni indirizzat talba għall-informazzjoni supplimentari lill-Trioplast Wittenheim u lill-impriżi l-oħra kkonċernati.
9 Fid-29 ta’ April 2004, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura amministrattiva u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kontra diversi kumpanniji, fosthom, b’mod partikolari, ir-rikorrenti u Trioplast Wittenheim. Inżammet seduta fis-26 u fit-28 ta’ Lulju 2004.
Id-deċiżjoni kkontestata
10 Fit-30 ta’ Novembru 2005 il-Kummissjoni adottat, abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), id-Deċiżjoni C (2005) 4634 finali, dwar provvediment [proċedura] skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sunt tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Ottubru 2007 (L 282, p. 41). Fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kien hemm Trioplast Wittenheim, li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija kkunsidrata bħala manifesta mill-Kummissjoni, u r-rikorrenti, li hija identifikata mill-Kummissjoni bħala li tifforma parti minn unità ekonomika responsabbli mill-ksur mill-1999 sal-2002. Anki FLS Plast u FLSmidth & Co. A/S (iktar ’il quddiem “FLSmidth”) li hija holding tal-grupp FLS, li preċedentement kien FLS Industries A/S, huma destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Huma kienu jikkostitwixxu unità ekonomika ma’ Trioplast Wittenheim mill-1990 sal-1999.
11 Fid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari fil-premessi 417 sa 548, il-Kummissjoni kkonstatat li diversi impriżi kienu pparteċipaw, bi ksur tal-Artikolu 81 KE, fi ftehim jew prattiki miftiehma antikompetittivi, mifruxa fuq it-territorji tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Spanja, ta’ Franza, tal-Lussemburgu u tal-Pajjiżi l-Baxxi. Skont il-premessi 549 sa 576 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ksur seħħ minn Jannar 1982 sa Ġunju 2002, madankollu t-tul tal-ksur ivarja skont l-impriżi.
12 Fil-premessi 3 sa 14 tad-deċiżjoni kkontestata huwa speċifikat li l-prodotti kkonċernati, għall-finijiet tad-deċiżjoni kkonċernata, kienu l-boroż industrijali tal-plastik intiżi għall-ippakjar ta’ prodotti bażiċi u, b’mod iktar ġenerali, ta’ materji primi, ta’ fertilizzanti, ta’ polimeri, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ prodotti agrikoli u għall-ortikultura u ta’ għalf għall-annimali. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dawn il-boroż li huma magħmulin mill-istess materja prima – jiġifieri l-polythene –, iżda skont proċessi differenti, li jistgħu jiġu kklassifikati f’erba’ kategoriji: boroż miftuħin minn fuq, valve bags, il-boroż FFS (“Form, Fill and Seal”, jiġifieri ffurmar bis-sħana, mili u għeluq ermetiku) u l-block bags. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn it-tipi ta’ boroż, għalkemm setgħu jippreżentaw ċerti aspetti speċifiċi fil-konfront ta’ xulxin, kienu jiffurmaw grupp relattivament omoġenju.
13 Skont il-premessi 165 sa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, l-akkordju kien organizzat skematikament fuq żewġ livelli, jiġifieri:
– il-livell globali tal-assoċjazzjoni Ewropea ta’ produtturi ta’ valve bags tal-plastik (iktar ’il quddiem “Valveplast”) u s-subgruppi funzjonali li jirriżultaw minn din l-assoċċjazzjoni, fosthom is-subgrupp “block bags”, u
– il-livell tas-subgruppi reġjonali marbutin ma’, jew indipendenti minn, Valveplast, jiġifieri s-subgrupp “Benelux”, is-subgrupp “Belġju”, is-subgrupp “Ġermanja”, is-subgrupp “Franza” u l-grupp “Teppema” (organizzazzjoni maħluqa minn produtturi tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ boroż miftuħin minn fuq u li kienet tikkonċerna prinċipalment is-suq Olandiż u okkażjonalment is-suq Belġjan).
14 Mill-premessi 187 sa 416 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ftehim u l-prattiki antikompetittivi inkwistjoni ħadu l-forom segwenti:
– mekkaniżmu ta’ skambju regolari ta’ informazzjoni mhux anonima fuq il-volumi ta’ bejgħ u l-ishma tas-suq tal-membri f’kull grupp u subgrupp;
– sistema globali ta’ determinazzjoni u ta’ kontroll tal-kwoti ta’ bejgħ skont iż-żona ġeografika u, fi ħdan kull żona ġeografika, skont l-impriża;
– mudelli komuni ta’ kalkolu tal-prezzijiet ta’ bejgħ lill-klijenti;
– implementazzjoni, fuq il-livell tal-gruppi u tas-subgruppi, ta’ sistemi ta’ leadership skont il-klijent fir-rigward tal-klijenti l-kbar;
– mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ qbiż tal-kwoti jew ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-prezzijiet stabbiliti;
– prattiki miftiehma u akkordju fuq il-prezzijiet u fuq il-volumi ta’ kunsinna fir-rigward ta’ klijenti partikolari u
– tqassim ta’ sejħiet għall-offerti u ppreżentar ta’ offerti miftiehma flimkien ma’ offerti ta’ kopertura.
15 Skont il-premessi 443 u 459 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, ħlief għal kumpannija Stempher, l-aġir tal-kumpanniji kollha destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata – li kollha kemm huma ħadu sehem, fuq livelli differenti, fil-laqgħat ta’ Valveplast jew f’dawk ta’ wieħed jew iktar mis-subgruppi – jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat.
16 Fil-premessa 765 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat il-ksur bħala serju ħafna u kkonkludiet li, għalkemm ma kienx possibbli li jitkejjel b’mod preċiż l-impatt konkret tal-ftehim kollużorji inkwistjoni, madankollu kien possibbli li jiġi ddikjarat li dawn kienu ġew implementati u li neċessarjament kellhom, għalhekk, impatt fuq is-suq.
17 Wara dan, fil-premessi 766 sa 777 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qassmet l-impriżi kkonċernati f’sitt kategoriji, skont il-piż relattiv tagħhom fis-suq inkwistjoni, billi bbażat ruħha fuq l-ishma tas-suq li kull waħda minnhom kisbet, fl-1996 u fir-rigward tal-prodott inkwistjoni, fit-territorju rilevanti. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni stabbilixxiet ammonti inizjali tal-multi li jvarjaw minn EUR 5.5 miljun sa EUR 35 miljun. Il-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali tal-multa ta’ Trioplast Wittenheim għal EUR 8.5 miljun (kategorija ħamsa), peress li fl-1996 is-sehem tagħha tas-suq kien ta’ 2.8 %. Peress li kemm ir-rikorrenti kif ukoll FLS Plast u FLSmidth kienu involuti fil-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji parent ta’ Trioplast Wittenheim, huma ġew attribwiti l-istess ammont inizjali.
18 Mill-premessi 779 sa 783 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ammonti inizjali tal-multi ġew miżjuda b’10 % għal kull sena sħiħa ta’ ksur u b’5 % għal kull perijodu supplimentari ta’ sitt xhur jew iktar iżda ta’ inqas minn sena. Għalhekk, fir-rigward ta’ Trioplast Wittenheim, l-ammont inizjali tal-multa kien suġġett għal żieda ta’ 200 %, korrispondenti għal perijodu ta’ ksur ta’ 20 sena u 5 xhur, u dan wassal sabiex l-ammont tal-multa jitla’ għal EUR 25.5 miljun. Iż-żidiet tal-ammont inizjali tal-multa ta’ FLS Plast (l-istess bħal ta’ FLSmidth) u tar-rikorrenti ġew stabbiliti rispettivament għal 80 % u 30 %, u dan wassal għal ammonti bażiċi tal-multa ta’ EUR 15.3 miljun għal FLS Plast u FLSmidth u ta’ EUR 11.05 miljun għar-rikorrenti.
19 Kif jirriżulta mill-premessi 802 u 812 sa 822 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammonti bażiċi tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim u fuq il-kumpanniji parent tagħha la żdiedu u lanqas ma tnaqqsu abbażi tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, prinċipalment minħabba li ġiet applikata r-regola li tiffissa l-limitu tal-ammont tal-multa għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali li l-impriża kkonċernata għamlet matul is-sena finanzjarja preċedenti, prevista bl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem il-“limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ). Min-naħa l-oħra, l-Kummissjoni applikat il-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim. Fil-premessa 841 tad-deċiżjoni kkontestata hija qieset li Trioplast Wittenheim u r-rikorrenti kellhom id-dritt li jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 30 % mill-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqhom fin-nuqqas ta’ din il-kooperazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-ammonti bażiċi tal-multa ta’ FLS Plast u ta’ FLSmidth ma tnaqqsux abbażi ta’ dan il-fatt.
20 Konsegwentement, l-ammont finali tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim ġie ffissat għal EUR 17.85 miljun. Minn dan l-ammont, FLS Plast u FLSmidth huma responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ EUR 15.3 miljun. Ir-rikorrenti hija responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ EUR 7.73 miljun.
21 Fl-aħħar nett, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi, b’mod partikolari, d-dispożizjonijiet segwenti:
“L-ewwel Artikolu
1. L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 81 KE billi ħadu sehem, matul il-perijodi indikati, f’numru ta’ ftehim u prattiki miftiehma fis-settur tal-boroż tal-plastik industrijali fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kienu jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u t-twaqqif ta’ mudelli komuni ta’ kalkolu tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u l-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ, l-allokazzjoni tal-klijenti, tan-negozji u tal-ordnijiet, is-sottomissjoni miftiehma ta’ ċerti sejħiet għall-offerti u l-iskambju ta’ informazzjoni individwalizzata:
[…]
g) Trioplast Wittenheim […], mis-6 ta’ Jannar 1982 sas-26 ta’ Ġunju 2002, u [ir-rikorrenti], mill-21 ta’ Jannar 1999 sas-26 ta’ Ġunju 2002;
h) FLS Plast […] u FLSmidth […] mill-31 ta’ Diċembru 1990 sad-19 ta’ Jannar 1999;
[…]
Artikolu 2
Għal dan il-ksur qed jiġu imposti l-multi li ġejjin:
[…]
f) Trioplast Wittenheim […]: EUR 17.85 miljun. Minn dan l-ammont, FLSmidth […] u FLS Plast […] huma responsabbli flimkien u in solidum għall-ħlas ta’ EUR 15.30 miljun u [ir-rikorrenti] hija responsabbli flimkien u in solidum għall-ħlas ta’ EUR 7.73 miljun;
[…]
Artikolu 3
L-impriżi elenkati fl-Artikolu 1 għandhom jitterminaw b’mod immedjat il-ksur imsemmi f’dan l-artikolu, dejjem sakemm huma għadhom ma għamlux dan.
Huma għandhom jiddeżistu, fil-ġejjieni, kemm minn kull att jew imġieba koperta mill-Artikolu 1, kif ukoll minn kull att jew imġieba li jkollhom għan jew effett identiku jew li jixxiebaħ.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
22 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-21 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.
23 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla parzjalment l-Artikolu 1(1)(g) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jirrigwarda l-perijodu li għalih hija nżammet responsabbli għall-ksur;
– tannulla parzjalment il-punt f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tirrigwarda l-ammont tal-multa imposta fuqha, u, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont ta’ din il-multa;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
24 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
25 Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u, konsegwentement, din il-kawża ġiet attribwita lill-imsemmija awla.
26 B’digriet tal-15 ta’ Ġunju 2010, il-President tas-Sitt Awla ddeċieda, wara li sema’ lill-partijiet, li jgħaqqad din il-kawża mal-Kawża T‑26/06 (Trioplast Wittenheim vs Il‑Kummissjoni) għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
27 It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2010.
Id-dritt
28 Ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi insostenn tat-talbiet tagħha.
29 L-ewwel motiv jirrigwarda kemm il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, fl-Artikolu 1(1)(g) tagħha, kif ukoll il-legalità tad-determinazzjoni mill-Kummissjoni tal-ammont tal-multa tar-rikorrenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti, permezz tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din tirriżulta minn żball fir-rigward tal-iffissar tat-tul tal-ksur imwettaq minnha. L-ewwel u t-tieni parti ta’ dan il-motiv jirrigwardaw, rispettivament, minn naħa, il-legalità tal-metodu ta’ kalkolu tal-multa applikat mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-legalità tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, b’mod partikolari fir-rigward tal-għażla tas-sena ta’ referenza. Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi eżaminata l-ewwel, u l-ewwel u t-tieni parti tal-imsemmi motiv għandhom jiġu eżaminati sussegwentement.
30 Il-ħames motivi l-oħra huma intiżi għall-annullament tal-punt f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tirrigwarda l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Fil-fatt, permezz tat-tieni motiv ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tar-rifjut tal-Kummissjoni li tatiha l-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti. It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ. Ir-raba’ motiv huwa intiż li juri li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti, fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Il-ħames motiv jirrigwarda l-ksur, mill-Kummissjoni, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali. Fl-aħħar nett, is-sitt motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali, fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti.
31 Matul is-seduta r-rikorrenti rrinunzjat t-tielet motiv tagħha. Konsegwentement ma għadx hemm lok li jiġi eżaminat.
1. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji fil-kuntest tad-determinazzjoni tat-tul tal-ksur u tal-ammont tal-multa
Dwar it-tielet parti tal-ewwel motiv, li tirrigwarda l-legalità tad-determinazzjoni tat-tul tal-ksur
– L-argumenti tal-partijiet
32 Ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-ksur imwettaq minn Trioplast Wittenheim dam għaddej għal 20 sena u ħames xhur, jiġifieri minn Jannar 1982 sa Ġunju 2002. Hija tqis li l-ammont tal-multa tagħha għandu jitnaqqas skont ipoteżi li hija tressaq fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim fil-ksur.
33 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim fil-prattiki antikompetittivi ntemmet matul il-laqgħa ta’ Valveplast tat-23 ta’ Marzu 1999. Għalhekk, il-ksur imwettaq minn Trioplast Wittenheim dam għaddej għal 17-il sena u xahrejn, u li, fl-opinjoni tagħha, il-perijodu li għalih ir-rikorrenti kellha tassumi responsabbiltà in solidum kien jestendi mill-21 ta’ Jannar sat-23 ta’ Marzu 1999. Fil-fatt, kien biss matul il-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 1999 li r-rikorrenti, li kienet xtrat lil Trioplast Wittenheim xi ġimgħat qabel, ġiet informata għall-ewwel darba dwar il-prattiki antikompetittivi inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, B, wieħed mill-membri diriġenti tagħha, li sar il-President il-ġdid tal-Bord tad-Diretturi ta’ Trioplast Wittenheim u li kien jirrappreżenta lil din tal-aħħar, ma nvolviex ruħu fid-diskussjonijiet illegali. Sussegwentement ir-rikorrenti ħarġet direttiva interna li kienet tindika li l-ksur għandu jintemm.
34 Filwaqt li tammetti li Trioplast Wittenheim kienet preżenti għal tliet laqgħat ta’ Valveplast fl-2001, ir-rikorrenti ssostni li matul dawn il-laqgħat Valveplast kienet qed tmexxi diskussjonijiet settorjali dwar żewġ proġetti kkunsidrati bħala legali, jiġifieri, minn naħa, metodu ta’ kalkolu tal-prezzijiet għall-boroż FFS sabiex tiġi ffaċilitata t-tranzizjoni lejn films iktar irqaq u, min-naħa l-oħra, il-parametri li kellhom jiġu stabbiliti għall-irkanti bl-internet. Peress li rriżulta li n-natura tad-diskussjonijiet kienet antikompettitiva, Trioplast Wittenheim ma tathomx importanza. Għalhekk, l-għan ta’ Trioplast Wittenheim ma kienx li tuża l-akkordju sabiex tikseb profitt personali.
35 Wara dan, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li Trioplast Wittenheim ħadet sehem fil-ksur meta kienet preżenti għat-tliet laqgħat ta’ Valveplast miżmuma fl-2001, ir-rikorrenti tiddikjara li Trioplast Wittenheim rtirat mill-akkordju bejn it-23 ta’ Marzu 1999 u s-27 ta’ Marzu 2001 u li din tal-aħħar temmet definittivament il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’Lulju 2001. F’dan il-każ, il-ksur ta’ Trioplast Wittenheim dam għaddej għal mhux iktar minn 17-il sena u sitt xhur.
36 Fir-rigward tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha fl-akkordju bejn l-1999 u l-2001, ir-rikorrenti ssostni li, matul il-perijodu inkwistjoni, Trioplast Wittenheim kellha l-għan li ttemm il-koopereazzjoni illegali mibdija mill-proprjetarji preċedenti jew mill-amministrazzjoni preċedenti, li taġixxi b’mod awtonomu u konformi mas-suq, u konsegwentement li tkabbar il-volum tan-negozju tagħha u s-sehem tagħha tas-suq, kif ukoll li fl-azzjonijiet kummerċjali tagħha ma tiħux inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rċevuta fil-kuntest tal-prattiki antikompetittivi inkwistjoni.
37 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-irtirar definittiv ta’ Valveplast, ir-rikorrenti ssostni li Trioplast Wittenheim ma kinitx preżenti għal laqgħat oħra li seħħew wara t-12 ta’ Lulju 2001. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-grupp Trioplast adotta programm ta’ konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni f’Novembru 2001, u dan jindika li huwa kien iddisassoċja ruħu minn kull imġiba antikompetittiva. Ir-rikorrenti tkompli tgħid li Trioplast Wittenheim qatt ma pparteċipat għal eventwali koordinazzjoni tal-irkanti bl-internet, suġġett li kien ġie diskuss matul il-laqgħat fejn hija kienet preżenti. Dak iż-żmien Trioplast Wittenheim kienet ħadet sehem biss f’irkant wieħed, li ma kienx suġġett ta’ koordinazzjoni.
38 Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
39 Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni mhux biss għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ akkordju iżda wkoll it-tul tiegħu. F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żminijiet suffiċjentement qrib, b’tali mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur seħħ bla interruzzjoni bejn żewġ dati preċiżi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79, u tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 51). Barra minn dan, għandu jiġi speċifikat ukoll li għalkemm il-perijodu bejn żewġ manifestazzjonijiet ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur huwa kriterju rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura kontinwata ta’ ksur, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi perijodu huwiex twil biżżejjed jew le sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni tal-ksur ma tistax tiġi eżaminata fl-astratt. Bil-kontra ta’ dan, din għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-funzjonament tal-akkordju inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il-Kummissjoni, T‑18/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 89).
40 Fid-dawl ta’ dan, it-tqassim tal-oneru tal-prova jista’ jvarja sa fejn il-punti ta’ fatt li waħda mill-partijiet tinvoka jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, li fin-nuqqas tagħhom jista’ jiġi konkluż li l-prova tkun ġiet prodotta (sentenza tal-Qorti Ġenerali Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 53; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 79, u tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, point 21).
41 Minn din il-perspettiva, huwa kkunsidrat li, meta l-parteċipazzjoni f’akkordju, jew il-livell ta’ din il-parteċipazzjoni, jew saħansitra t-tul tagħha, huma kkontestati, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, sabiex tipprova suffiċjentement il-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun ġiet stabbilita, hija din l-impriża li għandha tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’għanijiet differenti minn tagħhom (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 81).
42 Fil-fatt, meta hija tipparteċipa għal laqgħa partikolari mingħajr ma tiddisassoċja ruħha pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tagħti lill-parteċipanti l-oħra l-impressjoni li hija taqbel mar-riżultat tagħha u li se tikkonforma magħha (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 82).
43 F’din il-kawża, huwa paċifiku li Trioplast Wittenheim ipparteċipat fl-akkordju minn Jannar 1982 sat-23 ta’ Marzu 1999 u li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 81 KE bejn il-21 ta’ Jannar 1999 u t-23 ta’ Marzu 1999, billi kienet tifforma parti mill-istess entità ekonomika li kienet tifforma parti minnha Trioplast Wittenheim. Ir-rikorrenti tikkuntesta, madankollu, li Trioplast Wittenheim ipparteċipat fl-akkordju fil-perijodu ta’ bejn it-23 ta’ Marzu 1999 u Ġunju 2002. Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li Trioplast Wittenheim rtirat mill-akkordju fil-perijodu ta’ bejn it-23 ta’ Marzu 1999 u s-27 ta’ Marzu 2001 u li hija temmet definittivament il-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħat ta’ Valveplast fit-12 ta’ Lulju 2001.
44 L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tammetti li Trioplast Wittenheim kienet preżenti għal-laqgħat antikompetittivi ta’ Valveplast tat-23 ta’ Marzu 1999 u tas-27 ta’ Marzu, tat-8 ta’ Ġunju u tat-12 ta’ Lulju 2001, li kienu ddedikati, b’mod partikolari, għall-metodu ta’ kalkolu tal-prezzijiet tal-boroż FFS u għall-koordinazzjoni tal-irkanti bl-internet. Mill-proċess jirriżulta li B, li dak iż-żmien kien membru diriġenti tal-grupp kif ukoll President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Trioplast Wittenheim, kien irrappreżenta lil din tal-aħħar matul dawn il-laqgħat, ħlief għal-laqgħa tat-12 ta’ Lulju 2001, fejn kien preżenti ċertu W.
45 Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li sa fejn huwa paċifiku li Trioplast Wittenheim ipparteċipat għal dawn il-laqgħat, kienet ir-rikorrenti li kellha tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim għall-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva. Issa, għalkemm ir-rikorrenti tinvoka ċ-ċirkustanza li tgħid li Trioplast Wittenheim ma kelliex l-intenzjoni li tipparteċipa f’akkordju illegali billi tkun preżenti għal-laqgħat inkwistjoni u li ma ħaditx sehem fid-diskussjonijiet illegali, madankollu hija ma turix li Trioplast Wittenheim iddisassoċjat ruħha pubblikament mill-kontenut tal-laqgħat. Għaldaqstant id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li Trioplast Wittenheim temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fit-23 ta’ Marzu 1999 ma tistax tiġi milqugħa.
46 It-tieni nett, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn it-23 ta’ Marzu 1999 u s-27 ta’ Marzu 2001, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-Anness 1 tagħha li jirrigwarda d-dettalji tal-laqgħat ta’ Valveplast, jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandiex provi diretti li Trioplast Wittenheim ipparteċipat għal-laqgħat ta’ Valveplast li seħħew matul dan il-perijodu. Il-Kummissjoni ma tikkontestax din il-konstatazzjoni.
47 Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li Trioplast Wittenheim kienet ġiet mistiedna tipparteċipa għal dawn il-laqgħat u li hija kienet skużat ruħha diversi drabi. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni semmiet din iċ-ċirkustanza b’mod dettaljat mhux biss fin-noti tagħha iżda wkol matul is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni hija sostnuta minn diversi atti tal-proċess, li l-eżistenza u l-kontenut tagħhom ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti. Dawn huma, b’mod partikolari, il-minuti tal-laqgħat tas-27 ta’ Awwissu u tal-25 ta’ Novembru 1999, u tat-23 ta’ Marzu u tat-18 ta’ Awwissu 2000, li minnhom jirriżulta li Trioplast Wittenheim kienet skużat ruħha għall-assenza tagħha, u l-minuti dwar il-laqgħa tal-5 ta’ Diċembru 2000, li minnhom jirriżulta li din tal-aħħar kienet ġiet, minn tal-inqas, mistiedna.
48 F’dawn iċ-ċirkustanzi, fuq il-bażi tal-elementi prodotti mill-Kummissjoni, jista’ jiġi konkluż li l-ksur tkompla mingħajr interruzzjoni bejn it-23 ta’ Marzu 1999 u s-27 ta’ Marzu 2001. Barra minn dan, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda element li juri li Trioplast Wittenheim kienet iddisassoċjat ruħha mill-akkordju matul il-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 1999, jew matul il-perijodu ta’ wara din il-laqgħa. L-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li Trioplast Wittenheim aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni, fl-azzjonijiet kummerċjali tagħha, l-informazzjoni preċedentement irċevuta permezz ta’ kuntatti mal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, ma tikkonfutax din il-konklużjoni.
49 It-tielet nett, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn il-laqgħa tat-12 ta’ Lulju 2001 u s-26 ta’ Ġunju 2002, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li, matul il-laqgħa inkwistjoni jew matul il-perijodu ta’ wara din il-laqgħa, Trioplast Wittenheim kienet iddisassoċjat ruħha espliċitament, fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra, mill-kontenut tal-laqgħa tat-12 ta’ Lulju 2001. Lanqas ma huwa paċifiku li Trioplast Wittenheim kienet iddissasoċjat ruħha mill-akkordju, fis-sens tal-ġurisprudenza, matul il-perijodu ta’ bejn it-12 ta’ Lulju 2001 u s-26 ta’ Ġunju 2002.
50 F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li mill-proċess jirriżulta li, fl-10 ta’ Diċembru 2001, T kien stieden bil-miktub lil Trioplast Wittenheim sabiex tipparteċipa għal-laqgħa li kellha tinżamm l-għada f’Pariġi. Barra minn hekk, in-noti meħuda matul din il-laqgħa jindikaw li l-parteċipanti l-oħra ma kinux jafu x’kienu l-intenzjonijiet ta’ Trioplast Wittenheim fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell. Fil-fatt, l-introduzzjoni tal-imsemmija noti tipprovdi: “Parteċipanti: Unikament Fardem, B‑K, RKW, Cofira u aħna, BPI ma hijiex ser tipparteċipa iktar u l-pożizzjoni ta’ TRIO [Trioplast] ma hijiex magħrufa.”
51 Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li Trioplast Wittenheim kienet temmet definittivament il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fit-12 ta’ Lulju 2001 ma tistax tiġi milqugħa.
52 Għalhekk ir-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata li ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità fir-rigward tad-determinazzjoni tat-tul tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha, Trioplast Wittenheim, u, konsegwentement, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ksur imwettaq minnha stess inkwantu kumpannija parent.
53 Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda, l-istess bħal ma għandha tiġi miċħuda, bħala konsegwenza, it-talba intiża għall-annullament parzjali tal-Artikolu 1(1)(g) tad-deċiżjoni kkontestata.
Dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv, li tirrigwarda l-legalità tal-metodu ta’ kalkolu tal-multa
– L-argumenti tal-partijiet
54 Ir-rikorrenti ssostni li l-metodu li l-Kummissjoni użat sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha huwa bbażat fuq żball fundamentali u li, barra minn hekk, imur kontra l-ġurisprudenza. Skont ir-rikorrenti, l-imsemmi metodu qatt ma ġie applikat preċedentement.
55 Hija tfakkar li hija, bħala tali, ma nstabitx responsabbli talli hija nnifisha kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni. Hija ġiet ikkunsidrata bħala responsabbli in solidum biss minħabba l-parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim fil-prattika antikompetittiva matul il-perijodu li matulu hija kienet proprjetarja ta’ din il-kumpannija, jiġifieri l-perijodu ta’ bejn il-21 ta’ Jannar 1999 u s-26 ta’ Ġunju 2002.
56 Issa, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni jikkonsisti fil-fatt li, għall-kalkolu tal-multa, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur imwettaq minn Trioplast Wittenheim kien mifrux fuq tliet perijodi distinti, jiġifieri l-perijodu meta hija kienet proprjetà ta’ Compagnie de Saint-Gobain, il-perijodu meta hija kienet proprjetà ta’ FLS Plast u FLSmidth kif ukoll il-perijodu meta hija kienet tifforma parti mill-grupp Trioplast. Għal FLS Plast, FLSmidth u għar-rikorrenti, il-metodu ta’ kalkolu tal-Kummissjoni għandu bħala konsegwenza li r-responsabbiltà in solidum globali ta’ dawn il-kumpanniji taqbeż l-ammont totali tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim, ħaġa li hija assurda. L-imsemmija kumpanniji ġew ukoll immultati in solidum għall-perijodu li matulu l-ebda waħda minnhom ma kienet proprjetarja ta’ Trioplast Wittenheim. Din il-proċedura tmur kontra l-ġurisprudenza, u b’mod partikolari kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni (C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693).
57 Ir-rikorrenti tosserva, minn naħa, li l-prinċipji fundamentali li jirrigwardaw ir-responsabbiltà in solidum jimplikaw li din tal-aħħar tkun tikkoinċidi mar-responsabbiltà ta’ dak li miegħu wieħed ikun responsabbli in solidum u ma tistax tiġi stabbilita b’mod separat. Konsegwentement, hija kellha tkun responsabbli in solidum flimkien ma’ Trioplast Wittenheim għall-parti tal-multa li tikkorrispondi għall-perijodu li matulu hija kienet proprjetarja ta’ din is-sussidjarja, jiġifieri tliet snin. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tosserva li l-metodu applikat mill-Kummissjoni jimplika li t-tliet snin li matulhom ir-rikorrenti kienet proprjetarja ta’ Trioplast Wittenheim jittieħdu inkunsiderazzjoni darbtejn, peress li s-snin inkwistjoni ġew imputati kemm fuq Trioplast Wittenheim u kif ukoll fuqha nnifisha.
58 Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tagħha li tgħid li l-metodu ta’ kalkolu ma ġiex applikat preċedentement, ir-rikorrenti tikkunsidra li ċ-ċirkustanza invokata mill-Kummissjoni, jiġifieri li l-metodu ntuża f’numru ta’ deċiżjonijiet wara l-każ AstraZeneca (Każ COMP/A.37.507/F3 – AstraZeneca, ĠU 2006, L 332, p. 24), hija irrilevanti. Id-deċiżjonijiet inkwistjoni ma ġewx eżaminati mill-qrati Komunitarji u ma jistgħux jikkostitwixxu prassi kostanti stabbilita.
59 Fid-dawl tal-inkonvenjenzi tal-metodu applikat, il-Kummissjoni messha implementat, kif sostniet ir-rikorrenti, il-metodu li hija kienet applikat f’ċerti każijiet preċedenti, fosthom il-każ Perossidi organiċi (Każ COMP/E‑2/37.857 – Perossidi organiċi, ĠU 2005, L 110, p. 44). F’dan il-każ, li kien jirrigwarda sussidjarja li kienet ipparteċipat fil-ksur għal perijodu itwal mill-kumpannija parent tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet ammont inizjali wieħed tal-multa u qasmitu, bil-kontra ta’ dak li għamlet fil-każ ta’ Trioplast Wittenheim u tal-kumpanniji parent tagħha, bejn iż-żewġ entitajiet ekonomiċi suċċessivament implikati, jiġifieri dik komposta mis-sussidjarja u dik komposta mis-sussidjarja u l-kumpannija parent tagħha. Wara dan, għal kull waħda minn dawn l-entitajiet ekonomiċi, l-ammont inizjali tal-multa ġie adattat skont it-tul tal-parteċipazzjoni, iċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti u l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ. Fid-dawl tal-parametri li l-Kummissjoni ffissat fil-każ tar-rikorrenti, ir-riżultat ta’ dan il-metodu kien ikun li hija kellha tkun responsabbli in solidum flimkien ma’ Trioplast Wittenheim għal ammont ta’ EUR 2.58 miljun.
60 Metodu ieħor li l-Kummissjoni setgħet tadotta, skont ir-rikorrenti, kien dak li jikkonsisti f’li tiddividi l-ammont totali tal-multa ta’ Trioplast Wittenheim, jiġifieri EUR 17.85 miljun, b’20 sena, jiġifieri t-tul totali tal-ksur, li kien jagħti l-ammont ta’ EUR 0.98 miljun għal kull sena. Sabiex tiddetermina l-ammont li għalih kellhom jinżammu responsabbli in solidum FLS Plast u FLSmidth, minn naħa, u r-rikorrenti, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha, skont dan il-metodu, timmoltiplika l-ammont għal kull sena ta’ EUR 0.89 miljun bi 8 snin u bi 3 snin rispettivament. Skont dan il-metodu r-rikorrenti kellha tinżamm responsabbli in solidum flimkien ma’ Trioplast Wittenheim għall-ammont ta’ EUR 2.67 miljun.
61 Fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali taċċetta l-metodu ta’ kalkolu tal-multi applikat f’din il-kawża, ir-rikorrenti tqis li hija kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla mal-impriżi li fuqhom ġiet imposta multa skont il-prinċipji li pprevalew matul l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-kawżi Perossidi organiċi u Pajpijiet tar-ram għall-plumbing (Każ C.38.069 – Pajpijiet tar-ram għall-plumbing, ĠU 2006, L 192, p. 21). Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li hija s-suġġett ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ impriżi li ġew ikkundannati għal multa skont il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida l-ġodda għall-kalkolu tal-multi”), li l-applikazzjoni tagħhom kellha ssarraf f’multa ħafna iżgħar għaliha.
62 Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
63 Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li Trioplast Wittenheim, FLS Plast, FLSmidth kif ukoll ir-rikorrenti kisru l-Artikolu 81 KE. F’dan l-artikolu hemm indikat li l-ksur imwettaq minn Trioplast Wittenheim dam għaddej mis-6 ta’ Jannar 1982 sas-26 ta’ Ġunju 2002, dak ta’ FLS Plast u FLSmidth mill-31 ta’ Diċembru 1990 sad-19 ta’ Jannar 1999 u dak tar-rikorrenti mill-21 ta’ Jannar 1999 sas-26 ta’ Ġunju 2002. Skont il-punt f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ġiet imposta multa ta’ EUR 17.85 miljun fuq Trioplast Wittenheim u, minn dan l-ammont, FLS Plast u FLSmidth huma responsabbli in solidum għal ħlas ta’ EUR 15.3 miljun u r-rikorrenti għal ħlas ta’ EUR 7.73 miljun.
64 Fil-kuntest ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta l-fondatezza tal-metodu ta’ kalkolu li l-Kummisjoni użat sabiex tiddetermina l-ammont tal-“multi”. F’dan ir-rigward, u preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Kummissjoni tagħmel distinzjoni, b’mod partikolari fil-premessa 879 tad-deċiżjoni kkontestata, bejn il-multi imposti fuq ċerti destinatarji, minn naħa, u l-ammonti li għalihom huma responsabbli in solidum destinatarji oħra tad-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward huwa rimarkabbli li fl-imsemmija premessa 879 tad-deċiżjoni kkontestata, f’ċerti każijiet, il-Kummissjoni tattribwixxi l-ammonti li hija waslet għalihom skont il-metodu ta’ kalkolu tagħha, lis-sussidjarji li pparteċipaw direttament fl-akkordju, bħala multa u, lill-kumpanniji parent, bħala limitu li għalih dawn huma responsabbli in solidum. F’każijiet oħra, bil-kontra ta’ dan, l-imsemmija ammonti huma attribwiti, lill-kumpanniji parent, bħala multa, u lis-sussidjarji li pparteċipaw direttament fl-akkordju, bħala limitu li għalih dawn huma responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa.
65 Għandu jiġi osservat, barra minn dan, li l-Kummissjoni tuża t-terminu “multa” mingħajr ebda distinzjoni sabiex tindika l-multa bħala tali u l-limitu li għalih id-destinatarji huma responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa. Dan l-użu mingħajr ebda distinzjoni tat-terminu “multa” jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 784, 841 u anki 867 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni tindika l-ammonti ffissati, kif jidher fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, kemm bħala multa kif ukoll bħala responsabbiltà in solidum għal ħlas tal-imsemmija multa.
66 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni jikkonċerna biss id-determinazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu attribwiti lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, indipendentement minn taħt liema titolu dan l-ammont qiegħed jiġi attribwit lilhom. Għalhekk, sa fejn l-imsemmi metodu ta’ kalkolu ma jiddeterminax taħt liema titolu l-ammonti ffissati huma imposti fuq id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri jekk hux bħala multa jew bħala limitu li għalih il-kumpannija hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa, il-Qorti Ġenerali ser tillimita ruħha li teżamina, fil-kuntest tal-motiv preżenti, il-fondatezza tal-metodu ta’ kalkolu kkontestat użat mill-Kummissjoni, sa fejn dan il-metodu jiddetermina l-iffissar tal-ammonti attribwiti.
67 L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont attribwit lil Trioplast Wittenheim ġie indikat, fil-punti 17 sa 20 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni waslet għall-ammont finali ta’ EUR 17.85 miljun billi kklassifikatha, fil-kuntest ta’ trattament differenzjat u abbażi tas-sehem tas-suq li hija kisbet permezz tal-prodott ikkonċernat fit-territorju rilevanti, fil-ħames kategorija u billi attribwixxitilha ammont inizjali ta’ EUR 8.5 miljun. Wara dan il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali ta’ EUR 8.5 miljun b’200 %, minħabba t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, li ġie stabbilit għal 20 sena u ħames xhur, u dan wassal għal ammont bażiku ta’ EUR 25.5 miljun. Fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti u peress li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ma kienx rilevanti, il-Kummissjoni naqqset l-ammont bażiku biss bi 30 %, skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.
68 F’dak li jirrigwarda, wara dan, il-kalkolu tal-ammont attribwit lir-rikorrenti, il-Kummissjoni ffissat l-istess ammont inizjali bħal dak stabbilit għal Trioplast Wittenheim. Wara dan il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali bi 30 % sabiex l-ammont bażiku jirrifletti t-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, jiġifieri 3 snin. L-ammont bażiku ta’ EUR 11.05 miljun tnaqqas bi 30 % abbażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Konsegwentement, l-ammont attribwit lir-rikorrenti huwa ta’ EUR 7.73 miljun.
69 L-istess metodu ġie applikat għall-ex kumpannija parent ta’ Trioplast Wittenheim, FLS Plast, u għal holding tagħha, FLSmidth, li ġew attribwiti ammont ta’ EUR 15.30 miljun. Fil-każ tagħhom ma ngħatat l-ebda żieda jew tnaqqis abbażi taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, kif ukoll, b’differenza minn dak li ġara fil-każ tar-rikorrenti, ma ngħata l-ebda tnaqqis abbażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.
70 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi deċiż, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti, li din tal-aħħar ma stabilixxietx li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammonti attribwiti lill-Trioplast Wittenheim u lir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret ir-Regolament Nru 1/2003 jew li hija tbiegħdet mil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida għall-kalkolu tal-multi”). Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-metodu ta’ kalkolu, bħala tali, huwa bbażat fuq żball fundamentali jew imur kontra l-ġurisprudenza.
71 F’dan ir-rigward għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija, bħala tali, ma kisritx ir-regoli tal-kompetizzjoni, għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt ir-rikorrenti, li lilha ġie imputat l-aġir antikompetittiv li Trioplast Wittenheim wettqet matul il-perijodu ta’ bejn il-21 ta’ Jannar 1999 u s-26 ta’ Ġunju 2002, ġiet attribwita, abbażi tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ammont minħabba r-responsabbiltà tagħha għal ksur li hija ġiet ikkunsidrata bħala li wettqet hija nnifisha minħabba l-imputazzjoni tal-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 28). F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-imputazzjoni tal-aġir ta’ Trioplast Wittenheim lir-rikorrenti ma huwa s-suġġett tal-ebda kontestazzjoni.
72 It-tieni nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata li tallega li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, matul l-akkordju, li kien mifrux fuq 20 sena, Trioplast Wittenheim kienet proprjetà ta’ tliet kumpanniji parent suċċessivi. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta ddeterminat l-ammonti attribwiti lir-rikorrenti u lil FLS Plast u FLSmidth, il-Kummissjoni stabbilixxiet rabta stretta bejn dawn l-ammonti u t-tul tal-involviment ta’ kull waħda minn dawn il-kumpanniji parent ta’ Trioplast Wittenheim. Kif espost fil-punt 68 iktar ’il fuq, fil-każ tar-rikorrenti, il-Kummissjoni żiedet bi 30 % l-ammont inizjali ta’ EUR 8.5 miljun, jiġifieri 10 % għal kull sena sħiħa li matulha r-rikorrenti kienet proprjetarja ta’ Trioplast Wittenheim. Proċedura simili ġiet segwita fir-rigward ta’ FLS Plast u FLSmidth.
73 Konsegwentement, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija ġiet miżmuma responsabbli għal ksur li ma kienx dak li hija wettqet hija infondata. F’dan ir-rigward, is-sentenza Cascades vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, hija irrilevanti sa fejn din tikkonċerna, bil-kontra tal-kawża preżenti, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent għal ksur li s-sussidjarji wettqu qabel ma nxtraw minn dawn tal-aħħar.
74 Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni messha ddividiet l-ammont inizjali fi tlieta qabel ma timmodifikhom skont elementi oħra, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rikorrenti ma tinvoka ebda regola jew prinċipju ta’ liġi li jimponu tali obbligu fuq il-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-proċedura li tikkonsisti f’li l-kumpannija parent tiġi attribwita l-istess ammont inizjali bħal dak deċiż fir-rigward tas-sussidjarja li pparteċipat direttament fl-akkordju, mingħajr id-diviżjoni, fil-każ ta’ suċċessjoni ratione temporis ta’ diversi kumpanniji parent, ta’ dan l-ammont, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala intrinsikament mhux xierqa. Fil-fatt, l-għan imfittex mill-Kummissjoni, permezz tal-użu ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu, huwa li kumpannija parent, li tinżamm responsabbli għal ksur minħabba l-imputazzjoni lilha tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha, tiġi attribwita l-istess ammont inizjali li hija kienet tiġi attribwita li kieku hija kienet ipparteċipat direttament fl-akkordju nnifsu. Issa, dan huwa konformi mal-għan tal-politika ta’ kompetizzjoni u, b’mod partikolari, ma’ dak tal-istrument ta’ din il-politika kkostitwit mill-multi, li jikkonsisti f’li l-aġir tal-impriżi jiġi orjentat lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il‑Kummissjoni T‑150/89, Ġabra p. II‑1165, punt 59).
75 F’kull każ, iċ-ċirkustanza li tali diviżjoni ġiet applikata fit-trattament ta’ każijiet preċedenti, bħal fil-każ Perossidi organiċi, ma tistax, waħedha, tagħti lok għal obbligu li jimponi li l-ammont inizjali għandu jiġi diviż taħt il-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt 74 iktar ’il fuq. Għalkemm il-Kummissjoni kienet, fiż-żmien tad-deċiżjonijiet imsemmija mir-rikorrenti, stabbilixxiet prassi deċiżjonali dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-ammonti, madankollu xejn ma jipprekludi li din il-prassi tiġi injorata jew modifikata fir-rigward tal-kawża preżenti. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, kuntest ġuridiku għall-kalkolu tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li dan huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Bank der österreichischen Sparkassen vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 233, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 234).
76 It-tielet nett, għandu jiġi osservat, fl-estensjoni tal-punti preċedenti, li ċ-ċirkustanza li l-ammonti attribwiti lir-rikorrenti, minn naħa, u lill-FLS Plast u FLSmidth, min-naħa l-oħra, meta magħduda flimkien jaqbżu l-ammont attribwit lis-sussidjarja tagħhom, Trioplast Wittenheim, ma tistax, fiha nnifisha, twassal għall-konklużjoni li l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni kien manifestament żbaljat. Fil-fatt, fid-dawl tal-applikazzjoni tal-metodoloġija esposta fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi u tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet għaċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-Kummissjoni tista’, ladarba l-eżistenza ta’ entità ekonomika li pparteċipat fil-ksur tkun stabbilita, żżomm lil waħda mill-persuni ġuridiċi ta’ din l-entità, jew li kienet ta’ din l-entità, kemm jekk hija l-kumpannija parent jew anki sussidjarja, responsabbli għall-ħlas ta’ ammont ogħla min dak li għandu jitħallas mill-persuna jew persuni ġuridiċi l-oħra li jifformaw jew li kienu jifformaw l-imsemmija entità ekonomika. Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ ksur imwettaq minn sussidjarja li suċċessivament saret proprjetà ta’ diversi entitajiet ekonomiċi matul il-ksur, il-fatt li r-riżultat tal-ammonti attribwiti lill-kumpanniji parent ikun ogħla mill-ammont, jew mir-riżultat tal-ammonti, attribwit lill-imsemmija sussidjarja, ma jistax a priori jiġi kkunsidrat bħala mhux xieraq.
77 Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji fundamentali applikabbli fil-qasam tar-responsabbiltà in solidum, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tispeċifikax, fil-kuntest tal-elaborazzjoni tal-motiv preżenti, in-natura jew il-kontenut ta’ dawn il-prinċipji. Fil-każ fejn ir-rikorrenti qed issostni li t-tliet argumenti msemmija fil-punti 71 sa 76 iktar ’il fuq jikkostitwixxu, effettivament, ksur ta’ dawn il-prinċipji, huwa biżżejjed li jerġa’ jintqal li dawn l-argumenti ma humiex fondati, irrispettivament min-natura jew mill-kontenut tal-prinċipji inkwistjoni. Għaldaqstant, dan l-ilment ma jistax jiġi milqugħ.
78 Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fejn hija tikkontesta l-ammont li għalih hija nżammet responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim, minħabba li l-ammonti li hija nżammet responsabbli in solidum għalihom, minn naħa, u l-ammonti ta’ FLS Plast u FLSmidth, min-naħa l-oħra, meta magħduda flimkien, jaqbżu l-ammont tal-multa imposta prinċipalment fuq Trioplast Wittenheim, għandu jiġi osservat li dan l-ilment huwa s-suġġett tas-sitt motiv. Għalhekk, dan ser jiġi eżaminat speċifikatament fl-istadju tal-kunsiderazzjoni tal-imsemmi motiv.
79 Il-ħames nett, fir-rigward tal-allegazzjoni li tgħid li t-tliet snin li matulhom ir-rikorrenti kienet proprjetarja ta’ Trioplast Wittenheim ittieħdu inkunsiderazzjoni darbtejn fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu, għandu jiġi osservat li xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni dan il-perijodu ta’ tliet snin kemm għall-iffissar tal-ammont attribwit lir-rikorrenti kif ukoll għall-iffissar ta’ dak attribwit lil Trioplast Wittenheim. Fil-fatt, sa fejn, fil-każ ta’ responsabbiltà in solidum, il-kreditu ta’ kull kreditur, fil-konfront tal-ko-responsabbli tad-debitur prinċipali l-istess bħal fil-konfront ta’ dan tal-aħħar, jiġi estint b’kull ħlas, irrispettivament mill-persuna li twettaq tali ħlas, responsabbiltà in solidum ma tistax tkun duplikata.
80 Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-metodu ta’ kalkolu ma ġiex applikat preċedentement ma huwiex sostnut mill-fatti, peress li mit-trattazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament użat dan il-metodu ta’ kalkolu f’numru ta’ deċiżjonijiet preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li, dak iż-żmien, l-imsemmija deċiżjonijiet ma kinux ġew eżaminati mill-qrati tal-Unjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni applikat metodu ieħor fil-każijiet ta’ qabel il-każ AstraZeneca hija irrilevanti.
81 Fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ma jistax jiġi kkunsidrat li hija stabbilixxiet li l-Kummissjoni ma kinitx fondata li tuża dan il-metodu ta’ kalkolu sabiex tiddetermina l-ammont attribwit lir-rikorrenti. Lanqas ma hemm lok li jiġi milqugħ l-ilment ibbażat fuq il-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-linji gwida l-ġodda għall-kalkolu tal-multi, li barra minn hekk ma humiex applikabbli f’din il-kawża. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq, dwar il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, u għal dik li tgħid li ċ-ċirkustanza li l-applikazzjoni tal-metodu previst fil-linji gwida l-ġodda għall-kalkolu tal-multi tista’ twassal għall-attribuzzjoni ta’ ammont iżgħar minn dak impost permezz tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax, waħedha, turi n-natura sproporzjonata ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punt 380).
82 Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-metodi ta’ kalkolu proposti mir-rikorrenti.
Dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv, li tirrigwarda l-legalità tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa
– L-argumenti tal-partijiet
83 Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli bbażat ruħha, sabiex tiddetermina l-ammont inizjali, fuq is-sehem tas-suq li Trioplast Wittenheim kellha fl-1996, li kienet, skont id-deċiżjoni kkontestata l-aħħar sena tal-ksur li matulha d-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata kien għadhom attivi fis-suq tal-boroż industrijali.
84 Billi għażlet, fil-kuntest tat-trattament differenzjat, l-1996 bħala sena ta’ referenza, il-Kummissjoni injorat il-prassi li hija nnifisha kienet stabbilixxiet għad-determinazzjoni tal-gravità ta’ ksur. Skont din il-prassi, li kienet ġiet ikkonfermata mill-qrati Komunitarji, is-sena ta’ referenza għandha tkun l-aħħar sena sħiħa li matulha seħħ il-ksur, sabiex is-setgħa ekonomika ta’ kull waħda mill-parteċipanti tiġi evalwata bl-iktar mod xieraq possibbli. Għaldaqstant, f’din il-kawża, hija s-sena 2001 li kellha tittieħed bħala sena ta’ referenza.
85 Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, li kieku kien minnu li l-metodu tal-Kummissjoni kien intiż li jattribwixxi lil FLS Plast u FLSmidth kif ukoll lilha nnifisha l-ammont inizjali li jixirqilhom, jiġifieri ammont distint minn dak ta’ Trioplast Wittenheim, dan l-ammont kellu jiġi ddeterminat b’riferiment għall-perijodu li matulu l-kumpanniji parent kienu rispettivament proprjetarji ta’ Trioplast Wittenheim. Għalhekk, l-ammont inizjali li ġie attribwit lilha ma jistax ikun legalment ibbażat fuq is-sehem tas-suq li Trioplast Wittenheim kellha fl-1996, peress li kien biss fl-1999 li hija xtrat lil din tal-aħħar.
86 Fil-każ li l-Qorti Ġenerali, minkejja kollox, tapprova l-għażla tal-1996 bħala sena ta’ referenza, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Billi għażlet is-sehem tas-suq li Trioplast Wittenheim kellha fl-1996, jiġifieri 2.8 %, il-Kummissjoni inkludiet il-produzzjoni tal-boroż miftuħin minn fuq u tal-valve bags li kienet ġiet abbandunata minn Trioplast Wittenheim fl-1997. Fid-dawl tas-sehem tas-suq li Trioplast Wittenheim kellha fl-2001, li kien ta’ madwar 0.4 %, il-Kummissjoni kellha tinkludi lill-Trioplast Wittenheim fis-sitt kategorija ta’ impriżi, jekk mhux saħansitra fis-seba’ kategorija, u mhux fil-ħames waħda.
87 Filwaqt li tagħmel riferiment għas-setgħa diskrezzjonali li hija għandha f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiddikjara li l-għażla tal-1996 bħala sena ta’ referenza hija leġittima, sa fejn it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ magħmul matul din is-sena ppermetta li l-Kummissjoni tevalwa d-daqs u s-setgħa ekonomika ta’ kull impriża fis-settur kif ukoll id-daqs tal-ksur imwettaq minn kull waħda fosthom. Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jeżiġi li l-Kummissjoni tagħżel sena ta’ referenza waħda, anki jekk l-għażla ta’ sena partikolari bħala sena ta’ referenza neċessarjament timplika li ċerti impriżi setgħu għamlu dħul mill-bejgħ ikbar jew iżgħar meta mqabbel ma’ snin oħrajn.
88 Skont il-Kummissjoni, l-għażla tal-1996 bħala sena ta’ referenza kienet ġustifikata, anki jekk, effettivament, ir-rikorrenti xtrat lil Trioplast Wittenheim mingħand FLS Plast fl-1999. Fil-fatt, Trioplast Wittenheim kompliet tipparteċipa fl-akkordju anki wara li bidlet il-kumpannija parent. Il-Kummissjoni tosserva li s-sena ta’ referenza tista’ tingħażel jew mill-perijodu ta’ meta FLS Plast kienet implikata, jew inkella mill-perijodu ta’ meta kienet implikata r-rikorrenti, iżda mhux miż-żewġ perijodi fl-istess ħin.
89 F’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni tenfasizza li l-fatt li Trioplast Wittenheim abbandunat produzzjoni partikolari fl-1997 huwa pjuttost ċirkustanza li tixhed favur l-għażla tal-1996 bħala sena ta’ referenza, għaliex din tirrifletti aħjar il-pożizzjoni ta’ Trioplast Wittenheim fis-suq u fil-konfront tal-membri l-oħra tal-akkordju matul il-parti l-kbira (madwar tliet kwarti) tat-tul totali tal-ksur.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
90 L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 75 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha. Għalhekk, anki jekk jitqies li d-determinazzjoni tas-sena ta’ referenza f’din il-kawża tikkostitwixxi bdil ta’ prattika stabbilita, din iċ-ċirkustanza ma għandha, fiha nnifisha, ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.
91 Wara dan, hija ġurisprudenza stabbilita li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tkun tirrigwarda r-realtà ekonomika li kienet teżisti fiż-żmien ta’ meta twettaq l-imsemmi ksur; f’dan ir-rigward, l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma, b’mod partikolari, id-daqs u s-setgħa ekonomika ta’ kull impriża kif ukoll d-daqs tal-ksur imwettaq minn kull waħda fosthom (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, T‑334/94, Ġabra p. II‑1439, punt 397, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, għandu neċessarjament isir referiment għad-dħul mill-bejgħ magħmul fiż-żmien inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).
92 Għalkemm huwa minnu li, kif tindika r-rikorrenti, fil-kawża li tat lok għas-sentenzi, tal-14 ta’ Mejju 1998, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, il-metodu ta’ kalkolu implementat kien ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul matul l-aħħar sena sħiħa tal-perijodu tal-ksur, din iċ-ċirkustanza ma timplikax li għandha dejjem tiġi implementata din l-għażla. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza nnifisha, għandu jintgħażel metodu ta’ kalkolu li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tas-setgħa ekonomika ta’ kull impriża kkonċernata kif ukoll tad-daqs tal-ksur imwettaq minn kull waħda fosthom, skont ir-realtà ekonomika li kienet teżisti fiż-żmien ta’ meta twettaq l-imsemmi ksur (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 88). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jiġi delimitat b’tali mod li d-dħul mill-bejgħ magħmula jkunu kemm jista’ jkun paragunabbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni, T‑319/94, Ġabra p. II‑1331, punt 42).
93 Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-sena ta’ referenza għandha neċessarjament tkun l-aħħar sena sħiħa li matulha seħħ il-ksur ma jistax jiġi milqugħ.
94 F’dan il-każ, madankollu għandu jiġi osservat li l-ksur dam għaddej għal iktar minn 20 sena u li kemm in-numru ta’ impriżi implikati fil-ksur kif ukoll il-konfigurazzjoni ta’ kull waħda fosthom setgħu nbidlu matul dawn l-għoxrin sena, l-istess igħodd għad-daqs u għas-setgħa ekonomika ta’ kull waħda minnhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, għalkemm tidher b’mod distint fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex, kif indikat fil-premessa 767 ta’ din id-deċiżjoni, fost il-grupp ta’ impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata li, matul l-1996, magħżula bħala sena ta’ referenza, kienu preżenti fis-suq tal-boroż industrijali. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-entità ekonomika li r-rikorrenti kienet tifforma parti minnha matul il-perijodu ta’ bejn il-21 ta’ Jannar 1999 u s-26 ta’ Ġunju 2002, jiġifieri fi tmiem il-perijodu tal-ksur, ma kinitx għadha attiva fil-produzzjoni ta’ żewġ prodotti li jiffurmaw parti mis-settur tal-boroż industrijali mmanifatturati preċedentement minn Trioplast Wittenheim u li s-sehem tas-suq tagħha matul dan il-perijodu kien ta’ bejn 0.4 u 0.5 %. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li d-dħul mill-bejgħ u s-sehem tas-suq magħżula mill-Kummissjoni, jiġifieri dawk ta’ Trioplast Wittenheim għas-sena 1996, jistgħu jirriflettu d-daqs u s-setgħa ekonomika relattivi tal-impriża li kienet tifforma parti minnha r-rikorrenti b’effett mill-1999.
95 F’din l-istess perspettiva, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni applikat metodu individwalizzat, li kien intiż sabiex id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata li nżammew responsabbli biss bħala kumpanniji parent jiġu ttrattati bħala parteċipanti diretti fil-ksur. Issa, sa fejn ir-rikorrenti u Trioplast Wittenheim kienu jiffurmaw entità ekonomika li ma kinitx teżisti qabel l-1999, l-għażla tal-1996 bħala sena ta’ referenza għal tali entità ma tistax, mingħajr indizji oħra rilevanti, tikkorrispondi għar-realtà ekonomika li kienet teżisti fiż-żmien ta’ meta din l-impriża kienet tipparteċipa fil-ksur. Għaldaqstant, din is-sena ta’ referenza ma tistax isservi bħala indikazzjoni tal-portata tal-ksur imputabbli fuq ir-rikorrenti.
96 L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest ma humiex tali li jikkonfutaw din il-konklużjoni. Fil-fatt, inkwantu l-Kummissjoni, b’mod partikolari fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, għamlet riferiment għas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, mill-punti 94 u 95 iktar ’il fuq jirriżulta li, billi, fil-kuntest tat-trattament differenzjat, inkludiet lir-rikorrenti fil-kategorija attribwita lill-Trioplast Wittenheim abbażi tas-sehem tagħha tas-suq fl-1996, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, meta jkun hemm sitwazzjoni li żviluppat bħal f’dan il-każ, il-fatt li jintgħażel is-sehem tas-suq ta’ sena ta’ referenza li ma jistax jiġi pparagunat ma’ dak ta’ snin ulterjuri, jista’ joħloq diskriminazzjoni minħabba li sitwazzjonijiet li huma ratio temporis differenti jiġu trattati abbażi tal-istess kriterju ta’ riferiment uniku.
97 Barra minn hekk, l-argument li jgħid li l-1996 tirrifletti, aħjar milli tista’ tagħmel dan il-pożizzjoni tagħha wara li ma komplietx, fl-1997, timmanifattura ċerti prodotti li jiffurmaw parti mis-settur tal-boroż industrijali, il-pożizzjoni ta’ Trioplast Wittenheim fis-suq inkwistjoni matul il-ksur kollu, jinjora l-fatt li, f’din il-kawża, fl-istadju tal-kalkolu tal-multa, ir-rikorrenti ġiet attribwita ammont differenti minn dak li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet għas-sussidjarja tagħha. F’dan ir-rigward l-argument li jgħid li s-sehem tas-suq ta’ Trioplast Wittenheim ittieħed inkunsiderazzjoni fit-trattament differenzjat tar-rikorrenti huwa irrilevanti, sa fejn dan it-trattament differenzjat huwa bbażat fuq dħul mill-bejgħ li għalih ma pparteċipatx ir-rikorrenti. Konsegwentement, dan id-dħul mill-bejgħ ma jistax jikkorrispondi mar-realtà ekonomika li kienet teżisti fiż-żmien li matulu r-rikorrenti ffurmat entità ekonomika ma’ Trioplast Wittenheim.
98 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi milqugħa. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn l-ammont inizjali attribwit lir-rikorrenti huwa bbażat fuq is-sehem tas-suq li Trioplast Wittenheim kisbet matul is-sena ta’ referenza 1996.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fondatezza tar-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti l-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti
L-argumenti tal-partijiet
99 Ir-rikorrenti tikkunsidra li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti li kkaratterizzaw il-parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim fil-ksur.
100 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim għal-laqgħat illegali kienet biss sporadika. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tinvoka diversi minuti ta’ laqgħat li minnhom jirriżulta, b’mod partikolari, li l-operaturi l-oħrajn kellhom dubji dwar il-parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim u li hija kienet regolarment assenti mil-laqgħat. L-istess dokumenti jikkonfermaw, barra minn dan, li Trioplast Wittenheim kienet attur ekonomiku marġinali, li kellha sehem żgħir tas-suq, u li din il-kumpannija ma adottatx rwol attiv fil-kwistjonijiet diskussi fil-kuntest tal-prattiki antikompetittivi.
101 It-tieni nett, ir-rikorrenti tenfasizza li Trioplast Wittenheim ipparteċipat biss fi tlieta mis-sitt subgruppi, jiġifieri s-subgruppi “Franza”, “Benelux” u “block bags”, u li din ma baqgħetx tipparteċipa fihom sa minn Frar 1997 l-iktar tard. Inkwantu l-parteċipazzjoni fis-subgruppi kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE, ir-rikorrenti ssostni li dan il-ksur imwettaq minn Trioplast Wittenheim kien kopert mir-regoli ta’ preskrizzjoni. F’kull każ, kemm il-parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim, ristretta għal-livell tas-subgruppi, kif ukoll l-irtirar relattivament bikri tagħha jikkostitwixxu fatti li kellhom jiġu rrikonoxxuti bħala ċirkustanzi attenwanti.
102 It-tielet nett, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li Trioplast Wittenheim ipparteċipat fil-ksur lil hinn mit-23 ta’ Marzu 1999, ir-rikorrenti tallega li r-rwol partikolari ta’ din il-kumpannija fi ħdan Valveplast, matul il-perijodu li matulu hija kienet sussidjarja tagħha, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti. Ir-rikorrenti tenfasizza, f’dan il-kuntest, li kien biss matul il-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 1999 li hija ntebħet, għall-ewwel darba, bil-prattiki antikompetittivi ta’ Valveplast. Dan jirriżulta mill-kuntratt ta’ ċessjoni ta’ azzjonijiet konkluż bejn FLS Plast u Trioplanex France u mis-sentenza ta’ arbitraġġ li rriżultat minn proċedura li kienet tirrigwarda l-eventwali ksur ta’ dan il-kuntratt. Barra minn hekk, wara din il-laqgħa, kien hemm bdil ta’ attitudni fi ħdan Trioplast Wittenheim, sa fejn l-impjegati tagħha ġew ipprojbiti milli jieħdu sehem fl-attivitajiet antikompetittivi ta’ Valveplast, u kien biss in bona fide li Trioplast Wittenheim kienet preżenti għal tliet laqgħat li seħħew fl-2001, u dan bit-tama li tiddiskuti kwistjonijiet legali.
103 Fl-elaborazzjoni ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tenfasizza li l-fatti invokati mill-Kummissjoni sabiex tinnega l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, bħal parteċipazzjoni fis-subgruppi, huma irrilevanti fil-konfront tagħha, peress li dawn jirrigwardaw żmien fejn hija kienet għadha ma xtratx lil Trioplast Wittenheim. Fil-każ fejn il-kalkolu ta’ multa li tixraq lir-rikorrenti jiġi deċiż mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti li kienu jeżistu wara dan ix-xiri, minn tal-inqas f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tagħha.
104 Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
105 Skont il-ġurisprudenza, meta ksur twettaq minn diversi impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda fosthom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623), sabiex jiġi ddeterminat jekk jixraqx li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti.
106 Skont l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, ir-“rwol esklużivament passiv jew emulattiv” ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur jikkostitwixxi, jekk jiġi stabbilit, ċirkustanza attenwanti. Rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “low-profile” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fl-elaborazzjoni ta’ xi ftehim antikompetittiv (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 167).
107 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fost l-elementi li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm in-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri ordinarji tal-akkordju kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur jew saħansitra l-eżistenza tad-dikjarazzjonijiet espliċiti f’dan is-sens magħmula minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 168, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 331).
108 Barra minn dan, il-Qorti Ġenerali diġà speċifikat li l-fatt li impriżi oħra li pparteċipaw fl-istess akkordju uniku setgħu kienu iktar attivi minn parteċipant partikolari ma jimplikax, għal daqshekk, li dan tal-aħħar kellu rwol passiv jew emulattiv. Fil-fatt, hija biss il-passività totali li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni u din għandha tiġi stabbilita mill-parti li tinvokaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02 u T‑126/02, T‑128/02 u T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 611).
109 F’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li l-ebda wieħed mill-argumenti li jirrigwardaw ir-rwol passiv jew emulattiv li r-rikorrenti allegatament kellha fil-kuntest tal-akkordju ma jista’ jiġi milqugħ. Dawn l-argumenti jistgħu jinqasmu fi tliet gruppi: l-ewwel wieħed jirrigwarda, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ preżenza ta’ Trioplast Wittenheim għal-laqgħat ta’ Valveplast u l-pożizzjoni tagħha fis-suq, it-tieni wieħed jirrigwarda l-parteċipazzjoni tagħha fis-subgruppi u l-aħħar wieħed jirrigwarda ċ-ċirkustanzi li seħħew matul il-perijodu ta’ wara l-1999.
110 L-ewwel nett, mill-Anness 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludi diversi dettalji dwar il-laqgħat ta’ Valveplast li seħħew bejn l-1984 u l-2002, jirriżulta li, ħlief għall-perijodu ta’ wara l-1999, kif issemma fil-punti 44 sa 50 iktar ’il fuq, Trioplast Wittenheim kienet regolarment preżenti għal-laqgħat ta’ Valveplast u li kienet skużat ruħha diversi drabi f’każijiet fejn kienet ser tkun assenti. Peress li din l-informazzjoni ma hijiex ikkontestata, u mingħajr ma huwa neċessarju li, f’dan l-istadju, tiġi eżaminata l-frekwenza tal-parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim għal-laqgħat tas-subgruppi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli, f’din il-kawża, ma kkonstatatx li din il-kumpannija kellha rwol passiv jew emulattiv minħabba l-frekwenza limitata tal-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħat ta’ Valveplast.
111 F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li lanqas ma kien hemm xi raġunijiet li setgħu jagħtu l-Kummissjoni x’tifhem li l-operaturi l-oħra kellhom dubji reali dwar il-parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim. Fir-rigward ta’ dan il-punt, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi, bħal dikjarazzjonijiet ta’ parteċipanti oħra fl-akkordju, fuq ir-rwol partikolari li Trioplast Wittenheim kellha. Id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti huma bbażati biss fuq il-kontenut tal-minuti tal-laqgħat ta’ Valveplast, u dan il-fatt ma huwiex tali li jiġġustifika l-konklużjonijiet li hija tixtieq tislet minnu. Fil-fatt, l-osservazzjoni li tinsab fil-minuti tal-laqgħa tat-2 ta’ Marzu 1993 dwar il-bdil, minn naħa ta’ G, rappreżentant ta’ Trioplast Wittenheim, minn “parteċipazzjoni passiva” għal “parteċipazzjoni attiva”, mhux bilfors tindika, bħala tali, li l-membri l-oħra kellhom dubju dwar l-implikazzjoni ta’ din il-kumpannija, u dan għaliex din kienet irrappreżentata minn persuni oħra qabel l-1992. F’kull każ, mill-minuti jirriżulta li b’effett minn Marzu 1993 il-parteċipazzjoni ta’ G żviluppat lejn adeżjoni attiva fil-ksur. Iċ-ċirkustanza li, fl-2000, parteċipant ta’ Valveplast ġie inkarigat jikkuntattja lir-rappreżentant ta’ Trioplast Wittenheim sabiex jiddiskuti r-rappreżentazzjoni futura ta’ din tal-aħħar lanqas ma tiġġustifika, fiha nnifisha, li jkun hemm dubji dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.
112 Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li tgħid li Trioplast Wittenheim kienet attur marġinali fis-suq, għandu jiġi enfasizzat li dan ma huwiex il-każ u li Trioplast Wittenheim kienet tabilħaqq attiva kemm fis-suq rilevanti kif ukoll fi ħdan il-Valveplast u s-subgruppi tagħha. Fil-fatt, mill-premessi 134, 135 u 400 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Trioplast Wittenheim kienet immanifatturat l-erba’ prodotti li kienu s-suġġett tal-akkordju, jiġifieri l-boroż miftuħin minn fuq, il-valve bags, il-boroż FFS u l-block bags. F’dan il-kuntest, Trioplast Wittenheim ipparteċipat, kif jirriżulta mill-premessi 173, 179, 185 u 205 tad-deċiżjoni kkontestata, mhux biss għall-attivitajiet ta’ Valveplast, iżda wkoll fis-subgruppi “block bags”, “Franza” u “Benelux”.
113 Id-dikjarazzjoni li tgħid li Trioplast Wittenheim ma adottatx rwol attiv fil-kwistjonijiet diskussi fil-kuntest tal-prattiki antikompetittivi hija, din ukoll, infondata. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessa 802 tagħha, Trioplast Wittenheim, li kienet elenkata fost il-fundaturi tal-akkordju, ipparteċipat ripetutament għal diversi mill-prattiki kollużivi inkwistjoni, b’mod partikolari fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi ta’ bejgħ u l-ishma tas-suq u fit-tqassim tal-klijenti.
114 It-tieni nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni li tgħid li Trioplast Wittenheim ipparteċipat biss fi tlieta mis-sitt subgruppi u li ma baqgħetx tipparteċipa fihom sa minn Frar 1997 l-iktar tard, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-parteċipazzjoni fi tliet subgruppi ma hijiex partikolarment rari meta mqabbla ma’ dik tal-membri l-oħra tal-akkordju, u dan jindika li kien hemm livell ta’ impenn paragunabbli fuq il-livell tas-subgruppi. Fil-fatt, mill-premessi 173 sa 185 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li kienu biss il-kumpanniji Wavin u Fardem Packaging li kienu jkunu preżenti għal-laqgħat ta’ iktar minn tliet subgruppi. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-fatt li Trioplast Wittenheim effettivament ipparteċipat fit-tliet subgruppi msemmija iktar ’il fuq għal perijodu li huwa ekwivalenti għal madwar kwart tat-tul tal-ksur, ma hemmx lok li jiġi konkluż li l-irtirar mill-imsemmija subgruppi jista’ jimplika li Trioplast Wittenheim kellha rwol passiv.
115 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-ksur ta’ Trioplast Wittenheim kien preskritt sa fejn jikkonċerna l-parteċipazzjoni fis-subgruppi, huwa biżżejjed li jiġi indikat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwat. Fid-dawl tal-fatt li l-ksur uniku u kontinwat intemm fis-26 ta’ Ġunju 2002 u ma jistax, għalhekk, jiġi kkunsidrat bħala preskritt, it-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim fis-subgruppi hija irrilevanti.
116 It-tielet nett, għandu jiġi osservat li, anki jekk jitqies li r-rikorrenti ma kinitx taf dwar il-prattiki antikompetittivi fi ħdan Valveplast meta xtrat Trioplast Wittenheim fl-1999, hija ma wrietx li kien hemm passività totali, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 108 iktar ’il fuq, min-naħa tas-sussidjarja tagħha, f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul il-perijodu ta’ bejn Jannar 1999 u Ġunju 2002. Kif jirriżulta mill-evalwazzjoni tat-tielet parti tal-ewwel motiv, u b’mod partikolari mill-punti 44 u 45 iktar ’il fuq, Trioplast Wittenheim kienet preżenti għal tliet laqgħat fl-2001, li matulhom kienu ġew elaborati żewġ elementi essenzjali tal-akkordju, jiġifieri l-metodu ta’ kalkolu tal-prezzijiet u l-koordinazzjoni tal-irkanti bl-internet.
117 Peress li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma tatx, abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti, tnaqqis tal-ammont li għalih hija responsabbli in solidum ir-rikorrenti għall-ħlas tal-multa, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq it-talba għal klemenza
– L-argumenti tal-partijiet
118 Ir-rikorrenti tikkunsidra li t-tnaqqis ta’ 30 % li l-Kummissjoni tatha fuq l-ammont inizjali tal-multa, skont il-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, kellu jkun ikbar.
119 Ir-rikorrenti tosserva, l-ewwel nett, li wara t-talba tagħhom għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, Trioplast Wittenheim u hija nnifisha kienu kkoperaw b’mod effiċjenti mal-Kummissjoni. Hija ssostni, minn naħa, li pproduċiet dikjarazzjonijiet u dokumenti li kienu utli għall-Kummissjoni fix-xogħol tagħha ta’ identifikazzjoni tal-ksur u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li, matul il-proċedura amministrattiva, hija kkontestat uħud mill-fatti kif esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kellux iwassal għal-limitazzjoni tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Fil-fatt, ir-rikorrenti kienet sempliċement enfasizzat ċerti ċirkustanzi li ma kinux ġew mifhuma sewwa mill-Kummissjoni, mingħajr qatt ma kkontestat l-eżistenza tal-prattika antikompetittiva. Il-Kummissjoni, sussegwentement, wettqet diversi tibdiliet fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-fatti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li hija għandu jkollha d-dritt li tesponi evalwazzjoni tal-fatti differenti “b’mod parallel” għal dik tal-Kummissjoni, mingħajr ma dan jimplika li hija tiġi ssanzjonata fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-talba għal klemenza tagħha.
120 Wara dan, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 25 % lill-kumpannija Bischof+Klein u li, skont id-deċiżjoni kkontestata, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ikkontribwixxa għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ din l-impriża. Peress li l-anqas ir-rikorrenti ma kkontestat il-materjalità tal-prattika antikompetittiva u peress li hija pprovdiet iktar provi minn Bischof+Klein, kien hemm lok li hija tingħata tnaqqis ikbar.
121 Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
122 Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi u li hija tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni jkollha twettaq evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, bħal dawk li jikkonċernaw il-kooperazzjoni rispettiva tal-imsemmija impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 81).
123 F’dan ir-rigward il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-unità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ipprovduti minn impriżi oħra (sentenza SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 88). Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, hija ma tistax tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ April 2010, BST vs Il‑Kummissjoni, T‑452/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 142).
124 Fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni speċifikat il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkoperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha fuq akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu.
125 Il-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jipprovdi:
“1. Meta impriża tikkopera mingħajr mal-kundizzjonijiet esposti fil-[punti] B u C jiġu kollha sodisfatti, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 sa 50 % tal-ammont tal-multa li kieku kien jiġi impost fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni.
2. Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ jekk:
– qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur kommess,
– wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
126 F’din il-kawża, minn naħa, għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li l-ispjegazzjonijiet dettaljati tar-rikorrenti fuq il-funzjonament tal-akkordju fi ħdan Valveplast u s-subgruppi, b’mod partikolari s-subgrupp “Franza”, kif ukoll fuq il-kwoti, il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-klijenti u l-indikazzjoni tat-tabelli fuq l-ishma tas-suq kienu kkontribwixxew sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kienet ikkontestat ċerti fatti kif esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dawn il-kunsiderazzjonijiet wassluha sabiex tnaqqas bi 30 % l-ammont tal-multa tar-rikorrenti.
127 L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet ikkontestat ċerti fatti, kif esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u l-għoti ta’ tnaqqis tal-ammont, li r-rikorrenti kienet responsabbli in solidum għal ħlas tiegħu, iżgħar minħabba din il-kontestazzjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li dawn jikkostitwixxu żball manifest ta’ evalwazzjoni.
128 Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti tikkontesta ċerti fatti esposti fil-komunikazzjoni tal-oġġezzjonijiet b’mod li jmur lil hinn mis-sempliċi indikazzjoni ta’ data fattwali li kienet ġiet interpretata b’mod żbaljat mill-Kummissjoni. Skont il-premessi 275 u 276 tad-deċiżjoni kkontestata r-rikorrenti sostniet li Trioplast Wittenheim ma kinitx involuta fit-twaqqif tas-sistema ta’ koordinazzjoni tal-irkanti bl-internet. Madankollu huwa paċifiku li Trioplast Wittenheim kienet preżenti għal-laqgħa ta’ Valveplast tat-8 ta’ Ġunju 2001, li matulha kienet ġiet diskussa din il-kwistjoni, u li hija ma ddisassoċjatx ruħha pubblikament mill-kontenut tal-laqgħa. Skont il-premessa 301 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ċaħdet kull implikazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim fl-elaborazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-prezzijiet għall-boroż FFS, filwaqt li huwa paċifiku li din tal-aħħar ipparteċipat fil-laqgħa ta’ Valveplast tal-15 ta’ Settembru 2000, fejn kienet ġiet deċiża l-kostituzzjoni tal-grupp ta’ xogħol iddedikat għal dan il-għan. Trioplast Wittenheim lanqas ma ddisassoċjat ruħha mill-kontenut ta’ din il-laqgħa.
129 Dawn il-kontestazzjonijiet tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala evalwazzjonijiet tal-fatti li kienu sempliċement diverġenti “b’mod parallel” minn dawk tal-Kummissjoni. Dawn jirrigwardaw żewġ elementi essenzjali tal-kartell, jiġifieri l-koordinazzjoni tal-irkanti bl-internet u l-metodu ta’ kalkolu tal-prezzijiet. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li, wara r-risposta tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata fiha ċerti differenzi meta mqabbla mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-preżentazzjonit tal-fatti.
130 Wara dan, fir-rigward tal-paragun tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma’ dik ta’ Bischof+Klein, li barra minn hekk ibbenefikat minn tnaqqis li kien inqas min dak ta’ 30 % mogħti lir-rikorrneti, għandu jiġi osservat li mill-premessa 851 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Bischof+Klein indikat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġeżżjonijiet, li ma kinitx qed tikkontesta l-materjalità tal-fatti kif esposti fl-imsemmija dikjarazzjoni. Għaldaqstant, hija kkonformat ruħha mat-tieni inċiż tal-punt D.2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, bil-kontra tar-rikorrenti li, hekk kif jirriżulta mill-proċess, qatt ma għamlet riferiment espliċitu għal din id-dispożizzjoni.
131 Barra minn hekk, filwaqt li huwa paċifiku li r-rikorrenti kkontestat ċerti fatti matul il-proċedura amministrattiva, hija ma pproduċiet xejn li jista’ juri li matul l-imsemmija proċedura, minkejja d-dikjarazzjoni li tinsab fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Bischof+Klein kienet ikkontestat il-materjalità tal-fatti. Għalhekk, anki li kieku l-Kummissjoni, minn naħa, tat tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Bischof+Klein, jew li kieku tatha tnaqqis ogħla minn dak li hija kienet tagħtiha f’ċirkustanzi oħra, minħabba li din l-impriża ma kinitx ikkontestat il-materjalità tal-fatti u, min-naħa l-oħra, li kieku naqset milli tagħti tali tnaqqis lir-rikorrenti, xorta waħda ma jistax jiġi kkunsidrat li dan kien jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni.
132 Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti la sostniet u lanqas, a fortiori, ma wriet li l-provi li kienet ipproduċiet quddiem il-Kummissjoni kienu jikkostitwixxu kontribuzzjoni għall-konfermazzjoni tal-ksur li kienet iktar importanti mill-kontribuzzjoni ta’ Bischof+Klein. Għaldaqstant, lanqas f’dan ir-rigward ma jista’ jingħad li l-Kummissjoni wettqet żball.
133 Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali
– L-argumenti tal-partijiet
134 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali.
135 L-ewwel nett, hija tikkunsidra li huwa sproporzjonat li l-ammont tal-multi, magħduda flimkien, tal-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur, jiġifieri ammont ta’ EUR 290.71 miljun wara l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ u tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (u ta’ iktar minn EUR 600 miljun preċedentement), jaqbeż id-dħul mill-bejgħ annwali tas-suq rilevanti kollu kemm hu, jiġifieri EUR 250 miljun. Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Kummissjoni dwar il-fatt li kemm il-multa ta’ Trioplast Wittenheim kif ukoll dik tagħha, li ġiet imposta fuqha abbażi tar-responsabbiltà in solidum tagħha, huma għoljin wisq meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq ikkonċernat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni (T‑224/00, Ġabra p. II‑2597), hija applikabbli għall-kawża preżenti, għaliex, bil-kontra tar-rikorrenti, Archer Daniels Midland kellha rwol ta’ mexxej fl-akkordju inkwistjoni.
136 It-tieni nett, hija tqis li l-Kummissjoni trattat każijiet simili b’mod differenti u ma osservatx il-prattika stabbilita minnha stess fir-rigward tal-multi. Minn naħa, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal każijiet oħra, fosthom, pereżempju, il-każ Metjonina (Każ C.37.519 – Metjonina, ĠU 2003, L 255, p. 1), fejn ir-relazzjoni bejn il-multi imposti u d-dħul mill-bejgħ magħmul fis-swieq rilevanti kienet iktar raġonevoli. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-ammont tal-multa ta’ Trioplast Wittenheim huwa iktar sproporzjonat, meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ tagħha, minn dak ta’ destinatarji oħra tad-deċiżjoni kkontestata, bħall-kumpanniji Bischof+Klein, Nordenia International u Cofira-Sac.
137 Ir-rikorrenti tgħid ukoll li r-relazzjoni bejn l-ammonti inizjali attribwiti lill-impriżi tal-ewwel kategorija u dawk attribwiti lill-impriżi tar-raba’ kategorija hija ta’ madwar erba’ għal wieħed. Hija ssostni, li l-ammont finali tal-multa ta’ Trioplast Wittenheim kellu jitnaqqas, sabiex ikun ekwivalenti għal minn tal-inqas kwart (madwar) tal-ammont finali tal-multa dovuta minn Bischof+Klein, li kienet ikklassifikata fl-ewwel kategorija.
138 It-tielet nett, hija ssostni li Trioplast Wittenheim kienet attur ekonomiku modest, mingħajr influwenza sinjifikattiva fis-suq, u li hija ma akkwistat ebda profitt mill-parteċipazzjoni tagħha fil-prattika antikompetittiva. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-multa ta’ EUR 7.3 miljun, li għalih hija responsabbli in solidum, hija 21 darba ogħla mill-profitti, magħduda flimkien, magħmula mill-prodotti kkonċernati tal-grupp Trioplast fl-1999, fl-2000 u fl-2001. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-iffissar tal-ammont tal-multa, il-kapaċità effettiva ta’ Trioplast Wittenheim li tħallas tali multa. Skont ir-rikorrenti, il-falliment ta’ din tal-aħħar seta’ jiġi evitat li kieku l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni prekarja tagħha u li kieku rrikonnoxxiet, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà finanzjarja diretta tal-proprjetarju preċedenti tagħha, jiġifieri FLS Plast.
139 Ir-raba’ nett, hija ssostni li l-multi imposti f’din il-kawża kienu jkunu kunsiderevolment inqas li kieku ġew applikati l-linji gwida l-ġodda għall-kalkolu tal-multi.
140 Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
141 L-ewwel nett, u sa fejn il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza li tgħid li, fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ kull multa, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali u ma hijiex obbligata tapplika, f’dan ir-rigward, formola matematika preċiża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, punt 47, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punt 151). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa huwa ddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur u tat-tul tiegħu. Barra minn hekk, l-imsemmi ammont huwa r-riżultat ta’ sensiela ta’ evalwazzjonijiet iċċifrati magħmula mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi. Id-determinazzjoni ta’ dan l-ammont hija, b’mod partikolari, ir-riżultat ta’ diversi ċirkustanzi relatati mal-komportament individwali tal-impriża inkwistjoni, bħall-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punti 82 u 85).
142 Ma jistax jiġi dedott minn dan il-qafas ġuridiku li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm proporzjonalità bejn l-ammont totali tal-multi, hekk ikkalkolati u imposti fuq il-parteċipanti tal-akkordju, u l-volum matul sena partikolari tal-ksur, fid-dawl tal-fatt li l-ksur dam għaddej għal iktar minn 20 sena u li l-ammonti tal-multi jiddependu wkoll fuq ċirkustanzi oħra marbuta mal-aġir individwali tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 342).
143 Sa fejn jirrigwarda r-relazzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ annwali tar-rikorrenti u l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Kummissjoni effettivament ibbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul fl-1996 fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li l-ammont inizjali ta’ EUR 8.5 miljun li rriżulta kien inqas importanti mill-ammont inizjali li hija setgħet timponi skont it-tielet inċiż tal-punt A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, jiġifieri EUR 20 miljun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 180). L-argument li jgħid li l-Kummissjoni messha ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul f’sena li matulha r-rikorrenti kienet preżenti fis-suq rilevanti ma huwiex ta’ natura, fih innifsu, li jaffettwa din l-analiżi.
144 F’kull każ, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż sabiex jevita li l-multi jkunu sproporzjonati. Peress li, f’dan il-każ, l-ammont tal-multa finali ma jaqbiżx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat minħabba li l-ammont totali tal-multi jaqbeż il-volum globali tas-suq rilevanti, u lanqas minħabba li l-multa ta’ Trioplast Wittenheim u dik tar-rikorrenti hija ikbar mid-dħul mill-bejgħ annwali li huma rispettivament għamlu mill-prodott inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, punt 135 iktar ’il fuq, punt 200). Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għandu jiġi applikat mingħajr it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol speċifiku li impriża kellha fl-akkordju.
145 It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, minn naħa, fir-rigward tal-paraguni li r-rikorrenti għamlet ma’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni mogħtija fil-qasam tal-multi, b’mod partikolari fir-rigward tal-proporzjoni bejn it-total tal-multi u l-volum tas-suq ikkonċernat, dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali biss jekk jiġi ppruvat li l-informazzjoni ċirkustanzjali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, huma paragunabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punt 316).
146 Issa, il-fatt li r-rikorrenti ssemmi l-multi globali u d-dħul mill-bejgħ magħmul fis-swieq inkwistjoni fid-deċiżjonijiet inkwistjoni ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jiġi kkunsidrat li l-istess kundizzjonijiet kienu sodisfatti f’din il-kawża. Għalhekk ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li s-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, kienu paragunabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża.
147 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-paragun li r-rikorrenti tagħmel ma’ destinatarji oħra tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ kien japplika, f’din il-kawża, fil-każijiet tal-kumpanniji Bischof+Klein, Nordenia International u Cofira-Sac. Min-naħa l-oħra, din ir-regola ma wasslitx għal tnaqqis tal-ammont li r-rikorrenti kienet responsabbli in solidum għal ħlas tiegħu, u dan, fil-parti l-kbira, jispjega dak li r-rikorrenti tikkwalifika bħala sproporzjon bejn l-ammonti finali. Issa, skont il-ġurisprudenza, din iċ-ċirkustanza ma tistax titqies bħala diskriminazzjoni. Fil-fatt, id-differenza fit-trattament hija l-konsegwenza diretta tal-limitu massimu impost fuq il-multi permezz tar-Regolament Nru 1/2003, li l-legalità tiegħu ma ġietx ikkontestata u li japplika biss, ovvjament, fil-każijiet fejn l-ammont tal-multa proposta jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 185).
148 It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li r-rikorrenti ma ħadet ebda vantaġġ mill-akkordju, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li impriża ma kisbet ebda vantaġġ mill-ksur ma jistax jostakola l-impożizzjoni ta’ multa għax li kieku ma kienx hekk, din titlef in-natura dissważiva tagħha. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni la hija marbuta, meta tiġi biex tiffissa l-multi, li tistabbilixxi li l-ksur ta vantaġġ illegali lill-impriżi kkonċernati u lanqas li tieħu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, in-nuqqas ta’ vantaġġ miksub mill-ksur inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 4881). Għaldaqstant l-argument huwa ineffettiv.
149 Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li fiż-żmien tal-proċedura amministrattiva kienet ġiet injorata s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja ta’ Trioplast Wittenheim, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 54 u 55).
150 Barra minn hekk, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat ir-riferiment magħmul mill-Kummissjoni, iżda mhux imsemmi mir-rikorrenti, għall-punt 5(b) tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, li jgħid li l-kapaċità kontributtiva reali ta’ impriża għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għandu jiġi osservat li l-imsemmija ġurisprudenza bl-ebda mod ma hija kkonfutata minn dawn il-linji gwida. Fil-fatt din il-kapaċità tapplika biss f’“kuntest soċjali partikolari”, ikkostitwit mill-konsegwenzi li l-ħlas ta’ multa jista’ jkollu, b’mod partikolari, fuq il-livell ta’ żieda fil-qgħad jew ta’ deterjorament tas-setturi ekonomiċi upstream u downstream tal-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punti 105 u 106). Issa, f’din il-kawża, matul il-proċedura amministrattiva ma ġie prodott ebda element li jista’ jsostni l-eżistenza ta’ tali kuntest.
151 Fir-rigward tar-riferiment li r-rikorrenti għamlet għas-sitwazzjoni ta’ FLS Plast, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-fatt li matul is-seduta l-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti tispeċifika l-pożizzjoni tagħha, din tal-aħħar ma pproduċietx elementi li jistgħu jistabbilixxu rabta bejn il-falliment ta’ Trioplast Wittenheim u l-mod ta’ kif il-Kummissjoni ttrattat lil FLS Plast.
152 Ir-raba’ nett, ma hemmx lok li jsir paragun bejn l-ammonti tal-multi imposti f’dan il-każ u dak tal-multi ipotetiċi, iddeterminat abbażi tal-linji gwida l-ġodda għall-kalkolu tal-multi, kif mitlub mir-rikorrenti. Fil-fatt il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi jikkostitwixxu l-kuntest ġuridiku rilevanti għal kawża preżenti u l-fatt li l-Kummissjoni, sussegwentement, ippubblikat il-linji gwida l-ġodda għall-kalkolu tal-multi ma għandu l-ebda effett fuq l-applikabbiltà ratione temporis tal-linji gwida preċedenti.
153 Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ir-rispett tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali
– L-argumenti tal-partijiet
154 Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni, minn naħa, kisret id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 23(1) tiegħu u li, min-naħa l-oħra, kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif espress fil-ġurisprudenza u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1). Skont ir-rikorrenti, minn dawn il-prinċipji jirriżulta li kull att tal-istituzzjonijiet li jipproduċi effetti ġuridiċi għandu jkun ċar u preċiż u għandu jiġi mgħarraf lid-destinatarju b’tali mod li jkun jista’ jiżgura ruħu b’ċertezza dwar l-effetti u l-konsegwenzi ta’ dan l-att.
155 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata la tiddefinixxi b’mod ċar sa fejn hija titqies responsabbli għall-ksur ta’ Trioplast Wittenheim u lanqas l-ammont preċiż tal-multa li hija għandha finalment tħallas. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tispeċifikax b’liema mod il-ħlas tal-multa ta’ EUR 17.85 miljun imposta fuq Trioplast Wittenheim għandu jinqasam bejn ir-rikorrenti, minn naħa, u FLS Plast u FLSmidth, min-naħa l-oħra, peress li l-ammont totali tal-multi li għalih huma responsabbli in solidum dawn il-kumpanniji parent jaqbeż l-ammont attribwit lill-Trioplast Wittenheim. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ħolqot inċertezza legali li tista’ twassal għal kawżi bejn id-diversi kumpanniji parent, miftuħa quddiem il-qrati nazzjonali jew quddiem arbitru, ladarba jiġu biex jiddeterminaw il-qsim tar-responsabbiltajiet reċiproċi tagħhom.
156 Ir-rikorrenti tikkunsidra li, fid-dawl tal-fatt li l-ammont globali li għalih il-kumpanniji parent huma responsabbli in solidum jaqbeż l-ammont impost fuq Trioplast Wittenheim, il-Kummissjoni ma tistax tuża d-diskrezzjoni tagħha li teżiġi l-ħlas tal-multa mingħand il-kumpannija li, x’aktarx, tista’ tħallas. F’dan il-kuntest, hija tosserva li kull kumpannija parent hija responsabbli in solidum ma’ Trioplast Wittenheim biss fir-rigward ta’ parti differenti tal-ksur. Skont ir-rikorrenti, ir-responsabbiltà in solidum sempliċement tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li titlob parti mill-multa, skont il-perijodu kkonċernat, jew lill-FLS Plast u FLSmidth, jew inkella lill-Trioplast Wittenheim, jew lir-rikorrenti, jew inkella lill-Trioplast Wittenheim. F’din il-kawża, il-Kummissjoni ivvintat responsabbiltà in solidum de facto bejn FLS Plast u FLSmidth, minn naħa, u r-rikorrenti, min-naħa l-oħra, li għaliha ma hemm ebda bażi legali.
157 Min-naħa l-oħra r-rikorrenti tirtira l-argumenti li hija ressqet fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq interpretazzjoni ħażina tal-fatt li Trioplast Wittenheim kienet proprjetà ta’ Compagnie de Saint-Gobain u li r-responsabbiltà globali tal-kumpanniji parent taqbeż l-ammont tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim. Hija tenfasizza li l-Kummissjoni messha użat wieħed mill-metodi ta’ kalkolu li hija pproponiet.
158 Il-Kummissjoni tfakkar, l-ewwel nett, li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Trioplast Wittenheim għandha tħallas ammont ta’ EUR 17.85 miljun. Minn dan l-ammont, FLS Plast u FLSmidth huma obbligati li jħallsu, abbażi tar-responsabbiltà in solidum tagħhom, ammont massimu ta’ EUR 15.30 miljun u r-rikorrenti ammont massimu ta’ EUR 7.73 miljun. Kull ħlas min-naħa ta’ waħda minn dawn l-erba’ kumpanniji għandu, skont il-Kummissjoni, jitnaqqas mill-ammont totali ta’ EUR 17.85 miljun. Il-Kummissjoni tikkunsidra li għandha s-setgħa diskrezzjonali li titlob il-ħlas mingħand l-impriża li x’aktarx hija l-iktar waħda li tista’ tissodisfa dan l-obbligu. Wara li waħda jew iktar mill-impriżi responsabbli in solidum ikunu ħallsu, dawn ikun għad fadlilhom jiddeterminaw liema porzjon mill-ħlas għandha tittieħed minn kull destinatarju u liema għandhom ikunu l-eventwali kumpensi bejniethom.
159 Il-Kummissjoni tispeċifika li hija ma tallegax li teżisti responsabbiltà in solidum bejn FLS Plast u FLSmidth, minn naħa, u r-rikorrenti, min-naħa l-oħra. Ir-rikorrenti hija responsabbli in solidum ma’ Trioplast Wittenheim biss fir-rigward tal-parti tat-tul tal-ksur li tikkonċernaha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li ma kienx neċessarju li hija tispeċifika l-mod ta’ kif l-obbligu ta’ ħlas kellu, b’mod definittiv, jinqasam bejn ir-rikorrenti u Trioplast Wittenheim jew bejn FLS Plast u FLSmidth u Trioplast Wittenheim.
160 Sussegwentement il-Kummissjoni tiċħad, billi tagħmel riferiment għall-argumenti li hija ressqet fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, l-argumenti li jirrigwardaw ir-responsabbiltà relatata mal-perijodu li matulu Trioplast Wittenheim kienet proprjetà ta’ Compagnie de Saint‑Gobain u fuq il-qbiż tal-ammont tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
161 Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u jeżiġi, b’mod partikolari, li kull att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari meta jimponi jew jimpermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, jkun ċar u preċiż, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnu u jkunu jistgħu jaġixxu konsegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u L‑Kunsill, C‑266/06 P, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 66).
162 L-ilmenti tar-rikorrenti huma essenzjalment ibbażati fuq il-fatt li, peress li l-ammonti, meta magħduda flimkien, li għalihom huma responsabbli in solidum ir-rikorrenti, minn naħa, u FLS Plast u FLSmidth, min-naħa l-oħra, jaqbżu l-ammont tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim, id-deċiżjoni kkontestata ma tiddefinixxix b’mod preċiż l-ammont li hija ser ikollha finalment tħallas u li minħabba f’hekk il-Kummissjoni ħolqot responsabbiltà in solidum de facto bejn ir-rikorrneti, minn naħa, u FLS Plast u FLSmidth, min-naħa l-oħra.
163 F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li meta kumpannija parent u sussidjarja jikkostitwixxu jew kienu jikkostitwixxu entità ekonomika li pparteċipat f’akkordju, il-Kummissjoni tista’ żżommhom responsabbli in solidum għall-ksur tar-regoli tal-Kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punti 58 u 59).
164 F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li Trioplast Wittenheim kienet tikkostitwixxi entità ekonomika ma’, suċċessivament, FLS plast u FLSmidth, matul il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1990 u d-19 ta’ Jannar 1999, u mar-rikorrenti, mill-21 ta’ Jannar 1999 sas-26 ta’ Ġunju 2002. Għalhekk, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli żżomm kemm lill-FLS Plast u FLSmidth kif ukoll lir-rikorrenti responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħhom, Trioplast Wittenheim. Għalhekk il-Kummissjoni imponiet fuq Trioplast Wittenheim multa ta’ EUR 17.85 miljun u żammet responsabbli in solidum għall-ħlas tal-imsemmija multa lill-FLS Plast u FLSmidth, minn naħa, u lir-rikorrenti, min-naħa l-oħra, għall-ammonti, rispettivament ta’ EUR 15.30 miljun u EUR 7.73 miljun.
165 Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, il-punt f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jħalli lil din tal-aħħar f’libertà sħiħa fir-rigward tal-irkupru tal-multa mingħand waħda jew oħra mill-persuni ġuridiċi kkonċernati skont il-kapaċità kontributtiva tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirkupra l-ammont kollu jew parti minnu mingħand is-sussidjarja jew mingħand waħda mill-kumpanniji parent jew mingħand il-kumpanniji parent kollha li kienu, suċċessivament, proprjetarji tas-sussidjarja, sakemm din tkun ġiet kompletament irkuprata. Sa fejn il-Kummissjoni tagħżel li tirkupra l-ammont totali tal-multa mingħand il-kumpanniji parent, din tista’ tkun imġiegħla, jekk ikun il-każ, tirkupra mingħand ir-rikorrenti l-ammont massimu li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita r-responsabbiltà in solidum tagħha, jiġifieri EUR 7.73 miljun, u li tirkupra l-ammont li jifdal tal-multa mingħand FLS Plast u FLSmidth, li neċessarjament ser ikun inqas mill-ammont, ta’ EUR 15.30 miljun, li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita r-responsabbiltà in solidum tagħhom. Bil-kontra ta’ dan, il-Kummissjoni tista’ tippreferi li tirkupra mingħand FLS Plast u FLSmidth l-ammont massimu li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita r-responsabbiltà in solidum tagħhom. F’dan il-każ, hija tkun tista’ tirkupra mingħand ir-rikorrenti biss somma li tkun inqas mill-ammont li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita r-responsabbiltà in solidum tagħha.
166 Għalhekk jidher li, mingħajr ma tista’ tiġi invokata xi ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura dissważiva tal-multi, il-libertà ta’ għażla tal-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni tal-punt f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tissuġġetta l-ammont effettivament irkuprat mingħand ir-rikorrenti għall-ammonti rkuprati mingħand FLS Plast u FLSmidth, u viċi versa.
167 Issa, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, minn naħa, u FLS Plast u FLSmidth, min-naħa l-oħra, qatt ma ffurmaw, flimkien, entità ekonomika komuni. Dawn il-kumpanniji parent, flimkien ma Trioplast Wittenheim, kienu ffurmaw suċċessivament żewġ entitajiet ekonomiċi distinti, kull waħda minnhom individwalment responsabbli għall-akkordju matul perijodi u taħt ċirkustanzi differenti. Sa fejn, għal din ir-raġuni, ebda responsabbiltà in solidum ma tista’ torbot bejniethom il-kumpanniji parent suċċessivi, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tippermetti li l-Kummissjoni tissuġġetta l-ammont effettivament irkuprat mingħand ir-rikorrenti għall-ammont irkuprat mingħand il-kumpanniji parent l-oħrajn, u viċi versa.
168 F’dan ir-rigward, huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi r-responsabbiltà personali ta’ kull waħda mill-kumpanniji parent fit-twettieq tal-ksur inkwistjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni t-tul li matulu huma kienu proprjetarji ta’ Trioplast Wittenheim, in-nuqqas ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti fir-rigward tagħhom u l-kooperazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, kif jirriżulta mill-premessi 782, 783, 785 sa 812, 836 sa 841 u 862 sa 865. Madankollu, l-ammonti hekk stabbiliti jikkostitwixxu ammonti massimi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ddeterminat ir-responsabbiltajiet in solidum rispettivi li l-kumpanniji parent suċċessivi kellhom flimkien ma’ Trioplast Wittenheim.
169 Issa, sa fejn ir-rikorrenti, minn naħa, u FLS Plast u FLSmidth, min-naħa l-oħra, qatt ma ffurmaw, flimkien, entità ekonomika, il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet jitlob li l-ammont effettivament imħallas mir-rikorrenti ma jaqbiżx il-kwota mir-responsabbiltà in solidum tagħha. Din il-kwota tikkorrispondi għall-parti tal-ammont attribwita lir-rikorrenti meta mqabbla mat-total tal-ammonti li fir-rigward tagħhom il-kumpanniji parent suċċessivi huma rispettivament ikkunsidrati bħala responsabbli in solidum għal ħlas tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, li jgħid li entità ekonomika tista’ tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li huma individwalment invokati fil-konfront tagħha, japplika f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet skont ir-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il‑Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 119).
170 Sa fejn il-punt f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jonqos milli jispeċifika l-kwota rriżervata għar-rikorrenti, filwaqt li jagħti lill-Kummissjoni libertà sħiħa fir-rigward tal-implementazzjoni tar-responsabbiltajiet in solidum rispettivi tal-kumpanniji parent suċċessivi, li qatt ma fformaw entità ekonimika bejniethom, din id-dispożizzjoni hija inkompatibbli mal-obbligu li l-Kummissjoni għandha, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li tqiegħed lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tkun taf mingħajr ambigwità l-ammont eżatt tal-multa li hija għandha tħallas fir-rigward tal-perijodu li għalih hija nżammet responsabbli in solidum għall-ksur flimkien ma Trioplast Wittenheim. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tikser kemm il-prinċipju taċ-ċertezza legali kif ukoll il-prinċipju tal-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.
171 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, is-sitt motiv għandu jiġi milqugħ. Konsegwentement, mingħajr ma huwa meħtieġ li dan il-motiv jiġi eżaminat mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-punt f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti.
2. Fuq it-talba, imressqa sussidjarjament, intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa
172 Sa fejn il-motivi invokati mir-rikorrenti tqajmu insostenn tat-talba tagħha intiża għat-tnaqqis tal-multa, mill-punti 94 sa 98 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata fiha żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni għażlet, fir-rigward tar-rikorrenti, l-1996 bħala sena ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali għandha, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tiddetermina ammont inizjali ġdid għall-kalkolu tal-ammont li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti hija kkunsidrata responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li l-iffissar tal-ammont inizjali tar-rikorrenti għal EUR 3 miljun jkun jikkostitwixxi evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, kif jirriżultaw mill-proċess.
173 Wara dan, fid-dawl, minn naħa, taż-żieda meħtieġa minħabba t-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur u, min-naħa l-oħra, tat-tnaqqis meħtieġ abbażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, l-ammont attribwit lir-rikorrenti għandu jiġi ffissat għal EUR 2.73 miljun. Mill-konklużjoni esposta fil-punt 171 iktar ’il fuq, li tgħid li s-sitt motiv għandu jiġi milqugħ, jirriżulta li dan l-ammont jikkostitwixxi l-bażi li fuqha għandha tiġi ddeterminata l-kwota tar-rikorrenti mir-responsabbiltajiet in solidum tal-kumpanniji parent suċċessivi għall-ħlas tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim.
174 Sa fejn l-elementi l-oħra indispensabbli għall-kalkolu tal-kwota rriżervata għar-rikorrenti, imsemmija fil-punt 169 iktar ’il fuq, fosthom b’mod partikolari l-ammonti attribwiti lill-kumpanniji parent l-oħrajn ta’ Trioplast Wittenheim, ma sarux definittivi u ma jistgħux jiġu stabbiliti fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija l-Kummissjoni, abbażi tal-obbligu li hija għandha li tadotta l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza skont l-Artikolu 266 TFUE, li għandha tiddetermina l-kwota tar-rikorrenti skont l-elementi definittivi indispensabbli għal dan il-għan.
Fuq l-ispejjeż
175 Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż.
176 F’din il-kawża, peress li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti ġie parzjalment milqugħ, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li r-rikorrenti tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, filwaqt li din tal-aħħar għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-punt f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 4634 finali, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali), huwa annullat sa fejn jirrigwarda lil Trioplast Industries AB.
2) L-ammont attribwit lil Tripolast Industrier huwa ffissat għal EUR 2.73 miljun, abbażi ta’ dan l-ammont għandha tiġi ddeterminata l-kwota tagħha mir-responsabbiltajiet in solidum tal-kumpanniji parent suċċessivi għall-ħlas tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim SA.
3) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
4) Tripolast Industrier għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.
5) Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti minn Tripolast Industrier.
Meij
Vadapalas
Truchot
Firem
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Il-proċedura amministrattiva
Id-deċiżjoni kkontestata
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
1. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji fil-kuntest tad-determinazzjoni tat-tul tal-ksur u tal-ammont tal-multa
Dwar it-tielet parti tal-ewwel motiv, li tirrigwarda l-legalità tad-determinazzjoni tat-tul tal-ksur
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv, li tirrigwarda l-legalità tal-metodu ta’ kalkolu tal-multa
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv, li tirrigwarda l-legalità tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fondatezza tar-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti l-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti
L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq it-talba għal klemenza
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ trattament ugwali
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ir-rispett tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
2. Fuq it-talba, imressqa sussidjarjament, intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.
Full & Egal Universal Law Academy