Kawża T-162/06
Kronoply GmbH & Co. KG
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Motivazzjoni — Effett ta’ inċentiv tal-għajnuna — Neċessità tal-għajnuna”
Sommarju tas-sentenza
1. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni
(Artikolu 253 KE)
2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE — Għajnuna għall-funzjonament — Esklużjoni
(Artikolu 87(3)(ċ) KE)
3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Notifika lill-Kummissjoni
(Artikolu 88 KE)
1. Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal‑istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha.
F’deċiżjoni li tikkunsidra miżura statali bħala għajnuna għall-funzjonament inkompatibbli li ma tistax tiġi awtorizzata, minħabba n-nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv u ta’ neċessità, il-Kummissjoni għandha timmotiva din il-konklużjoni b’mod espliċitu.
(ara l-punti 26-28)
2. Il-Kummissjoni tista’ tiddikjara għajnuna kompatibbli mal-Artikolu 87(3) KE biss meta hija tista’ tikkonstata li l-għajnuna tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet iċċitatai f’din id-dispożizzjoni, għanijiet li l-impriża benefiċjarja ma tkunx tista’ tilħaq permezz tal-mezzi tagħha fiċ-ċirkustanzi normali tas-suq. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri ma jistgħux jitħallew iwettqu ħlasijiet li jwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma jkunu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti mill-Artikolu 87(3) KE.
Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat li għajnuna tinkludi regoli dettaljati, b’mod partikolari l-ammont tagħha, li l-effetti restrittivi tagħhom imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għajnuna tkun tista’ tilħaq l-għanijiet ammessi mit-Trattat.
Għajnuna li ma teżiġix mill-impriża benefiċjarja la korrispettiv u lanqas kontribuzzjoni b’għan ta’ interess komuni hija għajnuna għall-funzjonament intiża biex tkopri l-ispejjeż kurrenti li din għandha normalment issostni, u għaldaqstant ma tistax tiġi awtorizzata. Fil-fatt, tali għajnuna, bħala regola ġenerali, toħloq distorsjoni fil-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni.
(ara l-punti 65, 66, 74, 75)
3. Wara notifika minn Stat Membru ta’ proġett ta’ għajnuna tal-Istat u tal‑awtorizzazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni, dan l-Istat għandu l-possibbiltà li jinnotifika proġett intiż sabiex jistabbilixxi għajnuna ġdida favur l-impriża benefiċjarja jew sabiex jimmodifika l-għajnuna diġà mogħtija lill-imsemmija impriża. Din in-notifika ġdida hija suġġetta għall-kontroll tal-Kummissjoni li, wara verfika tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE, tista’ tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni.
Il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li proġett għandu jitlesta f’terminu speċifiku ma jwassalx awtomatikament għat-telf tal-possibbiltà li tintalab u li tiġi awtorizzata, wara li jiskadi l-imsemmi terminu, żieda fl-għajnuna diġà mogħtija għall-imsemmi proġett.
(ara l-punti 85-87)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)
14 ta’ Jannar 2009 (*)
“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Motivazzjoni – Effett ta’ inċentiv tal-għajnuna − Neċessità tal-għajnuna”
Fil-Kawża T‑162/06,
Kronoply GmbH & Co. KG, stabbilita f’Heiligengrabe (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Nierer u L. Gordalla, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment minn K. Gross u T. Scharf, u sussegwentement minn V. Kreuschitz, K. Gross u T. Scharf, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/262/KE, tal-21 ta’ Settembru 2005, dwar l-għajnuna mill-Istat C 5/2004 (ex N 609/2003) li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti lil Kronoply (ĠU 2006, L 94, p. 50),
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. Ciucă, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Ir-rikorrenti, Kronoply GmbH & Co. KG, hija impriża rregolata mid-dritt Ġermaniż li tipproduċi materjal derivat mill-injam.
2 Fit-28 ta’ Jannar 2000, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-Investitionsbank des Landes Brandenburg (bank ta’ investiment tal-Land ta’ Brandenburg, iktar ’il quddiem l-“ILB”), talba għal sussidji ta’ 77 miljun Marki Ġermaniżi (DEM) (EUR 39.36 miljun) għall-ħolqien ta’ sit ta’ produzzjoni ta’ oriented strand boards li l-ispiża totali tiegħu kienet ta’ 220 miljun DEM (EUR 112.5 miljun).
3 B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2000, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), innotifikat lill-Kummissjoni proġett ta’ għajnuna għall-investiment favur ir-rikorrenti għall-kostruzzjoni ta’ installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ oriented strand boards, peress li l-imsemmi proġett jaqa’ taħt l-ambitu tal-qafas multisettorjali għal għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (ĠU 1998, C 107, p. 7, iktar ’il quddiem il-“qafas multisettorjali”), fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti. Din in-notifika ġiet irreġistrata u eżaminata mill-Kummissjoni taħt in-numru N 813/2000 (iktar ’il quddiem il-“proċedura N 813/2000”).
4 L-ammont massimu ta’ għajnuna mogħtija skont il-qafas multisettorjali huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ kalkolu li jimplika l-kunsiderazzjoni ta’ diversi parametri u b’mod partikolari, l-istat tal-kompetizzjoni fis-settur ikkonċernat, imsemmi fattur T u maqsum f’erba’ livelli: 0.25, 0.5, 0.75 u 1. F’din il-kawża, il-proġett ġie inizjalment innotifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’fattur T ta’ 1, li jikkorrispondi għal proġett li m’għandu l-ebda effett negattiv fuq il-kompetizzjoni.
5 Wara skambju ta’ ittri mal-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fid-19 ta’ Ġunju 2001, immodifikat in-notifika tagħha fir-rigward tal-intensità tal-għajnuna. B’mod partikolari, hija għarrfet lill-Kummissjoni li hija “[kienet] iddeċidiet li tnaqqas il-fattur tal-istat tal-kompetizzjoni nnotifikat minn 1 għal 0.75”. Il-fattur T ta’ 0.75 japplika għall-proġetti li jwasslu għal żieda fil-kapaċità f’settur ikkaratterizzat minn kapaċità żejda strutturali u/jew suq li sejjer lura. B’applikazzjoni tal-fattur T ta’ 0.75, l-intensità totali ta’ għajnuna tnaqqset minn 35 % għal 31.5 %, jiġifieri ammont totali ta’ għajnuna ta’ DEM 69.3 miljun (EUR 35.43 miljun) minflok l-ammont ta’ DEM 77 miljun (EUR 39.36 miljun) inizjalment innotifikat.
6 Fit-3 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, adottat deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-għoti ta’ din l-għajnuna, li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-11 ta’ Awwissu 2001 (ĠU C 226, p. 14).
7 B’ittra tat-3 ta’ Jannar 2002, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat talba għal modifika tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 minħabba l-fatt li s-suq inkwistjoni ma setax jiġi kkunsidrat bħala wieħed li sejjer lura, u dan kellu jwassal għall-applikazzjoni tal-fattur T u għal żieda fl-intensità tal-għajnuna awtorizzata minn 31.5 għal 35 % tal-ispiża tal-investiment eliġibbli.
8 B’ittra tal-5 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni rrifjutat li timmodifika d-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 peress li l-għajnuna kienet ġiet evalwata fuq il-bażi ta’ kalkolu korrett tal-kriterji applikabbli kollha.
9 Peress li kkunsidrat din l-ittra bħala deċiżjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tagħha, li ġie miċħud bħala inammissibbli mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fid-digriet tagħha tal-5 ta’ Novembru 2003, Kronoply vs Il-Kummissjoni (T‑130/02, Ġabra p. II‑4857), minħabba n-nuqqas ta’ att li jista’ jiġi kkontestat.
10 B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2003, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tagħti sussidju għall-investiment lir-rikorrenti li jammonta għal EUR 3 936 947 taħt il-qafas multisettorjali. Din l-għajnuna ġiet irreġistrata taħt in-numru N 609/03.
11 B’ittra tat-18 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, peress li kellha dubji serji fir-rigward tal-effett ta’ inċentiv u n-neċessità tal-għajnuna supplimentari nnotifikata.
12 Wara li rċeviet l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-rikorrenti, il-Kummissjoni adottat, fil-21 ta’ Settembru 2005, id-Deċiżjoni 2006/262/KE dwar l-għajnuna mill-Istat C 5/2004 (ex N 609/2003) li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti lil Kronoply (ĠU 2006, L 94, p. 50, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”).
13 Il-premessa 42 tad-Deċiżjoni tipprovdi:
“Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE. Peress li din l-għajnuna m’għandiex effett ta’ inċentiv u peress li mhijiex neċessarja, ma tapplika l-ebda waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) [KE]. Għaldaqstant l-imsemmija għajnuna hija għajnuna għall-funzjonament inkompatibbli li ma tistax tiġi awtorizzata.”
14 L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jipprovdi:
“L-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 3 936 947 li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti lil Kronoply [...], skont in-notifika N 609/2003, hija inkompatibbli mas-suq komuni.
Konsegwentement, din l-għajnuna ma tistax tiġi implementata.”
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
15 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
16 Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2008.
17 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
18 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
19 Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE, fit-tieni lok, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999, fit-tielet lok, fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE u tal-Artikolu 88 KE u tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali (ĠU 1998 C 74, p. 9, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), fir-raba’ lok, fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti tal-Kummissjoni fil-konstatazzjoni tal-fatti, u fil-ħames lok, fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti u fuq abbuż ta’ poter.
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE
L-argumenti tal-partijiet
20 Minn naħa, ir-rikorrenti tallega li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-Kummissjoni inkwantu d-Deċiżjoni tinkludi “difett” fil-loġika tar-raġunament tal-istituzzjoni, peress li din tal-aħħar tiċħad, fil-fatt, l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv mingħajr, madankollu, ma tivverifika jekk tali effett jeżistix fuq il-bażi tal-kriterji li hija stess stabbilixxiet. Skont it-termini tal-linji gwida, l-effett ta’ inċentiv jeżisti meta t-talba għal għajnuna ssir qabel l-eżekuzzjoni tal-proġett, li huwa l-każ f’din il-kawża. Billi ma semmietx dan l-element ta’ fatt, il-Kummissjoni mhux biss hija ħatja għal ineżattezza fil-konstatazzjoni tal-fatti, iżda wkoll għal nuqqas ta’ motivazzjoni.
21 Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-possibbiltà, imsemmija b’mod espliċitu mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-ġurisprudenza tagħha, li timmodifika għajnuna diġà mogħtija u awtorizzata, peress li hija teżiġi, fid-Deċiżjoni, li għandu jkun hemm proġett ta’ investiment ieħor li jagħti lok għal talba ġdida għal għajnuna. Dan jirriżulta f’motivazzjoni insuffiċjenti tad-Deċiżjoni.
22 Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tal-motiv għal annullment imqajjem mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
23 Mill-formulazzjoni u mill-kontenut tal-argumenti żviluppati mir-rikorrenti insostenn taż-żewġ ilmenti mqajma taħt il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE jirriżulta li l-imsemmija lmenti ma jirreferux, fis-sens strett, għal nuqqas ta’ motivazzjoni jew għal motivazzjoni insuffiċjenti, li jaqgħu taħt l-ambitu tal-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE. Fir-realtà, l-ilmenti inkwistjoni ma jistgħux jiġu distinti mill-kritika tal-fondatezza tad-Deċiżjoni, u għaldaqstant mil-legalità tal-mertu ta’ dan l-att, li huwa illegali fid-dawl, b’mod partikolari, tal-allegat ksur tal-Artikolu 87 KE u tal-linji gwida mwettaq mill-Kummissjoni, minħabba, b’mod iktar partikolari, evalwazzjoni żbaljata tal-effett ta’ inċentiv u tan-neċessità tal-għajnuna kkontestata u fid-dawl ta’ allegat abbuż ta’ poter imwettaq mill-konvenuta.
24 F’dan ir-rigward, huwa sintomatiku li l-ilmenti marbuta man-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tad-data tal-preżentata tat-talba inizjali għal għajnuna u tal-possibbilta, rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ modifika ta’ għajnuna diġà mogħtija u awtorizzata huma ripetuti b’mod espliċitu fl-argumenti tar-rikorrenti intiżi biex jipprovaw l-evalwazzjoni żbaljata tal-effett ta’ inċentiv u tan-neċessità tal-għajnuna kkontestata kif ukoll allegat abbuż ta’ poter.
25 F’kull każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza.
26 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħrajn li huma kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jingħataw spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1985, L-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 19; tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punti 15 u 16, u tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑56/93, Ġabra p. I‑723, punt 86).
27 Mill-premessa 42 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-miżura nnotifikata mill-awtoritajiet Ġermaniżi fit-22 ta’ Diċmebru 2003 ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala għajnuna għall-funzjonament inkompatibbli li ma tistax tiġi awtorizzata, minħabba n-nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv u ta’ neċessità.
28 Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mmotivat b’mod espliċitu, fid-Deċiżjoni, il-konklużjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv u ta’ nuqqas ta’ neċessità tal-għajnuna kkontestata.
29 Għandu jiġi osservat li, filwaqt li tirreferi b’mod espliċitu għad-digriet Kronoply vs Il-Kummissjoni, punt 9 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tindika li hija tqis li Stat Membru jista’ jinnotifika għajnuna ġdida jew jimmodifika proġett li diġà ġie awtorizzat, inklużi d-diversi porzjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija favur proġett u li hija nfisha tista’ tawtorizzahom, sakemm l-effett ta’ inċentiv u n-neċessita ta’ kull porzjon tal-għajnuna jistgħu jiġu pprovati (premessa 24 tad-Deċiżjoni).
30 Il-Kummissjoni tfakkar ukoll, fil-premessa 28 tad-Deċiżjoni, it-termini tal-punt 4.2 tal-linji gwida, li jipprovdu li hemm lok li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna meta l-benefiċjarju jkun ippreżenta t-talba tiegħu għal għajnuna qabel ma tinbeda l-eżekuzzjoni tal-proġett. Minn sempliċi qari tal-premessi 24 u 26 sa 35 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament eżaminat il-kundizzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, filwaqt li spjegat għalfejn iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża kienu jippermettu li tiġi skartata l-preżunzjoni tal-punt 4.2 tal-linji gwida u li jiġi konkluż li l-effett ta’ inċentiv ma jeżistix.
31 Bl-istess mod, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar, fil-premessa 24 kif ukoll fil-premessi 36 sa 39 tad-Deċiżjoni, ir-raġunijiet li jippermettulha tasal għall-konklużjoni tan-nuqqas ta’ neċessità tal-għajnuna kkontestata.
32 Għaldaqstant jidher, minn naħa, li r-rikorrenti tqiegħdet kompletament f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddikjara l-għajnuna kkontestata inkompatibbli mas-suq komuni, kif juru l-argumenti importanti żviluppati fin-noti tar-rikorrenti li jittrattaw in-natura allegatament żbaljata tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-effett ta’ inċentiv u tan-neċessità tal-għajnuna kkontestata u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.
33 Għaldaqstant il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE għandu jinċaħad.
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999
L-argumenti tal-partijiet
34 Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 joffri bażi legali li tippermetti li tiġi mmodifikata għajnuna li diġà ngħatat u, b’mod partikolari li hija tiġi miżjuda u li l-Kummissjoni, f’din il-kawża, kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.
35 Ir-rikorrenti ssostni li, jekk il-Kunsill ta lill-Kummissjoni s-setgħa li tirrevoka deċiżjoni u li tordna l-ħlas lura tal-għajnuna fil-każ fejn l-informazzjoni pprovduta mhijiex eżatta, din tal-aħħar għandha, a fortiori, tingħata s-setgħa li timmodifika u żżid għajnuna mogħtija. Fil-fatt, il-modifika u ż-żieda ta’ għajnuna jikkostitwixxu ħsara ħafna iżgħar għad-drittijiet tal-persuni kkonċernati minn revoka.
36 Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tal-motiv għal annullament imqajjem mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
37 Minkejja li r-rikorrenti ssemmi ksur “tad-dispożizzjonijiet” tar-Regolament Nru 659/1999, hija tirreferi biss, fl-argumenti tagħha, għall-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament.
38 L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Revoka ta’ deċiżjoni” jipprovdi:
“Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2) jew (3), jew l-Artikolu 7(2), (3), (4), wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu, fejn id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta provvduta waqt il-proċedura li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni. Qabel ma tirrevoka deċiżjoni u tieħu deċiżjoni ġdida, il-Kummisjoni għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skond l-Artikolu 4(4). L-Artikoli 6, 7 u 10, l-Artikolu 11(1), l-Artikoli 13, 14 u 15 għandhom jgħoddu mutatis mutandis.”
39 Minn sempliċi qari letterali tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li dan tal-aħħar għandu l-għan esklużiv li jagħti lill-Kummissjoni setgħa ta’ revoka tad-deċizjonijiet tagħha u li mhuwiex applikabbli ħlief fil-każijiet fejn informazzjoni mhux eżatta tkun intbagħtet lill-Kummissjoni u li, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, din l-istituzzjoni adottat deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna jew li tiddikjara għajnuna kompatibbli mas-suq komuni.
40 Issa, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrenti tammetti b’mod espliċitu fir-rikors tagħha li “dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża peress li l-informazzjoni pprovduta ma kinitx ineżatta”. Għandu jiġi osservat ukoll li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti ma tikkritikax lill-Kummissjoni talli ma rrevokatx id-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Lulju 2001.
41 Fil-fatt, bir-raġunament “a fortiori” tagħha, ir-rikorrenti tiddeduċi mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadotta, abbażi tal-imsemmi artikolu, deċiżjoni li tapprova l-modifika ta’ għajnuna diġà mogħtija u awtorizzata; dan ir-raġunament ma jistax jiġi aċċettat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li jirriżulta minn interpretazzjoni partikolarment estensiva u manifestament contra legem tal-artikolu inkwistjoni.
42 F’kull każ, anki li kieku l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 seta’ jitqies bħala bażi legali adattata għall-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, dan ma jfissirx li kull għajnuna komplementari nnotifikata lill-Kummissjoni, bħalma hija dik f’din il-kawża, hija neċessarjament kompatibbli mas-suq komuni.
43 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jinċaħad.
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE, tal-Artikolu 88 KE u tal-linji gwida
L-argumenti tal-partijiet
– Fuq in-nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv
44 Ir-rikorrenti tindika, fl-ewwel lok, li, skont it-tielet paragrafu tal-punt 4.2 tal-linji gwida, huwa suffiċjenti, sabiex il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv jiġi sodisfatt, li t-talba għal għajnuna tiġi ppreżentata qabel ma tinbeda l-eżekuzzjoni tal-proġett. Dan il-kriterju uniku huwa sodisfatt f’din il-kawża, peress li t-talba għal għajnuna tressqet quddiem il-korp nazzjonali kompetenti fit-28 ta’ Jannar 2000, jiġifieri qabel ma nbdew ix-xogħolijiet intiżi għall-eżekuzzjoni tal-proġett. Minkejja li hija fakkret, fid-Deċiżjoni, il-kriterju msemmi fil-punt 4.2 tal-linji gwida, il-Kummissjoni ma eżaminatx l-effett ta’ inċentiv fil-kuntest taż-żmien li fih ir-rikorrenti nnotifikat il-proġett lill-awtoritajiet nazzjonali, iżda fil-kuntest taż-żmien li fih l-Istat Membru nnotifika l-għajnuna kkontestata, u dan wassal lill-Kummissjoni sabiex tikser id-dispożizzjoni inkwistjoni.
45 L-approċċ segwit mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, fir-rigward kemm tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-mument tan-notifika kif ukoll tal-fatt li l-proġett tlesta qabel din tal-aħħar, mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv, huwa kontradett mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni (T‑126/99, Ġabra p. II‑2427), u jinjora r-realtà ekonomika.
46 Ir-rikorrenti tfakkar, fit-tieni lok, li hija talbet għajnuna ta’ DEM 77 miljun, li jirrapreżentaw 35 % tal-ispiża tal-investiment, u ngħatat mill-ILB 69.3 miljun DEM, li jirrapreżentaw 31.5 % tal-ammont tal-investiment. It-talba tar-rikorrenti tibqa valida għal ammont ta’ DEM 7.7 miljun, jiġifieri 3.5 % tal-ammont tal-investiment, peress li l-proċedura amministrattiva ta’ oppożizzjoni quddiem l-ILB mhijiex magħluqa.
47 Hija tallega li, fid-Deċiżjoni, l-Kummissjoni tikkunsidra inġustament li t-talba inizjali għal għajnuna hija “eżawrita” permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001, peress li din tiddeċiedi biss fuq parti tal-għajnuna mitluba. Ir-rikorrenti tosserva wkoll li d-Deċiżjoni ġiet adottata b’risposta għal “talba għal modifika”, kif imsemmija b’mod espliċitu fin-notifika tal-awtoritajiet Ġermaniżi tat-22 ta’ Diċembru 2003.
48 Ir-rikorrenti ssostni, fit-tielet lok, li l-Kummissjoni tinjora l-fatt li mhuwiex neċessarju li jkunu jeżistu spejjeż ġodda sabiex tiġi awtorizzata għajnuna oħra minbarra dik diġà mogħtija. Il-fatt li, bħala prinċipju, huwa possibbli li jinkisbu diversi għajnuniet għall-istess proġett u, konsegwentement, għall-istess spejjeż ammissibbli jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-premessa 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (ĠU L 10, p. 30). Din is-soluzzjoni tapplika għall-għajnuna reġjonali, taħt il-kundizzjoni tal-osservanza tal-livell ta’ għajnuna ta’ 35 % stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-qafas multisettorjali. Issa, intensità ta’ għajnuna ta’ 35 % hija, f’din il-kawża, kompatibbli mas-suq komuni peress li l-fattur “stat tal-kompetizzjoni” li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhuwiex 0.75 iżda 1.
– Fuq in-nuqqas ta’ neċessità
49 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fis-settur tal-għajnuna reġjonali, ippreċiżat u llimitat il-kriterju ta’ neċessità fis-sens li huwa biżżejjed, sabiex tiġi rikonoxxuta l-eżistenza tan-neċessità ta’ għajnuna, li t-talba tkun ġiet ippreżentata qabel il-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġett. F’dan il-każ, l-eżami tal-kriterju tan-neċessità jikkorrispondi għal dak tal-effett ta’ inċentiv.
50 Hija ssostni li dan il-kriterju tad-data tal-preżentata tat-talba għal għajnuna huwa applikabbli wkoll fil-każ ta’ modifika tal-għajnuna mogħtija u tosserva li l-Kummissjoni nfisha tammetti li l-possibbiltà ta’ żieda fl-għajnuna, imsemmija fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, mhijiex riżervata biss għall-każ ta’ proġett kompletament ġdid. Flimkien mal-eżempji esposti mill-Kummissjoni li fihom tista’ ssir modifika ta’ għajnuna jew tista’ tingħata għajnuna supplimentari, għandu jiġi miżjud il-każ fejn, bħal f’din il-kawża, il-Kummissjoni tkun wettqet evalwazzjoni żbaljata tas-suq, prattika ta’ awtorizzazzjoni uniformi tal-Kummissjoni tkun mfittxija u l-proċedura amministrattiva nazzjonali ta’ oriġini tkun għadha ma ngħalqitx.
51 L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ neċessità mogħtija mill-Kummissjoni fil-premessa 39 tad-Deċiżjoni hija, barra minn hekk, żbaljata peress li l-Kummissjoni injorat il-fatt li r-rikorrenti kellha l-obbligu, skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ta’ eżekuzzjoni tal-proġett fi żmien 36 xahar, jiġifieri qabel l-1 ta’ Jannar 2005, jew inkella hija kienet titlef l-għajnuna kollha. Huwa kontradittorju li r-rikorrenti tintalab teżegwixxi l-proġett f’terminu speċifiku meta jitqies li l-eżekuzzjoni fit-terminu stabbilit twassal għat-telf tal-possibbiltà li tinkiseb l-awtorizzazzjoni ta’ żieda fl-għajnuna. Tali approċċ huwa ekwivalenti għal ċaħda tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tipprovdi għall-possibbiltà ta’ għajnuna jew għall-għoti ta’ għajnuna supplimentari.
– Fuq il-klassifikazzjoni bħala għajnuna għall-funzjonament
52 Ir-rikorrenti tallega li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna għall-funzjonament adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni hija żbaljata, peress li n-notifika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja rigward għajnuna reġjonali u l-informazzjoni kollha pprovduta lill-Kummissjoni minnha jirrigwardaw l-eżiġenzi tal-qafas multisettorjali.
53 Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tal-motiv imqajjem mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
– Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv
54 Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors promotur għandu jinkudi sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex il-konvenuta tkun tista’ tħejji d-difiża tagħha u l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors, fejn xieraq, mingħajr informazzjoni oħra insostenn. Minħabba dan, ir-rikors għandu jispjega f’hiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li s-sempliċi fatt li huwa jissemma b’mod astratt ma jissodisfax l-eżiġenzi tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 333).
55 Ksur simili tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura huwa inkluż fost l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tqajjem ex officio, f’kull stadju tal-proċedura, skont l-Artikolu 113 tal-imsemmija regoli (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑64/89, Ġabra p. II‑367, punti 73 u 74, u tat-13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et, T‑481/93 u T‑484/93, Ġabra p. II‑2941, punt 75).
56 F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tillimita ruħha li tallega ksur tal-Artikolu 88 KE mingħajr ma tifformola argument insostenn ta’ din l-allegazzjoni. Meta ġiet mistoqsija dwar dan mill-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda preċiżazzjoni.
57 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv inkwistjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn jirreferi għal ksur tal-Artikolu 88 KE.
– Fuq il-fondatezza tal-motiv
58 Huwa paċifiku li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE ma setgħet tapplika għall-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 3 936 947 li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-intenzjoni li tagħti lir-rikorrenti u li l-imsemmija għajnuna kellha għaldaqstant tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.
59 Kemm mill-istruttura tad-Deċiżjoni kif ukoll mill-kontenut tal-premessi tagħha jirriżulta li l-konklużjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq żewġ bażijiet distinti, jiġifieri, in-nuqqas ta’ inċentiv u n-nuqqas tan-neċessità tal-għajnuna kkontestata. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tippreċiża, fil-premessa 20 tad-Deċiżjoni, li “l-għajnuna inkwistjoni ma tissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet essenzjali: l-effett ta’ inċentiv u n-neċessità”.
60 Anki jekk f’ċerti każijiet dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna jistgħu jikkoinċidu, huma għandhom sinjifikat proprju, b’tali mod li ż-żewġ bażijiet tad-Deċiżjoni rigward in-nuqqas ta’ inċentiv u n-nuqqas ta’ neċessità għandhom jitqiesu awtonomi. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv għal annullament, ir-rikorrenti tikkontesta, minbarra dan, speċifikament kull waħda mill-bażijiet tad-Deċiżjoni.
61 Mistoqsijin waqt is-seduta, iż-żewġ partijiet ikkonfermaw din l-interpretazjoni tal-kontenut tad-Deċiżjoni u li, neċessarjament, iż-żewġ kundizzjonijiet rigward l-effett ta’ inċentiv u n-neċessità tal-għajnuna kienu kumulattivi sabiex tiġi ammessa l-kompatibbltà tagħha mas-suq komuni; u dan tniżżel fil-verbal tas-seduta.
62 F’dan l-istadju, għandu jitfakkar li, sa fejn ċerti motivi ta’ ddeċiżjoni huma, fihom infushom, tali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi, id-difetti li bihom jistgħu jkunu vvizzjati motivi oħrajn tal-att huma, f’kull każ, mingħajr effett fuq id-dispożittiv tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TFI, C-302/99 P u C-308/99 P, Ġabra p. I-5603, punti 26 sa 29 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 42). Barra minn hekk, peress li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jistrieħ fuq diversi bażijiet ta’ raġunament, li kull wieħed minnhom, minnu nnifsu, huwa suffiċjenti sabiex jiġġustifika d-dispożittiv, fil-prinċipju, dan l-att jista’ jiġi annullat biss jekk kull wieħed minn dawn l-elementi huwa vvizzjat b’illegalità. F’dan il-każ, żball, jew illegalità oħra, li taffettwa biss waħda minn dawn il-bażijiet tar-raġunament mhuwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li dan l-iżball ma setax ikollu effett determinanti fuq id-dispożittiv adottat mill-istituzzjoni awtriċi ta’ din id-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punti 49 sa 51, u s-sentenza General Electric vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
63 F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel kollox għandhom jiġu eżaminati l-kritiki li r-rikorrenti għamlet, fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE, fir-rigward tat-tieni bażi tad-Deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ neċessità tal-għajnuna kkontestata.
64 Dan l-artikolu jiddisponi li jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq komuni:
“a) għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell ta’ l-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impieg;
[…]
ċ) għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni;
[…]”
65 Kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 36 tad-Deċiżjoni, hija tista’ tiddikjara għajnuna kompatibbli mal-Artikolu 87(3) KE biss meta tkun tista’ tikkonstata li l-għajnuna tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemija; l-impriża benefiċjarja ma tistax tilħaq dawn l-għanijiet permezz tal-mezzi tagħha f’ċirkustanzi normali tas-suq. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri ma jistgħux jitħallew iwettqu ħlasijiet li jwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma jkunu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti mill-Artikolu 87(3) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 17).
66 Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat li għajnuna tinkludi regoli dettaljati, b’mod partikolari l-ammont tagħha, li l-effetti restrittivi tagħhom imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għajnuna tkun tista’ tilħaq l-għanijiet ammessi mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi, 74/76, Ġabra p. 557, punt 15).
67 Mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ neċessità tal-għajnuna kkontestata fuq il-bażi, essenzjalment, ta’ żewġ konstatazzjonijiet oġġettivi.
68 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tosserva li l-għajnuna ta’ ammont ta’ EUR 3 936 947 innotifikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fit-22 ta’ Diċembru 2003 la kienet tikkonċerna proġett ġdid ta’ investiment tar-rikorrenti u lanqas il-ħolqien ta’ impjiegi iżda kienet tirrigwarda biss il-kostruzzjoni ta’ installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ oriented strand boards, suġġett tan-notifika tat-22 ta’ Diċembru 2000.
69 Fin-noti tagħha, il-Kummissjoni tiċċita b’dan il-mod, mingħajr ma tiġi kontradetta mir-rikorrenti, sentenza meħuda mill-punt 3.2.2 tan-notifika tat-22 ta’ Diċembru 2003, li tgħid li “l-investimenti li jistgħu jiġu ssusidjati huma limitati għall-investimenti inizjalment mitluba”. Jirriżulta wkoll mill-indikazzjonijiet f’ċifri li jidhru fil-punt 3.3.1 ta’ din in-notifika li l-ammont tal-għajnuna kkontestata jikkorrispondi għal 3.5 % tal-ispiża ta’ investiment inizjali li jżid għaldaqstant l-intensità tal-għajnuna minn 31.5 għal 35 % tal-imsemmi spiża.
70 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ħadet inkunserazzjoni l-fatt li l-eżekuzzjoni, mir-rikorrenti, tal-proġett ta’ investiment relatat mal-kostruzzjoni ta’ installazzjoni għall-produzzjoni ta’ oriented strand boards kienet ġiet ikkompletata permezz ta’ sussidju awtorizzat ta’ EUR 35.43 miljun, li jirrapreżenta intenistà ta’ għajnuna ta’ 31.5 % tal-ispiża tal-investiment, u dan sew qabel it-tieni notifika tat-22 ta’ Diċembru 2003.
71 B’hekk, il-partijiet jaqblu li r-rikorrenti kompliet l-attivitajiet tagħha wara li kienet kisbet biss għajnuna ta’ intensità ta’ 31.5 % u li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-installazzjoni msemmija iktar ’il fuq, mibdija fi Frar 2000, tlestew definittivament f’Jannar 2003, jiġifieri kważi sena qabel it-tieni notifika.
72 Minn dan it-tieni fatt, il-Kummissjoni ddeduċiet li l-attività ekonomika ta’ Kronoply kienet tħalli qligħ jew li, f’kull każ, din l-impriża ma kellhiex bżonn ta’ għajnuna supplimentari u li, f’dan l-istadju, kull għajnuna ġdida kienet tikkostitwixxi benefiċċju mhux previst għar-rikorrenti (premessa 39 tad-Deċiżjoni).
73 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tallegax li l-eżekuzzjoni kompleta tal-proġett ta’ investiment inkwistjoni finalment wasslet għal spejjeż supplimentari li hija kellha tiffinanzja permezz tar-riżorsi tagħha jew permezz ta’ kreditu u li dawn l-ispejjeż kienu ta’ piż, minħabba f’hekk, fuq is-sitwazzjoni finanzjara tagħha. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxitx li l-għajnuna supplimentari ta’ EUR 3 936 947 innotifikata lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Diċembru 2003 kienet ekonomikament neċessarja għall-eżekuzzjoni kompleta tal-proġett ta’ investiment inkwistjoni.
74 Għaldaqstant jidher li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-għajnuna inkwistjoni la kienet teżiġi korrispettiv u lanqas kontribuzzjoni b’għan ta’ interess komuni min-naħa tal-benefiċjarju u li għaldaqstant hija kienet għajnuna għall-funzjonament intiża biex tkopri l-ispejjeż kurrenti li Kronoply kellha normalment issostni, u bħala tali ma setgħetx tiġi awtorizzata.
75 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għajnuna għall-funzjonament, jiġifieri l-għajnuna intiża biex teħles lil impriża mill-ispejjeż li hija kien ikollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni kurrenti jew tal-attivitajiet normali tagħha, toħloq, bħala prinċipju, distorsjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).
76 L-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti mhumiex tali li jikkonfutaw il-validità tal-konklużjoni esposta fil-punt 74 iktar ’il fuq.
77 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, kif riprodotta fil-linji gwida, jirriżulta li, bħal fil-każ tal-effett ta’ inċentiv, huwa biżżejjed, sabiex tigi kkaratterizzata n-neċessità ta’ għajnuna, li t-talba nazzjonali għal għoti tal-għajnuna tkun ġiet ippreżentata qabel il-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ investiment.
78 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda riferiment għal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li juru l-prassi allegata u li l-eżami tad-Deċiżjoni jiżvela, bil-kontra, li t-tielet paragrafu tal-punt 4.2 tal-linji gwida, jikkonċerna biss il-kundizzjoni relatata mal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna.
79 Skont din id-dispożizzjoni, “skemi ta’ għajnuna għandhom jistabbilixxu li l-applikazzjoni għall-għajnuna trid tingħata qabel ma jibdew ix-xogħlijiet fuq il-proġetti”.
80 Għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tirreferi għal ċirkustanza ta’ natura kronoloġika u tirreferi għaldaqstant għal eżami ratione temporis, li huwa kompletament adegwat għall-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv. Dan tal-aħħar għandu fil-fatt isir f’rabta mad-deċiżjoni ta’ investiment tal-impriża kkonċernat, li timmarka l-bidu ta’ dan il-proċess dinamiku li jikkostitwixxi neċessarjament investiment ta’ operat bħal dak li daħlet għalih ir-rikorrenti.
81 Kif huwa indikat fil-premessa 30 tad-Deċiżjoni, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-punt 4.2 tal-linji gwida hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk jeżistix effett ta’ inċentiv, mingħajr ma jiġi mdewwem bla bżonn l-investiment permezz ta’ eżami komplet tal-aspetti ekonomiċi kollha tad-deciżjoni ta’ investiment tal-benefiċjarju tal-għajnuna, li jista’ jirriżulta diffiċli wisq u/jew twil wisq. Dan it-tħassib tal-aħħar jispjega l-fatt li s-sempliċi konstatazzjoni tal-preċedenza tat-talba għal għajnuna meta mqabbla mal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ investiment tippermetti li tiġi preżunta, skont il-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv.
82 Bil-kontra, il-kwistjoni mqajma fil-kuntest ta’ din il-kawża, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-għajnuna hija dik tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet effettivi tal-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ investiment inkwistjoni u tal-eżistenza ta’ korrispettiv, dovut mir-rikorrenti, li tiġġustifika l-għoti tal-għajnuna supplimentari nnotifikata fit-22 ta’ Diċembru 2003.
83 Fil-fatt, l-argumenti tar-rikorrenti jammontaw għal talba għal evalwazzjoni tal-kundizzjoni oġġettiva u sostanzjali tan-neċessità tal-għajnuna fir-rigward ta’ kritjeru purament formali, u dan ma jistax jiġi aċċettat.
84 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ neċessità tinjora l-fatt li hija kellha l-obbligu, skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li tlesti l-eżekuzzjoni tal-proġett fi żmien 36 xahar, jiġifieri qabel l-1 ta’ Jannar 2005, taħt piena li titlef l-għajnuna kollha u hija ekwivalenti għal ċaħda tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tipprovdi għall-possibbiltà li tiġi awtorizzata żieda fl-għajnuna diġà mogħtija.
85 Huwa stabbilit li, wara notifika minn Stat Membru ta’ proġett ta’ għajnuna u tal-awtorizzazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni, dan l-Istat għandu l-possibbiltà li jinnotifika proġett intiż sabiex jistabbilixxi għajnuna ġdida favur l-impriża benefiċjarja jew sabiex jimmodifika l-għajnuna diġà mogħtija lill-imsemmija impriża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, T‑212/00, Ġabra p. II‑347, punt 47, u d-Digriet Kronoply vs Il-Kummissjoni, punt 9 iktar ’il fuq, punt 50). Din in-notifika ġdida hija suġġetta għall-kontroll tal-Kummissjoni, li wara verfika tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE tista’ tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).
86 Il-Kummissjoni mhux talli ma tiċħadx din il-possibbiltà rikonoxxuta lill-Istati Membri iżda talli tirreferi għaliha b’mod espliċitu fil-premessa 24 tad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tammetti b’mod ċar li diversi għajnuniet jistgħu jinġabru flimkien għall-istess proġett ta’ investiment, iżda taħt il-kundizzjoni li kull waħda minnhom tkun tista’ titqies kompatibbli mas-suq komuni u li l-kundizzjoni tan-neċessità tal-għajnuna tkun għaldaqstant osservata.
87 Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fin-noti tagħha, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li proġett għandu jitlesta f’terminu speċifiku ma jwassalx awtomatikament għat-telf tal-possibbiltà li tintalab u li tiġi awtorizzata, wara li jiskadi l-imsemmi terminu, żieda fl-għajnuna diġà mogħtija għall-imsemmi proġett.
88 B’hekk, huwa possibbli li Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni, wara li jiskadi t-terminu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’għajnuna supplimentari għal proġett li l-eżekuzzjoni tiegħu, minħabba raġunijiet esterni li ma setgħux jiġu previsti, ikkawżat spejjeż supplimentari.
89 F’tali sitwazzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi jekk l-għajnuna supplimentari nnotifikata tistax titqies neċessarja billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali li taqa’ taħt l-ambitu tal-qafas multisettorjali, il-livell ta’ intensità massima tal-għajnuna li huwa applikabbli.
90 F’din il-kawża, il-Kummissjoni ġustament illimitat ruħha li tikkonstata li l-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ investiment inkwistjoni kienet ġiet ikkompletata mir-rikorrenti permezz tal-għajnuna inizjalment awtorizzata u qabel in-notifika tal-għajnuna kkontestata.
91 Fil-fatt, għandu jitfakkar li r-rikorrenti, fl-ebda mument, ma allegat li l-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ investiment inkwistjoni u għaldaqstant ta’ wieħed mill-għanijiet previsti fl-Artikolu 87(3) KE, kienet wasslet għal spiża addizzjonali u li ż-żieda prevista tal-għajnuna inizjali ta’ EUR 3 936 947, innotifikata lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Diċembru 2003, kienet tikkumpensa parzjalment jew kompletament dawn l-ispejjeż addizzjonali u kellha, f’dan ir-rigward, titqies neċessarja.
92 Ir-rikorrenti tillimita ruħha li tallega li għajnuna supplimentari favur proġett ta’ investiment għandha tiġi awtorizzata fil-każ fejn, bħal f’din il-kawża:
– il-Kummissjoni tkun wettqet, fid-deċiżjoni tagħha li tiddikjara l-għajnuna inizjali kompatibbli, evalwazzjoni żbaljata tas-suq ta’ prodotti inkwistjoni;
– tkun imfittxa prassi ta’ awtorizzazzjoni uniformi tal-għajnuna li tirrigwarda dan is-suq;
– il-proċedura amministrattiva nazzjonali marbuta mat-talba għal għajnuna inizjali tkun għadha ma ngħalqitx.
93 Minn naħa, għandu jiġi osservat li l-allegazzjoni ipotetika ta’ evalwazzjoni żbaljata magħmula mill-Kummissjoni tas-suq tal-prodotti inkwistjoni tikkontradixxi l-affermazzjoni tan-natura eżatta tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ġermaniżi, li fid-dawl tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001. Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrenti mfakkra fil-punt preċedenti huma neqsin minn kull rilevanza fir-rigward tal-kundizzjoni tan-neċessità tal-għajnuna, kif iddefinita fil-punti 65 u 66 iktar ’il fuq.
94 Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li n-notifika tal-għajnuna kkontestata kienet intiża sempliċiment sabiex tintlaħaq intensità ta’ għajnuna ta’ 35 %, li tikkorrispondi għat-talba ta’ għajnuna inizjali, peress li r-rikorrenti manifestament ma aċċettatx l-iffissar tal-koeffiċjenti 0.75 għall-fattur “stat tal-kompetizzjoni” filwaqt li l-Kummissjoni kienet approvat koeffiċjenti ta’ 1, fir-rigward tal-proġett ta’ għajnuna favur l-impriża kompetitriċi Glunz AG, fid-deċiżjoni tagħha dwar l-għajnuna favur l-imsemmija impriża, adottata xi ġimgħat wara d-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001.
95 Ir-rikorrenti tikkritika, fit-tielet lok, il-klassifikazzjoni tal-għajnuna kkontestata bħala għajnuna għall-funzjonament billi tibbaża ruħha, essenzjalment, fuq it-termini tan-notifika tat-22 ta’ Diċembru 2003.
96 Madankollu, għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li n-notifika minn Stat Membru “tirrigwarda” għajnuna reġjonali ta’ investiment ma jfissirx li l-miżura kkonċernat ma tistax tkun għajnuna għall-funzjonament.
97 Għandu jitfakkar li hija essenzjalment il-Kummissjoni li għandha timplementa s-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna Statali, kif tirriżulta mill-Artikolu 88 KE u mill-ġurisprudenza f’dan ir-rigward, u li l-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 87(3), setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom jitwettqu f’kuntest Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑303/88, Ġabra p. I‑1433, punt 34, u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 67).
98 F’din il-kawża, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-kundizzjoni ta’ neċessità tal-għajnuna ma kinitx sodisfatta u li l-għajnuna kkontestata kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-funzjonament, peress li kienet ingħatat mingħajr ma ntalab korrispettiv mill-benefiċjarja u peress li kienet intiża biex ittejjeb il-likwidità tal-operat.
99 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni waslet żbaljatament għall-konklużjoni tan-nuqqas tan-neċessità tal-għajnuna.
100 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kkunsidrat inġustament li l-għajnuna kkontestata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni tal-effett ta’ inċentiv fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, ikkaratterizzati min-notifika ta’ għajnuna supplimentari marbuta ma’ proġett ta’ investiment diġà awtorizzat u li jifforma totalità ekonomika li ma tistax tinfired, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-osservazzjonijiet magħmula fil-punti 59 sa 62 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tibqa’ fondata abbażi tas-sempliċi konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ neċessità tal-għajnuna.
101 Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE u tal-linji gwida għandu jinċaħad.
Fuq il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti mwettqa mill-Kummissjoni fil-konstatazzjoni tal-fatti
L-argumenti tal-partijiet
102 Ir-rikorrenti tallega, fl-ewwel lok, li, fil-premessa 22 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika inġustament li, fil-kuntest tal-proċedura N 813/2000, hija rrikonoxxiet ir-rilevanza tal-indikazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u aċċettat il-konklużjonijiet dedotti minn din tal-aħħar fir-rigward tas-suq tal-prodotti inkwistjoni. Mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 jirriżulta b’mod ċar li din tal-aħħar u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinux jaqblu fuq il-kwistjoni dwar jekk l-investiment twettaqx f’suq li sejjer lura jew le.
103 Fit-tieni lok, hija ssostni, li d-dikjarazzjoni, li tidher ukoll fil-premessa 22 tad-Deċiżjoni, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 ġiet acċettata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mir-rikorrenti mhijiex eżatta. Il-fatt li ma ppreżentatx rikors kontra din id-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompletament kompatibbli ma tistax titqies bħala aċċettazzjoni peress li tali rikors kien ikun inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ locus standi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kellha l-obbligu legali, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li teżegwixxi l-proġett innotifikat fi żmien 36 xahar wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.
104 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni tindika inġustament, fid-Deċiżjoni, li intensità ta’ għajnuna ta’ 35 % kienet diġà ġiet irrifjutata lilha. Skont ir-rikorrenti, id-differenza bejn l-intensità ta’ għajnuna ta’ 31.5 % awtorizzata fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 u l-intensità tal-għajnuna ta’ 35 % li tirriżulta mill-applikazzjoni korretta tal-qafas multisettorjali kienet għadha mhjiiex is-suġġett ta’ proċedura ta’ għajnuna mill-Istat qabel in-notifika tat-22 ta’ Diċembru 2003 u huwa biss fid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni rrifjutat intensità ta’ għajnuna (akkumulata) ta’ 35 %.
105 Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tosserva li, fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna u għaldaqstant tal-fatt li t-talba għal għajnuna ġiet ippreżentata sew qabel il-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġett, il-Kummissjoni lanqas darba ma ssemmi, fid-Deċiżjoni, id-data tat-talba tar-rikorrenti għal għajnuna, jiġifieri t-28 ta’ Jannar 2000. Għaldaqstant, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq fatti inkompleti.
106 Ir-rikorrenti tikkonkludi li kieku l-Kummissjoni kienet ikkonstatat b’mod korrett il-fatti, hija kienet tasal għal konklużjoni differenti u li l-iżbalji manifesti mwettqa minnha fil-kuntest tal-konstatazzjoni tal-fatti jiġġustifikaw, minnhom infushom, l-annullament tad-Deċiżjoni.
107 Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tal-motiv imqajjem mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
108 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li sabiex att ikkontestat ikun jista’ jiġi annullat mhuwiex suffiċjenti li jiġi stabbilit li din tal-aħħar huwa vvizzjata bi żball ta’ fatt; barra minn hekk, huwa neċessarju li dan l-iżball kellu impatt fuq il-kontenut tal-att innifsu jew li, fi kliem ieħor, fin-nuqqas ta’ tali żball, l-att seta’ kien att ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Mejju 1995, NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, T‑163/94 u T‑165/94, Ġabra p. II‑1381, punt 115; tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II‑3663, punt 167, u tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, T‑107/04, Ġabra p. II‑669, punt 66).
109 F’din il-kawża, biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni wettqet l-erba’ żbalji ta’ fatt invokati mir-rikorrenti, il-konklużjoni relatata man-nuqqas ta’ neċessità tal-għajnuna tibqa’ fondata fir-rigward tal-elementi mfakkra fil-punti 68 sa 74 iktar ’il fuq.
110 L-erba’ żbalji ta’ fatt allegatament imwettqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, rigward ir-referenza tar-rikonoxximent tar-rilevanza tal-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, rigward dik tal-aċċettazzjoni tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001, rigward ir-rifjut ta’ intensità ta’ għajnuna ta’ 35 % u rigward in-nuqqas ta’ referenza tad-data preċiża tal-preżentata tat-talba għal għajnuna inizjali, fil-fatt, m’għandhom l-ebda impatt fuq il-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq u fuq id-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbilta tal-għajnuna kkontestata li tirriżulta minn tali konklużjoni.
111 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ikkonċernat għandu jinċaħad bħala, f’kull każ, bla effett.
Fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti u fuq abbuż ta’ poter
L-argumenti tal-partijiet
112 Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni evalwat manifestament b’mod żbaljat il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv, peress li naqset milli twettaq l-eżami tal-kriterju previst fil-punt 4.2 tal-linji gwida u milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet marbuta, skont il-liġijiet nazzjonali awtorizzati mill-Kummissjoni, għall-eżekuzzjoni tal-proġett tagħha f’terminu speċifiku. Barra minn hekk, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkontradixxi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tipprovdi li huwa possibbli li tingħata għajnuna oħra jew li tiġi mmodifikata għajnuna diġà mogħtija.
113 Il-Kummissjoni naqset ukoll milli teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha, kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq u kif mogħtija permezz tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999.
114 Billi llimitat ruħha li tibbaża t-totalità tad-Deċiżjoni fuq is-sempliċi fatt li l-eżekuzzjoni tal-proġett kienet saret b’intensità ta’ għajnuna ta’ 31.5 % qabel ma rċeviet in-notifika tal-Ġermanja, il-Kummissjoni turi l-intenzjoni tagħha li tasal għal riżultat stabbilit billi tibbaża d-Deċiżjoni biss fuq ċirkustanzi materjali, mingħajr ma tikkwalifikahom u mingħajr ma tevalwahom fuq il-livell ġuridiku. In-nuqqas tal-eżami tal-kriterju tal-effett ta’ inċentiv għandu manifestament l-għan li jippermetti l-konklużjoni tan-nuqqas ta’ tali effett. Dan għandu jitqies bħala abbuż ta’ poter mill-Kummissjoni.
115 Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tal-motiv imqajjem mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
116 Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, mill-eżami tar-rikors jirriżulta li r-rikorrenti tiżviluppa f’dan ir-rigward argument li diġà ġie ppreżentat insostenn tal-motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 87 KE u tal-linji gwida.
117 Issa, kif ġie indikat iktar ’il fuq, dawn iż-żewġ motivi tal-aħħar mhumiex tali li jwasslu għall-annullament tad-Deċiżjoni.
118 F’dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq l-affermazzjoni li “in-nuqqas tal-eżami tal-kriterju tal-effett ta’ inċentiv għandu manifestament l-għan li jippermetti l-konklużjoni tan-nuqqas ta’ tali effett” u li “[d]an għandu jitqies bħala abbuż ta’ poter mill-Kummissjoni”.
119 Mis-sempliċi qari tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-motiv inkwistjoni huwa bbażat fuq premessa żbaljata, fis-sens li l-Kummissjoni effettivament eżaminat il-kundizzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, filwaqt li spjegat għalfejn iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża jippermettu li tiġi skartata l-preżunzjoni tal-punt 4.2 tal-linji gwida u li jiġi konkluż li ma jeżistix effett ta’ inċentiv.
120 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-rikorrenti ma pprovatx li l-Kummissjoni wettqet, f’din il-kawża, abbuż ta’ poter.
121 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dan il-motiv ma jistax jintlaqa’ u li r-rikors għandu għaldaqstant jinċaħad fit-totalità tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
122 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Kronoply GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.
Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Jannar 2009.
Firem
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE, tal-Artikolu 88 KE u tal-linji gwida
L-argumenti tal-partijiet
– Fuq in-nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv
– Fuq in-nuqqas ta’ neċessità
– Fuq il-klassifikazzjoni bħala għajnuna għall-funzjonament
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
– Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv
– Fuq il-fondatezza tal-motiv
Fuq il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti mwettqa mill-Kummissjoni fil-konstatazzjoni tal-fatti
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti u fuq abbuż ta’ poter
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy