Kawża T-196/06
Edison SpA
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Kompetizzjoni — Akkordji — Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Obbligu ta’ motivazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Artikolu 81 KE)
2. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni — Deċiżjoni li tikkonċerna diversi destinatarji — Neċessità ta’ motivazzjoni suffiċjenti b’mod partikolari fir-rigward tal-entità li għandha tirrispondi għall-akkuża ta’ ksur
(Artikoli 81 KE u 253 KE)
3. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni — Motivazzjoni bbażata fuq element li ma ġiex espost fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Inammissibbiltà
(Artikoli 81 KE u 253 KE)
4. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni — Regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni fil-mori tal-kawża — Inammissibbiltà
(Artikoli 81 KE u 253 KE)
5. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni li ma hijex inkluża fid-deċiżjoni li tirrikonoxxi r-responsabbiltà ta’ impriża għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni — Inammissibbiltà
(Artikoli 81 KE u 253 KE)
1. L-aġir ta’ sussidjarja jista’ jkun imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, dik is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawk iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.
Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent tkun iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, dik il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ dik is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ dik is-sussidjarja. Il-Kummissjoni, sussegwentement, tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli għall-ksur inkwistjoni, sakemm dik il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta dik il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.
Bil-għan li jiġi evalwat jekk sussidjarja tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu dik is-sussidjarja mal-kumpannija parent, liema elementi jistgħu jvarjaw skont il-każ u ma jistgħux għaldaqstant jiġu elenkati b’mod eżawrjenti
(ara l-punti 26-30)
2. Fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati, iżda huwa suffiċjenti li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza essenzjali fl-iskema ġenerali tad-deċiżjoni. B’mod partikolari, hija ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-elementi li huma manifestament irrilevanti, mingħajr ebda sinjifikat jew manifestament sekondarji.
Meta deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE tikkonċerna diversi destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, din għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, għandhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, tali deċiżjoni għandu jkun fiha sunt iddettaljat tal-motivi tali li jiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur lil dik il-kumpannija.
F’dan il-kuntest, meta kumpannija parent tibbaża ruħha mhux biss fuq il-fatt li hija kienet tikkostitwixxi holding li tiġġestixxi s-sussidjarja tagħha bħala sempliċi investiment finanzjarju, permezz ta’ kumpannija holding intervenjenti, iżda tinvoka wkoll numru ta’ ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw ir-rabtiet bejn il-kumpanniji kkonċernati fil-mument tal-ksur, u meta l-elementi prodotti minnha ma jillimitawx ruħhom għal allegazzjonijiet, iżda jinkludu informazzjoni ddettaljata fuq il-funzjonament tal-holding, akkumpanjata minn dikjarazzjonijiet tad-diriġenti tal-kumpanniji kkonċernati, minn skambji ta’ korrispondenza ma’ terzi, kif ukoll minn ċertu numru ta’ dokumenti interni għall-kumpanniji kkonċernati u li joriġinaw mill-perijodu tal-ksur, il-Kummissjoni hija obbligata li tieħu pożizzjoni fuq dan l-argument billi teżamina jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha relatati mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi bejn il-kumpanniji kkonċernati, il-kumpannija parent wrietx li s-sussidjarja tagħha kienet taġixxi fis-suq b’mod awtonomu kif ukoll li tesponi, fejn ikun xieraq, ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija tikkunsidra li l-elementi ppreżentati mill-kumpannija parent ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni inkwistjoni. Il-kompitu tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjoni tagħha fuq dak il-punt jirriżulta b’mod ċar min-natura juris tantum tal-preżunzjoni dwar l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha li hija żżomm 100 % tal-kapital tagħha, li sabiex tiġi kkonfutata l-kumpannija parent għandha tipproduċi prova li tirrigwarda r-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi kollha bejnha u bejn is-sussidjarja tagħha.
(ara l-punti 57, 58, 71, 73, 75-77)
3. Element li ma ġiex espost fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li dwaru impriża, destinatarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ma kellhiex l-opportunità tikkummenta matul il-proċedura amministrattiva għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux invokabbli fil-konfront ta’ din l-impriża. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuqu fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha.
(ara l-punt 83)
4. Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 81 KE għandha, fil-prinċipju, tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata kontemporanjament mad-deċiżjoni li taffettwaha. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rrimedjat mill-fatt li l-parti kkonċernata ssir taf il-motivi għad-deċiżjoni matul il-kawża.Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ motivi ma jistax jiġi rrimedjat matul il-kawża.
(ara l-punti 89, 90)
5. Fir-rigward tar-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi fuq impriżi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tevalwa, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, in-natura adegwata tal-ammont tal-multi. Għalkemm dik l-evalwazzjoni tista’, f’ċerti kundizzjonijiet, tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi ta’ informazzjoni addizzjonali, dik il-kunsiderazzjoni ma tapplikax fil-kuntest tal-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, meta din tal-aħħar hija suġġetta għall-istħarriġ tal-legalità.
Għaldaqstant, għalkemm il-Qorti Ġenerali tista’ tikkonstata ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multi imposti għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, filwaqt li tindika li, sa fejn is-soluzzjoni mressqa mill-Kummissjoni għandha tiġi kkonfermata fil-mertu, dak il-ksur ma jwassalx la għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas għal modifika tal-ammont tal-multi, dik l-evalwazzjoni ma tistax tiġi applikata fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn din tal-aħħar żammet lill-impriża kkonċernata responsabbli.
(ara l-punti 91-93)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)
16 ta’ Ġunju 2011 (*)
“Kompetizzjoni – Akkordji – Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża T‑196/06,
Edison SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn M. Siragusa, R. Casati, M. Beretta, P. Merlino u E. Bruti Liberati, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn V. Di Bucci u F. Amato, sussegwentement minn M. Di Bucci u V. Bottka, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti u, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),
komposta minn V. Vadapalas (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President, M. Prek, A. Dittrich, L. Truchot, u K. O’Higgins, Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Settembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Ir-rikorrenti, Edison SpA (li kienet Montedison SpA), hija kumpannija taħt il-liġi Taljana li, permezz ta’ Montecatini SpA, kienet tikkontrolla, sal-20 ta’ Diċembru 2000, 100 % tal-kapital ta’ Ausimont SpA, li tiffabrika l-perossidu tal-idroġenu (iktar ’il quddiem il-“PI”) u l-perborat tas-sodju (iktar ’il quddiem il-“PBS”).
2 Bejn ix-xahar ta’ Diċembru 2000 u x-xahar ta’ Mejju 2002, Ausimont kienet ikkontrollata fil-maġġoranza tagħha mir-rikorrenti. F’Mejju 2002, Ausimont inbiegħet lill-grupp Solvay SA u saret, mill-1 ta’ Jannar 2003, Solvay Solexis SpA.
3 F’Novembru 2002, Degussa AG informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza ta’ akkordju fis-swieq tal-PI u tal-PBS u talbet l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155)
4 Degussa pproduċiet provi materjali lill-Kummissjoni, li ppermettewlha twettaq verifiki fil-bini ta’ ċerti impriżi fil-25 u s-26 ta’ Marzu 2003.
5 Fis-26 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi kkonċernati l-oħra.
6 Wara s-smigħ tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-konfront ta’ Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals AB, Degussa, ir-rikorrenti, FMC Corp., FMC Foret SA, Kemira Oyj, L’Air liquide SA, Chemoxal, SNIA SpA, Caffaro Srl, Solvay SA, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sinteżi tagħha ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 353, p. 54). Din ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2006.
Id-deċiżjoni kkontestata
7 Il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-destinatarji ta’ din tal-aħħar kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li jikkonċerna l-PI u l-prodott derivanti minnu, il-PBS (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).
8 Il-ksur ikkonstatat ikkonsista prinċipalment fl-iskambju, bejn kompetituri, ta’ informazzjoni kummerċjalment importanti u ta’ informazzjoni kunfidenzjali fuq is-swieq u l-impriżi, f’limitazzjoni u f’kontroll tal-produzzjoni u tal-kapaċitajiet potenzjali u reali ta’ din tal-aħħar, fi tqassim tal-partijiet tas-suq u tal-klijenti kif ukoll fl-iffissar u fis-sorveljanza tal-osservanza tal-għanijiet tal-prezzijiet.
9 Ir-rikorrenti u Solvay Solexis inżammu responsabbli “flimkien u in solidum” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-ksur (premessa 423 tad-deċiżjoni kkontestata).
10 Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti tal-multi, il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija stabbilita fil-linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171).
11 Il-Kummissjoni stabbiliet l-ammonti bażiċi tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur (premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata), fejn dan ġie kklassifikat bħala gravi ħafna (premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata).
12 B’applikazzjoni ta’ trattament iddifferenzjat, ir-rikorrenti u Solvay Solexis ġew ikklassifikati fit-tielet u fil-kategorija ta’ qabel tal-aħħar, li jikkorrispondu għal ammont inizjali ta’ EUR 20 miljun (premessa 460 sa 462 tad-deċiżjoni kkontestata).
13 Bil-għan li jiġi żgurat effett diżważiv suffiċjenti, ġie applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.5 għal dak l-ammont inizjali, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ għoli tar-rikorrenti. Peress li Solvay Solexis kienet ġiet ċeduta lil impriża oħra, dak il-koeffiċjent ma ġiex applikat għall-multa tagħha (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata).
14 Peress li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur, skont il-Kummissjoni, mit-12 ta’ Mejju 1995 sal-31 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri matul perijodu ta’ ħames snin u seba’ xhur, l-ammont tal-multa tagħha żdied b’55 % abbażi tat-tul (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata).
15 Abbażi taċ-ċirkustanzi aggravanti, il-Kummissjoni żiedet l-ammont tal-multa tar-rikorrenti b’50 %, fid-dawl tar-reċidiva fir-rigward tal-ksur ikkonstatat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/599/KE, tas‑27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (Każ 31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14) (premessi 469 u 496 tad-deċiżjoni kkontestata).
16 B’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Solvay Solexis għal ammont li jirrappreżenta 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha fl-2005 (premessa 498 tad-deċiżjoni kkontestata).
17 L-Artikolu 1(e) u (n) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu li r-rikorrenti u Solvay Solexis kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw fil-ksur ikkonċernat mit-12 ta’ Mejju 1995 sal-31 ta’ Diċembru 2000.
18 Fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ ammont ta’ EUR 58,125 miljun, li minnu Solvay Solexis hija miżmuma responsabbli “flimkien u in solidum” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għal ammont ta’ EUR 25,619 miljun.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
19 B’talba ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
20 Wara li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Ġenerali ġiet immodifikata, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u, wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża ġiet irrinvijata quddiem is-Sitt Awla estiża.
21 Peress li żewġ membri tal-Awla ma setgħux jipparteċipaw fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina żewġ imħallfin oħra, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompletaw l-Awla.
22 Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta li nżammet fit-2 ta’ Settembru 2010.
23 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwardha;
– sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
24 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
Osservazzjonijiet preliminari
25 Peress li l-argumenti tar-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament huma essenzjalment diretti kontra l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tagħha għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, hemm lok li preliminarjament titfakkar il-ġurisprudenza rilevanti f’dan ir-rigward.
26 Skont ġurisprudenza stabbilita, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jkun imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, dik is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawk iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 59).
28 Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent tkun iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, dik il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ dik is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ dik is-sussidjarja. Il-Kummissjoni, sussegwentement, tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli għall-ksur inkwistjoni, sakemm dik il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta dik il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Bil-għan li jiġi evalwat jekk sussidjarja tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu dik is-sussidjarja mal-kumpannija parent, liema elementi jistgħu jvarjaw skont il-każ u ma jistgħux għaldaqstant jiġu elenkati b’mod eżawrjenti (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 74; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 65)
31 F’dan il-każ, fil-premessi 370 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li kumpannija parent setgħet tiġi kkunsidrata bħala responsabbli għall-aġir illegali ta’ sussidjarja, sa fejn din tal-aħħar ma tkunx tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu. Hija ppreċiżat li hija għandha dritt tippreżumi li sussidjarja kkontrollata 100 % essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija parent tagħha, filwaqt li din tal-aħħar madankollu tista’ tikkonfuta il-preżunzjoni permezz ta’ prova kuntrarja.
32 Fir-rigward tal-imputazzjoni lir-rikorenti tal-aġir ta’ Austimont li jikkostitwixxi ksur, il-Kummissjoni indikat, qabel xejn, fil-premessa 416 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-mument tal-ksur, din tal-aħħar kienet is-sussidjarja tagħha “ikkontrollata direttament”.
33 Fil-premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata, hija għamlet referiment għall-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti kienet ikkontestat dik l-imputazzjoni.
34 Fil-premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, b’mod kuntrarju għat-teorija mressqa mir-rikorrenti, kontroll sħiħ tas-sussidjarja kien suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ kumpannija parent, fin-nuqqas ta’ argument li jikkonfuta l-preżunzjoni li tirriżulta.
35 Sussegwentement, fir-rigward tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-awtonomija ta’ Ausimont, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 419 sa 421 tad-deċiżjoni kkontestata, li “elementi oħra jindikaw il-kuntrarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li rreferiet, minn naħa, għall-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tad-diriġenti tar-rikorrenti fil-laqgħa ta’ Marzu 1994 mar-rappreżentanti ta’ Degussa u, min-naħa l-oħra, għall-identità ta’ membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Ausimont u ta’ dak ta’ Montecatini, kif ukoll għall-kundizzjonijiet tar-ristutturazzjoni tal-grupp f’Diċembru 2000. Il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 422 tad-deċiżjoni kkontestata, li “elementi oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali] prodotti mir-rikorrenti, b’mod partikolari l-fatt li hija ma kinitx taf bl-akkordju, ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni.
36 Fl-aħħar, il-Kummissjoni sostniet ir-responsabbiltà tar-rikorrenti, fid-dawl tal-“implikazzjoni tagħha […] fl-operazzjonijiet kummerċjali ta’ Ausimont” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u s-sehem tagħha 100 % fil-kapital ta’ din tal-aħħar (premessa 423 tad-deċiżjoni kkontestata).
37 Fil-kontestazzjoni tagħha ta’ dik l-evalwazzzjoni, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, tliet motivi, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, fit-tieni lok, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, fit-tielet lok, fuq ksur tal-Artikolu 81 KE.
38 Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li jeħtieġ li fl-ewwel lok jiġi eżaminat it-tieni motiv.
Fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
39 Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ 100 % fil-kapital ta’ Ausimont ma tikkostitwixxix motiv suffiċjenti sabiex jiġi spjegat kif ir-responsabbiltà tal-ksur inkwistjoni setgħet tiġi imputata lilha u li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja u insuffiċjenti, fir-rigward ta’ żewġ elementi oħra msemmija fil-premessa 419 sa 421 ta’ dik id-deċiżjoni.
40 B’mod partikolari, fir-rigward tal-laqgħa tas-16 ta’ Marzu 1994, invokata fil-premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni, fir-risposta tagħha tat-13 ta’ April 2006, ċertu numru ta’ elementi li juru li l-kundizzjonijiet tal-laqgħa inkwistjoni ma setgħux iservu bħala bażi għar-responsabbiltà tagħha għall-ksur inkwistjoni, iżda li għall-kuntrarju, dawn kienu jikkonfermaw l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha.
41 Ir-rikorrenti ssostni, min-naħa l-oħra, li hija pprezentat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, provi dwar l-awtonomija ta’ Ausimont. Il-Kummissjoni kienet ċaħdet dawk l-elementi bħala insuffiċjenti, mingħajr ma esponiet il-motivi għal dik iċ-ċaħda. Id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas assolut ta’ motivazzjoni minn dan il-lat. Fil-fatt, il-Kummissjoni lanqas biss kienet eżaminat wieħed mill-punti ta’ fatt u ta’ liġi mqajma mir-rikorrenti sabiex turi l-awtonomija ta’ Ausimont.
42 Fid-dawl ta’ dawk l-elementi, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq “element purament formali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fuq iż-żamma indiretta tal-kapital kollu ta’ Ausimont, u fuq żewġ ċirkustanzi fattwali biss, jiġifieri l-laqgħa tas-16 ta’ Marzu 1994 u l-identità ta’ wieħed mill-membri tal-Bordijiet tad-Diretturi ta’ Ausimont u ta’ Montecatini. L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni għall-ewwel darba matul is-seduta ma jistgħux jittieħedu inkunsiderazzjoni f’dak ir-rigward.
43 Peress li l-Kummissjoni imputat ir-responsabbiltà lir-rikorrenti abbażi ta’ preżunzjoni, hija kien imissha analizzat b’attenzjoni partikolari l-elementi mressqa mir-rikorrenti. Iċ-ċaħda mhux immotivata tagħhom ikollha bħala konsegwenza li l-preżunzjoni juris tantum inkwistjoni tiġi ttrasfromata fi preżunzjoni juris et de jure, li timplika responsabbiltà oġġettiva tar-rikorrenti.
44 Il-Kummissjoni tirrispondi billi tindika li l-kontroll sħiħ ta’ Ausimont mir-rikorrenti jagħti lok għal preżunzjoni dwar l-eżerċizzju tal-influwenza determinanti tagħha fuq l-aġir ta’ dik is-sussidjarja. L-elementi ċċitati fil-premessi 420 u 421 tad-deċiżjoni kkontestata kienu servew bħala indizju supplimentari ta’ tali influwenza, li tirriżulta diġà mill-preżunzjoni inkwistjoni.
45 Fir-rigward tal-ewwel element, jirriżulta minn informazzjoni ta’ Degussa u tar-rikorrenti li huma organizzaw b’mod konġunt il-laqgħa tas-16 ta’ Marzu 1994, li l-President ta’ Ausimont kien talab li ssir “għall-arrieda”. L-għan prinċipali tagħha kien li jiġi diskuss ix-xiri possibbli minn Degussa tal-attivitajiet ta’ Ausimont fis-settur inkwistjoni, kif ukoll il-proġett ta’ Ausimont li tibni fabbrika ġdida f’Bitterfeld (il-Ġermanja). Il-fatt li dik il-laqgħa ġiet organizzata mir-rikorrenti jikkostitwixxi indizju tal-influwenza tagħha fuq l-attivitajiet ta’ Ausimont.
46 B’mod kuntrarju għall-argument tar-rikorrenti, min-nota ta’ Degussa jirriżulta li s-settur tal-PI u tal-PBS b’mod ġenerali ġew ukoll diskussi. Dik l-indikazzjoni hija kkorroborata mill-President ta’ Ausimont. Għalkemm il-laqgħa inkwistjoni saret bejn wieħed u ieħor sena qabel il-bidu tal-ksur, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jiġi kkunsidrat li hija ma tirrilevax relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u Ausimont waqt il-ksur, peress li l-istruttura tal-grupp ma ġietx immodifikata sa dak iż-żmien.
47 Fir-rigward tat-tieni element, il-fatt li l-President ta’ Ausimont kien membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Montecatini jikkostitwixxi indizju tal-volontà tar-rikorrenti li tiżgura l-istabbiltà tar-rabta ta’ kontroll bejnha u bejn Ausimont.
48 L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ rabta persunali bejnha u bejn Ausimont huwa barra minn hekk ikkontradixxut mill-fatt li mir-risposta ta’ Solvay Solexis għal talba għal informazzjoni jirriżulta li l-President u membru tal-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti kienu membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Ausimont matul parti mill-perijodu ta’ ksur. Għalkemm dan huwa element li ma ġiex inkluż fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li għandha dritt tużah, b’risposta għall-argument tar-rikorrenti.
49 Fir-rigward tal-motivi għaċ-ċaħda tal-prova kuntrarja, il-Kummissjoni tindika li l-kompitu tagħha ta’ motivazzjoni ma jkoprix l-obbligu li teżamina l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi ttrattati matul il-proċedura amministrattiva. Hija ssostni li l-ebda wieħed mill-elementi invokati mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kien ta’ natura li juri l-awtonomija ta’ Ausimont.
50 Il-Kummissjoni ssostni li hija mmotivat id-deċiżjoni tagħha sal-grad rikjest mill-liġi u, b’mod partikolari, li hija spjegat b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li abbażi tagħhom hija ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti. B’mod partikolari, fil-premessi 419 sa 421 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet wieġbet għall-argumenti tar-rikorrenti li Ausimont kienet tgawdi minn awtonomija billi enfasizzat f’dan ir-rigward l-eżistenza ta’ indizji kuntrarji, jiġifieri l-laqgħa tas-16 ta’ Marzu 1994 kif ukoll il-funzjoni eżerċitata mill-President ta’ Ausimont fil-Bord tad-Diretturi ta’ Montecatini.
51 L-elementi prodotti mir-rikorrenti kienu, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti. Il-fatt li l-attività ta’ sussidjarja ma tikkostitwixxix l-attività prinċipali tal-grupp ma jikkostitwixxix indizju relevanti. L-involviment tar-rikorrenti fl-organizzazzjoni mill-ġdid tal-grupp loġikament wasslet għall-implikazzjoni tagħha fl-għażliet strateġiċi l-iktar importanti, preċiżament sabiex jiġi evitat li dawn l-għażliet ikunu ta’ ħsara għall-orginizzazzjoni mill-ġdid tal-grupp. Il-fatt li l-kumpannija parent ma tkunx responsabbli direttament jew indirettament mill-ġestjoni ta’ kuljum tal-attivitajiet tas-sussidjarja ma jurix l-awtonomija ta’ din tal-aħħar. Ikun suffiċjenti, sabiex tiġi kkonstatata influwenza determinanti, li l-kumpannija parent tkun tinċidi fuq l-għażliet strateġiċi fundamentali tas-sussidjarja.
52 Il-kontroll tal-grupp deskritt mir-rikorrenti, eżerċitat permezz ta’ tliet kumitati, li kienu jlaqqgħu kull tliet xhur id-direttorat tas-sussidjarji, ma jistax jiġi assimilat mal-attività ta’ ġestjoni ta’ ishma minn holding purament finanzjarja. Barra minn hekk, skont id-dikjarazzjoni tal-President ta’ Ausimont, ir-rikorrenti kienet ġiet informata bil-“pjanijiet u bil-budget tal-grupp Ausimont”, bl-“oġġettivi ġenerali”, kif ukoll bil-“prinċipji ġenerali fil-qasam tar-riżorsi umani”, u kienet ħadet ħsieb li “tkopri l-ħtiġijiet finanzjarji” ta’ Ausimont għat-twettiq tal-proġetti strateġiċi l-iktar importanti tagħha.
53 Il-fatt li, skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija, il-Bord tad-Diretturi ta’ Ausimont għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-attivitajiet kummerċjali ma jikkostitwixxix prova tal-awtonomija tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-għażliet strateġiċi fundamentali. Fil-fatt, ir-rikorrenti interveniet fid-deċiżjonijiet strateġiċi li jikkonċernaw il-proġetti ta’ Ausimont għal fabbrika ġdida f’Bitterfeld jew għal joint-venture fl-Istati Uniti.
54 L-allegat nuqqas ta’ indizji ta’ interferenza fil-minuti tal-laqgħat tal-Bordijiet tad-Diretturi tar-rikorrenti jew ta’ Ausimont, li barra minn dan ma ġewx prodotti, ma huwiex suffiċjenti, peress li l-eżerċizzju ta’ tali influwenza ma għandux neċessarjament jirriżulta minn tali minuti.
55 Għalhekk, skont il-Kummissjoni, anki jekk jiġi preżunt li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward taċ-ċaħda tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ikun inopportun li din tiġi annullata peress li dak l-annullament jista’ jagħti biss lok għal deċiżjoni ġdida identika, fuq il-mertu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il-Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 363).
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
56 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku l-argument tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti li l-partijiet kkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi fattwali u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati, iżda huwa suffiċjenti li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza essenzjali fl-iskema ġenerali tad-deċiżjoni. B’mod partikolari, hija ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-elementi li huma manifestament irrilevanti, mingħajr ebda sinjifikat jew manifestament sekondarji (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II 2197, punt 64; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 63 iktar ’il fuq, punt 64).
58 Meta, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 81 KE tikkonċerna diversi destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, din għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, għandhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, tali deċiżjoni għandu jkun fiha sunt iddettaljat tal-motivi tali li jiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur lil dik il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punti 78 sa 80).
59 Jirriżulta mill-premessi 416 sa 423 tad-deċiżjoni kkontestata li l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur lir-rikorrenti hija bbażata fuq il-konstatazzjoni tal-eżerċizzju effettiv tal-influwenza determinanti tagħha fuq Ausimont, li tirriżulta minn preżunzjoni marbuta mal-kontroll sħiħ tagħha ta’ dik is-sussidjarja permezz ta’ kumpannija intervenjenti, liema preżunzjoni, skont il-Kummissjoni, ma ġietx megħluba mir-rikorrenti.
60 Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma esponietx motivi suffiċjenti fir-rigward tal-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tagħha, b’mod partikolari, sa fejn hija ma esponietx il-motivi għaċ-ċaħda tal-elementi prodotti bil-għan li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni.
61 Jeħtieġ li jiġi osservat li mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, invokat argument speċifiku bil-għan li turi l-awtonomija ta’ Ausimont.
62 Qabel kollox, hija sostniet li, fil-mument tal-ksur, hija kellha rwol ta’ holding mhux operattiva ta’ grupp iddiversifikat ħafna, billi ppreċiżat li ma reġgħetx lura għall-attività tagħha ta’ produttur u fornitur tal-elettriku qabel l-2002. F’dak ir-rigward, hija pproduċiet sinteżi tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT (taxxa fuq il-valur miżjud) li jirrigwardaw l-attività tal-kumpannija tagħha kif ukoll dik tal-kumpannija li permezz tagħha hija kienet tikkontrolla lil Ausimont, Montecatini, matul il-perijodu kollu ta’ ksur.
63 Hija indikat li l-attività ta’ holding ma kinitx tinvolvi involviment fil-ġestjoni tas-sussidjarji, peress li l-kontroll tagħhom kien limitat għall-verifikazzjoni tar-riżultati finanzjarji permezz ta’ verifiki interni u esterni. Hija bbażat ruħha, f’dak ir-rigward, fuq dokumenti li joriġinaw mill-perijodu ta’ ksur li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tal-verifika interna, redatti mill-amministrazzjoni tagħha.
64 Sussegwentement hija bbażat ruħha fuq il-kundizzjonijiet partikolari tal-kriżi finanzjarja tal-grupp, billi indikat li d-direttorat kollu tal-grupp kien ġie ssostitwit fl-1993 u li d-direttorat il-ġdid tagħha kien implementa pjan ta’ diżimpenn għall-attivitajiet mhux strateġiċi tal-grupp, mill-1993 sal-2001 u maħsub sabiex inaqqas l-iżbilanċ finanzjarju kif ukoll sabiex jiġi evitat il-falliment. Hija indikat li dan il-pjan kien jimplika awtonomija totali tal-ġestjoni tal-kumpanniji tal-grupp u, b’mod partikolari, ta’ Ausimont, peress li din tal-aħħar kienet attiva fil-qasam li ma kienx ikkunsidrat bħala essenzjali u li d-diżimpenn tagħha kien qiegħed jiġi attwat.
65 Insostenn ta’ dak l-argument, ir-rikorrenti esponiet l-elementi tal-funzjonament tal-grupp tagħha, li ġie kkostitwit fl-1995, minn 932 kumpannija attiva f’diversi setturi tal-ekonomija u li ġie sottopost għal riorganizzazzjoni kbira, li tlestiet fl-2002, li l-għan tagħha kien il-konċentrazzjoni ta’ attivitajiet fis-settur tal-enerġija.
66 Barra minn hekk, hija ppreżentat ċertu numru ta’ provi, jiġifieri l-ittra ta’ wieħed mid-diriġenti tagħha indirizzata lil terzi fl-1995, li tindika b’mod partikolari li l-“politika minn issa kkonsolidata [kienet] li l-ġestjoni operattiva tiġi ddelegata lil kumpanniji [tal-grupp]”, id-dikjarazzjoni tal-President preċedenti ta’ Ausimont, li tixhed l-awtonomija tagħha fil-qasam tal-politika kummerċjali, kopja tal-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ Ausimont, li jiddikjara li l-Bord tad-Diretturi tagħha kellu “setgħat mill-iktar wiesgħa għall-ġestjoni ordinarja u straordinarja tal-kumpannija” u l-“fakultà li jwettaq l-atti kollha li huwa jikkunsidra xierqa għat-twettiq tal-għan soċjali tiegħu”, kif ukoll il-minuti tal-Bord tad-Diretturi ta’ Ausimont tas-27 ta’ Mejju 1996, li jagħtu lill-President tiegħu “is-setgħat sħaħ u l-fakultà tal-ġestjoni ordinarja u straordinarja tal-kumpannija”.
67 Ir-rikorrenti indikat ukoll li Ausimont kellha l-istrutturi kollha u d-dipartimenti kollha neċessarji bil-ħsieb ta’ ġestjoni awtonoma, li l-minuti tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi tagħha ma kien fihom l-ebda indizju ta’ diskussjoni dwar il-politika kummerċjali tas-sussidjarji u li dawk tal-Bord tad-Diretturi ta’ Ausimont ma kien fihom l-ebda referiment għal struzzjonijiet eventwali li din tal-aħħar kienet irċeviet fir-rigward tal-politika kummerċjali, filwaqt li offriet li tipproduċi dawk id-dokumenti kollha fuq talba tal-Kummissjoni.
68 Fl-aħħar, ir-rikorrenti rreferiet għad-dikjarazzjonijiet ta’ Solvay Solexis, riprodotti fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni magħmula mill-Kummissjoni u li tifforma parti mill-fajl amministrattiv, li minnhom jirriżulta li l-Bord tad-Diretturi ta’ Ausimont kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali fil-mument tal-ksur.
69 Fil-premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ttrattat l-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti.
70 Sussegwentement hija indikat, fil-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-argument mressaq mir-[rikorrenti] dwar l-awtonomija tas-[sussidjarja tagħha]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kien kontradett mill-elementi esposti fil-premessi 420 u 421 tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar, fil-premessa 422 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li “elementi oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali] prodotti mir-rikorrenti ma kinux suffiċjenti sabiex jegħlbu l-preżunzjoni inkwistjoni.
71 Hemm lok li jiġi rrilevat li dak ir-raġunament ma jittrattax l-argument invokat mir-rikorrenti, iżda jillimita ruħu jirreferi għal ċerti indizji supplementari esposti fil-premessi 420 u 421 tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, il-motivi ċċitati iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata ma jesponux ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti ma humiex suffiċjenti sabiex jegħlbu l-preżunzjoni inkwistjoni.
72 Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, għalkemm il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-elementi kollha invokati mill-persuna kkonċernata, b’mod partikolari meta dawn tal-aħħar ikunu manifestament irrilevanti, mingħajr ebda sinjifikat jew manifestament sekondarji (ara l-punti 57 iktar ’il fuq), f’dan il-każ, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-elementi invokati mir-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala mingħajr ebda sinjifikat fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-awtonomija ta’ Ausimont.
73 Fil-fatt, hemm lok li jiġi osservat li r-rikorrenti mhux biss ibbażat ruħha fuq il-fatt li hija kienet tikkostitwixxi holding li tiġġestixxi s-sussidjarja tagħha bħala sempliċi investiment finanzjarju, permezz ta’ kumpannija holding intervenjenti, iżda invokat ukoll numru ta’ ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw ir-rabtiet bejn il-kumpanniji kkonċernati fil-mument tal-ksur inkwistjoni.
74 B’mod partikolari, hija argumentat, b’mod iddettaljat, li d-direttorat il-ġdid tal-holding, li kien beda jmexxi l-grupp wara l-kriżi fl-1993, adotta miżuri ta’ riorganizzazzjoni li jinvolvu l-għażla li l-kumpanniji tal-grupp jitħallew igawdu minn awtonomija fl-aġir, b’kunsiderazzjoni , minn naħa, tal-għanijiet tal-holding fid-dawl tal-kriżi u, min-naħa l-oħra, tad-diversità kbira tal-attivitajiet tal-grupp.
75 L-elementi prodotti mir-rikorrenti barra minn hekk ma llimitawx ruħhom għal allegazzjonijiet, iżda kienu jinkludu informazzjoni ddettaljata fuq il-funzjonament tal-holding, akkumpanjata minn dikjarazzjonijiet tad-diriġenti tal-kumpanniji kkonċernati, minn skambji ta’ korrispondenza ma’ terzi, kif ukoll minn ċertu numru ta’ dokumenti interni għall-kumpanniji kkonċernati u li joriġinaw mill-perijodu tal-ksur.
76 F’dawk il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni kienet obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kuntrarji tar-rikorrenti, billi teżamina jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha relatati mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi bejn il-kumpanniji kkonċernati, ir-rikorrenti kinitx wriet li s-sussidjarja tagħha kienet taġixxi fis-suq b’mod awtonomu.
77 Il-kompitu tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjoni tagħha fuq dak il-punt jirriżulta b’mod ċar min-natura juris tantum tal-preżunzjoni inkwistjoni, li sabiex tiġi kkonfutata ir-rikorrenti għandha tipproduċi prova li tirrigwarda r-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi kollha bejnha, bejn il-kumpannija intervenjenti u bejn is-sussidjarja tagħha.
78 Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ motivi inkwistjoni ma jistax jiġi rrimedjat permezz tar-riferiment li jsir għall-indizji esposti fil-premessi 420 u 421 tad-deċiżjoni kkontestata.
79 Minn naħa, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-laqgħa tas-16 ta’ Marzu 1994, li b’mod partikolari tat lok għal diskussjonijiet fuq il-kontinwazzjoni ta’ proġett ta’ investiment minn Ausimont, kif ukoll fuq it-twaqqif eventwali tal-attivitajiet tagħha (premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata), jeħtieġ li jiġi osservat li ma jistax jiġi eskluż li l-interferenza tal-kumpannija parent fl-għażliet strateġiċi tas-sussidjarja hija indikattiva tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti.
80 Madankollu, billi invokat il-laqgħa inkwistjoni bħala prova tal-eżerċizzju tal-influwenza fuq Ausimont, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fuq l-argumenti kuntrarji ppreżentati mir-rikorrenti fir-risposta tagħha, tat-13 ta’ April 2006, għat-talba għal informazzjoni li saritilha fl-4 ta’ April 2006, jiġifieri inqas minn xahar qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
81 Jeħtieġ li jiġi osservat, f’dak ir-rigward, li, fl-imsemmija risposta, ir-rikorrenti kienet indikat b’mod partikolari, filwaqt li rreferiet għan-nota ta’ Degussa dwar il-laqgħa inkwistjoni, għad-dikjarazzjoni ta’ wieħed mid-diriġenti preċedenti tagħha kif ukoll għal dik ta’ President preċedenti ta’ Ausimont, li r-responsabbli tagħha li ħadu sehem fil-laqgħa inkwistjoni kienu assumew il-kariga wara żbilanċ finanzjarju gravi, li huma kienu kkunsidraw dik il-laqgħa bħala laqgħa ta’ korteżija u li huma ma kinux kapaċi jmexxu diskussjonijiet b’mod informat. Hija argumentat li l-kumpannija tagħha kienet, fil-mument li ġraw il-fatti, taħt amministrazzjoni “ikkontrollata” minn banek kredituri, li kienu saru l-azzjonisti prinċipali tagħha u li kellhom jagħtuha awtorizzazzjoni għal kull investiment li jeċċedi ċertu limitu, li kien iġġustifika, fi kwalunkwe każ, il-preżenza tad-diriġenti tal-holding f’diskussjonijiet li jirrigwardaw il-proġett ta’ investiment inkwistjoni u, a fortiori, f’dawk li jirrigwardaw il-waqfien tal-attivitajiet ta’ Ausimont. Fl-aħħar, hija kienet irrimarkat li l-laqgħa inkwistjoni kienet saret iktar minn xahar qabel il-bidu tal-ksur u ma setgħetx għaldaqstant isservi bħala indizju dirett ta’ influwenza eżerċitata matul il-perijodu ta’ ksur.
82 Issa, il-Kummissjoni ma weġbitx għal dawk l-argumenti, billi limitat ruħha tikkonstata li r-rikorrenti kienet ċertament “ikkonfermat li l-interess f’Ausimont kien biss purament finanzjarju, iżda ma kienet ippreżentat xejn ħlief dikjarazzjoni [tal-President preċedenti ta’ Ausimont] li ma żżidx elementi ġodda sabiex tbiddel il-konvinzjoni tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 420 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 391 tad-deċiżjoni kkontestata).
83 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-element invokat fil-premessa 421 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-identiċità ta’ membru tal-Bord ta’ Ausimont u ta’ dak ta’ Montecatini, hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rigward, kif tammetti l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, ta’ element li ma ġiex espost fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li r-rikorrenti ma kellhiex l-opportunità tikkummenta dwaru matul il-proċedura amministrattiva, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux invokabbli fil-konfront tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 162, u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuqu fir-rigward tal-motivazzjoni fuq id-deċiżjoni kkontestata.
84 Barra minn hekk, anki jekk, fil-premessa 421 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet ukoll għal ċerti ċirkustanzi tar-ristrutturazzjoni tal-grupp f’Diċembru tal-2000, jeħtieġ li jiġi osservat li dawk il-fatti jikkonċernaw essenzjalment iċ-ċessjoni ta’ Ausimont lill-grupp Solvay li seħħet wara t-tmiem tal-ksur. Issa, il-Kummissjoni ma tippreċiżax kif iċ-ċirkustanzi ta’ din iċ-ċessjoni jinkludu xi indizju dwar l-influwenza eżerċitata mir-rikorrenti fuq l-aġir ta’ Ausimont fil-mument tal-ksur.
85 F’dawk il-kundizzjonijiet, ir-referiment mill-Kummissjoni għall-elementi esposti fil-premessi 420 u 421 tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ta’ natura li jikkontesta n-natura rilevanti tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-awtonomija ta’ Ausimont u, għaldqastant, ma jistax jikkostitwixxi motiv suffiċjenti għaċ-ċaħda ta’ dik l-argumentazzjoni.
86 Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-eżistenza ta’ indizji oħra tal-influwenza eżerċitata mir-rikorrenti fuq Ausimont, jiġifieri l-fatt li l-President u membru tal-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti kienu membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Ausimont matul parti mill-perijodu ta’ ksur, kif ukoll l-involviment tar-rikorrenti fi proġett ta’ Ausimont li jirrigwarda joint-venture fl-Istati Uniti, hemm lok li jiġi osservat li dawk l-elementi ma ġewx esposti fid-deċiżjoni kkontestata u ma jistgħux għaldaqstant jagħmlu tajjeb għall-insuffiċjenza ta’ motivi ta’ din tal-aħħar.
87 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni ddettaljata fuq il-provi prodotti mir-rikorrenti bil-għan li tikkonfuta l-preżunzjoni li tirriżulta mis-sehem tagħha fil-kapital ta’ Ausimont u, għalhekk, ma mmotivatx sal-grad rikjest mil-liġi l-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti.
88 Sa fejn il-Kummissjoni ssostni, fir-risposta tagħha, li l-provi kuntrarji invokati mir-rikorrenti kienu, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti sabiex juru l-awtonomija ta’ Ausimont, hemm lok li jiġi rrilevat li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma juru l-ebda element ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-elementi inkwistjoni, u dan ixekkel l-istħarriġ tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata fuq dak l-aspett.
89 Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li peress li l-motivazzjoni, fil-prinċipju, għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata kontemporanjament mad-deċiżjoni li taffettwaha, in-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax għaldaqstant jiġi rrimedjat mill-fatt li l-parti kkonċernata ssir taf il-motivi għad-deċiżjoni matul il-kawża (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C 205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 463, u tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il-Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra p. II‑3121, punt 220).
90 Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ motivi inkwistjoni ma jistax jiġi rrimedjat matul il-kawża.
91 F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax validament tibbaża ruħha fuq is-sentenza FNCBV vs Il-Kummissjoni (punt 55 iktar ’il fuq, punti 362 sa 363), fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettaq minnha fil-kuntest tal-iffissar tal-multi imposti għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE, filwaqt li indikat li, sa fejn is-soluzzjoni mressqa minn dik l-istituzzjoni kellha tiġi kkonfermata fil-mertu, dak il-ksur ma kienx iwassal la għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas għal modifika tal-ammont tal-multi.
92 Hemm lok li jiġi osservat li din l-aħħar evalwazzjoni, li tidħol fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa li l-Qorti Ġenerali għandha fil-qasam tas-sanzjonijiet pekunjarji, ma tistax tiġi applikata għal dan il-każ, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn fiha l-Kummissjoni żammet lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur inkwistjoni.
93 Fil-fatt, għalkemm l-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-ammont tal-multi, imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa, tista’, f’ċerti kundizzjonijiet, tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi ta’ informazzjoni addizzjonali, dik il-kunsiderazzjoni ma tapplikax fil-kuntest tal-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, meta din tal-aħħar hija suġġetta għall-istħarriġ tal-legalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punti 54 u 55).
94 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, jeħtieġ li jintlaqa’ l-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u li tintlaqa’ t-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.
95 Konsegwentement, ma hemmx għalfejn tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel u t-tielet motiv.
Fuq l-ispejjeż
96 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), hija annullata, sa fejn din tikkonċerna lil Edison SpA.
2) Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.
Vadapalas
Prek
Dittrich
Truchot
O’Higgins
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy