SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
9 ta’ Settembru 2009 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat — Produzzjoni ta’ malt — Għajnuna għall-investiment — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Obbligu ta’ motivazzjoni — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu”
Fil-Kawża T-369/06,
Holland Malt BV, stabbilita f’Lieshout (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata inizjalment minn O. Brouwer u D. Mes, sussegwentement minn Brouwer, A. Stoffer u P. Schepens, avukati,
rikorrenti,
sostnuta minn
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, M. de Grave, C. ten Dam u Y de Vries, bħala aġenti,
intervenjent,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Scharf u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/59/KE, tas-26 ta’ Settembru 2006, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi lill-Holland Malt BV (ĠU L 32, p. 76),
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn O. Czúcz (Relatur), President tal-Awla, I. Labucka u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Ir-rikorrenti, Holland Malt BV, hija joint venture bejn il-birrerija Bavaria NV, li tipproduċi birra u xorb mhux alkoħoliku, u Agrifirm, kooperattiva li fi ħdanha jikooperaw produtturi ta’ ċereali Ġermaniżi u mit-Tramuntana tal-Pajjiżi l-Baxxi. Ir-rikorrenti kisbet privattiva li tippermettilha tipproduċi u tbiegħ malt HTST (High Temperature, Short Time), li hija kategorija ta’ malt li żżid l-istabbiltà tat-togħma, tar-riħa u tan-natura effervexxenti tal-birra kif ukoll iż-żmien kemm tibqa’ tajba.
2
Il-gvern Olandiż iddeċida li jagħti għajnuna għall-investiment ta’ EUR 7425000 lir-rikorrenti fil-kuntest ta’ programn ta’ investiment reġjonali intitolat “Regionale investeringsprojecten 2000”, li l-portata tiegħu ġiet sussegwentement estiża għas-setturi tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli msemmija fl-Anness I tat-Trattat KE.
3
Is-sussidju mogħti lir-rikorrenti huwa intiż għall-kostruzzjoni ta’ stabbiliment fejn jiġi ppreparat u maħżun ix-xgħir f’Eemshaven (il-Pajjiżi l-Baxxi) u għandu l-għan li jiġbor fl-istess sit proċessi differenti, bħall-ħżin u t-trasformazzjoni tax-xgħir tal-birrerija, kif ukoll il-produzzjoni u l-kummerċ tal-malt. Il-ħlas effettiv tas-sussidju ġie sospiż sal-approvazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni. L-investiment f’dan il-proġett kellu jsir qabel l-1 ta’ Lulju 2005, sabiex jinkiseb il-ħlas tas-sussidju.
4
Il-kapaċità ta’ produzzjoni prevista tal-istabbiliment fejn jiġi ppreparat u maħżun ix-xgħir f’Eemshaven hija ta’ 120000 tunnellata fis-sena. Wara l-kostruzzjoni ta’ dan l-istabbiliment u l-egħluq ta’ impjanti ta’ produzzjoni f’Lieshout (il-Pajjiżi l-Baxxi) u f’Wageningen (il-Pajjiżi l-Baxxi), il-kapaċità ta’ produzzjoni fis-sena tar-rikorrenti kellha tkun ta’ 205000 tunnellata ta’ malt fl-2005 filwaqt li fl-2001 kienet ta’ 150000 tunnellata (f’Lieshout u f’Wageningen). Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni bdew fi Frar 2004 u, skont il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-istabbiliment fejn jiġi ppreparat u maħżun ix-xgħir sar operattiv fl-2005.
5
B’ittra tal-31 ta’ Marzu 2004, il-Pajjiżi l-Baxxi nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar is-sussidju skont l-Artikolu 88(3) KE u l-punt 4.2.6 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu (ĠU 2000, C 28, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”). Fil-5 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni fetħet proċedura taħt l-Artikolu 88(2) KE. Peress li l-imsemmija proċedura ħolqot dewmien fil-ħlas tas-sussidju lil hinn mit-terminu inizjali għar-realizzazzjoni tal-istabbilimnet stabbilit mill-Gvern Olandiż, ir-rikorrenti talbet proroga tat-terminu sal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar is-sussidju.
6
Fis-26 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/59/KE dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi lill-Holland Malt [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 32, p. 76, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
7
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura kontenzjuża, li tirrigwarda investiment li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-prodotti tar-rikorrenti u jżid il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha, tammonta għal għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Hija mbagħad eżaminat jekk l-imsemmija miżura setgħetx madankollu tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.
8
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkonstatat li ma jeżistix suq separat għall-malt HTST jew il-malt premium. Imbagħad, hija rreferiet għall-punt 4.2.5 tal-linji gwida, li jipprovdi li “l-ebda għajnuna ma tista’ tingħata [għal investimenti marbuta mat-trasformazzjoni tal-prodotti agrikoli] jekk ma jintweriex b’mod suffiċjenti li jista’ jinsab ftuħ normali fis-suq għall-prodotti inkwistjoni”. Hija kkonstatat f’dan ir-rigward li teżisti kapaċità żejda fis-swieq dinjija u Komunitarju tal-malt u li ma ntweriex li fis-suq kien jeżisti ftuħ normali.
9
Essenzjalment għal dawn il-motivi, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna kontenzjuża kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Taħt l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa obbligat jirtira l-għajnuna mill-Istat. L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jimponi fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi l-obbligu li jirkupra mingħand il-benefiċjarju l-għajnuna indebitament impoġġija għad-dispożizzjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni kkontestata.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
10
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
11
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ April 2007, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab sabiex jintervjeni fil-proċedura preżenti insostenn tar-rikorrenti. Permezz ta’ Digriet tat-12 ta’ Ġunju 2007, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza dan l-intervent.
12
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta n-nota tiegħu u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota fit-terminu previst.
13
Fuq rapport tal-Imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2008.
14
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tannulla, totalment jew parzjalment, l-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
15
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
16
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Id-dritt
17
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. It-tielet u r-raba’ motivi huma bbażati rispettivament fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst bl-Artikolu 253 KE.
18
Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra utli li jiġu eżaminati flimkien l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, u l-ewwel parti tar-raba’ motiv, li tirrigwarda n-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura kontenzjuża bħala għajnuna mill-Istat.
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, u l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat
L-argumenti tal-partijiet
19
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni, billi ma stabbilixxitx li l-miżura kontenzjuża tammonta għal għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, kisret din id-dispożizzjoni, kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
20
Hija ssostni li, sabiex tistabbilixxi li miżura statali tammonta għal għajnuna li jista’ jkollha impatt fuq il-kompetizzjoni u li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, l-Kummissjoni għandha tagħmel analiżi korretta tas-sitwazzjoni tas-suq inkwistjoni, tal-pożizzjoni tal-benefiċjarju u tal-kompetituri tiegħu fi ħdan dan is-suq, tal-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn Stati Membri u tindika l-vantaġġ mogħti mill-miżura fil-kummerċ intra-Komunitarju. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1985, Il-Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni (296/82 u 318/82, Ġabra p. 809), tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni (C-329/93, C-62/95 u C-63/95, Ġabra p. I-5151), u tad-19 ta’ Ottubru 2000, Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I-8855).
21
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li l-miżura għandha effett reali, pjuttost milli totalment teoriku, fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn Stati Membri. Barra minn hekk, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (248/84, Ġabra p. 4013, punt 18), hija għandha tivverifika jekk il-miżura inkwistjoni tagħtix “vantaġġ kunsiderevoli lill-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u ta’ natura li tagħti vantaġġ essenzjalment lill-impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri”.
22
Filwaqt li tirreferi għas-sentenza Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li, fin-nuqqas tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet extra-Komunitarji tagħha u tad-dħul mill-bejgħ tagħha minn destinazzjonijiet ġewwa l-Komunità, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija saħansitra inqas dettaljata minn dik tad-deċiżjoni kkontestata annullata permezz tal-imsemmija sentenza minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.
23
Fit-tieni lok, hija takkuża lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ evalwazzjoni peress li ma kkunsidratx l-eżistenza ta’ suq distint tal-malt premium. Minħabba l-karatteristiċi innovativi tal-prodott tagħha tal-malt, hija kienet topera f’parti distinta tas-suq, jiġifieri s-suq tal-malt premium, li fih hija ma kinitx qed tikkompeti mal-produtturi tradizzjonali Komunitarji tal-malt. Konsegwentement, il-miżura kontenzjuża ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-malt standard li jwettqu kummerċ ta’ malt bejn Stati Membri.
24
Fit-tielet lok, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta stabbiliet il-perijodu rilevanti u kkonkludiet li s-suq tal-malt kien sejjer lura. Dawn l-iżbalji wassluha tikkunsidra b’mod żbaljat li setgħa jkun hemm riskju li l-miżura kontenzjuża tiffavorixxi kumpannija fi ħdan suq kompetittiv u, b’hekk, toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
25
Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni rreferiet, b’mod żbaljat, għas-sitwazzjoni tas-suq tal-malt fl-2004 sabiex tistabbilixxi li dan kien sejjer lura. Skont il-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet tal-kummerċ prevalenti fil-perijodi 2003/2004 u 2004/2005 huma irrilevanti, peress li, f’dan il-perijodu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu biss l-intenzjoni li jagħti sussidju lil unità ta’ produzzjoni li, barra minn hekk, lanqas ma kiniet għadha bdiet topera. Konsegwentement, kull vantaġġ kompetittiv u kull impatt fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ fi ħdan il-Komunità kien iseħħ biss meta r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jkun ta s-sussidju lir-rikorrenti.
26
Hija tikkunsidra li, sabiex tevalwa l-impatt tas-sussidju fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra jew is-snin li fihom is-sussidju kien tħallas, jew inkella s-snin li fihom il-fabbrika ta’ Eemshaven kienet saret totalment operattiva u li l-prodotti tagħha kienu tpoġġew fis-suq, jiġifieri l-2006 u l-perijodu sussegwenti.
27
Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti sosstni li, peress li l-produzzjoni tal-fabbrika l-ġdida ta’ Eemshaven hija kważi totalment destinata sabiex tiġi esportata lejn pajjiżi terzi, l-għajnuna ma għandhiex impatt partikolari fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Hija ssostni li l-volum ta’ bejgħ tal-2005 lejn destinazzjonijiet intra-Komunitarji, previst fil-programn ta’ attivitajiet tagħha tal-2003, kien jammonta għal 71540 tunnellata, filwaqt li l-volum tal-bejgħ lejn destinazzjonijiet intra-Komunitarji kien ta’ madwar 50000 tunnellata fl-2003. Dan ifisser biss li f’dak iż-żmien, hija kienet ippjanat żieda fil-volum tal-bejgħ ta’ madwar 20000 tunnellata lejn destinazzjonijiet intra-Komunitarji, u dan fir-rigward tal-kumpannija kollha, wara li l-fabbrika ta’ Eemshaven kienet saret operattiva.
28
Barra minn hekk, il-bejgħ ippjanat lejn destinazzjonijiet fi ħdan il-Komunità kien jinkludi bejgħ li sar mill-impjant ta’ produzzjoni f’Lieshout, li ma kienx rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Il-bejgħ provenjenti mill-fabbrika ta’ Eemshaven kien jikkonċerna wkoll l-użu tal-kapaċitajiet ta’ din il-fabbrika li kienet tissostitwixxi l-kapaċitajiet li kienu ngħalqu f’Lieshout.
29
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ parti distinta tas-suq tal-malt, li fi ħdanu r-rikorrenti ma tikkompetix mal-produtturi tradizzjonali ta’ malt tal-Komunità.
30
Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel motiv huwa inammissibbli peress li, bl-eċċezzjoni ta’ indikazzjoni vaga li tgħid li s-sussidju la kellu impatt notevoli fuq il-kummerċ u lanqas impatt sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni, il-punti tad-dritt u ta’ fatt li fuqhom huwa bbażat ma jirriżultawx b’mod ċar mill-argumenti mressqa. Barra minn hekk, hija tikkontesta wkoll il-validità tal-argumenti tar-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv
31
Preliminarjament, f’dak li jirrigwarda d-dubji mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel motiv, għandu jingħad li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom dan huwa bbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftihem, mit-test tar-rikors stess (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, Ġabra p. II-523, punt 20).
32
Fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni rrispondiet għall-ewwel motiv tar-rikors b’mod detaljat u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti kellha d-dritt tiżviluppa dan il-motiv u li tressaq id-dettalji kollha neċessarji fir-replika (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni, 74/74, Ġabra p. 533, punt 4), hekk kif hija fil-fatt għamlet, billi sostnietu permezz ta’ allegazzjonijiet fattwali u lmenti dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, kif deher diġà fir-rikors taħt it-tieni motiv.
33
Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-ilmenti tal-Kummissjoni dwar l-ewwel motiv mhumiex ta’ natura li jipprekluduha milli effettivament tiddefendi l-interessi tagħha u lanqas ma jfixklu lill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-eżerċizzju tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Peress li l-ewwel motiv huwa b’hekk ammissibbli, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu.
Fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE
34
Ir-rikorrenti ssostni, permezz ta’ argument li jikkoinċidi ma’ dak imressaq fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, li l-Kummissjoni ma stabilixxitx, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura kontenzjuża tammonta għal għajnuna mill-Istat u li din tal-aħħar wettqet żbalji tal-evalwazzjoni f’dan ir-rigward.
35
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għandhom ikunu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu, it-tielet nett, l-intervent għandu jkun tali li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u, ir-raba’ nett, l-intervent għandu joħloq jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, Ġabra p. I-7747, punt 75, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il-Kummissjoni, T-442/03, Ġabra p. II-1161, punt 44).
36
Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-ewwel żewġ kundizzjonijiet huma sodisfatti. Hija madankollu tallega li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-miżura kontenzjuża taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u toħloq jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
37
Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tistabbilixxi impatt reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 44, u tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, Ġabra p. I-10901, punt 111).
38
Fil-każ preżenti, fil-premessi 35 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tat il-motivi segwenti fir-rigward tal-effetti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u għall-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni:
“(35)
Il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni tikkonsisti fl-issussidjar dirett tal-investimenti […]
(36)
[…] it-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ impriża benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat meta mqabbla mal-kompetituri tagħha ġeneralment jirrifletti distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-kumpanniji li ma bbenefikawx mill-għajnuna inkwistjoni.
(37)
Miżura ta’ għajnuna taffettwa b’mod sfavorevoli l-kummerċ intra-Komunitarju peress li hija xxekkel l-importazzjonijiet minn jew l-esportazzjonijiet lejn Stati oħra. Għandu essenzjalment jiġi stabbilit f’dan il-każ jekk il-miżura [kontenzjuża] twassalx jew tistax twassal għal żvilupp differenti tal-kummerċ intra-Komunitarju.
(38)
Il-miżura inkwistjoni tikkonċerna prodott (il-malt) li għandu volum ta’ kummerċ intra-Komunitarju kunsiderevoli. Fl-2004, madwar 1.3 miljun tunnellata malt ġie [nnegozjat bejn il-25 Stat Membru tal-UE], u dan jirrappreżenta madwar 15% tal-produzzjoni totali Komunitarja ta’ malt għal dik is-sena. Is-settur tal-malt huwa b’hekk espost għall-kompetizzjoni […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
39
L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, minħabba l-karatteristiċi innovattivi tal-malt HTST tagħha prodott mill-istabbiliment fejn jiġi ppreparat u maħżun ix-xgħir ta’ Eemshaven, hija topera f’suq distint, jiġifieri dak tal-malt premium, li fih hija mhijiex f’kompetizzjoni mal-produtturi l-oħra komunitarji.
40
Bħala risposta għall-argumenti tar-rikorrenti u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mressqa f’dan ir-rigward matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ suq distint għax-xgħir premium fil-premessi 78 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata. Billi tibbaża ruħa fuq l-osservazzjonijiet ta’ diversi assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ produtturi tal-malt (l-assoċjazzjonijiet Finlandiżi, tar-Renju Unit, Franċiżi u Daniżi) li kkunsidraw li ma kienx jeżisti suq distint għax-xgħir premium (premessi 18, 19, 21 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkonstatat li l-malt kien pjuttost prodott ta’ natura ġenerika, li l-karatteristiċi tiegħu kellhom varjazzjonijiet żgħar, u li kien suġġett għar-regoli ta’ kwalità imposti mill-birreriji (premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ssostni li s-sorsi kollha ta’ statistika dwar il-produzzjoni ppreżentati tul il-proċedura amministrattiva [Eurostat (Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej), Euromalt, Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali] kienu jikkonċernaw biss is-suq tal-malt inġeneral. Hija ssostni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-rikorrenti stess ma kinux ipprovdew informazzjoni dwar kapaċitajiet eżistenti għal dak li jirrigwarda l-malt premium inġenerali u l-produzzjoni tiegħu b’mod partikolari (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).
41
Huwa stabbilit li, tul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, la r-rikorrenti u lanqas ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma pprovdew statistika distinta speċifikament relatata mal-produzzjoni jew mal-kummerċjalizzazzjoni tal-malt premium. Barra minn hekk, huma rreferew biss għaċ-ċifri li jirrigwardaw il-malt inġenerali, mingħajr ma għamlu distinzjoni bejn il-“malt standard” u l-“malt premium” li jikkostitwixxi l-malt HTST tar-rikorrenti.
42
Ir-rikorrenti sempliċement irreferiet għal rapport tal-Frontier Economics ta’ Ottubru 2005, intitolat “Holland Malt” (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Frontier Economics”), li, huwa jgħid, “jikkonferma li, sa fejn il-bejgħ ta’ HTST kien jissostitwixxi l-bejgħ eżistenti ta’ malt standard, dan [kien jagħmel] parti minn proċess naturali ta’ innovazzjoni fi ħdan is-suq, proċess li kien mistenni li jseħħ fi kwalunkwe każ”. Barra minn hekk, għandu jingħad li r-rapport tal-Frontier Economics, li, apparti dan, skont l-informazzjoni mogħtija mill-partijiet fis-seduta, ġie ordnat mir-rikorrenti, jinkludi wkoll l-osservazzjoni segwenti: “huwa mistenni […] li l-malt HTST prodott f’Eemshaven jieħu post, għall-inqas parzjalment, il-bejgħ […] ta’ prodotturi oħra ta’ malt standard, inklużi dawk li għandhom kapaċità eċċessiva”.
43
Għandu jiġi kkonstatat li, b’dawn l-affermazzjonijiet, ir-rikorrenti u r-rapport tal-Frontier Economics jindikaw b’mod ċar li l-malt HTST, li allegatament jifforma parti mill-kategorija tal-malt premium, jista’ jiġi ssostitwit mill-malt “standard”, u dan isaħħaħ il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-malt HTST tar-rikorrenti jikkompeti mal-malt ta’ produtturi oħra.
44
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ suq distint ta’ malt premium jew HTST huma infondati u li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.
45
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxitx li l-miżura kontenzjuża kellha effett reali fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn Stati Membri u, b’mod partikolari, li wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-produzzjoni tal-fabbrika l-ġdida ta’ Eemshaven kellha tkun kważi totalment esportata lejn pajjiżi terzi.
46
L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tistabbilixxi li l-għajnuna kellha effett reali fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, iżda biss li teżamina jekk din tistax taffettwah.
47
It-tieni nett, għandu jitfakkar li, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma impriżi oħra kompetituri fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li ġew influwenzati mill-għajnuna (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 11; tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring, C-53/00, Ġabra p. I-9067, punt 21, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 52).
48
Issa, peress li l-miżura kontenzjuża hija sussidju għal investiment intiża għall-modernizzazzjoni u t-tkabbir tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tar-rikorrenti, din neċessarjament issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti meta mqabbla ma dik tal-kompetituri tagħha, li għandhom jew jiffinanzjaw investimenti bħal dawn permezz tar-riżorsi proprji tagħhom, jew inkella jirrinunzjaw għalih. Barra minn hekk, l-affermazzjoni fir-rapport tal-Frontier Economics (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), li tgħid li huwa previst li l-malt prodott fil-fabbrika ta’ Eemshaven kellu jissostitwixxi l-bejgħ ta’ produtturi Ewropej oħra, jindika espliċitament li l-impriżi Komunitarji huma fost il-kompetituri tar-rikorrenti.
49
Barra minn hekk, għandu jingħad li r-rikorrenti stess tammetti li hija tipparteċipa fil-kummerċ Komunitarju. B’hekk, tul il-proċedura amministrattiva, hija indikat li, fl-2005, hija kellha l-intenzjoni li tbigħ 71540 tunnellata ta’ malt fl-Ewropa u li 42% mill-bejgħ tagħha kien isir fil-kuntest tal-kummerċ intra-Komunitarju. Barra minn hekk, l-argument li jgħid li hija biss il-fabbrika ta’ Eemshaven li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward ma jistax jintlaqa’, peress li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, huwa t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-impriża benefiċjarja li għandu jiġi eżaminat, u mhux is-sitwazzjoni tal-unitajiet individwali tagħha ta’ produzzjoni.
50
Fi kwalunkwe każ, billi tiddikjara diversi drabi fid-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-produzzjoni tal-fabbrika l-ġdida ta’ Eemshaven hija orjentata “kważi totalment” lejn pajjiżi terzi, ir-rikorrenti rrikonoxxiet impliċitament li parti mill-imsemmija produzzjoni kienet mibjugħa fil-Komunità. Issa, in-natura mnaqqsa tal-volum assolut tal-bejgħ li jseħħ fil-kummerċ intra-Komunitarju, jew il-proporzjoni limitata tal-imsemmi bejgħ meta mqabbel mat-totalità tal-produzzjoni ta’ impriża, hija irrilevanti mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tal-effett fuq l-imsemmi kummerċ, peress li, skont il-ġurisprudenza, ma jeżistix limitu jew perċentwali minima li l-isfel minnha jista’ jitqies li l-kummerċ bejn Stati Membri mhuwiex affettwat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C-172/03, Ġabra p. I-1627, punt 32).
51
Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li turi li r-rikorrenti effettivament tesporta malt lejn Stati Membri oħra, peress li, skont il-ġurisprudenza, it-tisħiħ ta’ impriża li sa dak iż-żmien ma kinitx tipparteċipa fil-kummerċ intra-Komunitarju jista’ jpoġġiha f’sitwazzjoni li tippermettilha tidħol fis-suq ta’ Stat Membru ieħor, b’mod li miżura li għandha bħala riżultat tisħiħ bħal dan tista’ taffettwa l-imsemmi kummerċ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 117).
52
Konsegwentement, għandu jingħad li ċ-ċirkustanzi msemmija mill-Kummissjoni (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), jiġifieri t-tisħiħ tal-pożizzjoni tar-rikorrenti meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tagħha u l-fatt li volum kunsiderevoli ta’ malt huwa s-suġġett ta’ kummerċ intra-Komunitarju, huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-miżura kontenzjuża tista’ taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju, b’mod li l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huma infondati.
53
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-miżura kontenzjuża tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni stabbiliet b’mod żbaljat il-perijodu rilevanti għall-eżami tagħha u kkunsidrat li s-suq inkwistjoni kien sejjer lura. Dawn l-iżbalji wassluha tikkunsidra b’mod żbaljat li l-miżura kontenzjuża tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni.
54
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għajnuna li għandha l-għan li teħles impriża mill-ispejjeż li hija kien ikollha normalment tħallas fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha bħala prinċipju jikkawżaw distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T-459/93, Ġabra p. II-1675, punti 48 u 77; tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 43, u tat-23 ta’ Novembru 2006, Ter Lembeek vs Il-Kummissjoni, T-217/02, Ġabra p. II-4483, punt 177).
55
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li għajnuna li tnaqqas l-ispejjeż tat-trasformazzjoni tal-impjanti tal-produzzjoni tal-benefiċjarju tagħtih vantaġġ kompetittiv meta mqabbel ma’ produtturi li wettqu jew kellhom l-intenzjoni li jwettqu, bi spejjeż tagħhom, trasformazzjoni simili tal-kapaċitajiet tal-impjanti tagħhom (ara f’dan is-sens, is-sentenza Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 11). B’hekk mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li mhux biss it-tnaqqis, permezz tar-riżorsi tal-Istat, tal-ispejjeż tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali ta’ impriża jistgħu ipso facto joħlqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, iżda wkoll sussidju li jeżenta lill-benefiċjarju minn l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż ta’ investiment.
56
Konsegwentement, għandu jingħad li l-elementi invokati mill-Kummissjoni fil-premessi 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata (inklużi fil-punt 38 iktar ’il fuq), jiġifieri l-fatt li l-miżura kontenzjuża hija intiża li tissussidja investiment u li hija ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-benefiċjarju meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tagħha, timplika neċessarjament li l-miżura kontenzjuża tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. B’hekk jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-perijodu rilevanti li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-eżami u l-kwistjoni dwar jekk is-suq kienx sejjer lura huma irrilevanti fuq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni fil-każ preżenti, peress li huma ma jpoġġux fid-dubju l-fatt li s-sussidju jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tagħha, b’mod li dawn għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti
57
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni stabbiliet korrettament li l-miżura kontenzjuża setgħet taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u, konsegwentement, li l-miżura kontenzjuża tammonta għal għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, b’mod li l-argumenti kollha tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-ksur tal-imsemmija dispożizzjoni għandhom jiġu miċħuda.
Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-effetti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u fuq il-kompetizzjoni
58
Għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 253 KE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi minn natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ġie adottat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T-266/94, Ġabra p. II-1399, punt 230, u tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435, punt 278). Il-motivazzjoni ta’ att għandha turi b’mod ċar ir-raġunament tal-istituzzjoni li kitbitu, b’tali mod li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jifhmu l-bażi tiegħu u li l-qorti tkun tista’ tivverifika l-fondatezza, mingħajr madankollu ma jkun meħtieġ li hija tispeċifika l-punti kollha tad-dritt u tal-fatti rilevanti, peress li l-kwistjoni ta’ jekk hija tissodisfax l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl kemm tal-kliem ta’ dan l-att kif ukoll tal-kuntest ġuridiku u fattwali tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 1957, Geitling vs L-Awtorità Għolja, 2/56, Ġabra p. 9, 37, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-42/01, Ġabra p. I-6079, punt 66).
59
Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm, f’ċerti każijiet, miċ-ċirkustanzi stess li fihom ingħatat l-għajnuna jista’ jirriżulta li din hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni xorta waħda għandha ssemmi dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (sentenzi Il-Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, punt 24; Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, punt 66, u s-sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land-Nordrhein Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 292).
60
F’dan il-każ, il-Kummissjoni esponiet b’mod koerenti ċ-ċirkustanzi rilevanti, li, hekk kif ikkonkludiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 52 u 56 iktar ’il fuq, huwa suffiċjenti sabiex jintwera li l-miżura kontenzjuża setgħet taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
61
Ir-rikorrenti b’hekk ma tistax validament issostni li l-ġurisprudenza li għaliha tirreferi (ara l-punti 20 sa 22 iktar ’il fuq) teżiġi li l-Kummissjoni teffettwa eżami iktar fil-fond f’dan ir-rigward.
62
Għal dak li jirrigwarda s-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabrik vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq (punt 24), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi lanqas l-iċken indikazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq inkwistjoni, il-pożizzjoni tal-benefiċjarju fis-suq, il-kurrenti tal-kummerċ u l-esportazzjoni tal-impriża. Billi għamlet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat il-fatturi li setgħu kienu rilevanti mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, filwaqt li enfasizzat li l-Kummissjoni ma kienet eżaminat l-ebda wieħed minn dawn. Madankollu, mill-imsemmija sentenza bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni għandha, f’kull każ individwali, tevalwa kull wieħed minn dawn il-fatturi.
63
Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidew f’dan ir-rigward li huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-għajnuna inkwistjoni hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni u li jiġu analizzati kemm l-istruttura tiegħu kif ukoll ir-relazzjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minnha (ara f’dan is-sens, is-sentenza Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punti 9 sa 12, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, Ġabra p. II-2319, punt 95).
64
Fir-rigward tas-sentenza L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, mill-punt 69 tal-imsemmija sentenza jirriżulta b’mod ċar li l-motiv ta’ annulament tad-deċiżjoni kontenzjuża, tal-1997 u li tirrigwarda s-settur tan-navigazzjoni f’Sardenja (l-Italja), kien li l-Kummissjoni kienet naqset milli tispjega r-raġuni li għaliha sistema ta’ għajnuna favur sidien Sardi tal-bastimenti setgħet taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju fis-settur ikkonċernat, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li l-kabotaġġ kien ġie lliberalizzat fuq livell Komunitarju biss sentejn wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Dan il-motiv ta’ annulament, speċifiku ħafna għall-imsemmija kawża, b’hekk ma jistax ikollu effett fuq l-evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonċerna settur li għalih japplikaw ir-regoli tal-moviment liberu tal-merkanzija.
65
Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tirreferi għas-sentenza Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, insostenn tal-argument tagħha. L-ewwel nett, il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tikkonċerna garanzija bankarja intiża li tippermetti lill-impriża benefiċjarja tikseb il-parti l-kbira tal-kapital ta’ impriża oħra, li tammonta għal differenza fattwali kunsiderevoli meta mqabbel mal-każ preżenti. Fil-fatt, fil-każ preżenti, il-miżura kontenzjuża tikkonsisti f’investiment bil-għan li tittejjeb u tikber il-produzzjoni tal-benefiċjarja, b’mod li ċ-ċirkustanzi rilevanti li għandhom jiġu esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux ikunu identiċi għal dawk prevalenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq. Imbagħad, għalkemm huwa minnu li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kienet tat xi informazzjoni speċifika fir-rigward tal-impriża akkwistata, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha li wasslet għal kostatazzjoni ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza kbira lill-fatt li l-eżami tal-Kummissjoni kien ġie limitat għall-impriża akkwistata u li ma kienet saret l-ebda evalwazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-benefiċjarja. Issa, fil-każ preżenti, l-eżami li l-Kummissjoni għamlet jittratta biss l-impriża benefiċjarja.
66
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata fir-rigward tal-effetti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u fuq il-kompetizzzjoni.
67
Konsegwentement, l-ewwel motiv u l-ewwel parti tar-raba’ motiv invokati mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.
2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(c) KE, u fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward
68
Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra utli li teżamina t-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, flimkien mat-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.
69
It-tieni motiv huwa suddiviż f’erba’ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida. It-tieni parti tikkonċerna n-nuqqas ta’ tweżin adegwat, minn naħa, tal-effetti benefiċi tal-miżura kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, tal-impatt tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ interkomunitarju. It-tielet parti hija bbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar l-impatt tas-sussidju fuq il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni fis-settur tal-malt. Ir-raba’ parti hija bbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-avvenimenti u tal-iżviluppi li seħħew bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti tas-sussidju u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
70
Għandu jsir eżami konġunt tal-ewwel u t-tielet partijiet tat-tieni motiv, peress li l-analiżi tal-ewwel parti teħtieġ ukoll l-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet dwar il-kapaċitajiet eżistenti u mistennija, kif ukoll għall-fatt li l-miżura kontenzjuża għandha bħala għan iż-żieda fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tar-rikorrenti.
Fuq l-ewwel u t-tielet partijiet, ibbażati rispettivament fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida u ta’ żball ta’ evalwazzjoni dwar il-kapaċità żejda
L-argumenti tal-partijiet
71
Ir-rikorrenti ssostni li t-tip ta’ investiment u ta’ prodotti inkwistjoni jindika b’mod ċar li hija tista’ ssib ftuħ normali fis-suq għall-prodotti tagħha fis-sens tal-punt 4.2.5 tal-linji gwida. Dan jikkonċerna prinċipalment ftuħ fis-swieq li qed jikbru barra mill-Komunità, b’mod li l-impatt tal-investiment fuq il-kapaċitajiet fi ħdan is-suq tal-malt ġewwa l-Komunità ikun newtrali jew, l-iktar, marġinali.
72
Fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, ir-rikorrenti ssostni li l-istabbiliment fejn jiġi ppreparat u maħżun ix-xgħir inkwistjoni jipproduċi biss malt HTST, kategorija ta’ malt innovattiva. Hija takkuża lill-Kummissjoni li ma evalwatx il-kwistjoni usa dwar jekk il-ftuħ normali setgħux jinsabu fis-suq tal-malt premium.
73
Dwar it-tip ta’ investiment, ir-rikorrenti ssostni li l-investiment ippermettielha timmodernizza l-impjanti tagħha ta’ produzzjoni ta’ malt u li ċċaqlaq il-kapaċitajiet tagħha mis-siti kontinentali u mhux effiċjenti lejn sit ħdejn il-kosta, b’aċċess faċli għax-xgħir għall-malt. Hija ssostni li l-kapaċitajiet il-ġodda ta’ Eemshaven b’hekk jippermettu li parti sostanzjali tal-bejgħ jiġi orjentat lejn l-esportazzjoni u sabiex tiġi sodisfatta d-domanda dejjem tikber ta’ kunsinna ta’ malt f’volum kbir tal-kumpanniji tal-birra, u dan jikkonferma li fis-suq għall-prodotti tagħha hemm ftuħ normali jew li tali ftuħ jista’ jinstab.
74
Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet eżistenti u mistennija fis-suq Komunitarju tal-malt, ir-rikorrenti tikkunsidra, essenzjalment, li l-Kummissjoni pprojbiet b’mod żbaljat l-għajnuna inkwistjoni, meta kien evidenti li l-kapaċità żejda eżistenti fis-suq tal-malt Komunitarju u dinji ma kinitx strutturali u kellha tiġi kkorreġuta fil-futur qarib.
75
F’dan ir-rigward, hija ssostni li s-settur tal-malt fil-Komunità huwa kkaratterizzat minn tendenza li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki tal-malt mhux effiċjenti, li jinsabu ’l bogħod mill-baħar, jitmexxew lejn fabbriki tal-malt moderni, li jinsabu f’portijiet jew qrib rotot importanti minn fejn jgħaddu l-bastimenti u li għandhom aċċess faċli għax-xgħir għall-malt. Billi tibbaża ruħha fuq ir-rapport ta’ RM International tat-22 ta’ April 2005 dwar is-suq tal-malt (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ RM International”) u fuq id-diversi rapporti ta’ H. M. G., hija ssostni li, fl-ewwel lok, dan il-proċess ta’ modernizzazzjoni wassal għal impjanti iktar orjentati lejn l-esportazzjoni ta’ malt lejn il-pajjiżi terzi, pjuttost milli lejn il-kummerċ intra-Komunitarju, kif ukoll għall-istabbiliment ta’ separazzjoni iktar ċara bejn l-istabbilimenti fejn jiġi ppreparat u maħżun ix-xgħir li jinsabu ’l bogħod mill-portijiet, li jipprovdu l-produzzjoni tagħhom fis-swieq nazzjonali ġewwa l-Komunità u l-istabbilimenti fejn jiġi ppreparat u maħżun ix-xgħir modernizzati, li jipprovdu l-produzzjoni tagħhom fis-swieq tal-esportazzjoni dejjem jikbru, barra mill-Komunità. Fit-tieni lok, dan il-proċess huwa msaħħaħ mit-tendenza li l-produtturi ta’ malt għandhom jissodisfaw domanda dejjem tikber min-naħa tal-kumpanniji tal-birra għall-provvista ta’ malt f’ammonti kbar u huma biss il-fabbriki tal-malt moderni, li jinsabu f’portijiet, jistgħu jissodisfaw din id-domanda. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tafferma li dan il-proċess iwassal prinċipalment għall-istabbiliment ta’ siti li għandhom aċċess faċli għax-xgħir għall-malt, pjuttost milli għall-istabbiliment ta’ siti li ma għandhomx aċċess faċli, li għandu bħala effett li l-istabbilimenti fejn jiġi ppreparat u maħżun ix-xgħir li ma għandhomx aċċess suffiċjenti għax-xgħir għall-malt għandhom iwaqqfu kapaċitajiet u jissostitwixxuhom b’kapaċitajiet modernizzati, viċin is-sorsi tax-xgħir għall-malt.
76
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkunsidra, l-ewwel nett, li ma hemm xejn li jsostni l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-investiment inkwistjoni jista’ jkollu effett negattiv fuq il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ malt u l-kundizzjonijiet tal-kummerċ fi ħdan il-Komunità. Hija ssostni li l-parti tal-impjanti l-ġodda ta’ Eemshaven, li hija orjentata għad-destinazzjonijiet Ewropej, tissostitwixxi l-kapaċità tas-siti kontinentali li ngħalqu f’Lieshout u f’Wageningen. Hija ssostni li l-kapaċità addizzjonali ta’ Eemshaven hija ta’ 55000 tunnellata.
77
Sabiex issostni dan l-argument, hija tirreferi għat-tabella tal-bejgħ irriprodotta fir-“Rendikont tal-bejgħ ta’ HM minn Deloitte” tas-6 ta’ Diċembru 2006 li tgħid li, fl-2006, il-fabbrika tal-malt ta’ Eemshaven għandha jkollha produzzjoni ta’ madwar 112220 tunnellata, li minnhom 79449 tunnellata għandha tiġi kkunsinnata lil destinazzjonijiet barra mill-Komunità u 32767 tunnellata għandha tiġi kkunsinnata lil destinazzjonijiet ġewwa l-Komunità, fejn jirriżulta li kull kapaċità addizzjonali ta’ Eemshaven ser tkun kważi esklużivament orjentata lejn destinazzjonijiet barra mill-Komunità.
78
Hija tikkritika lill-Kummissjoni li ma adottatx approċċ dinamiku u li ma evalwatx l-impatt tas-sussidju fid-dawl tal-iżvilupp tas-suq u tan-natura ta’ ċiklu ta’ dan is-suq inġenerali. Hija tosserva li din l-attitudni antiċipattiva tirriżulta wkoll mit-test tal-punt 4.2.5 tal-linji gwida, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tevalwa jekk jistax jinsab ftuħ normali fid-dawl tal-kapaċitajiet eżistenti u mistennija fis-suq tal-malt. Hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni (T-380/94, Ġabra p. II-2169), li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat il-metodu ta’ evalwazzjoni dinamika applikat mill-Kummissjoni li kien jikkonċerna t-tendenzi dinamiċi probabbli anki lil hinn mid-data li fiha l-kapaċità l-ġdida tat-tessuti tiġi introdotta fis-suq.
79
Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma wettqitx tali evalwazzjoni fil-każ preżenti, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rapporti dwar is-suq tal-malt, b’mod partikolari r-rapport ta’ RM International, li ddikjaraw li fl-2005 u fl-2006 is-suq tal-malt ġewwa l-Komunità kien għaddej minn tibdil strutturali importanti u li malajr ħafna, id-domanda għandha taqbeż l-offerta minħabba perspettivi ta’ żieda fil-produzzjoni tal-birra u tad-domanda għall-malt. Hija tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha tikkonċentra fuq il-perijodu wara l-mument li fih il-fabbrika ta’ Eemshaven tkun laħqet il-kapaċità sħiħa tagħha, jiġifieri fl-2006 u wara.
80
Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rapporti ta’ H. M. G., b’mod partikolari r-rapport tat-13 ta’ Lulju 2006 fuq l-istat tas-suq tal-malt (iktar ’il quddiem ir-“rapport G. ta’ Lulju 2006”), li jgħid li, “għal dak li jirrigwarda l-bilanċ bejn l-offerta u d-domanda ta’ malt, wieħed jista’ jgħid li ma hemmx iktar kapaċità kbira żejda […;] kull kapaċità żejda li jifdal tibqa’ f’marġni aċċettabbli”. Ir-rikorrenti tallega wkoll li, fil-laqgħat li għalihom hija pparteċipat mal-Kummissjoni, H. M. G. ġibdet l-attenzjoni tagħha fuq tibdil radikali viżibbli fis-suq bejn il-bidu tal-2006 u Lulju 2006, li kellu bħala effett li s-sitwazzjoni tal-offerta u d-domanda ta’ malt kienet iktar ibbilanċjata.
81
Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-prospettivi ta’ tkabbir fis-suq għall-esportazzjoni barra mill-Komunità. Hija tgħid li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li t-talba għal malt li qed tikber fix-xlokk tal-Asja tista’ tiġi sodisfatta mill-Awstralja u li s-swieq tal-malt li qed jikbru fl-Amerika t’Isfel u fl-Afrika għandhom jiġu sodisfatti minn kostruzzjonijiet ġodda fl-Arġentina u mit-tkabbir tal-Mercosur fil-Veneżwela u “eventwalment” f’pajjiżi oħra tal-Amerika t’Isfel.
82
Hija tikkunsidra li l-ftuħ kummerċjali tagħha fis-swieq emerġenti barra mill-Komunità għandu jitqies li huwa ftuħ kummerċjali supplimentari. Hija ssostni li, anki jekk hija tibda parzjalment tikkompeti għal dan il-ftuħ mal-produtturi ta’ malt Komunitarji, id-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni abitwalment tieħu skont il-linji gwida juru li din ma tistax tibbaża rifjut milli tiddikjara l-miżura kontenzjuża kompatibbli mas-suq komuni.
83
Dwar il-possibbiltà ta’ orjentazzjoni mill-ġdid tal-attivitajiet tagħha lejn is-suq Komunitarju, imsemmi fil-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssostni li dan mhux raġonevolment prevedibbli sa fejn hija sabet, u attwalment issib, ftuħ suffiċjenti fis-suq għall-prodotti tagħha u li hija tgawdi kontinwament minn tkabbir tas-suq fil-pajjiżi barra mill-Komunità.
84
Hija tirreferi għar-rapport tal-H. M. G. ta’ Novembru 2006 fuq l-istat tal-industrija tal-malt, li jgħid li l-kapaċità teorika dinjija għandha tiġi totalment assorbita, saħansitra maqbuża, mid-domanda dinjija ta’ malt fl-2007, b’mod li s-suq ikun ikkaratterizzat minn nuqqas ta’ malt fil-futur.
85
Hija tiddubita l-fatt li n-numru tal-liċenzji ta’ esportazzjoni huwa sors affidabbli insostenn ta’ konklużjonijiet fir-rigward tas-sehem tal-Komunità fil-kummerċ dinji tal-malt. Hija tikkunsidra li tnaqqis fin-numri tal-liċenzji ta’ esportazzjoni miksuba fil-Komunità jista’ jkun ukoll marbut ma’ nuqqasijiet temporanji ta’ xgħir għall-malt fi ħdan il-Komunità. B’hekk, dan in-numru ma jagħtix indikazzjoni tajba tal-potenzjal tal-Komunità li żżid il-parti tagħha fil-kummerċ dinji ta’ malt. Hija tikkunsidra li ċ-ċifri relatati mal-kapaċità għandhom dejjem jiġu interpretati u analizzati fid-dawl tat-tibdil strutturali li seħħ fi ħdan is-settur Komunitarju tal-malt.
86
Ir-rikorrenti tikkontesta l-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi s-sitwazzjoni tal-kapaċità żejda fis-suq tal-malt, b’mod partikolari r-riferiment għal rata ta’ użu ta’ 98%, li, hija tgħid, ma tirriflettix korrettament il-kapaċità fi ħdan il-Komunità. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li kważi l-ebda fabbrika ma tipproduċi s-sena kollha peress li regolarment ikun hemm xogħlijiet ta’ tiswija u ta’ titjib. Filwaqt li tirrikonoxxi li hija ma għandhiex informazzjoni preċiża dwar l-użu tal-kapaċità tal-produzzjoni kollha kemm hi, ir-rikorrenti tikkunsidra li din hija probabbilment inqas minn 98%.
87
Hija tikkritika lill-Kummissjoni dwar il-fatt li l-evalwazzjonijiet tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw l-impatt tal-investiment fuq il-kapaċità fis-suq Komunitarju tal-malt huma bbażati prinċipalment fuq ċifri pprovduti minn Euromalt, assoċjazzjoni ta’ produtturi ta’ malt li huma l-kompetituri tagħha u li b’hekk għandhom interess kummerċjali li jopponu l-modernizzazzjoni tal-kapaċitajiet tagħha. Hija ssostni li l-ittri ta’ Euromalt ma jispeċifikawx kif saru l-kalkoli tal-kapaċitajiet ta’ malt u tad-domanda għal malt u li l-Kummissjoni kellha tivverifika l-metodi li hija użat sabiex tagħmel dawn il-kalkoli u teżamina jekk dawn jirriflettux korrettament il-kapaċità eżistenti fis-settur tal-malt.
88
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni l-argumenti tar-rikorrenti.
89
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
90
L-Artikolu 87(3)(c) KE jippermetti lill-Kummissjoni, b’eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali stabbilita bl-Artikolu 87(1) KE li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.
91
Skont il-punt 4.2.5 tal-linji gwida, “[l-]ebda għajnuna ma tista’ tingħata skont il-punti 4.2.3 jew 4.2.4 jekk mhux muri b’mod suffiċjenti li xi ftuħ normali jista’ jinsab fis-suq għall-prodotti inkwisjoni [; i]r-rilevanza ta’ din id-demostrazzjoni għandha tiġi evalwata fil-livell xieraq fid-dawl tal-prodotti inkwistjoni, tat-tipi ta’ investimenti, kif ukoll tal-kapaċitajiet eżistenti u mistennija”.
92
Skont l-Artikolu 87(3) KE, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom jiġu effettwati f’kuntest Komunitarju. L-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali għandu jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni kif ukoll għall-istħarriġ tal-korrettezza materjali tal-fatti kkunsidrati u tan-nuqqas ta’ żball ta’ liġi, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew ta’ abbuż ta’ poter (sentenza tad-29 April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 83, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 2006, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, T-17/03, Ġabra p. II-1139, punt 41).
93
Il-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nnifisha gwidi għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha b’atti, bħal-linji gwida, sa fejn dawn għandhom kriterji indikattivi dwar id-direzzjoni li hija għandha l-intenzjoni li ssegwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 79, u Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 42).
94
Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni l-ewwel nett eżaminat l-eżistenza ta’ kapaċità żejda fis-swieq Komunitarji u dinjija tal-malt, kif ukoll il-kawżi tagħha u l-konsegwenzi tagħha.
95
Fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rriproduċiet tabella pprovduta minn Euromalt li tirrigwarda b’mod partikolari l-kapaċità żejda eżistenti fis-suq dinji tal-malt. Skont din it-tabella, l-imsemmija kapaċità żejda kienet ta’ 534000 tunnellata fl-2004 u ta’ 1950000 tunnellata fl-2006.
96
Il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, is-segwenti:
“[…] il-vijabbiltà tas-settur tal-malt ser ikun f’livell baxx ħafna fl-2005/2006, peress li numru kbir ta’ stabbilimenti li l-ispejjeż tagħhom huma koperti biss parzjalment ser jagħmlu telf. Hija probabbilment din il-vijabbiltà baxxa li wasslet lill-produtturi Ġermanżi kbir tal-malt, Weissheimer, jibda proċedimenti ta’ falliment fir-rebbiegħa tal-2006. Għandu jiġi indikat ukoll l-għeluq permanenti ta’ unitajiet oħra ta’ produzzjon tal-malt, fosthom erba’ fir-Renju Unit, tnejn fil-Ġermanja u wieħed fi Franza. F’dan il-każ dawn kienu stabbilimenti antiki li kienu ta’ impriżi kbar. Produtturi oħra tal-malt iddeċidew li jinnewtralizzaw temporanjament parti mill-kapaċitajiet tagħhom ta’ produzzjoni. F’każijiet oħra, unitajiet antiki ta’ produzzjoni tal-malt ġew sostitwiti minn unitajiet ġodda […]”
97
Fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet is-segwenti:
“[…] il-kapaċità [Komunitarja] tal-produzzjoni totali intużat għall-inqas għal 98% fil-2002-2004 […] Fl-2005, ir-rata ta’ użu kien iktar baxx, il-produzzjoni ta’ malt kienet stabbilita għal 8.4 miljun tunnellata u l-kapaċità għal 8.8 miljun tunnellata. Għal dak li jirrigwarda l-istaġun 2006/2007, il-produzzjoni totali ġiet prevista li tkun ta’ 8 miljun tunnellata għal kapaċità ta’ 8.8 miljun tunnellata. Dan it-tnaqqis fir-rata tal-użu jidher madankollu li jirrefletti r-reazzjoni tal-impriżi tas-settur li, kkonfrontati minn qligħ baxx, jiddeċiedu li jipproduċu inqas malt u li jinnewtralizzaw temporanjament xi kapaċitajieti ta’ produzzjoni […]”
98
Fl-aħħar nett, fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża s-segwenti:
“[…] Lejn it-tmiem tal-ewwel semestru [tal-]2006, jidher li ntlaħaq bilanċ bejn il-produzzjoni u d-domanda effettiva ta’ malt fil-Komunità, peress li l-produtturi tagħlmu jillimitaw il-produzzjoni tagħhom abbażi tal-possibbiltajiet ta’ bejgħ. Madankollu, anki wara l-imsemmija għeluq tal-unitajiet ta’ produzzjoni ineffiċjenti, il-kapaċità totali ta’ produzzjoni ta’ malt fil-Komunità għadha taqbeż b’madwar 600000 tunnellata d-domanda effettiva […] Il-Kummissjoni b’hekk ma għandha l-ebda indikazzjoni li tagħti l-wieħed x’jaħseb li fil-futur qarib ser ikun hemm żvilupp fis-sitwazzjoni attwali kkaratterizzata minn kapaċità żejda.”
99
Wara li spjegat l-eżistenza ta’ kapaċità żejda Komunitarja kunsiderevoli essenzjalment permezz tal-insuffiċjenza ta’ ftuħ fis-swieq Komunitarji u dinjija tal-malt, il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-rikorrenti li jgħidu li l-karatteristiċi tal-investiment inkwistjoni jimplikaw li l-għajnuna iktar ser tinfluwenza l-kummerċ mal-pajjiżi terzi milli l-kummerċ intra-Komunitarju. F’dan ir-rigward, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tindika li, “[f]is-settur Komunitarju tal-malt, [kienu] jeżistu wkoll gruppi kbar li [kienu] jikummerċjalizzaw il-malt tagħhom kemm fis-suq tal-Komunità kif ukoll f’dak tal-pajjiżi terzi [; li r-rikorrenti] [kienet] tagħmel parti minn din il-kategorija; [li] l-pożizzjoni tagħha f’port b’baħar fond [kienet] tippermettilha li fl-istess ħin tforni kemm is-suq Komunitarju kif ukoll is-swieq extrakomunitarji […; u li] fil-program tagħha ta’ attivitajiet ta’ Awwissu 2003, ir-[rikorrenti indikat] li hija [kienet] tipprevedi li fl-2005 tbigħ 71540 tunnellata ta’ malt fl-Ewropa”. Il-Kummissjoni tippreċiża, fil-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[j]ista’ jkun hemm xi stabbilimenti fejn jiġi ppreparat u maħżun ix-xgħir prinċipalment orjentati lejn esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi [fosthom ir-rikorrenti], li ma jsibux xerrejja għall-produzzjoni destinata għall-esportazzjoni u kinsegwentement ikollhom ibiegħuha fil-Komunità [; i]l-kuntrarju huwa wkoll possibbli […; ] hemm rabta f’dan is-sens bejn dak li jiġri barra mill-Komunità u s-sitwazzjoni intra-Komunitarja, u viċe versa.”
100
Barra minn hekk, fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, il-Kummissjoni eżaminat u ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-eżistenza ta’ suq separat u, b’hekk, ta’ ftuħ distint għall-malt premium.
101
Fl-aħħar nett il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, is-segwenti:
“Fid-dawl tal-konklużjonijiet […] dwar il-kapaċità żejda fis-suq tal-malt, tal-effetti eventwali tal-miżura ta’ għajnuna kkunsidrata fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u l-impossibbiltà li tintwera l-eżistenza ta’ suq verament distint għall-malt premium, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura ta’ għajnuna mhijiex konformi mal-punt 4.2.5 tal-linji gwida, li jipprovdi li l-ebda għajnuna ma tista’ tingħata għall-investimenti dwar prodotti li għalihom ma jistax jinsab ftuħ normali fis-suq.”
102
Permezz tal-ewwel u t-tielet partijiet tat-tieni motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni li, minn naħa, interpretat u applikat b’mod żbaljat il-linji gwida fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ftuħ normali u, min-naħa l-oħra, li wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-kapaċità żejda fis-suq tal-malt.
103
Peress li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ ftuħ normali fis-suq hija bbażata essenzjalment fuq il-kostatazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ kapaċità żejda ta’ produzzjoni meta mqabbla mad-domanda għal malt, għandha l-ewwel nett tiġi eżaminata l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.
— Fuq il-kapaċità żejda fis-suq tal-malt
104
Huwa paċifiku bejn il-partijiet li s-suq tal-malt huwa dinji, hekk kif jirriżulta mis-sorsi annessi mal-kitbiet tal-partijiet. Barra minn hekk, hekk kif ġie stabbilit fil-punt 44 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ suq distint għall-malt HTST jew għall-malt premium. Barra minn hekk, l-affermazzjoni tagħha, li tgħid li “l-bejgħ ta’ HTST jieħu post il-bejgħ eżistenti ta’ malt standard” u li essenzjalment tindika li hija tista’ tbigħ il-malt HTST lix-xerreja li preċedentement kienu jfornu ruħhom, parzjalment jew totalment jew, b’malt “standard”, tikkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li hija tikkompeti ma’ produtturi oħra għall-istess ftuħ fis-suq.
105
L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kkonkludiet li hemm kapaċità żejda fis-suq Komunitarju prinċipalment fuq il-bażi tas-sorsi ta’ Euromalt, li hija organizzazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-kompetituri tagħha, filwaqt li injorat l-indikazzjonijiet kuntrarji.
106
F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq iċ-ċifri dwar il-kapaċità u l-produzzjoni effettiva Komunitarja bejn l-2002 u l-2005 b’kunsiderazzjoni taċ-ċifri li jidhru fir-rapport tal-H. M. G. għall-istaġun 2004/2005, li jirriżultaw minn statistika nazzjonali u minn informazzjoni tal-Euromalt u tal-Eurostat. Dawn iċ-ċifri jindikaw li l-kapaċità żejda fl-2002 u fl-2004 telgħet għal inqas minn 200000 tunnellata, li, fid-dawl ta’ kapaċità ta’ 8.6 miljun tunnellata fl-2002 u ta’ 8.8 miljun tunnellata fl-2004, jikkorrispondi għal rata ta’ użu ta’ 98%. Fl-2003, il-kapaċità żejda kienet biss ta’ 37000 tunnellata, li tikkorrispondi għal rata ta’ użu ta’ kapaċitajiet ta’ 99.6%. Il-Kummissjoni qalet ukoll li ċ-ċifri li jidhru fir-rapport tal-Frontier Economics jenfasizzaw rata ta’ użu komparabbli. Imbagħad, billi tikkwota bħala sors rapport tal-H. M. G. tat-2 ta’ Mejju 2006 (iktar ’il quddiem ir-“rapport G. ta’ Mejju 2006”), hija indikat li, “[f]l-2005, ir-rata ta’ użu kienet iktar baxxa, il-produzzjoni ta’ malt stabbilizzat ruħha għal 8.4 miljun tunnellata u l-kapaċità għal 8.8 miljun tunnellata[; g]ħal dak li jirrigwarda l-istaġun 2006/2007, hija prevista produzzjoni totali ta’ 8 miljun tunnellata għal kapaċità ta’ 8.8 miljun tunnellata”. Il-Kummissjoni kkonstatat li t-tnaqqis tar-rata ta’ użu kienet donnha tirrifletti r-reazzjoni tal-impriżi tas-settur li, ikkonfrontati b’vijabbiltà baxxa, iddeċidew li jipproduċu inqas malt u jinnewtralizzaw temporanjament il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni. Hija qalet ukoll li, għall-istaġun 2006/2007, din is-sitwazzjoni setgħet tiġi spjegata wkoll bil-ħsad medjokri ta’ xgħir għall-produzzjoni tal-birra. Hija sostniet li miċ-ċifri dwar l-2002, l-2003 u l-2004 jirriżulta li kien possibbli li tintuża għall-inqas 98% tal-kapaċità totali tal-produzzjoni (premessi 70 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata).
107
L-ewwel nett, għandu jiġi kkostatat li l-Kummissjoni bbażat ruħa fuq sorsi varji li b’mod unanimu kienu jindikaw l-eżistenza tal-kapaċità żejda kunsiderevoli fis-suq Komunitarju tal-malt, li żdiedet fl-2005 meta mqabbla mal-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2004. Barra minn hekk, hija indikat li, skont ir-rapport G. ta’ Mejju 2006, il-kapaċità żejda fis-suq Komunitarju kellha tilħaq livell rekord fl-2006/2007, li tammonta għal 800000 tunnellata, jiġifieri 9% tal-kapaċità totali. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fuq l-eżistenza ta’ kapaċità żejda hija bbażata prinċipalment fuq l-osservazzjonijiet ta’ Euromalt hija infondata.
108
It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li teżisti kapaċità żejda strutturali fil-Komunità meta mqabbla mal-ftuħ fis-suq, hija ċarament ikkonfermata mir-rapport G. ta’ Lulju 2006, li għalih tirreferi r-rikorrenti diversi drabi. F’dan ir-rapport, huwa indikat is-segwenti:
“Sa mill-2004, iżda l-iktar fl-2005 u fl-2006, l-industrija Komunitarja kienet ikkaratterizzata minn kapaċità żejda li ma setgħetx tinbiegħ, ta’ iktar minn miljun tunnellata. […] It-telf tal-produtturi tal-malt kienu kunsiderevoli fl-2005 u probabbilment ikunu agħar fl-2006. Madankollu, il-produtturi tal-malt ta’ diversi pajjiżi, fi Franza, fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, bdew inaqqsu l-produzzjoni minflok ibiegħu l-malt b’marġni totalament mhux vijabbli”.
109
It-tielet nett, ir-rikorrenti u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jakkużaw lill-Kummissjoni li injorat l-affermazzjonijiet li jidhru fir-rapport G. ta’ Lulju 2006, li jgħidu li, “għal dak li jirrigwarda l-bilanċ bejn l-offerta u d-domanda ta’ malt, jista’ jingħad li mhemmx iktar kapaċità żejda kbira” u li “[k]ull kapaċità żejda li tibqa’ taqa’ f’marġni aċċettabbli”.
110
Għandu jitfakkar li l-parti rilevanti tar-rapport G. ta’ Lulju 2006 jipprovdi li:
“Il-kostruzzjonijiet il-ġodda u l-għeluq irriżultaw f’kapaċità Komunitarja attwali ta’ produzzjoni ta’ malt ta’ 8.8 miljun tunnellata għall-użu stmat, inklużi l-esportazzjonijiet, ta’ 8.2 miljun tunnellata, jiġifieri 93.2% tal-kapaċità […] Għal dak li jirrigwarda l-bilanċ bejn l-offerta u d-domanda ta’ malt, jista’ jingħad li mhemmx iktar kapaċità żejda kbira. Il-produtturi tal-malt fi swieq inqas aġevolati tgħalmu jnaqqsu l-produzzjoni sal-livell tal-volumi tal-bejgħ possibbli, b’mod li l-pressjonijiet fuq il-prezz tal-malt ma jkunux iktar dovuti għal provvista kbira wisq”
111
Minn dan isegwi li anki skont ir-rapport inkwistjoni, tat-13 ta’ Lulju 2006, il-kapaċità żejda li kienet teżisti fis-suq Komunitarju sal-mument tat-tħejjija tiegħu kienet tammonta għal 600000 tunnellata. Din iċ-ċifra kienet ogħla fil-perijodu li fih il-Kummissjoni kkonċentrat l-eżami tagħha (2003 sa 2006) u, barra minn hekk, kienet turi tendenza dejjem tiżdied tal-kapaċità żejda fi ħdan il-Komunità, peress li, fl-2005, skont id-deċiżjoni kkontestata, din iċ-ċifra kienet biss ta’ 400000 tunnellata (ara l-punt 106 iktar ’il fuq). Il-validità tal-affermazzjoni li tgħid li “[g]ħal dak li jirrigwarda l-bilanċ bejn l-offerta u d-domanda ta’ malt, jista’ jingħad li mhemmx iktar kapaċità żejda kibira” hija kompromessa mill-kuntest immedjat tagħha. Fil-fatt, fid-dawl, l-ewwel nett, tal-livell rekord tal-kapaċità żejda (600000 tunnellata) indikat fl-istess paragrafu tar-rapport; it-tieni nett, tal-affermazzjoni li tgħid li parti mill-produtturi tagħlmu jillimitaw il-produzzjoni tagħhom għal livell li jikkorrispondi għall-bejgħ possibbli u, it-tielet nett, tar-riferiment għall-bilanċ bejn l-offerta u d-domanda, u mhux tal-bilanċ bejn il-kapaċitajiet u d-domanda, għandu jiġi osservat li t-tibdil li s-silta inkwistjoni għandha l-għan li tikkomunika ma tammontax għal tnaqqis tal-kapaċità żejda, iżda għal tnaqqis tal-produzzjoni żejda (jew offerta żejda) Komunitarja.
112
Għandu jingħad li l-Kummissjoni stabbilixxiet it-tnaqqis tal-produzzjoni żejda Komunitarja, billi kkonstatat, fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “[l]ejn it-tmiem tal-ewwel semestru [tal-]2006, jidher li reġa ġie stabbilit il-bilanċ bejn il-produzzjoni u d-domanda effettiva ta’ malt fil-Komunità, peress li l-produtturi tgħalmu jillimitaw il-produzzjoni tagħhom skont il-possibilitajiet ta’ bejgħ”. Hija tikkwota f’dan ir-rigward bħala sors ir-rapport G. ta’ Lulju 2006. Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-rapporti u l-perizji tal-esperti indipendenti, hija madankollu mhijiex eżentata milli tevalwa x-xogħlijiet tagħhom, peress li hija għandha r-responsabbiltà ċentrali u esklużiva li tiżgura, taħt l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja, l-osservanza tal-Artikolu 87 KE u l-implementazzjoni tal-Artikolu 88 KE (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il-Kummissjoni, T-274/01, Ġabra p. II-3145, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-Kummissjoni ma setgħetx terġa’ ssostni, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, l-affermazzjonijiet, li jinsabu fir-rapport G. ta’ Lulju 2006, iċċitati fil-punt 109 iktar ’il fuq, dwar tnaqqis tal-kapaċità żejda, peress li t-tnaqqis tal-produzzjoni Komunitarja (ta’ 8.4 miljun tunnellata fl-2005 għal 8.2 miljun tunnellata fl-2006), minħabba l-livell stabbli tal-kapaċitajiet Komunitarji fl-2005 u fl-2006 (8.8 miljun tunnellata), effettivament isarraf f’żieda fil-kapaċità żejda.
113
Għal dak li jirrigwarda l-laqgħat bejn H. M. G. u l-Kummissjoni fl-2006, għandu jingħad li, skont l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, H. M. G. ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq tibdil radikali viżibbli fis-suq li kellu bħala effett li s-sitwazzjoni tal-offerta u tad-domanda tal-malt tkun iktar bilanċjata. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Kummissjoni semmiet dan it-tibdil fid-deċiżjoni kkontestata, billi ddikjarat, fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “[l]ejn tmiem l-ewwel semestru [tal-] 2006, jidher li reġa ġie stabbilit il-bilanċ bejn il-produzzjoni u d-domanda effettiva ta’ malt fil-Komunità, peress li l-produtturi tgħalmu jillimitaw il-produzzjoni tagħhom skont il-possibilitajiet ta’ bejgħ”.
114
Fl-aħħar nett, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu interpretati li għandhom l-għan li jikkontestaw ukoll il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ kapaċità żejda fis-suq dinji tal-malt, għandu jingħad li dan l-argument lanqas mhuwa fondat. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda sors ta’ statistika li jikkonfuta l-eżistenza ta’ kapaċità żejda fis-suq dinji. It-tieni nett, ir-rapport G. ta’ Lulju 2006 jirreferi għall-kostruzzjoni reċenti tal-kapaċitajiet importanti fil-pajjiżi terzi, li, flimkien mal-kostruzzjoni tal-kapaċitajiet il-ġodda Komunitarji, kellhom il-konsegwenza li l-industrija Komunitarja kellha taffaċċja “kapaċità żejda li ma tistax tinbieħ ta’ iktar minn miljun tunnellata” fl-2005 u fl-2006.
115
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament stabbiliet l-eżistenza ta’ kapaċità żejda fis-swieq Komunitarju u dinjija tal-malt meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u l-argumenti kollha tar-rikorrenti li jitfgħu dubju fuq l-affidabbiltà tas-sorsi li jsostnu l-konklużjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-kapaċità żejda, għandhom jiġu miċħuda.
116
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istabbiliment mill-ġdid ta’ bilanċ bejn il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u d-domanda, li kienet diġà prevedibbli meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Hija tinvoka, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari s-sentenza AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, kif ukoll diversi rapporti tal-esperti li hija annettiet mar-rikors.
117
L-ewwel nett, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni prospettiva fid-deċiżjoni kkontestata. Hija analizzat il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-volumi tal-produzzjoni ta’ malt mhux biss fl-2005, iżda wkoll fir-rigward tal-istaġun 2006/2007, billi bbażat ruħha fuq ir-rapport G. ta’ Mejju 2006 (premessi 70 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija eżaminat it-tendenzi futuri dwar il-produzzjoni tal-malt fil-livell Komunitarju u fil-livell dinji, l-istruttura u t-tibdil prevedibbli tad-domanda tal-malt minn naħa tal-birreriji, u saħansitra rreferiet għall-Kunsill Internazzjonali taċ-ċereali għal dak li jirrigwarda t-tibdil fil-volum tal-kummerċ ta’ malt previst sal-2010 (premessi 58. 59, 62 sa 68 u 72 tad-deċiżjoni kkontestata).
118
Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni prospettiva dwar il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ malt u l-iżvilupp tal-kummerċ Komunitarju, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija kompatibbli mal-prinċipju li ħareġ mis-sentenza AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, u li l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ analiżi prospettiva huma infondati.
119
It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la kellha t-tabella ta’ bejgħ riprodotta fir-rendikont tal-bejgħ ta’ Deloitte, tas-6 ta’ Diċembru 2006, u lanqas mir-rapport tal-H. M. G. ta’ Novembru 2006 fuq l-istat tal-industrija tal-malt, li ġew annessi mar-rikors. Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-legalità ta’ att Komunitarju għandu jiġi evalwat abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data ta’ meta l-att ġie adottat u li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati biss abbażi ta’ dawk l-elementi li din kellha meta tkun għamlithom (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T-126/99, Ġabra p. II-2427, punt 33; Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 54, ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 16). Konsegwentement, sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka elementi li l-Kummissjoni ma kinitx taf bihom matul il-proċedura amministrattiva.
120
It-tielet nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rapport ta’ RM International, għandu qabel kollox jingħad li dan ir-rapport ma ppreżentax analiżi kompluta, sostnuta minn informazzjoni konkreta, minn tendenzi eżistenti u minn żviluppi futuri dwar is-suq tal-malt. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tirreferi għar-rapport ta’ RM International fil-premessi 27 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rapport ta’ RM International ma jsemmix li s-suq tal-malt jilħaq malajr ħafna stat fejn id-domanda taqbeż l-offerta minħabba perspettivi pożittivi ta’ żieda fil-produzzjoni tal-birra u tad-domanda ta’ malt, hekk kif tallega r-rikorrenti. Għal kuntrarju, skont ir-rapport, “fid-dawl tal-fatt li ż-żieda tal-produzzjoni dinjija tal-birra naqset fis-snin preċedenti, nistgħu nosservaw li d-domanda qed tassorbi iktar bil-mod il-produzzjoni l-ġdida ta’ malt”.
121
Konsegwentement, anki l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.
122
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tagħha dwar il-kapaċità żejda.
— Fuq in-nuqqas ta’ ftuħ normali
123
Ir-rikorrenti madankollu ssostni li l-Kummissjoni injorat fatturi li jinfluwenzaw ir-rata ta’ użu tal-kapaċitajiet, bħax-xogħlijiet fil-fabbriki u n-nuqqas ta’ xgħir għall-malt, b’mod li hija kkunsidrat b’mod żbaljat li l-eżistenza ta’ kapaċità żejda kienet attribwibbli għan-nuqqas ta’ ftuħ normali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li hija tista’ faċilment issib ftuħ normali għall-prodotti tagħha fid-dawl tal-kwalità mtejba tal-malt HTST u tal-fatt li t-tip ta’ investiment inkwistjoni jippermettilha tforni lix-xerrejja extra Komunitarji.
124
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel argument tar-rikorrenti, għandu jiġi osservat li l-kapaċità żejda dejjem tikber ikkonstatata mill-Kummissjoni għal-2005 u l-2006 ma jistgħux jiġu spjegati bl-affermazzjoni tal-H. M. G., li tgħid li “kważi l-ebda fabbrika ma tipproduċi s-sena kollha peress li regolarment ikun hemm xogħlijiet ta’ tiswija u ta’ titjib”. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jingħad li l-kapaċità żejda fl-2003 kienet biss ta’ 37000 tunnellata, li jeskludi li x-xogħlijiet regolari ta’ tiswija u ta’ titjib jistgħu jkunu responsabbli għal kapaċità żejda Komunitarja ta’ bejn 400000 u 600000 tunnellata fl-2005 u fl-2006, aħseb u ara għall-kapaċità żejda ta’ 800000 tunnellata għall-istaġun 2006/2007, prevista fir-rapport G. ta’ Mejju 2006.
125
Għal dak li jirrigwarda r-riferiment għall-allegat nuqqas ta’ xgħir għall-malt, għandu jingħad li l-Kummissjoni tirreferi għal dan il-fattur fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn tiddikjara li “[g]ħall-istaġun 2006/2007, [it-tnaqqis fir-rata tal-użu] jista’ jiġi spjegat ukoll mil-ħsad medjokri ta’ xgħir għall-produzzjoni tal-birra”. Ir-rikorrenti madankollu ma tressaq l-ebda sors u l-ebda ċifra konkreta li tagħmel plawżibbli l-ipoteżi li tgħid li n-nuqqas ta’ xgħir għall-malt kien il-fattur determinanti li wassal għat-tnaqqis sinjifikattiv tar-rata ta’ użu.
126
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija sostnuta, barra minn hekk, mir-rapport G. ta’ Lulju 2006, li tgħid li, minħabba kompetizzjoni mqanqla, il-prezz tal-malt waqa’ sa’ livell fejn il-produzzjoni ma kinitx iktar vijabbli u li dawn iċ-ċirkustanzi fis-suq wasslu għall-għeluq ta’ ċerti unitajiet ta’ produzzjoni u l-limitazzjoni tal-produzzjoni ta’ unitajiet oħra. Barra minn hekk, il-ħsad ħażin ta’ xgħir għall-malt fis-sena inkwistjoni ma jispjegax l-għeluq definittiv tal-fabbriki fil-Komunità.
127
Bl-istess mod, ir-rapport G. ta’ Lulju 2006, li għalih tirreferi diversi drabi r-rikorrenti, jispjega kif iriżultat kapaċità żejda fi ħdan il-Komunità, minn naħa, minħabba l-aspettattivi tal-produtturi Komunitarji dwar żieda mgħaġġla fid-domanda extra Komunitarja, li wasslu lil dawn tal-aħħar jiżviluppaw kapaċitajiet ġodda, u, min-naħa l-oħra, minħabba t-tibdil ulterjuri fiċ-ċirkustanzi fis-suq, li kellhom l-effett li l-kapaċitajiet il-ġodda ħolqu produzzjoni żejda meta mqabbla mad-domanda fis-suq dinji. F’dan ir-rigward, l-imsmemmi rapport jindika s-segwenti:
“Ir-relazzjoni bejn il-bejgħ domestiku u l-esportazzjoni kienet ta’ 70/30 favur il-bejgħ domestiku, iżda s-swieq domestiċi kienu pjuttost stabbli, filwaqt li s-swieq tal-esportazzjoni kienu jidhru li ma jistux jiġu sodisfatti. Kważi l-estensjonijiet jew il-fabbriki l-ġodda kollha kienu jirrigwardaw iż-żoni favorevoli għall-esportazzjoni, Rouen, Anvers, Rulsbroek, Eemshaven u Halmstad. Meta nbdiet il-kostruzzjoni tal-kapaċitajiet il-ġodda u meta ntlaħqu ċifri rekord ta’ esportazzjoni, l-atmosfera kienet diġà nbidlet. Il-bejgħ domestiku tal-birra kien diżappuntanti, l-industrija tal-birra Ġappuniża kienet tipproduċi u tbiegħ birra li kellha livell baxx ta’ malt u wara birra mingħajr malt, il-produtturi tal-birra Brażiljani kienu jixtru ammonti dejjem ikbar mill-Arġentina, membru ġarr tal-Mercosur. L-iktar tibdil importanti madankollu seħħ fir-Russja, fejn il-kumpanniji internazzjonali u russi bnew industrija ta’ malt ta’ madwar 1.5 miljun tunnellata, li rrendiet kull importazzjoni mhux neċessarja, ħlief għal ammont żgħar mill-ġirien diretti tagħhom.”
128
Bl-istess mod, ir-rapport tal-Frontier Economics jattribwixxi t-tnaqqis tar-rata tal-użu tal-kapaċitajiet Komunitarji għat-tiċkin tal-ftuħ extra Komunitarji, fejn jindika li “[r]aġuni prinċipali ta’ dan it-tnaqqis fl-esportazzjoni kien it-tnaqqis fid-domanda Russa għall-importazzjoni ta’ malt […; g]ħalkemm l-istimi tal-produzzjoni Komunitarja għall-2004-2005 għadhom mhumiex disponibbli, huwa mistenni li t-tnaqqis fl-esportazzjoni […] seta wassal għal livelli iktar baxxi ta’ użu tal-kapaċità fl-Ewropa.”
129
Konsegwentement, għandu jingħad li l-atti tal-proċess jikkorroboraw l-eżistenza tar-rabta kawżali, ikkonstatata mill-Kummissjoni, bejn il-kapaċità żejda u n-nuqqas ta’ ftuħ normali fis-suq tal-malt, b’mod li l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw żball ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.
130
Permezz tat-tieni argument tagħha, ir-rikorrenti ssostni li hija tista’ faċilment issib ftuħ normali għall-prodotti tagħha, fid-dawl b’mod partikolari tal-kwalità mtejba tal-malt HTST u tal-fatt li t-tip ta’ investiment – b’mod partikolari l-pożizzjoni ġeografika tal-istabbiliment fejn jiġi ppreparat u maħżun ix-xgħir ta’ Eemshaven fil-viċinanzi kemm taż-żoni fejn jitkabbar ix-xgħir għall-malt u ta’ port b’baħar fond – jippermetti li jiġu fornuti xerrejja extra Komunitarji.
131
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jingħad li r-rikorrenti bbażat ruħha fuq qari żbaljat tal-linji gwida meta sostniet li l-punt 4.2.5 tal-linji gwida, li jgħid li għandu jintwera li “ftuħ normali seta’ jinsab fis-suq tal-prodotti inkwistjoni”, jikkonċerna essenzjalment turija tal-eżistenza ta’ ftuħ għall-prodotti tal-benefiċjarju tal-għajnuna.
132
Skont il-ġurisprudenza, il-linji gwida ma jistgħux jinftehmu biss fid-dawl tal-kliem tagħhom. Għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 87 KE u tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri dak ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Diċembru 2004, Kronofrance vs Il-Kummissjoni, T-27/02, Ġabra p. II-4177, punt 89).
133
Bl-istess mod, għalkemm il-Kummissjoni hija marbuta mil-linji gwida u mill-komunikazzjonijiet li hija tadotta fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, dan jgħodd biss sa fejn dawn it-testi ma jiddevjawx minn applikazzjoni korretta tar-regoli tat-Trattat, peress li l-imsemmija testi ma jistgħux jiġu interpretati f’sens li jnaqqas il-portata tal-Artikoli 87 KE u 88 KE jew li jikser l-għanijiet previsti minnhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C-75/05 P u C-80/05 P, Ġabra p. I-6619, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).
134
Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, stabbilit bl-Artikolu 87(1) KE, għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ April 2008, SIDE vs Il-Kummissjoni, T-348/04, Ġabra p. II-625, punt 62; ara, fir-rigward tat-Trattat KEFA, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, C-280/99 P sa C-282/99 P, Ġabra p. I-4717, punt 40, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Settembru 1997, UK Steel Association vs Il-Kummissjoni, T-150/95, Ġabra p. II-1433, punt 114).
135
L-għajnuna mill-Istat għall-investiment minna nnifisha ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tiegħu, peress li l-ammont mogħti jnaqqas l-ispejjeż ta’ investiment li għandu jħallas il-benefiċjarju u għalhekk jpoġġih f’pożizzjoni iktar favorevoli meta mqabbla ma dik tal-produtturi l-oħra tas-settur, li għamlu jew li għandhom l-intenzjoni jagħmlu investiment simili minn buthom (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Philippe Morris Holland vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 11, u tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il-Kummissjoni, 310/85, Ġabra p. 901, punt 8). B’hekk, minħabba l-kompetittività miżjuda li l-benefiċjarju kiseb minħabba l-għajnuna, din tal-aħħar għandha, fiha nnfisha, l-effett li tippermettilu jsib b’iktar faċilità ftuħ għall-prodotti tiegħu meta mqabbel mal-prodotti mhux issusidjati. Fil-fatt, iktar mas-sussidju jkun kbir, iktar ikun faċli li jinsab ftuħ għall-prodotti tal-benefiċjarju.
136
Minn dan isegwi li, jekk l-eżami fis-sens tal-punt 4.2.5 tal-linji gwida jsir essenzjalment fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ ftuħ għall-prodotti ssussidjati tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni, u mhux billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tas-suq inġenerali li fi ħdanu l-benefiċjarju qed jikkompeti mal-produtturi l-oħra għall-istess ftuħ, dan ikun ifisser li tiġi awtorizzata għajnuna li, filwaqt li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, tiżgura li jkun hemm ftuħ għall-prodotti tal-benefiċjarju anki f’suq ikkaratterizzat minn produzzjoni żejda jew minn kapaċità żejda, li fih il-kompetituri mhux sussidjati jaffaċċaw diffikultajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom. Interpretazzjoni bħal din tal-linji gwida b’hekk tmur kontra l-Artikolu 87 KE.
137
B’hekk jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li juru li, minħabba l-kwalità mtejba tal-malt HTST, is-sitwazzjoni ġeografika tal-fabbrika ta’ Eemshaven u l-kapaċità tagħha li tforni malt f’ammonti kbar, hija għandha faċilment issib ftuħ normali fis-suq għall-prodotti tagħha, għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti.
138
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta attribwiet l-eżistenza ta’ kapaċità żejda fis-suq Komunitarju u dinji tal-malt għan-nuqqas ta’ ftuħ normali għall-produzzjoni.
139
L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti mressqa f’dan il-kuntest ma jikkonfutawx din il-konklużjoni.
140
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li kważi l-produzzjoni kollha tagħha ser tkun orjentata lejn id-destinazzjonijiet extra Komunitarji, b’mod li hija ma tikkompetix għall-istess ftuħ mal-produtturi l-oħra Komunitarji.
141
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-portata ġeografika tas-suq tal-malt hija dinjija. Barra minn hekk, hekk kif ġie stabbilit fil-punt 44 iktar ’il fuq, ma jeżistix suq għall-prodott distint għall-malt premium jew għall-malt HTST. Konsegwentement, ir-rikorrenti jikkompetu mal-produtturi Komunitarji l-oħra fl-istess suq tal-prodott u ġeografiku, għaldaqstant hija tikkompeti magħhom għall-istess ftuħ. It-tieni nett, ir-rapport tal-Frontier Economics, mitlub mir-rikorrenti, jindika li, huwa “mistenni li l-malt HTST […] prodott f’Eemshaven jieħu post, għall-inqas parzjalment, il-bejgħ […] tal-produtturi l-oħra ta’ malt standard, inkluż ta’ dawk li għandhom kapaċitajiet żejda”. Din l-affermazzjoni tindika b’mod ċar li r-rikorrenti għandha l-intenzjoni takkwista parti mill-ftuħ ta’ bejgħ eżistenti ta’ produtturi oħra Komunitarji.
142
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li s-swieq extra Komunitarji mhux ser ikunu jistgħu, fis-snin li ġejjin, jassorbu l-kapaċità żejda Komunitarja u li n-numru ta’ liċenzji ta’ esportazzjonijiet stabbiliti ma jammontawx għal sors affidabbli sabiex jiġi segwit l-iżvilupp tal-esportazzjonijiet.
143
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport G. ta’ Lulju 2006 u dak ta’ Frontier Economics jindikaw b’mod ċar (ara l-punti 127 u 128 iktar ’il fuq) li l-possibbiltajiet ta’ bejgħ tal-malt Komunitarju fil-pajjiżi terzi naqsu radikalment lejn l-aħħar tal-perijodu kkunsidrat mill-Kummissjoni (fl-2005 u fl-2006), u li l-imsemmija rapporti jagħtu lil wieħed x’jifhem li dan it-tnaqqis, flimkien mal-kostruzzjoni ta’ kapaċitajiet ġodda Komunitarji, kien il-fattur prinċipali li kkawża l-kapaċità żejda Komunitarja. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda sors, disponibbli għall-Kummissjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, li kien jindika żieda mgħaġġla u prevedibbli fil-ftuħ extra Komunitarju. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li s-swieq extra Komunitarji mhux ser ikunu jistgħu jassorbu, fil-futur prevedibbli, il-kapaċità żejda Komunitarja.
144
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li, minħabba l-għeluq reċenti u prevedibbli tal-fabbriki ineffiċjenti jew li jinsabu fiż-żoni ġeografiċi anqas vantaġġużi, il-kapaċità żejda għandha tisparixxi, b’mod li jkun hemm ftuħ normali għall-produzzjoni Komunitarja.
145
F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li, skont il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u r-rapport G. ta’ Lulju 2006, ir-raġuni prinċipali għall-għeluq permanenti ta’ diversi fabbriki fil-Komunità fl-2005 u fl-2006 kienet il-kapaċità żejda, li kkawżat tnaqqis fil-prezzijiet tal-malt b’tali mod li l-produzzjoni ma baqatx vijabbli f’ċerti fabbriki. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li numru ta’ fabbriki ġew imġegħla jwaqqfu l-produzzjoni jikkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ ftuħ normali. Bl-istess mod, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-għeluq permanenti l-oħra kienu prevedibbli, minħabba intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni, tfisser essenzjalment li diversi produtturi Komunitarji tal-malt ma jkunux jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom b’mod vijabbli, li effettivament jirriżulta mill-kunċett ta’ nuqqas ta’ ftuħ normali fis-suq.
146
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni applikat korrettament il-linji gwida u ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-kapaċità żejda. Konsegwentement, l-ewwel u t-tielet partijiet tat-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda.
Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-avvenimenti li seħħew bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-għajnuna u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
147
Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li bbażat ruħa esklużivament fuq il-programm tagħha ta’ attivitajiet imfassal fl-2003, li ma kien xejn iktar ħlief programn għat-tranżazzjonijiet futuri, mingħajr ma evalwat dak li realment irriżulta bejn meta dan il-programn tfassal u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi effettivi fi ħdan is-settur inkwistjoni, li seħħew bejn meta ngħatat l-għajnuna preżunta u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tikkunsidra li l-informazzjoni li hija kellha ma kellhiex biss tingħatalha mill-Istati Membri jew minn partijiet oħra fil-proċedura, iżda li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll informazzjoni li kienet ta’ dominju pubbliku.
148
Fir-rigward tad-data li fiha l-fabbrika saret totalment operattiva, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli kkunsidrat li din kienet minn April 2005. Hija tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni bbażat din il-konklużjoni fuq informazzjoni misjuba fuq l-Internet, minn sorsi li kienu esterni għaliha, mingħajr ma vverifikathom magħha jew mal-Gvern Olandiż, filwaqt li informazzjoni oħra provenjenti mill-Internet, li kienet disponibbli għall-Kummissjoni, kienet tikkontradixxi direttament l-espożizzjoni tal-fatti tagħha. Ir-rikorrenti tikkunsidra li r-rapport annwali 2005 tal-Bavarja, iċċitat ukoll mill-Kummissjoni, jindika li l-fabbrika ta’ malt ta’ Eemshaven bdiet topera biss f’Diċembru 2005 b’kapaċità operattiva minima, filwaqt li l-fabbrika nfetħet uffiċjalment f’Ġunju 2006.
149
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma ressaqx argumenti f’dan ir-rigward.
150
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
151
Preliminarjament għandu jitfakkar li, sabiex tinkiseb l-approvazzjoni ta’ għajnuna ġdida, b’deroga mir-regoli tat-trattat, l-Istat Membru kkonċernat għandu, skont l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE, jipprovdi l-elementi kollha li jistgħu jippermettu lil din l-istituzzjoni tivverifika li l-kundizzjonijiet tad-deroga li huwa jitlob li jibbenefika minnha jkunu sodisfatti (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-171/02, Ġabra p. II-2123, punt 129, u Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).
152
Il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni elementi eventwali ta’ informazzjoni li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx ppreżentati lilha, peress li l-Kummissjoni mhijiex obbligata teżamina ex officio u tikkalkola liema huma l-elementi li setgħu jiġu ppreżentati lilha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 60, u s-sentenza Ter Lembeek vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 83).
153
Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li allegatament kienet ta’ dominju pubbliku, iżda li ma ġietx ippreżentata lilha fil-proċedura amministrattiva.
154
Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti dwar l-indikazzjoni allegatament żbaljata, fid-deċiżjoni kkontestata, tad-data ta’ meta bdiet topera l-fabbrika ta’ Eemshaven ma jista’ jkollu l-ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kapaċità żejda u fuq in-nuqqas ta’ ftuħ normali fis-swieq Komunitarji u dinjija tal-malt, sitwazzjoni li kienet teżisti fl-2005 u fl-2006 u li mid-dokumenti li l-Kummissjoni kellha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata ma setax jiġi dedott li matul is-snin sussegwenti kellu jkun hemm xi tibdil fiha. Issa, il-ftuħ tal-fabbrika ta’ Eemshaven kellu jseħħ, skont is-sorsi kollha msemmija fid-deċiżjoni kkontestata u mir-rikorrenti, f’dan il-perijodu kkaratterizzat minn kapaċità żejda u minn nuqqas ta’ ftuħ normali.
155
Konsegwentement, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ tweżin adegwat tal-effetti benefiċi tal-għajnuna u tal-impatt ta’ din tal-aħħar fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ intra-Komunitarju
L-argumenti tal-partijiet
156
Ir-rikorrenti essenzjalment takkuża lill-Kummissjoni li fid-deċiżjoni kkontestata ma bbilanċjatx, minn naħa, l-effetti benefiċi tas-sussidju u, min-naħa l-oħra, l-impatt negattiv eventwali tiegħu fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ fi ħdan il-Komunità, li jammonta għal interpretazzjoni u għal applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(3)(c) KE. Hija ssostni li l-investiment inkwistjoni għandu impatt benefiku ikbar fuq it-twettiq tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni, b’mod partikolari fuq il-politika tal-iżvilupp rurali, u fuq l-azzjonijiet tal-Komunità dwar l-iżvilupp reġjonali u ta’ koeżjoni.
157
Hija tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax validament tiddikjara li, wara l-adozzjoni tal-linji gwida, hija rrinunzjat għas-setgħa diskrezzjonali tagħha u konsegwentement mhijiex ħielsa li tipproċedi għal tweżin li jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti benefiċi tal-għajnuna. Hija tikkunsidra li l-fatt li l-linji gwida huma fondati fuq l-Artikolu 87(3) KE neċessarjament jimplika li l-Kummissjoni ma tistax indebitament tillimita s-setgħa diskrezzjonali tagħha jew tirrinunzja għaliha. Minn dan hija tiddeduċi li l-punt 4.2.5 tal-linji gwida għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kriterju previst fit-trattat, jiġifieri jekk il-kundizzjonijiet tal-kummerċ humiex affettwati sa grad li jmur kontra l-interess komuni. Hija tosserva li l-Kummissjoni ma evalwatx jekk dan l-impatt, fid-dawl tal-vantaġġi li għandu jġib miegħu s-sussidju ppjanat, imurx realment kontra l-interess komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE.
158
Hija tikkunsidra li l-linji gwida, hekk kif kienu, kienu jħallu lill-Kummissjoni d-diskrezzjoni kollha meħtiġa sabiex tiżgura tweżin tajjeb bejn il-vantaġġi u l-effett preżunt tas-sussidju fuq il-kompetizzjoni. Filwaqt li tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Alber fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C-204/97, Ġabra p. I-3175, I-3177, punt 46), hija tikkunsidra li, li kieku ma kienx hekk, il-linji gwida ma jissodisfawx tweżin tajjeb, kif meħtieġ mill-Artikolu 87(3) KE, bejn l-effett pożittiv ta’ għajnuna u l-allegat effett negattiv, b’tali mod li kien ikun meħtieġ li jiġi applikat direttament l-Artikolu 87(3) KE. Ir-rikorrenti ssostni, f’kull każ, li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterji li hija kienet imponiet fuqha nnifisha fil-linji gwida.
159
Hija ssostni li s-sussidju kellu l-għan, minn naħa, li jikkumpensa għall-ispejjeż ogħla ta’ stabbiliment tal-fabbrika ta’ malt f’Eemshaven pjuttost milli f’post ieħor li hija setgħet tikkunsidra f’reġjun ieħor tal-Pajjiżi l-Baxxi u, min-naħa l-oħra, sabiex tinkoraġġiha tiftaħ fabbrika f’reġjun sabiex dan jiżviluppa ekonomikament. Hija ssostni li kull vantaġġ kompetittiv li hija setgħet tikseb permezz tas-sussidju kien ikun imnaqqas mill-ispejjeż ogħla li hija kellha taċċetta u li fir-realtà parti kbira mis-sussidju kien neċessarju sabiex hija tkun tista’ tkun f’pożizzjoni ugwali mal-kompetituri tagħha. Hija tikkunsidra li pparteċipat attivament, bl-investiment inkwistjoni, fl-iżvilupp ta’ reġjun li jkabbar ix-xgħir għall-malt fit-Tramuntana tal-Pajjiżi l-Baxxi, li joffri prospetti ġodda importanti għall-bdiewa f’dan ir-reġjun u jikkontribwixxi għall-proċess ta’ modernizzazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-malt, billi kapaċitajiet kontinentali ineffiċjenti jiġu ssostitwiti b’kapaċitajiet moderni, intiż għal pajjiżi terzi barra mill-Komunità.
160
Hija ssostni li s-sussidju wassal għal teknoloġija ġdida, orjentata għall-futur, li twassal għal livelli aħjar tas-saħħa u tal-ambjent, kif ukoll għal malt ta’ kwalità aħjar u, konsegwentement, għal birra ta’ kwalità itjeb. Dan l-investiment konsegwentement kellu impatt pożittiv pjuttost milli negattiv fuq il-kapaċità kompetittiva tal-Komunità fis-swieq għall-esportazzjoni u fuq il-kapaċitajiet eżistenti u mistennija fi ħdan is-suq Komunitarju tal-malt.
161
Hija tinvoka l-punt 1.6 tal-linji gwida li jipprovdi koerenza bejn il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat adottata mill-Istati Membri u l-miżuri Komunitarji adottati skont il-politika tal-iżvilupp rurali mmexxija mill-Komunità. L-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU L 160, p. 80), jipprovdi li l-għajnuna għall-investiment destinata għat-trasformazzjoni ta’ prodotti agrikoli jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika Komunitarja tal-iżvilupp rurali.
162
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkunsidra li l-Kummissjoni injorat li l-proġett inkwistjoni jaqa’ perfettament fl-għanijiet ġenerali tal-politika tagħha dwar l-iżvilupp taż-żoni rurali. Huwa jgħid ukoll li l-proġett fil-fatt jipprovdi għar-ristrutturazzjoni tas-settur agrikolu fit-Tramuntana tal-Pajjiżi l-Baxxi, u b’mod partikolari għas-sostituzzjoni tat-tkabbir tal-pitravi bi prodotti oħra. Huwa jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha mhux biss tevalwa s-sussidju fid-dawl tal-punt 4.2.5 tal-linji gwida, iżda wkoll teżamina “jekk l-għajnuna tbiddilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni”. Filwaqt li jirreferi għas-sentenza Alzetta et vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, huwa jsostni li hija l-Kummissjoni li għandha, meta twettaq l-eżami fid-dawl tal-Artikolu 87(3)(c) KE, twieżen l-effetti benefiċi tal-għajnuna u l-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta. Huwa jikkonkludi li l-Kummissjoni tibqa’ marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 87(3)(c) KE, anki jekk hija llimitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha permezz tal-linji gwida fil-qasam tal-għajnuna fis-settur agrikolu.
163
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni għandha tosserva l-koerenza bejn l-Artikoli 87 KE u 88 KE u dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 64). Waħda minn dawn id-“dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat” hija l-Artikolu 158 KE, li jipprovdi li l-Komunità għandha l-għan li tnaqqas d-differenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp ta’ reġjuni differenti u d-dewmien tar-reġjuni jew tal-gżejjer l-anqas aġevolati, inklużi fosthom iż-żoni rurali. B’hekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-koerenza meħtieġa bejn il-politika tagħha ta’ għajnuna u l-azzjoni tal-Komunità li għandha l-għan li tnaqqas id-differenzi bejn ir-reġjuni.
164
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-għoti ta’ għajnuna għal impjant hekk innovattiv jaqa’ fl-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona, intiżi sabiex l-Unjoni Ewropea tkun, sal-2010, l-ekonomija l-iktar kompetittiva u l-iktar dinamika tad-dinja. Huwa jikkritika lill-Kummissjoni talli ma qajmitx dan il-punt essenzjali fid-deċiżjoni kkontestata.
165
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
166
Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata kemm skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) u (3) KE kif ukoll skont il-linji gwida, b’mod partikolari tat-taqsima 4.2 tagħhom li għandha l-għan li tispeċifika dawn id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-“għajnuna għall-investimenti marbuta mat-trasformazzjoni u mal-kummerċjalizzar tal-prodotti agrikoli”.
167
Ladarba l-Kummissjoni adottat linji gwida, hija kienet marbuta magħhom (sentenzi Deufil vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar ’il fuq, punt 22, u Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 95). Għalhekk hija l-qorti Komunitarja li għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni osservatx ir-regoli li hija imponiet (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, T-35/99, Ġabra p. II-261, punt 77, u Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 96).
168
Fl-ewwel lok, għandu jingħad li fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent ir-rikorrenti espliċitament iddikjarat li hija ma tikkritikax il-valur vinkolanti tal-linji gwida u lanqas il-kompatibbiltà tagħhom mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.
169
Skont il-punt 3.7 tal-linji gwida, “[m]inħabba n-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-produzzjoni agrikola fl-eżami tal-għajnuna destinata li tiffavorixxi reġjuni mhux agevolati, il-linji gwida tal-Kummissjoni fuq l-għajnuna nazzjonali għar-reġjuni mhumiex applikabbli għas-settur agrikolu [; p]eress li huma rilevanti għas-settur agrikolu, il-kunsiderazzjonijiet tal-politika reġjonali ġew integrati fil-linji gwida preżenti”. Minn dan isegwi li kull aspett pożittiv tal-għajnuna inkwistjoni jista’ jiġi kkunsidrat biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-linji gwida.
170
Issa, għandu jitfakkar li l-punt 4.2.5 tal-linji gwida jipprovdi li “[l-]ebda għajnuna ma tista’ tingħata […] jekk ma jintweriex b’mod suffiċjenti li jista’ jinsab ftuħ normali fis-suq għall-prodotti inkwistjoni”.
171
Konsegwentement, wara li kkostatat li l-għajnuna inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida, il-Kummissjoni kienet marbuta, l-ewwel nett, li teżamina jekk intweriex b’mod suffiċjenti li jista’ jinsab ftuħ normali fis-suq għall-prodotti inkwistjoni.
172
Peress li din il-kundizzjoni preliminari ma kinitx sodisfatta fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tapprova l-għajnuna kontenzjuża fir-rigward tal-għanijiet tagħha u tal-effetti benefiċi eventwali tagħha mingħajr ma tikser il-linji gwida tagħha u, konsegwentement, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 167 iktar ’il fuq, b’tali mod li l-eżami tal-imsemmija għanijiet u effetti benefiċi kien superfluwu.
173
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-linji gwida u l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 87(3)(c) KE setgħu jimplikaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet u tal-effetti benefiċi tal-għajnuna kontenzjuża.
174
Fil-fatt, skont is-sentenza Deufil vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq (punt 18), l-Artikolu 87(3) KE jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet, f’din is-sentenza, li, billi kkunsidrat li l-għoti ta’ għajnuna għal investiment li żżid il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni f’settur li diġà jipproduċi żżejjed kien imur kontra l-interess komuni u li għajnuna bħal din ma kinitx ta’ natura li tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kinitx qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.
175
Barra minn hekk, il-Qorti ma wrietx dubji dwar il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, riprodotti fil-punt 16 tas-sentenza Deufil vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, li jgħidu li, “fid-dawl tal-kapaċitajiet żejjed ta’ produzzjoni […], kull tnaqqis artifiċjali tal-ispejjeż ta’ investiment ta’ produttur ta’ dawn il-prodotti jdajjef il-kompetittività tal-produtturi l-oħra u jkollu bħala effett, jekk iwassal għal żieda tal-kapaċitajiet, li jnaqqas ir-rata tal-użu ta’ dawn il-kapaċitajiet u li jbaxxi l-prezzijiet [; l-]għajnuna inkwistjoni b’hekk taffettwa mingħajr dubju l-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni fis-sens ta[l-Artikolu 87(3)(c) KE].”
176
B’hekk, għandu jiġi osservat li l-kriterju li jidher fil-punt 4.2.5 tal-linji gwida, li jgħid li l-ebda għajnuna ma tista’ tingħata jekk ma jintweriex b’mod suffiċjenti li jista’ jinsab ftuħ normali fis-suq għall-prodotti inkwistjoni, jirrefletti l-kundizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 87(3)(ċ) KE, li tipprovdi li l-ebda għajnuna li tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni, ma tista’ tkun kompatibbli mas-suq komuni.
177
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 87(3)(c) KE meta bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq l-eżistenza ta’ kapaċità żejda Komunitarja u fuq in-nuqqas ta’ turija tal-eżistenza tal-ftuħ normali, mingħajr ma eżaminat l-għanijiet u l-effetti benefiċi tal-għajnuna għar-reġjun ikkonċernat.
178
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-għajnuna kontenzjuża kienet biss ikkumpensat l-iżvantaġġi ekonomiċi taż-żona ta’ Eemshaven meta mqabbla maż-żona ta’ Terneuzen (il-Pajjiżi l-Baxxi) li hija kienet tippreferi li kieku ma nagħtatx l-għajnuna.
179
F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jistgħu, bħala prinċipju, ikollhom aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għajnuna biss jekk din tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni permezz tal-proċedura prevista bl-Artikolu 88 KE (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, C-183/02 P u C-187/02 P, Ġabra p. I-10609, punti 44 u 45, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C-148/04, Ġabra p. I-11137, punt 104). Fin-nuqqas ta’ aspettattivi leġittimi bħal dawn, mill-perspettiva tal-investigazzjoni Komunitarja tal-għajnuna mill-Istat, kull deċiżjoni kummerċjali bbażata fuq il-perspettiva tal-għoti ta’ għajnuna mhux approvata mill-Kummissjoni tinkludi riskji marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi tal-impriża li taspira għall-għajnuna, b’mod li l-eventwali żvantaġġi subiti minħabba deċiżjoni bħal din ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami li jsir mill-Kummissjoni.
180
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda ukoll it-tieni parti tat-tieni motiv u, konsegwentement, it-tieni motiv fl-intier tiegħu.
Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE
181
Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tikkunsidra li, peress li l-kalkoli li saru għall-finijiet li jinkisbu ċ-ċifri tal-eċċess tal-kapaċitajiet fis-suq tal-malt imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata mhumiex speċifiċi, huwa impossibbli li jiġi vverifikat jekk effettivament teżistix kapaċità żejda fi ħdan is-suq Komunitarju tal-malt u b’liema mod l-investiment inkwistjoni jkollu impatt fuq din is-sitwazzjoni. Hija tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata, li jammonta għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni previst bl-Artikolu 253 KE.
182
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
183
F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jingħad li, hekk kif jirriżulta mill-punt 106 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ppreċiżat s-sorsi taċ-ċifri dwar il-kapaċità żejda li kienet teżisti fis-suq Komunitarju fil-perijodu eżaminat, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.
184
Konsegwentement, anki t-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba
L-argumenti tal-partijiet
185
Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma investigatx kif xieraq l-aspetti kollha tal-għoti tas-sussidju, inkluż fosthom l-iżviluppi u l-avvenimenti li seħħew bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tingħata għajnuna u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza, hija tikkunsidra li l-informazzjoni ma għandhiex biss tingħata mill-Istat Membru jew mill-partijiet l-oħra għall-proċedura, iżda l-Kummissjoni għandha wkoll tinvestiga informazzjoni ta’ dominju pubbliku.
186
Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija prinċipalment ibbażata fuq ċifri dwar il-kapaċità li ġew ipprovduti minn Euromalt, grupp ta’ interess li jirrappreżenta l-kompetituri tagħha, li għandhom interess kummerċjali li jopponu l-modernizzazzjoni tal-kapaċitajiet tagħha. Hija tirrikonoxxi li ċertu numru ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-produtturi tal-malt appoġġaw il-konklużjonijiet ta’ Euromalt, iżda dawn l-assoċjazzjonijiet la speċifikaw kif iċ-ċifri tagħhom dwar il-kapaċità ġew ikkalkolati u lanqas ma għamlu riferiment għaċ-ċifri indikati fl-ittra tat-3 ta’ Awwissu 2005 ta’ Euromalt. Hija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rapporti dwar is-suq tal-malt, redatti minn RM International, H. M. G. u Rabobank, li kkonfermaw li s-settur Komunitarju tal-malt kien is-suġġett tal-modifiki strutturali mgħaġġla u li l-offerta u d-domanda ta’ malt fi ħdan il-Komunità kellha tilħaq bilanċ sal-2006.
187
Hija tikkunsidra li l-argumenti dwar l-effetti benefiċi tas-sussidju, inkwantu jiffavorixxi l-għanijiet tal-politika agrikola komuni tal-Komunità, b’mod partikolari l-politika ta’ żvilupp rurali, u l-azzjoni tal-Komunità dwar l-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni ma kinux is-suġġett ta’ investigazzjoni adegwata.
188
Sabiex issostni l-argument tagħha dwar in-nuqqas ta’ investigazzjoni adegwata, hija ssostni, bħala indikazzjoni, li l-istabbiliment mill-Kummissjoni tad-data li fiha l-fabbrika ta’ Eemshaven saret operattiva ġie bbażat fuq informazzjoni provenjenti mill-Internet u minn sorsi esterni għaliha, mingħajr mal-Kummissjoni vverifikat din il-kostatazzjoni magħha jew mal-Gvern Olandiż.
189
Ir-rikorrenti tikkonkludi, minn dan, li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tinvestiga b’mod diliġenti u b’mod imparzjali l-aspetti kollha rilevanti tas-sentenza preżenti u li hija kellha tinvestiga iktar fil-fond u b’mod diliġenti.
190
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma ressaqx argumenti f’dan ir-rigward.
191
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
192
Permezz tal-motiv prezenti, ir-rikorrenti essenzjalment takkuża lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkwantu kellha tinvestiga b’mod diliġenti u b’mod imparzjali l-aspetti kollha rilevanti tal-kawża.
193
Fir-rigward tal-kwistjoni tal-oneru tal-prova, għandu preliminarjament jitfakkar li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jipprovdi l-elementi kollha li jistgħu jippermettu lil din l-istituzzjoni tivverifika li l-kundizzjonijiet tad-deroga huma sodisfatti u li l-Kummissjoni mhijiex obbligata teżamina ex officio u tikkalkola liema huma l-elementi li setgħu jiġu ppreżentati lilha (ara l-punt 152 iktar ’il fuq).
194
B’hekk jirriżulta li, hekk kif diġà ġie deċiż fil-punt 153 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni ta’ dominju pubbliku ma jistax jintlaqa’. Barrra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma identifikat l-elementi li kienu ta’ dominju pubbliku u li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni.
195
Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju jeżiġi eżami diliġenti u imparzjali tal-miżura inkwistjoni mill-Kummissjoni. Konsegwentement hija din tal-aħħar li għandha tinvestiga l-perspettivi kollha neċessarji, billi titlob b’mod partikolari informazzjoni mingħand il-benefiċjarji, sabiex tiddeċiedi b’konsapevolezza sħiħa l-punti ta’ fatt rilevanti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 152 iktar ’il fuq, punt 62, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T-198/01, Ġabra p. II-2717, punt 180).
196
Fil-każ preżenti, mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni wriet attenzjoni u imparzjalità fl-eżami tal-miżura inkwistjoni. Hekk kif jirriżulta mill-analiżi tat-tieni motiv, il-Kummissjoni attivament ġabret u evalwat il-provi fil-proċedura kollha u organizzat laqgħat ma’ H. M. G.
197
Dwar l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma investigatx kif xieraq l-iżviluppi u l-avvenimenti li seħħew bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jitfakkar li dan l-argument mhuwiex sostnut min fatti (ara l-punti 116 et seq iktar ’il fuq).
198
Fir-rigward tal-affidabbiltà taċ-ċifri pprovduti minn Euromalt u l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti dwar is-suq tal-malt, imħejjija minn RM International, H. M. G. u Rabobank, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għall-analiżi tagħha dwar l-ewwel u t-tielet partijiet tat-tieni motiv. Minn dan jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni kif jixraq id-diversi sorsi li kienu disponibbli għaliha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata u li l-ebda waħda mill-kostatazzjonijiet essenzjali, mil-perspettiva tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienet esklużivament ibbażata fuq iċ-ċifri ta’ Euromalt, b’mod li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellhiex bżonn teżamina l-oġġettività tad-dokumenti li jirriżultaw minn din l-assoċjazzjoni. Għandu jitfakkar ukoll li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda dokument, li kien disponibbli għall-Kummissjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, li seta jikkontradixxi l-konstatazzjonijiet li kien fiha.
199
Għal dak li jirrigwarda l-argument dwar in-nuqqas ta’ investigazzjoni adegwata fuq l-effetti benefiċi tas-sussidju u l-istabbiliment tad-data ta’ meta bdiet topera l-fabbrika ta’ Eemshaven, l-eżami tat-tieni u r-raba’ partijiet tat-tieni motivi wera b’mod ċar li dawn l-elementi ma għandhom l-ebda importanza partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, b’tali mod li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta twettaq eżami iktar profond f’dan ir-rigward.
200
Għal dawn il-motivi kollha, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġu miċħud bħala infondat, bħall-kumplament tar-rikors.
Fuq l-ispejjeż
201
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tigi kkundannata tbati l-ispejjez tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. B’hekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
Holland Malt BV għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.
3)
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Czúcz
Labucka
Soldevila Fragoso
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2009.
Firem
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, u l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv
Fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE
Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-effetti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u fuq il-kompetizzjoni
2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(c) KE, u fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward
Fuq l-ewwel u t-tielet partijiet, ibbażati rispettivament fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida u ta’ żball ta’ evalwazzjoni dwar il-kapaċità żejda
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
— Fuq il-kapaċità żejda fis-suq tal-malt
— Fuq in-nuqqas ta’ ftuħ normali
Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-avvenimenti li seħħew bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-għajnuna u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ tweżin adegwat tal-effetti benefiċi tal-għajnuna u tal-impatt ta’ din tal-aħħar fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ intra-Komunitarju
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE
3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq l-ispejjeż
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy