Kawża T-386/06
Pegler Ltd
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Kompetizzjoni — Akkordji — Settur tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Effett dissważiv”
Sommarju tas-sentenza
1. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Impriża — Kunċett — Kumpannija “inattiva” — Esklużjoni
(Artikolu 81(1) KE)
2. Kompetizzjoni — Multi — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas — Kundizzjonijiet
(Artikolu 81(1) KE)
3. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa
(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A, paragrafi 4 u 5)
1. Id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi. Il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata. Kull attività li toffri beni jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika.
Kumpannija “inattiva”, skont id-dritt tal-kumpanniji Ingliż, peress li ma eżerċitatx attivitajiet ekonomiċi u ma kellha ebda dħul mill-bejgħ, ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala parteċipanta diretta f’akkordju, u lanqas tista’ tinżamm responsabbli ta’ ksur kommess f’isimha minn entitajiet oħra tal-grupp ta’ kumpanniji li tagħmel parti minnhom.
(ara l-punti 46-49, 74, 86, 87)
2. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li timputa r-responsabbiltà ta’ ksur lill-kumpannija parent, lis-sussidjarja jew lill-kumpannija parent in solidum mas-sussidjarja.
Ir-responsabbiltà konġunta u in solidum ta’ żewġ impriżi jimplika li l-ħlas tal-ammont kollu tal-multa minn waħda minnhom jannulla l-obbligu ta’ ħlas tal-imsemmija multa mill-parti l-oħra.
Responsabbiltà in solidum tista’ tiġi imputata lil impriżi anki jekk l-entitajiet ġuridiċi li kienu jifformaw l-impriża matul il-ksur ma għadhomx membri tal-istess grupp. Il-fatt li l-impriża li eżerċitat l-attivitajiet illegali ġiet maqsuma wara li spiċċa l-ksur, b’tali mod illi l-entitajiet ġuridiċi li kienu jifformaw din l-impriża ġew separati, ma jaffetwax ir-responsabbiltà in solidum tagħhom f’dak li jirrigwarda l-ksur kommess.
(ara l-punti 100, 101, 103, 106)
3. Il-Linji ta’ gwida tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprevedu li huwa meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kapaċità effettiva ekonomika tal-awturi tal-ksur sabiex joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentement dissważiv. Jista’ jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li impriżi kbar ġeneralment ikollhom tagħrif u infrastrutturi ġuridiko-ekonomiċi li faċilment jippermettulhom jirrikonoxxu li l-aġir tagħhom jikkostitwixxi ksur u li jkunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan skont id-dritt tal-kompetizzjoni.
Fil-kuntest tal-ewwel element, ir-riżorsi finanzjarji tal-impriża għandhom jiġu evalwati fil-ġurnata li fiha l-multa tiġi imposta. Fir-rigward tat-tieni element, id-dħul mill-bejgħ li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tistabbilixxi d-daqs tal-impriżi inkwistjoni għandu jirreferi għas-sitwazzjoni tagħhom fil-mument tal-ksur. Minkejja li ż-żewġ elementi huma marbuta mill-qrib mad-daqs tal-impriża, huma żewġ motivi separati ta’ żieda tal-ammont inizjali tal-multa.
Fost dawn iż-żewġ elementi, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tagħżel dak li hija jidhrilha li huwa l-iktar importanti għall-evalwazzjoni tagħha. Madankollu, il-fatt illi dawn iż-żewġ fatturi ġew separati u applikati b’mod separat għal żewġ kumpanniji li jifformaw parti mill-istess entità ekonomika, li waħda minnhom hija l-kumpannija parent tal-oħra u hija miżmuma responsabbli għall-ksur sempliċement minħabba din ir-raġuni, jikkostitwixxi kontradizzjoni mal-kunċett ta’ impriża skont l-Artikolu 81 KE. Huwa veru, il-Kummissjoni hija awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni, waqt il-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa, id-dħul mill-bejgħ tas-sena ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-imsemmi ksur (billi tapplika l-ewwel kriterju) jew dak fil-mument tal-ksur (billi tapplika t-tieni kriterju). Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq kriterju u tapplikah biss fil-konfront ta’ waħda miż-żewġ entitajiet li qabel kienu jifformaw l-entità ekonomika li kkommettiet il-ksur. Meta kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha ma jibqgħux jifformaw parti minn entità ekonomika fis-sens tal-Artikolu 81 KE fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-multa ġiet imposta għall-ksur kommess, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ tal-ex kumpannija parent tas-sena ta’ qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni sabiex tistabbilixxi l-fattur dissważiv applikabbli għal żewġ kumpanniji li fiż-żmien meta seħħew il-fatti kienet impriża waħda, iżda li fil-frattemp inqasmet. Fil-fatt, dan id-dħul mill-bejgħ ma jirriflettix il-kapaċità ekonomika effettiva tal-imsemmija impriża sabiex toħloq danni lill-operaturi l-oħra fil-mument tal-ksur.
(ara l-punti 123-125, 129, 132, 133)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
24 ta’ Marzu 2011 (*)
“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi – Effett dissważiv”
Fil-Kawża T‑386/06,
Pegler Ltd, stabbilita f’Doncaster (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn R. Thompson, QC, u A. Collinson, solicitor,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Nijenhuis u V. Bottka, bħala aġenti, assistiti minn S. Kinsella u K. Daly, solicitors,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 – Attrezzaturi), kif ukoll, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tal-imsemmija deċiżjoni,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),
komposta minn E. Martins Ribeiro, President, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata
1 Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal‑Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 – Attrezzaturi) (sunt fil‑ĠU 2007, L 283, p. 63, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw, matul perijodi differenti bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-1 ta’ April 2004, fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni fil-forma ta’ grupp ta’ ftehim antikompetittivi u ta’ prattiki miftiehma fis-suq tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram, li kienu jkopru t-territorju taż-ŻEE. Il-ksur kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet, fi qbil dwar il-listi tal-prezzijiet, fi skontijiet u roħs u f’mekkaniżmi ta’ applikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet, fit-tqassim tas-swieq nazzjonali u tal-klijenti u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali oħra kif ukoll f’parteċipazzjoni f’laqgħat regolari u fiż-żamma ta’ kuntatti oħrajn intiżi li jiffaċilitaw il-ksur.
2 Ir-rikorrenti, Pegler Ltd, u l-kumpannija parent tagħha fiż-żmien meta seħħew il-fatti, Tomkins plc, huma fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.
3 Bejn is-17 ta’ Ġunju 1986 u l-31 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti kienet is‑sussidjarja 100 % ta’ Tomkins. Fl-1 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti nbiegħet lill-grupp tad-diretturi tagħha. Fis-26 ta’ Awwissu 2005, Pegler Holdings Ltd u r-rikorrenti nbiegħu lil Aalberts Industries NV, destinatarja oħra tad-deċiżjoni kkontestata.
4 Fid-9 ta’ Jannar 2001, Mueller Industries Inc., manufattriċi oħra ta’ attrezzaturi tar-ram, informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-attrezzaturi u f’industriji oħra konnessi fis-suq tal-pajpijiet tar-ram u bir-rieda tagħha li tikkoopera abbażi tal-Avviż tal‑Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4), iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996” (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).
5 Fit-22 u t-23 ta’ Marzu 2001, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-pajpijiet u tal-attrezzaturi tar-ram, il-Kummissjoni wettqet, skont l‑Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) spezzjonijiet għall-għarrieda fil-bini ta’ diversi impriżi (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata).
6 Wara dawn l-ewwel spezzjonijiet, f’April 2001 il-Kummissjoni qasmet l-investigazzjoni tagħha fuq il-pajpijiet tar-ram fi tliet proċeduri distinti, jiġifieri, il-proċedura dwar il-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), dik dwar il‑Każ COMP/F-1/38.121 (Attrezzaturi) u dik dwar il-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali) (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata).
7 Fl-24 u fil-25 ta’ April 2001, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet oħra għall-għarrieda fil-bini ta’ Delta plc, il-kumpannija ewlenija ta’ grupp ta’ inġinerija internazzjonali li d-dipartiment “Inġinerija” tiegħu kien jiġbor fih diversi manifatturi ta’ attrezzaturi. Dawn l‑ispezzjonijiet kienu jikkonċernaw biss l-attrezzaturi (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata).
8 Minn Frar u minn Marzu 2002, il-Kummissjoni bagħtet lill-partijiet ikkonċernati diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar‑Regolament Nru 17, sussegwentement skont l-Artikolu 18 tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).
9 F’Settembru 2003, IMI plc ippreżentat talba sabiex tibbenefika mill‑komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996. Din it-talba kienet segwita minn dawk tal-grupp Delta (Marzu 2004) u ta’ FRA.BO SpA (Lulju 2004). L-aħħar talba għal klemenza ġiet ippreżentata f’Mejju 2005 minn Advanced Fluid Connections plc (premessi 115 sa 118 tad-deċiżjoni kkontestata).
10 Fit-22 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Każ COMP/F-1/38.121 (Attrezzaturi), bdiet proċedura ta’ ksur u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet b’mod partikolari nnotifikata lir-rikorrenti (premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata).
11 Fl-20 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.
12 Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti u Tomkins kienu kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u t-22 ta’ Marzu 2001.
13 Għal dan il-ksur, fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti, in solidum ma’ Tomkins, multa ta’ EUR 5.25 miljun.
14 Sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il‑Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodu ddefinit fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”).
15 L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa skont il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala gravi ħafna, kemm minħabba n-natura tiegħu kif ukoll minħabba l-portata ġeografika tiegħu (premessa 755 tad-deċiżjoni kkontestata).
16 Wara dan, peress li qieset li hemm differenzi kunsiderevoli bejn l‑impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat trattament differenzjat, billi bbażat ruħha, għal dan il-għan, fuq l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni ddeterminata skont l-ishma tas-suq tagħhom. Fuq din il‑bażi, hija qasmet l-impriżi kkonċernati f’sitt kategoriji (premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata).
17 Ir-rikorrenti u l-kumpannija parent tagħha ġew ikklassifikati fis-sitt kategorija, li għaliha l-ammont inizjali tal-multa ġie ffissat għal EUR 2 miljuni (premessa 765 tad-deċiżjoni kkontestata).
18 Fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ totali ta’ Tomkins, li kien ta’ EUR 4 635 miljuni fl-2005, jiġifieri s-sena ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.25 għal finijiet ta’ dissważjoni, u dan wassal, fir-rigward tar-rikorrenti, għal ammont inizjali miżjud ta’ EUR 2.5 miljuni (premessi 771 sa 773 tad-deċiżjoni kkontestata).
19 Minħabba t-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur (tnax-il sena u xahrejn), il-Kummissjoni sussegwentement żiedet il-multa b’110 %, jiġifieri 5 % fis-sena għall-ewwel sentejn u 10 % għal kull sena sħiħa, b’effett mill-31 ta’ Jannar 1991, għall-għaxar snin li jifdal (premessa 775 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan wassal sabiex l-ammont finali tal-multa jiġi ffissat għal EUR 5.25 miljuni.
20 Il-Kummissjoni ma qisitx li kien hemm xi ċirkustanza aggravanti jew attenwanti kontra jew favur ir-rikorrenti.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
21 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
22 Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.
23 It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Jannar 2010.
24 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla l-Artikolu 1(2)(h) u l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata;
– sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż
25 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
26 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq sitt motivi.
27 Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li r‑responsabbiltà tal-ksur matul il-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-20 ta’ Jannar 1989 tista’ tiġi imputata lilha biss minħabba l-fatt li fl-20 ta’ Jannar 1989 hija kisbet l-isem Pegler. Fil-fatt, qabel l-20 ta’ Jannar 1989 hija kienet sussidjarja “inattiva” skont id-dritt tal-kumpanniji Ingliż. Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, hija tikkontesta r-responsabbiltà tal-ksur imputata lilha għall-perijodu bejn l-20 ta’ Jannar 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993. Matul dan il-perijodu hija baqgħet aġent “inattiv” ta’ FHT Holding Ltd (iktar ’il quddiem “FHT”), entità oħra tal-grupp Tomkins, u ma kellha la assi u lanqas persunal. It-tielet motiv jirrigwarda l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli ssemmi b’mod ċar id-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka diversi argumenti intiżi sabiex turi li l-fatt li r-responsabbiltà ta’ ksur skont l-Artikolu 81 KE ġiet imputata in solidum lil kumpannija parent preċedenti u lil sussidjarja preċedenti huwa, bħala regola, illegali. Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-multa kellha tiġi imposta biss fuq il-kumpannija parent preċedenti tagħha. Fl-aħħar nett, is-sitt motiv jirrigwarda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.
28 Peress li t-tielet u l-ħames motivi jikkoinċidu ħafna, għaliex l‑argumenti li fuqhom huma bbażati huma kważi identiċi, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien. Barra minn hekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi eżaminat wara t-tielet u l-ħames motivi.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u fuq żball ta’ liġi fl-imputazzjoni fuq ir-rikorrenti tar-responsabbiltà tal-ksur għall-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-20 ta’ Jannar 1989, għas-sempliċi raġuni li hija kienet akkwistat l-isem Pegler fl-20 ta’ Jannar 1989
L-argumenti tal-partijiet
29 Preliminarjament, ir-rikorrenti ssostni illi, matul it-tul kollu tal-ksur msemmi fid-deċiżjoni kkontestata, “l-istorja tal-impriża Pegler” tiżviluppa fuq tliet perijodi differenti: il-perijodu qabel l-20 ta’ Jannar 1989, il-perijodu bejn l-20 ta’ Jannar 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993 u l-perijodu li beda fid-29 ta’ Ottubru 1993.
30 B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti tagħmel sunt tal-fatti bil-mod segwenti:
– sal-20 ta’ Jannar 1989, l-“impriża Pegler” kienet immexxija mill-entità tal-grupp Tomkins imsejħa FHT, li kienet tmexxiha permezz ta’ aġent tagħha, entità oħra ġuridika tal-group Tomkins, li kellha l-isem ta’ Pegler Ltd. Fl-20 ta’ Jannar 1989, ir-rikorrenti, li dakinhar kien jisimha The Steel Nut & Joseph Hampton Ltd, u Pegler Ltd (iktar ’il quddiem “Old Pegler”) skambjaw isimhom. Għalhekk, minn dik id-data, l-isem Pegler ingħata lir-rikorrenti, filwaqt li l-isem preċedenti tagħha ngħata lil Old Pegler. Din tal-aħħar, li baqgħet teżisti wara l-20 ta’ Jannar 1989, minkejja li kienet “inattiva” skont id-dritt tal-kumpanniji Ingliż, ġiet finalment likwidata fid-29 ta’ Mejju 2000;
– imbagħad, matul il-perijodu bejn l-20 ta’ Jannar 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993, l-“impriża Pegler” baqgħet titmexxa minn FHT, li kienet tmexxiha permezz tar-rikorrenti, li kienet l-aġent mhux imħallas tagħha;
– fid-29 ta’ Ottubru 1993, l-“impriża Pegler” ġiet ittrasferita lir-rikorrenti li, minn dik id-data, assumiet parti min-negozju u mill‑assi ta’ FHT relatati mal-viti tal-metall, valves u attrezzaturi sanitarji u assumiet ir-responsabbiltà tal-“impriża Pegler”.
31 Ir-rikorrenti ssostni li l-impriża responsabbli għall-ksur qabel l-20 ta’ Jannar 1989 setgħet tkun biss Tomkins, peress li hija kienet is-sid u kellha l-kontroll tal-kapital kollu ta’ FHT.
32 Hija tallega li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt illi, meta żewġ kumpanniji jiskambjaw isimhom, u meta, fl-istess data, waħda tibda tirrapreżenta lill-oħra, skont “prinċipji tad-dritt stabbiliti”, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi l-impriża fil-mument meta seħħ il-ksur li għandha tieħu r-responsabbiltà tal-imsemmi ksur, anki jekk, meta tittieħed id-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-impriża kienet f’idejn persuna oħra.
33 Ir-rikorrenti ssostni wkoll li qabel id-29 ta’ Ottubru 1993 hija ma kinitx impriża inkwantu la kellha assi u lanqas persunal, b’tali mod li hija ma kellhiex il-karatteristiċi essenzjali tal-awtonomija ekonomika li huma rikjesti sabiex ikun hemm impriża fis-sens tal‑Artikolu 81 KE.
34 Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni illi, matul id-deċiżjoni kkontestata kollha hija kkunsidrat l-attivitajiet ta’ diversi kumpanniji appartenenti għall-grupp Tomkins, f’dan il-każ ir-rikorrenti, Old Pegler, FHT u Tomkins, bħala l-attivitajiet ta’ entità ekonomika waħda matul il-perijodu ta’ ksur.
35 Il-Kummissjoni targumenta li hija ma imputatx ir-responsabbiltà tal-ksur għall-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-20 ta’ Jannar 1989 fuq ir-rikorrenti sempliċement minħabba l-fatt li din kienet akkwistat l-isem Pegler fl-20 ta’ Jannar 1989.
36 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni targumenta li r-rikorrenti kienet assoċjata mal-“impriża Pegler” fuq livell funzjonali bejn il-31 ta’ Diċembru 1988, data tal-bidu tal-ksur, u l-20 ta’ Jannar 1989.
37 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li kien hemm “kontinwità personali u funzjonali”. Insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni ssemmi l-fatt li W. kien direttur ta’ Old Pegler mill-15 ta’ Ġunju 1980 sal-20 ta’ Jannar 1989, f’liema data huwa ġie maħtur direttur tar-rikorrenti.
38 Barra minn hekk, huwa inkonċepibbli li r-rikorrenti tkun ħadet l-isem Pegler fl-20 ta’ Jannar 1989, mingħajr ma kienet involuta f’xi attività tal-impriża matul l-20 jum qabel din id-data, jiġifieri mill-31 ta’ Diċembru 1988, data tal-bidu tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni. Skont il-Kummissjoni, huwa probabbli ħafna li din it-tranżizzjoni kienet teħtieġ li l-entità tar-rikorrenti tiġi allinjata u ppreparata sabiex tieħu l-isem tal-“impriża Pegler”, b’hekk l-eżistenza ta’ rabta funzjonali bejn il-personalità ġuridika tar-rikorrenti u l-ksur.
39 Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess ammettiet li d-deċiżjoni li tiġi ttrasferita l-“impriża Pegler” “ittieħdet fil-livell tal-grupp Tomkins, mid-diretturi tal-grupp, li kienu wkoll id-diretturi tar-rikorrenti.”
40 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni illi, anki jekk ir-rikorrenti ma kinitx involuta fil-ksur qabel l-20 ta’ Jannar 1989, huwa evidenti li hija s-suċċessur tal-entità li pparteċipat direttament fil-ksur fl-assi l-iktar importanti tagħha, kif ukoll fit-tmexxija u fl-isem kummerċjali li taħtu l-attivitajiet illegali ġew implementati, u li hija, għalhekk, skont il-ġurisprudenza, “wirtet” ir-responsabbiltà legali tal-ksur.
41 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ 20 jum qabel l-20 ta’ Jannar 1989 ma kellu l-ebda effett fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
42 Mill-premessi 682 u 683 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessi 647 u 734 tal-imsemmija deċiżjoni, jirriżulta li r-rikorrenti nżammet responsabbli tal-ksur minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha matul il-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u t-22 ta’ Marzu 2001.
43 F’dan ir-rigward, madankollu hemm lok li jiġi rrilevat li mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll fil-kuntest ta’ dan ir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti, matul il-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-20 ta’ Jannar 1989, kienet kumpannija “inattiva” skont id-dritt tal-kumpanniji Ingliż.
44 Fil-fatt, ġie ppruvat li qabel l-20 ta’ Jannar 1989, ir-rikorrenti ma kellha la assi u lanqas persunal.
45 Minkejja li r-rikorrenti tirrikonoxxi li hija adottat l-isem li taħtu l-attivitajiet illegali msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ġew eżerċitati fis-suq u tammetti li hija saret aġent mhux imħallas ta’ FHT wara l-20 ta’ Jannar 1989, xorta jibqa’ l-fatt li hija, qabel dik id-data, ma kellha la attività ekonomika u lanqas persunal, ħlief direttur tal-kumpannija kif mitlub mid-dritt tal-kumpanniji Ingliż.
46 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, matul il-perijodu msemmi, kienet waħda mill-ħames sussidjarji ta’ FHT, filwaqt li din tal-aħħar kienet, min-naħa tagħha, sussidjarja 100 % ta’ Tomkins, li taħt l-isem ta’ Pegler, kienet attiva, b’mod partikolari, fis-settur tal-attrezzaturi. Mill-annessi mal-proċess, jiġifieri l-kontijiet annwali ppreżentati lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, li l-awtentiċità tagħhom ma ġietx ikkontesta mill-Kummissjoni, jirriżulta li matul l-imsemmi perijodu, ir-rikorrenti kienet kumpannija “inattiva” skont id-dritt tal-kumpanniji Ingliż, peress li ma eżerċitatx attivitajiet ekonomiċi u ma kellha ebda dħul mill-bejgħ.
47 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 59), u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 112; tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I-289, punt 107, u tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il‑Kummissjoni, C‑205/03 P, Ġabra p. I‑6295, punt 25).
48 Għandu jitfakkar ukoll illi, skont ġurisprudenza stabbilita, kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra p. I‑6451, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 47).
49 Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti, matul il-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-20 ta’ Jannar 1989, kienet entità ġuridika li ma eżerċitatx attivitajiet ekonomiċi, fis-sens li ma kinitx toffri oġġetti jew servizzi fi kwalunkwe suq, bi ħlas, u li għalhekk ma kinitx assumiet riskji finanzjarji relatati mal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li r-rikorrenti kienet ipparteċipat direttament fil-ksur qabel id-data li fiha hija bidlet l-isem (ara l-ġurisprudenza fil-punt preċedenti).
50 Il-fatt li r-rikorrenti kienet tifforma parti mill-grupp Tomkins matul dan il-perijodu ma jaffetwax din il-konstatazzjoni.
51 L-istess jingħad fir-rigward tal-fatt li W., direttur preċedenti ta’ Old Pegler, fl-20 ta’ Jannar 1989, inħatar direttur tar-rikorrenti, u rriżenja minn din il-kariga fis-26 ta’ Mejju 1989.
52 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-Kummissjoni li ċerti provi jindikaw li W. kien ipparteċipa personalment fl-akkordju matul u madwar dan il-perijodu għandu jiġi skartat. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirreferi għall‑premessi 74 u 187 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi biss li W. kien id-direttur ġenerali ta’ Pegler fl-1989, filwaqt li l-premessa 187 ta’ din id-deċiżjoni tirrigwarda kuntatt bejn rappreżentant ta’ Delta u W. wara laqgħa tal-British Plumbing Fittings Manufacturers Association (BPFMA) fl-1989, laqgħa li saret wara l-perijodu msemmi f’din il-kawża.
53 Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet eżerċitat “xi attività” matul l-20 jum qabel l-iskambju tal-ismijiet msemmi hawn fuq, ma tistax tiġi aċċettata. Huwa veru li bdil ta’ isem kummerċjali jimplika formalitajiet legali u kuntrattwali. Madankollu, l-implementazzjoni ta’ dawn il-formalitajiet ma timplika la l-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali u, wisq inqas, ta’ attività antikompetittiva.
54 Fl-aħħar nett, l-argument imressaq sussidjarjament mill-Kummissjoni, li fi kwalunkwe każ ir-rikorrenti kienet is-suċċessur ekonomiku tal-“impriża Pegler” ma għandux jintlaqa’.
55 Huwa veru li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-attivitajiet koperti bi ksur ikunu ġew ittrasferiti minn entità ġuridika għal oħra fi ħdan l-istess grupp, is-suċċessur jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur, anki jekk l-ewwel entità ġuridika tibqa’ teżisti legalment (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 48; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 132; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 47 supra, punt 358).
56 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ndikatx la fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata li hija kienet ikkunsidrat lir-rikorrenti responsabbli tal-ksur inkwantu kienet is-suċċessur tal-attivitajiet ekonomiċi tal-kumpannija parent FHT jew tal-kumpannija tagħha Old Pegler li għandha l-istess kumpannija parent bħar-rikorrenti.
57 Min-naħa l-oħra fil-premessa 718 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat lir-rikorrenti bħala parteċipanta diretta li kellha kuntatti antikompetittivi mal-kompetituri tagħha mill-31 ta’ Diċembru 1988.
58 Barra minn hekk, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti, bħala risposta għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni, tat indikazzjonijiet dwar il-grupp Tomkins u r-ristrutturazzjoni interna li kien suġġett għaliha fiż-żmien meta seħħew il-fatti. Hija indikat ukoll, fir-risposta tagħha tal-25 ta’ Novembru 2005 għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li qabel l-1993 hija kienet kumpannija “inattiva” skont id-dritt tal-kumpanniji Ingliż, liema informazzjoni hija kkonfermat fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2006. Fl-aħħar nett, din id-dikjarazzjoni kienet sostnuta minn provi solidi bħall-kontijiet tar-rikorrenti u dawk ta’ FHT, ippreżentati lill-awtorità kompetenti, li din, li ma kienet teżerċita l-ebda attività ekonomika, kienet kumpannija “inattiva” matul is-snin finanzjarji rilevanti.
59 F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma rrispondietx għal dan l-argument fid-deċiżjoni kkontestata. Kif ammettiet matul is-seduta, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti, kienet sa mill-bidu, parteċipanti diretta fl-akkordju.
60 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-ewwel motiv huwa fondat.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u fuq żball ta’ liġi fl-imputazzjoni fuq ir-rikorrenti tar-responsabbiltà tal-ksur għall-perijodu bejn l-20 ta’ Jananr 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993
L-argumenti tal-partijiet
61 Ir-rikorrenti ssostni illi, peress li bejn l-20 ta’ Jannar 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993 hija ma kellhiex il-karatteristiċi essenzjali ta’ impriża, hija ma setgħetx tinżamm responsabbli ta’ ksur kommess f’isimha mill-kumpannija parent tagħha matul dan il-perijodu. Fil-fehma tagħha, l-impriża li kellha tinżamm responsabbli għal dan il-perijodu kellha tkun, skont ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, FHT u/jew Tomkins.
62 F’dan ir-rigward, hija tfakkar li hija bdiet “tipparteċipa” fl-“impriża Pegler” mill-20 ta’ Jannar 1989, iżda biss inkwantu hija ħadet l-isem attwali tagħha u saret aġent moħbi u mhux imħallas ta’ FHT, mingħajr assi u mingħajr persunal.
63 B’riferiment għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 475 sa 483), u tal-24 ta’ Ottubru 1995, Volkswagen u VAG Leasing (C‑266/93, Ġabra p. I‑3477, punt 19), kif ukoll għal-Linji gwida fuq trażżin vertikali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 1 p. 390), ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni jew ma fehmitx in-natura tar-relazzjoni ta’ rappreżentanza li hija kellha ma’ FHT, jew ikkommettiet żball billi daret mal-problema mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni kif xieraq il-provi li ġew ippreżentati lilha.
64 Skont ir-rikorrenti, minkejja li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi kopja tal-kuntratt ta’ rappreżentanza, il-Kummissjoni messha tat iktar importanza lid-dokumenti li hija kienet f’pożizzjoni li tipprovdi, bħal minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ Old Pegler li juru li l-ftehim ta’ rappreżentanza ma’ FHT kien itterminat fid-20 ta’ Jannar 1989, il-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti li juru li l-ftehim ta’ rappreżentanza ma’ FHT kien itterminat fid-29 ta’ Jannar 1993, il-kontijiet ta’ FHT, li kienu juru li FHT kellha l-assi kollha f’idejha u li kienet responsabbli għad-dejn kollu tal-“impriża Pegler” sad-29 ta’ Ottubru 1993 kif ukoll il-kontijiet tar-rikorrenti, li kienu juru li hija ma kienet ħadet l-ebda attiv u passiv tal-“impriża Pegler” qabel id-29 ta’ Ottubru 1993 u li, f’ebda mument qabel din id-data, ma kellha attiv jew passiv sinjifikattiv, u lanqas kellha tranżazzjonijiet finanzjarji sinjifikattivi u, fl-aħħar nett, l-att tas-16 ta’ Frar 1995, li kienu juri b’mod konklużiv li t-trasferiment tal-“impriża Pegler” minn FHT għar-rikorrenti sar fid-29 ta’ Ottubru 1993.
65 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti żżid li dawn l-argumenti huma wkoll validi fir-rigward tal-attivitajiet ta’ Old Pegler bħala rappreżentanti ta’ FHT matul il-perijodu qabel l-20 ta’ Jannar 1989, b’tali mod li ma huwiex rilevanti li Old Pegler, li ġiet likwidata minn Tomkins fid-29 ta’ Mejju 2000, ma kinitx għadha teżisti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
66 Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
67 Skont il-Kummissjoni, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-fatt li hija kienet “inattiva” u fl-istess ħin “taġixxi bħala aġent” tal-kumpannija li kellha l-istess kumpannija parent ma humiex konvinċenti. Minkejja li ntalbet tagħmel dan, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda dokument rilevanti li b’xi mod kien prova ta’ ftehim ta’ rappreżentanza.
68 Id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti kienu jirreferu b’mod ġenerali għar-relazzjoni ta’ rappreżentanza mingħajr speċifikazzjoni dwar in-natura tal-arranġamenti u ma kinux juru n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-ksur qabel id-29 ta’ Ottubru 1993.
69 Il-Kummissjoni żżid illi, anki li kieku r-rikorrenti kienet ipprovat l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ rappreżentanza, dan ma kienx iwaqqafha milli tindirizza d-deċiżjoni kkontestata lilha.
70 Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għar-risposta formali ta’ Tomkins għat‑talba għal informazzjoni li hija għamlitilha skont l-Artikolu 18 tar‑Regolament Nru 1/2003. Din ir-risposta, li tikkontradixxi l-argumenti tar-rikorrenti, tindika illi, “bejn l-1987 u l-31 ta’ Jannar 2004, Pegler Ltd kienet sussidjarja 100 % ta’ Tomkins (preċedentement FH Tomkins plc)” u li “hija kienet titmexxa bħala impriża awtonoma li tieħu d-deċiżjonijiet hija stess dwar kwistjonijiet tekniċi, ta’ produzzjoni, u ta’ bejgħ/marketing”.
71 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza, filwaqt li tirreferi għall‑premessi 135, 145 u 187 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-membri l-oħra tal-akkordju fehmu li kienu f’kollużjoni mar-rikorrenti u li l-ebda tqassim (purament intern) ta’ karigi bejn ir-rikorrenti, Old Pegler, FHT jew xi entità oħra fi ħdan il-grupp Tomkins ma kien ittieħed inkunsiderazzjoni.
72 Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni ssostni li huwa wkoll ċar li r-rikorrenti għandha responsabbiltà fil-ksur matul il-perijodu bejn l-20 ta’ Jannar 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993, peress illi, kif hija diġà spjegat fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti kienet is-suċċessur ekonomiku tal‑“impriża Pegler”.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
73 Għandu jiġi osservat illi, f’dak li jirrigwarda l-perijodu bejn l-20 ta’ Jannar 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993, mid-dokumenti annessi mar-rikors, bħall-kontijiet ta’ FHT kif ukoll tar-rikorrenti, li kienu ċċertifikati minn awditur estern u ppreżentati lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, jirriżulta illi, matul is-snin finanzjarji tal-imsemmi perijodu kollu, ir-rikorrenti la kellha dħul u lanqas telf. Fil-kontijiet iddettaljati ta’ FHT, huwa indikat b’mod sistematiku li r-rikorrenti ma għandhiex attivitajiet ekonomiċi. Bl-istess mod, mill-kontijiet tar-rikorrenti jirriżulta li hija ma għamlet l-ebda tranżazzjoni finanzjarja matul l-imsemmi perijodu.
74 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat illi, skont id-dritt tal-kumpanniji Ingliż, l-espressjoni “inattiva” tapplika għal kumpannija illi, minn perspettiva legali, ma tagħmel ebda tranżazzjoni finanzjarja sinjifikattiva matul sena finanzjarja. In-nuqqas ta’ entrata fuq il-kotba tal-kontijiet tal-kumpannija jikkorrispondi għal nuqqas ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji sinjifikattivi. Fil-fatt, l-uniku tranżazzjoni finanzjarja li hija permessa, mingħajr ma jintilef l-istatus ta’ kumpannija “inattiva”, hija dik relatata mal-ispejjeż marbuta mar-reġistrazzjoni tal-kumpannija u mal-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali lill-awtorità kompetenti, jiġifieri l-Companies House (Reġistru tal-kumpanniji). Bl-istess mod, meta jerġgħu jibdew l-attivitajiet kummerċjali jkun hemm it-telf ta’ dan l-istatus. Peress li l-kundizzjonijiet kollha kienu sodisfatti skont id-dritt tal-kumpanniji Ingliż, ma hemmx dubju li r-rikorrenti kienet kumpannija “inattiva” u li, konsegwentement, ma kinitx attiva fuq is-suq.
75 Barra minn hekk, kif ammettiet ir-rikorrenti stess matul is-seduta, ma hemm l-ebda dubju illi, matul il-perijodu bejn l-20 ta’ Jannar 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993, l-attivitajiet ġew eżerċitati taħt l-isem Pegler. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mid-dokumenti msemmija fil-punt 73 hawn fuq jirriżulta li FHT u/jew Tomkins ikkummerċjalizzaw, permezz tal-impjegati ta’ FHT, il-prodotti li jaqgħu fil-qasam tal-attrezzaturi taħt l-isem kummerċjali Pegler, kemm qabel kif ukoll wara, il-bdil tal-isem tar-rikorrenti. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li din il-konstatazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li dawn kienu attivitajiet tar-rikorrenti.
76 Fir-rigward tal-minuti tal-laqgħat tad-diretturi (Executive Meetings), invokati mill-Kummissjoni sabiex ma taċċettax l-argument tar-rikorrenti li hija ma kinitx teżerċita attivitajiet kummerċjali, għandu jiġi nnotat li l-imsemmija minuti juru, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, attività kummerċjali min-naħa tar-rikorrenti.
77 Madankollu, għandu jiġi rrilevat illi, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-fatt li xi minuti għandhom l-intestatura ta’ Tomkins Plc u ta’ Pegler Ltd fih innifsu huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Dan jindika biss li ġew eżerċitati attivitajiet ekonomiċi taħt l-isem kummerċjali Pegler, imma ma jimplikax li r-rikorrenti pparteċipat b’mod dirett f’dawn l-attivitajiet.
78 Bl-istess mod, il-fatt li d-diretturi tar-rikorrenti, li uħud minnhom kienu wkoll diretturi ta’ FHT, ipparteċipaw fil-laqgħat hawn fuq imsemmija u li kienu involuti f’ċerti karigi anċillari marbuta mal-attivitajiet tal-entitajiet l-oħra fi ħdan il-grupp Tomkins, lanqas ma jfisser li r-rikorrenti pparteċipat b’mod dirett fl-akkordju matul il-perijodu msemmi, u dan iktar u iktar għaliex l-imsemmija diretturi ma kinux impjegati tar-rikorrenti.
79 Fl-aħħar nett, il-kontenut ta’ dawn il-minuti ma jippermettix li jiġi konkluż li r-rikorrenti kienet effettivament l-entità li mexxiet l-attivitajiet marbuta mal-attrezzaturi. Barra minn hekk, għandu jiġi rrimarkat li l-ebda waħda mill-minuti msemmija mill-Kummissjoni ma kienet iffirmata. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tan-nuqqas ta’ attività min-naħa tar-rikorrenti, dawn il-minuti għandhom jingħataw inqas importanza mill-kontijiet ta’ FHT u tar-rikorrenti li ġew iċċertifikati minn awditur u li ġew ippreżentati, skont id-dritt Ingliż, lill-awtoritajiet kompetenti.
80 Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tirreferri għall-premessi 135 u 145 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-membri tal-akkordju kienu fehmu li huma kienu f’kollużjoni mar-rikorrenti, għandu jitfakkar li l-imsemmija premessa 135 tirreferi għal dikjarazzjoni ta’ Delta li fiha din tal-aħħar iddeskriviet il-mekkaniżmu tal-akkordju u li l-imsemmija premessa 145 tirreferi għal dikjarazzjoni ta’ IMI li fiha din tal-aħħar indikat li Pegler kienet waħda mill-parteċipanti fl-akkordju pan-Ewropew. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jirriżultax li kienet ir-rikorrenti li speċifikament issemmiet fl-imsemmija premessi. Barra minn hekk, filwaqt li ma hemm l-ebda dubju li FHT eżerċitat attivitajiet taħt l-isem kummerċjali Pegler, ma hemm xejn fil-premessi msemmija hawn fuq li jindika li awturi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet kienu jafu dwar l-istruttura interna tal-grupp Tomkins.
81 F’dak li jirrigwarda l-premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonċerna l-kuntatt bejn rappreżentant ta’ Delta ma’ W. wara laqgħa tal-BPFMA, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li W. kien aċċetta s-suġġeriment magħmul minn dan ir-rappreżentant ta’ Delta sabiex tintemm l-istrateġija aggressiva ta’ Pegler ma huwiex biżżejjed sabiex ir-responsabbiltà tal-ksur tiġi imputata lir-rikorrenti. Bl-ebda mod ma ġie stabbilit li W. aġixxa bħala rappreżentant tar-rikorrenti, peress li huwa ma kienx impjegat tar-rikorrenti matul il-perijodu rilevanti, ħaġa li l-Kummissjoni ma tikkontestax.
82 Barra minn hekk, anki jekk ir-rikorrenti ma setgħetx tipproduċi kopja tal-kuntratt ta’ rappreżentanza, mid-dokumenti msemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq jirriżulta li hija kienet l-aġent ta’ FHT sad-29 ta’ Ottubru 1993, data li fiha ħadet l-attiv u l-passiv tal-“impriża Pegler”, bl-impjegati inklużi, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet marbuta mal-attrezzaturi. Il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx aġent bi ħlas jirriżulta mill-provi mesmmija fil-punt 73 iktar ’il fuq.
83 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “dormant companies acting as agents” (kumpanniji inattivi li jaġixxu bħala aġenti), kif imsemmi fil-paragrafu 51 tal-Anness 4 tal-Liġi Ingliża dwar il-kumpanniji tal-1985, bl-isem “Forma u kontenut tal-kotba tal-kontijiet”, u fil-paragrafu 58 A tal-Anness 8 Liġi Ingliża dwar il-kumpanniji tal-1985, bl-isem “Forma u kontenut tal-kotba tal-kontijiet ta’ kumpanniji żgħar”, huwa differenti mill-kunċetti ta’ “mandatarju” u “aġent”, kif imsemmija fid-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju.
84 Għandu jiġi kkonstatat li r-relazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-kumpannija parent tagħha, jiġifieri l-aħħar kumpannija parent tagħha, hija differenti minn relazzjoni bejn mandatarju u aġent fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju. Fil-fatt, fis-sens ta’ dan id-dritt, il-kwalifika ta’ aġent timplika attività ekonomika, li ma huwiex il-każ tar-rikorrenti. Għaldaqstant, ir-riferiment għall-ġurisprudenza, kemm mir-rikorrenti kif ukoll mill-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn mandatarju u l-aġent tiegħu, ma huwiex rilevanti peress li din il-kawża tirrigwarda relazzjoni bejn grupp ta’ kumpanniji.
85 Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat lir-rikorrenti bħala parteċipanta diretta. Mill-premessa 718 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm provi li juru li r-rikorrenti aġixxiet għan-nom ta’ impriża oħra matul dawn il-kuntatti antikompetittivi matul il-perijodu ta’ ksur.
86 Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma interpretatx b’mod korrett ir-relazzjonijiet interni u t-tħaddim fi ħdan il-grupp Tomkins u għalhekk żammet bħala responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81 KE entità ġuridika li ma kellhiex attività ekonomika u, għalhekk, hija stess ma kellha l-ebda involviment fl-akkordju.
87 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda l-perijodu bejn l-20 ta’ Jannar 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993, huwa żbaljat li l-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet responsabbli għall-aġir ta’ ksur kommess minn entitajiet oħra fi ħdan il-grupp Tomkins.
88 Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrenti assumiet ir-responsabbiltà tal-ksur qabel id-29 ta’ Ottubru 1993 bħala suċċessur ekonomiku, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 54 sa 59 hawn fuq.
89 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv huwa fondat.
Fuq it-tielet u l-ħames motivi, ibbażati rispettivament fuq nuqqas ta’ kjarezza u fuq żball dwar min ġie nominat bħala destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
90 Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tilmenta mal-Kummissjoni li ma semmietx b’mod ċar id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.
91 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, billi kkundannat kemm lilha kif ukoll lil Tomkins għall-ħlas ta’ multa totali ta’ EUR 5.25 miljuni, minkejja li huma żewġ entitajiet ġuridiċi distinti, li ma għadhomx jagħmlu parti mill-istess impriża, il-Kummissjoni ma ddefinixxitx b’mod ċar il-grad ta’ responsabbiltà imputata lil kull waħda minn dawn l-entitajiet. Skont ir-rikorrenti, l-imsemmija entitajiet ma għandhomx ikunu t-tnejn responsabbli u kkundannati għall-ammont totali tal-multa ta’ EUR 5.25 miljuni, għaliex, f’tali każ, il-Kummissjoni “tirċievi d-doppju tas-somma dovuta lilha”. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ndikatx b’mod ċar l-entità li lilha kellha tiġi imputata r-responsabbiltà tal-ksur.
92 Barra minn hekk, il-fatt li r-responsabbiltà tiġi imputata lir-rikorrenti minħabba li hija kienet sussidjarja ta’ Tomkins ma huwiex kompatibbli mal-analiżi li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li Tomkins kienet l-impriża li lilha għandha tiġi imputata r-responsabbiltà tal-ksur, peress li hija kellha f’idejha u kienet tikkontrolla 100 % tal-kapital tal-“impriża Pegler” matul il-perijodu kollu tal-ksur. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, ma huwiex korrett li tiġi imputata lilha r-responsabbiltà tal-ksur matul il-perijodu meta sussidjarja differenti kienet inkarigata mit-tmexxija tal-impriża li għaliha l-ksur ġie kkonstatat (perijodu bejn it-30 ta’ Diċembru 1988 u l-20 ta’ Jannar 1989) jew matul liema hija kienet, fis-sens tad-dritt Ingliż, kumpannija “inattiva”, li la kellha persunal u lanqas assi (perijodu bejn l-20 ta’ Jannar 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993).
93 Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li Tomkins kellha tinżamm responsabbli għall-ksur. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, ir-rikorrenti tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il‑Kummissjoni (T‑6/89, Ġabra p. II‑1623), u tat-28 ta’ Frar 2002, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (T‑354/94, Ġabra p. II‑843). Fil-fehma tagħha, minn dawn is-sentenzi jirriżulta li l-entità ġuridika li għandha tinżamm responsabbli hija, bħala regola, il-kumpannija parent tal-grupp. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li l-Kummissjoni hija intitolata timponi responsabbiltà għal ksur barra l-impriża inkwistjoni (sentenza Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 237).
94 Ir-rikorrenti targumenta li, f’din il-kawża, l-impriża involuta fil-ksur kienet Tomkins. Matul il-perijodu tal-ksur, l-“impriża Pegler” kienet miżmuma minn entitajiet ġuridiċi differenti fi ħdan il-grupp Tomkins. Hija ssostni li Tomkins, bħala l-aħħar kumpannija parent, kienet tiddetermina l-entità ġuridika preċiża taħt il-kontroll ta’ liema kienet tinsab l-impriża matul dak il-perijodu. Bl-istess mod, hija tqis li għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża distinta, responsabbli b’mod individwali ta’ kull ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, biss mill-mument meta hija ma baqgħetx tifforma parti mill-grupp Tomkins, jiġifieri meta waqaf il-ksur.
95 Il-Kummissjoni titlob li dawn iż-żewġ motivi jiġi miċħuda.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
96 Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kjarezza fin-nomina tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li dawn, fosthom ir-rikorrenti, huma msemmija b’mod ċar fl-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni.
97 Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Kummissjoni, fil-premessa 682 tad-deċiżjoni kkontestata, semmiet lir-rikorrenti bħala entità ġuridika li pparteċipat b’mod dirett fil-ksur u żammitha responsabbli għal dan il-ksur minħabba dan, filwaqt li Tomkins inżammet responsabbli tal-aġir illegali tar-rikorrenti sempliċement minħabba l-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent (premessa 683 tad-deċiżjoni kkontestata).
98 Għaldaqstant, il-motiv li jallega nuqqas ta’ kjarezza fin-nomina tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.
99 Bl-istess mod, fir-rigward tal-motiv dwar żball fin-nomina tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument tar-rikorrenti li hija ma tistax tinżamm responsabbli tal-ksur minħabba l-fatt li hija ma kinitx għadha tifforma parti mill-grupp Tomkins, jew l-argument li hija biss Tomkins, bħala l-aħħar kumpannija parent u li tiġġestixxi l-impriża li kkomettiet il-ksur, li għandha tinżamm responsabbli, ma jistgħux jiġu aċċettati.
100 Il-fatt li l-“impriża” li eżerċitat l-attivitajiet illegali ġiet maqsuma wara li spiċċa l-ksur, b’tali mod li l-entitajiet ġuridiċi li kienu jifformaw din l-impriża ġew separati, ma jaffetwax ir-responsabbiltà in solidum tagħhom f’dak li jirrigwarda l-ksur kommess.
101 Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà in solidum tista’ tiġi imputata lil impriżi anki jekk l-entitajiet ġuridiċi li kienu jifformaw l-impriża matul il-ksur ma għadhomx membri tal-istess grupp (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 71).
102 Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għall-affermazzjoni tar-rikorrenti, is-separazzjoni, wara li ntemm il-ksur tal-Artikolu 81 KE, iżda qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, taż-żewġ entitajiet ġuridiċi Pegler u Tomkins, li kienu jappartjenu lill-impriża responsabbli tal-ksur, ma tistax teskludi r-responsabbiltà tagħha.
103 Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li timputa r-responsabbiltà ta’ ksur lill-kumpannija parent, lis-sussidjarja jew lill-kumpannija parent in solidum mas-sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 331, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax din is-setgħa.
104 Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma għandhiex tallega, filwaqt li tirreferi għas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 93 iktar ’il fuq, li Tomkins kienet l-unika persuna ġuridika li setgħet tinżamm responsabbli tal-ksur, għaliex l-impriża li kkommettiet il-ksur kienet immexxija minn din tal-aħħar.
105 Għaldaqstant, l-allegazzjoni li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, ikkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u tad-dritt billi imputat ir-responsabbiltà tal-ksur imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti, meta din tal-aħħar ma għadhiex persuna ġuridika li tifforma parti mill-impriża responsabbli għall-ksur, hija infondata.
106 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li r-rikorrenti u Tomkins ma għandhomx jinżammu responsabbli t-tnejn tal-ksur, għaliex, f’dan il-każ, il-Kummissjoni “tirċievi d-doppju tas-somma dovuta lilha”, huwa biżżejjed jekk jingħad li huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tat-tifsira tar-responsabbiltà konġunta u in solidum ta’ żewġ impriżi, li jimplika li l-ħlas tal-ammont kollu tal-multa minn waħda minnhom jannulla l-obbligu ta’ ħlas tal-imsemmija multa mill-parti l-oħra.
107 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet u l-ħames motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur effettiv u potenzjali tal-prinċipju ta’ trattament ugwali waqt l-implementazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida tal-1998 u tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996
L-argumenti tal-partijiet
108 Ir-rikorrenti ssostni li l-approċċ tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li bih hija kkundannatha in solidum ma’ Tomkins, minkejja li kienu żewġ impriżi distinti, għal multa kkalkolata skont ċirkustanzi li kienu jikkonċernaw biss waħda minnhom, jiġifieri Tomkins, jikkawżalha żvantaġġi meta mqabbla mal-grupp Tomkins, bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
109 Sabiex turi l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali li jirriżulta mill-approċċ adottat mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, għal linji gwida tal-1998 inkwantu jirrigwardaw it-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur, tad-dissważjoni u taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti u fl-aħħar nett, il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996.
110 F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk il-limitu massimu tal-multa li setgħet tiġi imposta fuqha u fuq Tomkins ma kienx “fattur materjali” sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa imposta f’din il-kawża, l-approċċ tal-Kummissjoni, li ttrattaha flimkien mal-grupp Tomkins bħala impriża waħda għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, minkejja li ma kinitx għadha tagħmel parti minn dan il-grupp, jikkawżalha “żvantaġġi potenzjali”.
111 F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikorrenti tfakkar li, skont l-istess artikolu, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, anki t-tul tiegħu. Jekk il-Kummissjoni kellha f’moħħha tikkonstata l-eżistenza ta’ responsabbiltà in solidum fir-rigward tal-entitajiet ġuridiċi li ma kinux jagħmlu parti mill-istess impriża, hija kellha tistabilixxi differenza bejn il-parteċipazzjoni inizjali fil-ksur ta’ FHT, minn naħa waħda, u s-segwitu, inqas gravi, ta’ dan il-ksur mir-rikorrenti, min-naħa l-oħra.
112 Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur skont il-linji gwida tal-1998, ir-rikorrenti ssostni li l-uniku perijodu li fih jista’ b’mod raġonevoli jingħad li hija kienet entità ekonomika kapaċi teżerċita azzjoni indipendenti bħala impriża huwa l-perijodu mid-29 ta’ Ottubru 1993. Madankollu, matul dan il-perijodu, hija baqgħet suġġetta għall-kontroll effettiv u l-influwenza deċiżiva ta’ Tomkins, b’tali mod li l-ksur kellu jiġi imputat lil Tomkins. Ir-rikorrenti tfakkar li huwa stabbilit fil-ġurisprudenza u fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li l-konstatazzjoni ta’ din tal-aħħar għandha tkun limitata għall-perijodu li fih hija għandha provi tal-ksur. Skont ir-rikorrenti, jirriżulta li r-responsabbiltà in solidum ma setgħetx teċċeddi l-perijodu ta’ madwar seba’ snin u nofs, bejn id-29 ta’ Ottubru 1993 u t-22 ta’ Marzu 2001, u li ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni sabiex hija tiġi kkundannata għall-istess multa in solidum ma’ Tomkins, meta t-tul tal-eventwali responsabbiltà tagħhom fil-ksur kien “materjalment differenti”.
113 Fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa f’livell dissważiv biżżejjed, ir-rikorrenti tqis li huwa diffiċli taħseb f’każ li fih l-approċċ tal-Kummissjoni ma jiksirx dan l-aspett tal-linji gwida tal-1998, għaliex dan jitlob li l-ex sussidjarja u l-ex kumpannija parent ikunu f’sitwazzjoni “materjalment identika”. F’din il-kawża, iż-żieda tal-multa applikata għal finijiet ta’ dissważjoni kienet ikkalkolata b’riferiment għad-daqs ta’ impriża partikolari, jiġifieri Tomkins, u ma għandha l-ebda rabta mas-sitwazzjoni ekonomika jew finanzjarja tar-rikorrenti. Bi tweġiba għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-premessa 771 tad-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss id-daqs u s-saħħa ta’ Tomkins, bl-ebda mod ma tirreferi għas-sitwazzjoni tagħha u ma fiha l-ebda ġustifikazzjoni taż-żieda għal finijiet ta’ dissważjoni fir-rigward tal-pożizzjoni tagħha bħala ex sussidjarja ta’ Tomkins.
114 Ir-rikorrenti turi diffikultà oħra marbuta mal-approċċ tal-Kummissjoni, jiġifieri li ċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa ħafna drabi huma differenti ħafna għal żewġ impriżi indipendenti bħal Tomkins u hija stess. Skont ir-rikorrenti, dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex limitati għall-problemi li jirriżultaw mill-ksur stess, iżda jinkludu wkoll fatturi li jistgħu jvarjaw maż-żmien, inkluż matul il-perijodu wara li hija ma baqgħetx tifforma parti mill-grupp Tomkins, bħall-kooperazzjoni mal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, it-terminazzjoni tal-ksur jew aġir differenti li jista’ jikkostitwixxi ċirkustanzi aggravanti.
115 Skont ir-rikorrenti, jeżistu “differenzi potenzjali” fiċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti applikabbli għall-entitajiet inkwistjoni, differenzi li l-Kummissjoni ma tatx każhom. F’dan ir-rigward, anki jekk dan l-aspett ma huwiex ikkunsidrat bħala “fattur materjali”, f’din il-kawża, f’dak li jirrigwarda l-livell tal-multa, ir-rikorrenti tirreferi għall-premessa 601 tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni spjegat li l-manifatturi prinċipali ta’ attrezzaturi, inkluża r-rikorrenti, kienu pparteċipaw fl-arranġemanti matul il-perijodu tal-ksur kollu b’mod kostanti, kontinwu u b’mod iktar attiv mill-parteċipanti l-oħra. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, peress li hija, skont id-dritt tal-kumpanniji Ingliż, kienet kumpannija “inattiva” matul l-ewwel snin tal-eżistenza tal-akkordju, ir-rwol tagħha kien limitat sabiex issegwi l-ordnijiet li kienet tingħata. “Differenza potenzjali” oħra tirriżulta mill-fatt li kull benefiċċju finanzjarju li seta’ jinkiseb mill-akkordju mar għand Tomkins u mhux għand ir-rikorrenti, fid-dawl tal-mod li bih il-grupp Tomkins kien iħaddem il-finanzi tiegħu.
116 Finalement, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996, ir-rikorrenti ssostni li l-approċċ tal-Kummissjoni jqajjem ukoll “diffikultajiet potenzjali” serji fir-rigward tal-imsemmija komunikazzjoni, li tikkonċerna iktar is-sitwazzjoni tal-impriżi fil-mument tal-investigazzjoni milli dik fid-data tal-ksur.
117 Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, hija tosserva li r-rikorrenti ma pprovat l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, la fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, la f’dak tal-applikazzjoni tal-linji gwida tal-1998 u lanqas f’dak tal-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996.
118 F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari iktar il-fattur ta’ dissważjoni, il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għall-premessi 766 u 771 tad-deċiżjoni kkontestata, issostni li hija ħadet inkunsiderazzjoni żewġ elementi sabiex tikkalkola ż-żieda tal-multa għal finijiet ta’ dissważjoni, jiġifieri d-daqs tal-grupp Tomkins u t-tagħrif u l-infrastrutturi ġuridiko-ekonomiċi li faċilment jippermettu lill-impriżi ta’ daqs kbir jirrikonoxxu li l-aġir tagħhom jikkostitwixxi ksur. Il-Kummissjoni tispjega li, fil-każ ta’ Tomkins, il-fattur determinati sabiex tiġi deċiża ż-żieda għal finijiet ta’ dissważjoni kien prinċiparjament l-ewwel element, b’mod partikolari d-dħul mill-bejgħ tagħha ta’ EUR 4 635 miljuni. Min-naħa l-oħra, iż-żieda għal finijiet ta’ dissważjoni applikata għar-rikorrenti kienet ibbażata fuq it-tagħrif u l-infrastrutturi ġuridiko‑ekonomiċi tagħha, li kien ifisser li, fil-mument tal-ksur, id-daqs, l-istruttura, id-dħul mill-bejgħ u l-organizzazzjoni tal-grupp Tomkins ġew meħuda inkunsiderazzjoni. Il-koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.25 ikkalkolat huwa identiku għal dak applikat fil-konfront tal-kumpannija parent Tomkins, peress li l-element relatat mat-tagħrif u l-infrastrutturi ġuridiko-ekonomiċi jirrigwarda l-perijodu qabel il-bejgħ tar-rikorrenti lil grupp ieħor.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
119 Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkritika l-approċċ tal-Kummissjoni dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa fil-każ fejn impriża ġiet maqsuma fil-perijodu bejn it-tmiem tal-ksur u l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi multa.
120 Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-limitu ta’ 10 % skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi kkonstatat li, kif ir-rikorrenti tammetti hija stess, dan il-limitu ma nqabiżx f’din il-kawża. Għaldaqstant, l-argument imressaq f’dan ir-rigward mir-rikorrenti huwa ineffettiv. Sussidjarjament, għandu jingħad li, f’każ li l-limitu massimu tal-multa li seta’ jiġi impost individwalment fuq ir-rikorrenti ntlaħaq, hija kellha d-dritt li jiġi applikat il-limitu inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 390).
121 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti marbuta mat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, kemm fil-kuntest tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll fil-kuntest tal-linji gwida tal-1998, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument konkret li jippermetti li jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Peress li r-rikorrenti targumenta li kwalunkwe responsabbiltà konġunta u in solidum ma setgħetx teċċeddi l-perijodu ta’ madwar seba’ snin u nofs bejn id-29 ta’ Ottubru 1993 u t-22 ta’ Marzu 2001 u li, konsegwentement, ma hemmx ġustifikazzjoni sabiex hija tiġi kkundannata konġuntament u in solidum ma’ Tomkins għall-istess multa, minkejja li t-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom, u għalhekk l-eventwali responsabbiltà fil-ksur, hija “materjalment differenti”, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-evalwazzjoni tal-ewwel u tat-tieni motivi fil-kuntest ta’ liema ġie kkonstatat li r-rikorrenti ma setgħetx tinżamm responsabbli tal-ksur għall-perijodu qabel id-29 ta’ Ottubru 1993.
122 Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ lmenti oħra mressqa dwar ir-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti u ta’ Tomkins, jiġifieri dawk marbuta mal-evalwazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti u dawk li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996 fil-każ fejn kumpannija parent u sussidjarja ma għadhomx jifformaw parti mill-istess impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, għandu jiġi rrilevat li dawn iqajmu, f’din il-kawża, kwistjonijiet ta’ natura ipotetika li ma humiex rilevanti. Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li l-ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti ma ttieħdet inkunsiderazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti jew tal-kumpannija parent tagħha. Bl-istess mod, la r-rikorrenti u lanqas Tomkins ma talbu lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996.
123 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar l-iffissar tal-ammont tal-multa f’livell dissważiv biżżejjed, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-linji gwida tal-1998 jipprevedu li, apparti n-natura proprja tal-ksur, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq u d-daqs ġeografiku tas-suq, huwa meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kapaċità effettiva ekonomika tal-awturi tal-ksur biex joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentement dissważiv (ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida tal-1998).
124 Jista’ jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li impriżi kbar ġeneralment ikollhom tagħrif u infrastrutturi ġuridiko-ekonomiċi li faċilment jippermettulhom jirrikonoxxu li l-aġir tagħhom jikkostitwixxi ksur u li jkunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan skont id-dritt tal-kompetizzjoni (il-ħames paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida tal-1998).
125 Fil-kuntest tal-ewwel element, ir-riżorsi finanzjarji tal-impriża għandhom jiġu evalwati fil-ġurnata li fiha l-multa tiġi imposta. Fir-rigward tat-tieni element id-dħul mill-bejgħ li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tistabbilixxi d-daqs tal-impriżi inkwistjoni għandu jirreferi għas-sitwazzjoni tagħhom fil-mument tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punti 379 u 382). Minkejja li ż-żewġ elementi huma marbuta mill-qrib mad-daqs tal-impriża, huma żewġ motivi separati ta’ żieda tal-ammont inizjali tal-multa.
126 F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni fakkret, bħala introduzzjoni, fil-premessa 766 tad-deċiżjoni kkontestata, is-setgħa tagħha li tapplika multiplikatur sabiex jaġġusta l-ammont inizjali sabiex jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti (fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida tal-1998) u sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi ta’ daqs kbir għandhom tagħrif u infrastrutturi ġuridiko-ekonomiċi li jippermettulhom jirrikonoxxu iktar faċilment li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur (fis-sens tal-ħames paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida tal-1998). Il‑Kummissjoni indikat ukoll li kienet bi ħsiebha tieħu inkunsiderazzjoni dawn iż-żewġ elementi.
127 F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-entità ekonomika Tomkins-Pegler, għandu jitfakkar li, meta ffissat il-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, bħala awtur tal-ksur, u fuq Tomkins, bħala kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-ksur mis-sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sehem fis-suq tar-rikorrenti, peress li l-importanza relattiva tas-sehem tagħha fuq is-suq tal-attrezzaturi kienet il-kriterju rilevanti sabiex jiġi ffissat l-ammont inizjali tal-impriżi kkonċernati. B’hekk, ir-rikorrenti, u konsegwentement il-kumpannija parent tagħha, ġew ikklassifikati fis-sitt kategorija li għaliha ġie ffissat ammont inizjali ta’ EUR 2 miljuni. Sussegwentement, il-Kummissjoni żiedet dan l-ammont inizjali għall-entità ekonomika inkwistjoni permezz tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.25 għal finijiet ta’ dissważjoni, stabbilit b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ ta’ Tomkins.
128 Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni spjegat li hija kienet applikat, fil-każ ta’ Tomkins, ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida tal-1998 u, fil-każ tar-rikorrenti, il-ħames paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida tal-1998 sabiex tiġġustifika ż-żieda fl-ammont inizjali tal-multa.
129 Ma jistax jiġi kkontestat li, fost dawn iż-żewġ elementi, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tagħżel dak li hija jidhrilha li huwa l-iktar importanti għall-evalwazzjoni tagħha.
130 Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li mill-premessa 771 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq id-dħul mill-bejgħ li Tomkins għamlet fl-2005, jiġifieri s-sena qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u qieset li dan id-dħul mill-bejgħ kien jiġġustifika żieda tal-ammont inizjali tal-multa għal finijiet ta’ dissważjoni.
131 Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ssemmi xejn dwar il-fatt li hija kienet applikat il-kriterju ta’ tagħrif u infrastrutturi ġuridiko-ekonomiċi f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti u lanqas tispeċifika d-daqs tal-impriża inkwistjoni fil-mument tal-ksur, kriterju rilevanti sabiex jiġġustifika ż-żieda bbażata fuq il-ħames paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida tal-1998. Barra minn hekk, hija ma setgħetx tagħmel dan fil-kawża inkwistjoni, peress li l-elementi msemmija rispettivament fir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A u fil-ħames paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida tal-1998, huma evalwati f’żewġ mumenti differenti, jiġifieri, rispettivament, fid-data li fiha l-multa hija imposta u fid-data tal-ksur.
132 Fi kwalunkwe każ, it-tieni nett, il-fatt li dawn iż-żewġ fatturi ġew separati u applikati b’mod separat għal żewġ kumpanniji li jifformaw parti mill-istess entità ekonomika, li waħda minnhom hija l-kumpannija parent tal-oħra u hija miżmuma responsabbli għall-ksur sempliċement minħabba din ir-raġuni, jikkostitwixxi kontradizzjoni mal-kunċett ta’ impriża skont l-Artikolu 81 KE.
133 Huwa veru, il-Kummissjoni hija awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni, waqt il-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa, id-dħul mill-bejgħ tas-sena ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-imsemmi ksur (billi tapplika l-ewwel kriterju) jew dak fil-mument tal-ksur (billi tapplika t-tieni kriterju). Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq kriterju u tapplikah biss fil-konfront ta’ waħda miż-żewġ entitajiet li qabel kienu jifformaw l-entità ekonomika li kkommettiet il-ksur. Meta kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha ma jibqgħux jifformaw parti minn entità ekonomika fis-sens tal-Artikolu 81 KE fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-multa ġiet imposta għall-ksur kommess, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ tal-ex kumpannija parent tas-sena ta’ qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni sabiex tistabbilixxi l-fattur dissważiv applikabbli għal żewġ kumpanniji li fiż-żmien meta seħħew il-fatti kienet impriża waħda, iżda li fil-frattemp ġiet maqsuma. Fil-fatt, dan id-dħul mill-bejgħ ma jirriflettix il-kapaċità ekonomika effettiva tal-imsemmija impriża sabiex toħloq danni lill-operaturi l-oħra fil-mument tal-ksur.
134 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv huwa parzjalment fondat, f’dak li jirrigwarda l-ilment li jikkonċerna l-fattur tad-dissważjoni.
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żball ta’ kalkolu u fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-kalkolu tal-multa
L-argumenti tal-partijiet
135 Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni ma rrispettatx il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta kkalkolat il-multa (kemm jekk in solidum ma’ Tomkins u kemm jekk le) u, fit-tieni lok, li l-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ikkommettiet żball meta kkalkolat l-ammont tal-multa imposta fuqha (kemm jekk in solidum ma’ Tomkins u kemm jekk le).
136 Ir-rikorrenti tqis, għar-raġunijiet diġà spjegati, li l-ammont xieraq tal-multa f’dak li jirrigwarda lilha, jekk tiġi kkunsidrata waħidha, huwa ammont inizjali ta’ EUR 1 miljun, mingħajr żieda għal finijiet ta’ dissważjoni u żieda ta’ 70 % sabiex tirrifletti t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, jiġifieri ammont totali ta’ multa ta’ EUR 1.7 miljun.
137 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata fiha żball fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Hija tispjega li, skont il-premessa 777 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multa jitla’ għal EUR 5.2 miljuni, wara l-applikazzjoni taż-żidiet għal finijiet dissważivi u minħabba t-tul tal-ksur, iżda li l-multa imposta hija ta’ EUR 5.25 miljuni. Ma tingħata l-ebda raġuni għal din iż-żieda ta’ EUR 50 000 fl-ammont tal-multa.
138 Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
139 F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-allegat żball fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni fil-premessa 777 tad-deċiżjoni kkontestata, naqset sa l-eqreb numru sħiħ l-ammont inizjali tal-multa. Il-premessa 877 u d-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni jistabbilixxu b’mod ċar li l-ammont tal-multa imposta fuq Tomkins, in solidum mar-rikorrenti, huwa ta’ EUR 5.25 miljuni.
140 Barra minn hekk, fil-premessa 765 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ndikat b’mod ċar ammont inizjali ta’ EUR 2 miljuni u, fil-premessa 771 tal-imsemmija deċiżjoni, hija ffissat b’mod ċar il-koeffiċjent multiplikatur għal finijiet ta’ dissważjoni fl-ammont ta’ 1.25, li jwassal sabiex l-ammont inizjali għal EUR 2.5 miljuni. Fl-aħħar nett, fil-premessa 775 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat b’mod espliċitu l-ammonti miżjuda ma’ dan l-ammont bażiku sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, jiġifieri żieda ta’ 5 % tal-ammont bażiku għal kull waħda mis-snin 1989 u 1990 (EUR 125 000) u ta’ 10 % għal kull waħda mill-għaxar snin li jibqa’ sal-2000 (EUR 250 000). Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem kompletament, mingħajr spjegazzjoni addizzjonali u permezz ta’ kalkolu sempliċi, ir-raġunijiet li kienu jiġġustifikaw l-iffissar tal-ammont tal-multa fil-livell indikat fil-premessa 877 u fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata.
141 F’dak li jirrigwarda l-argument li l-ammont xieraq li kellu jiġi impost fuq ir-rikorrenti kellu jkun ta’ EUR 1.7 miljun, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti li ġejjin. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ma hemm l-ebda raġuni sabiex jitnaqqas l-ammont inizjali ta’ EUR 2 miljuni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan l-ammont ġie ffissat skont il-gravità tal-ksur u li hemm differenza kunsiderevoli bejn l-impriżi kkonċernati li tiġġustifika trattament differenzjat fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi.
Fuq l-iffissar tal-ammont finali tal-multa
142 Kif jirriżulta mill-punti 46 sa 60, 73 sa 98 u 123 sa 134 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha tinbidel inkwantu hija timponi żieda tal-multa ta’ koeffiċjent ta’ 1.25 għall-finijiet dissważivi u żieda ta’ 110 % minħabba t-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur.
143 Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonjiet tal-Kummissjoni spjegati fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-metodu tal-kalkolu tal-multi applikat f’din il-kawża ma jitolbux xi bidla oħra min-naħa tal-Qorti Ġenerali.
144 L-ammont finali tal-multa għalhekk huwa kkalkolat kif ġej: peress li t-tul tal-ksur, f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti, huwa ta’ seba’ snin u ħames xhur (minflok tnax-il sena u xahrejn kif stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata), l-ammont inizjali (EUR 2 miljuni), mingħajr applikazzjoni ta’ żieda għal finijiet ta’ dissważjoni, għandu jiżdied b’70 % (minflok 110 %), li jwassal għal multa fl-ammont ta’ EUR 3.4 miljuni.
Fuq l-ispejjeż
145 Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet. Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandu jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 – Attrezzaturi), huwa annullat inkwantu jikkonstata li Pegler Ltd ipparteċipat fil-ksur matul il-perijodu mill-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993.
2) L-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Pegler fl-Artikolu 2(h) tad-Deċiżjoni C (2006) 4180 huwa ta’ EUR 3.4 miljuni.
3) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
4) Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Martins Ribeiro
Wahl
Dittrich
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Marzu 2011.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy