DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)
14 ta’ Mejju 2008 (*)
“Rikors għal annullament – Rikors għal danni – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja – Rifjut ta’ offerta – Deċiżjoni ta’ annullament tas-sejħa għal offerti – Rikors manifestament infondat fid-dritt – M’hemmx lok li tingħata deċiżjoni”
Fil-kawżi T‑383/06 u T‑71/07,
Icuna.Com SCRL, stabbilita fi Braine-le-Château (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Windey u P. De Bandt, avocats,
rikorrenti,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn O. Caisou-Rousseau u M. Ecker, bħala aġenti,
konvenut,
li għandhom bħala suġġett, fil-kawża T-383/07, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-1 ta’ Diċembru 2006, li tiċħad l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti fil-kuntest tal-lott Nru 2 (“kontenut tal-programmi”) tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti EP/DGINFO/WEBTV/2006/0003, dwar il-ħolqien u l-implementazzjoni tal-istazzjon tat-televiżjoni fuq l-Internet tal-Parlament Ewropew, kif ukoll, min-naħa l-oħra, talba għal danni intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti b’konsegwenza tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006 u, fil-kawża T-71/07, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-31 ta’ Jannar 2007, li tannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti EP/DGINFO/WEBTV/2006/0003, dwar il-ħolqien u l-implementazzjoni tal-istazzjon tat-televiżjoni fuq l-Internet tal-Parlament Ewropew, fir-rigward tal-lott Nru 2 (“kontenut tal-programmi”), kif ukoll, minn naħa l-oħra, talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti b’konsegwenza tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),
komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Digriet
Il-kuntest ġuridiku
1 Skont l-Artikolu 100 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, KEEA) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”):
“1. L-uffiċjal awto[r]izzanti għandu jiddeċiedi lil min il-kuntratt għandu jkun mogħti, b’konformità mal-kriterja tas-selezzjoni u l-għoti stabbilita minn qabel fid-dokumenti li jirrelataw mas-sejħa għal-offerti u r-regoli tal-forniment.
2. L-awtorità tal-kuntratti [awtorità kontraenti] għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjoni u lill-appaltaturi kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil-miktub, bill-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-appaltatur b’suċċess u l-isem ta’ l-appaltatur li lilu jingħata il-kuntratt.
[…]”
2 L-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi:
“L-awtorità tal-kuntratti [l-awtorità kontraenti] tista’, qabel ma l-kuntratt ikun iffermat, jew li tabbanduna l-forniment jew li tikkanċella l-proċedura ta’ l-għoti mingħajr ma l-kandidati jew l-appaltaturi jkunu intitolati għal talba għal xi kumpens.
Id-deċiżjoni għandha tkun issostanzjata u mwassla għall-attenzjoni tal-kandidati jew l-appaltaturi kollha.”
3 Skont l-Artikolu 149(1) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, KEEA) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU L 357, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, KEEA) Nru 1261/2005, tal-20 ta’ Lulju 2005 (ĠU L 201, p. 3):
“1. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jgħarrfu mill-aktar fis lill-kandidati u min jifta’ l-offerti bid-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għotja tal-kuntratt […], inklużi l-għanjiet għala ddeċidew li ma jagħtux kuntratt […] li għalih kien hemm sejħa għall-offerti jew li tinbeda mill-ġdid il-proċedura.
[…]
3. Għall-kuntratti li ngħataw mill-istituzzjonijiet komunitarji f’isimhom stess, skond l-Artikolu 105 tar-Regolament Finanzjarju, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jinnotifikaw […] lil kull min tefa’ offerta jew lil kull kandidat eliminat […] li l-offerta jew il-kandidatura tagħhom ma ġietx aċċettata u billi jiġi ppreċiżat f’kull każ ir-raġunijiet għal din l-eliminazzjoni ta’ l-offerta jew tal-kandidatura.
L-awtoritajiet kontraenti fl-istess ħin għandhom jinnotifikaw in-notifiki ta’ l-eliminazzjoni indirizzati lill-kandidati jew lil dawk li tefgħu l-offerti eliminati, id-deċiżjoni dwar l-għotja lil dak li ntgħażel billi jiġi ppreċiżati d-deċiżjoni nnotifikata ma tikkostitwixxix impenn min-naħa ta’ l-awtorità kontraenti kkonċernata.
[...]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
4 Fis-6 ta’ Mejju 2006, il-Parlament Ewropew ippubblika avviż ta’ kuntratt fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU S 87), li kellu bħala suġġett l-istazzjon tat-televiżjoni fuq l-Internet tal-Parlament Ewropew. Din is-sejħa għal offerti, li kellha r-referenza EP/DGINFO/WEBTV/2006/0003, kien fiha żewġ lottijiet li kienu jirrigwardaw, rispettivament, l-arkitettura u d-disinn grafiku (lott Nru 1) u l-kontenut tal-programmi (lott Nru 2).
5 Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti, Icuna.Com SCRL, wieġbet għas-sejħa għal offerti għal-lott Nru 2, “kontenut tal-programmi”, flimkien mal-kumpannija Parallèles productions, li magħha kellha l-intenzjoni tifforma konsorzju.
6 Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Awwissu 2006, il-Parlament informa lir-rikorrenti li kienet rebħet il-kuntratt (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2006”). Lejn it-tmiem tax-xahar ta’ Awwissu 2006, saru xi kuntatti bejn il-persuna responsabbli għal dan l-inkartament fil-Parlament u r-rikorrenti sabiex tiġi stabbilita data għal laqgħa sabiex jiġi ffirmat il-kuntratt. Din id-data, inizjalment stabbilita għall-1 ta’ Settembru 2006, ġiet madankollu ddifferita diversi drabi.
7 Fl-14 u fit-18 ta’ Awwissu 2006, żewġ offerenti esklużi bagħtu ittri ta’ lment lill-Parlament. Permezz ta’ posta elettronika tat-8 ta’ Settembru 2006, il-persuna responsabbli għall-inkartament fil-Parlament informat lir-rikorrenti b’dawn l-ilmenti u bil-fatt li għaldaqstant l-inkartament kellu jiġi suġġett għal eżami addizzjonali.
8 Fl-14 ta’ Settembru 2006, id-Direttur tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-Parlament, li kien l-uffiċjal awtorizzanti fir-rigward tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni, informa lir-rikorrenti li, wara eżami addizzjonali tal-inkartament, huwa kien sab indikazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-kumitat ta’ evalwazzjoni u li, konsegwentement, kien iddeċieda li jannulla d-deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2006, “fis-sens tal-Artikolu 149(3)” tar-Regolament ta’ implementazzjoni. L-uffiċjal awtorizzanti ddeċieda wkoll li jistieden kumitat ta’ evalwazzjoni ġdid biex jerġa’ jeżamina l-offerti rċevuti kollha. Ir-rikorrenti wieġbet għal din l-ittra permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Settembru 2006.
9 Permezz ta’ posta elettronika tat-28 ta’ Settembru 2006, il-Parlament talab lir-rikorrenti sabiex tipprovdi, minn naħa, dokument ta’ kondotta u, min-naħa l-oħra, lista ta’ referenzi ta’ proġetti mwettqa minnha reċentement, flimkien ma’ attestazzjonijiet fir-rigward tagħhom, kif ukoll deskrizzjoni tat-tagħmir tekniku li kien se jintuża sabiex jiġi assigurat it-twettiq tas-servizzi li kienu s-suġġett tal-kuntrat. Ir-rikorrenti kkonformat ma’ din it-talba permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ottubru 2006, li magħha hija bagħtet id-dokumenti mitluba.
10 Fis-26 ta’ Ottubru 2006, il-kumitat ta’ evalwazzjoni ġdid ikkonkluda li l-offerta tal-kumpannija Mostra kienet l-iktar waħda vantaġġuża mill-perspettiva ekonomika u ppropona li l-kuntratt jingħata lil din il-kumpannija.
11 Fil-21 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-uffiċjal awtorizzanti li fiha essenzjalment ipproponiet sabiex, jekk ikun meħtieġ, fid-dawl tad-deċiżjoni ġdida li kellha tittieħed mill-kumitat ta’ evalwazzjoni, tikkjarifika l-offerta tagħha u dan, jekk ikun il-każ, waqt laqgħa miegħu.
12 Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006, il-Parlament irrifjuta l-offerta tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006”). Barra minn hekk, mill-inkartament jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni ngħata lill-kumpannija Mostra.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza
13 Permezz ta’ att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Diċembru 2006 (Kawża T-383/06), ir-rikorrenti ressqet l-ewwel rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006 u għall-kumpens tad-dannu mġarrab minnha minħabba l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
14 Permezz ta’ att separat, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess ġurnata (Kawża T-383/06 R), ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006 u tal-kuntratt li kellu jiġi konkluż, jekk dan ikun il-każ, bejn il-Parlament u l-kumpannija Mostra, kif ukoll għall-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti.
15 Fil-21 ta’ Diċembru 2006 filgħodu, il-Parlament u l-kumpannija Mostra ffirmaw il-kuntratt għal-lott Nru 2.
16 Fil-21 ta’ Diċembru 2006, wara nofsinhar, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ħareġ digriet li ddikjara s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006, fuq il-bażi tal-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Huwa obbliga wkoll lill-Parlament, fl-eventwalità li jkun diġà kkonkluda l-kuntratt mal-kumpannija Mostra, sabiex jissospendi l-eżekuzzjoni tiegħu sakemm jingħata digriet definittiv (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Diċembru 2006, Icuna.Com vs Il-Parlament, T‑383/06 R, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-21 ta’ Diċembru 2006”).
17 Is-seduta tal-proċedura għal miżuri provviżorji fil-kawża T‑383/06 R inżammet fit-22 ta’ Jannar 2007. Mill-verbal ta’ din is-seduta jirriżulta li l-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza stieden lill-Parlament sabiex “jikkunsidra l-possibbiltà li jannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti li kienet is-suġġett tat-[…] talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 101 tar-Regolament [Finanzjarju], u li jibda mill-ġdid proċedura oħra ta’ għoti tal-kuntratt”.
18 Wara ittra tas-26 ta’ Jannar 2007 indirizzata lir-Reġistratur mir-rikorrenti, il-Parlament ikkomunika, permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2007, kopja ta’ klawżola addizzjonali, iffirmata fit-30 ta’ Jannar 2007 mal-kumpannija Mostra, li permezz tagħha l-kuntratt iffirmat fil-21 ta’ Diċembru 2006 dwar il-lott Nru 2 tas-sejħa għal offerti inkwistjoni ġie annullat b’effett mid-data u l-ħin meta l-kumpannija Mostra saret taf bid-digriet li jippronunzja s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006, jiġifieri, fil-21 ta’ Diċembru 2006, fil-17:14. F’din l-ittra, il-Parlament semma wkoll l-intenzjoni tiegħu li “jirtira sussegwentement id-deċiżjoni tiegħu ta’ għoti tal-kuntratt”.
19 Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007, l-uffiċjal awtorizzanti ddeċieda li jannulla l-proċedura li permezz tagħha l-kumpannija Mostra ngħatat il-kuntratt għal-lott Nru 2 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007”). Huwa ta parir ukoll li tinbeda fl-iktar fis possibbli sejħa għal offerti ġdida.
20 Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti indikat li hija kellha l-intenzjoni żżomm it-talba tagħha għal miżuri provviżorji fil-kawża T‑383/06 R fir-rigward tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006, minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Parlament sabiex jannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti.
21 Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Frar 2007, Icuna.Com vs Il-Parlament (T‑383/06 R, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidra li ma kienx għad hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq it-talba għal miżuri provviżorji fil-kawża T‑383/06 R, peress li l-kuntratt iffirmat bejn il-Parlament u l-kumpannija Mostra kien ġie annullat bi ftehim bejn il-partijiet kontraenti u peress li l-Parlament kien indika b’mod ċar li ma kellux iktar l-intenzjoni li jimplementa d-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006.
22 Permezz ta’ att irreġistrat fir-Reġistru fid-9 ta’ Marzu 2007 (Kawża T‑71/07), ir-rikorrenti ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 kif ukoll għall-kumpens tad-danni allegatament imġarrba minħabba l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
23 Permezz ta’ att separat, irreġistrat fir-Reġistru fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbet ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi r-rikors permezz tal-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura.
24 Permezz ta’ att separat, irreġistrat fir-Reġistru fl-istess ġurnata (Kawża T‑71/07 R), ir-rikorrenti barra minn hekk introduċiet talba għal miżuri provviżorji, intiża, minn naħa, sabiex il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza jiddeċiedi fuq il-bażi tal-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura, qabel ma l-Parlament ikun ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007.
25 Fis-16 ta’ Marzu 2007, sejħa għal offerti ġdida li kellha bħala suġġett il-kuntratt inkwistjoni ġiet ippubblikata fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea (ĠU S 53).
26 Fit-22 ta’ Marzu 2007, il-Parlament ippreżenta, permezz ta’ att separat, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-kawża T‑71/07, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
27 Fit-2 ta’ April 2007, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għal deċiżjoni permezz tal-proċedura mħaffa fil-kawża T‑71/07.
28 Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Mejju 2007, Icuna.Com vs Il-Parlament (T-71/07 R, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji fil-kawża T‑71/07 R u rriżerva l-ispejjeż.
29 Fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Parlament u r-rikorrenti ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-possibbiltà li jingħaqdu l-kawżi T‑383/06 u T‑71/07 fl-20 ta’ Diċembru 2007 u fis-7 ta’ Jannar 2008, rispettivament.
30 Il-President tat-Tieni Awla rrefera d-deċiżjoni dwar din l-għaqda lil dan il-kulleġġ ġudikanti skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Peress li r-rikorsi fil-kawżi T‑383/06 u T‑71/07 huma konnessi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li hemm lok li jingħaqdu għall-finijiet ta’ dan id-digriet.
It-talbiet tal-partijiet
31 Fil-kawża T‑383/06, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006;
– tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, tikkundanna lill-Parlament iħallasha, fl-ewwel lok, is-somma ta’ EUR 58 700 bħala kumpens għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti u, fit-tieni lok, l-ammont tad-dannu morali mġarrab minħabba d-dannu għar-reputazzjoni tagħha, u taħtar espert sabiex jevalwa dan l-ammont;
– tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.
32 Fil-kawża T‑383/06, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiċħad it-talba għal annullament;
– tiċħad it-talba għal kumpens kif ukoll it-talba għal ħatra ta’ espert;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
33 Fil-kawża T‑71/07, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bħala manifestament infondata;
– sussidjarjament, tgħaqqad l-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma’ dak dwar il-mertu;
– f’kull każ, tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż addizzjonali kkawżati minħabba l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;
– tannulla d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007;
– tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, tikkundanna lill-Parlament jikkumpensaha għat-totalità tad-dannu mġarrab minħaba d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007, u taħtar espert sabiex jevalwa dan id-dannu;
– tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.
34 Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fil-kawża T‑71/07, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
35 Skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, meta rikors ikun manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, mingħajr ma tkompli l-proċedura, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.
36 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, f’kull mument, ex officio u wara li tisma’ lill-partijiet, tiddeċiedi li r-rikors m’għadx għandu skop u li m’għadx hemm lok għal deċiżjoni.
1. Fuq ir-rikors fil-kawża T‑71/07
37 Hemm lok, fil-kawża T‑71/07, li d-deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament tiġi rrivinijata għad-deċiżjoni dwar il-mertu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(4) tar-Regoli tal-Proċedura.
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
38 Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-Parlament isostni, minn naħa, li d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 ma tikkonċernax lir-rikorrenti la direttament u lanqas individwalment u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar m’għandha ebda interess fl-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, li ma tikkawżalhiex preġudizzju.
39 Il-Parlament iżid li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti tifforma ħaġa waħda li ma tistax tinfired u li l-għoti tal-kuntratt lill-kumpannija Mostra huwa r-riżultat tagħha. Huwa jqis li ebda deċiżjoni oħra ħlief dik taċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti u l-għoti tal-kuntratt lill-kumpannija Mostra ma kienet possibbli. Skont il-Parlament, f’kull każ, ma kienx possibbli li jingħata l-kuntratt lil impriża li ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni. Il-Parlament ma setax sempliċement jirtira biss id-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006 li tirrifjuta l-offerta tar-rikorrenti, filwaqt li jżomm fis-seħħ il-parti tal-proċedura ta’ evalwazzjoni li kienet vantaġġuża għaliha.
40 Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Parlament. Minn naħa, hija tqis li d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 tikkonċernaha direttament peress li għandha bħala effett l-annullament tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2006 li tindikaha bħala r-rebbieħa tal-kuntratt, peress li tobbligaha tidħol fi spejjeż sabiex tipparteċipa fil-proċedura l-ġdida ta’ sejħa għal offerti u sabiex tassigura l-protezzjoni tal-interessi tagħha quddiem il-qrati, u peress li twaqqafha milli tikseb, fil-kuntest tar-rikors fil-kawża T‑383/06, kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006.
41 Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssosnti li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 peress li hija fl-oriġini ta’ din id-deċiżjoni, adottata wara l-proċedura għal miżuri provviżorji fil-kawża T‑383/06 R mibdija minnha. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tagħha hija differenti minn dik tal-offerenti l-oħra peress li hija l-unika offerenti li inizjalment kienet ingħatat il-kuntratt inkwistjoni. Fl-aħħar, id-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 taffettwa b’mod negattiv ir-riżultat tat-talba għal kumpens tagħha fil-kawża T‑383/06.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
42 Skont ir-raba paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kull persuna fiżika jew legali tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lilha jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tikkonċernaha direttament u individwalment.
43 F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti mhijiex destinatarja tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007.
44 Skont ġurisprudenza kostanti, sabiex jikkonċerna direttament individwu, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, l-att Komunitarju inkwistjoni għandu jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwu u l-implementazzjoni tiegħu għandha tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I-2309, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Barra minn hekk, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li persuni distinti mid-destinatarji tad-deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment, ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzhom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu bħal ma jkun id-destinatarju ta’ deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Pitraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punt 11; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ April 1995, ASPEC et vs Il-Kummissjoni, T‑435/93, Ġabra p. II-1281, punt 62).
46 Fl-aħħar, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew legali huwa ammissibbli biss safejn ir-rikorrenti jkollha interess fl-annullament tal-att ikkontestat. Dan l-interess għandu jkun effettiv u attwali u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jkun tressaq ir-rikors (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T-141/03, Ġabra p. II-1197, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, T-136/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).
47 F’din il-kawża, id-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-annullament tat-totalità tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, id-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 tirriżulta fl-annullament mhux biss tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006 li tirrifjuta l-offerta tagħha, iżda wkoll fl-annuallment tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2006, li annullat id-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lir-rikorrenti, kif ukoll fl-annullament tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2006 li tagħtiha l-kuntratt. Għaldaqstant ir-rikorrenti hija direttament ikkonċernata bid-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007. Għall-istess raġuni, id-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 tikkawża preġudizzju għar-rikorrenti, li għaldaqstant għandha interess li tiġi annullata.
48 Ir-rikorrenti hija wkoll individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007, safejn hija kienet l-unika offerenti li ngħatat il-kuntratt fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti annullata. Dan l-element huwa ta’ natura li jindividwalizzaha fil-konfront tal-offerenti esklużi l-oħra kollha.
49 Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament fir-rigward tar-rikors imressaq mir-rikorrenti fil-kawża T‑71/07 għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-talba għal annullament
L-argumenti tar-rikorrenti
50 In sostenn tat-talba għal annullament tagħha fil-kawża T‑71/07, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att u fuq ksur tal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju. It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-Parlament ma ppreżentax risposta fil-kawża T‑71/07 u għaldaqstant ma ppronunzjax ruħu dwar il-motivi invokati in sostenn tat-talba għal annullament.
– Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att u fuq ksur tal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju.
51 Ir-rikorrenti tirrileva li ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma tawtorizza lill-awtorità kontraenti biex tannulla l-għoti ta’ kuntratt wara l-firma tal-kuntratt ma’ min ingħata l-kuntratt. B’mod partikolari, la d-digriet tal-21 ta’ Diċembru 2006, u lanqas l-istedina magħmula mill-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta tal-proċedura għal miżuri provviżorji tat-22 ta’ Jannar 2007 ma jistgħu jikkostitwixxu bażi legali għad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007.
52 Jekk jitqies li d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 hija bbażata fuq l-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jkunux sodisfatti f’din il-kawża. Fil-fatt, l-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju jillimita l-kompetenza tal-awtorità kontraenti biex tannulla proċedura ta’ sejħa għal offerti, b’tali mod li din m’għandhiex il-kompetenza tadotta tali deċiżjoni ħlief sal-firma tal-kuntratt ma’ min ingħata l-kuntratt. Issa, il-Parlament kien iffirma l-kuntratt mal-kumpannija Mostra fil-21 ta’ Diċembru 2006, jiġifieri iktar minn xahar qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007.
53 Għar-rikorrenti, barra minn hekk, l-annullament tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma setax jibqa’ jiġi kkunsidrat peress li l-kuntratt kien diġà ngħata b’mod legali lir-rikorrenti permezz tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2006.
54 Barra minn hekk, it-tħassir tal-kuntratt mal-kumpannija Mostra ma jimplikax li l-kuntratt ma kienx ġie ffirmat. Barra minn hekk, it-tħassir ikkunsidrat ma jkoprix it-totalità tal-effetti tal-kuntratt, peress li dan ġie annullat b’effett mid-data u l-ħin meta l-kumpannija Mostra saret taf bis-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, kull effett li pproduċa ruħu qabel dan il-mument baqa’ fis-seħħ.
55 Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 tikser l-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju peress li l-annullament tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti jirrigwarda biss il-lott Nru 2. Din id-dispożizzjoni ma tippermettix l-annullament parzjali tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Skont ir-rikorrenti, huwa evidenti li, safejn il-lott Nru 1 u l-lott Nru 2 huma parti mill-istess sejħa għal offerti, l-annullament eventwali għandu jkopri t-totalità tal-proċedura, jiġifieri anki l-proċedura dwar l-għoti tal-lott Nru 1.
– Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
56 Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost bħala prinċipju ġenerali u li huwa previst fl-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 149(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.
57 Id-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 ma tippermettix li jinftehmu l-motivi li wasslu lill-Parlament sabiex jadotta l-miżura inkwistjoni. Ir-riferiment għall-“istedina” tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistax ikun biżżejjed bħala l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007. Barra minn hekk, dan ir-riferiment jinsab f’kontradizzjoni mal-bqija tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 peress li l-Parlament ikkunsidra li d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 “b’ebda mod ma [kienet] tirrappreżenta rikonoxximent tal-fatt li d-deċiżjoni tal-[14] ta’ Settembru 2006 li tannulla d-deċiżjoni ta’ għoti inizjali u li taħtar kumitat ġdid ta’ evalwazzjoni ma kinitx il-mod korrett ta’ kif kellha tittieħed azzjoni”.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
– Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att u fuq ksur tal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju
58 Għandu jiġi kkunsidrat li l-Parlament kien kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007. L-opinjoni kuntrarja tar-rikorrenti hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju, li għandu bħala għan li jirregola, fil-każ ta’ rinunzja għall-kuntratt jew ta’ annullament tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti mill-awtorità kontraenti, il-kunflitt bejn l-interessi privati tal-offerenti u ta’ dak li jkun ingħata l-kuntratt, minn naħa, u l-interess ġenerali li għandha ssegwi l-awtorità kontraenti, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, hemm lok li ssir distinzjoni bejn żewġ fażijiet fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
59 Fl-ewwel lok, qabel il-firma tal-kuntratt mal-offerent magħżul, l-awtorità kontraenti mhijiex marbuta u tista’, għaldaqstant, fil-kuntest tal-missjoni tagħha li ssegwi l-interess ġenerali, tirrinunzja b’mod liberu għall-kuntratt jew tannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti. L-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju jeskludi, f’każ bħal dan, kull dritt ta’ kumpens għall-kandidati jew għall-offerenti minħabba tali rinunzja jew annullament.
60 Fit-tieni lok, wara l-firma tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti hija marbuta kuntrattwalment mal-offerent magħżul. Għaldaqstant, hija ma tistax, bħala prinċipju, tirrinunzja għall-kuntratt jew tannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti b’mod unilaterali. Dan jista’ jseħħ biss minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali bħalma huma dawk ta’ din il-kawża, fejn il-partijiet kontraenti ddeċidew, bi qbil komuni, li jirrinunzjaw għall-kuntratt.
61 L-interpretazzjoni kuntrarja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju proposta mir-rikorrenti, fis-sens li l-awtorità kontraenti, ladarba tiffirma l-kuntratt ma’ min ingħata l-kuntratt, ma jkollhiex iktar kompetenza sabiex tannulla l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, anki jekk min ingħata l-kuntratt ikun irrinunzja għall-pożizzjoni kuntrattwali tiegħu, toħloq il-periklu, f’każ bħal dak f’din il-kawża, fejn l-awtorità kontraenti kkonstatat, wara l-firma tal-kuntratt, il-preżenza eventwali ta’ irregolaritajiet fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, li l-partijiet involuti f’din il-proċedura jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ma jkunux jistgħu jimxu ’l quddiem. Minn naħa, eżekuzzjoni tal-kuntratt tesponihom, f’tali sitwazzjoni, għar-riskju li tiġi ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, li barra minn hekk ġiet ordnata b’mod provviżorju f’din il-kawża, jew għal annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti, wara rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza minn offerent eskluż. Min-naħa l-oħra, l-awtorità kontraenti ma tkunx tista’ tannulla l-proċedura jew tirrinunzja għall-kuntratt, anki jekk min ingħata l-kuntratt, bħalma huwa l-każ fil-kawża prezenti, ikun lest li jirrinunzja għall-kuntratt. Issa, l-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprekludi r-rieda komuni tal-partijiet tal-kuntratt li jannullaw il-kuntratt mingħajr ma jkunu bdew jeżegwixxuh. F’tali sitwazzjoni, l-awtorità kontraenti għandha għaldaqstant ikollha d-dritt tannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti.
62 Għaldaqstant, ir-ratio legis tal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju u ċ-ċertezza legali jeżiġu li jiġi kkunsidrat li, fis-sitwazzjoni f’din il-kawża, il-Parlament kellu l-kompetenza jannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti.
63 Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-Parlament ma kisirx l-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju meta għamel distinzjoni bejn żewġ lottijiet. Għalkemm dawn iż-żewġ lottijiet għandhom ċertu livell ta’ interdipendenza bejniethom fis-sens li jagħmlu parti mill-istess sejħa għal offerti, huma xorta waħda huma awtonomi. Fil-fatt, minn naħa, iż-żewġ lottijiet kienu jirrigwardaw oġġetti distini, jiġifieri, rispettivament, l-arkitettura u d-disinn grafiku (lott Nru 1) u l-kontenut tal-programmi (lott Nru 2). Min-naħa l-oħra, l-iżvolġiment tal-proċedura relattiva għal-lott Nru 1 kien kompletament awtonomu minn dak tal-proċedura fir-rigward tal-lott Nru 2, peress li kull wieħed minn dawn il-lottijiet seta’ jingħata lil offerenti differenti u mingħajr rabta bejniethom.
– Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
64 Għandu jiġi mfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li d-deċiżjoni li tiġi annullata proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għandha tkun motivata u għandha tkun innotifikata lill-kandidati jew lill-offerenti.
65 L-Artikolu 149(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jinformaw malajr kemm jista’ jkun lill-kandidati u lill-offerenti bid-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-għoti tal-kuntratt, filwaqt li jindikaw il-motivi għaliex iddeċidew li jirrinunzjaw għall-għoti ta’ kuntratt.
66 Skont dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod iktar ġenerali, skont l-obbligu ġenerali ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE, il-Parlament kellu l-obbligu li jikkomunika, flimkien mad-deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti, il-motivi ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il-Kummissjoni, T-271/04, Ġabra p II-1375, punt 100).
67 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’mod, minn naħa, li jippermetti lill-persuni kkonċernati jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ ta’ legalità tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T-109/01, Ġabra p. II-127, punt 119, u digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Settembru 2005, Deloitte Business Advisory vs Il-Kummissjoni, T-195/05 R, Ġabra p. II‑3485, punt 108).
68 Fl-aħħar, f’dak li jirrigward b’mod iktar partikolari r-riferiment għall-bażi ġuridika ta’ att legali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ommissjoni ta’ riferiment għal dispożizzjoni preċiża tista’ ma tikkostitwixxix difett sostanzjali meta l-bażi ġuridika ta’ att tista’ tiġi ddeterminata permezz ta’ elementi oħra, peress li tali riferiment espliċitu jkun indispensabbli biss meta, fin-nuqqas tiegħu, il-persuni kkonċernati u l-qorti Komunitarja jitħallew mingħajr ċertezza fir-rigward tal-bażi ġuridika preċiża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 45/86, Ġabra p. 1493, punt 9).
69 Fil-kawża preżenti, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li r-rikorrenti rċeviet, fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji fil-kawża T‑71/07 R, kopja tal-osservazzjonijiet tal-31 ta’ Jannar 2007 tal-Parlament dwar il-verbal tas-seduta tal-proċedura għal miżuri provviżorji tat-22 ta’ Jannar 2007, li kienet tinkludi, b’mod partikolari, kopja ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ annullament tal-proċedura, kif ukoll kopja tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007, li tannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti.
70 Issa, kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti fir-rikors tagħha fil-kawża T‑71/07, il-Parlament indika, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2007, li huwa kellu l-intenzjoni jibbaża d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 fuq l-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju. Barra minn hekk, il-premessi ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxu, b’mod partikolari, li d-digriet tal-21 ta’ Diċembru 2006 kien jipprojbixxi lill-Parlament milli jimplementa l-kuntratt sakemm tingħata deċiżjoni definittiva, li l-Parlament kien ġie mistieden mill-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, waqt is-seduta tal-proċedura għal miżuri provviżorji, biex jeżamina l-possibbiltà li tiġi annullata l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt u li tinbeda proċedura ġdida, u li l-Parlament u l-kumpannija Mostra kienu qablu li jikkunsidraw li d-digriet tal-21 ta’ Diċembru 2006 kien jagħmilha impossibbli li l-kuntratt jiġi implementat f’terminu raġonevoli u li, għaldaqstant, kienu ftehmu li jirrinunzjaw għal dan il-kuntratt.
71 Għaldaqstant, miċ-ċirkustanzi li fihom kienet adottata d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007, kif ukoll mill-motivi taghha, jirriżulta li l-Parlament ikkunsidra li ma kellu ebda għażla oħra ħlief li jannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti, fuq il-bażi tal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju, sabiex jevita li t-twettiq tal-proġett ta’ televiżjoni internet tiegħu ma jbatix minn dewmien sostanzjali. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni mogħtija mill-Parlament fid-deciżjoni tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2007 turi b’mod ċar ir-raġunament segwit.
72 Tali motivazzjoni tippermetti lir-rikorrenti tinvoka d-drittijiet tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ tagħha.
73 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li jiġu miċħuda ż-żewġ motivi mqajma mir-rikorrenti u li t-talba għal annullament fil-kawża T‑71/07 tiġi miċħuda bħala manifestament infondata fid-dritt.
Fuq it-talba għal kumpens
L-argumenti tar-rikorrenti
74 Ir-rikorrenti tinvoka r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE. Hija tikkunsidra li, fuq il-bażi tal-motivi kollha li hija tinvoka in sostenn tat-talba għal annullament, huwa manifest li l-Parlament wettaq diversi illegalitajiet fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007. Dawn l-illegalitajiet, meħuda individwalment jew flimkien, huma ta’ natura li jikkostitwixxu ksur gravi tad-dritt Komunitarju.
75 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tafferma li ġarrbet dannu marbut mal-fatt li ġiet imċaħħda mill-benefiċċju tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2006 minħabba l-ftuħ ta’ proċedura irregolari mill-Parlament, li wasslet għall-għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor, u minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007. Huwa diffiċli li dan id-dannu jiġi kkwantifikat, iżda jikkostitwixxi fi spejjeż, imminenti u prevedibbli, ikkawżati mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti ġdida. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li ġarrbet dannu morali. Fil-fatt, l-evalwazzjoni negattiva invokata bħala bażi għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha fid-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006 ġiet imtennija fid-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007, ħaġa din li toħloq dannu għar-reputazzjoni tagħha. Dan id-dannu morali jammonta għal madwar 10 % tal-valur totali tal-kuntratt, liema ammont jista’ jiġi stmat b’mod preċiż minn espert maħtur mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
76 Il-Parlament ma ppreżentax risposta fil-kawża T‑71/07 u għaldaqstant ma ppronunzjax ruħu fuq il-motivi invokati in sostenn tat-talba għal kumpens.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
77 Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tkun involuta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, għandhom jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizza tat-2 ta’ Lulju 1974, Holtz & Willemsen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 153/73, Ġabra p. 675, punt 7, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, T-19/01, Ġabra p. II-315, punt 76).
78 Safejn dawn it-tliet kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun involuta r-responsabbiltà huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ waħda minnhom huwa biżżejjed sabiex ir-rikors għal kumpens jiġi miċħud (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C-257/98 P, Ġabra p. I-5251, punt 14, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il-Kunsill, T-43/98, Ġabra p. II-3519, punt 59).
79 Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-aġir illegali allegat fil-konfront ta’ istituzzjoni Komunitarja għandu jikkonsisti fi ksur suffiċjentement gravi ta’ regola tad-dritt intiża sabiex tagħti drittijiet lil individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 42).
80 Fil-kawża preventi, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, il-motivi mressqa in sostenn tat-talba għal annullament tagħha sabiex issostni l-illegalitajiet ta’ natura li jikkostitwixxu ksur suffiċjentement gravi tad-dritt Komunitarju.
81 Issa, iktar ’il fuq ġie kkunsidrat li t-talba għal annullament imressqa mir-rikorrenti kienet manifestament infondata fid-dritt, fin-nuqqas ta’ aġir illegali min-naħa tal-Parlament. Peress li t-talba għal kumpens f’din il-kawża hija bbażata fuq l-istess argumenti bħal dawk invokati in sostenn tat-talba għal annullament, hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija wkoll infondata fid-dritt, fin-nuqqas ta’ ksur suffiċjentement gravi ta’ regola tad-dritt li hija intiża sabiex tagħti drittijiet lil individwi.
82 Konsegwentement, hemm lok li t-talba għal kumpens fil-kawża T‑71/07 tiġi miċħuda bħala manifestament infondata fid-dritt.
2. Fuq ir-rikors fil-kawża T-383/06
Fuq it-talba għal annullament
83 Wara stedina min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-partijiet esprimew il-fehma tagħhom, waqt it-tieni fażi ta’ sottomissjonijiet bil-miktub fil-kawża T‑383/06, dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw, għal din il-kawża, mid-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 li tannulla l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni.
L-argumenti tal-partijiet
84 Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 ġiet adottata minn korp li ma kellux kompetenza u li, għaldaqstant, ma jistax ikollha bħala konsegwenza li ċċaħħad lid-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006 mill-effetti tagħha. Fl-opinjoni tagħha, is-sejħa għal offerti u d-deċiżjonijiet marbuta magħha għadhom jipproduċu l-effetti kollha tagħhom. Għaldaqstant, l-iskop tar-rikors għal annullament fil-kawża T‑383/06 għadu preżenti.
85 In sostenn ta’ din it-teżi, ir-rikorrenti tinvoka argumenti identiċi, essenzjalment, għal dawk żviluppati fl-ewwel motiv imqajjem in sostenn tat-talbiet għal annullament tagħha fil-kawża T‑71/07 (ara l-punti 51 sa 55 iktar ’il fuq).
86 Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi jsostni, fl-ewwel lok, li l-annullament tat-totalità tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti bid-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 iwassal ipso facto għall-irtirar tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006 u, fit-tieni lok, li huwa kien kompetenti sabiex jieħu din id-deciżjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
87 Għandu jiġi mfakkar li t-talbiet għal annullament tar-rikorrenti għandhom bħala suġġett id-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006, li ġiet annullata bid-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007. Issa, il-legalità tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 li tannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti hija s-suġġett tar-rikors għal annullament fil-kawża T‑71/07, miċħud bħala manifestament infondat fil-punt 73 iktar ’il fuq.
88 Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 għadha tipproduċi l-effetti kollha tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-annullament tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006 bid-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 wassal għar-riżultat li r-rikorrenti xtaqet tikseb permezz tat-talba għal annullament tagħha fil-kawża T‑383/06, jiġifieri t-tħassir tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 1997, Antillean Rice Mills vs Il-Kummissjoni, T‑26/97, Ġabra p. II-1347, punt 15).
89 Minn dan isegwi li t-talba għal annullament fil-kawża T‑383/06 saret bla skop u li, konsegwentement, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, m’għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba.
Fuq it-talba għal kumpens
L-argumenti tal-partijiet
90 Ir-rikorrenti tinvoka r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE. Hija tikkunsidra li, fuq il-bażi tal-motivi kollha mressqa in sostenn tat-talba għal annullament, huwa manifest li l-Parlament wettaq diversi illegalitajiet fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006.
91 Fil-kuntest tat-talba għal annullament tagħha fil-kawża T‑383/06, minn naħa, ir-rikorrenti invokat l-irregolarità manifesta tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006, minħabba li l-Parlament ma kellux kompetenza, minħabba ksur tal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju u minħabba ksur tal-Artikolu 149 tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Min-naħa l-oħra hija sostniet li l-kriterji stabbiliti fis-sejħa għal offerti, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza u l-obbligu ta’ motivazzjoni ma ġewx osservati.
92 Skont ir-rikorrenti, dawn l-illegalitajiet, kemm jekk jittieħdu individwalment jew, f’kull każ, flimkien, huma ta’ natura li jikkostitwixxu ksur gravi tad-dritt Komunitarju.
93 Id-dannu mġarrab mir-rikorrenti huwa diffiċli sabiex jiġi kkwantifikat. Fl-ewwel lok, dan id-dannu huwa kkostitwit mill-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, li jammontaw għal EUR 58 700, u, fit-tieni lok, mid-dannu morali, imminenti u prevedibbli, marbut mal-preġudizzju li jista’ jiġi kkawżat għar-reputazzjoni tar-rikorrenti. Dan id-dannu morali jammonta għal madwar 10 % tal-valur totali tal-kuntratt, liema ammont jista’ jiġi stmat b’mod preċiż minn espert maħtur mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
94 Il-Parlament isostni li r-rikorrenti m’għandhiex bażi fuq xiex titlob danni li jkopru l-ispejjeż tagħha sabiex tipparteċipa fis-sejħa għal offerti peress li, minn naħa, l-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjonijiet bil-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti tal-Parlament jeskludi b’mod espress din il-possibbiltà u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma pprovdietx l-iċken element li jippermetti deroga mill-prinċipju, stabbilit fil-ġurisprudenza, li l-ispejjeż sostnuti minn offerent fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu f’sejħa għal offerti ma jistgħux jikkostitwixxu dannu li jista’ jiġi kkumpensat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
95 Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward tal-allegat dannu kkostitwit mill-ispejjeż tal-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt annullata, li r-rikorrenti ma stabbilixxiet ebda rabta kawżali bejn l-aġir akkużat bih il-Parlament, jiġifieri l-allegati illegalitajiet imwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, minn naħa, u d-dannu kkostitwit mill-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tagħha f’din il-proċedura, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-proċedura wasslet għad-deċiżjonijiet tal-14 ta’ Settembru u tal-1 ta’ Diċembru 2006, kif ukoll dawn id-deċiżjonijiet stess, kienu vvizzjati b’illegalità, b’tali mod li r-rikorrenti setgħet tibqa’ tibbenifika mill-effetti tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2006 li inizjalment kienet tatha l-kuntratt, din id-deċiżjoni tal-aħħar ma tagħtiha ebda dritt għall-konklużjoni tal-kuntratt. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2006 tispeċifika b’mod espress, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 149(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li hija ma kienet tikkostitwixxi ebda impenn min-naħa tal-Parlament u li dan tal-aħħar, bħala awtorità kontraenti, kellu l-possibbiltà, sal-firma tal-kuntratt, li jannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti mingħar ma r-rikorrenti jkollha dritt għal kwalunkwe kumpens. Issa, din il-possibbiltà mmaterjalizzat ruħha fil-kawża preżenti, fil-forma tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2007. F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkonstatat li ma teżisti ebda rabta kawżali bejn l-aġir akkużat bih il-Parlament u d-dannu invokat mir-rikorrenti.
96 Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda d-dannu morali allegat mir-rikorrenti, dan lanqas ma ġie stabbilit. Hija tindika li r-rifjut tal-offerta tagħha kien immotivat, fid-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006, permezz ta’ evalwazzjoni negattiva ħafna, li tista’ tinxtered b’mod mgħaġġel fis-settur ikkonċernat u li b’hekk tista’ toħloq dannu serju għar-reputazzjoni tagħha.
97 Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tippreċiżax liema huma l-evalwazzjonijiet negattivi li joħolqu dannu għar-reputazzjoni tagħha. Fid-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006 li tirrifjuta l-offerta tar-rikorrenti, il-Parlament jispjega li din tal-aħħar ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni fir-rigward tal-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tagħha. Huwa evidenti li tali spjegazzjonijiet jirrużultaw neċessarjament f’evalwazzjonijiet negattivi, jew fuq il-kwalità tal-offerta, jew fuq dik tal-offerent. Madankollu, bħala prinċipju, minn tali evalwazzjonijiet negattivi ma jistax jiġi dedott li dawn joħolqu dannu għar-reputazzjoni tal-offerent inkwistjoni, sakemm ikunu ġew ifformulati b’mod mhux polemiku u in konformità mal-fatti.
98 Fil-fatt, il-Parlament kellu, għall-finijiet tad-deċiżjoni ta’ għoti li kellha tittieħed, u b’mod partikolari għall-finijiet tal-motivazzjoni tagħha, jivverifika l-osservanza tal-kriterji ta’ selezzjoni mill-offerti mressqa. F’dan id-dawl, ma tista’ ssir ebda akkuża fir-rigward tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006, li fiha ġie spjegat, f’termini xierqa, li l-persunal responsabbli mit-tmexxija, l-esperjenza, id-dħul mill-bejgħ u kif ukoll il-qligħ mill-operat fis-snin reċenti tar-rikorrenti kienu kkunsidrati bħala dgħajfa wisq sabiex il-Parlament ikun jista’ jafdalha proġett ta’ daqs bħal dak tal-kuntratt inkwistjoni. Fil-kuntest tar-rifjut ta’ offerta, kummenti bħal dawn ma jistgħux, fihom infushom, jiġu kkunsidrati bħala dannużi għar-reputazzjoni tar-rikorrenti.
99 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, it-talba għal kumpens tar-rikorrenti fil-kawża T‑383/06 għandha tiġi miċħuda bħala manifestament infondata fid-dritt.
Fuq l-ispejjeż
100 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.
101 Skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
102 Id-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2006, li hija s-suġġett tar-rikors fil-kawża T-383/06, kienet ġiet annullata sussegwentement għall-introduzzjoni tar-rikors, permezz ta’ deċiżjoni meħuda mill-Parlament skont il-proċedura prevista fir-rigward tas-sejħiet għal offerti. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż, fid-dawl tal-proċess kemm fil-kawżi preżenti kemm fil-kawżi għal miżuri provviżorji korrispondenti, li l-Parlament, minħabba l-aġir li adotta fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, ipprovoka l-introduzzjoni tar-rikors fil-kawża T‑383/06 kif ukoll it-talba għal miżuri provviżorji fil-kawża T‑383/06 R. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha fil-kawżi T‑383/06 u T‑383/06 R, filwaqt li l-Parlament għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.
103 Fil-kawża T‑71/07, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li, kif mitlub mill-Parlament, tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji fil-kawża T‑71/07 R u mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)
tordna:
1) Il-kawżi T‑383/06 u T‑71/07 huma magħquda għall-finijiet tad-digriet.
2) Fil-kawża T‑71/07 l’eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu.
3) Ir-rikors fil-kawża T‑71/07 huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt.
4) M’għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal annullament fil-kawża T‑383/06.
5) It-talba għal kumpens fil-kawża T‑383/06 hija miċħuda bħala manifestament infondata fid-dritt.
6) Fil-kawża T‑383/06, il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż ta’ Icuna.Com SCRL, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji. Icuna.Com għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.
7) Fil-kawża T‑71/07, Icuna.Com għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll l-ispejjeż tal-Parlament, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji u mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.
Il-Lussemburgu, 14 ta’ Mejju 2008.
E. Coulon
I. Pelikánová
Reġistratur
President
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy