7.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 32/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-11 ta' Diċembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Marknadsdomstolen, l-Isvezja) — Kanal 5 Ltd, TV 4 AB vs Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (STIM)
(Kawża C-52/07) (1)
(Drittijiet tal-awtur - Soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju de facto - Ġbir ta' royalties għax-xandir bit-televiżjoni ta' xogħlijiet mużikali - Metodu ta' kalkolu ta' dawn ir-royalties - Pożizzjoni dominanti - Abbuż)
(2009/C 32/03)
Lingwa tal-kawża: L-Iżvediż
Qorti tar-rinviju
Marknadsdomstolen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Kanal 5 Ltd, TV 4 AB
Konvenuta: Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (STIM)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Marknadsdomstolen — Interpretazzjoni tal-Artikolu 82 KE — Ħlasijiet ta' royalties magħmula minn stazzjonijiet kummerċjali televiżivi lil organizzazzjoni responsabbli mill-amministrazzjoni ta' drittijiet ta' eżekuzzjoni ta' xogħlijiet mużikali — Kalkolu tar-royalties ibbażat fuq perċentwal tad-dħul minn, fost oħrajn, abbonamenti u reklami
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li jkollha pożizzjoni dominanti fuq parti sostanzjali tas-suq komuni ma tkunx qed tisfrutta b'mod abbużiv din il-pożizzjoni meta, bħala rimunerazzjoni dovuta għax-xandir fuq it-televiżjoni ta' xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, tapplika, fil-konfront ta' xandara tat-televiżjoni privati, skala ta' royalties li tipprovdi li l-ammont tar-royalties għandu jkun jikkorrispondi għal parti mid-dħul ta' dawn ix-xandara, sakemm din il-parti tkun globalment proporzjonali għall-kwantità ta' xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur li effettivament ġew, jew li setgħu jiġu, imxandra fuq it-televiżjoni u sakemm ma jkunx jeżisti metodu ieħor li jippermetti li jiġu identifikati u kkwantifikati b'mod iktar preċiż kemm l-użu ta' dawn ix-xogħlijiet kif ukoll l-udjenza, mingħajr, madankollu, ma jkun jinvolvi żieda sproporzjonata fl-ispejjeż relatati mal-amministrazzjoni tal-kuntratti u mas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur.
2)
L-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, billi tikkalkula r-royalties miġbura bħala rimunerazzjoni dovuta għax-xandir fuq it-televiżjoni ta' xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur b'mod differenti skont jekk ix-xandar tat-televiżjoni jkunx pubbliku jew privat, soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur tista' tuża b'mod abbużiv il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-sens tal-imsemmi artikolu meta hija tapplika fil-konfront ta' dawn ix-xandara kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti u li minħabba f'hekk tqegħedhom fi żvantaġġ kompetittiv, dejjem sakemm din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata.
(1) ĠU C 95, 28.4.2007.
Full & Egal Universal Law Academy