21.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 44/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Diċembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein hallinto-oikeus — Il-Finlandja) — Tietosuojavaltuutettu vs Satakunnan Markkinapörssi Oy, Satamedia Oy
(Kawża C-73/07) (1)
(Direttiva 95/46/KE - Kamp ta' applikazzjoni - Ipproċessar u moviment ta' data fiskali personali - Protezzjoni ta' individwi - Libertà tal-espressjoni)
(2009/C 44/10)
Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Korkein hallinto-oikeus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Tietosuojavaltuutettu
Konvenuti: Satakunnan Markkinapörssi Oy, Satamedia Oy
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Korkein hallinto-oikeus — Interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1), 9 u 17 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, p. 31) — Kamp ta' applikazzjoni — Ġbir, pubblikazzjoni, trasferiment u pproċessar f'servizz tat-teletext ta' data fiskali pubblika relatata mal-ammont tad-dħul u tal-patrimonju taxxabbli ta' individwi
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data għandu jiġi interpretat fis-sens li attività li tikkonsisti:
—
fil-ġbir ta' data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta' persuni fiżiċi minn dokumenti pubbliċi tal-awtoritajiet tat-taxxa u li tiġi pproċessata għall-finijiet ta' pubblikazzjoni,
—
fil-fatt li d-data tiġi ppubblikata f'ordni alfabetika u skont il-klassi tad-dħul, fil-forma ta' listi dettaljati kklassifikati skont il-komun,
—
fil-fatt li d-data titqassam ukoll fuq CD-ROM biex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali,
—
fil-fatt li d-data tiġi pproċessata għall-finijiet ta' servizz ta' SMS li jippermetti lil min juża telefown ċellulari, wara li jibgħat l-isem u r-residenza ta' persuna, jikseb b'risposta data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta' dik il-persuna,
għandha tiġi kkunsidrata bħala 'ipproċessar ta' data personali' skont din id-dispożizzjoni.
2)
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet imsemmija fis-subparagrafi (a) sa (d) tal-ewwel domanda, li jikkonċernaw data miġbura minn dokumenti pubbliċi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhom ikunu kkunsidarati bħala attivitajiet ta' pproċessar ta' data personali magħmula “biss għal għanijiet ġurnalistiċi”, fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, jekk l-uniku għan tal-imsemmija attivitajiet huwa t-tixrid ta' informazzjoni, opinjonijiet jew ideat lill-pubbliku. Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.
3)
L-attivitajiet ta' pproċessar ta' data personali bħal dawk imsemmija fis-subparagrafi (ċ) u (d) tal-ewwel domanda, li jikkonċernaw sistemi ta' ħażna tal-awtoritajiet pubbliċi li jkun fihom data personali li tinkludi biss materjal diġà ppubblikat mill-mezzi ta' komunikazzjoni li ma jkunx ġie mibdul, jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.
(1) ĠU C 95, 28.4.2007.
Full & Egal Universal Law Academy