30.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 223/12
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta' Lulju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari ta' l-Arbeitsgericht Bonn — Il-Ġermanja) — Andrea Raccanelli vs Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften eV
(Kawża C-94/07) (1)
(Artikolu 39 KE - Kunċett ta' “ħaddiem’ - Organizzazzjoni mhux governattiva ta' utilità pubblika - Borża ta' studju għal kandidati għal dottorat - Kuntratt ta' impjieg - Kundizzjonijiet)
(2008/C 223/19)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Arbeitsgericht Bonn
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Andrea Raccanelli
Konvenuta: Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften eV
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Arbeitsgericht Bonn — Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta' Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2) — Status ta' ħaddiem ta' kandidat għal dottorat, impjegat bħala benefiċjarju ta' borża ta' studju minn assoċjazzjoni ta' utilità pubblika rregolata bid-dritt privat stabbilita fi Stat Membru ieħor li toffri lill-parti l-kbira tal-kandidati nazzjonali għal dottorat il-possibbiltà li jikkonkludu kuntratt ta' impjieg — Ħtieġa li l-kandidati għal dottorat li huma ċittadini ta' Stat Membru ieħor jingħataw il-possibbiltà li jagħżlu bejn borża ta' studju u kuntratt ta' impjieg — Kunċett ta' ħaddiem
Dispożittiv
1)
Riċerkatur li qiegħed f'sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jiġifieri li qed jipprepara teżi ta' dottorat fuq il-bażi ta' kuntratt ta' borża ta' studju konkluż mal-Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften eV, jista' jiġi kkunsidrat bħala ħaddiem, fis-sens ta' l-Artikolu 39 KE, biss jekk huwa eżerċita l-attività tiegħu, għal ċertu żmien, taħt id-direzzjoni ta' istitut li jaqa' taħt din l-assoċjazzjoni u jekk, b'korrispettiv għal din l-attività, huwa jirċievi remunerazzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki ta' fatt li huma neċessarji sabiex jiġi evalwat jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li hija għandha quddiemha.
2)
Assoċjazzjoni rregolata bid-dritt privat, bħall-Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften eV, għandha tosserva l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni fil-konfront tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 39 KE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk, f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, kienx hemm nuqqas ta' trattament ugwali bejn il-kandidati nazzjonali u barranin għal dottorat.
3)
Fil-każ fejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun iġġustifikat li jilmenta minn dannu kkawżat mid-diskriminazzjoni li huwa kien suġġett għaliha, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, in-natura tal-kumpens li huwa jkollu d-dritt jippretendi.
(1) ĠU C 117, 26.5.2007.
Full & Egal Universal Law Academy