8.11.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 285/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta' Settembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari ta' Verwaltungsgerichtshof — l-Awstrija) — Jörn Petersen vs Landesgeschäftsstelle des Arbeitsmarktservice Niederösterreich
(Kawża C-228/07) (1)
(Sigurtà soċjali - Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Artikoli 4(1)(b) u (g), 10(1) u 69 - Moviment liberu tal-persuni - Artikoli 39 KE u 42 KE - Skema legali ta' assigurazzjoni għall-pensjoni jew kontra l-inċidenti - Benefiċċju ta' assugurazzjoni għal tnaqqis fil-kapaċità għax-xogħol jew invalidità - Ħlas bil-quddiem mogħti lil persuni bla xogħol li japplikaw għalih - Klassifikazzjoni tal-benefiċċju bħala 'benefiċċju tal-qgħad' jew bħala “benefiċċju tal-invalidità’ - Rekwiżit ta' residenza)
(2008/C 285/12)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Jörn Petersen
Konvenuta: Landesgeschäftsstelle des Arbeitsmarktservice Niederösterreich
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Verwaltungsgerichtshof — Interpretazzjoni tal-Artikolu 39 KE u tal-Artikolu 4(1)(b) u (g) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU L 149, p. 2) — Kwalifikazzjoni bħala benefiċċju tal-qgħad jew benefiċċju tal-invalidità ta' benefiċċju fi flus bħala assigurazzjoni għall-qgħad, li l-għoti tiegħu la huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-applikant ikun kapaċi jaħdem, u lanqas għall-kundizzjoni li huwa jkun lest jaħdem, u li jingħata bil-quddiem sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali, biss lill-persuni qiegħda li jkun talbu minn qabel li jingħataw benefiċċju ta' assigurazzjoni għall-pensjoni tal-irtirar jew tal-assigurazzjoni għal inċidenti, minħabba kapaċità għax-xogħol imnaqqsa jew inkapaċità tax-xogħol — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għas-sospensjoni tad-dritt għal dan il-benefiċċju jekk il-persuna qiegħda toqgħod fi Stat Membru ieħor
Dispożittiv
1)
Benefiċċju bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkunsidrat bħala “benefiċċju tad-disimpieg [qgħad]” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(g) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta' Diċembru 1996.
2)
L-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru, safejn ma jkun ressaq l-ebda prova li tista' turi li din il-kundizzjoni hija oġġettivament ġustifikata u proporzjonata, jissuġġetta l-għoti ta' benefiċċju bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu jiġi kkunsidrat bħala “benefiċċju tad-disimpieg [qgħad]” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71, għall-kundizzjoni li l-benefiċjarji jkollhom ir-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali ta' dan l-Istat.
(1) ĠU C 170, 21.7.2007.
Full & Egal Universal Law Academy