20.6.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 141/3
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ April 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Audiencia Provincial de Barcelona — Spanja) — Pedro IV Servicios, S.L. vs Total España SA
(Kawża C-260/07) (1)
(“Kompetizzjoni - Akkordji - Artikolu 81 KE - Kuntratt ta’ forniment esklużiv ta’ karburanti u ta’ kombustibbli - Eżenzjoni - Regolament (KEE) Nru 1984/83 - Artikolu 12(2) - Regolament (KEE) Nru 2790/1999 - Artikoli 4(a) u 5(a) - Dewmien tal-esklużività - Fissar tal-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku”)
2009/C 141/04
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Audiencia Provincial de Barcelona
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Pedro IV Servicios, S.L.
Konvenuta: Total España SA
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Audencia Provincial de Barcelona — Interpretazzjoni tal-Artikolu 81(1)(a) KE, tal-Premessa 8 u tal-Artikoli 10 u 12(1)(ċ) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83 tat-22 ta’ Ġunju 1983, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv (ĠU L 173, p. 5) u tal-Artikoli 4(a) u 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 336, p. 21) — Ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiv ta’ karburanti u ta’ kombustibbli bejn fornitur u operatur ta’ pompa tal-petrol — Ħtieġa għall-fornitur li jkun il-proprjetarju tal-art u tal-installazzjonijiet tal-pompa tal-petrol jew li t-titoli legali l-oħra jkollhom saħħa biżżejjed biex jawtorizzawh jikri l-pompa tal-petrol lil bejjiegħ mill-ġdid li huwa l-proprjetarju tal-art tagħha — Restrizzjoni tal-libertà tal-bejjiegħ mill-ġdid li jiddetermina l-prezz ta’ bejgħ tiegħu.
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83, tat-22 ta’ Ġunju 1983, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [81](3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1582/97 tat-30 ta’ Lulju 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-deroga li kien jipprevedi, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li l-fornitur ikun il-proprjetarju tal-art li fuqha jkun bena l-pompa tal-petrol li jagħti b’kiri lill-bejjiegħ mill-ġdid.
2)
L-Artikolu 5(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/99, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftieha għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-deroga li huwa jipprovdi, din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-fornitur ikun proprjetarju kemm tal-pompa tal-petrol li huwa jagħti b’kiri lill-bejjiegħ mill-ġdid kif ukoll tal-art li fuqha din hija mibnija, jew fil-każ fejn mhuwiex il-proprjetarju, li huwa jikri lil terzi persuni mhux assoċjati mal-bejjiegħ mill-ġdid.
3)
Il-klawżoli kuntrattwali dwar il-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni skont il-kategoriji skont ir-Regolament Nru 1984/83, kif emendat bir-Regolament Nru 1582/97, kif ukoll ir-Regolament Nru 2790/99 jekk il-fornitur jillimita ruħu sabiex jimponi prezz ta’ bejgħ massimu jew li jirrakkomanda prezz ta’ bejgħ u jekk, għaldaqstant, il-bejjiegħ mill-ġdid għandu possibbiltà reali li jiddetermina l-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku. Min-naħa l-oħra, tali klawżoli ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet jekk dawn iwasslu, direttament jew permzz ta’ mezzi indiretti jew permezz ta’ ħabi, għal iffissar tal-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku, jew għal impożizzjoni tal-prezz ta’ bejgħ minimu mill-fornitur. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tfittex mill-ġdid jekk tali restrizzjonijiet humiex ta’ piż fuq il-bejjiegħ mill-ġdid, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-obbligi kuntrattwali kollha meħuda fil-kuntest ekonomiku u legali tagħhom, kif ukoll l-aġir tal-partijiet fil-kawża prinċipali.
(1) ĠU C 183, 04.08.2007
Full & Egal Universal Law Academy