1.5.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 102/5
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-5 ta’ Marzu 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-VAT and Duties Tribunal, Londra – Ir-Renju Unit) – J D Wetherspoon PLC vs The Commissioners of Her Majesty’s Revenue & Customs
(Kawża C-302/07) (1)
(L-Ewwel u s-Sitt Direttivi tal-VAT - Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità - Regoli dwar l-arrotondament ta’ ammonti tal-VAT - Metodi u livelli ta’ arrotondament)
2009/C 102/06
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Vat and Duties Tribunal, Londra
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: J D Wetherspoon PLC
Konvenuti: The Commissioners of Her Majesty’s Revenue & Customs
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari – VAT and Duties Tribunal, Londra – Interpretazzjoni tal-Artikoli 11A(1)(a), 12(3)(a) u 22(3)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE: Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p.1) u tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE, tal-11 ta’ April 1967, fuq l-armonizazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (ĠU L 71, p.1301) – Regoli dwar l-arrotondament ta’ ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud
Dispożittiv
1)
Id-dritt Komunitarju, fl-istat preżenti tiegħu, ma jinkludix istruzzjoni speċifika li tikkonċerna l-metodu ta’ arrotondament ta’ ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu r-regoli u l-metodi ta’ arrotondament ta’ ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud, b’dawn l-Istati jkunu marbuta, li meta jistabbilixxu dan, jirrispettaw il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema komuni ta’ din it-taxxa, b’mod partikolari dawk tan-newtralità fiskali u tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, id-dritt Komunitarju, minn naħa, ma jipprojbixxix l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li teħtieġ l-arrotondament għal ċifra ogħla ta’ ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta l-frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta inkwistjoni hija indaqs jew ogħla minn 0.5, u min-naħa l-oħra, ma teħtieġx li l-persuni taxxabbli jkunu awtorizzati jarrotondaw ’l isfel l-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta dan l-ammont jinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta nazzjonali.
2)
Fil-każ ta’ bejgħ bi prezz li jinkludi t-taxxa fuq il-valur miżjud, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika, kull Stat Membru huwa responsabbli li jistabbilixxi, fil-limiti tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari b’rispett għall-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità, il-livell li fih l-arrotondament ta’ ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud li jinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta nazzjonali jista’ jew għandu jseħħ.
3)
Peress li l-kummerċjanti li jikkalkulaw il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom ta’ oġġetti u tal-provvista tagħhom ta’ servizzi li jinkludu t-taxxa fuq il-valur miżjud jinstabu f’sitwazzjoni differenti minn dawk li jwettqu l-istess tip ta’ tranżazzjonijiet bi prezzijiet mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud, dawn tal-ewwel ma jistgħux jibbenefikaw mill-prinċipju tan-newtralità fiskali sabiex jitolbu l-awtorizzazzjoni li jseħħ l-arrotondament ’l isfel fil-livell tal-linja ta’ prodotti u tat-tranżazzjoni ta’ ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuti.
(1) ĠU C 211, 8.9.2007.
Full & Egal Universal Law Academy