16.5.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 113/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Marzu 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hessischer Verwaltungsgerichtshof — Il-Ġermanja) — Firma Baumann GmbH vs Land Hessen
(Kawża C-309/07) (1)
(Politika agrikola komuni - Miżati fil-qasam tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli veterinarji - Direttiva 85/73/KEE)
2009/C 113/11
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Hessischer Verwaltungsgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Firma Baumann GmbH
Konvenuta: Land Hessen
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hessischer Verwaltungsgerichtshof — Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) u tal-punti 1, 2(a), 4(a) u (b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva tal-Kunsill 85/73/KEE, tad-29 ta’ Jannar 1985, fuq l-iffinanzjament tal-ispezzjonijiet tas-saħħa u l-kontroll fuq il-laħam frisk u tat-tjur (ĠU 1985 L 32, p. 14), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/43/KE, tas-26 ta’ Ġunju 1996 (ĠU 1996 L 162, p. 1) — Leġiżlazzjoni li tagħmel distinzjoni bejn qtil fi stabbilimenti kbar u operazzjonijiet oħra ta’ qtil,, taġġusta r-rata digressiva tal-miżati skont it-tip ta’ annimal, u żżid il-miżati għall-qtil li jsir barra mis-sigħat tal-qatla normali
Dispożittiv
1)
Il-punt 4(a), tal-Kapitolu I, tal-Anness A, tad-Direttiva tal-Kunsill 85/73/KEE, tad-29 ta’ Jannar 1985, dwar il-finanzjament tal-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji koperti mid-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE, 90/675/KEE u 91/496/KEE kif emendata u kkonsolidata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/43/KE, tas-26 ta’ Ġunju 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix lill-Istati Membri li jitbiegħdu mill-istruttura tal-miżati prevista fil-punti 1 u 2(a), tal-imsemmi Kapitolu I, u li jiġbru miżata li r-rata tagħha tvarja skont id-daqs tal-istabbilimenti u hija stabbilita b’mod digressiv abbażi tan-numru ta’ annimali maqtula għal tip ta’ annimal;
Il-punt 4(b), tal-Kapitolu I, tal-Anness A, tad-Direttiva tal-Kunsill 85/73/KEE, kif emendata u kkonsolidata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/43/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru mhuwiex obbligat li jirrispetta l-istruttura tal-miżati prevista fil-punti 1 u 2(a) tal-istess kapitolu u jista’ jiġbor miżata li l-ammont tagħha jvarja skont id-daqs tal-impriża u n-numru ta’ annimali maqtula għal tip ta’ annimal ladarba jiġi stabbilit li dawn il-fatturi kellhom effett reali fuq l-ispejjeż effettivament inkorsi sabiex isiru l-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji mitluba mid-dispozizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju.
2)
Il-punt 4(a), tal-Kapitolu I, tal-Anness A, tad-Direttiva 85/73, kif emendata u kkonsolidata permezz tad-Direttiva 96/43, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jiġbor, għall-ispezzjoni tal-annimali li, fuq talba tas-sid, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali, “miżata addizzjonali fuq bażi perċentwali” li tiżdied mal-miżata normalment miġbura għall-ispezzjoni tal-annimali meta din iż-żieda tirrappreżenta valur standard li jikkorrispondi għal spejjeż addizzjonali li għandhom jiġu koperti.
Il-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, kif emendata u kkonsolidata permezz tad-Direttiva 96/43, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jiġbor, għall-ispezzjoni tal-annimali li, fuq talba tas-sid, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali, “miżata addizzjonali fuq bażi perċentwali” li tiżdied mal-miżata normalment miġbura għall-ispezzjoni tal-annimali meta din ż-żieda tikkorrispondi għal spejjeż addizzjonali effettivament inkorsi.
(1) ĠU C 247, tal-20.10.2007
Full & Egal Universal Law Academy