21.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 44/14
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta' Diċembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour administrative d'appel de Lyon — Franza) — Regie Networks vs Direction de contrôle fiscal Rhône-Alpes Bourgogne
(Kawża C-333/07) (1)
(Għajnuna mill-Istat - Skema ta' għajnuna favur stazzjonijiet tar-radju lokali - Finanzjament permezz ta' taxxa parafiskali fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar - Deċiżjoni favorevoli tal-Kummissjoni fl-eżitu tal-fażi preliminari prevista fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE) - Għajnuna li tista' tkun kompatibbli mas-suq komuni - Artikolu 92(3) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87(3) KE) - Kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni - Obbligu ta' motivazzjoni - Evalwazzjoni tal-fatti - Kompatibbiltà tat-taxxa parafiskali mat-Trattat KE)
(2009/C 44/22)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Cour administrative d'appel de Lyon
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Regie Networks
Konvenuta: Direction de contrôle fiscal Rhône-Alpes Bourgogne
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Cour administrative d'appel de Lyon (Franza) — Validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru N 679/97, tal-10 ta' Novembru 1997, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx l-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-modifiki li saru fl-iskema ta' għajnuna għax-xandir bir-radju stabbilita bid-digriet 92-1053 tat-30 ta' Settembru 1992 (JORF, Nru 228 tal-1 ta' Ottubru 1992) (SG(97) D/9265) — Taxxa parafiskali fuq ir-reklamar imxandar permezz tar-radju u tat-televiżjoni ddestinata għat-territorju Franċiż, liema prodott huwa marbut ma' fond ta' sostenn għall-espressjoni bir-radju — Skema ta' għajnuna li jgawdu minnha biss l-impriżi nazzjonali — Applikabbiltà għal din l-iskema — u għat-taxxa li tiffinanzjaha — mad-deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE.
Dispożittiv
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta' Novembru 1997 li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra l-modifika tal-iskema ta' għajnuna favur stazzjonijiet tar radju lokali (Għajnuna mill-Istat Nru N 679/97 — Franza) hija invalida.
Għandhom jiġu sospiżi l-effetti tad-dikjarazzjoni ta' invalidità tal-imsemmija deċiżjoni tal-Kummissjoni tal Komunitajiet Ewropej tal-10 ta' Novembru 1997 sal-adozzjoni ta' deċiżjoni ġdida mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88 KE. L-imsemmija effetti għandhom jinżammu għal perijodu li ma jistax jaqbeż xahrejn mid-data ta' din is-sentenza fil-każ fejn il Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta din id-deċiżjoni l-ġdida fil-kuntest tal Artikolu 88(3) KE u għal perijodu addizzjonali raġjonevoli jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Huma biss l-impriżi li, qabel l-għoti ta' din is-sentenza, ippreżentaw rikors ġudizzjarju jew ilment ekwilaventi dwar il-ġbir tat-taxxa parafiskali fuq ir-reklamar imxandar permezz tar-radju u tat-televiżjoni, istitwita mill-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 97-1263, tad-29 ta' Diċembru 1997, fuq l-introduzzjoni ta' taxxa parafiskali favur fond ta' sostenn għax-xandir bir-radju, li huma eżenti mil-limitazzjoni fiż-żmien tal-effetti ta' din is-sentenza.
(1) ĠU C 211, 8.9.2007.
Full & Egal Universal Law Academy