4.7.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 153/7
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta’ April 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) — Ir-Renju Unit) — Meletis Apostolides vs David Charles Orams, Linda Elizabeth Orams
(Kawża C-420/07) (1)
(Talba għal deċiżjoni preliminari - Protokoll Nru 10 dwar Ċipru - Sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żoni li fihom il-Gvern Ċiprijott ma jeżerċitax kontroll effettiv - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali - Sentenza mogħtija minn qorti Ċiprijotta sedenti fiż-żona ta’ kontroll effettiv ta’ dan il-gvern u li tikkonċerna proprjetà immobbli li tinsab barra minn din iż-żona - Punt 1 tal-Artikolu 22, punti 1 u 2 tal-Artikolu 34, Artikoli 35(1) u 38(1) ta’ dan ir-regolament)
2009/C 153/13
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Meletis Apostolides
Konvenuti: David Charles Orams, Linda Elizabeth Orams
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Court of Appel (Civil Division) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Protokoll Nru 10 anness mal-Att ta’ adeżjoni ta’ Ċipru kif ukoll tal-Artikoli 22, 34(1) u (2) u 35(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1) — Sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żoni li fihom il-Gvern ma jeżerċitax kontroll effettiv — Rikonoxximent u eżekuzzjoni mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti Ċiprijotta sedenti fiż-żona ta’ kontroll effettiv u li tikkonċerna proprjetà li tinsab barra minn din iż-żona
Dispożittiv
1)
Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern ta’ dan l-Istat Membru ma jeżerċitax kontroll effettiv, previst fl-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru anness mal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, ma tmurx kontra l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, fil-konfront ta’ sentenza mogħtija minn qorti Ċiprijotta sedenti fiż-żona tal-gżira effettivament ikkontrollata mill-Gvern Ċiprijott, iżda li tikkonċerna proprjetà li tinsab f’dawn iż-żoni.
2)
L-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jawtorizzax lil qorti ta’ Stat Membru tirrifjuta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-aħħar Stat li fuqha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv.
3)
Il-fatt li sentenza, mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru dwar proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-Istat Membru li fuqha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv, ma tistax fil-prattika tiġi eżegwita fil-post fejn tinsab il-proprjetà ma jikkostitwix raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 u dan l-anqas ma jimplika nuqqas ta’ natura eżekuttiva ta’ tali sentenza skont l-Artikolu 38(1) ta’ dan ir-regolament.
4)
Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija inkontumaċja ma jistgħux jiġu rrifjutati skont il-punt 2 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 meta l-konvenut ikun jista’ jippreżenta rikors kontra s-sentenza mogħtija inkontumaċja u meta permezz ta’ dan ir-rikors huwa jkun jista’ jsostni li l-att promotur jew l-att ekwivalenti ma jkunx ġie ppreżentat jew innotifikat lilu fil-ħin u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu
(1) ĠU C 297, 8.12.2007
Full & Egal Universal Law Academy