20.6.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 141/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-2 ta’ April 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Vestre Landsret — Id-Danimarka) — proċeduri kriminali kontra Frede Damgaard
(Kawża C-421/07) (1)
(Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem - Direttiva 2001/83/KE - Kunċett ta’ “reklamar” - Tixrid ta’ informazzjoni dwar prodott mediċinali minn terz li jaġixxi minn rajh)
2009/C 141/16
Lingwa tal-kawża: Id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Vestre Landsret
Parti fil-proċedura kriminali prinċipali
Frede Damgaard
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Vestre Landsret — Interpretazzjoni tal-Artikolu 86 tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, p.67) — Kunċett ta’ reklamar — Tixrid ta’ informazzjoni dwar prodott mediċinali minn terz li jaġixxi minn rajh u b’mod għal kollox indipendenti mill-bejjiegħ jew mill-manifattur
Dispożittiv
L-Artikolu 86 tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, kif emendata mid-Direttiva 2004/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tixrid minn terz ta’ informazzjoni dwar prodott mediċinali, b’mod partikolari dwar il-kwalitajiet tiegħu ta’ fejqan jew ta’ prevenzjoni, jista’ jiġi kkunsidrat bħala reklamar skont dan l-artikolu, inkluż fil-każ fejn dan it-terz jaġixxi minn rajh u b’mod għal kollox indipendenti, fid-dritt u fil-fatt, mill-manifattur jew mill-bejjiegħ ta’ tali prodott mediċinali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dan it-tixrid jikkostitwixxix tip ta’ tixrid ta’ informazzjoni, ta’ kkanvassjar jew ta’ inkoraġġiment li jippromwovi l-preskrizzjoni, il-provvista, il-bejgħ jew il-konsum ta’ prodotti mediċinali.
(1) ĠU C 269, 10.11.2007
Full & Egal Universal Law Academy