30.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 223/16
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta' Lulju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Białymstoku — Ir-Repubblika tal-Polonja) — Dariusz Krawczyński vs Dyrektor Izby Celnej w Białymstoku
(Kawża C-426/07) (1)
(Taxxi interni - Taxxi fuq il-vetturi bil-mutur - Dazju tas-sisa - Vetturi użati - Importazzjoni)
(2008/C 223/26)
Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk
Qorti tar-rinviju
Wojewódzki Sąd Administracyjny w Białymstoku
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Dariusz Krawczyński
Konvenut: Dyrektor Izby Celnej w BiałymstokuA
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Wojewódzki Sąd Administracyjny w Białymstoku — Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 90 KE u ta' l-Artikolu 33(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi dazju tas-sisa li jolqot kull bejgħ ta' vettura privata qabel l-ewwel reġistrazzjoni tagħha fit-territorju nazzjonali
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 33(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta' Diċembru 1991, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dazju tas-sisa, bħal dak previst fil-Polonja mil-Liġi dwar id-dazji tas-sisa (ustawa o podatku akcyzowym), tat-23 ta' Jannar 2004, impost fuq kwalunkwe bejgħ ta' vetturi bil-mutur qabel l-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fit-territorju nazzjonali.
2)
L-Artikolu 90 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dazju tas-sisa, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, safejn l-ammont tad-dazju impost fuq il-bejgħ qabel l-ewwel reġistrazzjoni tal-vetturi użati importati minn Stat Membru ieħor jaqbeż l-ammont residwu ta' l-istess dazju inkluż fil-valur tas-suq ta' vetturi simili rreġistrati qabel fl-Istat Membru li jkun stabbilixxa dan id-dazju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, u b'mod partikolari l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tad-Digriet tal-Ministru tal-Finanzi dwar it-tnaqqis tar-rata tad-dazju tas-sisa (rozporządzenie Ministra Finansów w sprawie obniżenia stawek podatku akcyzowego), tat-22 ta' April 2004, għandhiex tali konsegwenza.
(1) ĠU C 283, 24.11.2007.
Full & Egal Universal Law Academy