13.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Jannar 2010 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État — il-Belġju) — Association générale de l’industrie du médicament (AGIM) ASBL (C-471/07 u C-472/07), Bayer SA (C-471/07 u C-472/07), Pfizer SA (C-471/07 u C-472/07), Servier Benelux SA (C-471/07 u C-472/07), Janssen Cilag SA (C-471/07), Sanofi-Aventis Belgium SA, li kienet Sanofi-Synthelabo SA (C-472/07) vs État belge
(Kawżi magħquda C-471/07 u C-472/07) (1)
(Direttiva 89/105/KE - Trasparenza tal-miżuri li jirregolaw l-iffissar tal-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem - Artikolu 4(1) - Effett dirett - Iffriżar tal-prezzijiet)
2010/C 63/03
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Association générale de l’industrie du médicament (AGIM) ASBL (C-471/07 u C-472/07), Bayer SA (C-471/07 u C-472/07), Pfizer SA (C-471/07 u C-472/07), Servier Benelux SA (C-471/07 u C-472/07), Janssen Cilag SA (C-471/07), Sanofi-Aventis Belgium SA, li kienet Sanofi-Synthelabo SA (C-472/07)
Konvenut: État belge
Fil-presenza ta’: Sanofi-Aventis Belgium SA (C-471/07)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Conseil d’État (il-Belġju) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-persuna u li jkunu parti mill-pjan ta’ sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tas-saħħa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 345) — Iffriżar tal-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali impost mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru — Portata tal-obbligu, impost fuq dan ta’ l-aħħar, li jirrevedi, għall-inqas darba fis-sena, jekk il-kundizzjonijiet “makro-ekonomiċi” jiġġustifikawx iż-żamma tal-iffriżar — Ir-reviżjoni hija limitata biss għall-eżami tal-kontroll tal-ispejjeż marbuta mas-saħħa pubblika jew għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti makroekonomiċi tal-iffriżar tal-prezzijiet fuq l-industrija farmaċewtika?
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-persuna u li jkunu parti mill-pjan ta’ sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tas-saħħa, għandu jiġi interpretat fis-sens li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, filwaqt li josservaw l-għan ta’ trasparenza stabbilit minn din id-direttiva kif ukoll ir-rekwiżiti previsti fid-dispożizzjoni msemmija, il-kriterji li abbażi tagħhom għandha ssir ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet makroekonomiċi msemmija f’din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li dawn il-kriterji jkunu bbażati fuq elementi oġġettivi u verifikabbli.
(2)
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/105 għandu jiġi interpretat fis-sens li, mill-aspett tal-kontenut tiegħu, mhuwiex preċiż biżżejjed sabiex individwu jkun jista’ jinvokah quddiem qorti nazzjonali kontra Stat Membru.
(3)
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/105 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’, 18-il xahar wara li tkun intemċmet miżura ta’ ffriżar ġenerali tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali rimborsabbli li kienet damet għal tmien snin, jadotta miżura ġdida ta’ ffriżar tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali mingħajr ma jwettaq ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet makroekonomiċi prevista f’din id-dispożizzjoni.
(1) ĠU C 22, 26.01.2008.
Full & Egal Universal Law Academy