4.4.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 82/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-12 ta' Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden Den Haag — L-Olanda) — Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie vs Staatssecretaris van Financiën
(Kawża C-515/07) (1)
(Sitt Direttiva VAT - Oġġetti u servizzi allokati għan-negozju għall-iskopijiet ta' tranżazzjonijiet taxxabbli u ta' tranżazzjonijiet li mhumiex tranżazzjonijiet taxxabbli - Dritt għal tnaqqis immedjat u b'mod integrali tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri ta' tali oġġetti u servizzi)
(2009/C 82/10)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden Den Haag
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie
Konvenut: Staatssecretaris van Financiën
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hoge Raad der Nederlanden Den Haag — Interpretazzjoni tal-Artikoli 6(2) u 17(1), (2) u (6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1) — Oġġetti u servizzi (mhux biss oġġetti kapitali użati minn naħa għall-iskopijiet tan-negozju u min-naħa l-oħra għal skopijiet privati) — Integrazzjoni kompluta fil-patrimonju tan-negozju tal-persuna taxxabbli — Possibbiltà ta' tnaqqis b'mod immedjat u integrali tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri ta' tali oġġetti u servizzi.
Dispożittiv
L-Artikoli 6(2)(a) u 17(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma japplikawx għall-użu ta' oġġetti u ta' servizzi allokati għan-negozju għall-iskopijiet ta' tranżazzjonijiet li mhumiex it-tranżazzjonijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli, peress li l-VAT dovuta fuq l-akkwist ta' dawn l-oġġetti u ta' dawn is-servizzi, relatat ma' tali tranżazzjonijiet, ma tistax titnaqqas.
(1) ĠU C 22, 26.1.2008.
Full & Egal Universal Law Academy