12.9.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 220/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Lulju 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Juzgado de lo Social de Madrid — Spanja) — Evangelina Gómez-Limón Sánchez-Camacho vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), Alcampo SA
(Kawża C-537/07) (1)
(Direttiva 96/34/KE - Ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri - Drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jkunu kweżiti fid-data li fiha jibda l-leave - Kontinwità fil-ġbir tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali matul il-leave - Direttiva 79/7/KEE - Prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali - Ksib ta’ drittijiet għal pensjoni ta’ invalidità permanenti matul il-leave tal-ġenituri)
2009/C 220/08
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Social de Madrid
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Evangelina Gómez-Limón Sánchez-Camacho
Konvenuti: Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), Alcampo SA
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Interpretazzjoni tal-punti 6 u 8 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim Qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, anness mad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996 (ĠU L 145, p. 4) u tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 6, p. 24) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni ta’ invalidità skont il-paga li wieħed jaqla’ matul ċertu perijodu qabel is-seħħ tal-fatt li jagħti lok għall-pensjoni — Leave tal-ġenituri part-time matul dan il-perijodu — Effetti
Dispożittiv
1)
Il-Klawżola 2, punt 6, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jidher fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, tista’ tiġi invokata minn individwi quddiem qorti nazzjonali.
2)
Il-Klawżola 2, punti 6 u 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri ma tipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-pensjoni ta’ invalidità permanenti ta’ ħaddiem, tal-fatt li dan tal-aħħar ibbenifika minn perijodu ta’ leave tal-ġenituri part time li matulu huwa ħallas kontribuzzjonijiet u kiseb drittijiet ta’ pensjoni fi proporzjon mas-salarju rċevut.
3)
Il-Klawżola 2, punt 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri ma timponix obbligi fuq l-Istati Membri, għajr dak li jeżaminaw u jiddeterminaw il-kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali marbuta ma’ dan il-ftehim qafas b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. B’mod partikolari, hija ma tobbligahomx jipprovdu, matul il-perijodu tal-leave tal-ġenituri, għall-kontinwità tal-ġbir tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali. L-imsemmija Klawżola 2, punt 8, ma tistax tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali minn individwi kontra l-awtoritajiet pubbliċi.
4)
Il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, ma jipprekludux li, matul il-perijodu ta’ leave tal-ġenituri part time, ħaddiem jikseb drittijiet għal pensjoni ta’ invalidità permanenti skont il-ħin ta’ xogħol imwettaq u s-salarju rċevut, u mhux bħallikieku eżerċita attività full time.
(1) ĠU C 64, 8.03.2008
Full & Egal Universal Law Academy