1.5.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 102/7
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-5 ta’ Marzu 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad – Il-Bulgarija) – Apis-Hristovich EOOD vs Lakorda AD
(Kawża C-545/07) (1)
(Direttiva Nru 96/9/KE - Protezzjoni legali ta’ databases - Dritt sui generis - Kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut ta’ database - Estrazzjoni - Parti sostanzjali tal-kontenut ta’ database - Database elettronika ta’ data ġuridika uffiċjali)
2009/C 102/10
Lingwa tal-kawża: Il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Sofiyski gradski sad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Apis-Hristovich EOOD
Konvenuta: Lakorda AD
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari – Qorti muniċipali ta’ Sofia – Direttiva Nru 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, p. 20) – Kunċetti ta’ estrazzjoni u użu – Databases legali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza fi Stat Membru
Dispożittiv
1)
Id-delimitazzjoni tal-kunċetti rispettivi ta’ “trasferiment permanenti” u ta’ “trasferiment temporanju” skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, hija bbażata fuq il-kriterju tad-dewmien ta’ konservazzjoni tal-elementi estratti minn database protetta fuq apparat differenti minn dak ta’ din id-database. Il-mument tal-eżistenza ta’ estrazzjoni, skont l-Artikolu 7, minn database protetta, aċċessibbli elettronikament, jikkorrispondi għall-mument meta jiġu stabbiliti elementi intiżi mill-att ta’ trasferiment fuq apparat differenti minn dak ta’ din id-database. Dan il-kunċett ta’ estrazzjoni huwa indipendenti mill-għan segwit mill-awtur tal-att inkwistjoni, mill-bidliet eventwalment magħmula minn dan l-awtur għall-kontenut tal-elementi hekk ittrasferiti kif ukoll mid-differenzi eventwali relatati mal-organizzazzjoni strutturali tad-databases ikkonċernati.
Iċ-ċirkustanza li karatteristiċi materjali u tekniċi preżenti fil-kontenut ta’ database protetta ta’ min għamel id-database jinsabu wkoll fil-kontenut ta’ database ta’ persuna oħra tista’ tiġi interpretata bħala prova tal-eżistenza ta’ estrazzjoni, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, sakemm tali koinċidenza tista’ tiġi spjegata minn fatturi oħra barra trasferiment li seħħ bejn iż-żewġ databases ikkonċernati. Il-fatt li elementi miksuba minn min għamel id-database minn sorsi mhux aċċessibbli għall-pubbliku jinsabu wkoll fid-database ta’ persuna oħra mhuwiex biżżejjed, inkwantu tali, sabiex juri l-eżistenza ta’ tali estrazzjoni, iżda jista’ jikkostitwixxi prova tagħha.
In-natura tal-programmi informatiċi użati għall-ġestjoni ta’ żewġ databases elettroniċi ma tikkostitwixxix element ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ estrazzjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9.
2)
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li, quddiem ġabra sħiħa ta’ elementi li jinkludu gruppi sussidjarji separati, il-volum tal-elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid ta’ wieħed minn dawn il-gurppi sussidjarji għandu, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid ta’ parti sostanzjali, evalwata b’mod kwantitattiv, tal-kontenut ta’ database, skont dan l-Artikolu, jiġi pparagunat mal-volum tal-kontenut totali ta’ dan il-grupp sussidjarju jekk dan tal-aħħar jikkostitwixxi, inkwantu tali, database li tirrispondi għall-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-protezzjoni permezz tad-dritt sui generis. F’każ kuntrarju, u sa fejn din il-ġabra tikkostitwixxi tali database protetta, il-paragun għandu jsir bejn il-volum tal-elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid tal-gruppi sussidjarji differenti ta’ din il-ġabra u l-volum tal-kontenut totali tagħha.
Iċ-ċirkustanza li elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid minn database protetta permezz tad-dritt sui generis inkisbu minn min għamel id-database minn sorsi mhux aċċessibbli lill-pubbliku tista’, skont l-importanza tal-mezzi umani, tekniċi u/jew finanzjajri użati minn min għamel id-database sabiex jiġbor l-elementi inkwisjtoni minn tali sorsi, ikollha effett fuq il-kwalifika tagħhom b’mod sostanzjali, mill-aspett kwalitattiv, tal-kontenut tad-database ikkonċernata, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9.
In-natura uffiċjali u aċċessibbli lill-pubbliku ta’ parti mill-elementi li jinsabu f’database ma teżentax lill-qorti nazzjonali milli tivverifika, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid dwar parti sostanzjali tal-kontenut ta’ din id-database, jekk l-elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid minn din id-database jikkostitwixxu, mill-aspett kwantitattiv, parti sostanzjali tal-kontenut totali tagħha jew, skont il-każ, jekk jikkostitwixxux, mill-aspett kwalitattiv, tali parti sostanzjali peress li jirrappreżentaw, mill-aspetti ta’ kisba, ta’ verifika jew ta’ preżentazzjoni, investiment uman, tekniku jew finanzjarju sinjifikattiv.
(1) ĠU C 51, 23.2.2008.
Full & Egal Universal Law Academy