12.4.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 92/10
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba' Awla) tas-16 ta' Jannar 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Commissione tributaria provinciale di Latina — l-Italja) — Angelo Molinari (C-128/07), Giovanni Galeota (C-129/07), Salvatore Barbagallo (C-130/07), Michele Ciampi (C-131/07) vs Agenzia delle Entrate — Ufficio di Latina
(Kawża magħquda C-128/07 sa C-131/07) (1)
(Direttiva 76/207/KEE - Trattament ugwali bejn irġiel u nisa - Kumpens għall-irtirar - Benefiċċju fiskali mogħti f'età differenti skond is-sess tal-ħaddiema)
(2008/C 92/16)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Qorti tar-rinviju
Commissione tributaria provinciale di Latina
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Angelo Molinari (C-128/07), Giovanni Galeota (C-129/07), Salvatore Barbagallo (C-130/07), Michele Ciampi (C-131/07)
Konvenuta: Agenzia delle Entrate — Ufficio di Latina
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Commissione tributaria provinciale di Latina — Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40) u tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta' Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà sociali (ĠU L 6, p. 24) — Interpretazzjoni u portata tas-sentenza C-207/04, Vergani — Applikazzjoni ta' taxxa mnaqqsa fuq is-somom ta' flus li persuna tirċievi meta tieqaf mix-xogħol bil-għan li jiġi inkoraġġit l-irtirar ta' ħaddiema ta' età partikolari — Benefiċċju fiskali mogħti lill-ħaddiema f'età differenti skond is-sess tagħhom
Dispożittiv
1)
Minħabba s-sentenza tal-21 ta' Lulju 2005, Vergani (C-207/04), li minnha jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, huma l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru kkonċernat li għandhom jadottaw miżuri ġenerali jew partikolari li jkunu ta' natura tali li jiżguraw ir-rispett tad-dritt Komunitarju fit-territorju tagħhom, peress li l-imsemmija awtoritajiet iżommu l-kompetenza dwar l-għażla tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex id-dritt nazzjonali jkun konformi mad-dritt Komunitarju u li d-drittijiet li dan ta' l-aħħar jagħti lill-individwi jiġu rispettati. Ladarba diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju tiġi kkonstatata, sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid it-trattament ugwali, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha min-naħa tal-leġiżlatur, u li tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess sistema bħall dik li jibbenefikaw minnha l-persuni tal-kategorija l-oħra.
2)
Id-deroga prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta' Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà sociali, mhijiex applikabbli għal miżura fiskali bħal dik prevista fl-Artikolu 17(4a) tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 917 tat-22 ta' Diċembru 1986, kif emendata mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 314 tat-2 ta' Settembru 1997.
(1) ĠU C 117, 26.5.2007.
Full & Egal Universal Law Academy