KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fit-12 ta’ Ġunju 2008 1(1)
Kawża C-47/07 P
Masdar (UK)
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Programm TACIS – Servizzi b’subappalt – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità – Responsabbiltà fin-nuqqas ta’ aġir illegali– Arrikkiment indebitu – Negotiorum gestio – Irkupru ta‘ ħlas mhux dovut – Aspettattivi leġittimi – Dmir ta’ diliġenza”
I – Introduzzjoni
1. B’dan l-appell, MASDAR (UK) Ltd (iktar ’il quddiem, “Masdar”) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2006 tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) fil-Kawża T-333/03 Masdar vs Il-Kummissjoni (2) (iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors skont l-Artikoli 235 KE u 288 KE għal kumpens għad-dannu li hija allegatament sofriet minħabba n-nuqqas ta’ ħlas għal servizzi pprovduti minnha fil-kuntest ta’ proġetti Komunitarji ta’ għajnuna. Hija titlob li l-Kummissjoni tħallasha EUR 448 947,78 u l-imgħax fuqhom.
2. L-appell essenzjalment jistaqsi jekk, fil-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellhiex raġun issostni li meta, taħt programm Komunitarju ta’ għajnuna, subappaltatur ta’ parti kontraenti (prinċipali) tal-Kummissjoni ma jirċevix ħlas mill-parti kontraenti prinċipali għas-servizzi pprovduti minnu, il-Kummissjoni ma tistax titqies responsabbli għall-kumpens lis-subappaltatur fuq il-bażi tal-prinċipji ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu, negotiorum gestio, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jew id-dmir ta’ diliġenza.
II – Il-kuntest fattwali
3. Fis-sentenza appellata, il-fatti li taw lok għal din il-kawża huma kif ġej:
“2. Fil-bidu tas-sena 1994, fil-kuntest tal-programm Komunitarju ta’ Għajnuna Teknika għall-Commonwealth ta’ Stati Indipendenti (TACIS), ġie ffirmat kuntratt bir-referenza MO.94.01/01.01/B002 bejn il-Kummissjoni, irrappreżentata mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) "Relazzjonijiet Ekonomiċi Esterni", u Helmico SA, irrappreżentata mill-Managing Director tagħha. Dan il-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ Moldova”) huwa intitolat “Għajnuna għall-Organizzazzjoni ta’ Assoċjazzjoni Privata tal-Bdiewa” u jaqa’ taħt il-proġett bir-referenza TACIS/FD MOL 9401 (iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ Moldova”).
3. F’April 1996, Helmico u r-rikorrenti ffirmaw kuntratt li bih Helmico ssubappaltat lir-rikorrenti l-provvista ta’ ċerti servizzi previsti mill-kuntratt ta’ Moldova.
4. Fis-27 ta’ Settembru 1996, ġie ffirmat il-kuntratt TACIS bir-referenza RU 96-5276-00 bejn il-Kummissjoni, irrappreżentata mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-DĠ “Relazzjonijiet Politiċi Esterni”, u Helmico, irrappreżentata mill-Managing Director tagħha. Skond dan il-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Russu”), Helmico aċċettat li tipprovdi servizzi fir-Russja fil-kuntest ta’ proġett intitolat “Sistema Federali ta’ Ċertifikazzjoni u ta’ l-Ittestjar taż-Żerriegħa” u li għandu n-numru ta’ referenza FD RUS 9502 (iktar ’il quddiem il-“proġett Russu”).
5. F’Diċembru 1996, Helmico u r-rikorrenti kienu kkonkludew subappalt għall-proġett Russu, sostanzjalment identiku għal dak iffirmat f’April 1996 fir-rigward tal-proġett ta’ Moldova.
6. Lejn l-aħħar tas-sena 1997, ir-rikorrenti bdiet tinkwieta bid-dewmien fil-ħlas ta’ Helmico, li invokat l-iskuża li dan id-dewmien kien attribwit lill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti kkuntattjat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u saret taf li l-Kummissjoni kienet ħallset il-kontijiet kollha ta’ Helmico sa dik id-data. Minn tiftix iktar fil-fond ir-rikorrenti skopriet illi Helmico kienet informatha tard jew b’mod inkorrett bil-ħlas li rċeviet mill-Kummissjoni. […]
7. Fit-2 ta’ Ottubru 1998, saret laqgħa bejn direttur ta’ Masdar u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni.
8. Fil-5 ta’ Ottubru 1998, id-dipartimenti tal-Kummissjoni bagħtu ittra b’faks lil Helmico. F’din l-ittra, il-Kummissjoni ddikjarat illi kienet inkwetata bil-fatt illi n-nuqqas ta’ qbil bejn il-membri tal-konsorzju Helmico kien qed ipoġġi fil-perikolu t-tlestija tal-proġett Russu u enfasizzat illi hija tagħti ħafna importanza lir-rispett tat-termini tal-kuntratt Russu u li jirnexxi l-proġett Russu. Hija talbet lil Helmico tagħtiha assigurazzjonijiet taħt il-forma ta’ dikjarazzjoni ffirmata minn Helmico u mir-rikorrenti, li tindika li huma kienu fi qbil sħiħ dwar l-osservanza tat-termini tal-kuntratt Russu u li l-proġett Russu kien ser isir fit-termini stabbiliti. L-ittra kienet tippreċiża illi jekk ma jkunx hemm din l-assigurazzjoni qabel it-Tnejn 12 ta’ Ottubru 1998 il-Kummissjoni kienet ser tirrikorri għal mezzi oħrajn sabiex tassigura t-tlestija ta’ l-imsemmi proġett, skond it-termini tal-kuntratt Russu.
9. B’faks tas-6 ta’ Ottubru 1998, Helmico rrispondiet lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u sostniet illi n-nuqqas ta’ ftehim bejn il-membri tal-konsorzju kien ġie solvut u li t-tlestija tal-proġett Russu ma kienx fil-perikolu. Din ir-riposta tispjega illi l-membri tal-konsorzju kienu qablu li l-ħlasijiet kollha li kien għad iridu jsiru, inklużi dawk tal-kontijiet li t-trattament kien għadu qed isir f’dak li jikkonċerna l-proġett Russu, kienu ser jitqiegħdu f’kont bankarju indikat mir-rikorrenti u mhux fil-kont bankarju ta’ Helmico. Hija tindika wkoll dan li ġej:
‘Kien ukoll miftiehem illi l-amministrazzjoni tal-kuntratti kienet ser tkun ittrasferita fid-data ta’ llum lis-Sur S, il-president ta’ Masdar. Tista’ jekk jogħġbok tikkuntattjana kemm jista’ jkun malajr sabiex jiġi kkonfermat li intom aċċettajtu dawn l-emendi.’
10. Din l-ittra kienet iffirmata mis-Sur T bħala Managing Director ta’ Helmico u kien hemm dan miktub fuqha: ‘Approvat, is-Sur S, Masdar, 6 Ottubru 1998’.
11. Helmico bagħtet ittra miktuba fl-istess termini, bid-data tal-istess ġurnata u kkontrafirmata mill-president ta’ Masdar, lill-Kummissjoni dwar ammonti li għandhom jitħallsu fil-kuntest tal-kuntratt ta’ Moldova.
12. Fis-7 ta’ Ottubru 1998, Helmico bagħtet lill-Kummissjoni żewġ ittri oħrajn, iffirmati mis-Sur T u kkontrafirmati mis-Sur S f’isem Masdar.[…]
13. Fit-8 ta’ Ottubru 1998, Helmico kitbet żewġ ittri liż-żewġ amministraturi tal-proġetti kkonċernati tad-dipartiment tal-“kuntratti” tal-Kummissjoni sabiex titlobhom jagħmlu l-ħlasijiet kollha li kien għad fadal isiru fil-kuntest tal-kuntratt Russu u ta’ Moldova f’kont differenti f’isem Helmico f’Ateni. Dawn l-ittri kienu jispiċċaw bid-dikjarazzjonijiet li ġejjin:
‘Dawn l-istruzzjonijiet ma jistgħux jiġu rrevokati minn Helmico mingħajr l-approvazzjoni bil-miktub tal-president ta’ Masdar, is-Sur S. Aħna nkunu rikonoxxenti lejk jekk inti tinforma lil Masdar dwar kif sejra l-proċedura tal-ħlas u d-data li fiha l-ħlasijiet ikunu saru.’
14. Fit-8 ta’ Ottubru 1998, Helmico u r-rikorrenti kienu ffirmaw ftehim li ta prokura lill-president ta’ Masdar, sabiex jittrasferixxi fondi miż-żewġ kontijiet imsemmija fl-ittri tas-7 u tat-8 ta’ Ottubru 1998, indirizzati lill-Kummissjoni.
15. Fl-10 ta’ Novembru 1998, il-Kummissjoni ħarġet ir-rapport tagħha ta’ tmiem il-proġett dwar il-proġett Russu. Mis-sitt taqsimiet sottomessi għal evalwazzjoni, erbgħa kienu rċevew l-evalwazzjoni “eċċellenti”, waħda minnhom “tajjeb” u l-oħra “ġeneralment sodisfaċenti”. Fis-26 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni ħarġet ir-rapport tat-tmiem tal-proġett li jikkonċerna l-proġett ta’ Moldova, li għalih tnejn mit-taqsimiet suġġetti għall-evalwazzjoni kienu ġabu r-riżultat “tajjeb” u l-erbgħa l-oħra “ġeneralment sodisfaċenti”.
16. Fi Frar 1999, l-uffiċjali tal-Kummissjoni kienu għamlu verifika tal-proġett ta’ Moldova u dak Russu. Il-verifika tal-proġett Russu kienet tlestiet f’April 1999. Il-verifika tal-proġett ta’ Modova ma kinitx tlestiet f’Lulju 1999.
17. Fid-29 ta’ Lulju 1999, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu bagħtu ittra lir-rikorrenti li fiha indikaw illi l-Kummissjoni, peress illi ġiet informata li kien hemm irregolaritajiet finanzjarji bejn Helmico u r-rikorrenti waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt Russu u dak ta’ Moldova, kienu waqqfu l-ħlasijiet kollha li ma kinux għadhom saru u kienu bdew verifika sħiħa sabiex jistabbilixxu jekk kienx hemm abbuż mill-fondi Komunitarji fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt Russu u ta’ Moldova. Peress li kienet taf bid-diffikultajiet finanzjarji tar-rikorrenti, il-Kummissjoni għarrfet lir-rikorrenti li hija pproponiet li tħallas fil-kuntest tal-proġett Russu depożitu ta’ EUR 200 000 fil-kont ta’ Helmico msemmi fl-istruzzjonijiet mibgħuta minn din il-kumpannija bid-data tat-8 ta’ Ottubru 1998.
18. Is-somma ta’ EUR 200 000 ġiet mħallsa f’Awwissu 1999 fuq dan il-kont, u wara ġiet ittrasferita fuq il-kont tar-rikorrenti.
19. Bejn Diċembru 1999 u Marzu 2000, il-president ta’ Masdar kien kiteb lil diversi uffiċjali tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-Kummissarju responsabbli mill-Affarijiet Barranin, is-Sur Patten. Fost id-diversi kwistjonijiet li tqajmu kien hemm dik tas-servizzi pprovduti minn Masdar.
20. Fit-22 ta’ Marzu 2000, id-Direttur Ġenerali tas-Servizz Komuni tar-Relazzjonijiet Esterni tal-Kummissjoni kien kiteb lill-president ta’ Masdar sabiex jinformah b’dan il-ġej:
‘Wara konsultazzjonijiet intensivi (li fihom diversi possibbiltajiet ġew ikkunsidrati, fosthom il-likwidazzjoni finali taż-żewġ kuntratti permezz ta’ ħlasijiet addizzjonali favur Masdar, ikkalkulati skond ix-xogħlijiet magħmula u l-ispejjeż inkorsi minnhom), id-dipartimenti tal-Kummissjoni fl-aħħar iddeċidew li jirkupraw il-fondi li tħallsu preċedentement lill-parti kontraenti, Helmico. Fuq il-livell ġuridiku, jidher illi l-ħlasijiet kollha li saru direttament lil Masdar (anke permezz tal-kont bankarju ta’ Helmico li għalih inti għandek prokura) huma kkunsidrati, fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ Helmico, bħala att kollużiv mill-amministraturi jew kredituri ta’ Helmico; barra dan, mhuwiex żgur illi f’każ ta’ kawża bejn Helmico u Masdar, il-fondi mħallsa mill-Kummissjoni Ewropea jibqgħu definittivament miżmuma minn Masdar, kif tixtieq il-Kummissjoni.’
21. Fit-23 ta’ Marzu 2000, il-Kummissjoni kienet kitbet lil Helmico sabiex tinformaha illi ma sarx il-ħlas tal-kontijiet sospiżi u talbet li jitħallas lura ammont totali ta’ EUR 2 091 168,07. Il-Kumissjoni ħadet din l-inizjattiva wara li skopriet illi Helmico kienet aġixxiet b’mod frawdolenti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ Moldova u dak Russu.
22. Fil-31 ta’ Marzu 2000, ir-rikorrenti ressqet rikors kontra Helmico quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division [Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Taqsima tal-Qorti Irjali tal-Ġudikatura, Renju Unit], li permezz tiegħu hija talbet il-ħlas għal servizzi pprovduti b’subappalt fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ Moldova u dak Russu għall-ammont totali ta’ EUR 453 000.
23. Fl-4 ta’ April 2000, il-Kumissjoni stabbilixxiet żewġ ordnijiet ta’ rkupru uffiċjali mibgħuta lil Helmico skond l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Finanzjarju [tal-21 ta’ Diċembru 1977, applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 356, p. 1)]. Il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti kien intbagħat lill-avukati tal-partijiet tar-rikorrenti fl-1 ta’ Frar 2002 (ara punt 36 iktar ’il quddiem).
24. Fil-15 ta’ Ġunju 2000, il-president ta’ Masdar, kien bagħat faks lill-Kummissarju responsabbli mir-Relazzjonijiet Esterni, li fiha kien iddikjara li:
‘Tmintax-il xahar ilu, aħna konna avżajna lill-Kummissjoni Ewropea bil-problemi li kellna ma’ sħabna Helmico għaż-żewġ proġetti msemmija iktar ‘il fuq. Aħna rċevejna assigurazzjonijiet illi, jekk aħna nkomplu l-proġetti, il-Kummissjoni Ewropea kienet ser tassigura li niġu mħallsa għas-servizzi tagħna. Aħna konna komplejna niffinanzjaw u nwettqu ż-żewġ proġetti f’isimkom bi spejjeż kunsiderevolment għola minkejja l-fatt illi aħna konna diġà indunajna li Helmico kienet iffrodat lil Masdar u li l-fondi x’aktarx ma kinux ser ikunu jistgħu jiġu rkuprati.’
25. Ir-risposta tal-Kummissarju, b’ittra tal-25 ta’ Lulju 2000, tikkonferma l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, espressa fl-ittra tat-22 ta’ Marzu 2000.
26. Fil-5 ta’ Frar 2001, il-president ta’ Masdar bagħat mill-ġdid faks lill-Kummissarju responsabbli mir-Relazzjonijiet esterni, fejn sostna l-argumenti illi, minn naħa, ir-rikorrenti kienet parti fil-kuntratt Russu u dak ta’ Moldova konklużi mal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, waqt il-laqgħa tat-2 ta’ Ottubru 1998, kienet ġiet mogħtija l-assigurazzjoni li hija titħallas jekk tkompli l-proġett Russu u dak ta’ Moldova.
27. F’April 2001, ir-rikorrenti għamlet kuntatt mal-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibbiltà li tħallas lilha direttament għax-xogħlijiet magħmula u li bagħtet l-irċevuti tiegħu lil Helmico.
28. B’ittra tat-8 ta’ Mejju 2001, il-Kummissarju responsabbli mir-Relazzjonijiet Esterni reġa’ tenna l-pożizzjoni tal-Kumissjoni li r-rikorrenti ma kinitx parti fil-kuntratt Russu u dak ta’ Moldova.
29. Fil-21 ta’ Mejju 2001, saret laqgħa bejn l-avukati tar-rikorrenti u d-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà li r-rikorrenti titħallas direttament għas-servizzi pprovduti.
30. Fl-1 ta’ Awwissu 2001, l-avukati tar-rikorrenti reġgħu tennew it-talba li jinkiseb ħlas ex gratia mill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti talbet ħlas ta’ EUR 448 947,78 jew, alternattivament, ta’ EUR 249 314. L-ewwel ċifra tikkorrispondi għall-ammont totali li għalih Helmico bagħtet irċevuta lill-Kummissjoni u li baqgħet ma tħallsitx, filwaqt li t-tieni ċifra taqbel ma’ l-ammont ta’ xogħlijiet magħmula wara li ġiet skoperta l-frodi.
31. Fit-28 ta’ Awwissu 2001, saret laqgħa bejn l-avukati tar-rikorrenti u d-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex jeżaminaw il-possibbiltà li r-rikorrenti titħallas direttament għas-servizzi pprovduti.
32. Fl-10 ta’ Ottubru 2001, l-avukati tar-rikorrenti kienu bagħtu lill-Kummissjoni kopja tar-rapport magħmul fl-1998. Kien ġie ssuġġerit li dan id-dokument jista’ jgħin lid-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex jinstabu d-diretturi ta’ Helmico.
33. Fis-16 ta’ Ottubru 2001, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrispondew li l-informazzjoni ġiet mibgħuta lid-dipartimenti kompetenti tad-DĠ “Baġit”, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u lit-Taqsima Finanzjarja u Kuntrattwali li tieħu ħsieb il-programmi TACIS u li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu ser jieħdu l-passi meħtieġa sabiex ifittxu lid-diretturi ta’ Helmico.
34. Fis-16 ta’ Ottubru 2001, l-avukati tar-rikorrenti kienu kitbu lill-Kummissjoni li bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u r-rikorrenti jeżisti ftehim taċitu li, mit-8 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni kienet ser tħallas lir-rikorrenti bil-kundizzjoni li din tara li l-proġett Russu u dak ta’ Moldova jkunu lesti. L-argumenti prinċipali msemmija f’din l-ittra kienu intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni kienet aċċettat li mill-1998 ir-rikorrenti kienet saret il-parti kontraenti prinċipali tal-proġett Russu. Din l-ittra tispiċċa bid-dikjarazzjoni li ġejja:
‘Jien inkun grat ħafna lejk jekk tinformani jekk id-dipartimenti tal-Kummissjoni jilqgħux l-argument żviluppat f’din l-ittra, u jekk dan hu l-każ, jekk humiex lesti li jħallsu depożitu lil Masdar Ltd ta’ EUR 279 711,85 sakemm jintemmu l-proċeduri ta’ rkupru magħmula kontra Helmico.’
35. L-argumenti mressqa mill-avukati tar-rikorrenti kienu miċħuda mid-Dipartimenti tal-Kummissjoni b’ittra datata t-13 ta’ Novembru 2001. L-ittra spiċċat bid-dikjarazzjoni li ġejja:
‘Il-Kummissjoni ser tipproċedi għall-irkupru, mingħand ir-rappreżentanti ta’ Helmico, tas-somom riċevuti minn din il-kumpannija, abbażi ta’ l-ordni ta’ rkupru. Skond l-użu ta’ din il-proċedura, jistgħu jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet ġodda fir-rigward ta’ l-użu ta’ l-ammonti rkuprati.’
36. Fl-1 ta’ Frar 2002, f’risposta bil-miktub għat-talba magħmula mill-avukati tar-rikorrenti, id-dipartimenti tal-Kummissjoni spjegaw li fl-4 ta’ April 2000 kienu nħarġu żewġ ordnijiet ta’ rkupru uffiċjali għall-attenzjoni ta’ Helmico, waħda li tikkonċerna l-kuntratt ta’ Moldova għal ammont ta’ EUR 1 236 200,91 u l-oħra dwar il-kuntratt Russu għal ammont ta’ EUR 854 967,16 jiġifieri total ta’ EUR 2 091 168,07.
37. B’ittra tas-27 ta’ Frar 2002 indirizzata lid-dipartimenti tal-Kummissjoni, l-avukati tar-rikorrenti kienu kkonstataw li l-ammonti taż-żewġ ordnijiet ta’ rkupru uffiċjali jikkorrispondu approssimattivament għall-ammonti fil-kont li huma mniżżla bħala li tħallsu mill-Kummissjoni lil Helmico. Minn dan huma kkonkludew illi l-Kummissjoni ma kkunsidratx li kien neċessarju li toħroġ ordnijiet ta’ rkupru għall-ammonti li hemm fl-irċevuta li ntbagħtet minn Helmico lill-Kummissjoni iżda li ma kinux imħallsa minn din ta’ l-aħħar.
38. Fil-11 ta’ Marzu 2002, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu kitbu lill-avukati tar-rikorrenti biex jikkonfermaw illi ż-żewġ ordnijiet ta’ rkupru uffiċjali maħruġa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fl-4 ta’ April 2000 għall-attenzjoni ta’ Helmico ma kinux ikopru l-ammont ta’ l-irċevuti li ntbagħtu minn Helmico lill-Kummissjoni iżda li ma kinux tħallsu minn din ta’ l-aħħar.
39. Fis-17 ta’ Diċembru 2002, id-dipartiment legali tal-Kummissjoni kien bagħat lill-avukati tar-rikorrenti skeda ta’ l-ammonti mniżżla fl-irċevuti mibgħuta minn Helmico lill-Kummissjoni, kif ukoll id-dati, l-ammonti ta’ ħlasijiet u l-ammonti ta’ ħlasijiet li ma sarux.
40. Fit-18 ta’ Frar 2003 saret laqgħa bejn l-avukati tar-rikorrenti u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.
41. Fit-23 ta’ April 2003, l-avukati tar-rikorrenti kienu bagħtu lid-dipartimenti tal-Kummissjoni ittra rreġistrata li tispiċċa bid-dikjarazzjoni li ġejja:
‘[…] Jekk id-dipartimenti tal-Kummissjoni ma jkunux f’pożizzjoni li jressqu, l-iktar tard sal-15 ta’ Mejju 2003, proposta konkreta għall-ħlas tal-klijenta tagħna għas-servizzi pprovduti, ser isir rikors għal kumpens kontra l-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza skond l-Artikoli 235 KE u 288 KE (li qabel kienu l-Artikoli 178 u 215 tat-Trattat KE).’
42. B’faks tal-15 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni kitbet lill-avukati tar-rikorrenti sabiex tipproponilhom illi tinżamm laqgħa sabiex jintlaħaq ftehim bejniethom li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 249 314,35 għal xogħlijiet li saru wara l-iskoperta tal-frodi ta’ Helmico, jekk ir-rikorrenti ġġib il-prova ta’ ftehim li jipprevedi li hija ser tiġi mħallsa direttament mill-Kummissjoni jekk tlesti l-proġett Russu u dak ta’ Moldova.
43. B’ittra rreġistrata tat-23 ta’ Ġunju 2003, l-avukati tar-rikorrenti rrispondew lid-dipartimenti tal-Kummissjoni illi huma kienu qed jirrifjutaw li jkomplu n-negozjati kif proposti mill-Kummissjoni u spjegaw it-talba tar-rikorrenti fid-dettal kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom taċċetta li tieħu sehem f’laqgħa.
44. Din l-ittra rreġistrata ġiet segwita minn faks tat-3 ta’ Lulju 2003 li fiha l-avukati tar-rikorrenti kienu talbu r-risposta tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà qabel il-15 ta’ Lulju 2003, li tiġi organizzata laqgħa bil-kundizzjonijiet proposti u li jekk din il-laqgħa ma ssirx, kien ser jitressaq rikors fil-Qorti tal-Prim’Istanza.
45. B’ittra tat-22 ta’ Lulju 2003, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrispondew li huma ma setgħux jaċċettaw t-talba ta’ ħlas tar-rikorrenti.”
III – Proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
4. Fit-30 ta’ Settembru 2003, Masdar ippreżentat rikors għal kumpens quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi bbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu (de in rem verso), il-prinċipju ta’ negotiorum gestio, ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u, fl-aħħar nett, il-fatt li l-atti tal-Kummissjoni jikkostitwixxu tort jew negliġenza li kkawżawlha telf.
5. Peress li l-partijiet ma waslux għal ftehim bonarju, bis-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors u kkundannat lil Masdar għall-ispejjeż għar-raġunijiet li jistgħu jiġu mqassra kif ġej.
6. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbilixxiet il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati sabiex il-Komunità titqies responsabbli fuq bażi mhux kuntrattwali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, kemm għall-aġir illegali kif ukoll għal aġir li ma ġiex stabbilit li huwa illegali tal-istituzzjonijiet Komunitarji.
7. Imbagħad, hija osservat li t-talba ta’ Masdar għal kumpens hija bbażata, sa fejn hija tirrigwarda arrikkiment indebitu u negotiorum gestio, fuq regoli ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali li ma jimplikawx aġir illegali min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji u, sa fejn hija tirrigwarda ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u tort jew negliġenza tal-Kummissjoni, fuq sistema ta’ regoli ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba aġir illegali.
8. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kompliet billi eżaminat it-talbiet ibbażati fuq l-azzjonijiet de in rem verso (arrikkiment indebitu) u negotiorum gestio.
9. Filwaqt li aċċettat li talba għal kumpens tista’, bħala regola ġenerali, tkun ibbażata fuq dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Prim’Istanza kompliet billi stabbilixxiet jekk il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-azzjonijiet de in rem verso jew negotiorum gestio ġewx issodisfati fil-każ inkwistjoni.
10. F’dan ir-rigward, hija kkonkludiet li kien ċar li fil-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ dan il-każ, azzjonijiet ibbażati fuq arrikkiment indebitu jew negotiorum gestio ma setgħux jiġu milqugħa.
11. Fl-argumenti tagħha sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, dawn l-azzjonijet ma setgħux jintlaqgħu meta l-ġustifikazzjoni għall-vantaġġ li tirċievi l-parti arrikkita jew il-parti interessata tirriżulta minn kuntratt jew minn obbligu legali u li ġeneralment dawn l-azzjonijet setgħu jiġu mressqa biss sussidjarjament, jiġifieri, meta l-parti leża ma kellhiex azzjoni oħra fid-dispożizzjoni tagħha sabiex tikseb dak li huwa dovut lilha.
12. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfassizat il-kuntest kuntrattwali stabbilit f’dan il-każ, jiġifieri r-relazzjoni kuntrattwali bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u Helmico u, min-naħa l-oħra, Helmico u Masdar. Hija sostniet, b’mod partikolari, li ma kienx hemm dubju li hija Helmico li kienet responsabbli għall-ħlas tax-xogħol magħmul minn Masdar u li tkun responsabbli għan-nuqqas ta’ ħlas, u li l-falliment eventwali ta’ Helmico ma kienx raġuni sabiex il-Kummissjoni tassumi din ir-responsabbiltà.
13. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li kwalunkwe arrikkiment tal-Kummissjoni jew ftaqir tar-rikorrenti, peress li kien joriġina minn dan il-kuntest kuntrattwali, ma jistax jiġi deskritt bħala indebitu.
14. B’mod simili, il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbilixxiet li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-azzjoni ċivili bbażata fuq negotiorum gestio kienu manifestament mhux issodisfati fil-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija qieset li peress li Masdar ikkuntattjat lis-servizzi tal-Kummissjoni qabel ma kompliet bil-proġetti, l-eżekuzzjoni minn Masdar tal-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konfront ta’ Helmico ma setgħux jiġu raġonevolment deskritti bħala intervent mingħajr interess fl-affarijiet ta’ ħaddieħor, u kkonkludiet ukoll li l-argument ta’ Masdar kien f’kunflitt mal-prinċipji ta’ negotiorum gestio fir-rigward tal-għarfien tal-parti interessata bl-azzjoni tal-amministratur.
15. Filwaqt li żiedet li ma ġiex stabbilit li Masdar sofriet dannu mhux normali u speċjali li jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi u kummerċjali inerenti fit-tranżazzjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li t-talbiet għal kumpens ibbażati fuq arrikkiment indebitu u negotiorum gestio għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.
16. Imbagħad, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan l-argument billi sostniet li fil-fehma tagħha l-eżami tal-provi disponibbli ma weriex assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-Kummissjoni li setgħu jagħtu lok għal aspettattivi leġittimi min-naħa tar-rikorrenti, li jippermettulha tistrieħ fuq dan il-prinċipju.
17. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argumenti ta’ Masdar fejn tallega tort jew negliġenza min-naħa tal-Kummissjoni bħala mhux fondati, billi sostniet, essenzjalment, li huma ma ġewx ipprovati fir-rigward tad-dmir ta’ diliġenza allegat u li l-ebda rabta kawżali bejn il-ksur tal-allegat obbligu u d-dannu invokat ma ġiet ipprovata.
18. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-talba ta’ Masdar sabiex jinstema’ xhud – jiġifieri W – direttur ta’ Masdar – f’dak li jikkonċerna l-kontenut tal-laqgħa tat-2 ta’ Ottubru 1998. F’dan ir-rigward, hija qieset li anki jekk tali xhieda kellha tistabbilixxi, bħalma Masdar kienet indikat, li l-Kummissjoni u Masdar kellhom intenzjoni komuni li Masdar tlesti l-proġetti kkonċernati, dan ma kienx biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ informazzjoni preċiża, bla kundizzjonijiet u konsistenti li l-Kummissjoni wiegħdet li tħallas lir-rikorrenti direttament minn din id-data.
IV – It-talbiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
19. Masdar titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas lill-appellanta tas-somma ta’ EUR 448 947,78 mitluba mill-appellanta fl-ewwel istanza jew, fin-nuqqas ta’ dan, is-somma ta’ EUR 249 314,35 jew kwalunkwe somma oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija xierqa, flimkien mal-imgħax fuq is-somma magħżula;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-kawża u tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
20. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad l-appell;
– sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, fl-intier tagħha jew parzjalment, tiċħad it-talba tal-appellanta għal kumpens monetarju;
– tikkundanna lill-appellanta għall-ispejjeż ta’ din il-kawża u tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;
– sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talbiet tal-appellanta, tikkundanna lill-appellanta għal terz tal-ispejjeż quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
V – L-appell
A – Osservazzjonijiet preliminari
21. Qabel l-eżami tal-aggravji tal-appell imqajma minn Masdar, huwa xieraq li jsiru ċerti osservazzjonijiet preliminari.
22. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi osservat li, kif Masdar ikkonfermat b’mod espliċitu fis-smigħ ta’ dawn il-proċedimenti, il-partijiet jaqblu li ma ġiet stabbilita l-ebda relazzjoni kuntrattwali diretta bejn Masdar u l-Kummissjoni u li relazzjonijiet kuntrattwali ta’ dan it-tip dwar l-eżekuzzjoni ta’ servizzi taħt il-programmi Komunitarji ta’ għajnuna inkwistjoni kienu jeżistu biss bejn, minn naħa, Helmico u l-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, Helmico u Masdar.
23. Madankollu, kif jidher mill-informazzjoni pprovduta mill-partijiet, Helmico, li għandha tagħti lil Masdar ħlas għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi li hija kienet tat b’subappalt lill-imsemmija Masdar, għandha titqies bħala insolventi, u d-diretturi tagħha ma jistgħux jinstabu. Proċedimenti legali mressqa minn Masdar quddiem il-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales, li kienu indikati fis-subappalti kkonċernati bħala kompetenti għal kwistjonijiet kuntrattwali, intiżi għall-ħlas dovut lilha minn Helmico ġew sospiżi b’mod indefinit.
24. Kien f’dan il-kuntest li Masdar ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra l-Kummissjoni fejn talbet, bħala kumpens għad-dannu sostnut, fost l-oħrajn ħlas għas-servizzi pprovduti (3) flimkien mal-imgħax.
25. Kif Masdar infisha spjegat fis-smigħ ta’ dan l-appell, din it-talba fil-konfront tal-Kummissjoni hija essenzjalment ibbażata fuq żewġ linji ta’ argument, jiġifieri, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kienet tatha assigurazzjonijiet fir-rigward tal-ħlas għas-servizzi pprovduti u, fit-tieni lok, li anki fin-nuqqas ta’ tali assigurazzjonijiet il-Kummissjoni saret responsabbli għall-ħlas fuq bażi mhux kuntrattwali taħt il-kap, essenzjalment, ta’ arrikkiment indebitu (de in rem verso) u negotiorum gestio.
26. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif iċċaraw il-partijiet waqt it-trattazzjonijiet orali, f’din il-kawża mhuwiex ikkontestat, kif issuġġeriet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata, li talba għal kumpens għad-danni tista’, bħala regola ġenerali, tkun ibbażata fuq il-prinċipji msemmija iktar ‘il fuq, li kemm il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata kif ukoll il-partijiet iddeskrivew bħala relatata mar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Għaldaqstant, ma nġabitx oġġezzjoni kontra, u lanqas ma ġiet ikkontestata, l-eżistenza tal-prinċipji invokati minn Masdar fis-sistema legali Komunitarja.
27. Minflok, dan l-appell jiddependi fuq il-kwistjoni jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellhiex raġun issostni li, f’kull każ, fuq il-bażi tal-fatti tal-kawża, it-talba ta’ Masdar ibbażata fuq dawn il-prinċipji ma setgħetx tiġi milqugħa.
28. B’mod iktar speċifiku, Masdar ressqet seba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
29. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Masdar tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi meta kkonkludiet li Masdar kienet sempliċement aġixxiet skont l-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konfront ta’ Helmico, u konsegwentement ċaħdet it-talbiet ibbażati fuq arrikkiment indebitu u negotiorum gestio. Fit-tieni aggravju tagħha, hija ssostni li, indipendentement minn din il-kwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni kemm il-fatt li l-Kummissjoni kellha setgħat ta’ rkupru kif ukoll il-mod kif dawn is-setgħat ġew eżerċitati mill-Kummissjoni. It-tielet aggravju huwa dirett kontra l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li Masdar ma tistax titqies li aġixxiet mingħajr interess, li l-Kummissjoni kienet kapaċi tamministra l-proġett u li jeżisti rekwiżit li l-persuna li taġixxi taħt il-prinċipju ta’ negotiorum gestio għandha neċessarjament taġixxi mingħajr l-għarfien tal-parti interessata. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Masdar tallega li l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq il-motivi ta’ arrikkiment indebitu u ta’ negotiorum gestio minn naħa, u l-motiv ta’ aspettattivi leġittimi min-naħa l-oħra, mhumiex konsistenti. Permezz tal-ħames aggravju tagħha, hija ssostni li billi ċaħdet it-talba bbażata fuq responsabbiltà għal negliġenza jew tort, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta qieset li l-argument ta’ Masdar ma kienx suffiċjenti. Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames u tas-sitt aggravji, Masdar issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta sostniet li l-Kummissjoni ma kienet tatha l-ebda assigurazzjoni.
30. Peress li l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravju kollha jirrigwardaw it-talba bbażata fuq arrikkiment indebitu u negotiorum gestio, huma ser jiġu eżaminati flimkien. Is-sitt u s-seba’ aggravju wkoll ser jiġu eżaminati flimkien, peress li t-tnejn jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-ebda assigurazzjoni ma ġiet mogħtija mill-Kummissjoni, li twassal għaċ-ċaħda tat-talba rigward il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Dawn iż-żewġ aggravji għandhom, barra minn hekk, jiġu ttrattati qabel ir-raba’ aggravju, li bih Masdar issostni li dawn il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhumiex konsistenti mal-konklużjonijiet relatati ma’ arrikkiment indebitu (de in rem verso) u negotiorum gestio.
B – Aggravji
1. L-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravju, rigward il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq it-talba bbażata fuq arrikkiment indebitu (de in rem verso) u negotiorum gestio
a) L-argumenti prinċipali
31. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Masdar tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi meta kkonkludiet fil-punti 98, 99 u 101 tas-sentenza appellata li hija kienet sempliċement aġixxiet skont l-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konfront ta’ Helmico. Wara li dehret li aċċettat, fil-punti 146 sa 148 tas-sentenza appellata, li Masdar ma kinitx lesta, fil-laqgħa tat-2 ta’ Ottubru 1998, li tkompli bl-eżekuzzjoni tal-kuntratti tagħha ma’ Helmico, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha teżamina jekk Masdar kinitx għadha taħt obbligu legali li tkompli bl-eżekuzzjoni tas-subappalti. Taħt il-liġi Ingliża, il-frodi u n-nuqqas sostanzjali min-naħa ta’ Helmico li tħallas lil Masdar kienu jikkostitwixxu ksur serju biżżejjed li kien jippermettilha tqis il-kuntratti bħala tterminati u tiftaħ kawża għall-ħlas dovut u għad-danni minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ Helmico. In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-dritt ta’ Masdar li jittermina s-subappalt ukoll jammonta għal żball proċedurali.
32. Taħt il-kap tat-tieni aggravju, Masdar issostni li, indipendentement mill-kwistjoni jekk hija aġixxietx skont l-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konfront ta’ Helmico, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, biex tistabbilixxi jekk il-Kummissjoni ġietx arrikkita b’mod indebitu, il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx fil-pożizzjoni ta’ parti kontraenti normali minħabba s-setgħat tagħha ta’ rkupru taħt ir-Regolament Finanzjarju, li jippermettulha trendi ineffettivi relazzjonijiet kuntrattwali preċedentement eżistenti. Hija tosserva, b’mod partikolari, li fir-raġunament kollu tagħha sabiex tiċħad it-talbiet ibbażati fuq arrikkiment indebitu u negotiorum gestio, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni stenniet sa April 2000 qabel ma ħarġet ordni ta’ rkupru kontra Helmico, wara li Masdar kienet lestiet ix-xogħol.
33. Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet aggravju tagħha, Masdar tikkontesta, b’mod iktar speċifiku, ċerti aspetti tal-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ negotiorum gestio. Fil-fehma tagħha, ir-raġunament fil-punti 101 to 103 tas-sentenza appellata fuq negotiorum gestio huwa inkonsistenti u manifestament ma jistax jiġi kkonċiljat mal-fatti.
34. L-ewwel nett, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta qieset li ma jistax jingħad li Masdar aġixxiet mingħajr interess. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-obbligi tagħha fil-konfront ta’ Helmico kienu ġew fi tmiemhom u s-sempliċi fatt li Masdar ikkuntattjat lis-servizzi tal-Kummissjoni f’Ottubru 1998 ma jipprekludix li azzjonijiet sussegwenti jistgħu jkunu mingħajr interess, peress li l-ebda dokument formali ma ġie mfassal fil-laqgħa tat-2 ta’ Ottubru 1998.
35. Fit-tieni lok, hija tikkontesta l-konklużjoni li l-Kummissjoni kienet kapaċi tamministra l-proġetti hija nfisha. Huwa magħruf li r-raġuni li għaliha l-Kummissjoni talloka proġetti bħal dawn lil kuntratturi esterni hija preċiżament għaliex hija m’għandhiex ir-riżorsi interni sabiex teżegwixxi tali proġetti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għarrfitx lil Masdar li hija kienet qed tittermina l-kuntratt u li kienet ser tfittex kuntrattur ieħor.
36. Fit-tielet lok, Masdar issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta qieset li l-prinċipju ta’ negotiorum gestio ma jistax japplika meta l-parti interessata tkun taf bil-bżonn li tittieħed azzjoni. Filwaqt li huwa minnu li ħafna każijiet ta’ dan il-prinċipju jqumu meta l-parti interessata ma tkunx taf bil-bżonn li tittieħed azzjoni sabiex ma ssostnix telf, ma teżistix raġuni loġika għalfejn il-parti interessata m’għandhiex tkun taf b’dan il-bżonn.
37. Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli u f’kull każ manifestament mhux fondat. Hija tosserva li Masdar qatt ma allegat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija tterminat il-kuntratti tagħha ma’ Helmico u li huwa ċar mill-atti tal-proċess li hija fil-fatt ma tterminathomx. Huwa minnu li taħt il-liġi Ingliża ksur fundamentali jista’ jagħti lill-parti innoċenti d-dritt li tittermina l-kuntratt, iżda mhuwiex dan il-ksur minnu nnifsu li jġib il-kuntratt fi tmiemu. Lanqas ma huwa korrett li jingħad li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx dwar din il-kwistjoni, peress li hija sostniet, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li Masdar kompliet teżegwixxi l-kuntratti tagħha ma’ Helmico.
38. Fir-rigward tal-argumenti mressqa dwar is-setgħat ta’ rkupru tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma weġbitx fis-sustanza għall-argumenti kollha mressqa insostenn tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet ġiet arrikkita b’mod indebitu. L-azzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu ma setgħetx tintlaqa’ għar-raġunijiet li l-vantaġġ tal-Kummissjoni kien jirriżulta mill-kuntratt tagħha ma’ Helmico, u li Masdar kienet taħt l-obbligu li taġixxi minħabba s-subappalt li hija kellha ma’ din il-parti.
39. Fl-aħħar nett, b’risposta għat-tielet aggravju, il-Kummissjoni tosserva, b’mod partikolari, li l-konklużjoni li l-Kummissjoni kienet kapaċi tamministra l-affarijiet tagħha hija kwistjoni ta’ fatt, li ma tistax tiġi kkontestata f’appell, u li, f’kull każ, il-konklużjoni fil-punt 97 et seq tas-sentenza appellata li Masdar aġixxiet skont il-kuntratti tagħha ma’ Helmico hija biżżejjed sabiex l-argumenti dwar negotiorum gestio jiġu miċħuda.
b) Evalwazzjoni
40. Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li fis-sistema legali Komunitarja l-proċedura għal appelli stabbilita fl-Artikolu 225 KE mhijiex intiża sabiex tipprovdi għal eżami mill-ġdid ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
41. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’appell hija limitata għal evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali mogħtija fir-rigward tal-motivi diskussi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. (4) Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza, f’dawn il-proċedimenti, biss li teżamina jekk l-argument imressaq fl-appell jidentifikax żball ta’ liġi li jivvizzja s-sentenza appellata. (5) Għal dan il-għan, barra minn hekk, taħt l-Artikolu 225 KE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-appellant jitlob li jiġu annullati u wkoll l-argumenti legali li huma mressqa b’mod speċifiku insostenn tal-appell. (6)
42. Għaldaqstant, miniex ser neżamina hawnhekk l-approċċ ġenerali tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-prinċipji ta’ arrikkiment indebitu u negotiorum gestio msemmija, prinċipalment, fl-ewwel tliet aggravji, b’mod partikolari l-applikazzjoni tagħhom taħt il-kap ta’ responsabbiltà għal aġir li ma jiġix stabbilit li huwa illegali, (7) ladarba din il-kwistjoni ma ġietx imqajma f’dan l-appell. (8)
43. Madankollu, inqis li huwa xieraq, qabel l-eżami tal-mertu tal-aggravji konkreti mressqa minn Masdar, li nagħmel ċerti osservazzjonijiet ġenerali dwar il-kunċetti ta’ arrikkiment indebitu u ta’ negotiorum gestio sabiex inqiegħed f’kuntest il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza kkontestati hawnhekk.
44. Fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE jobbliga lill-Komunità sabiex tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-istituzzjonijiet tagħha “skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri”.
45. Kif Masdar infisha rrikonoxxiet fir-rikors tagħha, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-prinċipji li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali li jiġu applikati mill-qrati Komunitarji għandhom – u lanqas li jistgħu – jikkorrispondu b’mod eżatt ma’ dawk li jeżistu fil-liġijiet tal-Membri Stati kollha jew li b’xi mod jistgħu jiġu dedotti “b’mod mekkaniku” bħala denominaturi komuni minn dawn il-liġijiet. (9) Sa ċertu punt, għaldaqstant, kif ġeneralment huwa l-każ fir-rigward tal-prinċipji ġenerali ta’ liġi bħala sors ġuridiku, sakemm ikun hemm ġurisprudenza stabbilita fuq il-kwistjoni l-eżami tal-kontenut konkret ta’ tali prinċipju jista’ jkun simili ħafna għall-eżami tal-forma ta’ ħâres. Is-soluzzjoni applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 288 KE għandha, madankollu, tkun ispirata mill-karatteristiċi bażiċi tal-kunċetti rilevanti fis-sistemi legali nazzjonali, adattati, fejn huwa meħtieġ, sabiex jissodissfaw ir-rekwiżiti speċifiċi tad-dritt Komunitarju.
46. Għandu jingħad ukoll, madankollu, fir-rigward tal-azzjonijiet de in rem verso u negotiorum gestio invokati minn Masdar f’din il-kawża, li tqabbil tas-sistemi legali tal-Membri Stati juri diversità f’dak li għandu x’jaqsam mar-rikonoxximent tagħhom u mal-applikazzjoni tagħhom.
47. B’mod ġenerali, jista’ jingħad li l-attitudni tas-sistemi legali tal-Membri Stati f’dan ir-rigward hija kawta ħafna u dan japplika iktar għan-negotiorum gestio milli għall-arrikkiment indebitu. Filwaqt li l-ewwel prinċipju, b’mod partikolari, lanqas ma huwa magħruf f’ċerti sistemi legali, jista’ jingħad li fejn dawn il-prinċipji jeżistu bħala bażi ta’ responsabbiltà, huwa ġeneralment possibbli li jiġu invokati biss taħt kundizzjonijiet stretti u bħala mezz sussidjarju ta’ rikors. Bħala regola, dawn l-azzjonijiet jew prinċipji għandhom ir-rwol ta’ “elementi li jikkompletaw” [bl-Ingliż, “gap fillers”] u motivi tal-aħħar istanza ispirati minn kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ ġustizzja u ta’ ekwità; din hija r-raġuni għalfejn f’ħafna istanzi huma ġew rikonoxxuti u żviluppati prinċipalment mill-qrati.
48. B’mod simili, responsabbiltà li tqum taħt dawn il-prinċipji hija, bħala regola ġenerali, strettament sussidjarja għal kwalunkwe responsabbiltà kuntrattwali. Fil-fatt, il-portata kemm tal-prinċipju ta’ arrikkiment indebitu kif ukoll ta’ dak ta’ negotiorum gestio bħala bażi ġuridika għal responsabbiltà fl-Istati Membri kkonċernati hija bbażata ġeneralment fuq l-għan ta’ protezzjoni tal-prinċipju li kuntratt jista’, bħala regola ġenerali, jagħti drittijiet jew jimponi obbligi li jirriżultaw minnu biss lill-partijiet kontraenti (“privity of contract”) u, b’mod iktar ġenerali, fuq iċ-ċertezza legali.
49. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali, bħala regola ġenerali, teskludi l-possibbiltà li tiġi invokata l-projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu, ladarba l-eżekuzzjoni f’tali kuntest ma titqiesx li hija “mingħajr kawża”, u titqies ukoll li tmur kontra r-rekwiżit ta’ amministrazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ jew mingħajr interess tal-affarijiet ta’ ħaddieħor li huwa inerenti, b’mod ġenerali, fil-kunċett ta’ negotiorum gestio.
50. Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-relazzjoni kuntrattwali (trijangolari) inkwistjoni f’din il-kawża, jidher li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, għal diversi raġunijiet fosthom kunsiderazzjonijiet ta’ kawżalità, ġeneralment is-subappaltatur li huwa f’pożizzjoni simili għal dik ta’ Masdar jiġi mċaħħad id-dritt li jikseb, fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu jew negotiorum gestio, kumpens dirett mill-parti kontraenti mal-kuntrattur prinċipali, jiġifieri, mill-parti li hija f’pożizzjoni simili għal dik tal-Kummissjoni f’din il-kawża.
51. F’dan il-kuntest, l-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza kien, fil-fehma tiegħi, essenzjalment konsistenti mal-karatteristiċi bażiċi tal-kunċetti ta’ arrikiment indebitu u negotiorum gestio fil-liġijiet tal-Istati Membri meta hija sostniet, fuq il-bażi ta’ raġunament dettaljat fil-punti 96 sa 104 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ talba bbażata fuq dawn il-prinċipji mhumiex issodisfati f’każ bħal dak in eżami.
52. L-argument ċentrali tagħha, ippreżentat fil-punti 97 u 98 tas-sentenza appellata, kien li każ għandu jiġi evalwat, bħala regola ġenerali, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali inkwistjoni u għaldaqstant fuq il-bażi ta’ responsabbiltà kuntrattwali.
53. Fid-dawl ta’ dan, fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-ewwel aggravju mressaq minn Masdar, għandu jiġi osservat li Masdar ma ssostnix li s-subappalti tagħha ma’ Helmico ġew itterminati jew kienu invalidi meta hija kompliet bl-eżekuzzjoni. Minflok, hija ssostni li, minħabba l-ksur tal-kuntratt minn Helmico, hija kienet intitolata tittermina l-kuntratt u li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha teżamina jekk hija kinitx għadha taħt obbligu legali li tkompli bl-eżekuzzjoni.
54. Madankollu, minkejja li jista’ jkun minnu li minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi kuntrattwali minn Helmico, Masdar kellha d-dritt tieqaf tipprovdi s-servizzi kkonċernati u tittermina l-kuntratt, dan mhuwiex il-punt f’dan il-kuntest. Minflok, il-kwistjoni hija li r-relazzjoni bejn Masdar u Helmico kienet għadha rregolata mis-subappalti bejniethom, peress li l-ksur ta’ kuntratt, li jikkonsisti f’dan il-każ fin-nuqqas ta’ ħlas minn Helmico, bħala tali, ma jikkanċellax il-kuntratt, iżda jirriżulta, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat ġustament fil-punt 98 tas-sentenza appellata, f’responsabbiltà kuntrattwali tal-parti li ma tosservax l-obbligi tagħha.
55. Peress li responsabbiltà bbażata fuq arrikkiment indebitu u negotiorum gestio hija, bħalma l-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet ġustament fil-punti 97 sa 100, sussidjarja għal tali responsabbiltà kuntrattwali, hija setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiċħad it-talba ta’ Masdar ibbażata fuq dawn il-prinċipji indipendentement minn eventwali dritt ta’ Masdar li tittermina l-kuntratti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, barra minn hekk, ma jistax jingħad li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball proċedurali meta ma kkunsidratx id-dritt ta’ Masdar li tittermina l-kuntratti.
56. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju mhuwiex fondat.
57. Imbagħad, fir-rigward tal-kritika li, fl-eżami tat-talbiet ibbażati fuq arrikkiment inġust u negotiorum gestio, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni kellha setgħat ta’ rkupru taħt ir-Regolament Finanzjarju, ma narax kif dan il-fattur jista’ jkun rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn it-talbiet.
58. Kif huwa ċar mill-punti 99 u 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eskludiet l-applikabbiltà ta’ dawn il-prinċipji essenzjalment għar-raġuni li, minħabba n-natura kuntrattwali tas-servizzi pprovduti – peress li l-Kummissjoni kisbet il-vantaġġ tagħha mill-kuntratt ma’ Helmico u peress li Masdar aġixxiet taħt subappalt ma’ din il-parti – kull arrikkiment tal-Kummissjoni ma setax jiġi deskritt bħala mingħajr kawża u hija ma setgħetx tinkorri responsabbiltà eċċezzjoni bbażata fuq negotiorum gestio.
59. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega Masdar, fid-dawl tal-prinċipju li kuntratt jista’, bħala regola ġenerali, jagħti drittijiet jew jimponi obbligi li jirriżultaw minnu biss lill-partijiet kontraenti (“privity of contract”) ma jistax jiġi sostnut, kif il-Kummissjoni osservat ġustament, li l-ordnijiet ta’ rkupru jrendu r-relazzjoni kuntrattwali bejn is-subappaltatur Masdar u l-kuntrattur Helmico ineffettiva.
60. Għaldaqstant, it-tieni aggravju mhuwiex fondat.
61. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-iżbalji ta’ liġi speċifiċi li l-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament wettqet fil-mod kif hija applikat il-kunċett ta’ negotiorum gestio fil-punti 101 sa 103 tas-sentenza appellata, għandu jiġi mfakkar li, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet ġustament fil-punt 100 tas-sentenza appellata, dan il-prinċipju jista’ jikkostitwixxi biss bażi għal responsabbiltà taħt kundizzjonijiet eċċezzjonali ħafna. (10)
62. Fid-dawl ta’ dan, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-fehma tiegħi, kellha raġun issostni fil-punt 101 tas-sentenza appellata li l-eżekuzzjoni mir-rikorrent tal-obbligi kuntrattwali tiegħu fil-konfront ta’ Helmico ma tistax raġonevolment tiġi deskritta bħala intervent mingħajr interess fl-affarijiet ta’ ħaddieħor. B’mod partikolari, kull dritt ta’ Masdar li tittermina l-kuntratti tagħha ma’ Helmico ċertament mhuwiex biżżejjed sabiex, bil-kontra, il-provvista ta’ servizzi ta’ Masdar tiġi deskritta bħala magħmula mingħajr interess.
63. It-tieni nett, fil-kuntest tal-amministrazzjoni ta’ proġetti bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, fir-rigward tan-negotiorum gestio huwa irrilevanti jekk il-Kummissjoni setgħetx teżegwixxi l-proġetti hija nfisha, ladarba anki taħt kundizzjonijiet normali tali proġetti huma ta’ spiss, bħal f’dan il-każ, eżegwiti permezz ta’ kuntratturi tal-Kummissjoni u mhux mill-Kummissjoni nfisha. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tirreferi għad-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fl-ittra tal-5 ta’ Ottubru 1998 li hija sejra “tirrikorri għal mezzi oħrajn sabiex tassigura t-tlestija tal-imsemmi proġett” sabiex turi li l-allegazzjoni ta’ Masdar kienet żbaljata li l-Kummissjoni ma kinitx kapaċi tamministra l-proġetti inkwistjoni.
64. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 101 tas-sentenza appellata li “l-azzjoni tal-amministratur issir b’mod ġenerali mingħajr ma tkun taf il-parti interessata, jew għall-inqas mingħajr ma’ din tal-aħħar tkun konxja tal-bżonn li taġixxi immedjatament” hija konformi, fil-fehma tiegħi, mal-kunċett ta’ negotiorum gestio u l-kundizzjonijiet stretti relatati mal-applikazzjoni tiegħu.
65. B’mod partikolari, din il-konstatazzjoni, li hija biss waħda mid-diversi raġunijiet mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 101 insostenn tal-konklużjoni tagħha li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-azzjoni ċivili bbażata fuq negotiorum gestio ma ġewx issodisfatti, mhijiex ikkontestata bl-argument li jista’ jkun hemm każijiet speċifiċi fejn dan il-prinċipju japplika minkejja l-għarfien tal-parti interessata, bħalma huwa l-każ fl-eżempju mogħti minn Masdar, rigward persuna serjament marida iżda li hija f’sensiha li tiġi mwassla l-isptar minn terza parti, każ li ovvjament mhuwiex komparabbli mal-każ inkwistjoni.
66. L-argumenti mressqa taħt il-kap tat-tielet aggravju għaldaqstant mhumiex fondati.
67. Minn dak li ntqal jista’ jiġi konkluż li l-ewwel tliet aggravji mressqa kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-arrikkiment indebitu u tan-negotiorum gestio għandhom jiġu miċħuda.
2. Il-ħames aggravju, li jallega li billi ċaħdet it-talba bbażata fuq responsabbiltà għal negliġenza jew għal tort, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kkunsidrat li Masdar ma ġabitx argument suffiċjenti
a) L-argumenti prinċipali
68. Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Masdar issostni li billi ċaħdet it-talba tagħha bbażata fuq responsabbiltà għal negliġenza jew għal tort, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kkunsidrat li l-argument li hija ġabet ma kienx suffiċjenti, peress li l-fatti huma evidenti fiċ-ċirkustanzi partikolari fejn il-Kummissjoni teżerċita setgħat ta’ rkupru taħt ir-Regolament Finanzjarju.
69. Hija ssostni li l-Kummissjoni, minkejja li ilha taf minn Ottubru 1998 bl-irregolaritajiet imwettqa minn Helmico, l-ewwel ippermettiet jew saħansitra inkoraġġiet lill-appellanta sabiex tlesti x-xogħol u mbagħad eżerċitat is-setgħat tagħha ta’ rkupru, u b’dan il-mod ċaħħdet lil Helmico mir-riżorsi kollha li hija rċeviet mill-kuntratti. Il-Kummissjoni kienet taf li dan kien ser irendi inoperanti l-mekkaniżmu għall-ħlas lil Masdar li kien ġie stabbilit bl-għarfien u bil-qbil tal-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-unika konklużjoni possibbli hija li l-Kummissjoni, li kellha dmir ta’ diliġenza, aġixxiet b’negliġenza jew bi traskuraġni fir-rigward tal-konsegwenzi dannużi għal Masdar.
70. Masdar issostni, fl-aħħar nett, li l-limitu ta’ responsabbiltà għal dannu purament finanzjarju, meta mqabbel mal-kundizzjonijiet li jirregolaw responsabbiltà għal dannu purament finanzjarju taħt il-liġi Ingliża, għandu jkun estiż fil-kuntest tad-dritt Komunitarju, fid-dawl tas-setgħat speċjali ta’ rkupru tal-Kummissjoni, fejn huwa ovvju li l-effett tal-ordni għal irkupru jkun se jċaħħad mill-ħlas lil subappaltaturi innoċenti. Sussidjarjament, huwa għandu jiġi estiż għaċ-ċirkustanzi speċjali ta’ dan il-każ.
71. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-argumenti mressqa minn Masdar huma fl-istess waqt inammissibbli, inkwantu huma intiżi sabiex jikkontestaw konklużjonijiet ta’ fatt, u irrilevanti inkwantu huma jindirizzaw punt li ma ġiex ikkunsidrat mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun tikkonkludi li Masdar sempliċement ma kinitx ġabet prova għall-argument tagħha u tiċħad it-talba bbażata fuq tort.
b) Evalwazzjoni
72. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li n-noti ta’ Masdar quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li kienu bbażati fuq responsabbiltà għal negliġenza jew tort kienu marbuta mal-aġir tal-Kummissjoni sa fejn hija ssospendiet il-ħlasijiet lil Helmico, kif din il-qorti ddikjarat b’mod espliċitu fil-punt 140 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ġiet kontradetta f’dan ir-rigward minn Masdar f’din il-kawża. Għaldaqstant, fil-punti 140 u 141 tas-sentenza appellata, li għalihom jirreferi l-ħames aggravju, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat biss jekk il-Kummissjoni aġixxietx b’negliġenza jew b’tort meta ssospendiet il-ħlasijiet lil Helmico.
73. Għaldaqstant, sa fejn Masdar tirreferi għall-kwistjoni tal-ordnijiet għal irkupru, li hija deċiżjoni tal-Kummissjoni li għandha tiġi distinta mis-sospensjoni ta’ ħlasijiet, li daħlet fis-seħħ qabel, fl-1999, u ssostni li l-Kummissjoni kienet ċaħħditha b’dan il-mod minn ħlas minn Helmico u tinvoka diversi fatti oħra tal-każ li mhumiex marbuta direttament ma’ din is-sospensjoni jew li ġraw sussegwentement, l-argumenti ta’ Masdar huma, kif il-Kummissjoni osservat ġustament, irrilevanti u ma jistgħux ikunu effettivi.
74. Din il-parti tal-ħames aggravju għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.
75. Imbagħad, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kkunsidrat, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li Masdar ma ġabitx argument suffiċjenti insostenn tat-talbiet tagħha jew fir-rigward tal-oriġini u tal-portata ta’ dan id-dmir, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li n-nuqqas ta’ argument sostnut bi provi f’dan ir-rigward kien, kif jidher mir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dak il-punt, wieħed biss mir-raġunijiet li għaliha l-motiv ibbażat fuq tort jew negliġenza ġie miċħud bħala mhux fondat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ukoll li ma ġiex ipprovat li kien hemm rabta kawżali bejn ksur tal-allegat obbligu u d-dannu allegat. Għaldaqstant anki jekk kien minnu li dmir ta’ diliġenza tat-tip allegat minn Masdar kien jeżisti, minnu nnifsu dan ma setax jaffettwa l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiċħad dan il-motiv.
76. It-tieni nett, minkejja li ċertament jista’ jingħad li fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħha l-Kummissjoni għandha dmir ġenerali ta’ diliġenza peress li hija wkoll marbuta bil-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (11) u, skont iċ-ċirkustanzi, b’diversi obbligi oħra, ma huwa xejn ċar li jeżisti dmir speċifiku fir-rigward tal-interessi ta’ terza parti f’sitwazzjoni kuntrattwali bħal dik f’dan il-każ li tipprekludi lill-Kummissjoni milli tissospendi l-ħlasijiet taħt ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni. Il-fatti, għaldaqstant, mhumiex evidenti, kif sostniet Masdar, fiċ-ċirkustanzi partikolari li sar riferiment għalihom, u lanqas jista’ jiġi sostnut, a priori, li l-Kummissjoni aġixxiet b’negliġenza jew bi traskuraġni fir-rigward tal-konsegwenzi dannużi għal Masdar.
77. Għaldaqstant jiena tal-fehma li, fir-rigward tal-argumenti mressqa minn Masdar insostenn tal-motiv rigward tort jew negliġenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha dritt issostni li Masdar ma kinitx ressqet provi suffiċjenti insostenn tat-talba tagħha.
78. Għaldaqstant il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
3. Is-sitt u s-seba’ aggravju, rigward il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sens li ma kienet ingħatat l-ebda assigurazzjoni mill-Kummissjoni
a) L-argumenti prinċipali
79. Bis-sitt u s-seba’ aggravju tagħha, Masdar tikkontesta r-raġunament tas-sentenza appellata li wassal għaċ-ċaħda tal-ilment ta’ Masdar li assigurazzjonijiet li taw lok għal aspettattivi leġittimi kienu ngħataw mill-Kummissjoni.
80. In sostenn ta’ dawn l-aggravji, Masdar issostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta sostniet li ma kienx hemm prova quddiemha li l-assigurazzjonijiet invokati minn Masdar ġew ikkomunikati fil-laqgħa tat-2 ta’ Ottubru 1998. Fid-dawl tar-raġunijiet fil-punti 143 u 149 tas-sentenza appellata għaċ-ċaħda tas-smigħ tal-provi rigward dawn l-assigurazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tasal għal tali konklużjonijiet.
81. Masdar issostni, fit-tieni lok, li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta sostniet li ma tantx kien probabbli li l-assigurazzjonijiet imsemmija kienu ġew ikkomunikati. Il-bażi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Masdar għal din il-konklużjoni ma kinitx korretta u lanqas ma kienet kompleta inkwantu hija injorat il-kuntest partikolari tal-każ, li kien jinkludi d-dritt ta’ Masdar li tittermina s-subappalti u d-dritt tal-Kummissjoni li tissospendi l-kuntratti prinċipali u li toħroġ ordnijiet ta’ rkupru. Barra minn hekk, skont Masdar huwa inkonċepibbli li intenzjoni komuni kemm tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ Masdar li l-proġetti jitlestew u li Masdar tiġi mħallsa għal xogħolha, kif imsemmi fil-punt 148 tas-sentenza appellata, setgħet tqum ħlief permezz tal-komunikazzjoni, b’xi mod jew ieħor, ta’ assigurazzjonijiet reċiproċi.
82. Fit-tielet lok, Masdar issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta qieset, fil-punt 128 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu l-minuti tal-laqgħa fit-2 ta’ Ottubru 1998 kien jistabbilixxi l-informalità ta’ din il-laqgħa u għaldaqstant żbaljatament injorat il-possibbiltà li l-Kummissjoni kienet ikkomunikat l-assigurazzjonijiet invokati.
83. Masdar tosserva, fl-aħħar nett, li f’dan id-dawl ma tantx jista’ jiġi ddubitat li assigurazzjonijiet ġew mogħtija mill-Kummissjoni.
84. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li, permezz ta’ dawn l-aggravji, Masdar fil-fatt tfittex li terġa’ tiftaħ kwistjonijiet ta’ fatt u għaldaqstant dawn huma inammissibbli. F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat fid-dettall il-kwistjoni dwar jekk ingħatawx assigurazzjonijiet preċiżi u l-konklużjonijiet tagħha fuq dan il-punt kienu korretti.
b) Evalwazzjoni
85. Permezz tal-argumenti mressqa insostenn tas-sitt u s-seba’ aggravju, Masdar tfittex, essenzjalment, li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 119 sa 130 tas-sentenza appellata, dwar jekk l-assigurazzjonijiet invokati minn Masdar ingħatawx fil-laqgħa tat-2 ta’ Ottubru 1998, filwaqt li ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonkludi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li fil-fatt tali assigurazzjonijiet ġew ikkomunikati mill-Kummissjoni.
86. Għaldaqstant Masdar qiegħda kjarament tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-provi relatati mal-komunikazzjoni ta’ assigurazzjonijiet.
87. Għaldaqstant għandu jiġi mfakkar li, f’appell, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex il-kompetenza sabiex tistabbilixxi l-fatti jew, fil-prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Sakemm il-provi ġew miksuba korrettament u sakemm il-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-Regoli tal-Proċedura fir-rigward tal-oneru tal-prova u rigward l-istruttorja ġew osservati, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha l-kompetenza sabiex tistabbilixxi l-valur li għandu jingħata lill-provi miġjuba quddiemha. (12)
88. Ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi miġjuba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-evalwazzjoni tal-provi mwettqa minn din il-qorti ma tikkostitwixxix għaldaqstant punt ta’ dritt li huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. (13)
89. Peress li l-ebda żnaturament tal-fatti u tal-provi miġjuba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ġie allegat jew, f’kull każ, ipprovat minn Masdar f’dan il-każ, is-sitt u s-seba’ aggravju huma inammissbli sa fejn huma diretti kontra l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
90. Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod partikolari, tar-referenza ta’ Masdar għaċ-ċaħda tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 143 sa 149 tas-sentenza appellata li tisma’ xhieda bħala prova rigward il-laqgħa tat-2 ta’ Ottubru 1998, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija l-unika qorti li hija kompetenti sabiex tistabbilixxi jekk hemmx bżonn li l-informazzjoni rigward il-każiijet quddiemha li hija fid-dispożizzjoni tagħha tiġi ssupplementata. (14) B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li anki fejn talba għal eżami ta’ xhud tirreferi preċiżament għall-fatti li fuqhom, u r-raġunijiet li għalihom, xhud għandu jiġi eżaminat, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa r-rilevanza tat-talba għas-suġġett inkwistjoni u l-bżonn li jiġi eżaminat l-imsemmi xhud. (15)
91. Dan huwa eżattament dak li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-partijiet rilevanti tas-sentenza, billi kkonkludiet fil-punt 148 tal-imsemmija sentenza li l-kontenut previst tax-xhieda f’kull każ mhuwiex suffiċjenti bħala prova tal-fatt rilevanti, jiġifieri l-eżistenza ta’ assigurazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni rigward il-ħlas ta’ Masdar.
92. Fit-tieni lok, sa fejn Masdar donnha tissuġġerixxi f’dan il-kuntest li teżisti inkonsistenza fis-sentenza appellata bejn ir-raġunijiet għaċ-ċaħda li tinstema’ xhieda bħala prova u l-konklużjoni li l-assigurazzjonijiet invokati ma ġewx mogħtija, l-allegazzjoni mhijiex fondata peress li, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat fil-punt 148 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ intenzjoni komuni bejn il-partijiet li Masdar tlesti l-proġett u tirċievi l-ħlas għal xogħolha hija kjarament differenti mill-għoti ta’ assigurazzjonijiet preċiżi mill-Kummissjoni li kienet ser tħallas lil Masdar direttament.
93. Għaldaqstant is-sitt u s-seba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda.
4. Ir-raba’ aggravju, fejn huwa allegat li l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq il-motivi ta’ arrikkiment indebitu u ta’ negotiorum gestio minn naħa, u l-motiv ta’ aspettattivi leġittimi min-naħa l-oħra, huma inkonsistenti.
a) L-argumenti prinċipali
94. Masdar tilmenta li, meta hija eżaminat l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-kundizzjonijiet stretti għall-applikazzjoni tiegħu ma kinux issodisfati, minkejja li l-premessa sottointiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienet li Masdar ġiet persważa mill-Kummissjoni sabiex tkompli tipprovdi s-servizzi (punt 101 tas-sentenza appellata) u li l-Kummissjoni kellha intenzjoni komuni li Masdar tlesti l-proġetti u tiġi mħallsa għal xogħolha (punt 148 tas-sentenza appellata).
95. B’argument simili għal dawk imressqa fl-aggravji preċedenti, hija targumenta li setgħet seħħet xi ħaġa fil-laqgħa tat-2 ta’ Ottubru 1998 u/jew matul l-iskambji sussegwenti mal-Kummissjoni li kellha l-effett li twassal lil Masdar sabiex tkompli tipprovdi s-servizzi meħtieġa mis-subappalt tagħha ma’ Helmico. Filwaqt li din ix-“xi ħaġa” għandha mnejn ma taqax taħt il-kamp strett ta’ applikazzjoni tat-test użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tistabbilixxi talba bbażata fuq aspettattivi leġittimi, hija kienet ċertament effettiva biżżejjed sabiex tipperswadi lil Masdar sabiex tkompli tipprovdi s-servizzi, li juri li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kkonkludiet li l-provi disponibbli ma kinux juru assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-Kummissjoni li jippermettulha li tistrieħ fuq tali talba.
96. Hija ssostni, sussidjarjament, li t-test użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza huwa strett wisq, u joħloq riżultat inġust f’każijiet bħal dak inkwistjoni. Għaldaqstant għandu jiġi deċiż li assigurazzjonijiet preċiżi jistgħu jiġu dedotti f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni.
97. Fl-aħħar nett, Masdar tikkontesta l-konklużjoni fil-punt 103 tas-sentenza appellata li billi kompliet taħdem fuq il-proġett hija kienet qiegħda tidħol f’riskju kummerċjali li seta’ jiġi deskritt bħala normali. L-ebda persuna raġonevoli ma kienet tkompli taħdem fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni sakemm l-aġir tal-Kummissjoni ma kienx tali li joħloq f’dik il-persuna, aspettattiva leġittima li hija ser tiġi mħallsa għas-servizzi pprovduti.
98. Skond il-Kummissjoni, l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dan l-aggravju huma inammissibbli u f’kull każ mhux fondati.
b) Evalwazzjoni
99. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegata inkonsistenza fil-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza minn naħa fil-punt 101, u fil-punt 148 tas-sentenza appellata min-naħa l-oħra, dan l-ilment huwa, almenu parzjalment, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punt 101, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat sempliċement: “[…]l-azzjoni tal-amministratur issir b’mod ġenerali mingħajr ma tkun taf il-parti interessata, jew għall-inqas mingħajr ma’ din tal-aħħar tkun konxja tal-bżonn li taġixxi immedjatament. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni hija stess illi l-għażla tagħha li tkompli x-xogħlijiet f’Ottubru 1998 tirriżulta mit-tħeġġiġ tal-Kummissjoni.”
100. Meta moqri f’dan il-kuntest, huwa ċar li l-għan tad-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza kien li tiġi enfassizata l-kontradizzjoni bejn it-talba ta’ Masdar ibbażata fuq negotiorum gestio u l-argument tagħha relatat mal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fis-sens li l-Kummissjoni pperswadietha tkompli tipprovdi s-servizzi, iktar milli tapprova l-argument imsemmi l-aħħar. Barra minn hekk, Masdar donnha tikkonferma b’mod impliċitu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx tal-istess opinjoni billi sostniet li hija kellha tiddeċiedi fir-rigward ta’ avveniment li kellu l-effett li jipperswadiha tkompli x-xogħol.
101. F’kull każ, minkejja li, kif issostni Masdar, hija l-premessa sottointiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza li Masdar ġiet persważa mill-Kummissjoni sabiex tkompli tipprovdi s-servizzi, dan ma jfissirx neċessarjament li ġew mogħtija assigurazzjonijiet preċiżi, insostenn ta’ talba bbażata fuq aspettattivi leġittimi.
102. B’mod simili, jiena diġà ċħadt l-ilment rigward raġunament inkonsistenti fir-rigward tal-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 148 tas-sentenza appellata li Masdar u l-Kummissjoni kellhom intenzjoni komuni rigward it-tlestija tal-proġetti.
103. Il-bqija tal-argumenti mressqa insostenn tar-raba’ aggravju huma wkoll diretti kontra l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ma ġewx mogħtija assigurazzjonijiet preċiżi, li hija, kif diġà semmejt, konklużjoni bbażata fuq evalwazzjoni ta’ fatti li, bħala tali, ma tistax tiġi kkontestata f’appell. (16)
104. F’dan ir-rigward, biżżejjed jingħad, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni waqt il-proċedura orali, li ma tantx huwa konvinċenti l-argument li l-unika spjegazzjoni għall-fatt li Masdar kompliet bix-xogħol – minkejja li r-riskju kummerċjali li hija daħlet għalih seta’ jitqies bħala ogħla min-normal – tista’ biss tkun li l-Kummissjoni kienet tatha, fil-laqgħa tat-2 ta’ Ottubru 1998 u/jew waqt skambji sussegwenti, l-assigurazzjonijiet invokati minn Masdar.
105. Għaldaqstant ir-raba’ aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.
106. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
VI – Spejjeż
107. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplika għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-ispejjeż jiġu ordnati kontra Masdar u peress li Masdar tilfet, Masdar għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
VII – Konklużjoni
108. Għar-raġunijiet spjegati iktar ‘il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
(1) tiċħad l-appell;
(2) tikkundanna lil Masdar għall-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2_ Ġabra p. II-4377
3 - Il-ħlas mitlub jikkorrispondi għall-valur totali tas-servizzi koperti mill-fatturi li fir-rigward tagħhom il-ħlas ġie sospiż: ara l-punti 71 u 98 tas-sentenza appellata.
4 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 59), u tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Giradot (C‑348/06 P, Ġabra p. I-833, punt 49).
5_ Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C‑352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 35); tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill (C‑76/01 P, Ġabra p. I-10091, punt 47), u Il-Kummissjoni vs Giradot (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota 4, punt 49).
6_ Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni (C‑7/95 P, Ġabra p. I-3111, punt 20), u tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament (C‑208/03 P, Ġabra p. I-6051, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).
7_ Għal analiżi fid-dettall tar-responsabbiltà fin-nuqqas ta’ aġir illegali tal-Komunità, ara l-konklużjonijiet reċenti ta’ l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, punti 53 sa 83, fil-kawżi FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill (C‑120/06 P u C‑121/06 P), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
8_ Barra minn hekk, din il-kawża ma tqajjimx, fil-fehma tiegħi, problema li tista’ titqies bħala waħda ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew għandha tqajjem ex officio. Ara, f’dan ir-rigward, il-kriterji stretti proposti mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punti 140 sa 143 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Salzgitter vs Il-Kummissjoni (is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, C‑210/98 P, Ġabra p. I-5843), fejn jingħad li 1) fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk ir-regola miksura hijiex intiża għal għan fundamentali tas-sistema legali Komunitarja u jekk għandhiex rwol sinjifikattiv fit-twettiq ta’ dan l-għan; 2) fit-tieni lok, għandu jiġi evalwat jekk ir-regola miksura ġietx stabbilita fl-interess tat-terzi jew tal-kollettività b’mod ġenerali, u mhux sempliċement l-interess tal-persuni direttament ikkonċernati; 3) fit-tielet lok, il-ksur għandu jkun manifest, jiġifieri kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll it-terzi jindunaw bih u jidentifikawh faċilment bħala tali.
9 – Ara, f’dan is-sens, punt 55 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawżi FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill (iċċitati iktar ‘il fuq fin-nota 7).
10 – Ara l-punti 46 sa 50 iktar ‘il fuq.
11 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑501/00, Ġabra p. I-6717, punt 52).
12 – Ara s-sentenzi Deere vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota 6, punt 22; tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 38), u tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C‑260/05 P, Ġabra p. I-10005, punt 35).
13 – Sentenzi tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni,(C‑53/92 P, Ġabra p. I-667, punt 42), kif ukoll tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 49).
14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri (C‑315/99 P, Ġabra p. I-5281, punt 19) ; tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs L-UASI (C‑136/02 P, Ġabra p. I-9165, punt 76), u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 67).
15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Sniace vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota 12, punt 78, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota 14, punt 68.
16 – Ara l-punti 87 u 88 iktar ‘il fuq.
Full & Egal Universal Law Academy