KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fl-10 ta’ April 2008 1(1)
Kawża C‑141/07
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Provvista ta’ prodotti mediċinali lil sptar minn spiżerija esterna – Obbligi għall-ispiżerija esterna li tiggarantixxi l-kunsinni, b’mod regolari u fil-każ ta’ emerġenza, li tagħti pariri lill-persunal tal-isptar, b’mod abitwali u fil-każ ta’ emerġenza, li tipparteċipa fl-għażla tal-prodotti mediċinali u tikkontrolla l-istokkijiet – Limitazzjoni tas-suq għall-ispiżeriji li jinsabu fil-viċinanzi tal-isptar – Miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Ħarsien tas-saħħa pubblika”
1. Dan ir-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà, mar-regoli tat-Trattat KE relattivi għall-moviment liberu tal-merkanzija, tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli meta sptar jiddeċiedi li jafda l-provvista ta’ prodotti mediċinali tiegħu lil spiżerija esterna.
2. Skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, il-provvista ta’ prodotti mediċinali lil sptar li jinsab fil-Ġermanja jista’ jsir jew minn spiżerija ġewwa l-isptar, jew minn spiżerija ta’ sptar ieħor, jew minn spiżerija esterna. F’dawn l-aħħar żewġ każijiet, irid ikun ġie konkluż kuntratt bejn l-isptar u l-ispiżerija kkonċernata, li għandha tintrabat li twettaq l-aspetti kollha tal-provvista ta’ prodotti mediċinali, jiġifieri tiggarantixxi l-kunsinni regolari u fil-każ ta’ emerġenza, tagħti pariri lill-persunal tal-isptar, b’mod regolari u fil-każ ta’ emerġenza, tipparteċipa fl-għażla tal-prodotti mediċinali u tikkontrolla l-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali tal-isptar li għandu jiġi pprovdut.
3. Huwa paċifiku li dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi (iktar’il quddiem il-“kundizzjonijiet ikkontestati”) jistgħu jiġu sodisfatti biss minn spiżerija li ġeografikament tkun qrib dan l-isptar.
4. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li, billi żammet fis-seħħ tali leġiżlazzjoni, li trendi prattikament impossibbli l-provvista ta’ prodotti mediċinali lil sptar minn spiżeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE u 30 KE.
5. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nuri b’liema mod il-kundizzjonijiet ikkontestati, minkejja li għandhom jiġu analizzati bħala modalitajiet ta’ bejgħ fis-sens tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (2), jikkostitwixxu miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet.
6. Sussegwentement ser nindika li, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din ir-restrizzjoni tidhirli li hija ġġustifikata mill-ħarsien tas-saħħa pubblika, b’mod li dan ir-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi miċħud bħala infondat.
I – Il-kuntest ġuridiku
7. Skont l-Artikolu 43(1) tal-Liġi Ġermaniża dwar il-prodotti mediċinali (Arzneimittelgesetz), il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali fil-Ġermanja, inkluż lill-isptarijiet u lit-tobba, huwa riżervat għall-ispiżeriji, filwaqt illi x-xiri dirett mingħand produtturi jew grossisti, fil-prinċipju, huwa pprojbit.
8. Id-dispożizzjonijiet dwar il-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet huma previsti fl-Artikolu 14 tal-Liġi Ġermaniża dwar l-ispiżeriji (Apothekengesetz) (3).
9. Skont dan l-Artikolu, l-isptarijiet għandhom l-għażla li jafdaw il-provvista ta’ prodotti mediċinali tagħhom jew lil spiżerija interna, jiġifieri spiżerija li topera fi ħdan l-isptar u li, ġeneralment, ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku, jew lil spiżerija ta’ sptar ieħor, jew lil spiżerija esterna. Meta sptar jiddeċiedi li jafda din il-provvista lil spiżerija ta’ sptar ieħor jew lil spiżerija esterna, huwa għandu jikkonkludi ma’ din l-ispiżerija kuntratt li huwa suġġett għall-kundizzjonijiet ikkontestati preskritti fl-Artikolu 14(4) sa (6) tal-ApoG.
10. Dawn id-dispożizzjonijiet, fil-verżjoni fis-seħħ mill-21 ta’ Ġunju 2005, jistipolaw kif ġej:
“(4) Id-direttorat ta’ sptar li għandu l-intenzjoni jipprovdi tali sptar mingħand id-detentur ta’ liċenzja għall-operazzjoni ta’ spiżerija fis-sens tal-Artikolu 1(2) jew tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jew ta’ Stat Kontraenti ieħor tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, għandu jikkonkludi kuntratt bil-miktub mad-detentur ta’ din il-liċenzja. Il-post ta’ twettiq tas-servizzi kuntrattwali ta’ provvista għandu jkun l-indirizz tal-isptar. Id-dritt applikabbli għandu jkun id-dritt Ġermaniż.
(5) Sabiex ikun validu, il-kuntratt konkluż taħt il-paragrafu 3 jew 4 għandu jkun approvat mill-awtorità kompetenti. Din l-approvazzjoni tingħata jekk jiġi stabbilit li l-kuntratt relattiv għall-provvista minn spiżerija ta’ prodotti mediċinali lill-isptar, konkluż mill-isptar mal-imsemmija spiżerija taħt il-paragrafu 3 jew 4, jissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:
1. il-provvista tajba ta’ prodotti mediċinali għandha tiġi ggarantita; b’mod partikolari għandu jiġi stabbilit li l-ispiżerija għandha l-bini, it-tagħmir u l-persunal meħtieġ mir-Regolamenti dwar l-operazzjoni ta’ spiżeriji jew, fir-rigward tal-ispiżeriji stabbiliti Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat Kontraenti ieħor tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dan l-Istat;
2. l-ispiżerija għandha tipprovdi lill-isptar bil-prodotti mediċinali ordnati mill-istess sptar direttament jew, fil-każ ta’ kunsinna, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11a;
3. l-ispiżerija għandha bla edba dewmien u b’mod adatt tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-isptar il-prodotti mediċinali li dan għandu bżonn b’mod partikolarment urġenti sabiex jipprovdi trattament mediku urġenti;
4. id-diriġent tal-ispiżerija li jiggarantixxi l-provvista fis-sens tal-paragrafu 3 jew 4, jew l-ispiżjar awtorizzat minnu, għandu jagħti pariri personalment lill-persunal tal-isptar b’mod adatt mingħajr dewmien fil-każ ta’ emerġenza;
5. l-ispiżerija li tiggarantixxi l-provvista għandha tiżgura li tagħti pariri kontinwi lill-persunal tal-isptar sabiex tkun żgurata farmakoterapija effettiva u ekonomika;
6. id-diriġent tal-ispiżerija li jiggarantixxi l-provvista fis-sens tal-paragrafu 3 jew tal-paragrafu 4, jew l-ispiżjar awtorizzat minnu, għandu jkun membru tal-kumitat tal-prodotti mediċinali tal-isptar.
Il-provvista lil sptar ieħor minn spiżerija tal-isptar li jaqa’ taħt l-istess awtorità amministrattiva għandu wkoll jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti. Id-dispożizzjonijiet tat-tieni frażi għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni.
(6) Id-diriġent tal-ispiżerija tal-isptar fis-sens tal-paragrafu 1 jew tal-ispiżerija fis-sens tal-paragrafu 4, jew spiżjar awtorizzat minnu, huwa obbligat li jikkontrolla l-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali tal-isptar li għandu jiġi pprovdut skont ir-Regolamenti dwar l-operazzjoni ta’ spiżeriji u għandu b’mod partikolari f’dan ir-rigward jiżgura li l-prodotti mediċinali huma tal-aħjar kwalità u huma kkonservati tajjeb [...]”
II – Il-proċedura prekontenzjuża
11. Sa qabel l-emendi tagħha matul ix-xahar ta’ Ġunju 2005, l-ApoG kienet tinkludi regoli magħrufa bħala “prinċipju reġjonali”, fejn spiżerija esterna li xtaqet tikkonkludi kuntratt ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali ma’ sptar kellha tkun stabbilita fl-istess belt jew fl-istess distrett tiegħu.
12. Il-Kummissjoni kienet ikkontestat il-konformità ta’ dan il-prinċipju mad-dritt Komunitarju f’ittra ta’ intimazzjoni tal-11 ta’ Lulju 2003 u sussegwentement f’opinjoni motivata tad-19 ta’ Diċembru 2003.
13. Il-Gvern Ġermaniż, fl-4 ta’ Novembru 2004, approva abbozz ta’ liġi li temenda l-Artikolu 14 tal-ApoG u intiża sabiex tippermetti lill-isptarijiet jikkonkludu wkoll kuntratti differenti ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali ma’ diversi spiżeriji.
14. Madankollu, il-Bundesrat (l-Ogħla Kamra tal-Parlament Federali) irrifjutat li japprova dan l-abbozz ta’ liġi minħabba li s-sistema ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali fuq il-livell reġjonali rriżultat li kienet ta’ suċċess fir-rigward tal-kwalità u tas-sigurtà u minħabba li l-inkompatibbiltà ta’ din is-sistema mad-dritt Komunitarju ma kinitx ġiet murija. Bl-istess mod, il-maġġoranza tal-Länder opponew għall- possibbiltà li sptar jikkonkludi kuntratti differenti ma’ fornituri differenti. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li l-Artikolu 14 tal-ApoG kien ġie emendat mill-21 ta’ Ġunju 2005 bil-kontenut imsemmi hawn fuq.
15. Fit-18 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni sussegwenti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn hija indikat li l-kundizzjonijiet ikkontestati, imposti fuq il-fornitur skont din il-verżjoni ġdida tal-Artikolu 14 tal-ApoG, kienu jekwivalu għaż-żamma tal-prinċipju reġjonali taħt forma moħbija.
16. B’ittra tal-14 ta’ Diċembru 2005, dan l-Istat Membru sostna li l-kundizzjonijiet ikkontestati, intiżi sabiex jafdaw lil fornitur wieħed l- aspetti kollha tal-provvista ta’ prodotti mediċinali lil sptar, kienu jikkostitwixxu modalitajiet ta’ bejgħ awtorizzati u, sussidjarjament, li dawn kienu ġġustifikati mill-ħarsien tas-saħħa pubblika, skont l-Artikolu 30 KE.
17. Fl-10 ta’ April 2006 il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn hija żammet il-kritika tagħha u kkonfutat l-argumenti ta’ dan l-Istat membru.
18. B’ittra tat-2 ta’ Ġunju l-imsemmi Stat Membru rrisponda lill-Kummissjoni li huwa kien qiegħed iżomm il-pożizzjoni tiegħu.
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
19. Permezz ta’ rikors tad-9 ta’ Marzu 2007 il-Kummissjoni ressqet il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat ir-risposta tagħha fil-21 ta’ Mejju 2007. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-replika tagħha fl-10 ta’ Lulju 2007 u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat il-kontroreplika tagħha fil-15 ta’ Awwissu 2007. Il-partijiet ma talbux li jkun hemm seduta.
20. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
– tikkonstata li, billi ssuġġettat, fl-Artikolu 14(5) u (6) tal-ApoG, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali għal rekwiżiti kumulattivi li għandhom bħala għan li jirrendu prattikament impossibbli l-provvista ta’ prodotti mediċinali, b’mod regolari, lil sptar minn spiżeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE U 30 KE;
– tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.
21. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li r-rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannat għall-ispejjeż.
IV – L-argumenti tal-partijiet
A – Il-Kummissjoni
22. Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet ikkontestati jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE, li dawn jikkostitwixxu miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet u li din ir-restrizzjoni m’hijiex iġġustifikata.
1. L-applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE
23. Il-Kummissjoni tiddikjara li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni biss f’ċerti oqsma limitati.. Għalkemm l-Istati Membri jistgħu b’hekk jilleġiżlaw fl-oqsma l-oħra, huwa għandhom xorta waħda jirrispettaw ir-regoli tat-Trattat, partikolarment dawk relattivi għall-moviment liberu tal-merkanzija, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 152 KE.
24. Il-fatt, allegat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li, fi Stati Membri oħra, il-provvista ta’ prodotti mediċinali lil sptarijiet hija rriżervata għal spiżerija interna ma jnaqqasx il-portata ta’ dan l-obbligu mill-mument li dan l-Istat Membru ppreveda l-possibbiltà ta’ tali provvista minn spiżerija esterna.
2. Miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet
25. Il-Kummissjoni tindika li l-kundizzjonijiet ikkontestati previsti fl-Artikolu 14(5) u (6) tal-ApoG, jikkostitwixxu modalitajiet ta’ bejgħ fis-sens tal-ġurisprudenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar’il fuq. Hija tqis li dawn il-kundizzjonijiet xorta waħda jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE, peress li dawn jaffettwaw b’mod iktar qawwi lill-prodotti mediċinali provenjenti minn Stati Membri oħra minn prodotti mediċinali ta’ oriġini nazzjonali.
26. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li diversi mill-kundizzjonijiet ikkontestati imposti fuq l-ispiżeriji esterni, bħall-provvista mgħaġġla u adatta ta’ prodotti mediċinali u l-kompitu ta’ għoti ta’ parir lill-persunal tal-isptar fil-każ ta’ emerġenza, kif ukoll il-parteċipazzjoni fil-kumitat tal-prodotti mediċinali tal-isptar u l-kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali tiegħu, jeħtieġu li dawn l-ispiżeriji jkunu ġeografikament qrib l-isptar li jrid jiġi pprovdut.
27. Il-fatt li fornitur wieħed ikun mitlub jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha jkollu għaldaqstant l-effett li jeskludi lill-ispiżeriji ta’ Stati Membri oħra mill-aċċess għas-suq tal-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet Ġermaniżi, u għaldaqstant, li jipprojbixxi lill- prodotti mediċinali provenjenti minn dawn l-Istati l-oħra l-aċċess għal dan is-suq.
28. Il-kundizzjonijiet ikkontestati imposti mill-ApoG jikkostitwixxu, konsegwentement, miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet. Din l-analiżi m’hijiex ikkontradetta mill-fatt li dawn il-kundizzjonijiet jippenalizzaw ukoll spiżeriji li jinsabu fil-Ġermanja iżda’il bogħod mill-isptar li jrid jiġi pprovdut u lanqas mill-fatt li l-fornitur lokali jista’ jixtri l-prodotti mediċinali meħtieġa mingħand grossista barrani.
29. Il-Kummissjoni tirribatti wkoll bħala irrilevanti l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-ispiżeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra, ġeneralment, ma jkollhomx stokk biżżejjed ta’ prodotti mediċinali awtorizzati fil-Ġermanja.
3. In-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni
30. Il-Kummissjoni tindika li l-oneru tal-prova tal-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni fuq il-bażi ta’ motiv ikkontemplat fl-Artikolu 30 KE jew ta’ raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku jaqa’ fuq l-Istat Membru li jinvoka dnk il-ġustifikazzjoni.
31. Preliminarjament, hija tfakkar li hija kkonvinċiet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bil-ħtieġa li tabolixxi l-prinċipju reġjonali fis-seħħ qabel ix-xahar ta’ Ġunju 2005 u li, fl-abbozz ta’ liġi kkomunikat minn dan l-Istat Membru matul ix-xahar ta’ Novembru 2004, il-prinċipju tal-konċentrazzjoni tal-aspetti kollha tal-kuntratt ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptar f’fornitur wieħed kien ġie abbandunat.
32. Il-Kummissjoni tiddikjara, sussegwentement, li ż-żewġ motivi li għalihom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-kundizzjonijiet ikkontestati huma ġġustifikati mill-ħarsien tas-saħħa pubblika m’humiex fondati.
33. Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-ħtieġa tal-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptar minn spiżerija waħda, il-Kummissjoni ssostni li hija ma tikkontestax dan ir-rekwiżit. Hija tikkontesta biss il-fatt li biss spiżjerija lokali tista’ tikkonkludi kuntratt ta’ provvista ma’ sptar. L-isptarijiet għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu huma stess li jafdaw lil spiżerija waħda l-provvista bażika, il-provvisti urġenti, il-kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali u l-għoti ta’ parir lill-persunal tal-isptar.
34. Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-ħtieġa ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali globali, il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-kumplessità tal-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet ma tippermettix il-koeżistenza ta’ diversi persuni responsabbli għad-diversi aspetti li jikkostitwixxu din il-provvista, b’mod partikolari l-provvista ta’ prodotti mediċinali u l-kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali, m’huwiex fondat. Hija tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha bil-punti segwenti.
35. L-ewwel nett, ma jkunx hemm ebda bidla fil-kwalità tal- imsemmija provvista fil-każ li l-provvista bażika u l-provvisti urġenti jiġu mifrudin. Skont il-Kummissjoni, kriterju determinanti tal-kwalità tal-provvista fil-każ ta’ emerġenza huwa r-rapidità li biha l-mediċina meħtieġa tista’ tiġi kkunsinnata, b’mod li mhuwiex meħtieġ li l-provvisti urġenti jiġu bilfors marbuta ma’ aspetti oħra tal-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet.
36. Sussegwentement, ma jkunx hemm bidla fil-kwalità ta’ din il-provvista fil-każ li l-provvista bażika u l-għażla tal-prodotti mediċinali jiġu mifrudin. Il-Kummissjoni tammetti li sptar għandu bżonn ta’ pariri ta’ spiżjar biex jagħżel il-prodotti mediċinali tiegħu iżda hija ma tarax għalfejn għandu jkun spiżjar responsabbli mill-provvista. Fi kwalunkwe każ, dan l-ispiżjar għandu jivverifika l-kwalità tal-prodotti tiegħu.
37. Bl-istess mod, ma jkunx hemm bdil fil-kwalità tal-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet jekk il-provvista ta’ prodotti mediċinali u l-kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali jiġu mifrudin. Il-Kummissjoni tqis li tali firda, għall-kuntrarju, tippermetti li tintlaħaq kwalità tajba f’dawn iż-żewġ attivitajiet.
38. Fl-aħħar nett, ma jkunx hemm bidla fil-kwalità tal-imsemmija provvista fil-każ ta’ pariri bit-telefon lill-persunal tal-isptar. Il-Kummissjoni ssostni li l-għoti ta’ pariri fuq il-post, kif jeħtieġ il-punt 4 tal-Artikolu 14(5) tal-ApoG, m’huwiex meħtieġ sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ kwalità. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (4), ammettiet li prodotti mediċinali jistgħu jinbiegħu permezz tal-internet lil pazjenti, u b’hekk warrbet l-idea li n-nuqqas ta’ pariri personali seta’ jipperikola s-sigurtà tagħhom. Skont il-Kummissjoni, din l-analiżi tapplika a fortiori għall-persunal speċjalizzat ta’ sptar, iktar u iktar peress illi r-responsabbiltà tal-użu ta’ prodotti mediċinali taqa’ dejjem fuq it-tabib. Barra minn hekk, spiżjar, anke jekk stabbilit viċin l-isptar, għandu jkun preżenti għall-parti l-kbira taż-żmien fl-ispiżerija tiegħu u mhux fl-isptar.
B – Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
39. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza, preliminarjament, li dawn il-proċeduri joriġinaw mhux mill-ilment ta’ spiżerija stabbilita fi Stat Membru ieħor li hija pprojbita milli tikkunsinna l-prodotti tagħha fil-Ġermanja, imma mill-ilment ta’ kumpannija li topera diversi sptarijiet fil-Ġermanja permezz tal-kumpanniji sussidjarji tagħha u li tixtieq tkun tista’ tipprovdihom kollha permezz ta’ spiżerija waħda.
40. Hija ssostni wkoll li l-għan tal-kundizzjonijiet ikkontestati imposti mill-Artikolu 14 tal-ApoG huwa li tinżamm provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet ta’ kwalità għolja u li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-fatt li, f’numru kbir ta’ Stati Membri oħra, din il-provvista hija rriżervata għal spiżerija ġewwa l-isptar.
41. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-kundizzjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxux restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija u, sussidjarjament, li tali restrizzjoni hija ġġustifikata mill-prinċipju tal-ħarsien tas-saħħa pubblika.
1. In-nuqqas ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija
42. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-ewwel lok, issostni li l-kundizzjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxux miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet u, fit-tieni lok, li m’hijiex responsabbiltà tal-Kummissjoni li timponi lil Stat Membru, taħt il-kappa tal-Artikolu 28 KE, jemenda leġiżlazzjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu stess.
a) In-nuqqas ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti
43. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar’il fuq, li bis-saħħa tagħhom il-modalitajiet ta’ bejgħ ma jaqgħux taħt il-kappa tal-Artikolu 28 KE, huma sodisfatti.
44. Fil-fatt, minn naħa, il-kundizzjonijiet ikkontestati huma applikabbli mingħajr distinzjoni. Min-naħa l-oħra, dawn ma jostakolawx l-aċċess għas-suq għall-prodotti mediċinali provenjenti minn Stati Membri oħra iktar minn dak għall-prodotti mediċinali nazzjonali, u dan għar-raġunijiet segwenti:
– L-ispiżeriji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, ġeneralment, ma jiddisponux minn prodotti mediċinali li jgawdu minn awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq fil-Ġermanja, b’mod li l-fatt li huma jbiegħu ftit prodotti mediċinali f’dan l-Istat Membru m’huwiex attribwibbli lill-Artikolu 14 tal-ApoG.
– L-ispiżeriji barranin jistgħu perfattament jikkunsinnaw prodotti mediċinali lill-ispiżerija interna tal-isptar jew lil spiżerija esterna li tissodisfa l-kundizzjonijiet ikkontestati.
– L-ispiżeriji barranin jistgħu jikkonkludu kuntratt ta’ provvista ma’ sptar Ġermaniż sakemm il-kundizzjonijiet ikkontestati huma sodisfatti, li jimplika li dawn ikunu jinsabu fil-viċinanzi ta’ dan l-isptar.
– Il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali provenjenti minn Stati Membri oħra ma jkunx affettwat iktar minn dak ta’ prodotti mediċinali provenjenti mir-reġjuni tal-Ġermanja li huma’il bogħod mill-isptar li jrid jiġi pprovdut.
– L-Artikolu 28 KE ma jeħtieġx li spiżeriji ta’ Stati Membri oħra jkunu jistgħu jikkunsinnaw prodotti mediċinali direttament lill-isptarijiet ta’ Stat Membru. Din l-analiżi tkun kuntrarja, minn naħa, għall-fatt li, f’diversi Stati Membri, il-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet hija rriżervata għal spiżerija interna u, min-naħa l-oħra, għall-ġurisprudenza li tistabbilixxi li monopolju tal-Istat għall-kummerċ ta’ prodotti mediċinali jista’ jkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju (5).
b) L-Artikolu 28 KE ma jistax jippreġudika l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika
45. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfakkar li, skont l-Artikolu 152(5) KE, il-Komunità Ewropea għandha, fil-qasam tas-saħħa pubblika, tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u l-kura medika. Hija tindika li l-kundizzjonijiet ikkontestati jidderivaw minn dispożizzjoni leġiżlattiva prinċipali, li ġiet adottata b’reazzjoni għad-diffikultajiet li l-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet kienet iltaqat magħhom preċedentement.
2. Il-ġustifikazzjoni mill-ħarsien tas-saħħa pubblika
46. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tesponi li l-kundizzjonijiet ikkontestati huma intiżi sabiex jiggarantixxu provvista ċerta u ta’ kwalità billi jafdaw lil spiżerija waħda r-responsabbiltà tal-kompiti kollha involuti fil-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet.
47. Hija ssostni li l-firda ta’ dawn il-kompiti u l-koordinazzjoni tagħhom mid-direttorat tal-isptar ma tippermettix li jiġi garantit livell ta’ kwalità daqshekk għoli. Fdan ir-rigward huwa jagħmel l-argumenti segwenti.
a) Il-firda bejn il-provvista regolari u l-provvisti urġenti
48. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tindika li l-isptar li jiddeċiedi li jafda l-provvista ta’ prodotti mediċinali tiegħu lil spiżerija esterna jagħmel dan prinċipalment sabiex jiggarantixxi provvista effettiva bi spejjeż żgħar għall-istokkjar u ftit prodotti mediċinali fl-istokk. B’hekk dak l-isptar jordna l-prodotti mediċinali li huwa jkollu bżonn għal kull pazjent fil-kwantitajiet meħtieġa, b’mod li, fil-verità, m’hemmx distinzjoni bejn il-provvisti urġenti u l-provvista bażika, li jeħtieġ ukoll kunsinna rapida u frekwenti.
49. Barra minn hekk, l-għażla tal-prodotti mediċinali meħtieġa fil-każ ta’ emerġenza teħtieġ li wieħed ikun jaf l-istokk tal-isptar u teħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni fil-każ li l-isptar jirrikori għal fornituri differenti.
50. Huwa importanti wkoll li l-ispiżjar mitlub jipprovdi prodott mediċinali fil-każ ta’ emerġenza jkun jaf liema prodotti mediċinali oħra l-pazjent ikkonċernat ikun ħa, sabiex jevita inkompatibbiltajiet.
51. Barra minn hekk, l-istokk tal-prodotti mediċinali meħtieġa għall-provvista ta’ sptar huwa differenti minn dak ta’ spiżerija “normali”. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkwota diversi prodotti mediċinali li huma meħtieġa għal sptar u li spiżerija “normali” ma jkollhiex fl-istokk tagħha.
52. Skont dan l-istess Stat Membru, il-fatt li wieħed jorbot flimkien il-provvista bażika u l-provvisti urġenti jiggarantixxi, konsegwentement, id-disponibbiltà tal-prodotti mediċinali meħtieġa kif ukoll provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet iktar effettiva u iktar iffukata.
b) Il-firda bejn il-provvista bażika u l-għażla tal-prodotti mediċinali
53. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tindika li l-ispiżjar responsabbli mill-provvista lill-isptar tal-prodotti mediċinali magħżula mill-kumitat tal-prodotti mediċinali jista’ jinnegozja l-prezzijiet u jippermetti b’hekk ġestjoni finanzjarja aħjar jekk huwa jkun responsabbli wkoll mill-għażla tagħhom fis-suq.
c) Il-firda bejn il-provvista bażika u l-kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali tal-isptar
54. Il-fatt li l-ispiżjar li jiggarantixxi l-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptar jiġi fdat bil-kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali tal-istess sptar jippermetti li jiġi żgurat monitoraġġ aħjar peress li dan l-ispiżjar jaf eżattament il-prodotti mediċinali li huwa jkun ikkunsinna.
55. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, l-imsemmi spiżjar ikun ukoll informat aħjar mill-persunal tal-isptar bil-problemi kollha marbuta mal-istokkjar tal-prodotti mediċinali, mal-użu tagħhom, mal-għażla tagħhom u mad-dożaġġ tagħhom.
d) Il-ħtieġa li jingħata parir lill-persunal tal-isptar
56. Il-prattika turi li anke t-tobba għandhom bżonn ta’ pariri fil-qasam farmaċewtiku. Kuntatt personali bejn l-ispiżjar u t-timijiet tal-isptar jippermetti lil dan l-ispiżjar ikun membru tat-tim terapewtiku u li jtejjeb is-sigurtà tal-prodotti mediċinali billi jottimizza s-suċċess tal-kura medika. Dan il-kuntatt personali ma jistax jiġi ssostitwit b’pariri telefoniċi każ b’każ. Barra minn hekk, il-preżenza personali tal-ispiżjar tkun partikolarment indispensabbli fil-każ ta’ emerġenza.
e) Is-sinerġija bejn il-provvista ta’ prodotti mediċinali, l-għoti ta’ parir lill-persunal tal-isptar u l-kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali
57. Il-prinċipju tal-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet, minn fornitur wieħed, jippermetti li tiġi ggarantita sinerġija ottima bejn il-kunsinna tal-prodotti mediċinali, l-għoti ta’ parir lill-persunal tal-isptar u l-kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali tal-isptar. Dan il-prinċipju wera l-effettività tiegħu u ppermetta li jiġu solvuti l-problemi ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet li eżistew sal-1980.
V – Analiżi
A – L-applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE
58. Bħalma tesponi l-Kummissjoni b’mod preliminari, huwa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għall-moviment liberu tal-merkanzija li għandha tiġi evalwata l-kompatibbilità tal-kundizzjonijiet ikkontestati, stipulati fl-Artikolu 14 tal-ApoG, mad-dritt Komunitarju.
59. Fil-fatt, minn naħa, il-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet ma kinitx is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni u lanqas ta’ armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea (6). Għaldaqstant huwa fid-dawl tal-libertajiet ta’ moviment garantiti mit-Trattat li jeħtieġ li jiġu eżaminati dawn il-kundizzjonijiet (7).
60. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet ikkontestati jistgħu jaffettwaw il-possibbilità li sptar Ġermaniż jixtri prodotti mediċinali minn spiżerija li tkun tinsab fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, anke jekk dawn il-kundizzjonijiet japplikaw għas-servizz ta’ bejgħ bejn spiżerija u sptar Ġermaniż u jimponu diversi obbligi ta’ servizz fuq l-istess sptar, l-imsemmija kundizzjonijiet jiddeterminaw prinċipalment kif prodotti mediċinali jistgħu jiġu pprovduti lil sptar minn spiżerija esterna. Għaldaqstant il-kundizzjonijiet ikkontestati jistgħu jaffettwaw prinċipalment il-moviment liberu tal-merkanzija (8).
B – L-eżistenza ta’ restrizzjoni
61. L-istess bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-kundizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet, li hija pprojbita mill-Artikolu 28 KE.
62. Fil-fatt, minn naħa, dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu analizzati bħala modalitajiet ta’ bejgħ li jaffettwaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali provenjenti minn Stati Membri oħra iktar minn dik ta’ prodotti mediċinali nazzjonali. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, din l-analiżi m’għandhiex l-effett li tippreġudika l-kompetenza tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-qasam tas-saħħa pubblika u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 152 KE. Ser nittratta dawn iż-żewġ punti suċċessivament.
1. L-eżistenza ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet
63. Il-moviment liberu tal-merkanzija huwa prinċipju fundamentali li r-rispett tiegħu huwa garantit mit-Trattat u li huwa espress fil-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 28 KE, ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll tal-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti (9). Din il-projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi għandha kontenut wiesa’ ħafna, peress illi, skont il-ġurisprudenza, din tkopri l-leġiżlazzjoni kollha tal-Istati Membri li tista’ tostakola, b’mod dirett jew indirett, realment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju (10).
64. Ċertament, fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrestrinġiet il-portata ta’ din il-ġurisprudenza billi eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE l-miżuri li jirrigwardaw mhux il-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat, imma l-modalitajiet ta’ bejgħ, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri jkunu mingħajr distinzjoni applikabbli u li dawn jaffettwaw bl-istess mod, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti provenjenti minn Stati Membri oħra (11).
65. L-istess bħaż-żewġ partijiet fil-kawża, jiena tal-fehma li l-kundizzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu analizzati bħala modalitajiet ta’ bejgħ, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija. Fil-fatt, dawn il-kundizzjonijiet ma jirrigwardawx il-karatteristiċi tal-prodotti mediċinali imma r-rekwiżiti li spiżerija esterna għandha tirrispetta fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali konkluż ma’ sptar. L-imsemmija kundizzjonijiet jiddeterminaw għalhekk il-modalitajiet li bihom prodotti mediċinali jistgħu jinbiegħu (12).
66. Huwa paċifiku wkoll li l-kundizzjonijiet ikkontestati huma mingħajr distinzjoni applikabbli, peress illi dawn ma jagħmlux distinzjoni bejn l-ispiżeriji abbażi tal-Istat Membru li fih huma jinsabu.
67. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet jostakolaw iktar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali provenjenti minn Stati Membri oħra minn dik ta’ prodotti mediċinali nazzjonali, u dan għar-raġunijiet segwenti.
68. Kif uriet il-Kummissjoni u kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrikonoxxi b’mod espliċitu, l-obbligu impost fuq spiżjar estern li jkun responsabbli, permezz tal-mezzi tiegħu stess, għall-aspetti kollha tal-provvista ta’ prodotti mediċinali jista’ jiġi sodisfatt biss minn operaturi li jkunu jinsabu fil-viċinanzi tal-isptar li jrid jiġi pprovdut.
69. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet ikkontestati jobbligaw lill-ispiżjara li joperaw spiżerija fi Stat Membru ieħor u li jkunu jixtiequ jikkonkludu kuntratt ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali ma’ sptar Ġermaniż, jittrasferixxu l-ispiżerija tagħhom u jistabbilixxuha fil-viċinanzi tal-istess sptar jew jiftħu spiżerija oħra f’din iz-zona. Tali miżuri, għalhekk, jimponu lil dawn l-ispiżeriji barranin jsostnu spejjeż u jegħlbu diffikultajiet li ma jiltaqgħux magħhom l-operaturi li jinsabu diġà fil-viċinanzi ta’ dan l-isptar. Għaldaqstant nistgħu niddeduċu li l-kundizzjonijiet ikkontestati għandhom l-effett li jostakolaw iktar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali provenjenti minn Stati Membri oħra.
70. Kontra din l-analiżi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka diversi argumenti li, fil-fehma tiegħi, m’humiex tali li jinvalidawha.
71. Dan l-Istat Membru jsostni b’hekk, minn naħa, li spiżerija barranija tista’ tikkonkludi kuntratt ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali ma’ sptar Ġermaniż sakemm hija tissodisfa l-kundizzjonijiet ikkontestati u, min-naħa l-oħra, li l-bejgħ ta’ prodotti mediċinali provenjenti minn Stati Membri oħra ma jkunx affettwat iktar milli l-kummerċalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali provenjenti minn reġjuni fil-Ġermanja li jinsabu’il bogħod mill-isptar li jrid jiġi pprovdut.
72. Dawn l-argumenti ma jaffettwawx l-eżistenza tal-ostakolu kkaġunat mill-kundizzjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għas-sentenza TK‑Heimdienst, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet ruħha kkonfrontata bl-istess argument fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li kienet tipproduċi l-istess qsim ġeografiku bħall-imsemmija kundizzjonijiet (13). Hija fakkret li, sabiex miżura tal-Istat tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala diskriminatorja jew protettiva fis-sens tar-regoli relattivi għall-moviment liberu tal-merkanzija, m’huwiex meħtieġ li din il-miżura jkollha l-effett li tiffavorixxi l-prodotti nazzjonali kollha jew li tisfavorixxi biss lill-prodotti impurtati bl-esklużjoni tal-prodotti nazzjonali (14).
73. Fi kliem ieħor, il-kundizzjonijiet ikkontestati, bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza TK‑Heimdienst, iċċitata iktar’il fuq, jikkostitwixxu restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE peress li għandhom l-effett li jaqsmu s-suq ikkonċernat, fatt, li minn natura tiegħu stess, huwa kuntrarju għas-suq komuni, jiġifieri suq intern ikkaratterizzat b’mod partikolari bit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, tal-ostakoli għall-moviment liberu ta’ merkanzija (15).
74. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta wkoll l-eżistenza ta’ ostakolu għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali provenjenti minn Stati Membri oħra minħabba li l-ispiżeriji ta’ dawn l-Istati, ġeneralment, ma jiddisponux minn prodotti mediċinali li jgawdu minn awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq fil-Ġermanja.
75. Lanqas dan l-argument ma jidhirli li jista’ jiġi milqugħ. Ċertament, fl-istat tad-dritt Komunitarju, ebda prodott mediċinali mmanifatturat fuq livell industrijali ma jista’ jiġi kkummerċjalizzat fi Stat Membru mingħajr ma tkun inħarġet awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq mill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat jew mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (16). Konsegwentement, il-provvista ta’ prodotti mediċinali lil sptar Ġermaniż minn spiżerija li tinsab fi Stat Membru ieħor jimplika li din l-ispiżerija għandha tiddisponi minn kwantità suffiċjenti ta’ prodotti mediċinali awtorizzati fil-Ġermanja.
76. Madankollu, il-fatt li, ġeneralment, l-ispiżeriji barranin ma jiddisponux minn kwantità suffiċjenti ta’ tali prodotti mediċinali m’huwiex tali li jneħħi r-restrizzjoni inkwistjoni.
77. Skont ġurisprudenza stabbilita l-Artikolu 28 KE japplika għall-miżuri li jistgħu jostakolaw, b’mod dirett jew indirett, realment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju (17). Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet ma teħtieġx li jiġi vverifikat li impriża barrannija kienet ġiet effettivament ipprojbita milli tesporta l-prodotti tagħha fl-Istat Membru kkonċernat. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-miżura kkontestata tista’ tostakola l-kummerċ intra-Komunitarju, mingħajr ma huwa neċessarju li tinġieb prova li din kellha effett kunsiderevoli fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (18).
78. Din il-ġurisprudenza hija rilevanti għal din il-kawża, peress li, għalkemm il-prodotti mediċinali m’humiex prodotti ordinarji, fid-dawl tal-effetti tagħhom fuq is-saħħa tal-persuni, dawn jikkostitwixxu madankollu merkanzija fis-sens tal-Artikolu 28 KE, jiġifieri prodotti li jistgħu jiġu vvalutati fi flus u li jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali (19). Il-portata ta’ dan l-Artikolu, f’dak li jirrigwardahom, m’hijiex inqas minn dik fir-rigward ta’ kull merkanzija oħra fis-sens tal-istess Artikolu.
79. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-eżistenza ta’ ostakolu għall-kummerċjalizzazzjoni intra-Komunitarja ta’ prodotti mediċinali minħabba li spiżerija barranija tista’ perfettament tikkunsinna prodotti mediċinali lill-ispiżerija interna tal-isptar jew lil spiżerija esterna li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet ikkontestati. L-Artikolu 28 KE, skont dan l-Istat Membru, ma jimponix li spiżeriji ta’ Stati Membri oħra għandhom ikunu jistgħu jikkunsinnaw prodotti mediċinali direttament lill-isptarijiet ta’ Stat membru. Din l-analiżi tkun kuntrarja għall-fatt li, f’diversi Stati Membri, il-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet huwa rriżervat lil ispiżerija interna u għall-ġurisprudenza li tistabbilixxi li monopolju tal-Istat għall-kummerċ ta’ prodotti mediċinali jista’ jkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju.
80. Ma jidhirlix li dan l-argument huwa fondat. Ċertament, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 28 KE ma jipprekludix li l-isptarijiet tal-Istati Membri jkunu provduti bi prodotti mediċinali esklużivament minn spiżerija interna. Dan ma jimponix, per se, fuq l-Istati Membri li jipprevedu li l-isptarijiet tagħhom għandhom ukoll ikunu jistgħu jiġu pprovduti bi prodotti mediċinali direttament minn spiżeriji li jinsabu fi Stati Membri oħra. Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti meta Stat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, li l-isptarijiet tiegħu jistgħu wkoll jiksbu din il-provvista minn spiżerija esterna, jiġifieri minn naħa ta’ terza persuna fil-konfront tal-isptar.
81. Fil-fatt, mill-mument li fih Stat Membru, fl-eżerċizzju tal-poter sovran tiegħu, jiddeċiedi li l-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet jista’ għaldaqstant ikun is-suġġett ta’ kuntratt ma’ terza persuna fil-konfront tal-isptar, huwa jkun qiegħed jiftaħ din l-attività għas-suq. Għaldaqstant, huwa jsib ruħu obbligat li jirrispetta r-regoli Komunitarji relattivi għas-suq komuni u, b’mod partikolari, il-libertajiet fundamentali ta’ moviment.
82. Madankollu, dan ma jfissirx li dan l-Istat Membru huwa mċaħħad mill-poter leġiżlattiv tiegħu u li kull restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fundamentali tkun bilfors kuntrarja għat-Trattat. Fi kliem ieħor, l-Istat Membru m’huwiex ikkonfrontat b’alternattiva bejn kollox jew xejn, li tkun jew il-provvista minn spiżerija interna, jew il-provvista mħollija għad-diskrezzjoni ta’ kull sptar.
83. Ir-regoli li jinkwadraw l-eżerċizzju tal-kompetenza riżervata tiegħu jimplikaw li, jekk il-leġiżlazzjoni tiegħu toħloq restrizzjoni għal waħda mil-libertajiet fundamentali ta’ moviment, huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jiġġustifikaha b’raġuni leġittima, iċċitata fit-Trattat jew rikonoxxuta bħala raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku. Stat Membru li jipprevedi li l-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet jista’ wkoll jiġi ggarantit minn spiżerija esterna u li jissuġġetta din il-provvista għal kundizzjonijiet li għandhom l-effett li jaqsmu dan is-suq jobbliga ruħu għaldaqstant li jkun jista’ jiġġustifika l-ħtieġa ta’ dan il-qsim.
84. Din il-pożizzjoni hija wkoll konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita.
85. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, sa fejn l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dak li jikkonċerna d-distribuzzjoni tal-prodotti mediċinali tibqa’ mhux kompluta, l-Istati Membri għandhom id-dritt jipprevedu f’dan il-qasam miżuri bbażati fuq il-ħarsien tas-saħħa pubblika. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kostantament fakkret li leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattika nazzjonali li għandha jew li hija ta’ natura li jkollha effett restrittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti mediċinali hija kompatibbli mat-Trattat biss sa fejn hija meħtieġa biex tiġi protetta b’mod effettiv is-saħħa u l-ħajja tal-persuni (20).
86. Fl-aħħar nett, din l-analiżi ma tikkuntrastax mal-eżerċizzju, tal-Istati Membri, tal-kompetenza riżervata tagħhom fil-qasam tas-saħħa pubblika u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 152 KE.
2. In-nuqqas ta’ preġudizzju għall-kompetenza riżervata tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 152 KE
87. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tiġi sostnuta meta ssostni li l-azzjoni tal-Kummissjoni intiża sabiex jiġi ddikjarat li l-kundizzjonijiet ikkontestati huma kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 KE hija mod sabiex jiġu evitati l-limiti tal-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika, stabbiliti fl-Artikolu 152 KE.
88. Fil-fatt, dan l-aħħar artikolu jistabbilixxi l-kompetenza leġiżlattiva tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika. Peress li l-Komunità għandha biss kompetenza kkonferita, l-Ogħla Partijiet Kontraenti llimitaw il-kompetenza tagħha f’dan il-qasam billi, f’dan l-Artikolu, ipprovdew li hija tista’ biss tikkumplementa l-azzjoni tal-Istati Membri u li l-azzjoni tagħha għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet ta’ dawn l-Istati fil-qasam tal-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u l-kura medika.
89. Madankollu, din il-limitazzjoni tal-poter leġiżlattiv tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika ma taffettwax l-obbligu tal-Istati Membri, sanċit f’ġurisprudenza stabbilita, li jirrispettaw ir-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari l-libertajiet ta’ moviment, meta huma jeżerċitaw il-kompetenzi riżervati tagħhom (21). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 152 KE ma jistax ikollu l-effett li jeskludi l-qasam tas-saħħa pubblika mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat relattivi għal-libertajiet ta’ moviment.
90. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 211 KE, hija responsabbli li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, hija perfettament fir-rwol tagħha meta hija tibda proċeduri għan-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru jekk hija tqis li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat dwar il-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet tippreġudika l-moviment liberu tal-merkanzija.
91. Tali azzjoni ma tikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 152 KE, għaliex din ma tippermettix la lill-Kummissjoni u lanqas lill-Qorti tal-Ġustizzja jissostitwixxu lill-Istat Membru kkonċernat u timponilu soluzzjoni waħda iktar milli oħra. Għaldaqstant din ma tistax tiġi mqabbla mal-eżerċizzju ta’ poter leġiżlattiv. Din għandha biss l-effett li tinkwadra l-eżerċizzju, minn dan l-Istat Membru, tal-kompetenza rriżervat tiegħu fil-qasam tas-saħħa pubblika, billi tippreċiża l-limiti li jirriżultaw mil-libertajiet ta’ moviment li l-Istati Membri kollha ntrabtu li jirrispettaw billi kkonkludew u sussegwentement irratifikaw it- Trattat (22).
92. Huwa fil-kuntest tal-analiżi tal-ġustifikazzjoni tal-kundizzjonijiet ikkontestati li l-kompetenza tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-qasam tas-saħħa pubblika għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, partikolarment fid-dawl tal-ġurisprudenza li tistabbilixxi li, fin-nuqqas ta’ regoli komuni jew armonizzati, huwa kull Stat Membru li għandu jiddeċiedi l-livell ta’ ħarsien li huwa jixtieq jagħti lis-saħħa pubblika u l-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq, filwaqt illi josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità (23). B’mod partikolari, huwa f’dan il-kuntest li ser jittieħed inkunsiderazzjoni l-argument ta’ dan l-Istat Membru li, f’diversi Stati Membri, il-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet isir eskużivament minn spiżerija interna (24).
93. Minn dan isegwi li, kif issostni l-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet ikkontestati, inkwantu jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 28 KE, għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mad-dritt Komunitarju jekk din ir-restrizzjoni m’hijiex iġġustifikata minn wieħed mill-motivi stabbiliti fl-Artikolu 30 KE jew minn raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku. Issa ser naraw għaliex l-imsemmija restrizzjoni hija ġġustifikata.
C – Il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni
94. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li r-restrizzjoni għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ prodotti mediċinali kkaġunata mill-kundizzjonijiet ikkontestati hija ġġustifikata mill-ħarsien tas-saħħa pubblika. Dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi sabiex jiggarantixxu li l-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet minn spiżerija esterna jkun ċert u ta’ kwalità.
95. Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, jiena tal-fehma li din il-ġustifikazzjoni tista’ tintlaqa’.
96. Skont il-ġurisprudenza, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija tista’ tkun iġġustifikata minn wieħed mill-motivi ċċitati fl-Artikolu 30 KE jew minn raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku bil-kundizzjoni, minn naħa, li l-miżura inkwistjoni tkun adatta biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u, min-naħa l-oħra, li din ma tmurx lil’hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (25).
97. L-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tqajjem ebda diffikultà. Fil-fatt, il-ħarsien tas-saħħa pubblika jidher fl-ewwel parti tal-interessi protetti mill-Artikolu 30 KE (26). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-kundizzjonijiet ikkontestati, li huma intiżi sabiex jafdaw lil fornitur wieħed l-aspetti kollha tal-provvista ta’ prodotti mediċinali lil sptar, huma adatti sabiex jiggarantixxu provvista ċerta u ta’ kwalità u, għaldaqstant, biex iħarsu s-saħħa pubblika.
98. It-tieni kundizzjoni, min-naħa tagħha, qiegħda fil-qalba ta’ din il-kawża.
99. Restrizzjoni għall-moviment intra-Komunitarju ta’ prodotti mediċinali tista’ tkun iġġustifikata mill-ħarsien tas-saħħa pubblika biss jekk il-miżura inkwistjoni tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont dan il-prinċipju, sabiex il-motiv ta’ ġustifikazzjoni japplika, huwa neċessarju li l-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni ma jkunx jista’ jiġi żgurat permezz ta’ projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet ta’ portata iżgħar jew li jaffettwaw inqas il-kummerċ intra-Komunitarju (27). Barra minn hekk, kif ġustament tfakkar il-Kummissjoni, huwa l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tkun inkwistjoni li għandu juri li l-imsemmi prinċipju huwa rrispettat (28).
100. B’kuntrast mal-Kummissjoni, jien inqis li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal dan il-għan huma konvinċenti. Nibbaża l-pożizzjoni tiegħi fuq it-tliet kunsiderazzjonijiet segwenti.
101. Fl-ewwel lok, huma l-Istati Membri, fil-limiti imposti mit-Trattat, li għandhom jiddeċiedu l-livell ta’ ħarsien li huma jixtiequ jagħtu lis-saħħa pubblika (29).
102. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ għalhekk tipprevedi li, f’kull sptar, id-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali lill-persuni rikoverati fl-isptar għandha tkun tista’ tibbenefika mill-assistenza ta’ spiżjar, fil-kuntest ta’ pariri mogħtija lill-persunal mediku b’mod frekwenti u, jekk ikun il-każ, meta jkun irid jingħata xi trattament mediku b’mod urġenti.
103. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-professjoni ta’ spiżjar ma tikkonsistix biss fid-distrubuzzjoni ta’ prodotti mediċinali. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2005/36, li rriproduċa l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/432/KEE (30), din tinkludi wkoll l-għoti ta’ informazzjoni u pariri fuq il-prodotti mediċinali.
104. Konsegwentement, anke jekk, kif tfakkar il-Kummissjoni, huwa t-tabib li, f’kull każ konkret, jassumi r-responsabbiltà għall-użu tal- prodotti mediċinali li huwa jippreskrivi, xorta jibqa’ l-fatt li l-ispiżjar għandu kompetenza proprja, fir-rigward ta’ informazzjoni u pariri, li bis-saħħa tagħha huwa għandu jagħti l-pariri kollha meħtieġa għall-użu tajjeb ta’ dawn il-prodotti mediċinali u, jekk ikun il-każ, jindika xi żball fir-riċetta medika. Din il-kompetenza proprja tal-ispiżjara tikkostitwixxi l-ġustifikazzjoni għall-monopolju tad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku, li huwa rikonoxxut lilhom f’diversi Stati Membri.
105. Stat Membru, fil-kuntest tal-poter sovran tiegħu fil-qasam tas-saħħa pubblika, għandu d-dritt jiddeċiedi li dawn il-pariri u dan il-kontroll minn naħa ta’ spiżjar għandhom ukoll ikunu ta’ benefiċċju għall-persuni kollha rikoverati, irrispettivament mit-tip ta’ sptar u l-ispeċjalitajiet tiegħu.
106. Il-mod li bih din il-garanzija hija pprovduta jvarja ċertament skont id-daqs ta’ kull sptar u l-ispeċjalitajiet tiegħu. Wieħed jista’ jissupponi li din hija inqas fi sptar speċjalizzat fil-ġerjatrija, li jilqa’ persuni anzjani li l-ħtiġiet tagħhom fir-rigward ta’ prodotti mediċinali huma stabbli u magħrufin sew mill-persunal mediku, milli f’ċentru speċjalizzat fil-kirurġija kardjovaskulari jew li jittratta l-emerġenzi mediċi kollha.
107. Madankollu, f’dawn il-każijiet kollha, jiena tal-fehma li t-twettieq effettiv ta’ dan id-dmir ta’ għoti ta’ parir u ta’ sorveljanza tal-użu tajjeb tal-prodotti mediċinali jobbliga lill-ispiżjar imur fiżikament fl-isptar ikkonċernat, b’mod regolari u bi frekwenza li għandha tiġi determinata skont kull sptar.
108. Fil-fatt, b’kuntrast mal-Kummissjoni, jiena nqis li s-sitwazzjoni ma tistax titqabbel ma’ dik tad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku. F’dan l-aħħar każ, il-pazjent, li jkun ġie preskritt trattament mediku mit-tabib tiegħu u li sussegwentement imur għand l-ispiżjar tiegħu, huwa f’pożizzjoni li jifhem u li jimplementa l-pariri mogħtija lilu minn tali spizjar. Min-naħa l-oħra, fl-isptar, il-prodotti mediċinali jingħataw mill-persunal responsabbli għall-kura medika u l-istess pazjent spiss isib ruħu f’pożizzjoni kompletament passiva.
109. Konsegwentement, it-twettieq effettiv tad-dmir tal-ispiżjar li jagħti parir u li jissorvelja l-użu tajjeb tal-prodotti mediċinali fl-ambjent tal-isptar jimplika li l-istess spiżjar ikun f’pożizzjoni li jsir jaf huwa stess dwar is-sitwazzjoni ta’ kull persuna marida. Kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-ispiżjar għandu jifforma parti integrali mit-tim terapewtiku. Inkella, jekk l-intervent tal-ispiżjar kellu jkun limitat għall-għoti ta’ pariri telefoniċi, ir-rwol tiegħu jkun restritt għall-każijiet biss li fihom tabib tal-isptar jew membru tal-persunal responsabbli għall-kura medika jkollu dubju f’dak li jikkonċerna l-użu ta’ prodott mediċinali.
110. It-twettieq ta’ dan l-obbligu ta’ għoti ta’ parir u ta’ sorveljanza minn spiżjar estern jimplika għaldaqstant il-preżenza fiżika tiegħu fl-isptar bi frekwenza regolari kif ukoll id-disponibbiltà tiegħu fil-każ ta’ emerġenza. L-assunzjoni loġika għaldaqstant hija li dan jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fil-viċinanzi tal-isptar, għaliex, kif tfakkar il-Kummissjoni, huwa għandu wkoll ikun preżenti fl-ispiżerija tiegħu sabiex ikun jista’ jaqdi lill-pubbliku.
111. Fit-tieni lok, fil-fehma tiegħi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija ġustifikata ssostni li huwa diffiċli li l-funzjonijiet ta’ għażla tal-prodotti mediċinali u ta’ għoti ta’ parir lill-persunal tal-isptar jiġu mifrudin.
112. Fil-fatt, il-lista tal-prodotti mediċinali awtorizzati fi Stat Membru hija ħafna ikbar minn dik tal-prodotti mediċinali li l-isptar ikollu bżonn fir-realtà. Il-bżonnijiet ta’ sptar huma limitati għall-patoloġiji li huwa mitlub jikkura. Barra minn hekk, ħafna prodotti mediċinali għandhom proprjetajiet identiċi jew paragunabbli. Konsegwentement, kull sptar, fi sforz evidenti għal ġestjoni tajba, għandu jagħżel il-prodotti mediċinali neċessarji għall-oqsma ta’ kompetenza tiegħu u jevita ordnijiet inutli ta’ diversi prodotti mediċinali li jkollhom l-istess proprjetajiet.
113. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li, biex jagħżel il-prodotti mediċinali tiegħu, sptar għandu bżonn l-għajnuna ta’ spiżjar li jaf perfettament il-ħtiġiet ta’ dan l-isptar. Għaldaqstant huwa proprju l-ispiżjar responsabbli biex jagħti l-pariri fuq l-użu tal-prodotti mediċinali ġewwa l-isptar li jidher li huwa l-aħjar sabiex ikun jaf preċiżament il-bżonnijiet tal-istess sptar u jipparteċipa fil-proċess tal-għażla tal- prodotti mediċinali.
114. Fit-tielet lok, naqbel mal-opinjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li anke l-funzjonijiet ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali u ta’ kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali tal-isptar, minn naħa, u dawk ta’ għoti ta’ parir lill-persunal tal-isptar u ta’ għażla tal-prodotti mediċinali, min-naħa l-oħra, ma jistgħux jiġu mifruda. Nibbaża l-pożizzjoni tiegħi fuq żewġ raġunijiet oħra, l-ewwel ta’ natura funzjonali, it-tieni ta’ natura ekonomika.
115. Fuq il-livell funzjonali, naqbel mal-opinjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-ispiżjar li jidher li huwa fl-aħjar pożizzjoni sabiex jagħti pariri intiżi biex jiżguraw użu tajjeb tal-prodotti mediċinali u jissorveljhom huwa dak li jkun ipprovdihom jew ippreparhom.
116. Bl-istess mod, l-ispiżjar estern li jidher li jkun l-aħjar sabiex ikun jista’ jipprovdi lill-isptar bil-prodotti mediċinali kollha meħtieġa u li, fl-ispiżerija tiegħu jżomm l-istokkijiet li jippermettu li jiġu koperti fil-każijiet kollha l-bżonnijiet tiegħu jidher li huwa dak li jagħti l-pariri lill-persunal mediku u li jipparteċipa fil-proċess tal-għażla tal-prodotti mediċinali, peress illi huwa jaf perfettament il-bżonnijiet tal-isptar li jrid jiġi pprovdut.
117. Bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jiena tal-fehma li dawn id-diversi funzjonijiet huma kumplimentari u li, fuq livell funzjonali, huwa iktar razzjonali li dawn jiġu fdati lill-istess professjonist.
118. Din l-analiżi tapplika wkoll għall-funzjoni ta’ kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali tal-isptar. Kif tispjega r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sptar li jiddeċiedi li jafda l-provvista tiegħu lil spiżerija esterna jagħmel dan, b’mod partikolari, sabiex jiġi meħlus mill-obbligu li jkollu jistokkja kwantitajiet kbar ta’ prodotti mediċinali fil-bini tiegħu. Għaldaqstant, hija l-ispiżerija esterna li għandha jkollha stokkijiet ta’ prodotti mediċinali suffiċjenti sabiex tkun tista’ tkopri f’kull każ il-bżonnijiet ta’ dan l-isptar. Konsegwentement, hija tassew din l-ispiżerija li hija wkoll fl-aħjar pożizzjoni sabiex twettaq il-kontrolli regolari fuq il-kwalità u l-konservazzjoni ta’ dawn il-prodotti mediċinali.
119. Kif tindika r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hemm sinerġija bejn il-funzjonijiet ta’ provvista, ta’ għoti ta’ parir u ta’ kontroll.
120. Fuq il-livell ekonomiku, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attività ta’ għoti ta’ parir tagħmel parti integrali mill-kompitu tal-ispiżjar meta dan jagħti prodott mediċinali lil pazjent. Din ma tinvolvix ħlas addizzjonali.
121. Meta sptar jiddeċiedi li jafda l-provvista ta’ prodotti mediċinali tiegħu kollu lil spiżerija esterna, il-persunal ta’ din l-ispiżerija għandu jassumi d-dmir li jagħti parir f’dan l-isptar, inkluż fil-każ ta’ emerġenza, bl-obbligi ta’ disponibbiltà li dan jimplika, kif ukoll il-kompiti l-oħra ta’ għażla tal-prodotti mediċinali u ta’ kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali fi ħdan l-ispiżerija u fl-isptar, peress li dawn jistgħu jitqiesu bħala li jiffurmaw parti integrali mill-provvista ta’ kunsinni ta’ prodotti mediċinali. L-ispiża ta’ dawn il-kompiti supplementari hija inkluża fil-prezz tal-bejgħ tal-prodotti mediċinali. Għaldaqstant, dawn m’għandhomx jagħtu lok għal ħlas partikolari. Min-naħa l-oħra, huwa diffiċli nara kif dan jista’ jkun il-każ jekk l-ispiżjar estern responsabbli milli jwettaq tali kompiti supplimentari m’huwiex dak li jiggarantixxi l-provvisti kollha ta’ prodotti mediċinali lill-isptar.
122. Fir-realtà, l-isptar ikkonċernat isib ruħu obbligat li jimpjega spiżjar speċifikament biex ikun jista’ jwettaq dawn il-kompiti, li minħabba l-ispejjeż supplimentari inerenti għal tali reklutaġġ, ineħħi ħafna mill-vantaġġ ta’ użu ta’ spiżjar estern.
123. Ċertament, fil-prinċipju, għanijiet ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jiġġustifikaw ostakolu għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija (31). Madankollu, fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li setgħet issir deroga minn dan il-prinċipju meta l-interessi ta’ natura ekonomika jikkonċernaw iż-żamma ta’ servizz mediku ta’ sptar ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd (32), partikolarment kapaċità ta’ kura medika jew kompetenza medika fit-territorju nazzjonali (33).
124. F’dan ir-rigward, hija rrikonoxxiet li n-numru ta’ sptarijiet, it-tqassim ġeografiku tagħhom, l-organizzazzjoni tagħhom u t-tagħmir li huma jkollhom, jew ukoll in-natura tas-servizzi mediċi li huma jistgħu joffru, għandhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ppjanar min-naħa ta’ Stat Membru. Dan l-ippjanar, bħala regola ġenerali, jippermetti li fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tiġi ggarantita aċċessibbiltà suffiċjenti u permanenti għal firxa ekwilibrata ta’ kura medika ta’ kwalità fl-isptarijiet. Huwa intiż ukoll sabiex jiggarantixxi kontroll fuq l-ispejjeż u sabiex, sa fejn huwa possibbli, tiġi evitata kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani (34).
125. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali ħela tkun iktar u iktar ta’ ħsara inkwantu huwa paċifiku li s-settur tal-kura medika fl-isptar jiġġenera spejjeż konsiderevoli u għandu jissodisfa bżonnijiet li dejjem jikbru, filwaqt illi r-riżorsi finanzjarji li jistgħu jiġu ddedikati għall-kura medika tas-saħħa m’humiex, irrispettivament mill-mod ta’ finanzjament użat, illimitati (35).
126. Jiena tal-fehma li dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu applikati f’din il-kawża u li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet validament tipprevedi li l-provvista ta’ prodotti mediċinali lil sptar ma setatx tiġi mifruda mill-kompiti l-oħra ta’ għoti ta’ parir lill-persunal tal-isptar, ta’ għażla tal-prodotti mediċinali u ta’ kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali tal-isptar, sabiex jiġi garantit livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika filwaqt li tinżamm provvista ta’ kura medika fl-isptar li tkun razjonalizzata.
127. Barra minn hekk, ma nsib ebda element fil-proċess li jippermetti li jiġi ssopponut li l-kundizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tat-tieni frażi tal-Artikolu 30 KE, kif ġiet interpretata fis-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1979, Henn u Darby (36). Fil-fatt, ma jidhirx li kien hemm diverġenza mill-għanijiet tal-motiv ta’ saħħa pubblika invokat biex jiġu ġġustifikati l-kundizzjonijiet ikkontestati u li dan ġie użat b’mod sabiex isiru diskriminazzjonijiet fir-rigward ta’ merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra jew sabiex jiġu protetti b’mod indirett ċerti prodotti nazzjonali.
128. Għaldaqstant, l-obbligu għal fornitur wieħed li jassumi l-aspetti kollha tal-provvista ta’ prodotti mediċinali lil sptar u r-rekwiżit ta’ viċinanza ġeografika li tirriżulta minn dan, fil-fehma tiegħi, huma ġġustifikati mill-ħarsien tas-saħħa pubblika. Il-fatt li, f’diversi Stati Membri, il-provvista ta’ prodotti mediċinali lil sptar issir esklużivament minn spiżerija interna jidhirli li huwa wkoll tali li jikkonferma din l-analiżi.
129. Fil-konfront ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni ssostni wkoll li hija ma tikkontestax il-fatt li sptar jista’ jipprevedi tali kundizzjonijiet. Madankollu, hija tqis li l-isptarijiet għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu huma stess li jafdaw lil spiżerija waħda l-provvista bażika, il-provvisti ta’ emerġenza, il-kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali u l-parir lill-persunal tal-isptar.
130. Jiena minix tal-istess fehma. Kif indikajt diġà, Stat Membru għandu d-dritt jiddefinixxi l-livell ta’ ħarsien tas-saħħa li huwa jrid jiżgura fit-territorju tiegħu. Għaldaqstant, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha d-dritt timponi li jkun garantit l-istess livell ta’ ħarsien fl-isptarijiet kollha.
131. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad bħala infondat ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Kummissjoni u tordna lill-istess Kummissjoni tbati l-ispejjeż, skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
VI – Konklużjoni
132. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet suesposti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bħala infondat u tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra p. I‑6097, punt 16.
3 – Iktar ’il quddiem l-“ApoG”.
4 – C‑322/01, Ġabra p. I‑14887, punt 113.
5 – Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkwota s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Hanner (C‑438/02, Ġabra p. I‑4551).
6 – Il-moviment tal-prodotti mediċinali fi ħdan l-Unjoni Ewropea ġie ffaċilitat bl-adozzjoni ta’ diversi direttivi li armonizzaw il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali għal tqegħid fis-suq kif ukoll bir-regoli applikabbli għad-distribuzzjoni bl-ingrossa, il-klassifikazzjoni ta’ prodotti mediċinali, it-tikkettjar u r-reklamar. Il-kontenut ta’ dawn id-direttivi ġie miġbur fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2001/83/KE tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, p. 67). Il-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa wkoll awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq Komunitarju, li hija valida fl-Istati Membri kollha, u li attwalment hija rregolata mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 726/2004 tal-31 ta’ Marzu 2004, li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, p.1). Fl-aħħar nett, il-moviment liberu tal-prodotti mediċinali ġie wkoll iffaċilitat bl-adozzjoni, fl-1985, ta’ direttivi li jistabbilixxu l-livell minimu ta’ taħriġ tal-ispiżjara u l-ambitu tal-attivatijiet professjonali li huma jistgħu jeżerċitaw. Dawn id-direttivi ġew issostitwiti bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/36/KE tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, p.22).
7 – F’dan is-sens ara s-sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq (punt 102).
8 – F’dan is-sens ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punt 26 u l-ġurispurdenza ċċitata).
9 – Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, De Groot en Slot Allium u Bejo Zaden (C‑147/04, Ġabra p. I‑245, punt 70).
10 – Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2007, Rosengren et (C‑170/04, Ġabra p. I‑4071, punti 31 u 32).
11 – Sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq (punt 16).
12 – F’dan is-sens ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2000, TK‑Heimdienst (C‑254/98, Ġabra p. I‑151, punt 24).
13 – Din kienet leġiżlazzjoni li kienet tipprevedi li l-furnara, il-bejjiegħa tal-laħam u l-kummerċjanti ta’ prodotti tal-ikel setgħu jipprattikaw il-bejgħ ambulanti f’distrett amministrattiv partikolari biss jekk huma kienu jeżerċitaw ukoll l-attività kummerċjali tagħhom fi stabbiliment fiss, li fih huma joffru wkoll il-merkanzija li joffru fil-bejgħ ambulanti, li jkun jinsab f’dan id-distrett amministrattiv jew f’muniċipalità li tmiss, li tista’, skont il-każ, tkun tinsab fi Stat Membru ieħor.
14 – Sentenza TK‑Heimdienst, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27). Din l-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 28 KE kienet diġà ngħatat fis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía (C‑1/90 u C‑176/90, Ġabra p. I‑4151, punt 24).
15 – Artikolu 3(1)(c) KE.
16 – Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2001/83.
17 – B’mod partikolari, ara s-sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq (punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑166/03, Ġabra p. I‑6535, punt 15).
19 – Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1968, Il-Kummissjoni vs L-Italja (7/68, Ġabra p. 617, 626).
20 – Sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1989, Schumacher (215/87, Ġabra p. 617, punt 18), u Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq (punt 104).
21 – Ara b’mod partikolari, fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punt 40); fil-qasam kriminali, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, Ġabra p. 195, punt 19), u, fil-qasam tas-sigurtà pubblika, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C‑285/98, Ġabra p. I‑69, punti 15 u 16).
22 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra p. 1141, 1159 u 1160).
23 – F’dan is-sens ara s-sentenza Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía, iċċitata iktar ’il fuq (punt 16).
24 – Dan il-metodu ta’ raġunament japplika għal-libertajiet ta’ moviment kollha u għall-attivitajiet ekonomiċi kollha. B’hekk pereżempju, fil-qasam tal-logħob tal-azzard, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-karatteristiċi ta’ ordni morali, reliġjuża jew kulturali kif ukoll il-konsegwenzi moralment u finanzjarjament dannużi għall-individwu u għas-soċjetà li huma relatati mal-logħob u l-imħatri jistgħu jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-eżistenza favur l-awtoritajiet nazzjonali ta’ poter diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jiġu ddeterminati l-ħtiġiet li jinkludu l-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ordni soċjali. Madankollu, huwa fil-kuntest tal-analiżi tal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà tal-istabbiliment u tal-provvista tas-servizzi kkaġunata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni din is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri [sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punti 47 u 48)].
25 – Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑254/05, Ġabra p. I‑4269, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 – Sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq (punt 103).
27 – Sentenza Rosengren et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43).
28 – Ibidem (punt 50).
29 – Sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq (punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 – Direttiva tas-16 ta’ Settembru 1985 li tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija (ĠU L 253, p. 34).
31 – Sentenza tat-28 ta’ April 1998, Decker (C‑120/95, Ġabra p. I‑1831, punt 39).
32 – Sentenza tad-19 ta’ April 2007, Stamatelaki (C‑444/05, Ġabra p. I‑3185, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 – Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet (C‑385/99, Ġabra p. I‑4509, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 – Ibidem (punti 77 sa 80).
35 – Ibidem (punt 80).
36 – 34/79, Ġabra p. 3795, punt 21.
Full & Egal Universal Law Academy