KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-2 ta’ April 2009 1(1)
Kawża C‑166/07
Il-Parlament Ewropew
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1968/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007‑2010) – Għażla tal-bażi legali – Artikolu 308 KE – It-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE – Tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali – Azzjonijiet speċifiċi neċessarji mhux konnessi mal-Fondi Strutturali – Konsolidazzjoni tal-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq”
1. Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1968/2006, tal-21 ta’ Diċembru 2006 (2), li permezz tiegħu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa l-modalitajiet għall-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità fil-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (3) għall-perjodu 2007‑2010. Dan ir-regolament ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 308 KE.
2. Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament isostni li dak l-Artikolu ma setax jintuża bħala bażi legali għar-regolament. Skont huwa, il-miżuri li jinsabu fir-Regolament ikkontestat jaqgħu taħt it-titolu XVII tat-Trattat KE li jirrigwarda l-koeżjoni ekonomika u soċjali, u, b’mod aktar partikolari, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk qed tintalab tevalwa jekk miżuri intiżi biex jikkonsolidaw il-proċess ta’ paċi u biex iħeġġu r-rikonċiljazzjoni bejn gruppi ta’ popolazzjoni maqsuma f’reġjun tal-Komunità jistgħux jitqiesu jew le bħala li jiffurmaw parti integrali mill-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali rregolata mit-titolu XVII tat-Trattat.
3. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nagħti r-raġunijiet għalfejn fil-fehma tiegħi dan il-motiv li jallega għażla żbaljata tal-bażi legali huwa fondat.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt primarju
4. L-Artikolu 158 KE jipprovdi:
“Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, il-Komunità għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdanha.
B’mod partikolari, il-Komunità għandu jkollha l-iskop li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni jew gżejjer li huma anqas favoriti, inklużi iż-żoni rurali.”
5. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 159 KE:
“[…] Il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ kull politika u azzjoni tal-Komunità u l-implimentazzjoni tas-suq intern għandhom jieħdu in konsiderazzjoni il-miri imsemmija fl-Artikolu 158 u jwasslu għat-twettiq tagħhom. Il-Komunità għandha wkoll tappoġġa t-twettiq ta’ dawn il-miri imsemmija, bl-azzjoni li tieħu permezz tal-Fondi Strutturali (il-Fond Ewropew għall-Gwida u l-Garanziji fl-Agrikoltura [FEGGA], Sezzjoni tal-Gwida; il-Fond Soċjali Ewropew [FSE]; il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew [Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali FEŻR]), il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u tal-bqija ta’ l-istrumenti finanzjarji eżistenti.”
6. Barra minn hekk, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE jipprovdi:
“Jekk jinħass il-bżonn li jkun hemm azzjonijiet speċifiċi barra [mhux konnessi ma]l-Fondi u bla preġudizzju għall-miżuri deċiżi fil-qafas tal-politika l-oħra tal-Komunità, dawk l-azzjonijiet jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill li jkun jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 u wara li jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u l-Kumitat tar-Reġjuni.”
7. Minbarra dan, skont l-Artikolu 308 KE:
“Jekk ikun jidher meħtieġ li l-Komunità tieħu azzjoni biex jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, fit-tħaddim tas-suq komuni, u jekk dan it-Trattat ma jkunx ipprovda għal xi setgħa t’azzjoni hekk meħtieġa għal dan il-għan, il-Kunsill, b’vot unanimu fuq proposta mil-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jieħu l-passi xierqa.”
B – It-Trattat Anglo-Irlandiż tal-1985 u l-ftehim dwar Fond Internazzjonali għall-Irlanda
8. Fil-15 ta’ Novembru 1985, l-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit ffirmaw ftehim (4) f’Hillsborough li permezz tiegħu huma ntrabtu li jikkooperaw biex “jassiguraw il-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità fil-gżira kollha billi jippromwovu r-rikonċiljazzjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali” (5).
9. Fost l-oqsma ta’ azzjoni previsti minn dan it-Trattat Anglo-Irlandiż nsibu, skont l-intestatura tat-titolu F tal-imsemmi Trattat, il-kooperazzjoni transkonfinali fl-oqsma ekonomiċi, soċjali u kulturali. B’hekk, l-Artikolu 10(a) tat-Trattat Anglo-Irlandiż jipprovdi li “[i]ż-żewġ gvernijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni taż-żewġ partijiet tal-Irlanda li sofrew l-aktar mill-konsegwenzi tal-instabbiltà ta’ dawn l-aħħar snin u ser jeżaminaw il-possibilità li jiksbu għajnuna internazzjonali għal dan il-għan”.
10. B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni u biex jimplementaw l-objettiv imsemmi fiha, l-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit ikkonkludew, fit-18 ta’ Settembru 1986, ftehim li joħloq il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (6).
11. Fil-preambolu ta’ dan il-ftehim, l-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit jirrikonoxxu li “qgħad serju u deprivazzjoni multipla joħolqu klima li tiġġenera l-instabbiltà u li din l-instabbiltà u kunflitt joħolqu kundizzjonijiet ostili għall-progress ekonomiku u soċjali”.
12. Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi ftehim, “l-għan tal-[FII] hu li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u li jippromwovi l-kuntatti, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti fl-Irlanda kollha”.
13. L-Artikolu 3 tal-ftehim FII jippreċiża li, “[g]ħal dan il-għan, l-[FII] jistimula l-investimenti privati u l-ispirtu intraprenditorjali; dan jissupplimenta l-programmi governattivi u jħeġġeġ l-isforz volontarju […]. Fid-dawl tal-problemi speċifiċi tal-Irlanda ta’ Fuq li huma marbuta mal-instabbiltà ta’ dawn l-aħħar snin, madwar tliet kwarti tar-riżorsi tal-[FII] ser jintefqu hemmhekk”.
14. L-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim jelenka l-kategoriji ta’ proġetti li bħala prijorità għandhom jiġu ffinanzjati mill-FII. Essenzjalment, jissemmew l-investimenti fis-settur privat, il-proġetti ta’ kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam ekonomiku, fl-edukazzjoni u r-riċerka, proġetti intiżi biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għixien tal-abitanti tar-reġjuni li għandhom problemi ekonomiċi u/jew soċjali serji, bħal livell għoli ta’ qgħad jew nuqqas ta’ infrastrutturi, kif ukoll il-proġetti ta’ taħriġ professjonali f’pajjiżi barranin.
15. Mill-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmi ftehim jirriżulta li l-FII huwa organizzazzjoni internazzjonali li tagħha l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq huma membri, u li huwa għandu personalità ġuridika. L-FII huwa mmexxi minn bord li l-president u l-membri tiegħu huma maħtura mill-Irlanda u mill-Gvern tar-Renju Unit flimkien. Jekk ikunu jixtiequ, il-pajjiżi donaturi (l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada, New Zealand, l-Awstralja u l-Komunità Ewropea) jistgħu jinnominaw osservaturi li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-bord (7).
16. Il-Komunità ilha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-FII sa mill-1989 (8). Huwa previst li l-ħidmiet tal-FII ser ikomplu sal-2010.
C – Ir-Regolament ikkontestat
17. L-iskop tar-Regolament ikkontestat huwa li jiffissa l-qafas li fi ħdanu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-FII jitħallsu għas-snin 2007, 2008, 2009 u 2010. L-ammont ta’ riferiment għall-perjodu 2007‑2010 jammonta għal EUR 60 miljun.
18. Ir-Regolament ikkontestat ġie adottat abbażi tal-Artikolu 308 KE (9).
19. Skont it-tieni premessa ta’ dan ir-regolament, il-Komunità “tirrikonoxxi li l-objettivi tal-Fond huma riflessjoni ta’ dawk segwiti minnha stess”.
20. Mit-tielet premessa tal-imsemmi regolament jirriżulta li “[i]l-valutazzjonijiet imwettqa skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 177/2005[(10)] kkonfermaw il-ħtieġa għal appoġġ ulterjuri għal attivitajiet tal-[FII], filwaqt li tissokta s-sinerġija ta’ tisħiħ ta’ objettivi u koordinazzjoni ma’ l-interventi tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari mal-Programm Speċjali għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq u l-Pajjiżi Konfinali ta’ l-Irlanda (minn hawn ’il quddiem “il-programm PEACE”) stabbilit skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [(11)]”. Il-leġiżlatur Komunitarju b’hekk ikkunsidra li l-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq jeħtieġ iż-żamma tal-appoġġ tal-Komunità favur l-FII wara l-31 ta’ Diċembru 2006 (12).
21. Skont is-sitt premessa tar-Regolament ikkontestat, “[l]-għan ewlieni [tiegħu] hu li jappoġġa l-paċi u r-rikonċiljazzjoni permezz ta’ firxa ta’ attivitajiet usa’ minn dawk koperti mill-Fondi Strutturali, u li testendi lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali”.
22. Il-ħmistax-il premessa ta’ dan ir-regolament tippreċiża li “[l]-istrateġija tal-[FII] imniedi għall-fażi finali ta’ l-attivitajiet tiegħu (2006-2010) u intitolata “Naqsmu dan l-Ispazju” tiffoka fuq erba’ oqsma ewlenin: il-bini ta’ pedamenti għal rikonċiljazzjoni fl-aktar komunitajiet marġinalizzati, il-bini ta’ pontijiet għall-kuntatt bejn komunitajiet maqsuma, progress lejn soċjetà aktar integrata u t-tramandar ta’ patrimonju. Konsegwentement, l-għan aħħari tal-[FII] u ta’ dan ir-Regolament huwa, għalhekk, sabiex jinkoraġġixxi r-rikonċiljazzjoni inter-komunitarja.”
23. Fis-sittax-il premessa tal-imsemmi regolament, il-leġiżlatur Komunitarju jindika li “[l]-appoġġ Komunitarju ser jikkontribwixxi sabiex isaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u bejn il-popli tagħhom”.
24. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat:
“Il-kontribuzzjoni għandha tintuża mill-[FII] skond il-Ftehim [FII].
Fl-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni l-[FII] għandu jagħti prijorità għal proġetti ta’ natura transkonfinali u transkomunitarja, b’tali mod li jikkomplementa l-attivitajiet finanzjati mill-Fondi Strutturali, u speċjalment dawk tal-Programm PEACE li jopera fl-Irlanda ta’ Fuq u l-Pajjiżi Konfinali ta’ l-Irlanda.
Il-kontribuzzjoni għandha tintuża b’tali mod li twassal għal titjib sostenibbli ekonomiku u soċjali fl-oqsma kkonċernati. Hija m’għandhiex tintuża bħala sostitut għal infiq ieħor pubbliku jew privat.”
25. Skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, il-kontribuzzjonijiet tal-Komunità lejn l-FII huma amministrati mill-Kummissjoni. Suġġett għal dak li jipprovdi l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, il-kontribuzzjoni annwali għandha titħallas permezz tal-ħlasijiet li ġejjin:
“a) l-ewwel ħlas bil-quddiem ta’ 40 % għandu jsir wara li l-Kummissjoni tkun irċeviet garanzija, iffirmata mill-President tal-Bord tal-[FII], li tiddikjara li l-[FII] għandu jikkonforma mal-kondizzjonijiet ta’ l-għotja tal-kontribuzzjoni stabbilita f’dan ir-Regolament;
b) it-tieni ħlas bil-quddiem ta’ 40 % għandu jsir sitt xhur wara;
c) ħlas finali ta’ 20 % għandu jsir wara li l-Kummissjoni tkun irċeviet u aċċettat ir-rapport annwali dwar l-attività tal-Fond u l-kontijiet verifikati għas-sena in kwistjoni.”
D – Il-programm PEACE u r-Regolament (KE) Nru 1083/2006
26. Il-programm PEACE huwa inizjattiva Komunitarja li ttieħdet fil-kuntest tal-Fondi Strutturali u li għandu l-għan li jippromwovi l-progress lejn l-istabbiliment ta’ soċjetà paċifika u stabbli kif ukoll li jippromwovi r-rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq u fir-reġjuni mal-fruntiera tal-Irlanda. Il-programm PEACE ġie stabbilit għall-ewwel darba matul il-perjodu tal-ipprogrammar 1995‑1999 (PEACE I) u sussegwentement ġie mġedded għall-perjodi 2000‑2006 (PEACE II) u 2007‑2013 (PEACE III).
27. Fir-rigward tal-perijodu tal-ipprogrammar fis-seħħ (2007‑2013), il-programm PEACE ġie implementat bħala programm transkonfinali fis-sens tal-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.
28. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1083/2006 jiddeskrivi l-objettivi tal-Fondi Strutturali skont kif ġej:
“1. L-azzjoni meħuda mill-Komunità taħt l-Artikolu 158 tat-Trattat għandha tkun imfassla sabiex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mkabbra sabiex jitmexxa ’l quddiem l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli tal-Komunità. […] Hija għandha tkun immirata sabiex tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali li żviluppaw b’mod partikolari f’pajjiżi u reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura u b’rabta mar-ristrutturazzjoni ekonomika u soċjali u max-xjuħija tal-popolazzjoni.
L-azzjoni meħuda taħt il-Fondi għandha tinkorpora, fil-livelli nazzjonali u reġjonali, il-prijoritajiet Komunitarji favur żvilupp sostenibbli billi jissaħħu t-tkabbir, il-kompetittività, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll bil-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent.
2. Għal dak il-għan, il-FEŻR, l-FES, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-BEI u l-istrumenti finanzjarji tal-Komunità eżistenti l-oħra għandhom kull wieħed jikkontribwixxu bil-mod dovut lejn il-kisba tat-tliet objettivi li ġejjin:
[…]
c) l-objettiv ta’ Koperazzjoni Territorjali Ewropea li għandu jkun immirat lejn it-tisħiħ tal-koperazzjoni transkonfinali permezz ta’ inizjattivi lokali u reġjonali konġunti, it-tisħiħ tal-koperazzjoni transnazzjonali permezz ta’ azzjonijiet li jwasslu għal żvilupp territorjali integrat marbut mal-prijoritajiet Komunitarji, u t-tisħiħ tal-koperazzjoni interreġjonali u l-iskambju ta’ esperjenzi fil-livell territorjali xieraq.
[...]”
29. Skont il-punt 22 tal-Anness II ta’ dan l-istess regolament, il-programm PEACE għandu jiġi implementat “sabiex jippromwovi l-istabbiltà soċjali u ekonomika fir-reġjuni konċernati, jinkludi, b’mod partikolari, azzjonijiet sabiex jippromwovu l-koeżjoni bejn il-komunitajiet. Iż-żona eliġibbli tkun l-Irlanda ta’ Fuq kollha u l-pajjiżi fil-fruntieri ta’ l-Irlanda. Dan il-programm ser jiġi implementat taħt l-objettiv ta’ Koperazzjoni Territorjali Ewropea”.
II – Il-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat
30. Kif diġà indikajt, il-Komunità ilha tikkontribwixxi finanzjarjament għall-FII sa mill-1989. Ir-Regolament Nru 177/2005 kien jinkludi d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-perjodu 2005‑2006. Skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni trid tippreżenta lill-awtorità baġitarja, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2006, rapport li jevalwa r-riżultati tal-attivitajiet tal-FII u n-neċessità li l-kontribuzzjonijiet jibqgħu jingħataw wara l-2006, wara li jitqiesu l-iżviluppi fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq.
31. Fit-12 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rapport (13), fejn hija kkonkludiet li l-kontribuzzjoni Komunitarja għandha tiġi mġedda. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni, fl-istess ħin, issottomettiet lill-Kunsill proposta ta’ regolament (14) bil-għan li l-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-FII tkompli tingħata għall-perjodu 2007‑2010.
32. Il-proposta tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 308 KE, li jeħtieġ l-unanimità fi ħdan il-Kunsill u l-konsultazzjoni tal-Parlament. Wara li ġie ppreżentat b’din il-proposta, u bil-kunsens tal-kumitat tiegħu dwar l-affarijiet legali, il-Parlament approvaha b’riżoluzzjoni leġiżlattiva tat-13 ta’ Diċembru 2006 (15), soġġetta għal emenda waħda li tissostitwixxi l-Artikolu 308 KE bl-Artikolu 159 KE bħala bażi legali tar-regolament.
33. Fil-21 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 308 KE.
III – It-talbiet tal-partijiet
34. Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla r-Regolament ikkontestat minħabba li dan ma ġiex adottat fuq bażi legali korretta, u
– tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
35. Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala infondat, u
– tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;
– sussidjarjament, b’mod konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, iżżomm l-effetti tar-Regolament ikkontestat sal-adozzjoni ta’ regolament ġdid u tiddeċiedi li l-annullament ma jaffettwax il-validità tal-ħlasijiet li saru u lanqas tal-impenji li ngħataw abbażi tar-Regolament ikkontestat.
36. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni, l-Irlanda u r-Renju Unit tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.
IV – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
37. Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament jinvoka motiv wieħed biss ibbażat fuq għażla żbaljata tal-bażi legali tar-Regolament ikkontestat. Huwa jsostni li l-leġiżlatur Komunitarju kien żbaljat meta adotta dan ir-regolament abbażi tal-Artikolu 308 KE, meta huwa kellu s-setgħat meħtieġa għal dan il-għan abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE.
38. Il-Parlament ifakkar, fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-użu tal-Artikolu 308 KE bħala bażi legali ta’ att huwa ġġustifikat biss jekk ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattat KE ma tagħti lill-istituzzjonijiet Komunitarji s-setgħa neċessarja biex jiġi adottat dak l-att (16). Huwa jindika, fit-tieni lok, li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE jagħti lill-istituzzjonijiet is-setgħa biex jadottaw l-azzjonijiet speċifiċi li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 158 KE biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali. L-espressjoni “biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali” li tinsab f’dak l-Artikolu tiġbor fi ħdanha kull azzjoni, irrispettivament mill-forma ġuridika jew il-portata territorjali, intiża biex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tal-Komunità kollha, it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali kif ukoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-popli tal-Komunità. Dan huwa s-sens li fih ġew implementati l-objettivi tal-imsemmi Artikolu f’għadd kbir ta’ atti Komunitarji, kemm fil-qafas tal-Fondi Strutturali kif ukoll mingħajr konnessjoni ma’ dawk il-Fondi.
39. Skont il-Parlament, l-għanijiet segwiti mill-Komunità, kemm permezz tal-kontribuzzjoni tagħha lill-FII kif ukoll fil-kuntest tal-programm PEACE, jikkoinċidu. Dawn jirrigwardaw it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u tas-solidarjetà bejn il-popolazzjonijiet tal-Irlanda ta’ Fuq u tar-reġjuni fil-konfini tal-Irlanda. Dawn l-għanijiet jaqgħu taħt il-“koeżjoni ekonomika u soċjali” fis-sens tal-Artikolu 158 KE. Effettivament, il-Parlament huwa tal-fehma li ma jistax ikun hemm tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fir-reġjuni kkonċernati jekk ma jkunx hemm rikonċiljazzjoni u fehim reċiproku bejn il-komunitajiet. Huwa jispjega, f’dan ir-rigward, li n-nuqqas ta’ konċiljazzjoni bejn il-komunitajiet huwa fl-istess ħin wieħed mill-effetti ta’ sitwazzjoni ta’ sottożvilupp ekonomiku u soċjali u l-kawża tal-persistenza ta’ tali sitwazzjoni. B’hekk, jekk tiġi indirizzata l-problema tar-rikonċiljazzjoni dan ikun ifisser li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fis-sens indikat mill-Artikolu 158 KE.
40. Il-Parlament jenfasizza wkoll il-fatt li l-operazzjonijiet tal-FII jikkomplementaw dawk tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari tal-programm PEACE. Fil-perjodu ta’ programmar fis-seħħ, huwa previst li l-operazzjonijiet tal-programm PEACE jiġu allinjati mal-prijoritajiet definiti mill-FII fil-kuntest tal-istrateġija msejħa “Naqsmu dan l-Ispazju”, li għandhom jispiraw l-attivitajiet tal-FII sal-2010. B’hekk, il-programm PEACE għandu jiġi implementat billi essenzjalment jiġu segwiti żewġ prijoritajiet strateġiċi, li jikkonċernaw rispettivament ir-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet u l-kontribuzzjoni lejn soċjetà kondiviża. Dawn il-prijoritajiet jikkorrispondu għat-temi fundamentali li fuqhom l-FII għandu jikkonċentra l-attivitajiet tiegħu. Barra minn hekk, il-Parlament jindika li l-omoġeneità u l-koerenza bejn l-operazzjonijiet tal-FII u dawk tal-Fondi Strutturali huma riflessi wkoll fil-ġestjoni konkreta ta’ dawk l-operazzjonijiet.
41. Huwa importanti, sabiex jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 308 KE jistax iservi jew le bħala bażi legali għar-Regolament ikkontestat, li jiġu ddeterminati l-għanijiet li dan ir-regolament kien intiż li jsegwi billi ta kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-FII, u mhux l-għanijiet tal-FII. It-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat jissoġġettaw l-użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità għal kundizzjonijiet preċiżi, maħsuba biex jiggarantixxu li l-azzjonijiet hekk iffinanzjati effettivament jibqgħu fi ħdan l-objettivi segwiti mill-Komunità abbażi tal-politika tagħha ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. Il-Parlament jenfasizza li, b’mod konformi mal-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament ikkontestat, il-ħarsien ta’ dawn il-kundizzjonijiet mill-FII huwa neċessarju sabiex jinkiseb il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet Komunitarji inkwisjtoni. B’hekk, anki jekk nassumu li l-ambitu ta’ intervent tal-FII, kif iddefinit mill-ftehim FII, imur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, ir-riżorsi finanzjarji tal-Komunità madankollu għandhom jiġu assenjati bħala prijorità għal proġetti li, b’mod konformi mat-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat, “jikkomplementa[w] l-attivitajiet finanzjati mill-Fondi Strutturali” u fi kwalunkwe każ għal proġetti li jistgħu jwasslu għal “titjib sostenibbli ekonomiku u soċjali fl-oqsma kkonċernati”, jiġifieri proġetti li jkunu jinsabu b’mod ċar fi ħdan l-objettivi tal-Artikolu 158 KE. B’hekk, ir-Regolament ikkontestat ma jsegwix għanijiet oħrajn jew aktar wesgħin minn dawk iddefiniti fl-Artikolu 158 KE. Is-sitt premessa ta’ dan ir-regolament hija sempliċement dikjarazzjoni tal-intenzjoni tal-Kunsill intiża biex tiġġustifika l-użu tal-Artikolu 308 KE, u ma tirriflettix il-kontenut u l-għanijiet tar-regolament.
42. Il-Parlament josserva wkoll li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE, la jippreċiża s-setturi li fihom jistgħu jittieħdu l-azzjonijiet speċifiċi u lanqas il-forom li jistgħu jieħdu dawk l-azzjonijiet. Barra minn hekk, ma hemm xejn fit-test ta’ dan l-Artikolu li jindika li azzjonijiet speċifiċi ma jistgħux jieħdu l-forma ta’ interventi ad hoc jew iżolati bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, f’każ fejn jirriżulta li dan ikun meħtieġ.
43. Finalment, il-Parlament jargumenta li la l-Artikolu 159 KE u lanqas ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (17) ma jipprekludu li l-finanzjament ta’ azzjoni speċifika fis-sens tat-tielet paragrafu ta’ dak l-Artikolu isir permezz ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Waqt li jirrimarka li r-regoli li jinsabu f’dan ir-regolament finanzjarju ma jista’ jkollhom ebda effett fuq l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju, huwa jindika li diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jipprovdu espressament għall-possibbiltà ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità għal strumenti finanzjarji esterni għal din tal-aħħar kif ukoll għall-possibbiltà li l-baġit jiġi implementat permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.
44. Il-Kunsill huwa tal-fehma, għall-kuntrarju, li t-titolu XVII tat-Trattat KE ma jipprovdix għall-poteri ta’ azzjoni meħtieġa għall-attività tal-FII u b’hekk ma jistax jipprovdi bażi legali adegwata biex jiġġustifika l-għoti lil dan tal-aħħar ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità.
45. Huwa jindika, fl-ewwel lok, li l-istruttura u l-ispirtu ġenerali tal-Artikoli 158 KE u 159 KE huma tali li l-kunċett ta’ azzjonijiet speċifiċi għandu jinftiehem fis-sens li jagħmel parti mill-objettivi msemmija fl-Artikolu 158 KE. Għaldaqstant, skont il-Kunsill, l-adozzjoni ta’ azzjoni speċifika mhux konnessa mal-Fondi Strutturali tikkostitwixxi mezz li għandu jintuża, fuq l-istess bażi bħall-parteċipazzjoni tal-Komunità permezz ta’ dawn il-Fondi, biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità, u dan sabiex jiġi promoss l-iżvilupp armonjuż globali tagħha.
46. Il-Kunsill jirrimarka li l-inkuraġġiment tal-istabbiliment ta’ kuntatt, tad-djalogu u tar-rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti fil-gżira tal-Irlanda jikkostitwixxi element ċentrali tar-Regolament ikkontestat. Dan huwa, fil-fehma tiegħu, objettiv li evidentement ma jistax jiġi inkluż fil-portata tal-Artikolu 158 KE, li huwa intiż biex jippromwovi żvilupp armonjuż u, b’mod partikolari, biex inaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tad-diversi reġjuni tal-Komunità.
47. Fil-kuntest storiku u politiku li ta lok għall-inizjattiva internazzjonali li għaliha l-Komunità tikkontribwixxi permezz tar-Regolament ikkontestat, in-nuqqas ta’ konċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti fit-territorji koperti mill-FII huwa meqjus bħala ostakolu għat-tmexxija ta’ politika effettiva ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. Il-kontribuzzjoni għat-tneħħija ta’ dan l-ostakolu għandha titqies bħala prerekwiżit għall-effettività tal-politika ta’ koeżjoni.
48. Il-Kunsill jirrileva, fit-tieni lok, li għall-kuntrarju tal-FII, il-programm PEACE huwa inizjattiva Komunitarja li l-miżuri tagħha huma ffinanzjati abbażi tal-FEŻR. Il-bażi legali tal-programm PEACE ma tagħtihx is-setgħat biex ikopri l-azzjonijiet kollha li huma attwalment koperti mill-FII, u dan minkejja l-fatt li ċerti azzjonijiet li jistgħu jiġu ffinanzjati miż-żewġ strumenti, fil-prattika huma ffinanzjati mit-tnejn. Dawn iż-żewġ strumenti jindirizzaw b’mod parallel żewġ aspetti tal-problema Irlandiża li jikkostitwixxu, minn naħa waħda, l-instabbiltà u l-kunflitt, u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, għalkemm għandhom punt ta’ tluq differenti. Effettivament, l-FII jimmira lejn ir-rikonċiljazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-koeżjoni, waqt li l-programm PEACE jimmira lejn il-koeżjoni biex jiffaċilita r-rikonċiljazzjoni.
49. Il-Kunsill u l-Irlanda jenfasizzaw li l-FII huwa organizzazzjoni internazzjonali li fiha l-Komunità tipparteċipa biss finanzjarjament permezz tar-Regolament ikkontestat, li l-Komunità mhijiex membru tal-FII u li l-FII inħoloq indipendentement mir-rieda tagħha. Madankollu, it-titolu XVII tat-Trattat KE jikkonċerna mezzi ta’ azzjoni li huma tal-Komunità stess u li huma ġestiti skont il-modalitajiet tal-kuntest regolatorju Komunitarju, inkluż ir-regolament finanzjarju tal-Komunità. Skont il-Kunsill, la dan it-titolu u lanqas il-kuntest regolatorju Komunitarju ma jistgħu japplikaw għal organizzazzjoni internazzjonali li tagħha l-Komunità ma tkunx membru, anki jekk, f’mument partikolari, jirriżulta li l-prijorità tal-FII tkun il-koeżjoni ekonomika aktar milli r-rikonċiljazzjoni.
50. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tannulla r-Regolament ikkontestat, il-Kunsill, bħall-Kummissjoni, l-Irlanda u r-Renju Unit, jitlob, sussidjarjament, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, li l-effetti ta’ dan ir-regolament jinżammu sa meta jiġi adottat regolament ġdid, u li l-annullament ma jaffettwax il-validità tal-ħlasijiet li laħqu saru jew tal-impenji li ngħataw abbażi tar-Regolament ikkontestat, u dan għal motivi importanti ta’ ċertezza legali relatati kemm mal-proġetti li jinsabu għaddejjin kif ukoll mal-aspettattivi leġittimi tal-amministrazzjoni tal-FII.
51. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 308 KE jikkostitwixxi l-bażi legali adattata għall-adozzjoni tal-miżuri li jinsabu fir-Regolament ikkontestat.
52. Hija targumenta, fil-fatt, li l-iżvilupp ekonomiku u soċjali msemmi fit-Trattat Anglo-Irlandiż, għalkemm huwa importanti, qatt ma kien objettiv fih innifsu. Dan intgħażel, fost mezzi oħrajn, bħala mezz biex jiġu żgurati paċi sostenibbli u stabbiltà f’reġjun milqut minn diviżjonijiet bejn it-tradizzjonijiet prinċipali rrappreżentati hemmhekk. F’din il-perspettiva, il-ftehim FII huwa bbażat primarjament fuq l-eżistenza ta’ instabbiltà politika, u l-FII stabbilit mill-ftehim għandu l-għan li jnaqqas, jew li jelimina, dik l-instabbiltà politika permezz ta’, inter alia, mezzi ekonomiċi u soċjali. Għaldaqstant ikun żbaljat jekk l-aspett ekonomiku u soċjali jitqies bħala objettiv fih innifsu, għaliex tali interpretazzjoni tinjora l-kuntest politiku u ġuridiku tal-ftehim FII.
53. Fil-qosor, ir-Regolament ikkontestat għandu l-għan li jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-FII li għandha tintuża b’mod konformi mal-ftehim FII, u dak il-ftehim, bl-istess mod bħat-Trattat Anglo-Irlandiż li ispirah, għandu bħala skop uniku l-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Il-Kummissjoni b’hekk hija tal-fehma li l-leġiżlatur Komunitarju ġustament ikkonstata, fil-ħmistax-il premessa tar-Regolament ikkontestat, li “l-għan aħħari tal-[FII] u ta’ dan ir-Regolament huwa, għalhekk, sabiex jinkoraġġixxi r-rikonċiljazzjoni inter-komunitarja” u, min-naħa l-oħra, li ġustament ikkunsidra li, billi hija involuta missjoni intiża biex tippromwovi l-paċi u l-istabbiltà politika, it-Trattat KE ma jipprovdi ebda bażi legali ħlief l-Artikolu 308 KE biex jiġi adottat ir-Regolament ikkontestat.
54. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li n-natura ġenerali tal-politika stabbilita mill-Artikolu 158 KE mhijiex konċiljabbli ma’ intervent speċifiku, li ad limine jkun limitat għal reġjun wieħed tal-Komunità u li ma jistax jiġi ġġeneralizzat. L-espressjoni “azzjonijiet speċifiċi” li tintuża fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE mhijiex sinonimu ta’ interventi ad hoc jew okkażjonali. Din l-interpretazzjoni tal-iskop ġenerali tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE hija konformi mal-prattika leġiżlattiva f’dan il-qasam (18).
55. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-attivitajiet tal-FII u dawk tal-Fondi Strutturali jistgħu jikkoinċidu. Dan huwa spjegat mill-fatt li l-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni Irlandiżi l-aktar milquta mill-instabbiltà, hija waħda mill-mezzi ppreferiti mit-Trattat Anglo-Irlandiż biex jintlaħaq l-objettiv uniku tiegħu, jiġifieri l-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Il-Kummissjoni madankollu tirrimarka li l-FII għandu d-dritt li jappoġġa azzjonijiet li ma jistgħux jiġu ffinanzjati abbażi tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. Hija ssemmi, bħala eżempju, l-azzjoni intiża biex l-FII jaqsam l-għarfien espert u l-esperjenza akkwistata f’dawn l-aħħar 20 sena ma’ dawk li qed ifittxu li jibnu l-paċi f’reġjuni oħrajn tad-dinja, kif ukoll programm maħsub biex jiffaċilita l-kuntatti bejn komunitajiet lokali, il-pulizija u d-District Policing Partnerships (19). Il-Kummissjoni ssostni, finalment, li d-diverġenza bejn l-oqsma ta’ intervent possibbli tal-Fondi Strutturali u tal-FII hija riflessa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat. Effettivament, l-affermazzjoni li tgħid li fl-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità, l-FII għandu jikkomplementa l-attivitajiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, tfisser li dan jikkonsisti fil-finanzjament ta’ attivitajiet li huma differenti iżda komplementari.
56. Ir-Renju Unit isostni li l-Artikoli 158 KE u 159 KE huma intiżi biex jirrimedjaw l-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni tal-Komunità u mhux biex jippromwovu l-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn komunitajiet differenti li jkunu jinsabu fl-istess reġjun. Il-programmi ffinanzjati mill-FII fil-kuntest tal-istrateġija tiegħu “Naqsmu dan l-Ispazju” jenfasizzaw b’mod ċar l-objettiv ta’ fehim reċiproku u rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet. Barra minn hekk, għalkemm ir-Renju Unit ma jikkontestax li l-FII u l-programm PEACE huma komplementari f’ċerti aspetti, li spiss jgħinu lill-istess kategoriji ta’ persuni u li ċerti proġetti huma ffinanzjati mill-FII u mill-programm PEACE, huwa madankollu jikkunsidra li dawn iż-żewġ inizjattivi jsegwu objettivi differenti.
57. L-Irlanda tindika li, fil-fehma tagħha, l-FII, li hija tenfasizza huwa ta’ natura speċifika u unika, għandu bħala objettiv ewlieni l-konsolidazzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet. Inkwantu jista’ jiġi kkunsidrat li l-FII huwa kkonċernat ukoll bl-iżvilupp ekonomiku u soċjali, dan l-interess huwa ta’ natura strumentali. Effettivament, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali mhuwiex, fil-kuntest tal-FII, objettiv fih innifsu iżda fattur ta’ rikonċiljazzjoni u progress politiku. L-Irlanda hija tal-fehma li huwa evidenti li l-FII, ikkunsidrat minn dan l-angolu, ma jistax jiġi ddefinit bħala mekkaniżmu ta’ tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. L-erba’ oqsma fundamentali tal-istrateġija tal-FII għall-perjodu 2006‑2010 juru l-funzjoni ewlenija tiegħu bħala mekkaniżmu intiż biex iwassal għal rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti. Finalment, l-Irlanda tikkunsidra li l-Artikoli 158 KE u 159 KE jikkonċernaw prinċipalment l-iżvilupp ekonomiku u mhux il-kwistjonijiet marbuta mar-rikonċiljazzjoni, id-djalogu politiku u l-konsolidazzjoni tal-paċi.
V – Kunsiderazzjonijiet
58. Għandu jitfakkar fl-ewwel lok li l-użu tal-Artikolu 308 KE bħala bażi legali ta’ att huwa ġġustifikat biss jekk ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattat KE ma tagħti lill-istituzzjonijiet Komunitarji s-setgħa meħtieġa biex jadottaw dak l-att (20). B’hekk, l-Artikolu 308 KE huwa intiż biex jissupplimenta n-nuqqas ta’ setgħat ta’ azzjoni mogħtija espressament jew b’mod impliċitu lill-istituzzjonijiet Komunitarji minn dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat KE inkwantu jkun jidher li dawk is-setgħat huma neċessarji sabiex il-Komunità tkun tista’ teżerċita l-funzjonijiet tagħha bil-għan li tikseb wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattat (21).
59. Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-iskop u l-kontenut ta’ dak l-att, u mhux fuq il-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ atti Komunitarji oħrajn li għandhom, f’ċerti każijiet, karatteristiċi simili (22). Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li istituzzjoni tkun tixtieq tipparteċipa b’mod aktar intensiv fl-adozzjoni ta’ att partikolari, ix-xogħol li jkun sar fuq bażi oħra fil-qasam ta’ azzjoni li taħtu jkun jaqa’ l-att jew il-kuntest tal-adozzjoni tal-att, huma irrelevanti għall-għażla tal-bażi legali ta’ att (23).
60. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, b’hekk għandu jiġi ddeterminat jekk, kif isostni l-Parlament, ir-Regolament ikkontestat kellux jiġi adottat abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE. F’din il-perspettiva, u qabel ma jiġi eżaminat l-iskop u l-kontenut ta’ dan ir-regolament, ser nifformola xi osservazzjonijiet preliminari dwar il-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali.
A – Osservazzjonijiet preliminari dwar il-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali
61. Illum il-ġurnata hemm diversi riferimenti għall-koeżjoni ekonomika u soċjali fit-Trattati UE u KE. It-tisħiħ tagħha jikkostitwixxi objettiv kemm għall-Unjoni (Artikolu 2 UE) kif ukoll għall-Komunità (Artikolu 2 KE). Skont l-Artikolu 3(1)(k) KE, l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. It-titolu XVII tat-Trattat KE, li huwa kompost mill-Artikoli 158 KE sa 162 KE, jagħti lill-Komunità s-setgħa biex tiġġestixxi politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, sabiex tippromwovi żvilupp armonjuż fil-Komunità kollha.
62. L-għarfien u l-iżvilupp ta’ din il-politika kienu progressivi. Fil-bidu din il-politika kienet riflessa f’għadd ta’ inizjattivi Komunitarji intiżi biex jistabbilixxu politika reġjonali. F’dan ir-rigward, il-bidla l-aktar importanti seħħet mat-tkabbir tal-Komunità bl-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit. F’dak iż-żmien, dawn l-aħħar żewġ Stati kienu qed jitolbu azzjonijiet reġjonali, l-Irlanda kważi għar-reġjuni kollha tagħha u r-Renju Unit għar-reġjuni żvantaġġati tiegħu tal-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq (24).
63. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fit-Trattat KEE, li ġie ffirmat fil-25 ta’ Marzu 1957, li jagħtu lil-leġiżlatur Komunitarju s-setgħat ta’ azzjoni meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ politika reġjonali, dan tal-aħħar kellu jirrikorri b’mod partikolari għall-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 308 KE) biex jiżviluppa l-azzjoni tiegħu fil-qasam reġjonali, b’mod partikolari biex jistabbilixxi l-FEŻR (25).
64. Il-politika reġjonali kisbet l-istatus ta’ politika Komunitarja kristallizzata fid-dritt primarju bl-Att Uniku Ewropew tal-1986. Dan effettivament daħħal, fit-Trattat KEE, titolu V bl-intestatura “Koeżjoni ekonomika u soċjali”, li jiddefinixxi l-objettivi u jippreċiża l-mezzi għall-implementazzjoni ta’ dik il-politika.
65. Minn mindu daħal fis-seħħ l-Att Uniku Ewropew fl-1 ta’ Lulju 1987, il-leġiżlatur Komunitarju ma għadx għandu bżonn jirrikorri għall-Artikolu 235 tat-Trattat KE, bħala klawżola ġenerali ta’ awtorizzazzjoni, biex iwettaq l-azzjonijiet tiegħu abbażi tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali.
66. Din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE madankollu baqgħet relevanti bħala mezz ta’ tisħiħ tas-setgħat mogħtija lill-Komunità meta hija tiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet mhux previsti mit-Trattat KE (26). F’każ fejn is-setgħat mogħtija lill-Komunità jkunu insuffiċjenti, il-leġiżlatur Komunitarju b’hekk ikollu juża l-Artikolu 308 KE bħala bażi unika jew bażi komplementari flimkien mal-Artikoli relevanti l-oħrajn tat-Trattat KE.
67. Ir-Regolament Nru 2012/2002 huwa eżempju ta’ din il-prattika. Skont l-Artikolu 1, moqri flimkien mal-ewwel premessa ta’ dan ir-regolament, dan għandu l-iskop li jistabbilixxi Fond ta’ Solidarjetà bil-għan li jippermetti lill-Komunità tirrispondi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, prinċipalment f’każ ta’ diżastri naturali. L-imsemmi regolament huwa msejjes fuq bażi legali doppja, jiġifieri t-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE u l-Artikolu 308 KE. L-użu komplementari tal-Artikolu 308 KE huwa ġġustifikat fit-tielet premessa tar-Regolament Nru 2012/2002 b’dan il-mod: “[l]-Unjoni Ewropea għandha turi wkoll is-solidarjetà mal-pajjiżi li fil-preżent qegħdin jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom. Li dan ir-Regolament jiġi estiż sabiex ikopri dawk il-pajjiżi jinvolvi r-rikors għal Artikolu 308 [KE]”. Il-leġiżlatur Komunitarju b’hekk qies li huwa ma kellux setgħat suffiċjenti abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE biex jestendi dan l-aspett tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali għal pajjiżi li għadhom ma daħlux fl-Unjoni (27).
68. Il-kwistjoni prinċipali li tqum f’din il-kawża hija relatata wkoll mal-portata tas-setgħat li għandu l-leġiżlatur Komunitarju abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE, iżda din id-darba fil-kuntest partikolari ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità mħallsa lil organizzazzjoni internazzjonali komposta minn żewġ Stati Membri, li l-benefiċjarji tagħha huma esklużivament reġjuni tal-Komunità, principalment l-Irlanda ta’ Fuq, u għal motivi li, skont il-Kunsill u l-partijiet intervenjenti l-oħrajn, imorru lil hinn mill-objettivi segwiti mit-titolu XVII tat-Trattat KE. Għandu jiġi kkunsidrat li, meta jitqiesu n-nuqqas jew l-insuffiċjenza tas-setgħat mogħtija lill-Komunità mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE biex twettaq tali azzjoni, il-leġiżlatur Komunitarju kien kostrett li jirrikorri għall-Artikolu 308 KE bħala bażi legali tar-Regolament ikkontestat?
69. Biex tingħata risposta għal din id-domanda jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġu eżaminati l-għan u l-kontenut ta’ dan ir-regolament, u fit-tieni lok, li jiġi vverifikat jekk l-azzjoni tal-Komunità prevista mill-imsemmi regolament taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE.
B – Eżami tal-għan u l-kontenut tar-Regolament ikkontestat
70. Għandu jitfakkar fl-ewwel lok li l-Artikolu 10(a) tat-Trattat Anglo-Irlandiż jipprovdi li “[i]ż-żewġ gvernijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni taż-żewġ partijiet tal-Irlanda li sofrew l-aktar mill-konsegwenzi tal-instabbiltà ta’ dawn l-aħħar snin u ser jeżaminaw il-possibilità li jiksbu għajnuna internazzjonali għal dan il-għan”. Sussegwentement, inħoloq l-FII biex jikkontribwixxi għall-azzjonijiet imsemmija f’dak l-artikolu. L-Artikolu 2 tal-ftehim FII b’hekk jgħid li “l-għan tal-[FII] hu li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u li jippromwovi l-kuntatti, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti fl-Irlanda kollha”.
71. Fl-1988, l-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit talbu lill-Komunità biex tikkontribwixxi għall-FII. Kien b’hekk li, sa mill-1989, il-Komunità appoġġat finanzjarjament il-proġetti tal-FII. F’wieħed mir-regolamenti li ġew qabel ir-Regolament ikkontestat, jiġifieri fir-Regolament (KE) Nru 2687/94 (28), il-leġiżlatur Komunitarju indika li “l-programmi tal-[FII] iħeġġu l-kooperazzjoni transkonfinali u transkomunitarja u b’hekk jippromwovu d-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn ir-repubblikani u l-unjonisti” (29) u li l-FII “huwa eżempju ta’ kooperazzjoni siewja Anglo-Irlandiża biex tiffaċilita l-progress ekonomiku u soċjali u tippromwovi r-rikonċiljazzjoni fuq bażi transkomunitarja u transkonfinali” (30).
72. Ir-Regolament ikkontestat jenfasizza wkoll dawn l-objettivi, billi l-kontribuzzjonijiet tal-Komunità huma intiżi biex jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali fiż-żoni kkonċernati, u, finalment, ir-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet maqsuma.
73. B’hekk espressament mit-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-kontribuzzjoni li l-Komunità tħallas lill-FII, għandha tagħti prijorità “għal proġetti ta’ natura transkonfinali u transkomunitarja”, għandha “tintuża b’tali mod li twassal għal titjib sostenibbli ekonomiku u soċjali fl-oqsma kkonċernati”. Il-ħlas f’partijiet tal-kontribuzzjoni annwali tal-Komunità, kif organizzat mill-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, jikkostitwixxi garanzija li din il-kontribuzzjoni tintuża effettivament għal dak il-għan.
74. Barra minn hekk, mis-sitt premessa tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li dan tal-aħħar għandu bħala “għan ewlieni […] li jappoġġa l-paċi u r-rikonċiljazzjoni”. Il-ħmistax-il premessa ta’ dan ir-regolament ukoll tesprimi dan il-għan, billi tgħid li dan huwa l-għan aħħari. Wara li jelenka l-erba’ oqsma li fuqhom tiffoka l-istrateġija intitolata “Naqsmu dan l-Ispazju”, li fetħet il-fażi finali tal-attivitajiet tal-FII għall-perjodu 2006‑2010, il-leġiżlatur Komunitarju jindika, effettivament, li “l-għan aħħari tal-[FII] u ta’ dan ir-Regolament huwa, għalhekk, sabiex jinkoraġġixxi r-rikonċiljazzjoni inter-komunitarja”.
75. L-azzjoni Komunitarja prevista mir-Regolament ikkontestat hija intiża biex tindirizza l-problemi ekonomiċi u soċjali tal-Irlanda ta’ Fuq u tal-kontej fuq il-fruntiera tal-Irlanda fil-kuntest ta’ proċess ta’ paċi u rikonċiljazzjoni.
76. Fi kliem ieħor, din l-azzjoni hija, bl-istess mod bħall-programm PEACE, intiża biex tikkonsolida s-sisien ekonomiċi u soċjali tal-proċess ta’ paċi. Waqt li r-rikonċiljazzjoni, u b’hekk il-konsolidazzjoni tal-paċi, jikkostitwixxu l-objettiv aħħari, jew wieħed jista’ jgħid l-ideal, l-għan l-aktar konkret u immedjat tar-Regolament ikkontestat huwa li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun ikkonċernat.
77. Dawn iż-żewġ objettivi segwiti mill-Komunità jikkostitwixxu, fl-istess ħin, eżempju tal-oriġinalità u r-raison d’être tal-mekkaniżmu Komunitarju, li, kif jindikaw essenzjalment it-tieni u t-tmien paragrafi tal-preambolu tat-Trattat KE, huwa intiż biex jissalvagwardja l-paċi billi jippromwovi l-progress ekonomiku u soċjali fid-diversi reġjuni tal-Komunità.
78. Issa jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, inkwantu r-Regolament ikkontestat huwa intiż biex jippromwovi l-progress ekonomiku u soċjali fiż-żoni kkonċernati, u, finalment, ir-rikonċiljazzjoni bejn komunitajiet maqsuma, dan jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE.
C – Ir-Regolament ikkontestat jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE?
79. Għandu jitfakkar fl-ewwel lok li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE jikkostitwixxi l-bażi legali għal azzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw li huma neċessarji u li mhumiex konnessi mal-Fondi Strutturali, bil-għan li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità.
80. Il-missjoni li ssegwi l-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali hija, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 158 KE, li “tippromwovi l-iżvilupp armonjuż [tal-Komunità] in ġenerali”. Din il-politika timmira, b’mod partikolari, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 158 KE, “li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni jew gżejjer li huma anqas favoriti, inklużi iż-żoni rurali”.
81. Il-formolazzjoni ġenerali ta’ din il-missjoni tippermetti ċerta flessibbiltà u adattabbiltà tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur Komunitarju meta huwa jkun jixtieq jiżviluppa azzjonijiet komuni. L-oqsma ta’ azzjoni prijoritarji b’hekk jevolvu regolarment, skont il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali li jimmanifestaw ruħhom fid-diversi Stati Membri.
82. In-natura varjabbli tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-ġeneralità tal-missjonijiet mogħtija lil din il-politika għandhom il-konsegwenza li huwa diffiċli biex din il-politika tiġi ddefinita (31). B’hekk jirriżulta li huwa diffiċli biex jiġu ffissati l-limiti tal-kamp kopert minn din il-politika għaliex il-koeżjoni ekonomika u soċjali tidher bħala kunċett sħiħ wiesa’ b’konfini impreċiżi (32). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tipprovdix elementi deċiżivi f’dan ir-rigward (33).
83. Madankollu mhuwiex neċessarju hawnhekk li jiġu elenkati l-oqsma ta’ azzjoni li jaqgħu taħt il-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. Jeħtieġ biss li jiġi ddeterminat jekk azzjoni tal-Komunità intiża biex tippromwovi l-progress ekonomiku u soċjali fiż-żoni kkonċernati, u, finalment, il-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn komunitajiet maqsuma, tagħmilx parti integrali mill-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali.
84. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għandha tkun fl-affermattiv, u dan għal diversi raġunijiet.
85. Fl-ewwel lok, il-politika ta’ koeżjoni hija ddefinita bħala strument biex jerġa’ jiġi stabbilit bilanċ u strument ta’ ridistribuzzjoni bejn l-Istati Membri (34). Hija wkoll l-espressjoni ta’ solidarjetà bejn dawn tal-aħħar u l-popli tagħhom. Inkwantu huma intiżi, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat, sabiex iwasslu għal titjib ekonomiku u soċjali sostenibbli fiż-żoni kkonċernati, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità għall-FII jiffurmaw, fil-fehma tiegħi, parti sħiħa minn politika ta’ ridistribuzzjoni intiża biex tikkoreġi żbilanċi ekonomiċi u soċjali f’reġjun tal-Komunità, billi telimina l-konsegwenzi tal-kunflitt u l-vjolenza.
86. Fit-tieni lok, inkwantu dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan l-istess regolament, jitħallsu bħala prijorità għal proġetti ta’ natura transkonfinali jew transkomunitarja, dawn jippromwovu l-kooperazzjoni transkonfinali, li tikkostitwixxi wieħed mill-objettivi prinċipali tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali (35).
87. Barra minn hekk, miżuri li jimmiraw li jippromwovu t-tolleranza u r-rikonċiljazzjoni bejn gruppi ta’ popolazzjoni maqsuma għandhom l-għan li jsaħħu l-koeżjoni bejn il-komunitajiet, li jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, wieħed mill-aspetti tal-kunċett ta’ koeżjoni soċjali. Billi l-intervent tal-Komunità jħeġġeġ lill-atturi ekonomiċi u soċjali, permezz tat-tħejjija ta’ proġetti konkreti ta’ natura transkonfinali jew transkomunitarja, biex jegħlbu l-ostakoli kulturali u soċjali b’effetti fit-tul, dan jipparteċipa fil-kostruzzjoni ta’ soċjetà paċifika u stabbli, u b’hekk fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali fi ħdan iż-żoni kkonċernati.
88. Barra minn hekk, għandha tiġi enfasizzata r-rabta mill-qrib li teżisti bejn, minn naħa waħda, il-progress ekonomiku u soċjali, u, min-naħa l-oħra, il-konsolidazzjoni tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni. Fl-opinjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2008 dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq (36), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew esprima b’mod ċar in-natura ta’ din ir-rabta, b’dan il-mod: “[l]-istabbiltà u l-prosperità jsaħħu lil xulxin u l-programmi ta’ finanzjament tal-UE għenu biex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi li kienu riżultat ta’ u wkoll xprun għall-kunflitt” (37). Permezz tal-intervent tagħha, il-Komunità tindirizza kemm il-ġrieħi ekonomiċi u soċjali li ħalla l-kunflitt kif ukoll l-ostakoli għall-konsolidazzjoni tal-paċi li għadhom jeżistu. Ir-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali b’hekk jidhru li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin u għandhom jiġu kkunsidrati flimkien fil-kuntest tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. Barra minn hekk, il-koeżjoni, bħala proprjetà ta’ firxa sħiħa ta’ elementi li huma magħquda mill-qrib (38), ma tistax teżisti mingħajr ir-rikonċiljazzjoni.
89. Fil-qosor, il-fatt li l-azzjoni Komunitarja prevista mir-Regolament ikkontestat taqa’ fil-kuntest ta’ proċess ta’ paċi u li din, fl-aħħar mill-aħħar, timmira biex tirrikonċilja gruppi ta’ popolazzjoni maqsuma, mhuwiex, fil-fehma tiegħi, ta’ tali natura li joħroġha mill-kamp kopert mit-titolu XVII tat-Trattat KE. Fil-fehma tiegħi, tkun qed tiġi adottata viżjoni wisq stretta tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali jekk jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha miżuri intiżi espressament biex iwasslu għal titjib ekonomiku u soċjali sostenibbli f’reġjun tal-Komunità, għas-sempliċi raġuni li dawn il-miżuri jinsabu fi ħdan proċess ta’ paċi u jikkontribwixxu potenzjalment għar-rikonċiljazzjoni ta’ gruppi ta’ popolazzjoni maqsuma.
90. Il-kunċett ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali jidhirli li huwa wiesa’ biżżejjed biex ikopri dan it-tip ta’ azzjoni. Barra minn hekk, in-natura ġenerali tal-missjoni mogħtija lill-Komunità permezz tal-politika tagħha ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali tippermetti, fil-fehma tiegħi, li azzjoni bħal dik prevista mir-Regolament ikkontestat taqa’ fil-kuntest tat-titolu XVII tat-Trattat KE. L-iżvilupp armonjuż tal-Komunità kollha jeħtieġ, effettivament, li żoni fejn ikunu jeżistu tensjonijiet komunitarji, bl-effett negattiv fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali li dawn tal-aħħar joħolqu, jibbenefikaw minn intervent min-naħa tal-Komunità fil-kuntest tal-politika tagħha mmirata biex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha.
91. Fl-aħħar lok, jidhirli li l-espressjoni użata fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE, jiġifieri “jekk jinħass il-bżonn li jkun hemm azzjonijiet speċifiċi, barra [mhux konnessi ma]l-Fondi [strutturali]”, hija wiesgħa biżżejjed biex tkun tista’ tinkludi miżuri bħal dawk previsti mir-Regolament ikkontestat. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Kunsill, la l-fatt li l-kontribuzzjonijiet huma mmirati lejn żona partikolari tal-Komunità u lanqas il-fatt li dawn il-kontribuzzjonijiet jitħallsu lil organizzazzjoni internazzjonali, mhuma, fil-fehma tiegħi, biżżejjed biex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE.
92. Fuq l-ewwel punt, għandu jiġi rrilevat li ma hemm xejn fil-formolazzjoni ta’ dak l-artikolu li jippermetti li tiġi eskluża l-implementazzjoni ta’ azzjoni speċifika għall-benefiċċju ta’ reġjun jew diversi reġjuni tal-Komunità. Barra minn hekk, jekk il-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali titqies bħala strument biex jiġi stabbilit bilanċ mill-ġdid intiż biex iħeġġeġ konverġenzi bejn ir-reġjuni tal-Komunità, huwa għal kollox loġiku li l-Komunità tkun tista’ tiffoka minn żmien għal żmien l-azzjoni tagħha fuq reġjuni li juru ċerti żbilanċi ekonomiċi u soċjali.
93. Fuq it-tieni punt, għandu jitfakkar li l-FII huwa strument finanzjarju maħluq minn żewġ Stati Membri u li għalih il-Komunità, bħal Stati terzi oħrajn, iddeċidiet li tikkontribwixxi. Il-Komunità b’ebda mod ma tipparteċipa fl-ispejjeż ta’ ġestjoni ġenerali ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali. Dawn l-ispejjeż kif ukoll l-ispejjeż operattivi u tas-segretarjat jitħallsu mill-Irlanda u mill-Gvern tar-Renju Unit (39). B’hekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja li l-Komunità tħallas annwalment lill-FII tintuża biss, b’mod konformi ma’ dak li jipprovdi t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat, għal proġetti li jippermettu titjib ekonomiku u soċjali sostenibbli fiż-żoni kkonċernati. L-FII b’hekk jikkostitwixxi, mill-perspettiva tal-Komunità, stadju addizzjonali fl-azzjoni tagħha favur il-koeżjoni ekonomika u soċjali. Anki jekk l-azzjoni tal-Komunità titwettaq permezz tal-FII, il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja annwali lil din l-organizzazzjoni internazzjonali, taħt il-kundizzjonijiet previsti mir-regolament, jikkostitwixxi qabel kollox mezz għall-Komunità biex timplementa l-politika tagħha ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Irlanda ta’ Fuq u fil-kontej mal-fruntiera tal-Irlanda.
94. Abbażi ta’ din l-analiżi, jiena tal-fehma li l-miżuri previsti mir-Regolament ikkontestat tabilħaqq jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. L-eżami tal-objettiv u l-kontenut ta’ dan ir-regolament kif ukoll dak tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE, b’hekk ma jippermettux li tiġi ssostanzjata l-affermazzjoni li tinsab fis-sitt premessa tal-imsemmi regolament, li skontha, essenzjalment, dan tal-aħħar imur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. Il-Komunità għandha, bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE, is-setgħat ta’ azzjoni neċessarji biex tadotta l-miżuri li jinsabu fir-Regolament ikkontestat. Għaldaqstant, inkwantu r-regolament ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 308 KE, fil-fehma tiegħi għandu jiġi annullat.
95. Finalment, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-partijiet għamlu sottomissjonijiet twal, fin-noti rispettivi tagħhom u skont l-opinjonijiet difiżi, dwar il-punti komuni jew diverġenti bejn l-FII u l-programm PEACE, il-paragun bejn dawn iż-żewġ strumenti mhuwiex deċiżiv fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali tar-Regolament ikkontestat (40). Għaldaqstant, jiena ser nillimita ruħi għall-osservazzjonijiet segwenti dwar dan is-suġġett.
96. Skont il-Kunsill, teżisti differenza fundamentali bejn l-objettiv segwit mill-FII u dak segwit mill-programm PEACE. Effettivament, l-FII jimmira lejn ir-rikonċiljazzjoni biex jiffaċilita l-koeżjoni, waqt li l-programm PEACE jimmira lejn il-koeżjoni biex jiffaċilita r-rikonċiljazzjoni. Fil-fehma tiegħi, din id-distinzjoni hija waħda artifiċjali, għaliex id-diversi rapporti dwar dawn iż-żewġ inizjattivi juru li teżisti rabta mill-qrib, fiż-żewġ każijiet, bejn it-tfittxija tal-progress ekonomiku u soċjali u l-konsolidazzjoni tal-paċi. Barra minn hekk, ikun sorprendenti jekk, meta jitqies ismu, issib li l-programm PEACE ma għandux, bħar-Regolament ikkontestat, l-għan li jħeġġeġ ir-rikonċiljazzjoni bejn gruppi ta’ popolazzjoni maqsuma.
97. Kif fil-fatt tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-12 ta’ Ottubru 2006, imsemmija iktar ’il fuq, “[l]-għan strateġiku ta’ PEACE – li huwa li jsaħħaħ il-progress lejn soċjetà paċifika u stabbli u li jippromwovi r-rikonċiljazzjoni – huwa wkoll wieħed mill-għanjiet prinċipali ta’ l-IFI [FII]” (41). Barra minn hekk, meta titpoġġa enfasi fuq il-fatt li ż-żewġ inizjattivi jikkomplementaw lil xulxin, dan isir pjuttost biex jintwerew il-punti komuni u l-konverġenza tagħhom (42).
98. Għaldaqstant jiena tal-fehma li jkun aktar koerenti li żewġ inizjattivi Komunitarji li jsegwu objettivi simili jaqgħu taħt l-istess politika Komunitarja, f’dan il-każ il-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali rregolata mit-titolu XVII tat-Trattat KE (43).
VI – Fuq it-talba għaż-żamma tal-effetti tar-Regolament ikkontestat
99. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, kif qed nipproponi, li tannulla r-Regolament ikkontestat, il-Kunsill, bl-istess mod bħall-Kummissjoni, l-Irlanda u r-Renju Unit, jitolbu sussidjarjament, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, li l-effetti ta’ dan ir-regolament jinżammu sakemm jiġi adottat regolament ġdid, u li l-annullament ma jaffettwax il-validità tal-ħlasijiet li saru jew tal-impenji li ngħataw fuq il-bażi tal-imsemmi regolament, u dan għal motivi importanti ta’ ċertezza legali marbuta kemm mal-proġetti li jinsabu għaddejjin kif ukoll mal-aspettattivi leġittimi tal-amministrazzjoni tal-FII.
100. Jiena nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ din it-talba għaż-żamma tal-effetti tar-Regolament ikkontestat.
101. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tikkunsidra li jkun meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti ta’ regolament annullat għandhom jitqiesu li jibqgħu fis-seħħ. L-annullament tar-Regolament ikkontestat mingħajr ma jinżammu l-effetti tiegħu jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq l-attivitajiet tal-FII u jista’ jwassal għal inċertezzi li jippreġudikaw l-operazzjonijiet li diġà ġew iffinanzjati mill-FII jew li jinsabu fil-proċess li jiġu ffinanzjati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi jeżistu motivi importanti ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża s-setgħa mogħtija lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE (44). Fil-fehma tiegħi, hija għandha għalhekk iżżomm l-effetti tar-Regolament ikkontestat sad-dħul fis-seħħ ta’ regolament ġdid adottat fuq il-bażi legali adattata.
VII – Konklużjoni
102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi skont kif ġej:
“1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1968/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010) huwa annullat.
2) L-effetti tar-Regolament Nru 1968/2006 għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ ta’ regolament ġdid adottat fuq il-bażi legali adattata.
3) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.
4) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Regolament dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007‑2010) (ĠU L 409, p. 86, u l-corrigendum ĠU 2007, L 36, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).
3 – Iktar ’il quddiem il-“FII”.
4 – Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 1413, nru I‑23668, iktar ’il quddiem it-“Trattat Anglo-Irlandiż”.
5 – Artikolu 4(a)(ii) tat-Trattat Anglo-Irlandiż.
6 – Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 1515, nru. I‑26244, iktar ’il quddiem il-“Ftehim FII”.
7 – Il-Kummissjoni, irrappreżentata mid-direttur ġenerali tal-politika reġjonali, tattendi l-laqgħat tal-bord tal-FII. Ara l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2006 li fiha jinsab ir-rapport dwar il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005 [COM(2006) 563 finali, punt 2.2]. Ara wkoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat.
8 – Sa minn meta l-Komunità ddeċidiet li tikkontribwixxi għall-FII, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħha ammontaw għal EUR 15-il miljun fis-sena bejn l-1989 u l-1994, EUR 17-il miljun fis-sena bejn l-1995 u l-1999, u EUR 15-il miljun fis-sena wara s-sena 2000.
9 – L-istess bażi legali ntużat għar-regolamenti dwar il-perjodi ta’ kontribuzzjoni preċedenti (Artikolu 235 tat-Trattat KE, li sar l-Artikolu 308 KE).
10 – Regolament tal-Kunsill, tal-24 ta’ Jannar 2005, dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2005‑2006) (ĠU L 30, p. 1) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
11 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 173/2005, tal-24 ta’ Jannar 2005 (ĠU L 29, p. 3) u mħassar u ssostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 210, p. 25) sa mill-1 ta’ Jannar 2007.
12 – Ara, fuq il-ġustifikazzjoni tal-fatt li jkompli jingħata finanzjament Komunitarju, il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2006, imsemmija iktar ’il fuq, fejn huwa indikat li “[i]s-sitwazzjoni politika u soċjali tar-reġjun tibqa’ fraġli u l-livell ta’ vjolenza u firda jsejjaħ biex l-UE ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni f’din il-parti ta’ l-Unjoni Ewropea” (punt 6) u li “[m]eta tqis li t-tisħiħ tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri u bejn il-popli tagħhom huwa wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ l-UE, huwa importanti li l-UE, flimkien ma’ donaturi oħra, tibqa’ impenjata fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet u ġġedded il-kontribuzzjoni tagħha għall-IFI [FII]” (p. 10).
13 – Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2006, imsemmija iktar ’il fuq.
14 – Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill tat-12 ta’ Ottubru 2006 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007‑2010) [COM(2006)564 finali].
15 – P6_TA‑PROV(2006)0562.
16 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (45/86, Ġabra p. 1493, punt 13); tat-30 ta’ Mejju 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (242/87, Ġabra p. 1425, punt 6); tas-7 ta’ Lulju 1992, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑295/90, Ġabra p. I‑4193, punt 11); tat-13 ta’ Lulju 1995, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑350/92, Ġabra p. I‑1985, punt 26); tas-26 ta’ Marzu 1996, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑271/94, Ġabra p. I‑1689, punt 13); tat-28 ta’ Mejju 1998, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑22/96, Ġabra p. I‑3231, punt 22), u tat-2 ta’ Mejju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑436/03, Ġabra p. I‑3733, punt 36).
17 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74. Regolament kif emendat bir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1995/2006, tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 390, p. 1) u (KE) Nru 1525/2007, tas-17 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 343, p. 9) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”).
18 – Insostenn tal-argument tagħha, il-Kummissjoni tiċċita tliet regolamenti adottati fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni li huma, fil-fehma tagħha, kollha ta’ natura orizzontali. Dawn huma r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002, tal-11 ta’ Novembru 2002, li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 181), ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar raggruppament Ewropew ta’ koperazzjoni territorjali (REKT) (ĠU L 210, p. 19) u r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ aġġustament għall-globalizzazzjoni (ĠU L 406, p. 1). Għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 2012/2002 ġie adottat fuq bażi legali doppja, jiġifieri t-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE u l-Artikolu 308 KE.
19 – Dawn huma sħubijiet lokali għaż-żamma tal-ordni.
20 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.
21 – Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 – Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑155/07, Ġabra p. I‑8103, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 – Sentenza tal-4 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑269/97, Ġabra p. I‑2257, punt 44).
24 – Ara C. Blumann, “Historique de la politique communautaire de cohésion économique et sociale”, L’Europe et les régions: quinze ans de cohésion économique et sociale, Bruylant, Brussell, 2003, p. 5, speċjalment p. 10.
25 – Regolament tal-Kunsill Nru 724/75 (KEE), tat-18 ta’ Marzu 1975, li jistabbilixxi Fond ta’ Żvilupp Reġjonali Ewropew (ĠU L 73, p. 1) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
26 – Ara C. Flaesch Mougin, “Commentaire de l’article 235”, Traité instituant la CEE: commentaire article par article, taħt id-direzzjoni ta’ V. Constantinesco, J.-P. Jacqué, R. Kovar, u D. Simon, Économica, Pariġi, 1992.
27 – Ara wkoll, f’dan is-sens, ir-Regolament Nru 1082/2006 li huwa bbażat esklużivament fuq it-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE u li s-sittax-il premessa tiegħu tindika li “[dik id-dispożizzjoni] ma [t]ippermettix l-inklużjoni ta’ entitajiet minn pajjiżi terzi fil-leġislazzjoni bbażata fuq[ha]”.
28 – Regolament tal-Kunsill, tal-31 ta’ Ottubru 1994, dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (ĠU L 286, p. 5) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
29 – It-tmien premessa.
30 – Il-ħdax-il premessa.
31 – Ara Y. Petit, “La cohésion économique et sociale: objectif ou politique de la Communauté et de l’Union européenne?”, L’Europe et les régions: quinze ans de cohésion économique et sociale,op. cit., p. 139, speċjalment p. 142.
32 – Ara C. Blumann, op. cit., p. 13. Skont dan l-awtur, “[i]l-koeżjoni tħaddan formalment l-aspett ekonomiku u dak soċjali. Iżda din tmur saħansitra oltre għaliex tolqot ukoll id-dimensjonijiet kulturali, intellettwali, soċjetali u oħrajn… Il-koeżjoni tinsab fil-qalba tal-proġett Ewropew; din timmira li ssaħħaħ l-omoġeneità u l-unità tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod bħad-drittijiet fundamentali jew iċ-ċittadinanza, din tinsab fost il-prinċipji Kostituzzjonali bażilari u tesprimi fl-ogħla livell is-solidarjetà li għandha tirrenja fi ħdanha”.
33 – Fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill (C‑149/96, Ġabra p. I‑8395), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-koeżjoni ekonomika u soċjali b’dan il-mod: “[g]ħandu jiġi rrilevat li, għalkemm jirriżulta mill-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat [li, wara emenda, saru rispettivament l-Artikoli 2 KE u 3 KE] kif ukoll mill-Artikoli 130 A sa 130 E tal-istess Trattat [li, wara emenda saru rispettivament l-Artikoli 158 KE sa 162 KE] li t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali huwa wieħed mill-għanijiet tal-Komunità u li, għaldaqstant, dan jikkostitwixxi element importanti b’mod partikolari għall-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam ekonomiku u soċjali, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma ta’ natura programmatika, b’tali mod li l-implementazzjoni tal-għan ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali għandha tkun ir-riżultat tal-politika u tal-azzjonijiet tal-Komunità kif ukoll tal-Istati Membri” (punt 86) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
34 – Ara C. Blumann, op. cit., p. 18.
35 – Kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament Nru 1083/2006. Ara wkoll l-inizjattiva Komunitarja Interreg, li hija strument għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali [Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ April 2000, li tistabbilixxi l-linji gwida għal inizjattiva Komunitarja dwar il-kooperazzjoni trans-Ewropea u li hija intiża biex tippromwovi żvilupp armonjuż u bilanċjat tat-territorju Ewropew – Interreg III (ĠU C 143, p. 6)]. Barra minn hekk għandu jiġi osservat li l-Komunità intervjeniet ukoll permezz tal-programm Irlanda tal-Irlanda ta’ Fuq abbażi tal-inizjattiva Interreg II A (ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2000, imsemmija iktar ’il fuq, p. 28).
36 – Dokument SC/029 – KESE 1686/2008.
37 – Punt 6.8.5 tal-opinjoni.
38 – Ara Le Petit Larousse illustré, 1994.
39 – Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2006, imsemmija iktar ’il fuq, punt 2.1.3, ir-raba’ paragrafu.
40 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
41 – Punt 4.1, l-ewwel paragafu.
42 – Punt 4.1, ir-raba’ paragrafu (“għal dak li jirrigwarda l-benefiċjarji, l-FII ġeneralment jgħin lill-istess kategoriji ta’ persuni bħall-programm PEACE II”). Ara wkoll, il-punt 6, il-ħames paragrafu (“[il]-prijoritajiet iffissati kemm mill-FII kif ukoll mill-programmi tal-KE huma kumplementari, li jiftaħ perspettivi kbar ta’ sinerġiji li għandhom jiġu sfruttati”). Tista’ ssir ukoll riferiment għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2008 dwar l-evalwazzjoni tal-programm PEACE u l-istrateġiji għall-futur [P6_TA(2008)0205], li l-premessa P tagħha hija fformulata b’dan il-mod:
“meta jitqies li għadd kbir ta’ azzjonijiet immexxija fil-kuntest tas-sottoprogrammi PEACE, tal-programmi FII u tal-inizjattiva Interreg, kienu […] ikkaratterizzati minn grad għoli ta’ xebh, u f’ċerti oqsma, minn ċertu grad ta’ duplikazzjoni ta’ attivitajiet.”
43 – Indikazzjonijiet oħra, għalkemm ma jistgħux ikunu determinanti għall-għażla tal-bażi legali, madankollu jissostanzjaw il-konvinzjoni tiegħi li l-miżuri li jinsabu fir-Regolament ikkontestat tabilħaqq jaqgħu taħt il-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. B’hekk, għandu jiġi indikat li l-Kummissjoni hija rrappreżentata mid-direttur ġenerali tal-politika reġjonali meta hija tattendi l-laqgħat tal-bord tal-FII. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea li huma responsabbli għall-verifiki u l-kontrolli in situ tal-FII huma, minbarra dawk tal-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej, dawk tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “REGIO”.
44 – Għal applikazzjoni reċenti ta’ din id-dispożizzjoni, ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 86 sa 89).
Full & Egal Universal Law Academy