KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fit-23 ta’ Ottubru 2008 1(1)
Kawża C‑241/07
JK Otsa Talu OÜ
vs
Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus [l-Estonja])
“Agrikoltura – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) – Sostenn Komunitarju għall-iżvilupp rurali”
1. Fil-każ preżenti, ir-Riigikohus (Qorti Suprema) (Estonja) qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari dwar id-domandi konnessi mal-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 (imsemmi wkoll bħala r-“Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali”) (2). Il-qorti tar-rinviju qajmet id-domandi rrinvjati għal deċiżjoni preliminari waqt proċeduri quddiemha li oriġinaw minn tilwima bejn AS Agrofarm (iktar ’il quddiem, “Agrofarm”), li s-suċċessur legali tagħha hi JK Otsa Talu OÜ (“Otsa Talu”), u l-“Uffiċċju tal-Informazzjoni u r-Reġistru tal-Agrikoltura” (3), rigward rifjut li jingħata sostenn agroambjentali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG).
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
2. Ir-Regolament Nru 1257/1999 jistabbilixxi l-istruttura għas-sostenn tal-Komunità għal żvilupp rurali sostenibbli.
3. L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 (4) jaqra kif ġej:
“Sostenn għal metodi ta’ produzzjoni agrikola iddisinjat għal ħarsien ta’ l-ambjent u għal manteniment tal-kampanja (ambjent agrikolu) għandu jikkontribwixxi għat-twettieq ta’ l-oġġettivi [għanijiet] tal-politika tal-Komunità rigward l-agrikoltura u l-ambjent.
Dan is-sostenn għandu jippromwovi:
(a) mezzi ta’ l-użu ta’ l-art agrikola li jkunu kumpatibbli mal-ħarsien u t-titjib ta’ l-ambjent, il-pajsaġġ u l-aspetti tiegħu, riżorsi naturali, ħamrija u diversità ġenetika,
(b) tixrid li jkun favorevoli għall-ambjent ta’ biedja u amministrazzjoni ta’ sistemi ta’ mergħa ta’ intensità baxxa,
(ċ) il-konservazzjoni ta’ ambjenti ta’ biedja ta’ valur għoli naturali li jkunu mhedda,
(d) iż-żamma tal-pajsaġġ u l-aspetti storiċi ta’ l-art agrikola,
(e) l-użu ta’ pjanar ambjentali fil-prattika tal-biedja,
[(f) it-titijib tal-benesseri ta’ l-annimali.]”
4. L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1257/1999 jistipula kif ġej:
“1. Sostenn għandu jingħata lill-bdiewa li jimpenjaw irwieħhom li jagħmlu agrikoltura ambjentali għal mill-anqas ħames snin. Fejn meħtieġ, perjodu itwal għandu jkun iddeterminat mit-tipi partikolari ta’ l-impenn bil-għan ta’ l-effetti tagħhom fuq l-ambjent.
2. Impenji agrikoli ambjentali għandhom jinvolvu aktar milli l-applikazzjoni tal-prattika tas-soltu ta’ biedja tajba[, inkluża l-prattika tajba fil-qasam tat-trobbija ta’ l-annimali].
Għandhom jipprovdu għal servizzi li m’humiex ipprovduti b’xi miżuri oħra ta’ sostenn, bħal ma hu sostenn għas-suq u allokazzjonijiet kumpensatorji.”
5. Skont l-Artikolu 24(1) tal-istess regolament:
“1. Sostenn f’dak li għandu x’jaqsam ma’ impenn agrikolu ambjentali [jew li jikkonċerna l-benesseri tal-annimali] għandu jingħata kull sena u jkun ikkalkulat fuq il-bażi ta’ [enfasi miżjuda]:
(a) dħul mitluf,
(b) spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-impenn mogħti, u
(ċ) il-ħtieġa li jkunu ipprovduti inċentivi.
[L-ispejjeż marbuta ma’ l-investiment ma għandhomx ikunu kkunsidrati fil-kalkulazzjoni tal-livell ta’ sostenn annwali]. L-ispiża ta’ xogħlijiet kapitali li ma jkunux remunerattivi u li jkunu meħtieġa għat-twettieq ta’ l-impenji jistgħu wkoll ikunu kkunsidrati fil-kalkulazzjoni tal-livell ta’ sostenn annwali.”
6. L-Artikolu 37(1), (2) u (4) tar-Regolament Nru 1257/1999 jipprovdi kif ġej:
“1. Sostenn għal żvilupp rurali għandu jingħata biss għal miżuri li jkunu konformi mal-liġi tal-Komunità.
2. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu konformi ma’ l-istrateġiji l-oħra tal-Komunità u miżuri implementati permezz tagħhom.
Partikolarment, l-ebda miżura li tidħol fl-iskop ta’ dan ir-regolament m’għandha tkun eliġibbli għal sostenn permezz ta’ xi skema oħra ta’ sostenn tal-Komunità jekk tkun inkompatibbli ma’ xi kondizzjoni speċifika pprovduta f’dan ir-Regolament.
[…]
4. Stati Membri jistgħu jeżiġu iżjed jew aktar kondizzjonijiet restrittivi għall-għoti ta’ sostenn mill-Komunità għal żvilupp rurali basta li dawk il-kondizzjonijiet ikunu konsistenti ma’ l-oġġettivi [għanijiet] u mal-ħtiġiet ipprovduti f’dan ir-Regolament.”
7. L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1257/1999 jistipula:
“1. Stati Membri għandhom jieħdu dawk il-passi kollha meħtieġa ħalli jassiguraw il-kompatibbiltà u l-konsistenza ta’ miżuri ta’ sostenn għal żvilupp rurali bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet meħtieġa f’dan il-Kapitolu.
2. Pjanijiet għal żvilupp rurali mibgħuta mill-Istati Membri għandhom jinkludu studju dwar il-kompatibbiltà u l-konsistenza tal-miżuri ta’ sostenn maħsuba u ta’ indikazzjoni tal-miżuri meħuda sabiex tkun żgurata l-kompatibbiltà u l-konsistenza.
3. Miżuri ta’ sostenn għandhom, fejn meħtieġ, ikunu sussegwentement riveduti ħalli jassiguraw l-kompatibbiltà u l-konsistenza.”
B – Il-liġi nazzjonali
8. L-“ELÜPS” (5) (Liġi dwar l-implementazzjoni tal-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea) ġiet adottata fl-24 ta’ Marzu 2004 u daħlet fis-seħħ parzjalment fl-1 ta’ Mejju 2004 u parzjalment fl-1 ta’ Jannar 2005 (6). Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-liġi huma kif ġej:
“Artikolu 42. Proċedura tal-għoti ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali relatat mal-politika agrikola komuni
[…]
(2) Il-Ministru tal-Agrikoltura jrid jistabbilixxi liema tip ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali għandu jingħata u liema tip ta’ attivitajiet għandhom jiġu sostnuti f’kull sena finanzjarja u jrid jiddetermina l-allokazzjoni tar-riżorsi li jkunu disponibbli għal sostenn għal żvilupp rurali.
(3) Ma jkun hemm ebda dritt li wieħed japplika u li jirċievi sostenn għal żvilupp rurali jekk ma jkunx sar provvediment għall-għoti ta’ dak is-sostenn jew għas-sostenn ta’ dik l-attività fis-sena finanzjarja inkwistjoni abbażi tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.
Artikolu 43. Kundizzjonijiet għall-ksib tas-sostenn għall-iżvilupp rurali
(1) Persuna tkun intitolata tapplika għas-sostenn għall-iżvilupp rurali jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati f’din il-liġi u fil-programm imsemmi fl-Artikolu 42(1) ta’ din il-liġi.
(2) Il-Ministru tal-Agrikoltura jista’ jistabbilixxi modalitajiet għall-ksib tas-sostenn għall-iżvilupp rurali fir-rigward tal-applikant u tal-attività ppjanata, kif ukoll il-lista ta’ żoni fejn is-sostenn għall-iżvilupp rurali għandu jingħata. Dawn il-modalitajiet jistgħu jiġu adottati separatament għal kull tip ta’ sostenn.
[…]
Artikolu 44. Applikazzjoni għal sostenn għall-iżvilupp rurali u l-proċedura tal-applikazzjoni
[…]
(2) Il-Ministru tal-Agrikoltura għandu jistabbilixxi l-modalitajiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni għal sostenn għall-iżvilupp rurali u l-proċedura tal-applikazzjoni, il-forma tal-applikazzjoni, ir-raġunijiet għal tnaqqis tas-sostenn u r-rati separati għal kull tip ta’ sostenn, kif ukoll ir-raġunijiet għal rifjut ta’ applikazzjoni. Il-modalitajiet tal-applikazzjoni għal sostenn u tal-proċedura tal-applikazzjoni jistgħu jiġu stabbiliti separatament għal kull tip ta’ sostenn.”
9. Il-“Modalitajiet li jikkonċernaw il-ksib tas-sostenn agroambjentali, kif ukoll l-applikazzjoni għas-sostenn, il-proċedura ta’ din l-applikazzjoni u l-ħlas ta’ dan is-sostenn” (7), adottati bir-Regolament Nru 51 tal-Ministru tal-Agrikoltura tal-20 ta’ April 2004, ipprovdew kif ġej, fil-verżjoni fis-seħħ sal-1 ta’ Mejju 2005:
“Artikolu 3. Kundizzjonijiet għall-ksib tas-sostenn
(1) Is-sostenn għall-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 2 jista’ jiġi mitlub minn persuna fiżika, persuna legali, assoċjazzjoni jew xi grupp ieħor ta’ persuni mingħajr l-istatus ta’ persuna legali, li teżerċita attività agrikola, (iktar ’il quddiem l-“applikant”), li topera fiż-żoni previsti fil-punt 9.2 tal-Kapitolu 9 tal-Pjan ta’ Żvilupp u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 9.2 tal-Kapitolu 9 tal-Pjan ta’ Żvilupp, u li:
[…]
3. tidħol f’impenn li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-punti 1 u 2 u l-kundizzjonijiet għall-ksib tas-sostenn agroambjentali għal ħames snin mid-data stabbilita sabiex wieħed japplika għal sostenn.”
10. L-emenda li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2005 u li kienet tapplika fiż-żmien meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għas-sostenn inkwistjoni, jiġifieri, fis-26 ta’ Mejju 2005 (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”), żiedet ma’ dawk ta’ hawn fuq il-kundizzjoni addizzjonali li ġejja:
“Artikolu 82. Dispożizzjonijiet implementattivi
[…]
(7) Fl-2005 persuna tista’ tapplika għal sostenn ta’ attività produttiva li tiffavorixxi l-ambjent kemm-il darba fl-2004 tkun ittieħdet deċiżjoni li tagħti lill-applikant sostenn għall-attività produttiva li tiffavorixxi l-ambjent u l-applikant ikun assuma l-impenn speċifikat fil-Paragrafu 3(1)(3).”
11. Il-Pjan għal Żvilupp Rurali għall-Estonja għall-perijodu bejn l-2004 u l-2006, approvat mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem “il-Kummissjoni”) u adottat mill-Gvern tar-Repubblika tal-Estonja u l-Ministeru tal-Agrikoltura, jipprovdi:
“12.6.2 Sostenn agroambjentali
L-applikazzjonijiet li jiġu ppreżentati għandhom jiġu eżaminati u deċiżi skont il-kriterji tal-għoti ta’ sostenn u skont ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-miżura inkwistjoni fis-sena relattiva. Jekk ikun meħtieġ, l-applikazzjonijiet jiġu kklassifikati fl-ordni tal-mertu tagħhom.
Jekk ma jkunx hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji sabiex jiġu sodisfatti l-applikazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet, il-Ministru tal-Agrikoltura jista’ jistabbilixxi proċedura għat-tnaqqis tas-sostenn agroambjentali li permezz tagħha ikun hemm tnaqqis proporzjonali tas-sostenn għall-applikanti kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ħlas agroambjentali, tnaqqis tal-ammont tas-sostenn skont id-daqs tal-art agrikola koperta bl-applikazzjoni jew tnaqqis tal-għajnuna skont l-attivitajiet li għandhom jiġu sostnuti jew fuq il-bażi ta’ xi kriterju ieħor.”
II – Il-kuntest fattwali u proċedurali u d-domandi rinvjati
12. Fis-26 ta’ Mejju 2005, Agrofarm għamlet applikazzjoni mal-Uffiċċju għal ħlasijiet taż-żona. Fl-2004, Agrofarm kienet diġà għamlet it-tħejjijiet meħtieġa għal produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent sabiex tikseb sostenn agroambjentali (8).
13. Bid-Deċiżjoni Nru 1-3.13-4/74 tad-Direttur tal-Uffiċċju tad-19 ta’ Diċembru 2005, l-applikazzjoni ta’ Agrofarm ġiet miċħuda għar-raġuni li s-sostenn ma kienx disponibbli għal żona fejn ma kienx hemm fis-seħħ impenn għal produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent.
14. Fl-1 ta’ Frar 2006, Agrofarm ressqet proċeduri legali quddiem il-Qorti Amministrattiva ta’ Tartu (Tartu Halduskohus) għall-annullament tal-punt 17 tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-Uffiċċju u talbet li tingħata ordni għall-ħlas tas-sostenn inkwistjoni. Dik il-qorti ċaħdet ir-rikors b’sentenza tat-28 ta’ April 2006 u ddeċidiet, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet addizzjonali għar-Regolament Nru 51 ma setgħux jitqiesu li kienu jirrestrinġu d-drittijiet tar-rikorrenti.
15. Otsa Talu, bħala suċċessur legali ta’ Agrofarm (9), għamlet appell quddiem il-Qorti Reġjonali ta’ Tartu (Tartu Ringkonnakohus), fejn argumentat li r-Regolament Nru 1257/1999 ma kienx jagħti l-poter li jiġu introdotti dispożizzjonijiet inugwali fir-rigward tal-applikanti. Skontha, kien kontra l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju tal-istat tad-dritt li l-Ministru tal-Agrikoltura jiddeċiedi li jemenda r-Regolament Nru 51 inqas minn xahar qabel l-iskadenza tat-terminu sabiex wieħed jagħmel applikazzjoni għal sostenn għas-sena 2005. Dik il-qorti ċaħdet l-appell ta’ Otsa Talu b’sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, fejn sabet, essenzjalment, li l-emenda tar-Regolament mill-Ministru tal-Agrikoltura ma kinitx tmur kontra d-dritt Komunitarju.
16. Imbagħad Otsa Talu ressqet appell dwar punt ta’ liġi quddiem il-qorti tar-rinviju. L-appellanti issottomettiet li l-emenda kkontestata għar-Regolament Nru 51, bħala liġi nazzjonali li timplementa d-dritt Komunitarju, kienet inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari, mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, li jipprovdi li s-sostenn agroambjentali għandu jiġi mogħti kull sena. Barra dan, Otsa Talu ssottomettiet li l-Artikolu 82(7) tar-Regolament Nru 51 kien imur kontra l-punt 12.6.2 tal-Pjan ta’ Żvilupp, li jgħid li, fl-eventwalità ta’ defiċit fir-riżorsi tal-baġit, is-sostenn totali disponibbli għall-applikanti kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għandu jiġi mnaqqas proporzjonalment.
17. Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Uffiċċju sostna, essenzjalment, li fir-rigward tan-natura tas-sostenn agroambjentali inkwistjoni, dan ma għandux jitqies bħala għajnuna soċjali, li trid tiġi mqassma fuq bażi ġenerali. Skontu, il-każ preżenti għandu x’jaqsam ma’ sostenn, li l-kundizzjonijiet tal-ksib tiegħu joriġinaw mill-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-politika agrikola tal-Istat, u l-Istat għandu wkoll id-dritt li jbiddel dawk il-kundizzjonijiet.
18. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li fil-każ preżenti hu essenzjali li jiġi stabbilit jekk hux legali li, matul il-perijodu ta’ sostenn, jiġu mibdula l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti mill-applikanti għal sostenn agroambjentali li għandu jitħallas fir-rigward ta’ produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent, b’tali mod li, fid-dawl tas-sitwazzjoni li kienet tapplika qabel, tiġi ristretta l-kategorija ta’ persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet.
19. Fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, huwa konsistenti mal-għan tas-sostenn agroambjentali għal produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent previst mir-Regolament Nru 1257/1999 li għandu jingħata sostenn ukoll taħt il-programm relattiv f’kull sena finanzjarja lill-applikanti ġodda li huma lesti li jidħlu f’impenn għal produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent u li għal din ir-raġuni jorganizzaw il-produzzjoni tagħhom b’tali mod li tkun tikkonforma mar-rekwiżiti legali. Din il-pożizzjoni tkun konsistenti wkoll mal-prinċipju tat-trattament ugwali u mal-għan li tiġi żgurata protezzjoni aħjar tal-ambjent.
20. Għal din ir-raġuni, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet addizzjonali għall-applikanti li ġew introdotti bl-Artikolu 82(7) tar-Regolament Nru 51 humiex skont l-għanijiet tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari dawk tal-kunċett ta’ sostenn agroambjentali stipulat fir-Regolament Nru 1257/1999.
21. Barra dan, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li fejn ma jkunx hemm iktar riżorsi biżżejjed bħala baġit, il-Pjan ta’ Żvilupp Estonjan jikkontempla riduzzjoni proporzjonali tas-sostenn għall-applikanti kollha li oriġinarjament issodisfaw il-kundizzjonijiet tas-sostenn agroambjentali.
22. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-“limitazzjoni” tal-kategorija ta’ benefiċjarji ma kinitx tikkostitwixxi soluzzjoni proporzjonali sabiex tiġi riżolta s-sitwazzjoni ta’ mezzi finanzjarji insuffiċjenti u s-sostenn kellu, minflok, jiġi mnaqqas proporzjonalment għall-applikanti kollha li oriġinarjament issodisfaw il-kundizzjonijiet applikabbli, kif kien previst fil-Pjan ta’ Żvilupp approvat mill-Kummissjoni.
23. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
“1. Huwa konformi mal-għan tas-sostenn agroambjentali fis-sens tal-Artikoli 22 sa 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u li jemenda u jħassar ċerti Regolamenti:
(a) li jkompli jingħata sostenn kontinwu biss lil dawk l-applikanti li, fil-kuntest ta’ dan il-programm, diġà bbenefikaw minn deċiżjoni ta’ għoti ta’ sostenn agroambjentali matul is-sena finanzjarja preċedenti u daħlu f’impenn agroambjentali, jew
(b) li, f’kull sena finanzjarja, jingħata sostenn ukoll lill-applikanti l-ġodda li jkunu lesti li jassumu impenn fis-sens ta’ produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent u li għaldaqstant, jorganizzaw il-produzzjoni tagħhom sabiex tikkonforma mal-kundizzjonijiet meħtieġa?
2. Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens tal-alternattiva (b) u jekk fil-kuntest tal-programm, joħroġ ċar li ma jkunx hemm fondi disponibbli biżżejjed għall-għoti tal-ewwel sostenn, l-Artikoli 24(1), 37(4) u 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, ikkunsidrati flimkien, jippermettu lil Stat Membru sabiex:
(a) jemenda l-leġiżlazzjoni u l-kundizzjonijiet dwar l-applikazzjoni għal u l-għoti tas-sostenn agroambjentali u sabiex jistabbilixxi li l-għajnuna tista’ tintalab biss mill-applikanti li, fis-sena finanzjarja preċedenti, ibbenefikaw minn deċiżjoni ta’ għoti ta’ sostenn u, għaldaqstant, ikunu marbuta b’impenn ta’ produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent, jew li
(b) jnaqqas proporzjonalment is-sostenn mogħti lill-applikanti kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal sostenn agroambjentali?”
24. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet tal-Estonja, tal-Greċja u tal-Polonja kif ukoll mill-Kummissjoni. Otsa Talu u l-partijiet kollha msemmija hawn fuq ħlief il-Gvern Pollakk għamlu osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tal-10 ta’ April 2008.
III – Evalwazzjoni
A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
25. Il-Gvern tal-Estonja jispjega ċ-ċirkustanzi rigward it-tfassil tal-Pjan ta’ Żvilupp kif ukoll dawk rigward l-emendi tar-Regolament Nru 51. Hu jinnota li rapport ta’ segwitu dwar dak il-Pjan kien juri li, fl-2004, kien hemm madwar id-doppju tal-applikazzjonijiet ta’ dak li kien ġie antiċipat fil-Pjan ta’ Żvilupp. Għalhekk, l-għanijiet kwantitattivi li jikkonċernaw l-impenji li ġew iffissati oriġinarjament fil-Pjan ta’ Żvilupp għas-sena 2006 kienu diġà ġew imwettqa fl-2004. Barra dan, minħabba l-fatt li l-Ministru tal-Agrikoltura kien iddeċieda kontra li jitnaqqas is-sostenn agroambjentali għall-2004, ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-finanzjament ta’ dak is-sostenn ma kinux biżżejjed sabiex jagħmluha possibbli li jiġu aċċettati l-applikazzjonijiet li saru fl-2005 u 2006.
26. Kien f’dan il-kuntest li l-ewwel emenda tar-Regolament Nru 51 li llimitat il-kategorija ta’ benefiċjarji tas-sostenn ġiet adottata f’Mejju 2005. Madankollu, f’Lulju 2005, ġiet adottata t-tieni emenda għal dak ir-regolament li żiedet mal-kategorija ta’ applikanti li jikkwalifikaw għal sostenn persuni li jkollhom tal-inqas għalqa waħda f’żona agrikola li tkun kollha kemm hi tifforma parti minn żona koperta minn NATURA 2000.
27. Il-Gvern tal-Estonja jsostni li r-restrizzjoni tal-benefiċjarji tas-sostenn introdotta permezz tal-emenda għar-Regolament Nru 51 hija konformi kemm mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1257/1999 (kif imsemmi fil-premessa 31 tiegħu) kif ukoll mal-prinċipju tat-trattament ugwali.
28. Minħabba l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Gvern tal-Estonja jipproponi li d-domandi rrinvjati għandhom jiġu risposti kif ġej. Jekk l-għanijiet kwantitattivi tal-Pjan ta’ Żvilupp ġew imwettqa u jekk ikun jidher li, fil-kuntest ta’ dak il-programm, m’hemmx iktar riżorsi finanzjarji biżżejjed sabiex jingħata s-sostenn għall-ewwel darba, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 24(1), 37(4) u 39 tar-Regolament Nru 1257/1999 flimkien jippermettu Stat Membru li jemenda r-regoli dwar l-applikazzjoni u l-għoti ta’ sostenn agroambjentali u li jintroduċi kundizzjonijiet li jillimitaw il-kategorija ta’ benefiċjarji tas-sostenn. Kundizzjonijiet bħal dawn jistgħu, fir-rigward ta’ perijodu rilevanti wieħed jew iktar, jimpedixxu kwalunkwe benefiċjarju potenzjali ġdid milli japplika.
29. Il-Gvern Grieg jenfasizza li l-leġiżlatura tal-Komunità rrikonoxxiet il-bżonn ta’ flessibbiltà mhux biss matul il-fażi tal-ippjanar imma anki matul il-fażi tal-implementazzjoni tal-programmi ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali. Huwa jissottometti li l-kriterji li jirregolaw il-benefiċjarji jistgħu jiġu emendati a posteriori bil-kundizzjoni li meta jsir hekk dan ma jkunx jinvolvi xi diskriminazzjoni jew restrizzjoni mhux ġustifikata.
30. Konsegwentement, il-Gvern Grieg jipproponi li l-ewwel domanda għandha tingħatalha risposta kif ġej: l-għoti ta’ sostenn annwali unikament lill-benefiċjarji li kienu diġà qed jipparteċipaw fil-programm huwa awtorizzat bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1257/1999. L-inklużjoni, fuq bażi annwali, ta’ benefiċjarji ġodda fil-programm hi, għalhekk, permissibbli imma mhux obbligatorja.
31. Fir-rigward it-tieni domanda, il-Gvern Grieg jissottometti li jekk Stat Membru josserva, matul l-implementazzjoni tal-programm, li r-riżorsi tal-baġit mhumiex biżżejjed, dan jista’ b’mod konformi mar-Regolament Nru 1257/1999, jemenda d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni sabiex iwettaq l-obbligazzjoniet li jkun diġà assuma u jirrifjuta li jaċċetta applikazzjonijiet ġodda għal sostenn agroambjentali.
32. Il-Gvern Pollakk jikkunsidra li l-għanijiet tar-Regolament Nru 1257/1999, kemm għar-rigward ta’ sostenn agroambjentali kif ukoll forom oħrajn ta’ sostenn, jistgħu, fil-prinċipju, jiġu milħuqa biss meta s-sostenn jiġi mogħti lill-applikanti kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet. Altrimenti jkun possibbli għall-Istati Membri li jillimitaw, fid-diskrezzjoni tagħhom, l-għoti ta’ dan is-sostenn matul sena finanzjarja partikolari.
33. Għalhekk, il-Gvern Pollakk jissuġġerixxi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li jkun konformi mal-oġġettiv tas-sostenn agroambjentali, stipulat fl-Artikoli 22 u 24 tar-Regolament Nru 1257/1999, li s-sostenn jingħata kull sena wkoll lill-benefiċjarji ġodda li jidħlu f’impenn rigward produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent u li, għal din ir-raġuni, jorganizzaw il-produzzjoni tagħhom sabiex jikkonformaw mal-kundizzjonijiet meħtieġa.
34. Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Gvern Pollakk jikkunsidra li, fejn ir-riżorsi tal-baġit mhumiex biżżejjed, rifjut li jingħata sostenn lill-applikanti ġodda jippermetti li jitwettqu l-għanijiet tas-sostenn agroambjentali u ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt Komunitarju jew tal-liġi nazzjonali.
35. Għalhekk huwa jipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun kif ġej. Jekk fil-kuntest tal-programm joħroġ ċar li ma jkunx hemm iktar riżorsi tal-baġit biżżejjed sabiex jingħata sostenn għall-ewwel darba, l-Artikolu 24(1), flimkien mal-Artikolu 37(4) u 39 tar-Regolament Nru 1257/1999, jippermettu lil Stat Membru li jiddetermina li l-applikanti jkunu jistgħu japplikaw għal dak is-sostenn biss jekk kienu suġġetti ta’ deċiżjoni li tathom sostenn fis-sena finanzjarja preċedenti u li, għalhekk, ikun hemm fis-seħħ, fir-rigward tagħhom, impenn għal produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent.
36. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li r-Regolament Nru 1257/1999 ma jiddefinixxix kif il-ħlasijiet tas-sostenn annwali għandhom jiġu kkalkolati. Għalhekk hija tikkunsidra li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu jew li jiffissaw l-ammonti ta’ ħlasijiet annwali fil-bidu tal-perijodu ta’ ħames snin, minn naħa waħda, jew li jimmodifikaw dak l-ammont ta’ kull sena – skont ir-riżorsi tal-baġit disponibbli u n-numru ta’ benefiċjarji li jipparteċipaw fil-programm – min-naħa l-oħra.
37. Il-Kummissjoni tissottometti li ż-żewġ għażliet huma konformi mar-Regolament Nru 1257/1999 u t-tnejn li huma jipprovdu inċentivi lill-bdiewa.
38. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni tipproponi li r-risposta għad-domandi għandha tkun li l-kundizzjoni li tistipula li s-sostenn agroambjentali imsemmi fl-Artikoli 22, 23 u 24 tar-Regolament Nru 1257/1999 jista’ jiġi mogħti biss jekk fir-rigward tal-applikanti tkun ittieħdet, fl-ambitu tal-programm, deċiżjoni li jingħata sostenn fis-sena finanzjarja preċedenti, hija kompatibbli ma’ dan ir-regolament.
B – Ammissibbiltà
39. Jidher li l-Gvern tal-Estonja qed iqajjem il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tad-domandi rrinvjati. Dan il-gvern jikkunsidra li, minħabba l-emendi għar-Regolament Nru 51 (10), il-preżunzjoni li fuqha d-domandi tal-qorti tar-rinviju huma bbażati mhijiex korretta. Fil-fehma ta’ dan il-gvern, isegwi li d-domandi rrinvjati mill-qorti nazzjonali ma jirriflettux il-miżuri nazzjonali fis-seħħ fl-2005 u huma għalhekk ta’ natura teoretika. Ebda waħda mill-partijiet l-oħra ma ressqet din l-oġġezzjoni fl-osservazzjonijiet tagħha jew ħadet pożizzjoni f’dan ir-rigward.
40. Il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet fis-sentenza Unión General de Trabajadores de La Rioja (11) li “[k]emm mill-kliem kif ukoll mill-iskema ġenerali ta’ l-Artikolu 234 KE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari teħtieġ li effettivament jkun hemm kawża pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jkunu msejħa jagħtu deċiżjoni li fiha jieħdu in kunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja”.
41. Fis-sentenza Ritter-Coulais (12), il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet li “jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE hija għodda ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-imħallfin nazzjonali [...]
Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, l-imħallef nazzjonali li jkun qed jisma’ l-kawża, li huwa l-uniku li għandu konoxxenza diretta tal-fatti fil-kawża prinċipali u li jkollu jassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġurisdizzjonali li jintervjeni, huwa, fir-rigward tad-dettalji tal-kawża, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwa n-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikun f’pożizzjoni li jagħti d-deċiżjoni tiegħu, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jiġu mistoqsija lill-Qorti
[…]
Ma jibqax ħlief li tkun il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ bżonn, li teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija msejħa mill-imħallef nazzjonali, sabiex tiġi vverifikata l-kompetenza proprja tagħha u, b’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit jekk l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huwa mfittex jippreżenta konnessjoni mar-realtà u l-għan tal-kawża prinċipali, b’tali mod li l-Qorti mhix marbuta tifformula opinjonijiet konsultattivi fuq id-domandi ġenerali jew ipotetiċi. Jekk jidher li d-domanda magħmula mhix manifestament rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, il-Qorti trid tikkonstata t-twaqqif milli tiddeċiedi.”
42. Minn dan isegwi li, fil-każ preżenti, evidentement hemm kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju li teħtieġ risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tiġi riżolta. Ma hemm xejn fid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jista’ jindika li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ta’ natura teoretika jew ipotetika. Minn dan jiena nikkonkludi li d-domandi rrinvjati huma ammissibbli.
C – Fuq il-mertu
43. Biż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, ir-Riigikohus essenzjalment qed jistaqsi jekk huwiex kompatibbli mar-Regolament Nru 1257/1999 li Stat Membru jillimita, minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji, il-kategorija ta’ applikanti għal għajnuna agroambjentali li tkun diġà suġġetta għal deċiżjoni li jingħata sostenn fis-sena finanzjarja ta’ qabel.
44. Il-Kummissjoni ssemmi ġustament il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li filwaqt li l-programmi tal-Istati Membri jiġu approvati mill-Kummissjoni – wara li tkun sodisfatta li dawk il-programmi jikkonformaw mar-Regolament Nru 1257/1999 u wara li tiddetermina n-natura tal-miżuri eliġibbli għal finanzjament parzjali u l-ammont totali tal-ispiża marbuta mal-finanzjament tagħhom – l-approvazzjoni tal-Kummissjoni ta’ programm nazzjonali ta’ għajnuna bl-ebda mod ma għandu l-effett li jikkonferixxi fuq dak il-programm in-natura ta’ miżura tad-dritt Komunitarju. F’dawk iċ-ċirkustanzi, fejn, pereżempju, kuntratt ta’ għajnuna huwa inkompatibbli mal-programm approvat mill-Kummissjoni, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jisiltu l-konklużjonijiet xierqa minn dik l-inkompatibbiltà fid-dawl tal-liġi nazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt Komunitarju rilevanti meta japplikaw il-liġi nazzjonali (13).
45. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “huwa l-kompitu [...] tal-awtoritajiet nazzjonali li jimplementaw ir-regolamenti Komunitarji u li jieħdu d-deċiżjonijiet individwali neċessarji fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jaġixxu skont ir-regoli u l-proċeduri stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mingħajr ħsara għal-limiti imposti mid-Dritt Komunitarju” (14).
46. Id-dritt Komunitarju u b’mod partikolari r-Regolament Nru 1257/1999 (jew f’dan ir-rigward ir-Regolament Nru 817/2004 (15)) ma jirregolawx fid-dettall l-allokazzjoni tas-sostenn agroambjentali li għandu jiġi mogħti kull sena.
47. L-Artikoli 37(4) u 39(3) tar-Regolament Nru 1257/1999 jissuġġerixxu li l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni relattivament wiesa’ meta jiġu biex jimplementaw il-pjanijiet ta’ żvilupp tagħhom. Dawn l-artikoli jipprovdu rispettivament li “Stati Membri jistgħu jeżiġu iżjed jew iktar kondizzjonijiet restrittivi għall-għoti ta’ sostenn mill-Komunità għal żvilupp rurali basta li dawk il-kondizzjonijiet ikunu konsistenti ma’ l-oġġettivi [għanijiet] u mal-ħtiġijiet ipprovduti f’dan ir-Regolament” (16) u li “miżuri ta’ sostenn għandhom, fejn meħtieġ, ikunu sussegwentement riveduti [mill-Istati Membri] ħalli jassiguraw il-kompatibbiltà u l-konsistenza”.
48. Madankollu, jista’ jinftiehem mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Huber li filwaqt li l-implementazzjoni ta’ pjanijiet ta’ żvilupp b’konnessjoni mal-għajnuna strutturali tal-UE taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, miżuri nazzjonali ma għandhomx jaffettwaw il-portata u l-effettività tad-dritt Komunitarju (17).
49. Fid-digriet tar-rinviju, il-qorti nazzjonali tesprimi l-fehma li l-frażi “kull sena” fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1257/1999 għandha tinftiehem li tfisser li persuna trid tkun kapaċi tapplika kull sena għall-istess tip ta’ sostenn indipendentement minn jekk sostenn ta’ dik ix-xorta kienx diġà ġie mogħti qabel lil dik il-persuna. Din hija wkoll il-pożizzjoni ta’ Otsa Talu.
50. Madankollu, jiena ma nistax naqbel ma’ din l-interpretazzjoni. Għall-kuntrarju, jiena nikkunsidra – kif, essenzjalment, jagħmlu wkoll il-Kummissjoni u l-Gvernijiet tal-Estonja u tal-Polonja – li dak l-artikolu ma jittrattax din il-kwistjoni u jipprovdi biss li, matul il-programm multiannwali, il-ħlasijiet ta’ sostenn għandhom jieħdu l-forma ta’ ħlasijiet annwali.
51. Għalhekk, l-interpretazzjoni li, abbażi tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, il-programm għandu kull sena jkun miftuħ għall-impenji ġodda għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, dan isegwi wkoll mill-Artikolu 66(5) tar-Regolament Nru 817/2004 li jistipula li: “[m]eta appoġġ ikun multi-annwali, il-pagamenti sussegwenti għal dak magħmul fis-sena li fiha l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentatha għandhom isiru b’reazzjoni ta’ applikazzjoni annwali għall-pagament, apparti minn meta l-Istat Membru jkun introduċa proċedura effettiva ta’ verifika annwali kif referut fl-Artikolu [67(1)]”.
52. Wara din il-preċiżazzjoni, huwa issa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk “iżjed jew iktar kundizzjonijiet restrittivi” previsti fl-Artikolu 37(4) u stipulati mill-Estonja fil-każ tal-kawża prinċipali humiex konsistenti mal-għanijiet u l-ħtiġiet stipulati fir-Regolament Nru 1257/1999.
53. Fiż-żewġ punti li ġejjin, se nelenka l-premessi fil-preambolu tar-Regolament Nru 1257/1999 li huma rilevanti għall-każ fil-kawża prinċipali.
54. L-erbatax-il premessa tal-preambolu għar-Regolament Nru 1257/1999 tistipula li “[…] kriterji ta’ eliġibbiltà għal sostenn ta’ żvilupp rurali m’għandhomx imorru aktar milli meħtieġ ħalli jintlaħqu l-oġġettivi [għanijiet] tal-politika ta’ żvilupp rurali” (18).
55. Il-wieħed u tletin premessa tal-preambolu għar-Regolament Nru 1257/1999 imbagħad tkompli biex tgħid li “skema ta’ għajnuna agri-ambjentali għandha tibqa’ biex tinkoraġġixxi bdiewa li jservu s-soċjetà bħala entità bl-introduzzjoni jew il-kontinwazzjoni tal-użu tal-prattiċi tal-biedja li jkunu kumpatibbli mal-ħtieġa dejjem tiżdied biex jitħares u jkun imtejjeb l-ambjent, riżorsi naturali, ħamrija u diversità genetika u jinżamm il-pajsaġġ u l-kampanja” (19).
56. Abbażi ta’ dawn il-premessi u tal-kontenut kollu tal-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 1257/1999 (jiġifieri, l-Artikoli 22 sa 24, iċċitati fil-punti 3 sa 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jien nikkunsidra li l-Estonja ma kinitx, meta ddeterminat li ma kellhiex disponibbli għaliha riżorsi finanzjarji biżżejjed, prekluża mir-Regolament Nru 1257/1999 milli tiddeċiedi li tindirizza l-fatt li dawk ir-riżorsi ma kinux biżżejjed billi tadotta l-miżura inkwistjoni (20).
57. Jiena naqbel mal-Gvern tal-Estonja li l-fatt li s-sostenn hu ggarantit fir-rigward ta’ żoni rurali li huma diġà s-suġġett ta’ impenji multiannwali jikkontribwixxi għall-kontinwità tal-miżura agroambjentali. Altrimenti, ir-riżultat ikun li l-bdiewa ma jkollhom ebda ċertezza dwar l-ammont ta’ sostenn li jingħata lilhom fuq bażi annwali. Dan jew jiskoraġġihom milli japplikaw sabiex jipparteċipaw fl-iskema ta’ għajnuna jew iwassalhom sabiex jabbandunaw l-iskema f’sena li fiha s-sostenn tagħhom ikun ġie mnaqqas.
58. F’dan il-kuntest, jista’ jiġi rrilevat li l-ammont ta’ sostenn ma jiġix stabbilit b’mod każwali jew arbitrarju. Minflok, kif ġie spjegat hawn fuq f’dawn il-konklużjonijiet, dan jiġi kkalkolat skont kriterji oġġettivi stipulati fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1257/1999.
59. Madankollu, jekk l-Estonja tnaqqas il-ħlasijiet kollha proporzjonalment, fir-rigward tal-applikazzjonijiet li kkonformaw u li ġew aċċettati fl-2004, din tkun qed tonqos mill-obbligu “kuntrattwali” tagħha li tissodisfa l-ammont sħiħ ta’ sostenn previst.
60. Fil-fatt, l-Istat Membru inkwistjoni għandu impenn fir-rigward tal-benefiċjarji diġà inklużi fil-programm ta’ sostenn, bl-istess mod li dawn il-benefiċjarji, min-naħa tagħhom, assumew impenji fit-tul.
61. Fl-istess ħin, jiena naqbel mal-Kummissjoni li Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jadotta s-soluzzjoni alternattiva msemmija fid-domandi rrinvjati u li jirriduċi s-sostenn proporzjonalment fir-rigward tal-applikanti kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal sostenn agroambjentali. Skont dik l-alternattiva, il-bdiewa jkunu inkoraġġiti li jintroduċu l-użu ta’ prattiċi li jiffavorixxu l-ambjent, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk dawn kinux diġà bbenefikaw minn deċiżjoni li jingħataw sostenn fis-sena finanzjarja ta’ qabel. F’dan il-każ, madankollu, l-Istat Membru jkollu jipprova li l-għanijiet tal-iskema ta’ għajnuna ambjentali jkunu tabilħaqq intlaħqu fl-istess livell, anki jekk l-ammont tas-sostenn ikun ġie rivedut kull sena.
62. Fid-dawl tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri, ma jidhirx li l-miżura inkwistjoni tmur kontra r-Regolament Nru 1257/1999 li għandu l-għan li jippromwovi l-iżvilupp agroambjentali u rurali b’mod ġenerali.
63. Issa, irid jiġi evalwat jekk l-Estonja eżerċitatx id-diskrezzjoni tagħha b’mod konformi mad-dritt Komunitarju.
1. L-allegat ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju
64. Il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet fis-sentenza Johan Piek (21) li hija “ġurisprudenza kostanti li, meta huma jadottaw miżuri ta’ implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, l-awtoritajiet nazzjonali huma marbuta jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom filwaqt li josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, fosthom il-prinċipju tal-proporzjonalità”. Dawn il-prinċipji jinkludu l-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tat-trattament ugwali.
65. Otsa Talu saħqet waqt is-seduta, li essenzjalment, l-introduzzjoni tal-miżura inkwistjoni tmur kontra l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
66. Il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li “l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jinsab fost il-prinċipji fundamentali tal-Komunità” (22).
67. Fil-fehma tiegħi, Otsa Talu ma tistax titqies li kellha aspettattiva leġittima li sitwazzjoni eżistenti, li setgħet tiġi mibdula b’deċiżjonijet meħudin minn awtoritajiet nazzjonali fl-implementazzjoni tar-regolamenti Komunitarji fil-limiti tas-setgħat diskrezzjonali tagħhom, kienet se tinżamm kif kienet, partikolarment f’qasam bħalma huwa dak tal-politika agrikola komuni, fejn ikunu meħtieġa aġġustamenti minħabba bidliet fis-sitwazzjoni ekonomika (23).
68. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ aspettattivi leġittimi jippreżupponi li l-persuna kkonċernata jkollha tamiet ibbażati fuq assigurazzjonijiet speċifiċi mogħtija lilha mill-amministrazzjoni (24). Fil-kawża prinċipali, madankollu, la l-ELÜPS u lanqas ir-Regolament Nru 51 ma pprovdew speċifikament li l-applikazzjonijiet kollha kienu se jiġu aċċettati.
69. Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-proċess sottomess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li fiż-żmien meta għamlet l-applikazzjoni għal ħlasijiet taż-żona, Otsa Talu kienet taf bl-eżistenza tal-Artikolu 82(7) tar-Regolament Nru 51, biex b’hekk ma jistax jingħad li l-emenda għar-regolament tikser l-aspettattivi leġittimi tagħha li kienet se tirċievi sostenn.
70. Għalhekk, il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma ġiex miksur.
71. Imbagħad, fir-rigward tal-prinċipju tat-trattament ugwali, kif ipprovdiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (25), “skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju tat-trattament ugwali u tan-non-diskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat”.
72. Fil-fehma tiegħi, meta Otsa Talu applikat għas-sostenn, hija evidentement ma kinitx f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward ta’ dawk il-benefiċjarji li diġà kienu parti mill-iskema li kienu daħlu f’impenn multiannwali għal produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent. Otsa Talu setgħet tkun biss f’sitwazzjoni komparabbli mal-bdiewa li bl-istess mod kellhom biss il-ħsieb li japplikaw għal sostenn u li ma kinux (għadhom) saru parti mill-iskema.
73. Għalhekk, l-introduzzjoni tal-miżura inkwistjoni ma setgħetx tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali fir-rigward ta’ Otsa Talu, peress li minn kif jidher hija ġiet ittrattata bl-istess mod bħall-partijiet l-oħra kollha interessati li kienu fl-istess sitwazzjoni (jiġifieri, l-applikanti għal sostenn fl-2005) u taħt l-istess kundizzjonijiet.
74. Għal din ir-raġuni, fil-fehma tiegħi, il-prinċipju tat-trattament ugwali ma ġiex miksur.
75. Fis-sentenza Viamex Agrar Handel u ZVK, (26) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju u li ġie kkonfermat diversi drabi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-qasam tal-politika agrikola komuni [...] għandu jiġi osservat in kwantu tali ukoll mil-leġiżlatur Komunitarju kif ukoll mil-leġiżlaturi u l-qrati nazzjonali li japplikaw id-dritt Komunitarju”. B’analoġija, dan il-prinċipju jrid jiġi osservat ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali fl-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1257/1999.
76. Il-kwistjoni hija jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali, il-miżura inkwistjoni li ttieħdet mill-Estonja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali lilha rikonoxxuta, għandhiex fil-fatt għan li tippromwovi l-iżvilupp rurali (27) u jekk hijiex adatta u neċessarja sabiex jinkiseb dan l-għan.
77. F’dan ir-rigward huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-miżura inkwistjoni hijiex adatta sabiex jinkiseb l-għan mixtieq.
78. Kif speċifikajt fil-punti 58 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena nikkunsidra li, meta titqies l-insuffiċjenza tar-riżorsi tal-baġit, il-miżura inkwistjoni kienet adatta u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tat-tkattir tal-iżvilupp rurali filwaqt li ma imponietx piż fuq l-individwu li kien eċċessiv fir-rigward tal-għan li kien qed jiġi mfittex li jinkiseb. Fl-istess ħin, fil-fehma tiegħi, l-għażla alternattiva li jiġu ridotti l-ħlasijiet kollha proporzjonalment tkun tidher li hija inqas adatta sabiex jinkiseb dan l-għan, peress li l-Estonja tkun qed tinkorri r-riskju li tonqos mill-obbligu “kuntrattwali” tagħha li tissodisfa l-ammont kollu ta’ sostenn previst, u jekk dan jiġi ridott sa punt partikolari jkun probabbli li jagħmilha impossibbli għall-benefiċjarji li kienu diġà qed jipparteċipaw fil-programm ta’ sostenn li jkomplu bil-produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent (28).
79. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nikkunsidra li, meta jitqies kollox, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali, l-introduzzjoni tal-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
IV – Konklużjoni
80. Jien għalhekk tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi rrinvjati mir-Riigikohus:
Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistipula kundizzjoni li tipprovdi li huma biss l-applikanti li, matul is-sena finanzjarja ta’ qabel, ikunu diġà bbenefikaw minn deċiżjoni tal-għoti ta’ sostenn agroambjentali, tat-tip imsemmi fl-Artikoli 22 sa 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti, u li jkunu assumew impenn agroambjentali, li jistgħu jibqgħu jingħataw sostenn, ma timpedixxix, fil-prinċipju, il-kisba tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391), ġie parzjalment imħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2005 L 277, p. 1), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1257/1999”).
3 – Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA), entità governattiva li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministeru tal-Agrikoltura tar-Repubblika tal-Estonja, li l-mandat tagħha inter alia hu li torganizza l-għoti ta’ sostenn mill-Istat u sostenn mill-UE għall-agrikoltura u żvilupp rurali (iktar ’il quddiem “l-Uffiċċju”).
4 – L-Artikoli 22, 23 u 24 tar-Regolament Nru 1257/1999 huma ċċitati hawnhekk kif emendati bir-Regolament (KE) Nru 1783/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1257/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391).
5 – Euroopa Liidu ühise põllumajanduspoliitika rakendamise seadus.
6 – RT (Gazzetta Uffiċjali) I 2004, 24, 163.
7 – Põllumajandusliku keskkonnatoetuse saamise täpsemad nõuded ning toetuse taotlemise, taotluse menetlemise ja toetuse maksmise täpsem kord (RTL (Suppliment tal-Gazzetta Uffiċjali) 2004, 51, 879).
8 – Id-digriet tar-rinviju jispeċifika li Agrofarm kienet, fl-2004, diġà kisbet iż-żerriegħa neċessarja sabiex tinżera’ fir-rebbiegħa tal-2005, u b’hekk għamlet it-tħejjijiet għal produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent.
9 – Agrofarm ingħaqdet ma’ Otsa Talu.
10 – Ara l-punti 25 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
11 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, C-428/06 sa C-434/06, Ġabra p. I‑0000, punt 39, li tiċċita f’dan is-sens is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et, C-422/93 sa C-424/93, Ġabra p. I-1567, punt 28; sentenza tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali, C-314/96, Ġabra p. I-1149, punt 18 u sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco, Ġabra p. I-523, punt 27.
12 – Sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, C‑152/03, Ġabra p. I‑1711, punti 13 sa 15 u l-ġurisprudenza ċċitata.
13 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber, C‑336/00, Ġabra p. I‑7699, punti 39 u 40.
14 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1987, L’Étoile commerciale u CNTA vs Il-Kummissjoni, 89/86 u 91/86, Ġabra p. 3005, punt 12. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et, 205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, u sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, 262/87, Ġabra p. 225. Ara wkoll R. Mögele, “The financing system of the Common Agricultural Policy and its legal framework”, Irish Journal of European Law, Round Hall Sweet & Maxwell, 2 (1995), p. 139 u 140: “filwaqt li biex jiġu stabbiliti r-regoli tal-PAK din fil-parti l-kbira hija kompetenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja [...], imiss lill-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom biex jimplementaw u japplikaw dawn ir-regoli, skont il-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-istruttura istituzzjonali tal-Komunità u r-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha” [Traduzzjoni libera]; u J.A. McMahon, EU Agricultural Law, Oxford University Press, 2007, p. 30: “tibdil f’dan il-qasam, li stabbilixxa qafas Komunitarju għal kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin, xorta waħda jħalli grad ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri” [Traduzzjoni libera] u l-ġurisprudenza ċċitata.
15 – Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) (ĠU 2004 L 153, p. 30) (“Regolament Nru 817/2004”).
16 – Fil-fehma tiegħi, isegwi minn dan l-artikolu li l-fatt li l-miżura inkwistjoni ma kinitx oriġinarjament prevista fil-Pjan ta’ Żvilupp tal-Estonja għas-snin 2004 sa 2006 mhuwiex deċiżiv.
17 – Ara s-sentenza Huber, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 61 sa 64. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber f’dik il-kawża, punti 74 sa 76 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fis-sentenza Deutsche Milchkontor et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-implementazzjoni tal-liġi nazzjonali ma għandhiex taffettwa l-portata u l-effettività tad-dritt Komunitarju”.
18 – Ara wkoll ir-raba’ premessa tal-preambolu għar-Regolament Nru 817/2004. Barra minn hekk, il-ħdax-il premessa tipprovdi li “f’dak li jirrigwardja l-agri-ambjent [...], il-ħtiġijiet minimi li għandhom ikunu milħuqa mill-bdiewa b’konnessjoni mad-diversi agri-ambjenti [...] impenji li għandhom jassiguraw applikazzjoni bilanċjata ta’ sostenn billi jitqiesu l-objettivi u għandu għalhekk jikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli rurali”.
19 – Jiena nista’ nżid li d-disgħa u għoxrin premessa tal-preambolu għar-Regolament Nru 1257/1999 tippreċiża li “[...] irwol prominenti għandu jingħata lill-istrumenti ta’ agri-ambjent biex isostnu l-iżvilupp sostenibbli f’żoni rurali u jwieġbu għat-talba dejjem tiżdied tas-soċjetà għal servizzi ambjentali”.
20 – Fi kliem ieħor, l-emenda tar-Regolament Nru 51 li żiedet kundizzjoni addizzjonali li fl-2005 persuna setgħet tapplika għal sostenn għal produzzjoni li tiffavorixxi l-ambjent jekk tkun saret deċiżjoni fl-2004 li tagħti lill-applikant sostenn bħal dan u l-applikant kien daħal f’impenn sabiex jissodisfa l-obbligi u r-rekwiżiti meħtieġa biex jinkiseb sostenn agroambjentali għal perijodu ta’ ħames snin.
21 – Sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, C-384/05, Ġabra p. I‑289, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata. Rigward il-qasam tal-agrikoltura u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, ara, pereżempju, D. Bianchi, La politique agricole commune (PAC), Bruylant Bruxelles, 2006, p. 62 sa 69; J.A. McMahon, EU Agricultural Law, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, p. 28 sa 33.
22 – Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, C-17/03, VEMW et, Ġabra p. I‑4983, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata.
23 – Ara, b’analoġija fir-rigward tal-istituzzjonijiet Komunitarji, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C-63/93, Ġabra p. I‑569, punt 20: “[il-]prinċipju [ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi], li hu parti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju […] huwa korollarju tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jeħtieġ li r-regoli legali jkunu ċari u preċiżi, u li għandu l-għan li jiżgura li sitwazzjonijiet u relazzjonijiet legali rregolati mid-dritt Komunitarju jibqgħu prevedibbli. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li fil-qasam ta’ l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, li l-għan tagħhom jinvolvi aġġustamenti kontinwi minħabba tibdil fis-sitwazzjoni ekonomika, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux, b’mod leġittimu, jippretendu li ma jkunux suġġetti għal restrizzjonijiet li joħorġu minn regoli futuri tal-politika tas-suq jew tal-politika strutturali”, u l-ġurisprudenza ċċitata f’dan il-punt. Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata.
24 – Ara, b’analoġija, id-digriet tas-6 ta’ Mejju 1997, Guérin Automobiles vs Il-Kummissjoni, T‑195/95, Ġabra p. II‑171, punt 20.
25 – Sentenza tal-14 ta’ April 2005, C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 71, li tiċċita s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-304/01, Ġabra p. I‑7655, punt 31; u s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 70. Ara wkoll is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et, C-133/93, C‑300/93 u C‑362/93, Ġabra p. I‑4863, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.
26 – Sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, C-37/06 u C‑58/06, Ġabra p. I‑0000, punti 33 u 35.
27 – Skont il-wieħed u tletin premessa tal-preambolu għar-Regolament Nru 1257/1999, l-għan li “tibqa’ biex tinkoraġġixxi bdiewa li jservu s-soċjetà [...] bl-introduzzjoni jew il-kontinwazzjoni ta’ l-użu ta’ prattiċi tal-biedja [li jiffavorixxu l-ambjent] […]”
28 – Ara fir-rigward tal-istituzzjonijiet Komunitarji, is-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet fil-punt 134 li “d-data ppreżentata mill-istituzzjonijiet Komunitarji ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk il-leġiżlatur Komunitarju setax, mingħajr ma jeċċedi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu li huwa għandu fil-qasam [tal-Politika Agrikola Komuni], jasal għall-konklużjoni li l-istabbiliment ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna speċifika għall-qoton għal 35 % tat-total ta’ l-għajnuna eżistenti fl-iskema ta’ għajnuna preċedenti huwa biżżejjed sabiex jiġi garantit l-għan espost fil-ħames premessa tar-Regolament Nru 864/2004, li huwa li tiġi assigurata l-profitabbiltà u, għaldaqstant, it-tkomplija ta’ din il-kultivazzjoni, għan li jirrifletti dak preskritt fil-paragrafu 2 tal-Protokoll Nru 4.”
Full & Egal Universal Law Academy