KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
Poiares Maduro
ippreżentati fl-1 ta’ Ottubru 2009 1
Kawża C‑246/07
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Renju tal-Isvezja
1. Id-dmir ta’ koperazzjoni leali bejn il-Komunità u l-Istati Membri għandu sinjifikat partikolari fl-eżerċizzju tal-kompetenzi taħt it-Trattat: dan jgħodd iktar u iktar meta dawn il-kompetenzi jkunu kondiviżi.
2. Huwa f’dan il-kuntest li feġġ il-każ preżenti. Kemm il-Komunità kif ukoll l-Isveżja huma partijiet għal ftehim multilaterali li jirregola sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent. L-Isveżja tista’ tipproponi li żżid sustanza ġdida għall-ftehim, jew hija obbligata taġixxi flimkien mal-Komunità?
3. It-tweġiba, kif se jsir evidenti, ma tiddependix biss fuq jekk l-Isveżja għandhiex il-kompetenza li taġixxi individwalment; din tiddependi wkoll fuq kif tagħżel li taġixxi.
I – Il-kuntest fattwali u ġuridiku
4. Il-każ preżenti jikkonċerna r-regolamentazzjoni tal-materjal organiku persistenti li jniġġes (iktar ’il quddiem il-“POPs”), sustanzi li huma partikolarment ta’ ħsara għall-ambjent u s-saħħa umana. Il-POPs huma tossiċi, jirreżistu d-degradazzjoni u jakkumulaw bioloġikament (jiġifieri jħallu l-effett tagħhom tul il-katina tal-ikel). Bħala tali, l-effetti negattivi tal-POPs - permezz tat-trasport bl-ajru, l-ilma u l-ispeċijiet migratorji – jistgħu jseħħu ferm ’il bogħod mill-post tar-rilaxx inizjali tagħhom.
5. Dawk l-effetti transkonfinali negattivi wasslu biex il-POPs jiġu rregolati taħt diversi ftehim ambjentali multilaterali. Wieħed minn dawn il-ftehim multilaterali hija l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-POPs (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”) (1). Il-Konvenzjoni hija ftehim imħallat, u kemm il-Komunità kif ukoll l-Isveżja huma partijiet għaliha. Din tobbliga l-partijiet inaqqsu jew jeliminaw ir-rilaxx ta’ POPs elenkati fl-annessi tagħha.
6. Kull parti għall-Konvenzjoni tista’ tipproponi li sustanza tiġi kkunsidrata bħala POP u tiġi miżjuda fl-annessi għall-Konvenzjoni (iktar ’il quddiem “miżjuda fil-Konvenzjoni”). Essenzjalment, wara li sustanza tiġi proposta b’dan il-mod, il-Kumitat ta’ Verifika tal-POPs (iktar ’il quddiem il-“KVPOP”) jivverifika jekk is-sustanza tissodisfax l-obbligi tal-Konvenzjoni, iwettaq stima tar-riskju, u joħroġ rakkomandazzjoni finali dwar iż-żieda possibbli tas-sustanza.
7. Matul il-verifika teknika tal-KVPOP il-partijiet għall-Konvenzjoni jistgħu jissottomettu osservazzjonijiet u, wara li titwettaq din il-verifika, dawn għandhom l-aħħar deċiżjoni dwar jekk sustanza tiġix miżjuda fil-Konvenzjoni. Normalment tinżamm konferenza tal-partijiet, darba fis-sena, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar emendi bħal dawn iż-żidiet. Il-konferenza tal-partijiet tfittex li tasal għad-deċiżjonijiet bl-unanimità imma fin-nuqqas ta’ dan, din tista’ tadotta deċiżjonijiet b’maġġoranza ta’ tliet kwarti.
8. Huwa importanti li jiġi osservat li, taħt il-Konvenzjoni, kwalunkwe parti tista’ tirrifjuta li tkun marbuta b’xi emenda. Din għandha perijodu ta’ sena, li jikkoinċidi mal-perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-emenda, biex tieħu deċiżjoni f’dan is-sens.
9. Ftehim multilaterali ambjentali ieħor dwar il-POPs huwa l-Protokoll dwar il-POPs għall-Konvenzjoni dwar it-Tniġġiż Transkonfini tal-Arja Li Jwassal Ħafna [it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali f’Distanzi Twal] (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”) (2). Il-Protokoll jixbah ħafna f’diversi aspetti lill-Konvenzjoni imma, kif jindika ismu, fil-parti l-kbira tiegħu jikkonċerna t-trasport bl-ajru ta’ materjal li jniġġes. Wieħed mix-xebh ewlenin huwa dak li kull parti għall-Protokoll tista’ tipproponi li sustanza tiżdied mal-lista tal-POPs fl-annessi għall-Protokoll (iktar ’il quddiem “miżjuda fil-Protokoll”). Kemm il-Komunità kif ukoll l-Isveżja huma partijiet għall-Protokoll.
10. L-effetti negattivi transkonfinali tal-POPs wasslu wkoll għar-regolamentazzjoni tagħhom fil-livell Komunitarju, b’mod partikolari bir-Regolament Nru 850/2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament POPs”) (3).
11. Il-każ preżenti jittratta l-proposta tal-Isveżja li jiżdied fil-Konvenzjoni grupp partikolari ta’ sustanzi: is-sulfonati tal-perfluworooktan (iktar ’il quddiem il-“PFOs”). Mhuwiex ikkontestat li l-PFOs jistgħu jiġu kkwalifikati bħala POPs. Madankollu, fil-mument li saret l-proposta tal-Isveżja l-PFOs ma kinux inklużi fl-ebda wieħed mill-istrumenti internazzjonali jew Komunitarji li jirregolaw il-POPs.
12. Hu importanti li tiġi osservata l-kronoloġija tal-avvenimenti li wasslu għall-proposta tal-Isveżja, kif ukoll jekk dawk l-avvenimenti humiex relatati mal-Konvenzjoni jew mal-Protokoll.
13. Fl-4 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni pproponiet li l-Kunsill jawtorizzaha tippreżenta, f’isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, proposta biex jiġu emendati l-annessi kemm għall-Konvenzjoni kif ukoll għall-Protokoll. Il-proposta tal-Kummissjoni ma kinitx tinkludi l-PFOs.
14. F’Awwissu 2004 wkoll, l-Isveżja pproponiet li l-PFOs jiġu miżjuda mal-Protokoll (4).
15. Fit-8 ta’ Settembru 2004 ltaqa’ “il-grupp internazzjonali dwar l-ambjent” tal-Kunsill. Matul il-laqgħa, l-Isveżja qajmet il-kwistjoni dwar iż-żieda tal-PFOs fil-Konvenzjoni, u stqarret li hija stenniet li żieda bħal din tkun is-suġġett ta’ proposta komuni u li fil-frattemp hija ma kinitx se tissottometti l-proposta tagħha. L-Isveżja reġgħet qajmet il-kwistjoni waqt il-laqgħa tal-grupp tat-12 ta’ Jannar 2005.
16. F’Marzu 2005, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar proposta komuni biex jiġu miżjuda ċerti sustanzi fil-Konvenzjoni. L-għażla ta’ dawk is-sustanzi kellha ssir abbażi tas-sustanzi li diġà kienu inklużi fil-Protokoll, li kienu koperti wkoll bir-regolament dwar il-POPs. Kif issemma iktar ’il fuq, dak iż-żmien il-PFOs ma kinux koperti bl-ebda wieħed minn dawk l-istrumenti (peress li ma kienet intlaħqet ebda konklużjoni dwar il-proposta tal-Isvezja taħt il-Protokoll).
17. Fis-6 ta’ Lulju 2005, il-“grupp internazzjonali dwar l-ambjent” tal-Kunsill wasal għal ftehim dwar proposta komuni biex il-PFOs jiġu miżjuda fil-Protokoll ġaladarba l-Kummissjoni kienet issottomettiet proposta dwar miżuri ta’ kontroll fil-livell Komunitarju.
18. Din il-laqgħa tal-“grupp internazzjonali dwar l-ambjent” ittrattat ukoll iż-żieda tal-PFOs fil-Konvenzjoni. L-Isveżja ħarrxet il-pożizzjoni tagħha u għamlitha ċara li, jekk ma kienx ser jintlaħaq ftehim dwar proposta komuni, hija kienet se tissottometti proposta bħal din b’mod unilaterali. Minkejja dan, il-grupp irnexxielu jiftiehem biss li għandha tiġi prosposta żieda ta’ sustanzi, u d-deċiżjoni dwar liema sustanzi għandhom jiżdiedu ġiet posposta għal data iktar tard.
19. Fl-14 ta’ Lulju 2005, l-Isveżja aġġixxiet b’mod konformi mal-pożizzjoni ddikjarata tagħha u pproponiet unilateralment iż-żieda tal-PFOs fil-Konvenzjoni, u informat lill-Presidenza fl-istess ġurnata. Il-proposta tal-Isveżja hi, kif ġie msemmi, l-oġġett tal-kawża preżenti u għaldaqstant għandha tiġi evalwata b’referenza għas-sitwazzjoni prevalenti fiż-żmien materjali. Madankollu, tajjeb li jiġu osservati xi avvenimenti sussegwenti.
20. Fit-8 ta’ Settembru 2005, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Komunità u lill-Istati Membri tagħha biex jippreżentaw proposta komuni ħa jiżdiedu l-PFOs fil-Protokoll (5) ġaladarba l-Kummissjoni kienet issottomettiet proposta rigward restrizzjonijiet taħt id-Direttiva 76/769 (6) dwar l-użu tal-PFOs.
21. Fl-24 ta’ April 2006, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Komunità u lill-Istati Membri tagħha jippreżentaw proposta komuni biex jiżdiedu ċerti sustanzi – li ma kinux jinkludu l-PFOs – fil-Konvenzjoni (7).
22. Jekk u meta l-PFOs jiġu finalment miżjuda fil-Konvenzjoni jew fil-Protokoll, dawn jiġu wkoll inklużi fost is-sustanzi koperti bir-Regolament POPs (8).
23. Wara li l-Isvezja kienet ippreżentat il-proposta tagħha, ġiet ukoll proposta u adottata direttiva li tintroduċi miżuri ta’ kontroll dwar il-PFOs (9).
24. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Isveżja fejn tqajjem il-punt dwar il-kompatibbiltà tal-proposta tal-Isveżja mad-dritt Komunitarju. Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposti tal-Isveżja għall-ittra ta’ intimazzjoni u għas-sussegwenti opinjoni motivata, hija ppreżentat dan ir-rikors skont l-Artikolu 226 KE.
II – Analiżi
25. Mill-bidu nett għandu jkun ċar li l-Kummissjoni ma tikkontestax jekk il-PFOs għandhomx ikunu kkunsidrati bħala POPs; tabilħaqq, leġiżlazzjoni Komunitarja sussegwenti kkonfermat li dawn hekk huma. Meta jiġu kkunsidrati l-effetti transkonfinali tal-PFOs u fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, l-uniku mezz possibbli għall-Isveżja biex tevita effetti negattivi bħal dawn fuq l-ambjent u s-saħħa taċ-ċittadini tagħha kien li tirrikorri għal strumenti internazzjonali.
26. Il-Kummissjoni tikkontendi li l-Isveżja ma tħallietx taġixxi fir-rigward tal-perikli li joħolqu l-PFOs. Din targumenta li qafas regolatorju Komunitarju – partikolarment ir-Regolament POPs u d-Direttiva 76/769 – kien diġà jeżisti, anki jekk fiż-żmien materjali dan il-qafas regolatorju ma kienx jinkludi l-PFOs.
27. Dan, kif xi Stati Membri rrilevaw korrettament, huwa l-argument tal-kompetenza esklużiva. Madankollu, il-Kummissjoni ma qajmitx il-kwistjoni ta’ ksur ta’ kompetenza esklużiva fl-istadju rekwiżit tal-proċedura prekontenzjuża. Għaldaqstant, din l-eċċezzjoni għandha tiġi kkunsidrata li hija inammissibbli u l-argumenti relevanti għandhom jiġu mwarrba.
28. Madankollu, anki jekk eċċezzjoni bbażata fuq ksur ta’ kompetenza esklużiva kienet ammissibbili, din tkun destinata li tfalli. Kif ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, “il-kompetenza esterna tal-Komunità dwar il-ħarsien tal-ambjent … mhijiex esklużiva iżda, fil-prinċipju, hija maqsuma bejn il-Komunità u l-Istati Membri.” (10)
29. Kemm il-qafas regolatorju Komunitarju li fuqu tibbaża ruħha l-Kummissjoni kif ukoll l-adeżjoni tal-Isveżja għall-Konvezjoni huma bbażati fuq it-Titolu XIX tat-Trattat KE, dwar l-ambjent (Artikoli 174 KE sa 176 KE). It-tqassim tal-kompetenzi magħmul mit-Trattat huwa inklinat lejn l-azzjoni: la l-Istati Membri u lanqas il-Komunità ma jistgħu jimpedixxu lil xulxin milli jippruvaw jilħqu livell ogħla ta’ ħarsien tal-ambjent.
30. Bħala tali, il-qafas regolatorju tal-Komunità inkwistjoni għandu jinftiehem li qed jintroduċi standards minimi, li bl-ebda mod ma jimpedixxu azzjoni ulterjuri mill-Istati Membri. Peress li dan il-qafas fiż-żmien materjali ma kienx ikopri l-PFOs, il-Komunità ma setgħetx kisbet kompetenza esklużiva fuq ir-regolamentazzjoni tagħhom (11).
31. Filwaqt li eċċezzjoni ta’ kompetenza esklużiva hija inammissibbli, fil-proċedura prekontenzjuża l-Kummissjoni korrettament qajmet il-kwistjoni tal-ksur tal-Artikolu 10 KE, li fuqu jien se nikkonċentra (12). Dan l-allegat ksur jista’ jitqies taħt żewġ aspetti.
32. L-ewwel wieħed huwa sostantiv: dan jinvolvi allegazzjoni li l-proposta tal-Isveżja li jiġu miżjuda l-PFOs – jew tabilħaqq kwalunkwe sustanza – fil-Konvenzjoni, tikkomprometti l-unità tar-rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha.
33. It-tieni wieħed huwa proċedurali: dan jissorpassa l-kwistjoni dwar jekk l-Isveżja hijiex intitolata tippreżenta proposti bħal dawn, biex minflok tiffoka fuq il-koordinazzjoni ta’ dawk il-proposti ma’ proċess deċiżjonali tal-Komunità li kien għadu għaddej.
34. Naħseb li jkun utli li dawn iż-żewġ aspetti jiġu analizzati separatament.
i) Fuq jekk l-Isveżja tistax tipproponi li żżid il-PFOs fil-Konvenzjoni
35. L-argument prinċipali tal-Kummissjoni huwa li, peress li l-Konvenzjoni hija ftehim imħallat, l-Isveżja mhijiex permessa li taġixxi b’mod individwali, imma biss flimkien mal-Komunità jew jekk hija tkun irrappreżentata mill-Komunità. Għandu jiġi osservat li dan l-argument, kif ifformulat mill-Kummissjoni, jista’ faċilment jiġi applikat għall-ftehim imħallta kollha.
36. Il-ftehim imħallta jsiru l-iktar fejn ikun hemm kompetenzi kondiviżi, bħalma hija s-sitwazzjoni fil-każ preżenti. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-ħtieġa ta’ għaqda fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha tista’ żżomm lil dawn tal-aħħar milli jaġixxu individwalment, anki jekk il-kompetenza tibqa’ kondiviża (13). Madankollu, il-fatt li jitqies li tali regola tkun applikabbli, tkun liema tkun is-sitwazzjoni taħt ftehim imħallat, bla dubju ta’ xejn ikun imur lil hinn minn din il-ġurisprudenza.
37. L-għaqda tar-rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha m’għandhiex valur indipendenti; hija sempliċement espressjoni tad-dmir ta’ koperazzjoni leali taħt l-Artikolu 10 KE (14). Il-kwistjoni jekk din l-għaqda hijiex meħtieġa minħabba d-dmir ta’ koperazzjoni leali tista’ tiġi riżolta biss billi jiġu analizzati l-obbligi stipulati fi ftehim speċifiku.
38. L-istandard għal din l-analiżi, kif għidt iktar ’il fuq, għandu jkun jekk l-eżerċizzju tal-kompetenza kondiviża mill-Istat Membru – f’dan il-każ permezz ta’ ftehim internazzjonali – tistax tikkomprometti serjament l-eżerċizzju ta’ kompetenza Komunitarja (15).
39. Wara analiżi tal-proposta tal-Isveżja biex jiżdiedu l-PFOs fil-Konvenzjoni, jien nista’ nikkonkludi biss li l-kompetenza tal-Komunità mhijiex ipperikolata. Il-proposta tal-Isveżja la tisforza lill-Komunità tkun suġġetta għal regoli li din ma tridx, u lanqas ma taffettwa l-kapaċità tagħha li tipproponi regoli li hija trid.
40. Fir-rigward tal-issuġġettar tal-Komunità għal regoli ġodda, il-Konvenzjoni nnifisha tippermetti lill-Komunità tirrifjuta li tkun marbuta b’xi emendi, bħaż-żieda tal-PFOs (f’każ li l-verifika teknika istigata mill-proposta tal-Isveżja tirriżulta f’emenda bħal din) (16).
41. Fir-rigward tal-abbiltà tal-Komunità li tipproponi regoli ġodda, taħt il-Konvenzjoni l-Komunità tibqa’ libera kemm li tinfluwenza l-verifika teknika tal-PFOs kif ukoll li tagħmel proposti rigward it-trattament tagħhom bl-istess mod daqslikieku kienet ippreżentat il-proposta inizjali hija stess. Kulma għamlet l-Isveżja kien li tat bidu għall-proċedura relevanti, u tat lok għall-verifika teknika tal-PFOs.
42. Il-Kummissjoni semmiet żewġ diffikultajiet li jistgħu jimblukkaw l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità: l-ewwel nett, li din ikollha taġixxi sabiex tevita li tkun marbuta biż-żieda tal-PFOs fil-Konvenzjoni; u, it-tieni, li din iż-żieda tista’ tiskatta talbiet (mhux speċifikati) għal kumpens minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jistgħu jinfluwenzaw negozjati fil-futur dwar sustanzi oħrajn.
43. Jien nara diffikultajiet għall-Komunità, imma li mhumiex eċċessivi. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li diffikultajiet bħal dawn jeħtieġ li jiġu bbilanċjati mad-drittijiet leġittimi tal-Istati Membri u l-preservazzjoni tal-kompetenzi tagħhom. Id-dmir ta’ koperazzjoni leali japplika bl-istess mod għall-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Komunità fir-rigward tal-Istati Membri (17).
44. Kieku l-istituzzjonijiet tal-Komunità kellhom iżommu lill-Isveżja milli tħares b’mod xieraq l-ambjent u s-saħħa taċ-ċittadini tagħha minħabba interessi ekonomiċi vagi, jew sempliċement minħabba li l-Komunità hija meħtieġa tinnotifika l-Konvenzjoni, dawn kienu jrendu l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Isveżja diffiċli żżejjed.
45. Għaldaqstant l-Isveżja hija intitolata tipproponi li jiġu miżjuda l-PFOs fil-Konvenzjoni, bħalma kellha kompetenza li taderixxi għaliha taħt l-Artikolu 174(4) KE. Madankollu, meta tippreżenta xi proposta bħal din, l-Isveżja tkun limitata minħabba l-fatt li l-Komunità hija wkoll parti għall-Konvenzjoni; se nittratta din il-problema fit-taqsima li jmiss.
ii) Fuq jekk l-Isveżja setgħetx tipproponi li żżid il-PFOs fil-Konvenzjoni filwaqt li l-proċess deċiżjonali tal-Komunità kien għadu għaddej
46. L-implikazzjonijiet tad-dmir ta’ koperazzjoni leali ma jintemmux mal-analiżi ta’ jekk kienx possibbli għall-Isveżja teżerċita l-kompetenza tagħha; il-mod ta’ kif għamlet dan huwa daqstant importanti, jekk mhux iktar.
47. Tabilħaqq, l-azzjonijiet tal-Isveżja jistgħu jipperikolaw l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità mhux minħabba s-suġġett tagħhom, imma għaliex dawn jipperikolaw il-proċess deċiżjonali tal-Komunità.
48. Fil-kamp tal-ftehim imħallta, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li Stat Membru għandu d-dmir li jinforma u jikkonsulta l-istituzzjonijiet tal-Komunità qabel ma jieħu azzjoni individwali (18). Jekk it-twettiq ta’ dak id-dmir jiskatta proċess deċiżjonali tal-Komunità, jew huwa integrat fi proċess li jkun għadu għaddej, il-konsegwenza tkun li l-Istat Membru għandu jibda proċess bħal dan b’mod sħiħ u in bona fide.
49. L-implikazzjonijiet tad-dmir ta’ koperazzjoni leali huma għaldaqstant tnejn: l-ewwel, li l-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-proċess deċiżjonali tal-Komunità; u, it-tieni, li dawn għandhom joqogħdu lura milli jieħdu azzjoni individwali, għall-inqas għal perijodu raġjonevoli, sakemm tkun intlaħqet konklużjoni dwar dak il-proċess (19).
50. L-Isveżja tidher li qdiet l-ewwel parti ta’ dak id-dmir b’suċċess: hija ppruvat tilħaq proposta komuni dwar iż-żieda tal-PFOs fil-Konvenzjoni. Madankollu, it-theddid sussegwenti tal-Isveżja li kienet se taġixxi b’mod individwali seta’ jinftiehem li kien maħsub biex jinfluwenza b’mod sproporzjonat il-proċess deċiżjonali tal-Komunità u għaldaqstant biex jippreġudika l-integrità tal-proċess politiku tal-Komunità.
51. Barra dan, l-Isveżja naqset milli taqdi t-tieni parti ta’ dak id-dmir fl-intier tiegħu. Kieku kienet intlaħqet deċiżjoni tal-Komunità li ma jiżdidux il-PFOs fil-Konvenzjoni, hija kienet tkun libera li taġixxi b’mod individwali. Madankollu, eżami preċiż tal-proċess deċiżjonali tal-Komunità juri li l-ebda konklużjoni ma kienet intlaħqet sal-mument li l-Isveżja aġixxiet. Għaldaqstant, l-Isveżja kien imissha qagħdet lura milli taġixxi.
52. Meta tressqet il-proposta tal-Isveżja, kien intlaħaq ftehim fil-“grupp internazzjonali dwar l-ambjent” tal-Kunsill li ssir proposta komuni biex jiġu miżjuda sustanzi fil-Konvenzjoni. Għalkemm kien għad irid jintlaħaq ftehim dwar jekk dawk is-sustanzi kellhomx jinkludu l-PFOs, il-konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill kienu stabbilixxew preferenza għal sustanzi li kienu diġà ġew inklużi fil-Protokoll.
53. Mhux biss l-Isveżja kienet diġà pproponiet li l-PFO’s jiġu miżjuda fil-Protokoll, imma kien hemm ukoll ftehim fil-“grupp internazzjonali dwar l-ambjent” tal-Kunsill li tiġi ppreżentata proposta bħal din taħt il-Protokoll (li fil-fatt iktar tard irriżultat f’deċiżjoni tal-Kunsill). Peress li ż-żieda tal-PFOs fil-Protokoll kienet imminenti, l-Isveżja ma tistax tasserixxi in bona fide li kienet ittieħdet deċiżjoni li l-PFOs ma jiġux proposti fil-Konvenzjoni.
54. Il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kunsill li segwiet il-proposta tal-Isveżja ma inkludietx il-PFOs huwa irrelevanti. Il-proposta tal-Isveżja rendiet superfluwu li ssir proposta mill-Komunità. Fi kwalunkwe każ, l-Isveżja jmissha qagħdet lura milli taġixxi b’mod individwali preċiżament sakemm ittieħdet deċiżjoni ta’ dik xorta, sabiex tiġi rrispettata l-integrità tal-proċess deċiżjonali tal-Komunità u biex ma jiġix ippreġudikat il-bilanċ intern tal-poter tagħha.
55. L-Isveżja targumenta li, kieku ma aġixxietx fil-pront, ma kienx ikun possibbli li tippreżenta l-proposta għaż-żieda tal-PFOs fil-Konvenzjoni lill- konferenza imminenti tal-partijiet, li kien itawwal l-affarijiet għal tal-inqas sena oħra. Madankollu, li jiġi osservat id-dmir ta’ koperazzjoni leali jista’ jinvolvi s-sagrifiċċju tal-interessi ta’ Stat Membru.
56. Il-proċess deċiżjonali tal-Komunità huwa wieħed bil-mod, u l-Istati Membri jridu jirrikonoxxu li mhux se jinkisbu riżultati fil-pront bħal meta jaġixxu b’mod individwali. Jekk, madankollu, dawn kellhom jitħallew jissorpassaw dan il-proċess kulmeta jaqbilhom, il-proċess deċiżjonali tal-Komunità ma jkun iservi għal ebda skop. Barra dan, jien tal-fehma li għandu jiġi eżerċitat grad ta’ prudenza fir-rigward ta’ Stati Membri li jużaw il-kompetenzi esterni tagħhom biex jindaħlu fil-bilanċ intern tal-poter tal-proċess deċiżjonali tal-Komunità.
57. Jien inħares b’simpatija lejn l-argument li l-Istati Membri m’għandhomx jinqabdu fi proċess li ma jispiċċa qatt, fejn deċiżjoni finali mill-Komunità tiġi posposta sal-punt li ma titteħidtx azzjoni. Jekk jiġi ppruvat li dan huwa l-każ, għandu jitqies li tkun ittieħdet deċiżjoni u l-Istati Membri għandhom jitħallew jaġixxu (20). Madankollu, dan ma kienx il-każ hawnhekk: huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li kien għadda ftit iktar minn ġimgħa bejn l-avviż tal-Isveżja li kienet se taġixxi b’mod individwali jekk ma kienx se jintlaħaq ftehim, u l-preżentazzjoni tagħha ta’ proposta.
58. L-Isveżja ma ħallietx li dak il-proċess deċiżjonali jieħu l-kors naturali tiegħu u jwassal għal deċiżjoni tal-Kunsill favur jew kontra ż-żieda tal-PFOs fil-Konvenzjoni. L-Isveżja kien imissha involviet ruħha fil-proċess deċiżjonali tal-Komunità sakemm tintlaħaq deċiżjoni bħal din, anki jekk, politikament, din ħasset li l-isforzi tagħha biex tintlaħaq proposta komuni dwar iż-żieda tal-PFOs fil-Konvenzjoni kellhom id-destin misħut bħal lemmingi li joqorbu lejn ix-xifer ta’ rdum.
III – Konklużjoni
59. Għar-raġunijiet kollha esposti hawn fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li meta pproponiet b’mod unilaterali li s-sulfonati tal-perfluworooktan għandhom jiġu miżjuda fl-annessi għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes qabel ma ttieħdet deċiżjoni dwar dan mill-Komunità, l-Isveżja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE.
1 – Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jnigges ġiet adottata fit-22 ta’ Mejju 2001, u daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2004.
2 – Il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali f’Distanzi Twal ġiet konkluża fl-1979; il-Protokoll imur lura għall-1998.
3 – Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU L 158, p. 7).
4 – L-Isveżja kkjarifikat b’ittra tal-31 ta’ Ottubru 2005 li l-verifika teknika li ġiet mibdija bil-proposta tagħha kienet tabilħaqq maħsuba biex iżżid il-PFOs mal-Protokoll. Kien hemm xi dubji dwar l-intenzjonijiet tal-Isveżja minħabba d-dikjarazzjoni tagħha fir-Rapport tat-22 Sessjoni tal-Eżekuttiv għall-Konvenzjoni dwar Tniġġis tal-Arja Transkonfinali f’Distanzi Twal tal-24 ta’ Jannar 2005, li fil-paragrafu 30 kien jirreferi għall-paragrafu 4(d) ta’ ċerta Deċiżjoni 2003/10 – li jistipula li t-Task Force dwar il-POPs, maħluqa taħt il-Protokoll, għandha “twettaq tali funzjonijiet oħra li l-Korp Eżekuttiv jista’ jassenjalha” (minflok mal-Isveżja rreferiet għall-paragrafu 4(ċ) ta’ dik id-deċiżjoni, li jittratta dwar il-preparazzjoni ta’ “verifiki tekniċi dwar … sustanzi ġodda proposti mill-Partijiet Kontraenti għall-inklużjoni [fil-Protokoll]”.
5 – Dokument 11386/05 tat-22 ta’ Lulju 2005. Il-proċedura bil-miktub fi ħdan il-Kunsill dwar din id-deċiżjoni kienet ġiet magħluqa fit-8 ta’ Settembru 2005 (dokument 13305/05).
6 – Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE, tas-27 ta’ Lulju 1976, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ĠU L 262, p. 201); ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’l isfel.
7 – Deċiżjoni tal-Kunsill 8541/06/KE tal-24 ta’ April 2006; ir-raba’ premessa tagħha taqra: “B’konformità ma’ l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, kwalunkwe parti tista’ tressaq proposti lis-Segretarjat sabiex tiżdied xi kimika fl-Annessi tal-Konvenzjoni. […] Abbażi tal-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mill-qrib fir-rappreżentazzjoni internazzjonali fi ħdan il-Komunità, il-proposti għandhom jitressqu mill-Komunità flimkien ma’ l-Istati Membri.” Il-Kummissjoni żiedet dikjarazzjoni ma’ din id-deċiżjoni, fejn affermat il-fehma tagħha li d-deċiżjoni “issostni għal kollox li l-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu sottomissjonijiet unilaterali li ma jkunx intlaħaq qbil dwarhom fil-Kunsill.”
8 – Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament POPs.
9 – Id-Direttiva 2006/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li temenda għat-tletin darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (sulfonati tal-perfluworooktan) (ĠU L 372, p. 32); id-direttiva kienet proposta mill-Kummissjoni fil-5 ta’ Diċembru 2005.
10 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, Ġabra p. I‑4635, punt 92).
11 – Il-Komunità tista’ tikseb kompetenza esklużiva permezz ta’ regolamentazzjoni interna skont il-prinċipju magħruf tajjeb ERTA; ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra 263, u l-Opinjoni 1/94, Ġabra p. I‑5267, punt 77.
12 – Barra minn hekk il-Kummissjoni sostniet li kien hemm ksur tal-Artikolu 300(1) KE; madankollu, kif ġie rrilevat korrettament mir-Renju Unit, din id-dispożizzjoni tikkonċerna “li jsir xi ftehim”, filwaqt li huwa l-Artikolu 300(2) KE li jittratta dwar il-“pożizzjonijiet li għandhom ikunu adottati f’isem il-Komunità f’organizzazzjoni stabbilita bi ftehim [...], meta dik l-organizzazzjoni tkun imsejħa biex tadotta deċiżjoni li jkollha effetti legali.” Bħala tali, b’mod kuntrarju għal dak li tikkontendi l-Kummissjoni, ksur tal-Artikolu 300(1) KE ma jkoprix il-proposta tal-Isveżja u l-effetti tagħha fuq il-kompetenza tal-Komunità biex tipproponi sustanzi għall-Konvenzjoni.
13 – Ara l-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 108.
14 – Ara C. Hillion, “Mixity and coherence in EU external relations: the significance of the ‛duty of cooperation’”, CLEER Working Papers Nru 2009/2 p. 6.
15 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑205/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, u Il-Kummissjoni vs l-Isveżja, C‑249/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 36 sa 42.
16 – Il-Konvenzjoni tipprekludi l-eżerċizzju doppju ta’ drittijiet minn Stati u organizzazzjonijiet internazzjonali li huma partijiet għaliha u teħtieġ dikjarazzjoni ta’ kompetenza fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. Madankollu, jeżisti qbil fost il-partijiet fil-kawża preżenti li dan ma japplikax fir-rigward tad-dritt li wieħed jirrifjuta li jkun marbut bl-emendi għall-Konvenzjoni. Dik l-interpretazzjoni konsenswali trid tiġi aċċettata, peress li l-eżitu ta’ azzjoni taħt l-Artikolu 226 KE m’għandux jiddependi fuq interpretazzjoni kkontestata ta’ ftehim internazzjonali (ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il-Kummissjoni vs L-Awstrija u Il-Kummissjoni vs L-Isveżja, iċċitati iktar ’il fuq, punt 62, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża C‑118/07 Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punti 34 u 35).
17 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑45/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25); għandu jiġi osservat li din il-kawża kienet tikkonċerna kompetenza esklużiva tal-Komunità.
18 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, Ġabra 2006 p. I‑4635, punt 179).
19 – Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li meta l-proċess deċiżjonali jkun wassal għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim multilaterali, dan jeħtieġ “jekk mhux dmir ta’ astensjoni min-naħa ta’ l-Istati Membri, għall-inqas obbligu ta’ kooperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-istituzzjonijiet komunitarji sabiex jiġi ffaċilitat l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità u li jiggarantixxu l-unità u l-koerenza ta’ l-azzjoni u tar-rappreżentazzjoni internazzjonali ta’ din ta’ l-aħħar” (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju, 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑266/03, Ġabra p. I‑4805, punt 60, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑433/03, Ġabra p.I-6985, punt 66). Peress li f’dawk il-każijiet kienet diġà ntlaħqet konklużjoni fil-proċess deċiżjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonċentrat fuq id-dmir assolut tal-Istati Membri li jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom mad-deċiżjoni tal-Kunsill milħuqa; dmir ta’ astensjoni ġie ammess biss fil-prinċipju peress li, skont ir-rimarki tiegħi iktar ’il fuq, dmir bħal dan ikun japplika biss għal azzjoni ta’ Stat Membru li iktar tista’ serjament tikkomprometti l-għanijiet tad-deċiżjoni tal-Kunsill (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq).
20 – Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Kunsill seta’ jirrinunċja għall-opinjoni tal-Parlament Ewropew jekk dan tal-aħħar ikun naqas milli jagħtiha bi ksur tad-dmir ta’ koperazzjoni leali (ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 1995, Il-Parlament vs Il-Kunsill, Ġabra p. I‑643, punti 26 sa 28).
Full & Egal Universal Law Academy