KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
POIARES MADURO
ppreżentati fis-17 ta’ Diċembru 2008 1(1)
Kawża C‑250/07
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Ellenika
1. Il-kawża preżenti, li saret mill-Kummissjoni Ewropea kontra l-Greċja, tirrigwarda kuntratt ta’ akkwist pubbliku fir-rigward ta’ impjant tal-enerġija fil-gżira ta’ Kreta. Il-Kummissjoni targumenta li l-awtorità kontraenti, meta naqset, fl-ewwel lok, milli tippubblika sejħa għal offerti u, fit-tieni lok, li tagħti fi żmien xieraq ir-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ waħda mill-offerti, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (2).
Il-kuntest fattwali
2. F’Lulju 2003, id-Dimosia Epicheirisi Ilektrismou (Il-Korporazzjoni tal-Enerġija Pubblika tal-Greċja, “DEI”) ippubblikat sejħa għal offerti għall-akkwist u l-istallazzjoni ta’ żewġ unitajiet termoelettriċi għall-impjant tal-enerġija ta’ Atherinolakos fil-gżira ta’ Kreta. DEI kkonkludiet li l-offerti li ġew ippreżentati ma kinux konformi għal kollox mat-termini tas-sejħa għal offerti, u għalhekk il-proġett ġie interrot. F’Mejju 2004 ġiet ippubblikata sejħa għal offerti ġdida rigward l-istess proġett, li kienet ftit differenti mill-ewwel waħda. Il-ħames offerti li ġew ippreżentati b’risposta għat-tieni sejħa għal offerti ġew rifjutati minħabba li dawn kienu “mhux addattati” peress li ma kinux konformi għal kollox ma’ ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi, u l-proċedura ġiet għal darb’oħra interrotta.
3. Fl-14 ta’ Diċembru 2004, mingħajr ma ġiet ippubblikata sejħa għal offerti ġdida, DEI kitbet lill-ħames offerenti li kienu ħadu sehem fit-tieni sejħa għal offerti u talbithom sabiex fi żmien 15-il jum jippreżentaw l-“offerti finanzjarji finali” tagħhom li jikkoreġu kull diskrepanza, speċjalment dawk tekniċi, bejn il-offerti preċedenti tagħhom u l-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett. F’dik l-ittra, DEI spjegat li kienet iddeċidiet li ma tagħmilx sejħa għal offerti minħabba, fost affarijiet oħra, “l-istorja komplessiva tal-każ”; “iż-żmien meħtieġ biex jiġu installati ż-żewġ unitajiet, jiġifieri 29 u 31 xahar rispettivament”; “ir-rekwiżit li jiġu koperti fl-iqsar żmien il-bżonnijiet urġenti, sa mill-2007, tal-gżira ta’ Kreta fir-rigward tal-provvista tal-elettriku’; u “d-dewmien mhux previst fl-għoti tal-kuntratt, li kien dovut għall-eżitu mhux sodisfaċenti tas-sejħiet għal offerti preċedenti”. Il-ħames offerenti kollha li kienu ħadu sehem fit-tieni sejħa għal offerti ppreżentaw offerti ġodda.
4. Fis-7 ta’ Frar 2005, DEI kitbet lil wieħed mill-offerenti fejn irrifjutat l-offerta tiegħu mingħajr ebda motivazzjoni. L-offerent inkwistjoni bagħat tliet ittri lil DEI fl-10 u l-11 ta’ Frar u fl-10 ta’ Marzu 2005 u żewġ ittri lill-Ministeru tal-Iżvilupp fis-17 u l-31 ta’ Marzu 2005 fejn talab li jiġi infurmat bir-raġunijiet għalfejn l-offerta tiegħu ġiet irrifjutata. Finalment, DEI wieġbet fl-4 ta’ April 2005. Sussegwentement, l-offerent ippreżenta rikors quddiem il-Monomeles Protodikio Athinon (Qorti tal-Prim’Istanza, Ateni) għal miżuri provviżorji, iżda r-rikors tiegħu ġie miċħud fis-7 ta’ Lulju 2005. DEI kkonkludiet il-kuntratt ma’ offerent ieħor fil-15 ta’ Settembru 2005.
5. Dan l-offerent ressaq ilment lill-Kummissjoni Ewropea li, wara li qieset li l-mod kif tmexxiet il-proċedura minn DEI kien inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, u wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-valur għoli ħafna tal-kuntratt, bdiet proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Greċja. Billi ma kinitx sodisfatta bir-risposta tal-awtoritajiet Griegi għall-ittra ta’ intimazzjoni u għall-opinjoni motivata tagħha, il-Kummissjoni ressqet kawża fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li l-Greċja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 20(2)(a), dwar proċeduri għal akkwist pubbliċi mingħajr ma qabel issir sejħa għal offerti, u l-Artikolu 41(4), dwar l-obbligu li jingħataw raġunijiet lil offerenti li ma jkunux irnexxew, tad-Direttiva 93/38.
I – In-nuqqas ta’ sejħa għal offerti
6. Id-dispożizzjoni applikabbli hija l-Artikolu 20(2)(a) tad-Direttiva 93/38 li tistabbilixxi: “[e]ntitajiet kontraenti jistgħu jużaw proċedura mingħajr ma qabel jagħmlu sejħa għal kompetizzjoni [offerti] fil-każijiet li ġejjin … fin-nuqqas ta’ sejħiet għal offerti [offerti] jew sejħiet għal offerti [offerti] addattati bħala reazzjoni għal proċedura għal sejħa minn qabel għall-kompetizzjoni, sakemm il-kundizzjonijiet oriġinali tal-kuntratt ma nbidlux sostanzjalment.” Kif ġie indikat korrettement mill-Gvern Grieg, dik id-dispożizzjoni tagħti s-setgħa lil awtoritajiet kontraenti li jgħaddu mingħajr ir-rekwiżit ta’ sejħa għal offerti meta t-tliet kundizzjonijiet segwenti jiġu sodisfatti kollha: (i) tkun diġà saret tali sejħa għal offerti, (ii) l-ebda offerti, jew offerti addattati ma jkunu ġew ippreżentati u (iii) il-kundizzjonijiet oriġinali tal-kuntratt ikunu essenzjalment baqgħu l-istess.
7. Fil-każ preżenti, huwa ċar li l-ewwel kundizzjoni ġiet sodisfatta. Il-Gvern u l-Kummissjoni ma jaqblux dwar jekk it-tieni u t-tielet kundizzjonijiet ġewx sodisfatti wkoll.
Il-kunċett ta’ offerti mhux addattati
8. DEI irrifjutat l-offerti ppreżentati b’reazzjoni għat-tieni sejħa għal offerti għar-raġuni li dawn kienu “mhux addattati” peress li ma kinux jikkonformaw għal kollox ma’ ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi. Din kienet korretta fil-karatterizzazzjoni tagħha tal-offerti? Fi kliem ieħor, kif għandu jiġi interpretat it-terminu “mhux addattati”? Din hija domanda importanti għaliex it-tweġiba għaliha tiddetermina jekk l-entità kontraenti tistax tagħti l-kuntratt mingħajr ma tippubblika sejħa għal offerti. Jekk l-offerti ppreżentati jistgħu jiġu korrettament deskritti bħala “mhux addattati”, l-ebda sejħa għal offerti oħra ma tkun meħtieġa; madankollu, jekk l-offerti li ġew irrifjutati ma jistgħux jitqiesu bħala “mhux addattati”, l-entità kontraenti għandha l-obbligu li tirrepeti l-proċedura kollha.
9. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li hija biss offerta li evidentement ma tissodisfax il-ħtiġiet tal-awtorità kontraenti li tidħol fil-kategorija ta’ offerta “mhux adatta”; diskrepanzi oħra, ta’ natura inqas serja, jistgħu jiġġustifikaw ir-rrifjut ta’ offerta, imma ma jistgħux jagħmluha “mhux addattata” u b’hekk jiftħu t-triq lil awtorità kontraenti sabiex tagħti l-kuntratt mingħajr ma tiġi segwita l-proċedura ta’ sejħa għal offerti tas-soltu. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Grieg jargumenta favur tifsira iktar liberali tat-terminu “mhux addattata”. Filwaqt li jagħmel enfażi kunsiderevoli fuq il-premessa 45 tal-preambolu għad-direttiva, li tipprovdi li “ir-regoli li għandhom jiġu applikati mill-entitajiet ikkonċernati għandhom jistabbilixxu struttura għall-prattika ta’ kummerċ b’saħħtu u għandhom iħallu l-massimu ta’ flessibbiltà”, dan jissottometti li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jingħataw setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rifjut bħala “mhux addattati” tal-offerti kollha li ma jissodisfawx għal kollox il-kriterji stabbiliti fis-sejħa għal offerti, u wara għandhom ikunu jistgħu jipproċedu b’sejħa għal offerti ġdida.
10. Jiena naħseb li l-interpretazzjoni ssuġġerita mill-Gvern Grieg hija wiesgħa żżejjed. Fl-evalwazzjoni ta’ kemm hija wiesgħa s-setgħa diskrezzjonali li jgawdu minnha l-awtoritajiet kontraenti, għandhom qabel kollox jiġu osservati r-rekwiżiti tat-Trattat. Fis-sentenza Teleaustria, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi kienu jaqgħu barra mill-iskop tad-direttivi dwar akkwisti pubbliċi, iżda sostniet li l-awtoritajiet kontraenti li jagħmluhom kienu marbuta, b’mod ġenerali, bir-regoli fundamentali tat-Trattat, u b’mod partikolari, bil-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, li jimplika obbligu ta’ trasparenza (3). Wara kompliet billi spjegat x’kien il-kontenut ta’ dan l-obbligu ta’ trasparenza: “[d]ak l-obbligu ta’ trasparenza li huwa impost fuq l-awtorità kontraenti li jikkonsisti f’li jiġi żgurat, għall-benefiċċju ta’ kull offerent potenzjali, livell ta’ pubbliċità suffiċjenti li jagħmilha possibbli li s-suq tas-servizzi jinfetaħ għall-kompetizzjoni u l-imparzjalità tal-proċeduri tal-akkwisti li għandhom jiġu eżaminati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (4). Għaldaqstant, it-trasparenza fl-akkwisti pubbliċi hija rekwiżit tad-dritt Komunitarju primarju u, mill-inqas tinvolvi xi forma ta’ pubbliċità. L-importanza tal-pubbliċità hija doppja: fl-ewwel lok, offerenti potenzjali jsiru jafu bil-fatt li teżisti opportunità ta’ negozju, li tista’ eventwalment twassal għal żieda fil-livell ta’ kompetizzjoni għall-kuntratt, billi x’aktarx li jiġu ppreżentati iktar offerti; fit-tieni lok, il-pubbliċità tilqa’ kontra l-parzjalità u l-korruzzjoni peress li tiffaċilita l-verifika tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku (5). Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-trasparenza hija marbuta man-nondiskriminazzjoni u tiġi meqjusa bħala mekkaniżmu li jiżgura konformità ma’ dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju (6).
11. Punt ieħor li huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tat-terminu “mhux addattata” huwa li wieħed mill-għanijiet tar-regoli tal-akkwist pubbliku huwa l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq. Fis-sentenza riċenti tagħha Il-Kummissjoni vs L-Italja, fejn il-Kummissjoni sostniet li l-Italja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt numru ta’ direttivi inkluża d-Direttiva 93/38, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[id-direttivi] [h]uma intiżi li jeliminaw il-prattiċi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni in ġenerali u s-sehem f’kuntratti pubbliċi taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn sabiex jimplementaw, b’mod partikolari, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti, rispettivament, fl-Artikoli 43 KE u 49 KE” (7). Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja f’każ preċendenti dwar id-Direttiva 93/37/KEE (8), “l-għan ewlieni tad-Direttiva [...] huwa dak li kuntratti pubbliċi jiġu esposti għall-kompetizzjoni. L-espożizzjoni għall-kompetizzjoni Komunitarja b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mid-Direttiva tiżgura li l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux jistgħu jirrikorru għall-favoritiżmu [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (9). Għaldaqstant, kompetizzjoni effettiva tneħħi l-ostakli li jżommu lil parteċipanti ġodda milli jidħlu fis-suq; hija ta’ benefiċċju għal entitajiet kontraenti li jistgħu jagħżlu minn fost iktar offerenti, u b’hekk huwa iktar probabbli li dawn jakkwistaw valur għal flushom; u tgħin biex tinżamm l-integrità tal-proċeduri għall-akkwist pubbliku.
12. Kif juru b’mod ċar is-sentenzi msemmija, ir-rekwiżit ta’ sejħa għal offerti huwa bbażat fuq id-dritt Komunitarju primarju, u dan għandu jiġi osservat. L-għoti ta’ kuntratti mingħajr ma ssir sejħa għal offerti jista’ jippreġudika mhux biss lil offerenti potenzjali iżda anki lill-pubbliku, li jħallas għal proġetti ta’ akkwist pubbliku permezz tat-taxxi, u jista’ jgħawweġ in-natura kompetittiva tas-suq tal-akkwisti pubbliċi, u jippreġudika l-effettività tar-regoli tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali Komunitarji. Għal din ir-raġuni, dispożizzjoni li tippermetti lil awtorità kontraenti li tipproċedi mingħajr sejħa għal offerti għandha tiġi interpretata b’mod strett. L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 93/38 huwa dispożizzjoni ta’ dan it-tip. Dan jibda billi jipprovdi li awtorità kontraenti tista’ tagħti kuntratt mingħajr sejħa għal offerti u wara jkompli billi jistabilixxi b’mod eżawrjenti l-każijiet fejn dan huwa possibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il-mod korrett ta’ kif għandha tiġi interpretata din id-dispożizzjoni fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, kawża li kienet tirrigwarda s-subparagrafi (ċ) u (d) tagħha, dwar kuntratti li għal raġunijiet tekniċi jew artistiċi jistgħu jsiru biss minn kuntrattur partikolari, u każijiet ta’ urġenza estrema rispettivament: “għandu jitfakkar [li], preliminarjament, f’dak li jirrigwarda d-derogi għan-normi relattivi għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2)(ċ) u (d) tad-Direttiva 93/38 iridu jiġu interpretati b’mod ristrett” (10). Il-kawża preżenti għandha tiġi deċiża taħt is-subparagrafu (a) (dwar in-nuqqas ta’ offerti u offerti “mhux addattati”), li trid tiġi interpretata bl-istess mod strett bħas-subparagrafi (ċ) u (d), peress li m’hemm xejn la fl-ispirtu u lanqas fil-kliem tal-Artikolu 20(2) jew fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Il-Greċja li jista’ jiġġustifika mod ta’ interpretazzjoni differenti.
13. Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, l-interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu “mhux adatti” ssuġġerita mill-Gvern Grieg ma tistax tiġi aċċettata. Li entitajiet kontraenti jitħallew jinvokaw anki diskrepanzi minuri fl-offerti ppreżentati biex jiġu rrifjutati bħala “mhux addattati”, fil-prattika jfisser li dawn ikollhom diskrezzjoni deċiżiva dwar jekk sejħa għal offerti tiġix ippubblikata jew le. Awtorità kontraenti li trid “tirrikorri għall-favoritiżmu”, biex jintuża l-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ordine degli Architetti, tista’ faċilment tidentifika punt fir-rigward ta’ liema offerta ppreżentata ma tkunx tikkonforma għalkollox mal-ispeċifikazzjonijiet ta’ kuntratt, tirrifjutaha bħala “mhux addattata” u tipproċedi biex tagħti l-kuntratt mingħajr ma ssir sejħa għal offerti ġdida. Dan jgħodd iktar fil-każ ta’ proġetti kbar li jeħtieġu kompetenza teknika avvanzata fejn ikun mistenni li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ikunu kkumplikati ħafna. Iżda dan huwa preċiżament il-periklu li kontra tiegħu r-regoli Komunitarji dwar l-akkwist pubbliku, kemm dawk li jinsabu fit-Trattat kif ukoll dawk li jinsabu f’leġiżlazzjoni sekondarja, għandhom l-għan li jgħassu. B’kuntrast ma’ dan, l-interpretazzjoni li saret mill-Kummissjoni, jiġifieri li offerta tista’ tiġi rrifjutata bħala “mhux addattata”, u b’hekk l-awtorità kontraenti titħalla tipproċedi mingħajr sejħa għal offerti, fil-każ biss li l-offerta ma tistax tkopri l-ħtiġiet ta’ dik l-entità, tħalli lill-awtorità kontraenti biżżejjed setgħa diskrezzjonali sabiex tivvaluta l-offerti ppreżentati filwaqt li tiżgura li r-regoli Komunitarji dwar l-akkwist pubbliku ma jiġux evitati.
14. Insostenn tal-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 20(2)(ċ) tad-Direttiva 93/38, il-Gvern Grieg ibbaża ħafna fuq il-premessa 45 fil-preambolu għad-direttiva li tirreferi għall-ħtieġa ta’ “massimu ta’ flessibbiltà” fir-rigward tar-regoli tal-akkwist pubbliku għal utilitajiet. Minn dan, il-Gvern jikkonkludi li l-awtoritajiet kontraenti f’dan is-settur għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, inkluż f’dik dwar offerti “mhux addattati”, u l-għoti ta’ kuntratti mingħajr sejħa għal offerti. Hemm żewġ kontestazzjonijiet għal dan l-argument.
15. Fl-ewwel lok, il-premessa 45 mhijiex dispożizzjoni tal-liġi awtonoma li tista’ tagħti drittijiet jew timponi obbligi. Din iżda taqdi, bħal preamboli kollha għad-direttivi, funzjoni ta’ spjegazzjoni, jiġifieri, qiegħda hemm sabiex tassisti lil dawk li jinterpretaw id-direttiva biex jifhmu l-għanijiet tagħha u l-ispirtu li fih ġiet adottata. Fil-każ preżenti, il-premessa 45 tispjega għalfejn il-leġiżlatura Komunitarja adottat, għas-settur tal-utilitajiet, numru ta’ regoli dwar l-akkwist pubbliku li huma inqas stretti minn dawk adottati għal setturi oħra bħal dawk tas-servizzi u provvisti. Iktar importanti minn dan, l-Artikolu 20(2) stess huwa espressjoni tal-imġiba iktar flessibbli applikata fis-settur tal-utilitajiet, peress li jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti li jipproċedu mingħajr sejħa għal offerti f’iktar każijiet milli taħt id-direttivi li jirregolaw setturi oħra (11). Fi kliem ieħor kienet il-leġiżlatura Komunitarja stess li ddeċidiet b’liema mod ir-regoli dwar l-utilitajiet għandhom ikunu iktar flessibbli billi ppromulgat id-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 93/38, u jkun żbaljat jekk jiġi preżunt li l-premessa 45 tagħti lill-awtoritajiet kontraenti xi flessibbiltà awtonoma li hija addizzjonali għad-dispożizzjonijiet diġà flessibbli tad-direttiva.
16. Fit-tieni lok, kif diġà indikajt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-pubbliċità hija obbligazzjoni pożittiva imposta fuq l-entitajiet kontraenti mit-Trattat. Derogi minn dak l-obbligu għandhom jiġu stabbiliti espressament mil-liġi u interpretati b’mod strett. Anki li kieku kien hemm tali prinċipju ġenerali ta’ flessibbiltà għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/38, din ma tistax tieħu post obbligi li għandhom il-bażi tagħhom fid-dritt Komunitarju primarju.
17. Finalment, għandu jingħad xi ħaġa dwar ir-relazzjoni bejn id-diversi direttivi dwar l-akkwist pubbliku. Il-Gvern Grieg argumenta b’mod agressiv kontra s-suġġeriment tal-Kummissjoni li qari parallel tad-Direttivi dwar is-Settur Pubbliku jista’ jgħin fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/38. Dan isostni li din id-direttiva tintroduċi sistema ta’ regoli speċifiċi għas-settur tal-utilitajiet u jkun żbaljat li dawn jiġu pparagunati ma’ regoli li jirregolaw kuntratti ta’ xogħlijiet jew provvista. Jien ma naqbilx ma’ din l-asserzjoni. Huwa biss rari ħafna li wieħed jiltaqa’ ma’ dispożizzjonijiet legali li jkunu iżolati. Jeħtieġ li r-regoli jitpoġġew f’kuntest; dawn jagħmlu sens meta jiġu interpretati fil-kuntest tal-kamp legali iktar wiesa’ li joperaw fih. Fil-qasam tal-akkwist pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss għamlet riferenza għad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku bħala korp ta’ regoli li jsegwu għanijiet komuni u li huma bbażati fuq prinċipji komuni. Diġà semmejt is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-Direttivi 92/50 (12), 93/36 (13), 93/37 u 93/38 għandhom l-għan komuni li jeliminaw il-prattiċi anti-kompetittivi fl-akkwisti pubbliċi (14), u jeżistu eżempji aktar riċenti fejn il-Qorti tal-Ġustizzja użat kliem li jindika li d-direttivi dwar l-akkwist pubbliku jridu jiġu interpretati b’mod sistematiku u koerenti (15). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tinjora l-fatt li kull direttiva tirregola settur differenti tal-akkwisti pubbliċi u li hemm differenzi fir-regoli li dawn jistabbilixxu? Huwa ovvju li le. Dak li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tfisser kien li d-direttivi, minkejja d-differenzi ta’ bejniethom, jikkostitwixxu netwerk ta’ regoli li għandhom l-għan komuni li jiżguraw li proċeduri għal akkwist pubbliku jkunu ġusti, miftuħa u effiċjenti.
18. Bħala konklużjoni, naħseb li meta kklassifikat l-offerta rrifjutata bħala “mhux addattata” u ma ppubblikatx sejħa għal offerti ġdida, DEI naqset milli tosserva l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 93/38.
Il-kundizzjonijiet tal-kuntratt
19. Peress li t-tieni mit-tliet rekwiżiti tal-Artikolu 20(2)(a) ma ġiex osservat, DEI ma setgħetx tirrikorri għal din id-dispożizzjoni, irrispettivament minn jekk il-kundizzjonijiet oriġinali tal-kuntratt baqgħux l-istess. Madankollu, għall-kompletezza, ser nispjega fil-qosor għalfejn naħseb li l-Kummissjoni hija korretta meta ssostni li kien hemm tibdil sostanzjali fit-termini oriġinali.
20. It-tieni sejħa għal offerti kienet tgħid li ma kinux permessi diskrepanzi bejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rikjesti mill-awtorità kontraenti u dawk offruti mill-offerenti. Madankollu, offerti li ma kinux jikkonformaw għal kollox ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet setgħu jiġu aċċettati kemm-il darba d-diskrepanza kienet relatata mal-karatteristiċi tekniċi tal-makkinarju li l-offerent ippropona li jintuża, jekk kienu elenkati separatament fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti u jekk ma kinux jaffettwaw il-prestazzjoni ġenerali tal-impjant tal-enerġija. F’każ bħal dan, l-offerent ma kellu ebda obbligu li jikkoreġġi d-diskrepanzi u jġorr il-piż finanzjarju addizzjonali. Madankollu, fit-tielet fażi tal-proċedura, l-offerenti kienu mitluba li jikkoreġu kull diskrepanza li kien fihom l-offerti preċedenti tagħhom, fejn huma stess kellhom jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż, u kienu meħtieġa li jippreżentaw dikjarazzjoni vinkolanti f’dan is-sens.
21. Il-Gvern Grieg jargumenta li l-Artikolu 20(2) ma jipprojbixxix it-tibdil kollu fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt oriġinali imma dawk biss li huma “sostanzjali”. Meta, waqt is-seduta, l-Imħallef Relatur staqsa kif il-Gvern jista’ jorbot l-argument tiegħu li l-ħames offerti ppreżentati fit-tieni fażi ma kinux addattati u li ebda tibdiliet sostanzjali ma kienu permessi fit-tielet fażi, mal-fatt li l-kuntratt ġie finalment mogħti lil wieħed mill-ħames offerenti li l-offerta tiegħu kienet inizjalment ġiet irrifjutata, il-konsulent legali tal-Gvern issottometta li l-uniċi modifiki li DEI talbet fit-tielet fażi kienu jirrigwardaw id-diskrepanzi fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li kienu ġew identifikati fit-tieni fażi u li kienu wasslu biex tiġi rrifjutata l-offerta, filwaqt li l-kundizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt baqgħu l-istess.
22. Naqbel mal-Gvern li l-kriterju rilevanti huwa n-natura sostanzjali tat-tibdil fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt, iżda minix konvint li t-tibdil inkwistjoni ma kienx sostanzjali jew mhux sostanzjali biżżejjed għall-iskopijiet tal-Artikolu 20(2)(a). Fit-tielet fażi ġiet introdotta kundizzjoni ġdida importanti: l-offerenti kellhom jikkoreġu d-diskrepanzi kollha, u huma stess kellhom jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż, filwaqt li skont it-termini tal-avviż tal-kuntratt fit-tieni fażi, tali diskrepanzi ma setgħux jiġu aċċettati. Evidentement, l-awtorità kontraenti stess kienet tqis dan l-obbligu l-ġdid bħala importanti, għaliex inkella ma kinitx titlob lill-offerenti li pparteċipaw biex jippreżentaw dikjarazzjonijiet vinkolanti f’dan is-sens. Bl-istess mod, min-naħa tal-offerenti, tali bidla fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt hija tabilħaqq sostanzjali, għaliex din teskludi mill-bidu lil dawk li jistgħu ma jkunx kapaċi jew disposti li jikkorreġu d-diskrepanzi fl-offerta oriġinali tagħhom u jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż relattivi. Tibdil bħal dan fil-kundizzjonijiet oriġinali tal-kuntratt għandu dejjem jitqies bħala “sostanzjali”. Barra minn hekk, kif diġà indikajt, dispożizzjoni li tippermetti lil entità kontraenti li tagħti kuntratt mingħajr sejħa għal offerti, bħall-Artikolu 20(2)(a), trid tiġi interpretata b’mod strett, għax tintroduċi deroga mir-regola tat-trasparenza stabbilita mit-Trattat. Għalhekk, l-entitajiet kontraenti jistgħu biss jevitaw sejħa għal offerti f’każ li t-tibdil inkwistjoni ma jkunx jista’ jaffettwa, eventwalment jew potenzjalment, il-proċess tal-akkwist pubbliku. Fil-każ preżenti, ma jistax jingħad li t-tibdil fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt ma kienx sostanzjali jew li ma kienx sostanzjali biżżejjed għall-iskopijiet tal-Artikolu 20(2)(a).
23. Peress li DEI kienet irrifjutat il-ħames offerti ppreżentati fit-tieni fażi, għaliex dawn ma kinux għal kollox konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rikjesti, fil-prattika kien impossibbli li fit-tielet fażi jingħata l-kuntratt lil xi wieħed minn dawk il-ħames offerenti mingħajr ma l-ewwel tiġi modifikata l-offerta tiegħu. B’hekk, DEI emendat il-kundizzjonijiet tal-kuntratt fit-tielet fażi, sabiex tiżgura li l-offerenti jassumu l-obbligu li jikkorreġu kull diskrepanza u talbithom sabiex jippreparaw offerta finanzjarja ġdida li tkun tinkludi fiha l-ispejjeż rilevanti. Li kieku DEI ppubblika sejħa għal offerti ġdida, din kienet tkun proċedura għal kollox addattata. Minflok, hija stiednet biss lil offerenti speċifiċi biex jippreżentaw l-offerti, minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet oriġinali tal-kuntratt kienu ġew sostanzjalment mibdula. Meta għamlet hekk, din kisret l-Artikolu 20(2)(a) tad-Direttiva 93/38.
Emerġenza
24. L-Artikolu 20(2)(d) tad-Direttiva 93/38 jipprovdi li tista’ tiġi użata proċedura mingħajr sejħa għal offerti “sakemm dan ikun strettament neċessarju fejn għal raġunijiet ta’ emerġenza estrema miġjuba minn avvenimenti li ma setgħux jiġu mbassra minn awtoritajiet kontraenti, il-limiti ta’ żmien preskritti minn proċeduri miftuħa jew ristretti ma jistgħux jiġu rrispettati”. Il-Kummissjoni targumenta li l-mod li bih l-ittra ta’ DEI lill-ħames offerenti fit-tieni fażi ġġustifikat id-deċiżjoni tagħha li tipproċedi mingħajr sejħa għal offerti (pereżempju, ir-referenzi għall-“ħtiġiet urġenti” ta’ Kreta għall-elettriku, iż-“żmien neċessarju biex jiġu nstallati ż-żewġ unitajiet il-ġodda”, id-“dewmien mhux previst”) jimplika li din ma kinitx qed tibbaża biss fuq l-Artikolu 20(2)(a) iżda anki fuq l-Artikolu 20(2)(d). Il-Gvern Grieg ma jaqbilx ma’ dan. Dan jissottometti li sa mill-bidu, DEI bbażat ruħha biss fuq l-Artikolu 20(2)(a) u għamlitha ċara li r-raġuni għalfejn segwiet il-proċedura mingħajr sejħa għal offerti kienet minħabba li ż-żewġ fażijiet preċedenti kienu naqsu milli jagħtu eżitu sodisfaċenti. Kien dan li ried jiġi mfisser bil-frażi “l-istorja komplessiva tal-każ”. Ir-referenza għall-emerġenza tas-sitwazzjoni kienet anċillari, li kienet tindika li wieħed mill-fatti li DEI kienet ikkunsidrat kien li din kellha taġixxi malajr.
25. Huwa minnu li l-mod kif ġiet ifformulata l-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2004 jagħti l-impressjoni li DEI qed tinvoka l-emerġenza bħala waħda mir-raġunijiet li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura mingħajr sejħa għal offerti. Madankollu, mhuwiex ċar jekk dan huwiex qed jiġi użat bħala ġustifikazzjoni awtonoma bbażata fuq l-Artikolu 20(2)(d). F’kull każ, peress li l-Gvern Grieg ma jibbażax ruħu fuq dan is-subparagrafu, m’hemmx għalfejn li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kwistjoni iktar fil-fond.
II – Id-dewmien fl-għoti ta’ raġunijiet
26. L-Artikolu 41(4) tad-Direttiva 93/38 jiddisponi: “[l]-entitajiet kontraenti li jwettqu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Annessi I, II, VII, VIII u IX għandhom, fil-pront wara d-data li fiha jkunu rċevew it-talba, jgħarrfu lil kull wieħed mill-kandidati eliminati jew lil dak li jkun tefa’ offerta u jkun ġie eliminat dwar ir-raġuni tar-rifjut ta’ l-applikazzjoni jew l-offerta, u lil kull min ikun tefa’ offerta ammissibbli dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ikun rebaħ l-offerta.”. Il-Kummissjoni targumenta li d-dewmien ta’ xahrejn biex offerent li ma rnexxiex jingħata raġuni għar-rifjut tal-offerta tiegħu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “fil-pront” għall-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Gvern Grieg jammetti li kien hemm xi dewmien iżda jsostni li l-kriterju għal evalwazzjoni ta’ jekk kienx hemm ksur tal-Artikolu 41(4) huwa jekk l-offerent sofriex preġudizzju fl-eżerċizzju tad-drittijiet Komunitarji tiegħu. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-konsulent legali għall-Gvern sostna li l-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 41(4) – il-Kummissjoni kienet għall-ewwel ipproponiet perjodu ta’ 15-il ġurnata biex jingħataw ir-raġunijiet, bħal fil-każ tad-Direttivi dwar is-Settur Pubbliku, u meta dan is-suġġeriment ma ġiex aċċettat mill-Parlament Ewropew, ġie adottat it-terminu “fil-pront” – tindika li għandha tingħata ċerta diskrezzjoni lill-awtoritajiet kontraenti meta jitrattaw talbiet sabiex jingħataw raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ offerta. Skont il-Gvern Grieg, peress li, fil-każ preżenti, offerent li ma rnexxiex seta’ jirrikorri għal rimedju li tiġi eżaminata mill-ġdid il-legalità tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, ma jistax jingħad li DEI naqset milli tikkonforma mad-direttiva talli għaddew xahrejn sakemm irrispondiet għat-talba tiegħu.
27. Naqbel mal-Gvern li l-użu tat-terminu “fil-pront” mingħajr ma ssir riferenza għal perijodu ta’ żmien speċifiku jfisser li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(4) m’għandhiex tkun riġida żżejjed. Il-fatt li d-Direttiva dwar is-Settur Pubbliku espliċitament tipprovdi għal perijodu ta’ 15-il ġurnata (16), filwaqt li d-Direttiva 93/38 dwar l-utilitajiet ma tagħmilx hekk, jimplika li l-leġiżlatura tal-Komunità deliberatament ħalliet il-kwistjoni dwar kemm għandha tirrispondi fil-pront awtorità kontraenti biex tiġi deċiża minn każ għal każ.
28. Fl-evalwazzjoni ta’ xi tkun riposta “fil-pront” f‘każ partikolari, wieħed mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huwa jekk l-offerent setax juża r-rimedji li tqegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu mid-dritt Komunitarju u dak nazzjonali sabiex il-legalità tad-deċiżjoni tiġi eżaminata minn qorti. Fil-fatt, sakemm l-entità kontraenti ma tispjegax għalfejn offerta partikolari ma ġietx aċċettata, offerent li ma rnexxiex ma jistax ikun jaf jekk jagħmilx sens li jikkontesta d-deċiżjoni u fuq liema bażi dan għandu jsir.
29. Madankollu, il-ħarsien tal-interessi tal-offerenti li jipparteċipaw fi proċedura għal akkwist pubbliku huwa wieħed biss mill-għanijiet segwiti mill-Artikolu 41(4). Din id-dispożizzjoni sservi wkoll sabiex jiġu salvagwardati l-integrità u l-effiċjenza tal-proċess tal-akkwist pubbliku nnifsu; hawnhekk, il-benefiċjarji huma l-entitajiet kontraenti nfushom u, fl-aħħar mill-aħħar, il-pubbliku li jħallas it-taxxi. Għalhekk, fl-interpretazzjoni tat-terminu “fil-pront”, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-obbligu tal-entitajiet kontraenti li jipprovdu raġunijiet fi żmien xieraq jiskoraġġixxi l-favoritiżmu u jippromwovi l-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju. L-Artikolu 41(4) jikkostitwixxi garanzija proċedurali li tgħin sabiex jiġi żgurat li r-raġunijiet mogħtija għaċ-ċaħda ta’ offerta ma jservux ta’ skuża sabiex il-kuntratti jingħataw b’mod arbitrarju. Fi kliem ieħor, din ir-regola għandha l-funzjoni ta’ deterrent: huwa inqas probabbli li awtorità kontraenti, li taf li immedjatament wara li tagħżel offerta, se tissejjaħ sabiex tiġġustifika l-għażla tagħha u tispjega għalfejn l-oħrajn ma ġewx aċċettati, titbiegħed mir-regoli Komunitarji dwar l-akkwist pubbliku.
30. Barra minn hekk, dewmien eċċessiv ta’ risposta għal talba għar-raġunijiet tista’ tinvolvi spejjeż ta’ effiċjenza sinifikanti. Pereżempju, fil-każ preżenti, DEI nnifisha kienet enfasizzat li l-gżira ta’ Kreta kienet fil-bżonn urġenti ta’ provvisti addizzjonali ta’ elettriku. Madankollu, din tawlet il-proġett b’xahrejn meta ma spjegatx għalfejn kienet għażlet lil offerent partikolari u warrbet lill-oħrajn. Il-Gvern Grieg ma offra ebda raġuni għad-dewmien minn naħa ta’ DEI, li ma tantx jista’ jiġi assoċjat man-natura urġenti tal-kuntratt inkwistjoni. Peress li ħafna proġetti kbar f’diversi Stati Membri huma ffinanzjati, sa ċertu punt, mill-baġit Komunitarju, huwa raġjonevoli li jiġi mistenni li l-awtoritajiet kontraenti japplikaw ir-regoli Komunitarji dwar l-akkwist pubbliku b’mod li jieħu inkunsiderazzjoni il-ħtieġa għal effiċjenza.
31. Għandu jiġi osservat ukoll li d-Direttiva l-ġdida dwar l-Utilitajiet li ħadet post id-Direttiva 93/38, tipprovdi fl-Artikolu 49(2) li entitajiet kontraenti għandhom jinfurmaw lill-offerenti li ma jirnexxux bir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerti tagħhom “kemm jista’ jkun malajr” u li “[i]ż-żmien meħud biex isir dan ma jistax taħt l-ebda ċirkostanza jaqbeż il-15–il ġurnata mill-irċevuta tal-[ilment] bil-mitkub”. Dawk li fasslu d-direttiva evalwaw huma stess x’għandu jkun perijodu aċċettabbli sabiex jingħataw ir-raġunijiet, u għalhekk neħħew kull diskrezzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti. Il-każ preżenti għandu jiġi deċiż, rationae temporis, skont id-Direttiva 93/38 u mhux skont id-Direttiva 2004/17. Madankollu, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li l-leġiżlatura Komunitarja ddeċidiet li, kienu x’kienu l-kunsiderazzjonijiet li fil-passat iġġustifikaw approċċ iktar flessibbli fir-rigward ta’ din il-kwistjoni fis-settur tal-utilitajiet, dawn m’għadhomx jeżistu iktar. Għalhekk, l-utilitajiet huma issa suġġetti għall-istess, regola stretta li tapplika għal kuntratti għal prodotti, provvisti u servizzi, u tipprovdi li fl-ebda ċirkustanza ma jista’ jinqabeż il-perijodu ta’ 15-il ġurnata. Għalkemm id-dispożizzjoni ma tapplikax f’dan il-każ, ikun kjarament artifiċjali li wieħed jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinjoraha. Fl-aħħar, taħt id-Direttiva 93/38, x’jikkostitwixxi dewmien raġjonevoli jrid jiġi deċiż minn każ għal każ, billi wieħed iżomm f’moħħu l-bżonn ġenerali ta’ karattru xieraq fl-akkwist pubbliku li ma tkunx limitata għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-offerenti. Għalhekk, naħseb li l-kunċett ta’ risposta “fil-pront” għandu jiġi interpretat b’mod strett, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iskadenzi normali f’oqsma oħra ta’ akkwist pubbliku. Jiena tal-fehma li, d-dewmien ta’ xahrejn tad-DEI milli tipprovdi raġunijiet lill-offerent li ma rnexxiex jikkostitwixxi – fin-nuqqas ta’ xi ġustifikazzjonijiet speċifiċi għal tali dewmien li jeċċedi b’mod ċar l-iskadenzi normalment applikabbli fl-akkwist pubbliku – ksur tal-Artikolu 41(4) tad-Direttiva 93/38.
III – Konklużjoni
32. Nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li, meta naqset, permezz tad-DEI, milli tippubblika sejħa għal offerti u milli tagħti fil-pront lill-offerent li ma rnexxiex, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, il-Greċja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 20(2) u 41(4) tad-Direttiva 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194
3 – Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Teleaustria, Kawża C‑324/98, Ġabra I‑10745, punti 60 sa 61.
4 – Ibid. punt 62.
5 – Obbligu ta’ trasparenza ġie impost espressament fuq entitajiet kontraenti permezz tad-direttivi l-ġodda tal-akkwist pubbliku. L-Artikolu 2 tad-Direttiva l-ġdida dwar is-Settur Pubbliku (Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva l-ġdida dwar l-Utilitajiet (Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19) jipprovdu li dawn għandhom “jaġixxu b’mod trasparenti”.
6 – Ara, fost oħrajn, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Unitron Scandinavia, C‑275/98, Ġabra I‑8291, punt 31; tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC, C‑19/00, Ġabra I‑7725, punt 41; u tad-19 ta’ Ġunju 2008, pressetext, C‑454/06, Ġabra I‑2731, punt 32.
7 – Sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑412/04, Ġabra I‑619, punt 2.
8 – Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163).
9 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti, C‑399/98, Ġabra I‑5409, punt 75. Ara, f’dan is-sens is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2001, Impresa Lombardini, Kawżi magħquda C‑285/99 u 286/99, Ġabra I‑9233, punt 35; u s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle, C‑26/03, Ġabra I‑1, punt 44.
10 – Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑394/02, Ġabra I‑4713, punt 33.
11 – Kif tindika l-Kummissjoni, dan l-approċċ lejn il-“flessibbiltà” bħala spjega tan-natura tar-regoli dwar akkwist pubbliku tad-Direttiva 93/38 huwa sostnut, b’analoġija, mill-premessa 28 tad-Direttiva l-ġdida dwar l-Utilitajiet li ħadet post id-Direttiva 93/38. Din tistipula fir-rigward tas-servizzi postali, li: “kuntratti mogħtija minn awtoritajiet kontraenti li jipprovdu servizzi postali għandhom ikunu suġġetti għar-regoli ta’ din id-Direttiva, inkluż dawk fl-Artikolu 30, li, [fil]waqt li jissalvagwardjaw l-applikazzjoni tal-prinċipji [msemmija] fil-[premessa] 9, joħolqu qafas għal prattika kummerċjali soda u jippermettu aktar flessibbiltà milli hi offruta bid-Direttiva 2004/18/KE ...” Hawnhekk, id-Direttiva l-ġdida dwar l-Utilitajiet tiġi pparagunata mad-Direttiva l-ġdida dwar is-Settur Pubbliku sabiex tispjega f’liema sens id-dispożizzjoni tal-ewwel huma iktar flessibbli minn dawk tal-aħħar.
12 – Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).
13 – Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110).
14 – Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑412/04, punt 2.
15 – Ara, fost oħrajn, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Truley, C‑373/00, Ġabra I‑1931, punt 42 (“ġurisprudenza stabbilita turi wkoll li l-għan tad-direttivi Komunitarji li jikkoordinaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa dak li jiġi evitat kemm ir-riskju li tingħata preferenza lil offerenti jew applikanti nazzjonali kull meta jiġi mogħti kuntratt mill-awtoritajiet kontraenti u l-possibbiltà li korp iffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali jew korpi oħra rregolati mid-dritt pubbliku jistgħu jagħżlu li jiġu ggwidati minn kunsiderazzjonijiet li ma jkunux ta’ natura ekonomika” [traduzzjoni mhux uffiċjali]); pressetext, punt 31 (“Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għan prinċipali tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huwa li tiġi ggarantita l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha.”). Barra minn hekk, fis-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland, C‑513/99, Ġabra I‑7213, punt 91, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “m’hemm l-ebda raġuni li jiġu interpretati b’mod differenti żewġ dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-istess qasam tad-dritt Komunitarju u li sostanzjalment huma fformulati bl-istess mod”. Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tgħid, li l-kriterju huwa s-sustanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati; jekk is-sustanza hija l-istess, l-interpretazzjoni għandha tkun l-istess.
16 – L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 93/37; l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/36; l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 92/50.
Full & Egal Universal Law Academy