KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JULIANE KOKOTT
ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 20081(1)
Kawża C‑317/07
Lahti Energia Oy
talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja)
“Direttiva 2000/76 – Inċinerazzjoni ta’ skart – Kunċett ta’ skart –Kunċett ta’ impjanti tal-inċinerazzjoni u tal-koinċinerazzjoni – Gassifikazzjoni – Inċerazzjoni ta’ gass”
I – Introduzzjoni
1. Din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2000/76/KE tal-4 ta’ Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart(2) (iktar ’il quddiem id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart). Hija tirrigwarda impjant fejn l-iskart jiġi ttrasformat f’gass kombustibbli li, wara l-purifikazzjoni, jiġi ko-inċinerat f’ċentrali ta’ produzzjoni tal-enerġija bil-faħam. Jeħtieġ li jiġi kkjarifikat safejn tapplika d-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart għal dan il-proċess.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart
2. L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart jippreċiża l-objettivi tal-istess Direttiva:
“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jipprevjieni jew jillimita sa fejn hu prattikabbli l-effetti negattivi fuq l-ambjent partikolarment ta’ tniġġis bl-emissjonijiet fl-arja, ħamrija, fl-ilma tal-wiċċ u ilma ta’ l-art, u r-riskju li jirriżulta għas-saħħa tal-bniedem, mill-inċinerazzjoni u ko-inċinerazzjoni ta’ l-iskart.
Dan l-għan għandu jintlaħaq permezz ta’ kondizzjonijiet ta’ l-operat u ħtiġiet tekniċi stretti, bit-twaqqif ta’ valuri ta’ limitu ta’ emissjonijiet għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni u ko-inċinerazzjoni għall-Komunità u anki billi jintlaħqu l-ħtiġiet tad-Direttiva 75/442/KEE(3).”
3. Skond l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, din id-Direttiva tkopri impjanti ta’ inċinerazzjoni jew koinċinerazzjoni.
4. L-iskart, l-impjanti ta’ inċinerazzjoni u l-impjanti ta’ koinċinerazzjoni huma definiti fl-Artikolu 3(1), (4) u (5):
“Għall-għan ta’ din id-Direttiva:
1. “skart” tfisser kull skart solidu u likwidu kif definit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442/KEE;
[...]
4. “Impjant ta’ inċinerazzjoni” tfisser kull apparat u tagħmir tekniku stazzjonarju jew mobbli dedikat għat-trattament ta’ sħana ta’ l-iskart bi jew mingħajr l-irkupru tas-sħana ġenerata mill-kombustjoni. Dan jinkludi l-inċinerazzjoni bl-ossidazzjoni ta’ l-iskart kif ukoll proċessi ta’ trattamenti oħra tas-sħana bħal pirolisi, gassifikazzjoni jew il-proċessi tal-plasma sakemm s-sustanzi li jirriżultaw mit-trattament jiġu sussegwentement inċinerati.
Din id-definizzjoni tkopri s-sit u l-impjant kollu ta’ l-inċinerazzjoni inklużi l-linji kollha ta’ l-inċinerazzjoni, il-post fejn jintefa’ l-iskart, il-ħżin, il-faċilitajiet ta’ trattament minn qabel fuq is-sit, sistemi ta’ skart tal-kombustibbli u sistemi ta’ provista ta’ l-arja, boiler, faċilitajiet għat-trattamenti tal-gassijiet ta’ l-exhaust, faċilitajiet fuq is-sit għat-trattament jew ħżin tar-residwi u ta’ ilma mormi, munzell, apparat u sistemi għall-kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ l-inċinerazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sorveljar tal-kondizzjonijiet ta’ l-inċinerazzjoni;
5. “impjant ta’ ko-inċinerazzjoni” tfisser kull impjant stazzjonarju jew mobbli li l-iskop ewlieni tiegħu hu l-ġenerazzjoni ta’ enerġija jew produzzjoni ta’ prodotti materjali:
- li juża skart bħala kombustibbli regolari jew addizzjonali; jew
- li fih l-iskart huwa ttrattat permezz tas-sħana għall-iskop ta’ tneħħija
Jekk il-ko-inċinerazzjoni sseħħ b’tali mod li l-iskop ewlieni ta’ l-impjant m’huwiex il-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija jew produzzjoni ta’ prodotti materjali, imma jikkonċerna trattament ta’ sħana ta’ skart, l-impjant għandu jiġi meqjus bħala impjant ta’ inċinerazzjoni fil-kuntest ta’ punt 4.
Din id-definizzjoni tkopri s-sit u l-impjant kollu inklużi l-linji tal-ko-inċinerazzjoni kollha, il-post fejn jintefa’ l-iskart, il-ħżin, il-faċilitajiet ta’ trattament minn qabel fuq is-sit, is-sistemi ta’ provista ta’ l-iskart, il-kombustibbli u l-arja, boiler, faċilitajiet għat-trattamenti tal-gassijiet ta’ l-exhaust, faċilitajiet fuq is-sit għat-trattament jew ħżin tar-residwi u ta’ ilma mormi, munzelli, apparat u sistemi għall-kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ inċinerazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sorveljar tal-kondizzjonijiet ta’ l-inċinerazzjoni;”
5. L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart jistabbilixxi l-valuri tal-limitu ta’ l-emissjonijiet fl-arja:
“1. L-impjanti ta’ l-inċinerazzjoni għandhom ikunu mfassla, mgħammra, mibnija u mħaddma b’tali mod li ma jaqbżux fil-gassijiet ta’ l-exhaust il-valuri tal-limitu ta’ l-emissjonijiet preskritti fl-Anness V.
2. L-impjanti ta’ ko-inċinerazzjoni għandhom ikunu mfassla, mgħammra, mibnija u mħaddma b’tali mod li ma jaqbżux fil-gassijiet ta’ l-exhaust il-valuri tal-limitu ta’ l-emissjonijiet preskritti bi qbil ma’ jew mniżżla fl-Anness II.
[...]”
6. Fil-każ tal-koinċinerazzjoni, id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart tipprovdi żewġ tipi ta’ valuri tal-limiti. Valur tal-limiti minnhom jirreferi għal dik il-parti tal-iskart fl-inċinerazzjoni, l-ieħor jirreferi għal dik il-parti tal-kombustibbli konvenzjonali. Dawn iż-żewġ valuri tal-limiti jiġu mgħaqqda b’dik li tissejjaħ ir-regola tat-taħlit sabiex jinkiseb valur tal-limtu wieħed għal kull sustanza li tniġġes.
B – Paragun bejn ir-rekwiżiti li japplikaw għall-impjanti tal-koinċinerazzjoni u dawk li japplikaw għall-impjanti l-kbar tal-kombustjoni
7. L-emissjoni ta’ ċerti sustanzi ta’ tniġġis miċ-ċentrali ta’ produzzjoni tal-enerġija bil-faħam hija rregolata bid-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta’ l-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni(4).
8. Jekk wieħed iqabbel il-valuri tal-limitu li japplikaw fil-kuntest tar-regola tat-taħlit għall-karburanti solidi konvenzjonali użati fl-istess ħin mal-iskart fl-impjanti tal-koinċinerazzjoni, mar-rekwiżiti imposti fuq l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni skont l-Artikolu 4 flimkien mal-Annessi III, VI u VII tad-Direttiva 2001/80, id-differenzi jirriżultaw skont kif ġej.
9. Fir-rigward ta’ SO2, l-emissjonijiet tal-impjanti l-kbar ta’ kombustjoni eżistenti jistgħu jkunu ta’ 2000 mg SO2/Nm³ u 400 mg SO2/Nm³ skont id-daqs tagħhom; mill-banda l-oħra, l-emissjonijiet tal-impjanti ta’ koinċinerazzjoni jistgħu jkunu biss bejn 850 SO2/Nm³ u 200 mg/Nm³, jiġifieri bejn 42.5% u 50% tal-valuri tal-limitu li japplikaw għall-impjanti l-kbar tal-kombustjoni. Mill-banda l-oħra, l-impjanti l-kbar ġodda tal-kombustjoni huma suġġetti għal valuri stretti eżattament daqs dawk tal-impjanti tal-koinċinerazzjoni, jiġifieri 200 mg SO2/Nm³.
10. Sal-2016, l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni eżistenti jistgħu jirrilaxxjaw sa 600 mg/Nm³ jew 500 mg/Nm³ ta’ NOx skont id-daqs tagħhom, filwaqt li l-impjanti tal-koinċinerazzjoni, min-naħa tagħhom, mhux iktar minn 400 mg/Nm³ jew 200 mg/Nm³ skont id-daqs tagħhom. Wara l-2016, l-ikbar minn dawn l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni għandhom jirrispettaw l-istess valuri tal-limitu bħall-impjanti korrispondenti tal-koinċinerazzjoni, filwaqt li l-impjanti iżgħar huma ttrattati iktar stretti. Mill-banda l-oħra, l-impjanti l-ġodda huma suġġetti għall-istess rekwiżiti bħall-impjanti tal-koinċinerazzjoni, u għall-impjanti ta’ bejn 100 u 300 Mwth japplika l-valur tal-limitu tal-impjanti ikbar li huwa iktar strett .
11. Finalment, l-impjanti tal-koinċinerazzjoni – l-istess bħall-impjanti l-kbar tal-kombustjoni – jistgħu jirrilaxxjaw bejn 50 mg/Nm³ u 30 mg/Nm³ ta’ trab, skont id-daqs tagħhom. Mill-banda l-oħra, l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni eżistenti jistgħu jirrilaxxjaw ħafna iktar trab, jiġifieri bejn 50 mg/Nm³ u 100 mg/Nm³. Konsegwentement, skont id-daqs tal-impjanti, il-valuri tal-limitu għall-impjanti tal-koinċinerazzjoni qegħdin bejn 30 % u 50 % tal-valuri li japplikaw għall-impjanti l-kbar tal-kombustjoni.
12. Madankollu, il-valuri tal-limitu tad-Direttiva 2001/80 għall-impjanti eżistenti jistgħu jkunu ogħla meta l-impjant jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ pjan nazzjonali ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet skont l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva.
C – Dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis(5)
13. Finalment, ċerti regoli tad-Direttiva 96/61 huma ta’ interess. Fil-fatt, l-Artikolu 2(3) jiddefinixxi l-kunċett ta’ stallazzjoni skont kif ġej:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva,
[...]
“3. ‘[in]stallazzjoni’ għandha tfisser unita teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attivita waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I, u kull attivita oħra direttament assoċjata li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq dak is-sit u li jista’ jkollha effett fuq emissjonijiet u tniġġis;”
14. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/61 jiddefinixxi l-obbligi tal-operaturi tal-installazzjoni. Hawnhekk jiena nenfasizza l-applikazzjoni tal-aħjar tekniċi disponibbli:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li jiddisponu li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li l-i[n]stallazzjonijiet jitħaddmu b’mod illi:
a) il-miżuri kollha xierqa preventivi jittieħdu kontra t-tniġġiż, b’mod partikolari permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ l-aħjar tekniċi disponibbli;”
15. Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 96/61, dawn ir-rekwiżiti daħlu fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2007 għall-installazzjonijiet eżistenti(6).
III – Il-fatti u d-domandi preliminari
16. Is-suġġett ta’ din il-kawża hija l-awtorizzazzjoni ta’ modifika f’impjant. Huwa previst li fabbrika tal-gass eżistenti tiġi mgħammra b’impjant tal-purifikazzjoni tal-gass prodott. Ir-rikorrenti hija l-kumpannija Lahti Energia Oy (iktar ’il quddiem: Lahti Energia). Din hija impriża li tipprovdi l-enerġija lill-belt ta’ Lahti. L-attivitaijet tagħha jinkludu b’mod partikolaril-provvista tal-elettriku, tas-sħana u tal-gass naturali kif ukoll forom oħra ta’ provvista ta’ enerġija u ta’ produzzjoni jew bejgħ ta’ prodotti marbutin magħha.
17. Lahti Energia tiġġestixxi ċ-ċentrali elettrika Kymijärvi kif ukoll il-fabbrika tal-gass li hemm fl-istess post. Iċ-ċentrali elettrika tipproduċi s-sħana u l-elettriku b’effiċjenza ta’ iktar minn 70 %. Bħala karburant hija tuża prinċipalment il-faħam, iżda wkoll sa 5 % gass naturali u sa 15 % gass prodott mill-fabbrika tal-gass.
18. Il-fabbrika tal-gass tipproduċi gass bit-teknika tas-“sistema ta’ gassifikazzjoni likwida ċirkolanti”. Dan il-proċess jippermetti li jinkiseb gass li jieħu n-nar minn skart permezz ta’ ossidazzjoni b’temperatura ta’ 850 sa 900 grad Celsius. Għal dan il-għan, jintuża madwar 30 % skart tal-injam provenjenti mill-industrija tal-ipproċessar tal-injam, 10 % injam maqtugħ, 30 % karburant li jinkiseb minn iskart urban separat kif ukoll 30 % minn tajers użati u minn skart tal-plastik.
19. Il-gass in kwistjoni fih, b’mod partikolari, partiċelli, metall tqil u klorin. Konsegwentement, Lahti Energia tixtieq tgħammar il-fabbrika tal-gass eżistenti b’impjant għall-purifikazzjoni tal-gass. Għal dan il-għan, il-gass in kwistjoni jitkessaħ għal 350 grad u jiġi ffiltrat. Dan iwassal biex 99.9 % tal-partiċelli, 96 sa 99 % tal-metalli tqal u 95 % tal-klorin jiġu eliminati. B’hekk, il-gass ikollu inqas impuritajiet mill-faħam użat.
20. Il-gass ippurifikat essenzjalment fih frazzjonijiet kombustibbli ta’ ossiġnu, ta’ monossidu tal-karbonju u tal-metanu, kif ukoll frazzjonijiet mhux kombustibbli ta’ ilma, dijossidu tal-karbonju u nitroġenu.
21. Wara l-purifikazzjoni, il-prodott jiġi ttrasportat biex jinħaraq bil-faħam fl-inċineratur prinċipali taċ-ċentrali. Meta mqabbel mal-inċinerazzjoni tal-gass mhux iffiltrat iżda wkoll tal-parti l-kbira tal-karburanti normali, jiġu rrilaxxjati inqas klorin, metalli tqali u dijossini u furan.
22. Fl-4 ta’ Diċembru 2002, Lahti Energia talbet permess fuq il-pjan ta’ modifika tal-fabbrika tal-gass. Bil-permess li nħareġ fid-19 ta’ Marzu 2004, l-awtorità responsabbli mill-ambjent (Ympäristölupavirasto) ikkonstatat li l-fabbrika tal-gass għall-karburanti ttrattati u ċ-ċentrali tal-kombustjoni ta’ gass kienu jiffurmaw flimkien l-impjant ta’ koinċinerazzjoni fis-sens tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart. Konsegwentement, fid-deċiżjoni fuq il-permess hija stabbiliet valuri tal-limiti li skont id-Direttiva u r-regoli tat-traspożizzjoni tal-Finlandja.
23. Lahti Energia ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan ir-rikors fil-11 ta’ Lulju 2006. Il-proċeduri tal-appell bħalissa qegħdin pendenti quddiem il-Korkein hallinto-oikeus. Din il-qorti ta’ appell ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
1. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2007/76/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva mhijiex applikabbli għall-inċenerazzjoni ta’ skart [li jirrilaxxja l-gass]?
2. Impjant ta’ gassifikazzjoni, li jikseb gass minn skart, permezz ta’ proċedura ta’ piroliżi, għandu jitqies li huwa impjant ta’ inċenerazzjoni skond l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76/KE, anki jekk f’dan l-impjant ma jkun hemm l-ebda [linja] ta’ inċenerazzjoni?
3. L-inċenerazzjoni fil-boiler ta’ ċentrali elettrika [ta’ gass] li jinħoloq f’impjant ta’ gassifikazzjoni u li jiġi ppurifikat wara l-proċedura ta’ gassifikazzjoni għandha titqies li hija proċedura inkluża fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/76/KE? F’dan ir-rigward, għandu rilevanza l-fatt li l-gass li jinħoloq u li jiġi ppurifikat jissostitwixxi l-karburanti fossili u li l-emissjonijiet taċ-ċentrali elettrika, għal kull unità ta’ enerġija prodotta, ikunu inqas minn dawk li jużaw karburanti oħra, billi tuża l-gass miksub minn skart li jiġi ppurifikat? Għall-finijiet ta’ l-intepretazzjoni tal-portata tad-Direttiva 2000/76/KE, huwa rilevanti li l-impjant ta’ gassifikazzjoni u ċ-ċentrali elettrika, mil-lat tekniku u funzjonali u fid-dawl tal-distanza minn xulxin, jikkostitwixxu impjant uniku jew il-fatt li l-gass prodott, li jinħoloq fl-impjant ta’ gassifikazzjoni u jiġi ppurifikat, jintbgħat u jista’ jiġi użat jew bħala karburanti jew għal skopijiet oħra f’post ieħor, bħal per eżempju għall-produzzjoni ta’ l-enerġija?
4. Taħt liema kundizzjonijiet jista’ jitqies li l-gass, li jinħoloq f’impjant ta’ gassifikazzjoni u li jiġi ppurifikat, huwa prodott b’tali mod li ma jiġix iktar inkluż mad-dispożizzjonijiet dwar l-iskart?
24. Lahti Energia Oy, iċ-Ċentru għall-Ambjent tar-Reġjun ta’ Häme (Hämeen ympäristökeskus), l-Assoċjazzjoni tal-Ħbieb tan-Natura ta’ Salpausselkä (Salpausselän luonnonystävät ry), ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni ta-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Lahti Energia, l-Assoċjazzjoni tal-Hbieb tan-Natura, il-Finlandja u l-Kummissjoni pparteċipaw ukoll għall-proċedura orali fl-10 ta’ Lulju 2008.
IV – Evalwazzjoni
25. Il-Korkein hallinto-oikeus għandha tiddeċiedi jekk iċ-ċentrali tal-produzzjoni tal-enerġija bil-faħam Kymijärvi hijiex suġġetta għall-valuri tal-limiti li japplikaw għall-impjanti ta’ koinċinerazzjoni skont id-direttiva fuq l-inċinerazzjoni tal-iskart jew għall-valuri tal-limiti iktar ġenerużi għall-impjanti eżistenti skont id-Direttiva 2001/80 fuq l-impjanti l-kbar ta’ kombustjoni.
A – Osservazzjonijiet preliminari
26. Il-valuri limiti differenti joħorġu mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart u tad-Direttiva 2001/80 fuq l-impjanti l-kbar ta’ kombustjoni.
27. Id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, fir-rigward ta’ impjanti ta’ koinċinerazzjoni, tipprevedi żewġ tipi ta’ valuri tal-limiti. L-ewwel valur tal-limitu jirreferi għall-parti tal-iskart li toħroġ mill-inċinerazzjoni, it-tieni valur jirreferi għall-parti tal-karburanti tradizzjonali. Dawn iż-żewġ valuri tal-limiti jiġu magħqudin permezz ta’ dik li tissejjaħ ir-regola tat-taħlit sabiex jinkiseb valur tal-limitu wieħed għall-elementi li jniġġsu in kwistjoni.
28. Il-gass ippurifikat u prodott mill-iskart ftit li xejn jikkontribwixxi għat-tniġġis in kwistjoni. Konsegwentement, f’din il-kawża huma rilevanti biss il-valuri tal-limiti għall-inċinerazzjoni ta’ karburanti tradizzjonali. B’dan il-mod, skont dawn iż-żewġ direttivi, l-istess valuri tal-limiti japplikaw għall-impjanti l-ġodda. Dan jirriżulta b’mod partikolari min-nota II, punt II.2.1 tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, fejn jingħad li l-valuri tagħha għandhom jiġu adattati skont il-valuri iktar iebsa skont id-Direttiva dwar l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni.
29. Dawn ir-rekwiżiti imposti fuq l-impjanti l-ġodda japplikaw bis-saħħa tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart b’effett mit-28 ta’ Diċembru 2005 għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni u ta’ koinċinerazzjoni kollha, u għaldaqstant għall-impjanti eżistenti wkoll. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet għat-tħaddim ta’ dawn l-impjanti kellhom jiġu adattati l-iktar tard sa dik id-data.
30. Mill-banda l-oħra, id-Direttiva dwar l-impjanti l-kbar tal- kombustjoni tipprovdi valuri tal-limiti differenti għall-impjanti eżistenti u ġodda. Il-valuri tal-limiti għall-impjanti l-kbar tal-kombustjoni eżistenti huma inqas iebsa minn dawk previsti mid-Direttiva fuq l-inċinerazzjoni ta’ skart(7).
31. Kieku ċ-ċentrali ta’ produzzjoni ta’ enerġija tiġi meqjusa bħala impjant kbir tal-kombustjoni eżistenti, din tista’ tissodisfa l-valuri tal-limiti skont l-informazzjoni disponibbli. Madankollu, din jkollha diffikultà tirrispetta l-valuri tal-limiti ta’ impjant ta’ koinċinerazzjoni. Dan ma jiddependix mill-parti tal-gass fl-inċinerazzjoni iżda, effettivament, mill-parti tal-faħam. Il-koinċinerazzjoni tal-gass, fil-prinċipju, inaqqas l-emissjonijiet li jniġġsu peress li, relattivament, fih ftit impuritajiet li joħolqu dawk l-emissjonijiet. Mill-banda l-oħra, l-użu tal-faħam iżid manifestament it-tniġġis b’mod li l-valuri tal-limiti ta’ impjant tal-koinċinerazzjoni ma jkunux jistgħu jibqgħu garantiti.
32. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-użu ta’ valuri tal-limiti iktar iebsa għandu l-effett li jrendi l-użu tal-gass inqas attraenti, minkejja li b’dan il-mod, l-emissjonijiet jitnaqqsu u li l-karburanti l-oħra jiġu b’hekk sostitwiti. Għaldaqstant, fil-qalba tad-diskussjoni hemm il-kwistjoni dwar jekk iċ-ċentrali ta’ produzzjoni tal-enerġija u l-fabbrika tal-gass meqjusin flimkien għandhomx jiġu kklassifikati bħala impjant ta’ koinċinerazzjoni skont id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart jew jekk dawn humiex pjuttost żewġ impjanti indipendenti b’mod li, ta’ l-inqas, iċ-ċentrali ma tibqax taqa’ taħt id-Direttiva. Bid-diversi domandi li saru, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf il-kriterji oġġettivi li jippermettu li tingħata risposta għal din id-domanda.
33. Iktar ’l isfel jiena ser neżamina, qabel kollox, l-ewwel u r-raba domanda li jirrigwardaw il-gass prodott wara l-proċess ta’ gassifikazzjoni u mbagħad it-tieni u t-tielet domanda li jikkonċernaw iż-żewġ impjanti.
B – Fuq l-ewwel domanda – Inċerazzjoni ta’ skart li jirrialxxja gass
34. Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-inċenerazzjoni ta’ skart li jirrilaxxja gass tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart. Il-qorti tar-rinviju tidher li ttendi favur it-teżi li l-inċerazzjoni f’ċentrali tal-gass prodott fil-fabbrika tal-gass ma tikkostitwixxix inċinerazzjoni ta’ skart fis-sens tad-Direttiva.
35. Madankollu, il-qorti tar-rinviju, f’dan ir-rigward, tagħmel riferenza għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart fejn il-kunċett ta’ “skart” huwa definit anki jekk din id-definizzjoni mhijiex importanti wisq għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Kif tenfasizza l-Assoċjazzjoni tal-Ħbieb tan-Natura, din id-definizzjoni ma tapplikax għal ċertu skart iżda, skont l-Artikolu 2(1) hija tapplika għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni u ta’ koinċinerazzjoni.
36. Dawn iż-żewġ tipi ta’ impjanti huma definiti fl-Artikoli 3(4) u (5) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart. Il-kriterju determinanti huwa t-trattament ta’ skart u b’mod iktar preċiż it-trattament bis-sħana tal-istess skart jew l-użu tiegħu bħala karburant. F’dan il-kuntest, id-definizzjoni ta’ skart skont l-Artikolu 3(1) hija importanti. Huwa biss it-trattament tal-iskart fis-sens ta’ din id-definizzjoni li jista’ jwassal sabiex ikun jeżisti impjant fis-sens tad-Direttiva.
37. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart jiddefenixxi bħala skart kull skart solidu u likwidu kif definit fl-Artikolu 1(a) tad-direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart(8). Konsegwentement, kif jenfasizzaw b’mod partikolari l-Awstrija u l-Kummissjoni, id-direttiva ma tapplikax għall-impjanti li jaħarqu jew jittrattaw bis-sħana biss skart li jirrilaxxja gass u mhux l-iskart solidu jew likwidu.
38. B’kuntrast ma’ dak li jaffermaw Lahti Energia, l-Italja u l-Finlandja, ma jirriżultax li d-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart ma tapplikax għall-inċinerazzjoni ta’ skart li jirrilaxxja l-gass. Kif jesponu ċ-Ċentru għall-Ambjent, l-Assoċjazzjoni tal-Ħbieb tan-Natura, l-Olanda, l-Awstrija u l-Kummissjoni, id-Direttiva tikkontempla wkoll l-inċinerazzjoni ta’ sustanzi li jirrilaxxjaw il-gass prodotti mill-iskart.
39. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart isemmi biss il-pirolisi u l-gassifikazzjoni bħala eżempji ta’ trattament bis-sħana, inkwantu s-sustanzi li joħorġu minnu jiġu mbagħad maħruqin. Kieku l-prodotti li jirriżultaw mit-trattament bis-sħana ma jibqgħux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, allura l-inċinerazzjoni nnifisha ta’ dawn is-sustanzi lanqas ma tibqa’ kkontemplata mill-istess Direttiva. Dan iwassal biex l-iktar parti importanti tad-Direttiva, jiġifieri d-dispożizzjonijiet fuq l-inċinerazzjoni(9) ma tkunx tapplika f’każ ta’ gassifikazzjoni segwita bl-inċinerazzjoni.
40. F’dan il-każ, jirriżulta li ċ-ċentrali ta’ produzzjoni tal-enerġija weħedha ma tistax tikkostitwixxi impjant fis-sens tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart peress li ebda skart fis-sens tad-Direttiva ma jinħaraq jew jiġi ttrattat bis-sħana hemmhekk. Madankollu, mhuwiex eskluż li l-inċinerazzjoni tal-gass in kwistjoni jitlob li ċ-ċentrali u l-fabbrika tal-gazz meħudin flimkien jiġu meqjusin bħala impjant ta’ koinċinerazzjoni fis-sens tad-Direttiva. Dan il-punt ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-eżami tat-tielet domanda preliminari.
41. Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda fis-sens li d-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart ma tapplikax għall-impjanti li jaħarqu skart li jirrilaxxja gass jew li jittrattaw l-iskart bis-sħana biss.
C – Fuq ir-raba’ domanda – Telf tal-klassifikazzjoni bħala skart
42. Bir-raba’ domanda tagħha, li jeħtieġ li tingħata risposta għaliha qabel it-tieni u t-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf f’liema ċirkustanzi l-gass ippurifikat u prodott f’fabbrika tal-gass jista’ jitiqes bħala prodott, b’mod li l-leġiżlazzjoni fuq l-iskart ma tibqax tapplika għalih.
43. Il-qorti tar-rinviju tiċċita per eżempju l-karburant provenjenti mill-iskart bijoloġiku. Jekk dan il-karburant huwa skart, il-vetturi li jużawh għandhom jitiqesu bħala impjanti ta’ koinċinerazzjoni fis-sens tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart.
44. Il-gass in kwistjoni f’din il-kawża huwa prodott mill-iskart. Il-kwalifika ta’ skart ma tintilifx bilfors bit-trasformazzjoni f’gass. Fil-fatt, anki l-gassijiet jistgħu jikkostitwixxu skart fis-sens tad-Direttiva qafas dwar l-iskart. L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva qafas dwar l-iskart teskludi biss l-iskariki ta’ gassijiet mitfugħa fl-atmosfera. Fil-prinċipju, jekk il-gassijiet – bħal f’dan il-każ – ma jiġux skarikati fl-atmosfera, huma jistgħu jiġu kklassifikati bħala skart.
45. Madankollu, sustanzi li jirrilaxxaw gassijiet ma jistgħux jikkostitwixxu skart fis-sens tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ jista’ jiddeduċi li, fil-prinċipju, sustanzi li jirrilaxxaw gassijiet skart(10). Wieħed ma jistgħux jitqiesu bħala skart li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
46. Fil-prinċipju, id-Direttiva qafas dwar l-iskart tippermetti li jiġi limitat il-kunċett tal-iskart, peress li l-Artikolu 2(2) tagħha jipprovdi li dispożizzjonijiet speċifiċi partikolari jew supplementari jistgħu jiġu stabbiliti minn direttivi partikolari sabiex tiġi rregolata l-amministrazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ skart. Tali Direttiva partikolari tista’ tiġi kkunsidrata bħala lex specialis meta mqabbla mad-Direttiva qafas dwar l-iskart, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu jipprevalu fuq dawk ta’ din ta’ l-aħħar fis-sitwazzjonijiet li hija tirregola b’mod speċifiku(11).
47. Madankollu, id-definizzjoni tal-iskart fid-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart mhijiex intiża li toħloq eċċezzjoni għall-kunċett ġenerali tal-iskart. Hija tistabbilixxi biss l-iskart li l-inċinerazzjoni jew it-trattament bis-sħana tiegħu jikkaratterizza l-impjanti ta’ inċinerazzjoni jew ta’ koinċinerazzjoni. Għall-bqija, id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart tibqa’ tapplika meta l-iskart jintuża fil-fażi tal-gass permezz tat-trattament bis-sħana(12). Konsegwentement, id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart ma teskludix li f’dawn l-impjanti jiġi prodott skart li jirrilaxxja gass fis-sens tad-Direttiva qafas dwar l-iskart.
48. Madankollu, it-trattament bis-sħana flimkien mal-purifikazzjoni sussegwenti jistgħu jkollhom bħala effett li jittrasformaw il-gass f’sustanza li tkun tilfet il-kwalità bħala skart.
49. Id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart u d-Direttiva qafas dwar l-iskart la fihom dispożizzjoni espliċita u – kif jesponu l-Assoċjazzjoni tal-Ħbieb tan-Natura u ċ-Ċentru għall-Ambjent – lanqas kriterji dwar it-telf tal-kwalità bħala skart. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-iskart li jirriżulta wara r-riċiklaġġ fis-sens tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ(13) lanqas ma jista’ jiġi kklassfikat bħala skart iżda bħala prodott(14).
50. Fis-sentenza tagħha Niselli, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġeneralizzat l-interpretazzjoni tagħha fir-rigward tad-Direttiva 94/62 dwar l-iskart mill-imballaġġ. Minn din jirriżulta li l-kwalifikazzjoni ta’ skart mogħtija lill-iskart tal-ħadid tintilef meta dan jiġi rriċiklat fi prodotti tal-azzar permezz ta’ proċess ta’ trasformazzjoni. Dawn il-prodotti għandhom ikunu tant simili għall-prodotti oħra tal-azzar li jirriżultaw minn materji primi b’mod li bil-kemm ikunu jistgħu jiġu distinti minnhom(15).
51. Dan l-approċċ mhuwiex limitat għall-iskart tal-ħadid imma jista’ jiġi applikat b’analoġija għal skart ieħor. F’dan il-każ, it-telf tal-kwalifikazzjoni bħala skart hija eskluża kieku kull darba kien meħtieġ li l-iskart jiġi rriċiklat f’materjal li minnhom ikun ġie prodott oriġinarjament. Fil-fatt, l-iskart ipproċessat f’dan il-każ ma jistax jiġi meqjus li kien ġie prodott minn sustansa simili għall-gass prodott.
52. Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet dan ir-riċiklaġġ partikolarment fis-sentenza Mayer Parry Recycling. Fir-rigward tar-riċiklaġġ in kwistjoni f’din il-kawża skont id-Direttiva 94/62 fuq l-iskart mill-imballaġġ, l-iskart għandu jiġi ttrasformat fl-istat oriġinali tiegħu u għandu jkollu b’hekk karatteristiċi paragunabbli għal dawk tal-materjal oriġinali(16).
53. Madankollu, fir-rigward tat-telf tal-kwalifikazzjoni bħala skart, mhuwiex rilevanti li l-iskart jiġi rriċiklat. Ir-riċiklaġġ hija biss waħda mill-alternattivi għall-irkupru tal-iskart. Mill-banda l-oħra, huwa ħafna iktar importanti li l-iskart jiġi ttrasformat bi proċess ta’ riċiklaġġ b’mod li prattikament ma jkunx jista’ jibqa’ jiġi distint mill-materja prima jew minn prodotti oħra.
54. Din l-analiżi hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-distinzjoni bejn prodotti sekondarji u residwu ta’ produzzjoni. F’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li mhuwiex iġġustifikat li materjali jew materji primi li ekonomikament għandhom il-valur ta’ prodotti, indipendentement minn kwalunkwe trasformazzjoni, u li, bħala tali, huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni li tapplika għal dawn il-prodotti, jiġu suġġetti għal-leġiżlazzjoni fuq l-iskart(17).
55. F’dan il-każ, wieħed jista; jiddeduċi l-kunsiderazzjoni segwenti: il-gass ippurifikat huwa r-riżultat ta’ proċess tat-trasformazzjoni previst. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk huwa jistax jitqabbel b’mod sodisfaċenti ma’ materji primi jew prodotti oħra biex ma jibqax jiġi kkunsidrat bħala skart.
56. Fir-rigward tat-telf tal-klassifika bħala skart, jeħtieġ li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi kollha bl-istess mod bħal meta jiġi eżaminat jekk xi materjal huwiex skart(18). Għaldaqstant huwa rilevanti li jiġi eżaminat jekk jeżistix suq għall-prodott ittrasformat u/jew jekk iċ-ċentrali ta’ produzzjoni tal-enerġija tistax takkwista karburant fis-suq li għandu karatteristiċi simili u li m’għandux jitqies bħala skart. Madankollu, il-possibbiltà tal-aċċess għas-suq waħedha mhijiex biżżejjed peress li l-materjal u l-oġġetti jistgħu jikkostitwixxu skart li għandu valur kummerċjali(19). Mill-banda l-oħra, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-iskart ittrasformat għandux karatteristiċi simili għal dawk ta’ materja prima primarja korrispondenti u/jew ta’ prodott korrispondenti, u b’mod iktar partikolari fid-dawl tar-riskji għall-ambjent.
57. Huwa lok li jiġi assunt l-gass qabel ma jiġi ffiltrat, minħabba l-impuritajiet tiegħu, ikun għadu ma jixbahx biżżejjed lill-prodotti oħra jew materji prima, mentri hemm possibbiltà li l-gass ippurifikat jista’ jiġi mqabbel mal-gass naturali jew karburanti tal-gass oħra simili. Fl-aħħar mill-aħħar, dan l-eżami jrid isir mill-qorti tar-rinviju.
58. Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għar-raba’ domanda fis-sens li l-gass ippurifikat u prodott f’fabbrika tal-gass għandu jitqies bħala prodott b’mod li l-leġiżlazzjoni fuq l-iskart ma tibqax tapplika għalih meta dan ikun jixbah biżżejjed lill-materji primi primarji jew prodotti oħra.
D – Fuq it-tieni domanda preliminari – Nuqqas ta’ linja ta’ inċinerazzjoni
59. Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk fabbrika tal-gass li tipproduċi l-gass bil-pirolisi mill-iskart għandhiex tiġi meqjusa bħala impjant ta’ inċinerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva fuq l-inċinerazzjoni tal-iskart, anki jekk din m’għandhiex linja ta’ inċinerazzjoni. F’dan il-każ, prima facie, wieħed ikun iktar inklinat li jqis li din hija impjant ta’ koinċinerazzjoni li eventwalment tiġi użata b’linja ta’ inċinerazzjoni fil-forma ta’ ċentrali ta’ produżżjoni tal-enerġija. Madankollu, inkwantu l-eżami tal-fatti għandu jsir mill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tidħol fir-rilevanza tal-kwistjoni minħabba din l-ewwel impressjoni.
60. Skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, l-iskart huwa ttrattat bis-sħana f’impjanti tal-inċinerazzjoni. Il-kunċett tat-trattament bis-sħana jinkludi espliċitament it-tekniċi bħalma huma l-pirolisi, il-gassifikazzjoni jew il-proċessi tal-plasma sakemm is-sustanzi li jirriżultaw mit-trattament huma sussegwentement inċinerati.
61. Prima facie, dawn ir-rekwiżiti huma sodisfatti f’dan il-każ. Kif jesponi l-gvern Awstrijakk, l-fabbrika tal-gass tipproduċi gass kombustibbli minn skart solidu, gass li mbagħad jinħaraq f’ċentrali ta’ produzzjoni tal-enerġija. Il-gvern Olandiż jaqbel ma’ din l-analiżi fis-sens li impjant ta’ l-inċinerazzjoni m’għandux ikun konformi mal-elementi kollha msemmijin fit-tieni frażi tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar l-iskart. B’mod iktar preċiż, mhemmx obbligu li hija jkollha linja ta’ inċinerazzjoni.
62. Madankollu, il-partijiet l-oħra fil-proċedura jsostnu li impjant ta’ inċinerazzjoni jinvolvi linja ta’ inċinerazzjoni. Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, tenfasizza li, f’kull każ, l-inċinerazzjoni hija kundizzjoni sabiex tapplika d-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart u, konsegwentement, għandu jsir fl-impjant.
63. Il-qorti tar-rinviju, iċ-Ċentru għall-Ambjent u l-gvern Finlandiż isostnu ġustament li d-diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart ma jistgħux japplikaw ħlief fil-kuntest ta’ impjant ta’ inċinerazzjoni. Dan jikkonċerna b’mod partikolari r-regoli previsti fl-Artikolu 6 fuq il-kundizzjonijiet tal-operat tal-impjant, il-ħtiġijiet għall-kejl previsti fl-Artikolu 11 kif ukoll l-użu tas-sħana skont l-Artikoli 4(2)(b) u 6(6).
64. Minn dan jirriżulta li, fil-prinċipju, l-eżistenza ta’ bojler ta’ inċinerazzjoni tikkostitwixxi l-karatteristika determinanti ta’ impjant ta’ inċinerazzjoni jew ta’ koinċinerazzjoni li tippermetti li tiddistingwih minn impjanti oħra(20).
65. Madankollu, il-ħtieġa tal-inċinerazzjoni ma titlobx li dan iseħħ fl-impjant. Dan il-każ juri li l-iskart jista’ jiġi wkoll ttrattat bis-sħana għall-finijiet ta’ inċinerazzjoni mingħajr ma jkun hemm linja ta’ inċinerazzjoni.
66. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart mhijiex limitata bl-Artikolu 1 tagħha għall-prevenzjoni u l-limitazzjoni ta’ tniġġis minħabba l-emissjonijiet fl-arja. Għall-kuntrarju, hija tikkontempla wkoll tipi oħra ta’ ħsara għall-ambjent, bħalma huwa t-tniġġis tal-ħamrija jew tal-ilma.
67. Ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart huma intiżi li jilħqu dawn l-obbjettivi u japplikaw indipendentement mill-eżistenza ta’ linja ta’ inċinerazzjoni. Dawn huma, b’mod partikolari, regoli dwar l-iskart użat, l-Artikolu 4(2)(a), 4(4)(a) u 4(5) kif ukoll l-Artikolu 5, għar-regoli dwar it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tar-residwi, l-Artikolu 4(2)(ċ) u (d) kif ukoll l-Artikolu 9, u eventwalment ukoll ir-regoli dwar l-iskargar ta’ l-ilma mit-tindif tal-gassijiet ta’ l-exhaust skont tal-Artikolu 8, jekk dawn japplikaw.
68. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart juri li l-leġiżlatur Komunitarju kkontempla wkoll impjanti atipiċi. Fil-fatt, jirriżulta li jista’ jkun hemm kundizzjonijiet differenti għall-operat sakemm ir-rekwiżiti tad-Direttiva jiġu dejjem sodisfatti. Din il-leġiżlazzjoni tippermetti li jiġu miġġielda r-riskji speċifiċi għall-ambjent tal-impjanti li m’għandhomx il-linja tal-inċinerazzjoni tagħhom.
69. Huwa minnu li wieħed ma jistax jeskludi li r-regoli ġenerali tal-leġiżlazzjoni fuq l-iskart iwasslu għal riżultati simili, iżda madankollu, ir-regoli partikolari tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, skont l-Artikolu 1(2) huma intiżi preċiżament sabiex jikkonkretizzaw ir-rekwiżiti ġenerali ta’ din id-Direttiva għall-impjanti kkonċernati. Dan l-obbjettiv jista’ jintlaħaq anki jekk l-impjanti kontemplati ma jkollhomx linja ta’ inċinerazzjoni.
70. Inkwantu d-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart tista’ tapplika b’mod koerenti u sa ċertu punt għall-impjanti li m’għandhomx il-linja ta’ inċinerazzjoni proprja tagħhom, wieħed m’għandux jeskludi dawn l-impjanti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(4) u dan b’kuntrast mad-diċitura espliċita tad-definizzjoni ta’ impjant tal-inċinerazzjoni prevista fl-imsemmi artikolu.
71. Jeħtieġ li jingħad ukoll li impjant tat-trattatment bis-sħana tal-iskart jista’ jkun ukoll impjant ta’ koinċinerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart. Dan jimplika li l-obbjettiv prinċipali tiegħu huwa li jipproduċi l-enerġija jew prodotti materjali(21). B’kuntrast mad-definizzjoni tal-impjant ta’ inċinerazzjoni tal-Artikolu 3(4) it-trattament bis-sħana previst fl-Artikolu 3(5) mhuwiex espressament marbut mal-kundizzjoni li s-sustanzi li jirriżultaw mit-trattament huma sussegwentement inċinerati.
72. F’dan ir-rigward, Lahti Energia tikkontesta li t-teknika tal-pirolisi tal-fabbrika tal-gass mhijiex imsemmija espressament fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart bħala teknika użata minn impjant tal-koinċinerazzjoni. Madankollu, apparti l-inċinerazzjoni, it-trattament bis-sħana(22) li tiegħu l-pirolisi huwa eżempju, jinsab imsemmi fid-definizzjoni tal-impjant ta’ inċinerazzjoni tal-Artikolu 3(4). Il-kunċett tat-trattament bis-sħana m’għandux jiġi mifhum b’mod differenti f’każ ta’ impjant ta’ koinċinerazzjoni jew f’każ ta’ impjant ta’ inċinerazzjoni. Konsegwentement, impjant li fih l-iskart jiġi ttrattat bis-sħana permezz tal-pirolisi, jista’ jkun impjant tal-koinċinerazzjoni.
73. L-eżami tat-tielet domanda ser jippermetti li jintwera biċ-ċar liema tip ta’ impjant huwa rilevanti għal dan il-każ, u ser jirrigwarda wkoll il-possibbiltà li jiġu kkunsidrati flimkien iż-żewġ partijiet tal-operazzjoni.
74. Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda fis-sens li fabbrika tal-gass, li tipproduċi l-gass bil-pirolisi mill-iskart, għandha titqies bħala impjant ta’ inċinerazzjoni fis-sens tal-Artiolu 3(4) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, anki jekk din m’għandhiex linja ta’ inċinerazzjoni.
E – Fuq it-tielet domanda preliminari – Evalwazzjoni konġunta taċ-ċentrali elettrika u l-fabbrika tal-gass?
75. It-tielet domanda toħodna fil-qalba tal-kwistjoni. Jeħtieġ l jiġi kkjarifikat jekk u f’liema ċirkustanzi l-kombustjoni fl-inċineratur ta’ ċentrali ta’ produzzjoni tal-enerġija tal-gass ippurifikat wara l-proċess ta’ gassifikazzjoni f’fabbrika tal-gass għandux jitiqies bħala attività inkluża fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart.
76. Inkwantu l-għan prinċipali tal-kombustjoni tal-gass ippurifikat huwa l-produzzjoni tal-enerġija, jeħtieġ li ċ-ċentrali tiġi kklassifikata bħala impjant tal-koinċinerazzjoni skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart. Impjant tal-koinċinerazzjoni huwa impjant li l-obbjettiv prinċipali tiegħu huwa li jipproduċi l-enerġija jew prodotti materjali u juża skart bħala karburant normali jew aċċessorju, jew li fih l-iskart jiġi ttrattat bis-sħana sabiex jiġi eliminat.
77. Jekk wieħed janalizza ċ-ċentrali b’mod iżolat, ebda skart m’huwa użat fih bħala karburant u l-iskart mhuwiex ittrattat bis-sħana hemmhekk. Fil-fatt, il-gass bħala sustanza ta’ gass mhuwiex skart fis-sens tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart.
78. Mill-banda l-oħra, dan l-iskart jintuża fil-fabbrika tal-gass, Konsegwentement, il-kombustjoni ta’ gass issir biss f’impjant tal-koinċinerazzjoni, meta ċ-ċentrali u l-fabbrika tal-gass jitqiesu bħala impjant wieħed ta’ koinċinerazzjoni ta’ skart.
79. Kif tesponi l-qorti tar-rinviju, id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart ma tiddefinixxix b’mod ġenerali l-kunċett ta’ impjant, iżda tali definizzjoni teżisti fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 96/61. Skont din id-definizzjoni, installazzjoni għandha tfisser unita teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attività waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 96/61, u kull attività oħra direttament assoċjata li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq dan is-sit u li jista’ jkollha effett fuq emissjonijiet u tniġġis.
80. Huwa minnu li din id-definizzjoni ma tapplikax espressament għad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, iżda jidhirli li huwa raġjonevoli li din tiġi applikata b’analoġija sabiex tiggarantixxi l-eżistenza ta’ dritt koerenti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tal-impjanti. Id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart sa llum ma fihiex elementi li jwasslu biex il-kunċett ta’ impjant li hija tuża jkollu jinftiehem b’mod differenti minn dak previst fid-Direttiva 96/61. Mill-banda l-oħra, dawn iż-żewġ direttivi jiffurmaw parti integrali minn sistema koerenti. B’hekk, partikolarment il-premessi 12, 13 u 26, l-Artikolu 4(2), (4), (7) u (8), l-Artikolu 12(1) u (2), l-Artikolu 14 u l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart jirreferu għad-Direttiva 96/61. Wieħed jista jgħid allura li d-direttivi huma bbażati fuq definizzjoni uniformi tal-impjanti.
81. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li fil-futur tgħaqqad f’test wieħed id-Direttiva 96/61 mad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart u dik dwar l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni, kif ukoll ma’ direttivi oħra(23). Jekk il-leġiżlatur Komunitarji japprova din il-proposta, il-kunċett uniformi ta’ installazzjoni tad-Direttiva 96/61 jkun, bla ebda dubju, jista’ japplika wkoll għall-impjanti tal-koinċinerazzjoni.
82. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, ma tistax tiddependi fuq l-attivitajiet imsemmijin fl-Anness I tad-Direttiva 96/61, iżda pjuttost fuq l-attivitajiet koperti mid-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart.
83. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk iċ-ċentrali u l-fabbrika tal-gass jiffurmawx unità teknika stazzjonarja fejn l-iskart huwa inċinerat jew huwa ttrattat bis-sħana kif ukoll kull attività oħra direttament assoċjata li jkollha konnessjoni teknika mal-attivitajiet imwettqa fuq dak is-sit u li jista’ jkollha effett fuq emissjonijiet u tniġġis.
84. Għaldaqstant, il-qalba tal-impjant hija l-fabbrika tal-gass fejn l-iskart jiġi ttrattat bis-sħana, filwaqt li l-kombustjoni tal-gass fiċ-ċentrali tista’ tikkostitwixxi attività li direttament assoċjata u konnessa teknikament mal-gassifikazzjoni u li tista’ jkollha effett fuq emissjonijiet u tniġġis.
85. Fl-interpretazzjoni tal-kriterji fir-rigward tar-rapport dirett u l-konessjoni teknika, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-dritt tal-ambjent ma tistax tiġi evitata b’mod li l-proġetti sħaħ jiġu maqsuma f’proġetti parzjali u kkunsidrati bħala iżolati(24). Dan l-argument huwa segwit b’mod partikolari miċ-Ċentru għall-Ambjent, l-Assoċjazzjoni tal-Abieb tan-Natura, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni.
86. F’dan il-każ, il-fatt li l-fabbrika tal-gass inbniet sabiex tintuża miċ-ċentrali tal-gass u għandha hekk tiġi użata fil-futur, ttendi favur l-eżistenza ta’ dan ir-rapport dirett u din il-konnessjoni teknika. Il-preżentazzjoni skematika taż-żewġ unitajiet minn Lahti Energia tikkonferma din l-idea. M’hemm xejn x’juri li l-gass ser jintuża b’mod differenti.
87. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart stabbiliet rapport bejn it-trattament tal-iskart bis-sħana u l-kombustjoni tal-gass. Għalkemm huwa minnu li d-definizzjoni tat-trattament bis-sħana f’impjant ta’ inċinerazzjoni fiha biss il-kundizzjoni tal-inċinerazzjoni sussegwenti tal-prodott, xorta waħda jibqa’ l-fatt li mill-istruttura kollha tad-Direttiva jirriżulta li l-mudell tal-impjanti kkontemplati jinkludi l-proċess tal-inċinerazzjoni. Dan huwa indikat partikolarment mill-valuri tal-limiti tal-emissjonijiet li jniġġsu l-arja.
88. F’dan ir-rigward, l-argumenti esposti mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-karburanti fossili u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mhumiex direttament rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart. Naturalment dawn l-effetti jridu jiġu rikonoxxuti iżda, kif tosserva l-Awstrija, is-sostituzzjoni tal-karburanti fossili hija preċiżament karatteristika ta’ impjant tal-koinċinerazzjoni(25).
89. Bl-istess mod, il-parti relattivament mdaqqsa tal-gass fil-karburanti użati fiċ-ċentrali ma teskludix ir-rapport dirett u l-konnessjoni teknika. Id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart tapplika indipendentement mill-parti tal-iskart fil-koinċinerazzjoni. Il-prattika fil-fatt turi li ġeneralment l-iskart jikkostitwixxi parti żgħira mill-karburanti użati(26).
90. Madankollu, il-Gvern Taljan jikkontesta l-eżistenza ta’ rapport dirett bejn iż-żewġ entitajiet billi jsostni li r-rabta mhijiex ibbażata fuq in-neċessità teknika iżda biss fuq il-volontà li jitgħaqqdu ż-żewġ impjanti bejniethom.
91. B’mod partikolari, ir-rabta bejn iż-żewġ unitajiet teknikament mhijiex meħtieġa peress li l-gass ippurifikat lanqas m’hu meqjus bħala skart imma bħala prodott. Għaldaqstant, huwa jista’ jiġi sostitwit sempliċiment bi prodott simili, bħal per eżempju l-gass naturali. Fl-istess ħin, il-gass jista’ jintuża b’mod differenti, bħal meta jkun hemm inqas konsum ta’ enerġija taċ-ċntrali.
92. Barra minn hekk, jekk li l-gass mhuwiex skart, dan ma jibqax kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew tan-non-diskriminazzjoni li tassuġġetta ċ-ċentrali ta’ produzzjoni tal-enerġija għar-rekwiżiti ta’ impjant ta’ koinċinerazzjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat(27).
93. Minħabba li test tad-dritt Komunitarju sussidjarju għandu, safejn hu possibbli, jiġi interpretat fis-sens li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju(28), rapport dirett u konnessjoni teknika fis-sens tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ installazzjoni m’għandhomx jiġu aċċettati fil-każ tal-kombustjoni tal-gass, jekkdan il-gass m’għandux jibqa’ jiġi meqjus bħala skart. Il-gvern Finlandiż, Taljan u Olandiż jaslu għal din il-konklużjoni.
94. Mill-banda l-oħra, jekk il-gass huwa skart, allura l-koinċinerazzjoni tiegħu hija differenti biżżejjed mill-kombustjoni ta’ karburanti tradizzjonali sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart.
95. Huwa minnu li l-leġiżlatur Komunitarju jidher prima facie li ħoloq kuntradizzjoni meta stabbilixxa valuri tal-limiti differenti għall-impjanti eżistenti ta’ produzzjoni tal-enerġija, skont jekk dawn jużaw jew ma jużawx (ukoll) skart. Fil-qasam tat-tniġġis, ftit li xejn huwa rilevanti li l-emissjoni tas-sustanzi tat-tniġġis tirriżulta mill-iskart jew mill-karburanti tradizzjonali. Din il-kuntradizzjoni tista’ tostakola s-sostituzzjoni mixtieqa tal-materji primi primarji mill-iskart u – f’dan il-każ twassal għal tniġġis globali ikbar.
96. Madankollu, fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ regoli differenti, il-leġiżlatur jista’ jkollu marġni ta’ evalwazzjoni u diskrezzjoni(29). Din il-marġni ta’ diskrezzjoni tiddependi b’mod partikolari fuq l-obbjettiv mfittex minnu wara din id-distinzjoni. Bħala regola ġenerali, din il-marġni hija wiesa’ f’każ ta’ deċiżjonijiet politiċi kumplessi(30).
97. F’dan il-każ, jeżistu dispożizzjonijiet kumplessi fil-qasam tal-ambjent. Konsegwentement, huwa imperattiv li l-istħarriġ ġudizzjarju jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlatur evalwax b’mod manifestament ħażin is-sitwazzjoni huwa u jipprova jilħaq dawn l-obbjettivi(31).
98. F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat li l-valuri tal-limiti tad-Direttiva dwar l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni u dawk tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart jikkostitwixxu rekwiżiti minimi biss. Kif tippreċiża l-premessa tlettax tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart u l-premessa tmienja tad-Direttiva dwar l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni, jistgħu jirriżultaw rekwiżiti iktar iebsa partikolarment mid-Direttiva 96/61.
99. L-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 96/61 jeżiġi li l-installazzjonijiet previsti jkollhom l-aħjar tekniċi disponibbli u jirrispettaw il-valuri tal-limiti rilevanti. Skont il-Kummissjoni, il-valuri tal-limiti tal-impjanti in kwistjoni applikabbli f’din il-kawża huma iktar iebsa minn dawk li jirriżultaw mid-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart. Dan juri li l-leġiżlatur ma kienx obbligat, waqt l-adozzjoni tad-diversi valuri tal-limiti għall-impjanti l-qodma skont id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart u d-Direttiva dwar l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni, li jiffissa b’mod definitiv ir-rekwiżiti għad-diversi impjanti.
100. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni, b’risposta għal domanda li saret, spjegat li l-valuri tal-limiti iktar iebsa għall-impjanti iktar qodma skont id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart huma intiżi li jiżguraw li l-iskart ma jiġi użat biss f’impjanti fejn l-aħjar tekniċi disponibbli skont id-Direttiva 96/61 huma użati.
101. Barra minn hekk, l-argumenti mressqa partikolarment mill-Assoċjazzjoni tal-Ħbieb tan-Natura juru li l-użu ta’ skart bħala karburant mhuwiex preferut mingħajr ebda restrizzjoni. Inqas ma jkunu stretti r-rekwiżiti dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart u dwar il-koinċinerazzjoni ta’ skart, inqas isiru attraenti l-alternattivi. F’dan il-każ, il-prevenzjoni ta’ skart u r-riċiklaġġ tiegħu jsofru l-konsegwenzi. Dawn l-alternattivi jistgħu jkunu iktar favorevoli għall-ambjent. Konsegwentement, skont l-Artikolu 3 tad-Diretiva qafas dwar l-iskart u t-tmien premessa tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, il-prevenzjoni tal-iskart huwa tal-inqas preferut mill-użu tagħhom fl-inċineratur(32).
102. Finalment, id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April ta’ l-1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma(33) teżiġi li l-iskart jiġi ttrattat qabel ma jintrema f’terraferma(34). F’dan ir-rigward, l-inċinerazzjoni tal-iskart jikkostitwixxi l-metodu ta’ trattament l-iktar użat(35). Jekk dan isir inqas attraenti għall-operaturi tal-impjanti minħabba valuri tal-limiti iktar iebsa, allura l-ispiża żejda relattiva ibatiha, fl-aħħar mill-aħħar, il-produttur tal-iskart. Dan huwa konformi mal-prinċipju li min iniġġes iħallas(36).
103. Konsegwentement, waqt l-adozzjoni ta’ valuri tal-limiti għall-impjanti eżistenti skont id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni u jiġu evalwati dawn id-diversi aspetti. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-trattament mhux ugwali tal-impjanti tal-koinċinerazzjoni eżistenti meta mqabbla mal-impjanti l-kbar tal-kombustjoni mhuwiex manifestament mhux iġġustifikat.
104. Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta lit-tielet domanda fis-sens li l-kombustjoni fil-bojler ta’ ċentrali ta’ produzzjoni tal-enerġija konnessa ma’ fabbrika tal-gass, ta’ gass ippurifikat wara proċess ta’ gassifikazzjoni f’dik il-fabbrika tal-gass, għandha titiqes bħala attività koperta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart meta l-gass jikkostitiwixxi skart fil-mument tal-kombustjoni tiegħu.
F – Sommarju
105. Ir-risposta għad-diversi domandi turi li d-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, fil-prinċipju, għandha tapplika meta l-gass kombustibbli riżultanti mill-gassifikazzjoni ta’ skart jkun intiż għall-kombustjoni. Din id-Direttiva tolqot tal-inqas il-fabbriki tal-gass. Il-kombustjoni tal-gass hija wkoll milquta meta l-impjant in kwistjoni huwa direttament assoċjat mal-fabbrika tal-gass u/jew hemm konnessjoni teknika bejniethom. Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li tali rapport dirett jeżisti meta fil-mument tal-kombustjoni, il-gass jitiqes bħala skart. Madankollu, hemm dubju dwar jekk wara l-purifikazzjoni, il-gass jixbahx biżżejjed lill-materji primi primarji jew prodotti oħra.
106. Fil-futur jistgħu jqumu iktar kwistjonijiet. Wieħed jista’ jaħseb fuq il-kombustjoni ta’ gass ikklassifikat bħala skart f’impjanti li mhumiex assoċjati ma’ fabbrika tal-gass, partikolarment meta l-gass jiġi ttrasportat f’tankijiet. Wieħed jista’ jistaqsi ukoll dwar kif għandha tiġi ttrattata l-gassifikazzjoni meta l-gass ma jkunx intiż għall-kombustjoni imma għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra, bħal pereżempju l-produzzjoni tal-plastik. Madankollu, dawn il-kwistjonijiet ma jeħtieġux risposta fil-kuntest ta’ din il-kawża.
V – Konklużjoni
107. Jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi li saru bil-mod kif ġej:
1. Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2000/76/KE tal-4 ta’ Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart ma tapplikax għal impjanti li jaħarqu jew jittrattaw bis-sħana biss skart li jirrilaxxja gass.
2. Fabbrika tal-gass, li tipproduċi l-gass bil-pirolisi mill-iskart, għandha titqies bħala impjant ta’ inċinerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76/KE anki jekk din m’għandhiex linja ta’ inċinerazzjoni.
3. Il-kombustjoni fil-bojler ta’ ċentrali ta’ l-produzzjoni tal-enerġija konnessa ma’ fabbrika tal-gass, ta’ gass ippurifikat wara proċess ta’ gassifikazzjoni f’dik il-fabbrika tal-gass, għandha titiqes bħala attività koperta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/76/KE meta l-gass jikkostitiwixxi skart fil-mument tal-kombustjoni tiegħu.
4. Il-gass ippurifikat prodott f’fabbrika tal-gass għandu jitqies bħala prodott b’mod li l-leġiżlazzjoni fuq l-isart ma tibqax tapplika għalih meta huwa jkun jixbah biżżejjed lill-materji primi primarji jew prodotti oħra.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – ĠU L 332, p. 91.
3 – Jiena nixtieq nippreċiża dan li ġej: id-Direttiva 75/442 (iktar ’il quddiem id-Direttiva qafas dwar l-iskart) ġiet ikkonsolidata u sostitwita bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/12/KE tal-5 ta’ April 200, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9).
4 – ĠU L 309, p. 1.
5 – ĠU L 257, punt 26, ikkodifikata bid-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż, ĠU L 24, p. 8.
6 – Ara r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 96/61/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, tat-3 ta’ Novembru 2005, KUM (2005) 540 finali, p. 4.
7 – Għal iktar dettall, erġa ara l-punti 8 et seq iktar ’il fuq.
8 – Minn dan jirriżulta li għandu jitqies bħala skart kwalunkwe sustanza jew oġġett li l-possesur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa obbligat li jarmi; ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C-188/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 37 et seq). Il-kodifikazzjoni tad-Direttiva 2006/12 ma ġabet ebda emenda f’dan ir-rigward.
9 – Ara iktar ’l isfel fil-punt 63.
10 – Ara iktar ’l isfel fil-punt 37.
11 – Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, Thames Water Utilities (C-252/05, Ġabra p. I-3883, punt 39).
12 – Ara iktar ’l isfel fil-punt 38.
13 – ĠU L 365, p. 10.
14 – Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling (C‑444/00, Ġabra p. I-6163, punti 61 et seq).
15 – Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Niselli (C 457/02, Ġabra p. I-10853, punt 52).
16 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 67 et seq.
17 – Sentenzi tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon Kansanterveystyön Kuntayhtymän hallitus (C 9/00, Ġabra P. I-3533, punt 35), u Commune de Mesquer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 43), kif ukoll id-digriet tal-15 ta’ Jannar 2004, Saetti u Frediani (C-235/02, Ġabra p. I-1005, punt 35).
18 – Fir-rigward tad-delimitazzjoni bejn il-prodotti sekondarji u r-residwi tal-produzzjoni, ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et (C-418/97 u C-419/97, Ġabra p. I 4475, punti 73 u 88); ta’ l-1 ta’ Marzu 2007, KVZ retec (C-176/05, Ġabra p. I-1721, punt 63), u tat-18 ta’ Diċmebru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-194/05, Ġabra p. I-11661, punt 41, C-195/05, Ġabra p. I-11669, punt 42 u C-263/05, Ġabra p. I-11745, punt 40).
19 – Sentenzi Palin Granit u Vehmassalon Kansanterveystyön Kuntayhtymän hallitus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 29) u KVZ (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 61).
20 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-22 ta’ Mejju 2008, Gävle Kraftvärme (C-251/07, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punti 19 et seq).
21 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi Gävle Kraftwärme (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 34).
22 – Fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni, KUM (1998) 558, ĠU 1998, C 372, p. 11, it-trattament bis-sħana kien għadu ma jifformax parti mid-definizzjoni tal-impjanti ta’ koinċinerazzjoni, iżda ġie miżjud matul il-proċedura leġiżlattiva; ara t-tieni proposta ta’ emenda tal-ewwel qari tal-Parlament, ĠU 1999, C 219, p. 249 u l-pożizzjoni komuni (KE) Nru 7/2000, tal-25 ta’ Novembru 1999, tal-Kunsill, ĠU 2000, C 25, p. 17.
23 – Ara l-Artikolu 2(3) tal-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-emissjonijiet industrijali (prevenzjoni u tnaqqis integrat tat-tniġġiż), KUM (2007), 844 finali.
24 – Sentenzi tal-21 ta’ Settembri 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-392/06, Ġabra p. I-5901, punt 76), u tas-16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-227/01, Ġabra p. 8253, punt 53) dwar id-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, ĠU L 175, p. 40.
25 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi Gävle Kraftwärme (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, p. 38).
26 – Ara r-Reference Document on Best Available Techniques for Large Combustion Plants, Lulju 2006, p. 489 et seq . Il-Kummissjoni ħolqot dan id-dokument f'kollaborazzjoni mal-esperti tal-Istati Membri abbażi tad-Direttiva 96/61.
27 – Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 95); tat-12 ta’ Settembru 2006, Emand u Sevinger (C-300/04, Ġabra p. I-8055, punt 57), u tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill (C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, punt 63).
28 – Sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C-101/01, Ġabra p. I-12971, punt 87); tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 105); tal-4 ta’ Ottubru 2007, Schutzverband der Spirituosen-Industrie (C-457/05, Ġabra p. I-8075, punt 22). Tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C-275/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 68), u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsman u Sony Corporation of America vs Impala (C-413/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 174).
29 – Sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et (C-292/07, Ġabra p. I-2737, punti 35 u 49), u Lindorfer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota f’qiegħ il-paġna 26, punt 78). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tat-3 ta’ April 2008, Huber (C-524/06, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 29), u tal-21 ta’ Mejju 2008, Arcelor (C-127/07, li għadhom ma ġewx ippubblkati fil-Ġabra, punti 30 et seq).
30 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-11 ta ‘ Settembru 2003, Steinicke (C-77/02, Ġabra p. I-9027, punt 61), u tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 63) dwar l-obbjettivi tal-politika tal-impjieg.
31 – Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 174 KE, ara s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1998, Hi-Tech (C-284/95, Ġabra p. I-4301, punt 37), u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Greċja vs Il-Kummissjoni (C-86/03, Ġabra p. I-10979, punt 88), fir-rigward tal-leġiżlatur Komunitarju.
32 – Il-Parlament jipproponi, fil-verżjoni l-ġdida tad-Direttiva dwar l-iskart li qiegħed jeżamina bħalissa, li tiġi stabbilita ġerarkija ta’ skart fejn il-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għandhom jiġu preferuti (Artikolu 4 tal-abbozz ikkonsolidat, Anness mat-teħid tal-pożizzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2008, TA/2008/282).
33 – ĠU L 182, p. 1.
34 – Sentenza tal-14 ta’ April 2005, Deponiezweckverband Eiterköpfe (C‑6/03, Ġabra p. I‑2753).
35 – Ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Marzu 2005 fuq l-istrateġiji nazzjonali għat-tnaqqis tal-iskart mormi bijodegradabbli, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terra ferma, KUM (2005) 105 finali.
36 – Fuq dan is-suġġett ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-13 ta’ Marzu 2008, Commune de Mesquer (C-188/07, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punti 120 et seq).
Full & Egal Universal Law Academy