KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2009 1
Kawża C-335/07
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika tal-Finlandja
sostnuta mir-Renju tal-Isvezja
u
Kawża C‑438/07
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Renju tal-Isvezja
sostnuta mir-Repubblika tal-Finlandja
“Effetti negattivi fuq l-ambjent – Direttiva 91/271/KEE – Trattament tal-ilma urban mormi – Trattament iktar strett – Tneħħija tan-nitroġenu”
I – Introduzzjoni
1. Il-Baħar Baltiku huwa kważi mdawwar kollu bi Stati Membri tal-Komunità Ewropea. Għaldaqstant l-istat ta’ dan il-baħar juri biċ-ċar ħafna jekk id-dritt Komunitarju tal-ambjent jistax jimpedixxi l-qerda tal-ambjent tal-baħar u joffrix rimedju għad-danni kkawżati.
2. Dawn ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi jirrigwardaw problema partikolarment gravi għall-Baħar Baltiku, dik tal-ewtrofikazzjoni, jiġifieri l-eċċess ta’ nutrijenti. L-ilmijiet tal-Baħar Baltiku fihom wisq nitroġenu u fosfru, peress li dawn in-nutrijenti eċċessivi jiġu mormija fil-Baħar Baltiku mit-territorju ta’ madwar. Dan iġib miegħu b’mod partikolari tkabbir eċċessiv ta’ pjanti tal-ilma. Meta dawn il-pjanti jmutu, huma jassorbu l-ossiġnu mill-ilma. Wieħed jista’ josserva ukoll multiplikazzjoni ta’ ċjanobatterji (“alka blu”), li jipproduċu sustanzi tossiċi.
3. Dan il-każ jirrigwarda n-nitroġenu li jinsab fl-ilma urban mormi li jinxteħet fil-Baħar Baltiku. It-trattament ta’ dan l-ilma huwa rregolat permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE, tas-27 ta’ Frar 1998 (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva fuq l-ilma mormi”).
4. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq din id-direttiva, il-Kummissjoni teżiġi mingħand il-Finlandja u mill-Isvezja li dawn jobbligaw li l-impjanti tat-trattament tagħhom, li jaqbżu ċertu daqs, sabiex inaqqsu l-livell ta’ nitroġenu fl-ilma li jiġi ttrattat.
5. L-Istati Membri kkonċernati jikkontestaw sostanzjalment l-opinjoni tal-Kummissjoni billi jsostnu li, minħabba s-sitwazzjoni fis-setturi kkonċernati fil-Baħar Baltiku, b’mod partikolari fil-Golf tal-Botnia, mhuwiex dejjem meħtieġ li jitnaqqas in-nitroġenu biex ma sseħħx l-ewtrofikazzjoni.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva fuq l-ilma mormi
6. Id-Direttiva fuq l-ilma mormi tapplika bla ebda restrizzjoni għall-Isvezja u għall-Finlandja mill-ġurnata tal-adeżjoni tagħhom fl-1 ta’ Jannar 1995.
7. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawk tal-Artikolu 5(1), (2), (3) u (5) tad-Direttiva fuq l-ilma mormi, li jirrigwardaw l-identifikazzjoni taż-żoni sensittivi u t-trattament tal-ilma mormi li jrid isir hemmhekk:
“(1) Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 1993 għandhom jidentifikaw żoni sensittivi skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II.
(2) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, soġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall-skariki kollha minn agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10000 e.p [ekwivalenti ta’ popolazzjoni(3)].
(3) Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban deskritti fil-paragrafu 2 għandhom jilħqu l-kriterji rilevanti ta’ l-Anness I B. Dawn il-kriterji jistgħu jkunu emendati skond il-proċedura stabbilit[a] fl-Artikolu 18.
(4) [...]
(5) Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban li jkunu jinsabu fiz-żoni li fihom jinġabar l-ilma rilevanti ta’ żoni sensittivi u li jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ dawn iż-żoni għandhom ikunu soġġetti għall-paragrafi 2, 3 u 4.
(6) [...]”
8. Fuq it-trattament iktar strett fis-sens tal-Artikolu 5(2), l-anness I, B, punt 3 jistipula:
“3. Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban għal ġo dawk iż-żoni sensittivi li huma soġġetti għal ewtrofikazzjoni, kif identifikati fl-Anness II. A (a), għandhom jilħqu wkoll il-kriterji murija fit-Tabella 2 ta’ dan l-Anness.”
9. It-tabella 2 imsemmija tindika l-valuri limiti ta’ fosfru u nitroġenu fl-ilma mormi skarikat. It-titolu tagħha huwa dan li ġej:
“Rekwiżiti ghal tnixxijiet minn impjanti ta’ l-ilma ta’ l-iskart urban [ilma urban mormi] għal wesgħat sensittivi li huma suġġetti għal ewtrofikazzjoni kif identifikat fl-Anness II.A(a). Parametru wieħed jew it-tnejn li huma jistgħu jiġu applikati, skond is-sitwazzjoni lokali. Il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-perċentwal tat-tnaqqis għandhom jgħoddu.”
10. Skont it-tieni linja ta’ din it-tabella, it-tnaqqis tan-nitroġenu għandu jippermetti li jintlaħaq kemm il-valur ta’ 15 mg/l għall-agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ bejn l-10 000 u 100 000 u l-valur ta’ 10 mg/l għall-agglomerazzjonijiet ikbar, jew perċentwal minimu tat-tnaqqis ta’ nitroġenu ta’ 70 % sa 80 %.
11. L-anness II.A(a) jistabbilixxi l-kriterji għall-għażla taż-żoni sensittivi:
“A. Żoni sensittivi
Massa ta ilma għandha tkun identifikata bħala waħda sensittiva jekk din taqa’ f’wieħed minn dawn il-gruppi li ġejjin:
a) għadajjar naturali b’ilma ħelu, masses oħrajn ta’ ilma ħelu, ilmijiet estwarji u kostali li jinsab li huma ewtrofiċi jew li fil-futur qrib jistgħu isiru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni protettiva.
L-elementi li ġejjin jistgħu jiġu evalwati meta wieħed jikkunsidra liema nutrijent għandu jitnaqqas permezz ta’ trattament ieħor:
i) għadajjar u nixxigħat li jilħqu għadajjar/ġibjuni/bajjiet magħluqa li jkollhom skambju fqir ta’ ilma, u li permezz t’hekk tkun tista’ tifforma l-agglomerazzjoni. F’dawn iż-żoni, it-tneħħija tal-fosfru għandha tkun inkluża, kemm-il darba jintwera li t-tneħħija ta’ dan ma jkollha l-ebda effett fuq il-livell ta’ ewtrofikazzjoni. Fejn isiru skariki minn agglomerazzjonijiet kbar, it-tneħħija tan-nitroġenu tista’ tkun ukoll kunsidrata;
ii) estwarji, bajjiet u ilmijiet kostali oħra li jkollhom skambju fqir ta’ ilma, jew li jirċievu kwantitajiet kbar ta’ nutrijenti. Skariki minn agglomerazzjonijiet żgħar f’dawk iż-żoni normalment ikunu ta’ importanza minima, iżda għal agglomerazzjonijiet kbar, it-tneħħija tal-fosfru u/jew nitroġenu għandha tkun inkluża, kemm-il darba jintwera li t-tneħħija ta’ dan ma tħalli l-ebda effett fuq il-livell ta’ ewtrofikazzjoni.”
12. L-Artikolu 2, punti 11 sa 13, jiddefinixxi l-kunċetti ta’ ewtrofikazzjoni, estwarji u ibħra kostali bil-mod kif ġej:
“11. [‘]ewtrofikazzjoni[’] tfisser li l-ilma jkun mogħni b’nutrijenti, speċjalment b’komposti ta’ nitroġenu u/jew fosfru, li jikkawżaw it-tkabbir mgħaġġel ta’ algae u forom aktar għoljin ta’ pjanti ħajjin biex jipproduċu tfixkil mhux mixtieq lill-bilanċ ta’ organiżmi li jkunu preżenti fl-ilma kif ukoll lill-kwalità ta’ l-ilma kkonċernat;
12. [‘]estwarji[’] tfisser iż-żona transizzjonali f’bokka ta’ xmara bejn l-ilma ħelu u l-ilma kostali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-limiti esterjuri (lejn il-baħar) ta’ żoni estwarji għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva bħala parti mill-programm ta’ implimentazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 17(1) u (2);
13. [‘]ibħra kostali[’] tfisser l-ilmijiet li jkunu barra l-linja l-baxxa ta’ l-ilma jew barra l-limitu esterjuri taż-żona estwarja.”
B – Il-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni tal-ambjent marin taż-żona tal-Baħar Baltiku
13. Il-Komunità Ewropea, flimkien ma’ ċerti Stati Membri u l-Federazzjoni Russa, hija firmatarja tal-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni tal-ambjent marin taż-żona tal-Baħar Baltiku (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni fuq il-Baħar Baltiku”) (4).
14. L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni fuq il-Baħar Baltiku jistabbilixxi ċerti prinċipji u obbligi, b’mod partikolari l-obbligu ġenerali ta’ protezzjoni u r-ripristinar tal-[B]aħar Baltiku, kif ukoll definizzjoni speċjali tal-prinċipju tal-prekawzjoni:
“(1) Il-Partijiet Kontraenti għandhom, individwalment jew b'mod konġunt, jieħdu l-miżuri kollha leġislattivi, amministrattivi xierqa jew oħrajn rilevanti biex ikun evitat jew imneħħi t-tniġġis ħalli jitmexxa 'l quddiem ir-restawr ekoloġiku taż-żona tal-Baħar u biex jinżamm tajjeb il-bilanċ ekoloġiku fih.
(2) Il-Partijiet Kontraenti għandhom japplikaw il-prinċipju ta' prekawzjoni, i.e., li jieħdu l-miżuri preventivi meta jkun hemm raġuni li jassumu li s-sustanzi jew enerġiji li jkunu ddaħħlu, direttament jew indirettament, fl-ambjent tal-baħar dawn jistgħu joħolqu perikli għas-saħħa tal-bniedem, jagħmlu ħsara lir-riżorsi ħajjin u lill-ekosistemi tal-baħar, jagħmlu ħsara lill-faċilitajiet, jew inkella jitħalltu ma' użi leġittmi oħra tal-baħar anki meta ma jkun hemm l-ebda xiehda konklussiva ta' relazzjoni każwali bejn il-postijiet fejn jintefa' l-iskart u l-allegati effetti li dawn iħallu warajhom.
(3) […]”
15. Il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-impjanti tat-trattament huma partikolarment is-suġġett tal-Artikolu 6(1) li jistabbilixxi l-obbligu tal-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tat-tniġġis minn għejun li jinsabu fuq l-art:
“(1) Il-Partijiet Kontraenti jidħlu li jevitaw u jneħħu t-tniġġis tal-inħawi tal-Baħar Baltiku mill-għejun li jinsabu fuq l-art billi jużaw, inter alia, l-aħjar prattiċi ambjentali għall-għejun kollha u l-aħjar teknoloġija disponibbli għall-għejun ta' punti. Il-miżuri rilevanti għal dan il-għan għandhom jittieħdu minn kull Parti Kontraenti fil-wesgħa tal-Baħar Baltiku, bla preġudizzju għas-sovranità tagħha.
(2) […]”
16. L-Artikoli 19 et seq jirrigwardaw il-Kummissjoni dwar il-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar Baltiku li qegħda stabbilita f’Ħelsinki (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni ta’ Ħelsinki”). Il-partijiet kontraenti kollha fil-Konvenzjoni huma rappreżentati f’din il-Kummissjoni ta’ Ħelsinki. Il-Kummissjoni tirrappreżenta lill-Istati Membri safejn il-Komunità hija kompetenti.
III – Il-fatti, il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tal-partijiet
17. Fil-Finlandja u fl-Isvezja, l-agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10 000 għandhom jissuġġettaw l-ilma mormi tagħhom għal trattament iktar strett fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva fuq l-ilma mormi, peress li dawn iż-żewġ Stati Membri identifikaw l-ilma kollu tagħhom bħala sensittiv fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva msemmija.
18. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan it-trattament iktar strett għandu jnaqqas partikolarment il-livell ta’ nitroġenu tal-ilma mormi. Peress li dan mhuwiex il-każ fl-agglomerazzjonijiet kollha kkonċernati ta’ dawn l-Istati Membri, hija bdiet dawn il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi u, wara ittri ta’ intimazzjoni tal-1 ta’ Lulju 2002 (Finlandja) u tat-23 ta’ Ottubru 2002 (Svezja) rispettivament, hija bagħtet opinjoni motivata lil dawn iż-żewġ Stati Membri fl-1 ta’ April 2004.
19. Peress li ebda wieħed miż-żewġ Stati Membri ma kkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni, fis-16 ta’ Lulju 2007, ippreżentat rikors kontra l-Finlandja (Kawża C-335/07) u fit-18 ta’ Settembru 2007 rikors kontra l-Isvezja (Kawża C-438/07).
20. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, fil-Kawża C-335/07,
– tiddikjara li r-Repubblika tal-Finlandja, meta ma ordnatx trattament iktar strett tal-ilma mormi għal skariki minn agglomerazzjonijiet b’ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10 000, naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(2), (3) u (5) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban, u
– tikkundanna lir-Repubblika tal-Finlandja għall-ispejjeż.
21. Ir-Repubblika tal-Finlandja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
– tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni bħala infondat, u
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
22. B’digriet tas-7 ta’ Awwissu 2008, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta l-intervent tar-Renju tal-Isvezja insostenn tal-Finlandja.
23. Fil-Kawża C-438/07, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
– tikkonstata li r-Renju tal-Isvezja, bil-fatt li sal-31 ta’ Diċembru 1998, ma kienx adotta l-miżuri neċessarji sabiex l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi ta’ agglomerazzjonijiet b’ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10 000, li jintremew direttament f’żoni sensittivi jew fil-partijiet ta’ dawn iż-żoni fejn jinġabar l-ilma, jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 5(2), (3) u (5) tad-Direttiva msemmija, kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE tas-27 ta’ Frar 1982, u
– tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.
24. Ir-Renju tal-Isvezja jirrikonoxxi li f’34 impjant tat-trattament, in-nitroġenu għandu jiġi eliminat. Għall-bqija, huwa jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
– tiċħad ir-rikors.
25. B’digriet tat-28 ta’ Jannar 2008, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta l-intervent tar-Repubblika tal-Finlandja insostenn tal-Isvezja.
26. Iż-żewġ Stati Membri u l-Kummissjoni ħadu sehem fis-seduta fid-19 ta’ Frar 2009.
27. Jiena ser neżamina dawn iż-żewġ rikorsi f’konklużjonijiet konġunti peress li dawn iqajmu sostanzjalment l-istess kwistjonijiet.
IV – L-evalwazzjoni ġuridika
A – Fuq it-talbiet tal-Kummissjoni
28. Il-Kummissjoni takkuża lill-Finlandja u lill-Isvezja li ma jissuġġettawx l-ilmijiet mormija kollha mill-agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10 000 għal trattament iktar strett. Madankollu, il-kontroversja bejn il-partijiet tirrigwarda biss il-punt dwar jekk dan it-trattament jeżiġix ukoll it-tnaqqis tan-nitroġenu fil-każijiet kollha.
29. Il-Kummissjoni teżiġi espressament b’mod obbligatorju li l-ilma mormi kkonċernat kollu jitnaqqaslu n-nitroġenu. Iżda hija ma tikkritikax in-nuqqas ta’ tneħħija tan-nitroġenu f’ċerti impjanti tat-trattament. Ir-rikorsi huma bbażati fir-realtà fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali: ċerti partijiet mill-Baħar Baltiku huma sensittivi għall-iskariki ta’ ilma mormi li jkun fih in-nitroġenu, u l-Isvezja, l-istess bħall-Finlandja, jiskarikaw direttament jew indirettament l-ilma mormi kollu f’dawn il-partijiet.
30. Għalkemm il-Kummissjoni tirreferi, fiż-żewġ repliki tagħha, għal ċerti impjanti ta’ trattament, hija tagħmel dan biss biex turi s-sitwazzjoni inġenerali. L-argument tagħha essenzjalment jirrepeti sempliċement l-argumenti ġenerali tagħha. Biex tikkontesta ċerti impjanti tat-trattament jew ċerti kategoriji ta’ impjanti tat-trattament, il-Kummissjoni kellha tagħmel il-kritika speċifika tagħha f’dan ir-rigward.
31. Kieku dawn l-argumenti kellhom, mill-banda l-oħra, jinftiehmu bħala kontestazzjoni kontra ċerti impjanti tat-trattament, il-Kummissjoni – kif ġustament issostni l-Finlandja – tkun qed tbiddel ukoll is-suġġett tal-kawża f’relazzjoni mal-proċedura prekontenzjuża u r-rikors peress li, sar-replika, id-diskussjoni ma kinitx irrigwardat preċiżament xi impjant wieħed jew ieħor tat-trattament. Dan ikun inammissibbli.
32. Ir-rikors ikollu għalhekk jiġi miċħud jekk huwa biss f’ċerti impjanti ta’ trattament ikkonċernati ta’ wieħed mill-Istati Membri li t-trattament ikkontestat mhuwiex meħtieġ.
33. Konsegwentement, huwa irrilevanti għall-eżistu tar-rikors li l-Isvezja tammetti espliċitament (5), u l-Finlandja tal-inqas impliċitament (6) li għandhom isiru sforzi addizzjonali f’ċerti impjanti tat-trattament biex jiġi eliminat in-nitroġenu. Fil-fatt, għal diversi impjanti tat-trattament, dawn l-Istati Membri jikkontestaw din il-ħtieġa.
B – Fuq l-obbligu biex jitnaqqas in-nitroġenu
34. Il-punt tat-tluq tal-analiżi ġuridika tar-rikorsi huwa l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva fuq l-ilma mormi. Skont dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, suġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall-skariki kollha minn agglomerazzjonijiet b’ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10 000.
35. L-identifikazzjoni taż-żoni sensittivi tista’ tkun ibbażata, skont l-Anness II, A, fuq diversi kriterji, jiġifieri l-ewtrofikazzjoni [taħt (a)], il-produzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb [taħt (b)] u r-rekwiżiti ta’ direttivi oħra [taħt (ċ)]. Għaldaqstant jistgħu jeżistu żoni sensittivi li għalihom l-iskarikar tan-nitroġenu u (jew) ta’ fosfru ma jkollu ebda importanza fil-prattika. Madankollu, huwa stabbilit li ż-żewġ Stati Membri inkwistjoni ddikjaraw li l-ilmijiet kollha tagħhom kienu sensittivi mill-aspett tal-ewtrofikazzjoni.
36. Sensiela ta’ riferimenti jindikaw għal-liema regoli t-trattament iktar strett tal-iskariki huwa suġġett f’dawn iż-żoni sensittivi: l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva fuq l-ilma mormi jirreferi għall-Anness I, B. Il-punt 3 ta’ din il-parti B jirreferi min-naħa tiegħu, għar-rekwiżiti li jinsabu fit-tabella 2 tal-imsemmi anness. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet li dawn ir-rekwiżiti japplikaw bla ħsara għat-tieni paragrafu tal-Anness II.A(a) tad-Direttiva (7).
37. It-tabella 2 tal-Anness I tistipula ċerti rekwiżiti fuq it-tnaqqis tal-fosfru u tan-nitroġenu fl-ilma mormi. Skont it-titlu ta’ dan it-tabella, huwa fil-fatt skont is-sitwazzjoni lokali li n-nitroġenu jew il-fosfru, jew iż-żewġ sustanzi, għandhom jitnaqqsu. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Anness II.A(a) jipprevedi li għandu jsir eżami tal-elementi nutrittivi li jridu jitnaqqsu.
38. Minn dan jirriżulta li t-tnaqqis tan-nitroġenu mhuwiex obbligatorju, u li teżisti għall-kuntrarju ċerta flessibbiltà fl-organizzazzjoni tat-trattament iktar strett (8). Fil-prinċipju huwa l-kriterju użat biex tiġi stabbilita s-sensittività taż-żona li jiddetermina jekk għandhomx jitnaqqsu n-nitroġenu jew il-fosfru. Skont l-Anness II.A(a) tad-Direttiva, huma sensittivi l-mases ta’ ilma li huma ewtrofiċi jew li fil-futur qrib jistgħu isiru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni protettiva.
39. Konsegwentement, il-partijiet jaqblu li fil-prinċipju n-nitroġenu ikollu jitnaqqas jekk l-iskariki ta’ nitroġenu jikkontribwixxi għall-ewtrofikazzjoni jew jekk it-tnaqqis tal-iskariki hija miżura li tista’ tipprekludi l-ewtrofikazzjoni fil-futur.
C – Fuq l-oneru tal-prova
40. In-nuqqas ta’ qbil jirrigwarda, mill-banda l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk hijiex il-Kummissjoni li għandha tipprova li t-tnaqqis tan-nitroġenu huwa meħtieġ, jew jekk, mill-banda l-oħra, humiex l-Istati Membri kkonċernati li għandhom jippruvaw li dan mhuwiex meħtieġ.
41. Iż-żewġ rapporti kkummissjonati mill-Kummissjoni fuq it-traspożizzjoni tad-Direttiva fuq l-ilma mormi fil-Finlandja (9) u fl-Isvezja (10) jitilqu espliċitament mill-idea li l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprova li r-rinunzja għat-tnaqqis tan-nitroġenu ma għandha ebda effett fuq l-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet ikkonċernati. Sakemm ikun hemm dubju serju fuq l-assenza ta’ effetti negattivi tar-rinunzja, irid ikun hemm trattament xieraq tal-ilma. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni f’diversi okkażjonijiet li l-Istat Membru inkwistjoni ma pprovax ċerti elementi (11).
1. Prinċipji ġenerali tal-oneru tal-prova fil-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi
42. Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Hija hi li trid tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe allegazzjoni (12).
43. Għaldaqstant, fil-prinċipju, il-Kummissjoni għandha tipprova li huwa meħtieġ li jitnaqqas in-nitroġenu fl-ilma mormi biex ma sseħħx l-ewtrofikazzjoni. Dan l-oneru tal-prova huwa madankollu mtaffi bl-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li għandhom l-Istati Membri u bil-prinċipju tal-prekawzjoni.
44. L-ewwel nett, l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 10 KE, jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (13). Huma l-ewwel nett l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom iwettqu l-verifiki neċessarji fuq il-post, fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali (14). Meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li juru li seħħu ċerti fatti fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan tal-aħħar li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (15).
45. Dan il-każ huwa eżempju ta’ din il-kooperazzjoni, peress li l-bażijiet xjentifiċi tal-proċeduri huma bbażati manifestament fuq ir-riċerki li saru bl-inizjattiva taż-żewġ Stati Membri konvenuti, li jużawhom għall-politika ambjentali tagħhom stess (16).
46. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-prekawzjoni, huwa biżżejjed li biex jintwerew ir-riperkussjonijiet fuq l-ambjent, l-effett inkwistjoni, fid-dawl tal-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, jippreżenta livell suffiċjenti ta’ probabbiltà (17). Din l-interpretazzjoni tal-prinċipju tal-prekawzjoni taqbel mal-Artikolu 3(2) tal-Konvenzjoni fuq il-Baħar Baltiku, fejn jingħad li mhemmx bżonn li tiġi ppruvata ir-rabta kawżali bejn l-iskariki tas-sustanzi u l-effetti noċivi osservati. L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jirrifjutaw l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni billi jipproduċu l-provi xjentifiċi tagħhom stess (18).
2. Fuq l-inverżjoni tal-oneru tal-prova b’applikazzjoni tad-Direttiva fuq l-ilma mormi
47. Il-Kummissjoni tenfasizza madankollu, b’mod partikolari fil-każ tal-Finlandja, li s-subinċiżi (i) u (ii) tat-tieni subparagrafu tal-Anness II.A(a) tad-Direttiva fuq l-ilma mormi jipprevedu regoli speċjali għal żewġ każijiet speċifiċi ta’ sensittività partikolari. Dawn il-każijiet jaffettwaw ukoll l-oneru tal-prova.
48. L-ewwel każ ikkontemplat taħt is-subinċiż (i), jikkonċerna l-ilmijiet interni, jiġifieri għadajjar u nixxiegħat li jilħqu għadajjar/ġibjuni/bajjiet magħluqa li jkollhom skambju fqir ta’ ilma, fejn tkun tista’ tifforma l-agglomerazzjoni. F’dawn iż-żoni, it-tneħħija tal-fosfru għandha tkun inkluża, kemm-il darba jintwera li t-tneħħija ta’ dan ma jkollha l-ebda effett fuq il-livell ta’ ewtrofikazzjoni. Fejn isiru skariki minn agglomerazzjonijiet kbar, it-tneħħija tan-nitroġenu tista’ tkun ukoll ikkunsidrata.
49. Fir-rigward tal-fosfru hemm ukoll il-preżunzjoni konfutabbli li l-tneħħija tiegħu hija meħtieġa sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju. Imma kif issostni l-Finlandja, id-diċitura ta’ din id-dispożizzjoni ma tagħmilx ħlief tenfasizza, għal dak li jirrigwarda t-tnaqqis tan-nitroġenu preżentement inkwistjoni, li dan mhuwiex dejjem indispensabbli. Ir-regoli ġenerali tal-oneru tal-prova jibqgħu għaldaqstant applikabbli f’dan ir-rigward.
50. Il-punt (ii) jipprevedi mill-banda l-oħra li, f’dak li jikkonċerna l-agglomerazzjonijiet kbar, għandha tkun prevista t-tneħħija tal-fosfru jew tan-nitroġenu, kemm-il darba jintwera li t-tneħħija ta’ dan ma tħalli l-ebda effett fuq il-livell ta’ ewtrofikazzjoni. Dan japplika għall-estwarji, bajjiet u ilmijiet kostali oħra li jkollhom skambju fqir ta’ ilma, jew li jirċievu kwantitajiet kbar ta’ nutrijenti. Din id-dispożizzjoni tinvolvi inverżjoni tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-ħtieġa li jitneħħa n-nitroġenu.
51. Biex tasal għal din l-inverżjoni tal-oneru tal-prova, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-ilma mormi, minn banda, ikun ġej minn agglomerazzjonijiet kbar u, mill-banda l-oħra, jintrema f’estwarji, bajjiet jew ilmijiet kostali oħra, li jkollhom skambju fqir ta’ ilma, jew li jirċievu kwantitajiet kbar ta’ nutrijenti.
52. Il-Kummissjoni ssostni li l-ilmijiet kostali tal-Isvezja u tal-Finlandja, minħabba t-topografija irregolari tal-kosta u tad-divesri gżejjer, huma kkaratterizzati bi skambju fqir ta’ ilma. Huma jirċievu wkoll kwantitajiet kbar ta’ nutrijenti.
53. Din l-osservazzjoni tista’ tapplika għal parti l-kbira tal-ilmijiet kostali. Iżda l-Kummissjoni kellha tindika li l-ilma mormi kollu jiġi skarikat, direttament jew indirettament, f’dan l-ilma. Sabiex dan jiġi ppruvat, mhuwiex biżżejjed li ssir referenza għal karatteristiċi ġenerali tal-pajsaġġ kostali. Kif tenfasizza l-Isvezja, ma jistax jiġi preżunt awtomatikament li hemm skambju fqir ta’ ilma fl-ilmijiet kostali kollha. Huwa probabbli ħafna li tal-inqas ċertu ilma mormi jiġi skarikat fl-ilmijiet kostali fejn l-iskambju ta’ ilma huwa kbir, b’mod li l-kontenut ta’ nitroġenu jiġi sparpaljat suffiċjentement fil-baħar miftuħ.
54. Peress li l-argument dwar il-karatteristiċi ġenerali tal-ilmijiet kostali ma ġiex ippreċiżat f’dak li jikkonċerna setturi determinati, dan mhuwiex biżżejjed għall-inverżjoni tal-oneru tal-prova fir-rigward ta’ ċerti skariki.
55. Il-Kummissjoni tqis sussegwentement li l-parti tat-tramuntana tal-Golf tal-Botnia, il-Bajja tal-Botnia, li tifforma d-daħla laterali tal-Baħar Baltiku bi skambju fqir ta’ ilma mal-baħar tat-Tramuntana u l-Atlantiku, hija “bajja” fis-sens tat-tieni subinċiż tal-Anness II.A(a)(ii) tad-Direttiva fuq l-ilma mormi.
56. L-Isvezja tirribatti li interpretazzjoni daqshekk wiesgħa tal-kunċett ta’ bajja hija inkompatibbli mas-sens ta’ din il-kelma. Fil-fehma tal-Finlandja, il-Bajja tal-Botnia, l-istess bħall-parti tan-naħa tan-Nofsinhar tal-Golf tal-Botnia, il-Baħar tal-Botnia, u l-Baħar Baltiku Ċentrali, hija massa ta’ baħar importanti, li tinkludi hija stess bajjiet, estwarji u ilmijiet kostali.
57. Fil-fatt, wieħed ma jistax jikkunsidra l-Bajja tal-Botnia, li hija twila madwar 300 km u wiesgħa xi 200 km, bħala “bajja”. Filwaqt li nikkunsidra l-kunċett ta’ bajja bħala suffiċjentement wiesa’ b’tali mod li jinkludi wkoll massa ta’ ilma daqshekk kbira, tali interpretazzjoni mhijiex maħsuba sabiex testendi t-tifsira tal-kelma.
58. Iktar importanti huwa l-kuntest sistematiku. Ir-regola ġenerali trid li tkun is-sitwazzjoni lokali li tistabbilixxi liema nutrijenti għandhom jitneħħew bi trattament iktar strett. It-tieni subinċiż tal-Anness II.A(a)(ii) tad-Direttiva fuq l-ilma mormi jippreċiża biss iċ-ċirkustanzi lokali partikolari li jippermettu eċċezzjonalment il-preżunzjoni konfutabbli li jeħtieġ li jitneħħa l-fosfru u (jew) in-nitroġenu. Ikun inkompatibbli ma’ din is-sistema ta’ derogi għall-postijiet li għandhom ċerti karatteristiċi, li l-mases kbar ta’ ilma, fejn jista’ jkun hemm numru ta’ setturi li l-karatteristiċi lokali jkunu differenti ħafna, jitqiesu bl-istess mod.
59. Barra minn hekk, jeżistu dubji dwar jekk il-kunċett ta’ agglomerazzjoni kbira msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Anness II.A(a)(ii) tad-Direttiva fuq l-ilma mormi jinkludix l-agglomerazzjonijiet kollha inkwistjoni. Peress li dan jirrigwarda l-agglomerazzjonijiet kollha li għandhom ekwivalent ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10 000, dawn l-agglomerazzjonijiet kollha għandhom jitqiesu bħala agglomerazzjonijiet kbar biex wieħed jasal għall-preżunzjoni li l-iskariki kollha tagħhom għandhom jiġu suġġetti għall-ħtieġa li jitneħħa n-nitroġenu. Kontra ta’ din it-teżi – li l-Kummissjoni ppreżentataha biss fis-seduta b’risposta għal domanda li saritilha – hemm ukoll in-natura derogatorja ta’ din il-preżunzjoni. Barra minn hekk, id-Direttiva fuq l-ilma mormi ma tgħidx li n-numru ta’ 10 000 ekwivalenti ta’ popolazzjoni jikkostitwixxi l-valur limitu li jikkaratterizza l-agglomerazzjonijiet kbar. B’hekk, id-Direttiva għandha limiti ta’ valuri li huma saħansitra ogħla għal raġunijiet oħra, pereżempju 15 000 (19), 100 000 (20) jew 150 000 (21) ekwivalent ta’ popolazzjoni.
60. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha, f’din il-proċedura, fuq l-inverżjoni tal-oneru tal-prova msemmija fit-tieni subinċiż tal-Anness II.A(a)(ii) tad-Direttiva fuq l-ilma mormi.
D – Fuq il-prova tal-ħtieġa li jitnaqqas in-nitroġenu
61. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-iskarikita’ nitroġenu ta’ kull agglomerazzjoni Svediża jew Finlandiża li għandha iktar minn 10 000 ekwivalenti ta’ popolazzjoni jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni ta’ żona sensittiva, jew li t-tnaqqis tal-iskariki tan-nitroġenu hija miżura li tista’ tipprevjeni l-ewtrofikazzjoni ta’ dik iż-żona fil-futur.
62. L-Isvezja u l-Finlandja identifikaw l-ilmijiet tagħhom kollha bħala żoni sensittivi, imma dawn il-kawżi ma jikkonċernawx ħlief l-effetti fuq iż-żoni marittimi. L-impjanti kollha tat-trattament taż-żewġ Stati Membri jiskarikaw, direttament jew indirettament, f’dawn iż-żoni.
63. Il-partijiet jaqblu li l-ilmijiet tal-kosta Svediża bejn il-fruntiera Norveġiża u l-belt ta’ Norrtälje huma sensittivi għall-iskariki tan-nitroġenu. Dan japplika wkoll għall-ilmijiet tal-kosta tan-Nofsinhar tal-Finlandja. Iż-żoni marittimi kkonċernati huma l-Kattegat u l-Istrett bejn l-Isvezja u d-Danimarka, il-Baħar Baltiku Ċentrali, u l-Golf tal-Finlandja bejn il-Finlandja u l-Estonja. Għaldaqstant, huwa paċifiku li l-iskariki diretti f’dawn iż-żoni għandu jitnaqqsilhom in-nitroġenu.
64. Mill-banda l-oħra, il-punt ikkontestat huwa dwar jekk it-tnaqqis tan-nitroġenu huwiex meħtieġ ukoll għall-iskariki kollha li jsiru fil-Golf tal-Botnia [ara iktar ’il quddiem taħt il-punt (1)]. Il-Golf tal-Botnia hija ż-żona marittima bejn il-Finlandja u l-Isvezja. Hija magħmula minn parti tat-tramuntana, il-Bajja tal-Botnia, u minn parti tan-nofsinhar, il-Baħar tal-Botnia.
65. Barra minn hekk, il-partijiet ma jaqblux ukoll dwar jekk it-tnaqqis tan-nitroġenu huwiex neċessarju għall-iskariki kollha fl-ilmijiet interni li jispiċċaw fil-baħar b’mod indirett biss [ara iktar ’il quddiem taħt il-punt (2)].
66. Finalment, l-Isvezja u l-Finlandja jsostnu li tnaqqis fl-iskarikar tan-nitroġenu jista’ jkollu effetti negattivi fuq l-ambjent, peress li dan ikun jiffavorixxi l-iżvilupp eċċessiv ta’ ċjanobatterji (“alka blu”) [ara iktar ’il quddiem taħt il-punt (3)].
1. Fuq l-iskariki diretti fil-Golf tal-Botnia
67. L-eżitu ta’ din il-proċedura jiddependi prinċipalment mill-iskariki fil-parti tat-tramuntana tal-Golf tal-Botnia, il-Bajja tal-Botnia. Il-partijiet jaqblu fuq il-konklużjoni li l-iskariki ta’ nitroġenu f’dawn l-ilmijiet ma jwasslu għall-ebda ewtrofikazzjoni. Għaldaqstant, skont id-Direttiva fuq l-ilma mormi, mhuwa meħtieġ ebda tnaqqis fin-nitroġenu minħabba l-karatteristiċi tal-Bajja tal-Botnia.
68. Kieku l-iskariki ta’ nitroġenu f’din iż-żona jibqgħu jsiru, kieku jkun diġà ċar li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ ġġib il-prova li l-agglomerazzjonijiet kollha li huma pjuttost kbar fl-Isvezja u l-Finlandja għandhom inaqqsu l-kontenut ta’ nitroġenu fl-ilma mormi tagħhom. Fil-fatt, anke jekk it-territorji li jiskarikaw fil-Bajja tal-Botnia ma għandhomx popolazzjoni kbira, xorta waħda jeżistu fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati agglomerazzjonijiet kbar li jiskarikaw l-ilma mormi direttament jew indirettament fil-Bajja tal-Botnia. Hemm pereżempju l-belt Svediża ta’ Luleå u l-belt Finlandiża ta’ Oulu, li t-tnejn li huma għandhom ammont ekwivalenti ta’ popolazzjoni ħafna ogħla minn 10 000.
69. Iżda l-Kummissjoni ssostni li parti kbira mill-iskariki ta’ nitroġenu fil-Bajja tal-Botnia jilħqu mbagħad il-Baħar tal-Botnia u l-Baħar Baltiku Ċentrali. Qabel ma jiġi analizzat jekk il-Kummissjoni ġabitx il-prova tal-fatti allegati minnha, għandu jiġi eżaminat jekk it-trasferiment tan-nutrijenti bejn iż-żoni marittimi huwiex verament rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-direttiva fuq l-ilma mormi, u jekk inhu l-każ, xi kwantità ta’ nitroġenu għandha tiġi ttrasferita biex jingħata lok għall-obbligu tat-tnaqqis tan-nitroġenu.
Fuq il-konsegwenzi ġuridiċi tat-trasferiment tan-nitroġenu bejn diversi żoni marittimi
70. L-Isvezja tirribatti l-ewwel nett l-argument tal-Kummissjoni, fuq livell ġuridiku, billi ssostni li d-direttiva fuq l-ilma mormi ma tipprevedix li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-trasferimenti bejn żoni marittimi. L-Isvezja tibbaża ruħha fuq id-diċitura tal-Artikolu 5(5) tad-direttiva fuq l-ilma mormi. Din id-dispożizzjoni timponi trattament iktar strett għall-iskariki tal-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban li jinsabu fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma rilevanti ta’ żoni sensittivi u li jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ dawn iż-żoni.
71. Skont il-Gvern Svediż, il-Golf tal-Botnia ma jiffurmax parti miż-żona li fiha jinġabar l-ilma ta’ żoni marittimi oħra. Dan ifisser, b’analoġija mad-definizzjoni tal-baċin tax-xmara li tinsab fl-Artikolu 2(13) tad-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (22), kull żona ta' art minn fejn kull ilma ġieri tal-wiċċ inixxi minn sekwenza ta' ilma kurrenti, xmajjar u, possibilment, lagi għal ġol-baħar minn bokka waħda ta’ xmara, estwarju jew delta. Skont il-Gvern Svediż, din id-definizzjoni hija konsistenti mal-prattika stabbilita fil-qasam tal-idroloġija. Mill-banda l-oħra, iż-żoni marittimi ma jiffurmawx parti mill-baċin tax-xmara.
72. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li sabiex ikun hemm skarikar fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva fuq l-ilma mormi, huwa irrilevanti li l-ilma użat jiġi skarikat direttament jew indirettament f’żona sensittiva (23). Dan huwa konformi mal-livell għoli ta’ protezzjoni mixtieqa mill-politika tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent skont l-Artikolu 174(2) KE (24).
73. Dawk il-kawżi kienu jikkonċernaw, minn naħa, l-iskarikar fi xmajjar li kienu jittrasportaw in-nutrijenti lejn żoni sensittivi (25), u minn naħa l-oħra, l-infiltrazzjoni, fejn in-nutrijenti jaslu fiż-żona marittima sensittiva permezz tal-‘groundwater’ (26). Iżda ma narax għal-liema raġuni għandu jiġi ttrattat diversament l-iskarikar ta’ nitroġenu li jasal fl-ilma sensittiv billi jgħaddi, mhux permezz tal-ilma ħelu jew tal-‘groundwater’, imma permezz taż-żoni marittimi.
74. Konsegwentement, il-kunċett ta’ żona li fiha jinġabar l-ilma msemmi fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva fuq l-ilma mormi, essenzjalment, għandu l-funzjoni li jagħti eżempju. L-istess kunċett ma jistax jitqies bħala kriterju ta’ delimitazzjoni tal-obbligi tat-trattament tal-ilma. Id-Direttiva 2000/60, mill-banda l-oħra, tagħti lill-kunċett ta’ baċin tax-xmara rwol ħafna iktar vast, li jeżiġi interpretazzjoni oħra.
75. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li jista’ jkun hemm skarikar ta’ ilma mormi mimli bin-nitroġenu f’żona sensittiva għan-nitroġenu, meta n-nitroġenu mormi jilħaq iż-żona permezz ta’ żona marittima oħra.
Fuq il-kwantità trasferita li hija meħtieġa
76. Il-kawżi preżenti juru madankollu li l-possibbiltà ta’ skarikar indirett teżiġi li jiġi stabbilit xi proporzjon irid jilħaq l-iskarikar tan-nitroġenu fiż-żona sensittiva sabiex jitwieled l-obbligu li jitnaqqas in-nitroġenu.
77. Il-Kummissjoni tipprova turi li hemm kwantitajiet kbar ta’ nitroġenu li jiġi ttrasportat bejn id-diversi partijiet tal-Golf tal-Botnia u, minn hemm, lejn il-Baħar Baltiku Ċentrali. Dan it-trasferiment globali, madankollu, mhuwiex determinanti. Il-punt li fil-fatt huwa determinanti huwa dak dwar jekk l-iskarikar tal-ilma mormi fil-Bajja tal-Botnia iżidx il-kontenut ta’ nitroġenu fiż-żoni sensittivi (27). L-ewtrofikazzjoni fis-sens tad-Direttiva fuq l-ilma mormi hija kkaratterizzarta b’rabta kawżali bejn l-iskariki u l-kambjament fil-kwalità tal-ilma (28).
78. F’dan ir-rigward, l-Isvezja filwaqt li ssemmi xi kalkoli stimatorji, issostni li l-iskariki tan-nitroġenu provenjenti mill-ilma mormi għandhom biss rwol limitat ħafna fit-trasferiment tan-nitroġenu bejn il-Bajja tal-Botnia, il-Baħar tal-Botnia u l-Baħar Baltiku Ċentrali (29). Il-Finlandja tippreżenta kalkoli li jwasslu għal ċifri ftit iktar għolja, imma dejjem inqas minn 1 % tal-iskarikar ta’ nitroġenu fil-Baħar Baltiku.
79. Dawn il-kalkoli, madankollu, ma jimmilitawx bilfors kontra l-obbligu li l-ilma mormi jingħata trattament iktar strett. L-iskariki kollha, ladarba jiġu ddilwiti suffiċjentement, huma negliġibbli. L-effetti tas-sustanza dilwita jistgħu jiġu esklużi biss f’każ ta’ viċinanza stretta ħafna mas-sors tal-iskariki. Kieku kellha ssir riferenza biss għal sehem sors ta’ tniġġis fit-tniġġis totali, wieħed diffiċilment jista’ jiddeduċi mit-tniġġis ta’ żoni vasti, l-obbligi tat-trattament għad-diversi sorsi ta’ tniġġis. X’aktarx li l-iskariki ta’ Stokkolma jew ta’ Gdansk huma negliġibbli għall-ewtrofikazzjoni tal-Baħar Baltiku Ċentrali, peress li kull wieħed minn dawn l-iskariki jirrappreżenta, waħdu, parti żgħira ħafna mill-kontribut totali. Iżda d-Direttiva fuq l-ilma mormi teżiġi trattament iktar strett tal-ilma mormi għall-agglomerazzjonijiet kollha li għandhom iktar minn 10 000 ekwivalenti ta’ popolazzjoni, meta dawn jiskarikaw l-ilmijiet tagħhom f’żoni sensittivi, indipendentement minn jekk dik l-agglomerazzjoni tirrappreżentax sehem kbir jew żgħir fit-tniġġis ġenerali inkwistjoni.
80. Ir-relazzjoni ta’ kawża u effett meħtieġa bejn l-iskarikar ta’ ilma urban li jkun fih in-nitroġenu u d-degradazzjoni tal-kwalità tal-ilma (30) lanqas mhi ta’ ostaklu. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-iskarikar ta’ ilma urban mormi għandu jirrappreżenta sehem importanti fl-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet sensittivi biex iqum l-obbligu tal-identifikazzjoni skont id-Direttiva fuq l-ilma mormi (31). Iżda dan jikkonċerna t-tniġġis totali tal-ilmijiet sensittivi bl-ilma mormi, u mhux il-kwantità ta’ ċerti skariki jew ta’ kategoriji partikolari ta’ skariki. Għalkemm ċerti skariki jirrappreżentaw biss sehem żgħir mil-livell totali, dan ma jeskludix li l-iskariki ta’ dan it-tip jkollhom, flimkien, rwol importanti fl-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet sensittivi. F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Baħar Baltiku Ċentrali huwa sensittiv għall-iskarikar ta’ ilma urban mormi li jkun fih in-nitroġenu.
81. Kull żieda fil-kontenut ta’ nitroġenu f’żona sensittiva dovuta għal skariki indiretti ma tistax, madankollu, tkun biżżejjed biex tqajjem l-obbligu li jitneħħa n-nitroġenu. Dan ikun sproporzjonat, peress li kull skarikar ta’ nitroġenu fi kwalunkwe ilmijiet iżid il-kontenut ta’ nitroġenu f’żona sensittiva, tal-inqas f’dożi omeopatiċi.
82. Id-Direttiva fuq l-ilma mormi diġà fiha kriterju li wieħed jista’ juża biex jevalwa l-importanza tal-iskariki indiretti ta’ nitroġenu. Fil-fatt, it-tabella 2 tal-Anness I, ma teżiġix, fil-kuntest tat-trattament iktar strett, trattament sħiħ imma, fil-każ tan-nitroġenu, perċentwali mimimu ta’ tnaqqis ta’ 70 % sa 80 %. Dan ifisser li impjant tat-trattament, fil-prinċipju, jista’ jiskarika 30 % tan-nitroġenu kontenut fl-ilma mormi direttament f’żona sensittiva. L-iskariki indiretti ma jistgħux ikunu suġġetti għal rekwiżiti iktar stretti.
83. L-iskariki indiretti fl-ilmijiet sensittivi għandhom għalhekk jitqiesu bħallikieku l-ilmijiet mhux sensittivi li minnhom jgħaddu l-iskariki, jiffurmaw parti mit-trattament tal-ilma mormi. Kieku huwa minnu li l-ilmijiet li minnhom jgħaddu l-iskariki jżommu verament parti kbira biżżejjed min-nitroġenu skarikat, ebda trattament iktar strett ma jkun meħtieġ fl-impjant tat-trattament.
84. Jidher li l-Isvezja tapplika din l-idea għall-iskariki fl-ilma ħelu li mhuwiex sensittiv. Meta jinżamm ammont suffiċjenti ta’ nitroġenu matul it-traġitt lejn l-ilmijiet kostali sensittivi, l-impjanti tat-trattament ma jagħmlux trattament iktar strett.
85. Il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva fuq l-ilma mormi ma tippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis naturali tal-ammont ta’ nitroġenu matul it-traġitt tiegħu lejn l-ilma sensittiv. Iżda din it-teżi ma ssib ebda appoġġ fid-Direttiva. Minħabba dan it-tnaqqis, in-nitroġenu jinżamm fil-fatt f’ilmijiet li mhumiex sensittivi għal din is-sustanza. F’dan il-każ, it-tnaqqis tan-nitroġenu msemmi fl-Artikolu 5(2) tad-direttiva mhuwiex meħtieġ ħlief meta jkun hemm l-ilma sensittiv.
86. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament li l-kwantità ta’ nitroġenu ttrasportat b’mod naturali mhijiex kostanti, iżda hija suġġetta għal varjazzjonijiet. Mill-banda l-oħra, mhemmx dubju li t-tnaqqis tekniku tan-nitroġenu jista’ jippermetti li jiġi żgurat livell ta’ trattament speċifiku b’mod li wieħed jista’ relattivament joqgħod fuqu. Dan ir-riskju ikbar ta’ varjazzjonijiet għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni dwar xi kwantità ta’ nitroġenu tilħaq iż-żona sensittiva. Kif sostniet l-Isvezja fir-rigward tal-iskariki fl-ilmijiet interni, għandu jsir f’dan ir-rigward studju dettaljat tat-trasferiment tan-nitroġenu, u tal-marġni ta’ sigurtà adegwati. Iżda l-possibbiltà ta’ varjazzjonijiet ma tistax tiġġustifika li l-iskariki indiretti jkunu suġġetti għal rekwiżiti ħafna iktar stretti minn dawk li japplikaw għall-iskariki diretti.
87. Għaldaqstant, l-iskariki indiretti ta’ nitroġenu f’żoni sensittivi għan-nitroġenu ma jinvolvux l-obbligu li jitnaqqas in-nitroġenu ħlief jekk iktar minn 30 % tan-nitroġenu li jkun jinsab fl-ilmijiet mormija jilħaq iż-żoni sensittivi.
Applikazzjoni għall-iskarikifil-Golf tal-Botnia
88. Il-Kummissjoni ssostni li 62 % tal-iskariki ta’ nitroġenu fil-Bajja tal-Botnia jiġu mbagħad ittrasportati lejn il-Baħar tal-Botnia. Din il-perċentwali – li hija kkontestata mill-Isvezja – turi li tiġi ttrasportata ukoll parti proporzjonali mill-iskariki ta’ nitroġenu li joriġinaw mill-ilmijiet urbani mormija. Kieku l-Baħar tal-Botnia kien kollu kemm huwa sensittiv għan-nitroġenu, tali trasferiment ikun biżżejjed biex iqajjem l-obbligu tat-tnaqqis tan-nitroġenu għall-iskariki fil-Bajja tal-Botnia.
89. Iżda, skont ir-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni fuq it-traspożizzjoni tad-Direttiva fuq l-ilma mormi fil-Finlandja u fl-Isvezja, huwa paċifiku li ma teżisti ebda problema ta’ ewtrofikazzjoni fiż-żoni miftuħa tal-Baħar tal-Botnia. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-ilmijiet kostali fejn l-iskambju tal-ilma huwa fqir u l-kontenut ta’ nutrijenti huwa għoli. Huwa paċifiku ukoll li l-fluss fuq il-kosta Finlandiża ta’ nutrijenti provenjenti mill-Baħar Baltiku Ċentrali u mill-Golf tal-Finlandja jinvolvi spiss proliferazzjoni ta’ alka (32).
90. Anke jekk, skont dawn ir-rapporti, ċerti ilmijiet kostali tal-Baħar tal-Botnia huma sensittivi għall-iskariki tan-nitroġenu, dawn l-affermazzjonijiet ma jippermettux li wieħed jikkonkludi li dan japplika għall-Baħar tal-Botnia inġenerali. Barra minn hekk, ma tantx huwa probabbli li l-iskariki ta’ nitroġenu fil-Bajja tal-Botnia jaffettwaw preċiżament iż-żoni sensittivi tal-Baħar tal-Botnia. Fuq kollox, dawn huma ilmijiet kostali bi skambju fqir ta’ ilma. Huma jirċievu ftit ilma mill-Bajja tal-Botnia. Inkwantu l-problemi huma ġejjin minn skariki ta’ nutrijenti, dawn huma skariki li ġejjin minn nofsinhar, jiġifieri mid-direzzjoni opposta.
91. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma ppruvatx li l-iskariki ta’ nitroġenu fil-Bajja tal-Botnia jilħqu fi kwantità suffiċjenti ż-żoni sensittivi tal-Baħar tal-Botnia.
92. Il-Kummissjoni ssostni mbagħad li kwantitajiet suffiċjenti ta’ nitroġenu skarikat fil-Bajja tal-Botnia jilħaq il-Baħar Baltiku Ċentrali, li huwa sensittiv għall-iskariki ta’ nitroġenu. Madankollu hija ma tipprovdix informazzjoni fuq il-proporzjon ta’ skariki ta’ nitroġenu fil-Bajja tal-Botnia li jilħaq il-Baħar Baltiku Ċentrali.
93. Skont ir-rapporti li hija ppreżentat, madwar 11 % tal-iskariki kollha fil-Golf tal-Botnia jiġi ttrasportat sal-Baħar Baltiku Ċentrali (33). Dan l-ammont ta’ trasferiment huwa iżgħar ħafna mill-ammont ta’ trasferiment bejn il-Bajja tal-Botnia u l-Baħar tal-Botnia. Dan jikkorrobora l-konstatazzjoni li l-Baħar tal-Botnia iservi verament ta’ bir għan-nitroġenu (34).
94. Il-Gvern Svediż ippreżenta r-riżultati ta’ kalkolu estimatorju li jwassal għal rata ta’ trasferiment li terġa’ hija iżgħar. Skont dan il-kalkolu, it-tnaqqis tan-nitroġenu fl-iskariki tal-ilma mormi fil-Golf tal-Botnia b’total ta’ 817-il tunnellata inaqqas it-trasferiment ta’ nitroġenu fil-Baħar Baltiku b’56 tunnellata biss. Fi kliem ieħor, madwar 7 % biss mit-tnaqqis tan-nitroġenu jinħass fil-Baħar Baltiku Ċentrali li huwa sensittiv għan-nitroġenu. Konsegwentement, wieħed jista’ jippreżumi li r-rata ta’ trasferiment ta’ skariki mhijiex wisq ogħla.
95. F’dan l-istadju, hija irrilevanti l-kwistjoni dwar liema minn dawn il-kalkoli huwa preċiż. It-tnejn għandhom tendenza fi kwalunkwe każ li juru li inqas minn 30 % tal-iskariki fil-Bajja tal-Botnia jilħqu l-Baħar Baltiku Ċentrali. F’dan il-kuntest għadni ma ħadx inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont l-argumenti mhux kontestati tal-Isvezja u tal-Finlandja, 30 % tan-nitroġenu jiġi eliminat bit-trattament tal-ilma mormi skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva fuq l-ilma mormi, li għandu jsir indipendentement mis-sensittività taż-żoni fejn isir l-iskarikar.
96. Il-Gvern Finlandiż ippreżenta ċifri li jagħtu wieħed x’jifhem li r-rata ta’ trasferiment hija ħafna ogħla (35). Waqt is-seduta, huwa indika madankollu, b’risposta għal domanda li saritlu, li huwa ma jikkontestax iċ-ċifri tal-Kummissjoni inkwistjoni u li huwa ppreżenta biss ċifri globali li ma jirriflettux kompletament it-trasferiment. Iċ-ċifri ma jieħdux inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kwantità ta’ nitroġenu li jinżamm waqt it-trasferiment. Għaldaqstant, minn dawn iċ-ċifri ma jistax jiġi kkonstatat li r-rata ta’ trasferiment hija ogħla minn 30 %, ħaġa li, fuq kollox, kellha tiġi ppruvata mill-Kummissjoni.
97. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma ppruvatx li l-iskarikar ta’ ilma urban mormi li fih in-nitroġenu fil-Bajja tal-Botnia jilħaq, fi proporzjon suffiċjenti, partijiet sensittivi tal-Baħar Baltiku Ċentrali. L-agglomerazzjonijiet Svediżi u Finlandiżi li għandhom iktar minn 10 000 ekwivalenti ta’ popolazzjoni ma għandhomx, għaldaqstant, jissuġġettaw kollha kemm huma l-ilma mormi tagħhom għal dan it-trattament, u għal din ir-raġuni waħidha, diġà għandhom jiġu miċħuda ż-żewġ rikorsi. Għaldaqstant, l-iskariki fil-Baħar tal-Botnia huma irrilevanti.
98. Din il-konklużjoni hija kkonfermata bil-pjan ta’ azzjoni għall-Baħar Baltiku tal-kummissjoni ta’ Ħelsinki. Dan il-pjan li ġie żviluppat bil-parteċipazzjoni tal-Komunità jeżiġi, ċertament, tnaqqis fl-iskariki ta’ nitroġenu fil-Baħar Baltiku Ċentrali, fil-Golf tal-Finlandja, fil-kanal bejn id-Danimarka u l-Isvezja (“Danish Straits”, Belt) kif ukoll fil-Kattegat, imma l-iskariki ta’ nitroġenu fil-Bajja tal-Botnia u fil-Baħar tal-Botnia ma għandhomx jitnaqqsu (36).
99. Madankollu jiena ser nittratta issa l-kwistjonijiet daqstant kontroversi tal-iskariki fl-ilma intern u tal-eventwali żvilupp eċċessiv ta’ ċjanobatterji (“alka blu”).
2. Fuq l-iskariki fl-ilmijiet interni
100. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Finlandja, l-istess bħall-Isvezja, għandha tissuġġetta l-ilma mormi kollu tagħha li jintrema’ fl-ilmijiet interni għal tnaqqis addizzjonali tan-nitroġenu.
101. Għal dak li jikkonċerna l-iskariki fl-ilmijiet interni li jasal indirettament fiż-żoni sensittivi, ir-regola għandha tkun l-istess bħal dik tat-trasferiment ta’ nitroġenu bejn żoni marittimi: jekk iktar minn 30 % tan-nitroġenu kontenut fl-ilma mormi jilħaq iż-żona sensittiva, in-nitroġenu jkollu jitnaqqas.
102. L-ilmijiet interni jinġarrew finalment fl-ilmijiet kostali. Huma jġorru b’hekk fil-baħar in-nitroġenu skarikat mal-ilma mormi. Fil-fehma tiegħi, din hija evidenza suffiċjenti biex jiġi konkluż li bl-iskarikar fl-ilmijiet interni, kwantità suffiċjenti ta’ nitroġenu tilħaq iż-żoni sensibbli fil-Baħar Baltiku, b’mod partikolari l-Baħar Baltiku Ċentrali.
103. Il-Finlandja u l-Isvezja jsostnu madankollu, mingħajr ebda kontestazzjoni li, b’sempliċi trattament tal-ilma mormi, jiġi skarikat biss 70 % tan-nitroġenu kontenut oriġinarjament fl-ilma mormi. Il-Finlandja u l-Isvezja jsostnu sussegwentement li l-iskariki ta’ nitroġenu fl-ilmijiet interni spiss jitnaqqsu b’mod naturali qabel ma jilħqu l-baħar. Huma jsostnu li n-nitroġenu jiġi ddepożitat b’mod partikolari fil-lagi. Skont il-Finlandja, bejn 19 % u 80 % ta’ nitroġenu jitnaqqas matul it-traġitt lejn il-baħar.
104. Il-Kummissjoni toġġezzjona fiż-żewġ kawżi għal ġeneralizzazzjoni tar-rati ta’ tnaqqis fuq skala nazzjonali. Iżda dan mhuwiex il-punt kruċjali ta’ dawn l-allegazzjonijiet. Iż-żewġ Stati Membri jippreċiżaw pjuttost li l-awtoritajiet ta’ kontroll, wara l-verifika ta’ ċerti impjanti tat-trattament nazzjonali, setgħu perfettament jaslu għall-konklużjoni li ma kienx meħtieġ tnaqqis ta’ nitroġenu.
105. Il-Kummissjoni, mill-bqija, ma tikkontestax l-argument taż-żewġ Stati Membri fejn dawn jgħidu li dawn il-verifiki individwali ma ġewx ibbażati biss fuq ipoteżijiet ġenerali li n-nitroġenu kien baqa’ hemm, imma li ttieħdu inkunsiderazzjoni b’mod konkret is-sitwazzjoni lokali u t-tnaqqis tan-nitroġenu fl-ilmijiet ikkonċernati. Hija ma tikkontestax, b’mod partikolari, la d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ċerti impjanti ta’ trattament u lanqas il-metodi applikati f’kull każ għall-kalkolu tat-tnaqqis naturali tan-nitroġenu.
106. Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva fuq l-ilma mormi ma tippermettix li tingħata kunsiderazzjoni tat-tnaqqis naturali tan-nitroġenu. Madankollu mhemmx bażi ġuridika għal regola ġenerali f’dan is-sens. Dak li huwa korrett, mill-banda l-oħra, huwa l-fatt li l-ewtrofikazzjoni, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(11) tissupponi, b’mod partikolari, it-tfixkil tal-bilanċ naturali (37). Sakemm l-iskariki tal-ilma mormi li fih in-nitroġenu ma jfixkilx dan il-bilanċ jew sakemm mhemmx biża’ li jista’ jseħħ dan it-tfixkil fis-sens tal-Anness II.A(a), lanqas mhuwa meħtieġ trattament iktar strett.
107. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament li, meta jiġu kkunsidrati ċerti impjanti tat-trattament b’mod individwali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-varjazzjonijiet staġjonali fit-tnaqqis naturali tan-nitroġenu. L-osservanza tal-valur limitu għandu jkun żgurat kontinwament, l-istess bħat-tnaqqis tekniku tan-nitroġenu fl-impjant tat-trattament. Madankollu, dan jista’ jiġi vverifikat biss b’referenza għad-diversi impjanti tat-trattament, ħaġa li l-Kummissjoni ma għamlitx f’dan il-każ.
108. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma ppruvatx li l-impjanti kollha tat-trattament tal-agglomerazzjonijiet Finlandiżi u Svediżi li għandhom iktar minn 10 000 ekwivalenti ta’ popolazzjoni li jiskarikaw fl-ilmijiet interni għandhom inaqqsu iktar nitroġenu.
3. Fuq iċ-ċjanobatterji
109. Finalment, nixtieq nittratta, għal darba oħra, l-argument imressaq mill-Isvezja u l-Finlandja għad-difiża tagħhom, li ma għadux rilevanti f’dan il-każ. Iż-żewġ Stati Membri jinvokaw ir-riskju li jkun hemm żvilupp eċċessiv ta’ ċjanobatterji (proliferazzjoni ta’ “alka blu”).
110. Meta n-nitroġenu u l-fosfru jkunu preżenti fi kwantitajiet suffiċjenti, tinbet b’mod speċjali alka li tiddependi minn dawn iż-żewġ nutrijenti. F’każ però li jkun hemm eċċess ta’ fosfru, dan jista’ jiffavorixxi l-iżvilupp taċ-ċjanobatterji, peress li dawn il-batterji jistgħu ma jieħdux in-nitroġenu li għandhom bżonn mill-ilma, imma jużaw ukoll in-nitroġenu mill-arja. L-eċċess ta’ ċjanobatterji mhuwiex mixtieq, prinċipalment għal tliet raġunijiet:
– dawn jiffurmaw massa magħquda f’wiċċ l-ilma;
– huma jipproduċu sustanzi tossiċi, u
– in-nitroġenu atmosferiku li huma joħolqu jżid il-kontenut ta’ nitroġenu fl-ilma.
111. Iż-żewġ Stati Membri jsostnu li l-iskarikar ta’ ilma mormi li jkun fih in-nitroġenu f’ilmijiet li jkun fihom eċċess ta’ fosfru jista’ jikkontribwixxi biex jimpedixxi l-proliferazzjoni eċċessiva ta’ ċjanobatterji. Ir-riskju eżistenti f’każ ta’ eċċess ta’ fosfru jiġġustifika għalhekk li wieħed jirrinunzja għat-tnaqqis addizzjonali tan-nitroġenu.
112. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li għandu jsir tnaqqis tan-nitroġenu biss jekk dan ikun meħtieġ. Din il-ħtieġa għandha ċertament tiġi evalwata wkoll fid-dawl tad-danni li l-istess tnaqqis ta’ nitroġenu jista’ jikkawża. Din hija konstatazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat diġà meta hija indikat li, fil-kuntest tat-trattament iktar strett, tista’ tittieħed id-debita kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet ta’ nutrijenti għat-trobbija tal-molluski fl-ilmijiet sensittivi (38). Din l-affermazzjoni ċertament ma tistax tinftiehem bħala li tippermetti li tiġi ttollerata l-ewtrofikazzjoni biex jiġu sodisfatti l-interessi kummerċjali. Iżda t-trattament iktar strett jista’, fi kwalunkwe każ, jiġi bbażat fuq eżerċizzju ta’ evalwazzjoni ta’ vantaġġi u żvantaġġi.
113. Għaldaqstant, huwa possibbli li wieħed jirrinunzja għat-tnaqqis tan-nitroġenu biex jilqa’ kontra r-riskju li jkun hemm proliferazzjoni eċċessiva taċ-ċjanobatterji. Madankollu huwa l-Istat membru li jinvokah li għandu jġib il-prova ta’ dan ir-riskju, tal-portata tiegħu u tal-effett reali tar-rinunzja għat-tnaqqis tan-nitroġenu. Fil-fatt, id-Direttiva fuq l-ilma mormi hija bbażata fuq il-prinċipju li n-nitroġenu għandu normalment jitnaqqas jekk huwa jkun jikkontribwixxi għar-riskju tal-ewtrofikazzjoni.
114. Madankollu, f’dan il-każ, mhemmx bżonn li jiġi stabbilit jekk iż-żewġ Stati Membri ressqux din il-prova (39).
V – Fuq l-ispejjeż
115. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Il-Kummissjoni fil-fatt tilfet iż-żewġ rikorsi tagħha, iżda l-Isvezja ma talbitx il-ħlas tal-ispejjeż. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawża C‑335/07 u l-partijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
116. Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
VI – Konklużjoni
117. Għaldaqstant jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi skont kif ġej:
118. Fil-Kawża C‑335/07:
1. Ir-rikors huwa miċħud.
2. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż, ħlief għall-ispejjeż tar-Renju tal-Isvezja.
119. Fil-Kawża C‑438/07:
1. Ir-rikors huwa miċħud.
2. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
1 – ĠU L 135, p. 40.
2 – ĠU L 67, p. 29.
3 – Miżjuda mill-awtur.
4 – ĠU 1994, L 73, p. 20, adottata bid-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-21 ta’ Frar 1994, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni fuq il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku (Il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki kif riveduta fl-1992, ĠU L 73, p.19).
5 – Skont l-Isvezja, dan it-trattament għad irid jiġi attwat jew imtejjeb f’34 impjant tat-trattament.
6 – Skont il-Finlandja, dan it-trattament ġie ordnat f’16-il impjant ta’ trattament, iżda għadu ma ġiex attwat.
7 – Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C-280/02, Ġabra p. I-8573, punti 104 u 105).
8 – Bl-istess mod, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punt 102.
9 – B. Searle, u K. Hamil (WRc), “Evaluation of Finlands’s implementation of Directive 91/271/EEC on Urban Waste Water Treatment”, Mejju 2004, fl-Anness 5 tar-rikors fil-Kawża C‑335/07, p. 31.
10 – K. Hamil et (WRc), “Evaluation of Sweden’s implementation of Directive 91/271/EEC on Urban Waste Water Treatment”, Settembru 2003, fl-anness tar-replika fil-Kawża C-438/07, p.32.
11 – Punti 4, 36, 37 u 46 tar-rikors, u l-punti 5 u 7 tar-replika fil-Kawża C-335/07; punt 30 tar-rikors, u l-punti 40 u 41 tar-replika fil-Kawża C-438/07.
12 – Ara pereżempju, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (96/81, Ġabra p. 1791, punt 6); tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C 494/01, Ġabra p. I 3331, punt 41), u tat-22 ta’ Jannar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-150/07, Ġabra p. I‑0000, punt 65).
13 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), punt 42.
14 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), punt 45.
15 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), punt 44.
16 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 8) hija kjarament ibbażata ukoll fil-parti l-kbira tagħha fuq l-istudji li saru minn awtoritajiet Franċiżi.
17 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punt 34.
18 – Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-235/04, Ġabra p. I-5415, punti 26 u 27).
19 – Artikoli 3(1) u 4(1).
20 – Anness I, tabella 2, it-tieni linja.
21 – Artikoli 6(1) u 8(5).
22 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L 327, p. 1).
23 – Sentenzi tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-396/00, Ġabra p. I-3949, punti 29 et seq); tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-119/02, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 39 et seq), u tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-293/05, Ġabra p. I‑0000, bis-sommarju ppubblikat fil-Ġabra tal-2006, p. I-122*, punti 30 et seq); ara ukoll il-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Stix-Hackl tat-12 ta’ Mejju 2005’ Il-Kummissjoni vs Spanja (C-416/02, Ġabra p. I-7487, punti 133 u 134).
24 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 24) Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-396/00, punt 31); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 41, u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-293/05, punt 32).
25 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 24).
26 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 24), punt 37.
27 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punt 77.
28 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punti 19 u 40.
29 – 19-il tunnellata fis-sena bejn il-Bajja tal-Botnia u l-Baħar tal-Botnia, u 56 tunnellata fis-sena bejn il-Baħar tal-Botnia u l-Baħar Baltiku Ċentrali.
30 – Fuq dan is-suġġett ara Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punt 19.
31 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punt 25, kif ukoll il-punti 40, 52, 67, 77 u 87.
32 – K. Hamil et, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 11), p. 18, kif ukoll B. Searle, u K. Hamil, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 17 u 18.
33 – K. Hamil et, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 11), p. 25, kif ukoll B. Searle, u K. Hamil, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 24.
34 – K. Hamil et, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 11), p. 25, kif ukoll B. Searle, u K. Hamil, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 24.
35 – Ara l-Anness I tal-kontroreplika.
36 – HELCOM Baltic Sea Action Plan, , p. 8.
37 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punti 20 et seq.
38 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punt 102.
39 – Id-dubju jqum f’dan ir-rigward mill-artikolu ċċitat mill-Isvezja: Vahtera et, “Internal Ecosystem Feedbacks Enhance Nitrogen-fixing Cyanobacteria Blooms and Complicate Management in the Baltic Sea”, Ambio, Vol. 36, Nru. 2–3, p. 186 et seq, ., li skontu għandhom jiġu eliminati kemm in-nitroġenu kif ukoll il-fosfru.
Full & Egal Universal Law Academy