KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2008 1(1)
Kawżi magħquda C‑362/07 u C‑363/07
Kip Europe SA
Kip (UK) Ltd
Caretrex Logistiek BV
Utax GmbH
vs
Administration des douanes − Direction Générale des douanes et droits indirects
u
Hewlett Packard International SARL
vs
Administration des douanes − Direction Générale des douanes et droits indirects
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’instance du VIIe arrondissement de Paris (Franza)]
“Klassifikazzjoni tariffarja – Magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data – Magni li għandhom funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data – Apparat multifunzjonali”
I – Introduzzjoni
1. F’din il-kawza l-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta xi dispożizzjonijiet tan-nomenklatura tariffarja. Id-domandi speċifiċi magħmula jirrigwardaw apparat imsejjaħ “multifunzjonali”: madankollu, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tipprovdi xi kjarifikazzjonijiet ta’ portata iktar ġenerali.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dispożizzjonijiet tan-Nomenklatura Magħquda
2. In-Nomenklatura Magħquda li tapplika għall-fatti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża hija dik għas-sena 2006, li tinsab fir-Regolament Nru 1719/2005 (2) (iktar ’il quddiem in-“NM 2006”).
3. It-Taqsima I tal-Ewwel Parti tan-NM 2006, bl-isem “Regoli Ġenerali”, tistabbilixxi dan li ġej:
“1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
[…]
3. Meta […] l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:
(a) l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. […]
(b) taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli.
(ċ) meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.
[…]”.
4. It-Taqsima XVI tan-NM 2006, bl-isem “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”, hija introdotta b’dawn in-“Noti”:
“1. Din it-taqsima ma tkoprix:
[…]
(m) oġġetti ta’ Kapit[o]lu 90;
[…]
3. Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew iktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew iktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.
[…]”.
5. Fit-Taqsima XVI insibu l-Kapitolu 84, bl-isem “Reatturi nukleari, kaldaruni (boilers), makkinarju u għodod mekkaniċi; bċejjeċ tagħhom”, li huwa introdott b’dawn in-“Noti”:
“[…]
5. […]
(B) Magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data jistgħu jkunu f’għamla ta’ sistemi magħmulin minn numru varjabbli ta’ unitajiet separati. Suġġett għal paragrafu E hawn taħt, unità għandha titqies li tagħmel parti minn sistema kompluta jekk hija tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha:
(a) hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data;
(b) tista’ titqabbad ma’ l-unità ċentrali ta’ pproċessar kemm direttament jew permezz ta’ unità oħra jew iktar;
(ċ) tista’ tilqa’ jew tagħti data f’forma (kowds jew sinjali) li jistgħu jintużaw mis-sistema.
[…]
(D) Printers, tastieri, mezzi ta’ dħul b’koordinati X-Y u unitajiet ta’ diski għal ħażna li jissodisfaw il-kundizzjonjiet ta’ paragrafi (B)(b) u (B)(ċ) hawn fuq, għa[n]dhom fil-każi[jiet] kollha jiġu kklassifikati bħala unitajiet ta’ titlu [intestatura] 8471.
(E) Magni li jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data għandhom jiġ[u] kklassifikati fit-titli [fl-intestaturi] xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fit-titli [fl-intestaturi] li jibqa’.
[…]”.
6. L-intestatura doganali 8471 tan-NM 2006 hija strutturata bil-mod li ġej:
“8471 Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b’sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla kodifikata u magni biex jipproċessaw din id-data, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra:
[…]
8471 60 − Unitajiet ta’ dħul jew ta’ ħruġ, fihom jew le unitajiet ta’ ħażna fl-istess għata:
8471 60 20 − − Printers
8471 60 60 − − Tastieri
8471 60 80 − − Oħrajn
[…]”.
7. It-Taqsima XVIII tan-NM 2006, bl-isem “Strumenti u apparat ottiċi, fotografiċi, ċinematografiċi, ta’ kejl, ta’ verifika, ta’ preċiżjoni, mediċi jew kirurġiċi; arloġġi u arloġġi ta’ l-idejn; strumenti mużikali; bċejjeċ u aċċessorji tagħhom” għandha dawn l-intestaturi fil-Kapitolu 90 tagħha:
“9009 Apparat għal fotokopjar li fih sistema ottika jew tip li jaħdem b’kuntatt u apparat ta’ termokopjar:
− Apparat ta’ fotokopjar elettrostatiku:
[…]
9009 12 00 − − Li jaħdmu billi jirriproduċi l-immaġini oriġinali fuq il-kopja permezz ta’ intermedju fuq il-kopja (proċess indirett)”.
B – Ir-Regolament Nru 400/2006
8. Ir-Regolament Nru 400/2006 (3), li permezz tiegħu l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni dwar l-intestaturi tan-Nomenklatura Magħquda li fihom għandhom jiġu kklassifikati ċerti oġġetti, ikklassifika, fil-parti li hija rilevanti għal hawnhekk, prodott iddefinit kif ġej taħt l-intestatura 9009 12 00:
“4. Apparat multifunzjonali li jista’ jagħmel dawn il-funzjonijiet:
− skanjar,
− stampar bil-laser,
− kopja laser (proċedura indiretta).
L-apparat, mgħammar b’diversi kxaxen għall-karti, jista’ jagħmel sa 40 fotokopja fuq paġna A4 fil-minuta.
L-apparat jiffunzjona b’mod awtonomu (bħal fotokopjaturi) jew imqabbad ma’ kompjuter jew ma’ netwerk ta’ kompjuters (bħal printer, scanner u fotokopjatur)”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9. Il-motivazzjoni mogħtija għal din l-għażla hija din li ġejja:
“Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1, 3(ċ), u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u min-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 u tat-test tal-kodiċijiet tan-NM 9009 u 9009 12 00.
L-apparat għandu diversi funzjonijiet u l-ebda waħda ma tagħti lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10. Iż-żewġ kawżi prinċipali li fihom tqajmu d-domandi preliminari li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina jirrigwardaw, waħda l-apparat “KIP 3000”, u l-oħra tliet mudelli ta’ printers multifunzjonali differenti Hewlett-Packard (iktar ’il quddiem “HP”) (laserjet CM 1015 MFP, laserjet M 1017 MFP u laserjet M 1005 MFP).
11. Dawn huma prodotti pjuttost differenti. B’mod partikolari, KIP 3000 hija printer/scanner ta’ format kbir li hija intiża essenzjalment għal pubbliku professjonali ta’ periti u inġiniera, u tinkorpora fiha kompjuter sħiħ Windows. Il-prodotti HP, min-naħa l-oħra, huma maħsubin primarjament għall-użu fid-dar jew f’uffiċċji żgħar.
12. Dak li għandhom in komuni l-prodotti li għadhom kif ġew imsemmija huwa l-fatt li fihom modulu għall-istampar u modulu għall-iskanjar: dan l-ikkombinar ta’ printer u scanner jippermetti lil dawn il-prodotti li, minbarra l-funzjonijiet ta’ stampar u ta’ skanjar, ikollhom anki l-funzjoni ta’ kkopjar. B’mod partikolari, il-funzjonijiet ta’ kkopjar jistgħu jsiru mingħajr il-ħtieġa li l-apparat jitqabbad ma’ kompjuter.
13. L-awtoritajiet doganali Franċiżi kklassifikaw l-apparat in kwistjoni taħt l-intestatura 9009 12 00 tan-NM, billi kkunsidrawh essenzjalment bħala fotokopjatur. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din il-klassifikazzjoni tfisser il-ġbir ta’ dazju ta’ 6 %. Għall-kuntrarju, kif ġie ssuġġerit mill-kumpanniji importatriċi, klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8471 60 ma tinvolvi l-ġbir ta’ ebda dazju doganali. It-tneħħija ta’ dazji doganali fuq prodotti “informatiċi” hija l-konsegwenza ta’ ftehim milħuq f’dan is-sens fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u li jirriżulta mid-Dikjarazzjoni Ministerjali tat-13 ta’ Diċembru 1996 dwar kummerċ fi prodotti teknoloġiċi tal-informatika. Dan il-ftehim ġie approvat mill-Kunsill bid-deċiżjoni 97/359/KE tal-24 ta’ Marzu 1997 li tirrigwarda l-eliminazzjoni ta’ dazji minn fuq prodotti teknoloġiċi tal-informatika (4).
14. B’din il-problema quddiemha, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin (5):
“1) Il-funzjoni ‘copy’ ta’ apparat multifunzjonali, bħal dak deskritt fil-proċedura preżenti, maħsub sabiex jaħdem b’konnessjoni diretta jew permezz ta’ netwerk ma’ kompjuter jew komputers, iżda li jista’ permezz tal-funzjoni ‘copy’, jaħdem b’mod indipendenti, tikkostitwixxi ‘funzjoni speċifika oħra minbarra l-ipproċessar ta’ data’ skont in-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-eżistenza ta’ din il-funzjoni speċifika, li fir-rigward tagħha huwa espliċitament rikonoxxut li ma tagħtix lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu, hija ta’ natura tali li teskludi l-klassifikazzjoni fil-Kapitolu 84 skont in-Nota 5(E), minkejja l-eżistenza tal-funzjonijiet ta’ printer u ta’ scanner li jaqgħu taħt l-ipproċessar ta’ data?
3) F’każ bħal dan, u, fir-rigward ta’ apparat magħmul mill-assemblaġġ ta’ tliet komponenti materjalment distini (printer, scanner u kompjuter), il-klassifikazzjoni m’għandhiex issir fuq il-bażi tar-regola ġenerali 3(b)?
4) B’mod iktar ġenerali, l-interpretazzjoni korretta tas-Sistema Armonizzata u tan-[NM] għandha twassal sabiex printers bħal dawk deskritti jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471 60 jew taħt l-intestatura 9009 12 00?
5) Ir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 400/2006, tat-8 ta’ Marzu, m’huwiex invalidu, b’mod partikolari peress li jmur kontra s-Sistema Armonizzata, in-[NM] u l-paragrafi 1 u 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u tan-Nomenklatura Magħquda, safejn dan huwa mmotivat b’referenza għall-kunċett ta’ ‘funzjoni li tagħti lill-apparat il-karattru essenzjali tiegħu’ u safejn iwassal għall-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9009 12 00 ta’ printers bħal dawk deskritti?”
IV – Fuq id-domandi preliminari
A – Osservazzjonijiet preliminari
15. Għandu jiġi osservat li, b’mod konkret, il-klassifikazzjoni doganali ta’ apparat multifunzjonali bħal dak li huwa s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari m’għandhiex toħloq iktar problemi fil-futur billi l-verżjoni tal-2007 tan-NM ma fihiex iżjed l-intestatura 9009, u l-prodotti in kwistjoni għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8443, li issa tinkludi “printers, fotokopjaturi u magni tal-faksimile oħra, kemm jekk magħqudin u kemm jekk mhumiex”. B’mod partikolari l-intestatura 8443 31 tinkludi, fil-verżjoni għall-2008 li hija attwalment fis-seħħ (6), “[m]agni li jwettqu żewġ funzjonijiet jew aktar ta’ stampar, ikkopjar jew trasmissjoni tal-faksimile, li huma kapaċi jaqbdu ma’ magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data jew ma’ netwerk.”
16. Madankollu, għandu jiġi osservat li waħda mill-problemi ċentrali ta’ din il-kawża, jiġifieri l-interpretazzjoni tan-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 tan-NM, tibqa’ attwali billi dik id-dispożizzjoni għadha preżenti fit-test tan-NM.
B – Fuq l-ewwel erba’ domandi dwar l-interpretazzjoni tan-NM
1. Kunsiderazzjonijiet introduttivi
17. Jiena naħseb li l-ewwel erba’ domandi magħmulin mill-qorti tar-rinviju jistgħu jiġu kkunsidrati flimkien. Fil-fatt il-qorti qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tan-NM rilevanti fil-każ in kwistjoni sabiex b’hekk tkun tista’ tikklassifika l-apparat deskritt iktar ’il fuq.
18. B’mod iktar speċifiku, il-problema tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, liema dispożizzjonijiet interpretattivi tan-NM għandhom jiġu applikati f’dan il-każ, u t-tieni nett, kif għandhom jinftiehmu.
2. Argumenti tal-partijiet
19. Il-kumpanniji Kip Europe u Hewlett-Packard, li huma rikorrenti fil-kawżi prinċipali u rrappreżentati mill-istess avukati, ippreżentaw noti tal-osservazzjonijiet identiċi, li huma intiżi li juru li l-apparat in kwistjoni għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura NM 8471 60.
20. L-ewwel nett il-kumpanniji rikorrenti jsostnu li l-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8471 60 għandha ssir abbażi tar-regola ġenerali 3(b), billi l-modulu ta’ printer (jew, sussidjarjament, iż-żewġ moduli ta’ printer u scanner flimkien) huwa dak li jagħti lil dan l-apparat il-“karattru essenzjali” tiegħu.
21. Għall-kuntrarju, skont dawn il-partijiet, ma tistax tittieħed inkonsiderazzjoni l-“funzjoni” tal-apparat billi dak l-element m’huwiex indikat fit-test tar-regola ġenerali 3(b). Il-kriterju dwar il-“funzjoni prinċipali” huwa stabbilit biss fin-Nota 3 tat-Taqsima XVI, u dik in-nota ma tapplikax jekk il-klassifikazzjoni tal-prodotti tista’ ssir ukoll, fl-astratt, taħt intestaturi li m’humiex fit-Taqsima XVI (kif inhu l-każ hawnhekk) (7).
22. Il-kumpanniji rikorrenti huma tal-fehma li fis-sentenza Xerox (8), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet żball meta użat il-kriterju tal-“funzjoni” minflok dak tal-“materja” jew tal-“komponent”, sabiex tiġi applikata r-regola ġenerali 3(b) (9).
23. Għal dak li jirrigwarda n-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 tan-NM, li kienet il-bażi tar-raġunament tal-amministrazzjoni doganali Franċiża, huwa allegat li din ġiet applikata b’mod żbaljat. Din id-dispożizzjoni għandha sempliċiment l-iskop li teskludi li jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala prodott informatiku apparat li jkun differenti, li ma jkunx maħsub għall-ipproċessar ta’ data imma li, minħabba kif ikun magħmul jew użat, ikollu kompjuter integrat fih jew jista’ jitqabbad ma’ kompjuter (10).
24. Jekk tiġi applikata n-Nota 5(E) f’dan il-każ ikun ifisser li tkun determinanti biss il-funzjoni tal-ikkopjar, u jiġu injorati dawk tal-istampar u tal-iskanjar, li huma funzjonijiet ta’ ipproċessar ta’ data. Fil-fehma tal-kumpanniji rikorrenti fil-kawżi prinċipali, in-Nota 5(E) ġiet elaborata biss b’referenza għall-apparat li jkollu funzjoni waħda biss (11).
25. Skont il-kumpanniji rikorrenti, jekk tiġi applikata l-loġika tal-awtoritajiet doganali Franċiżi, wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni assurda li jikklassifika kompjuter bħala arloġġ, billi dan għandu wkoll il-funzjoni ta’ arloġġ (12).
26. Il-kumpanniji rikorrenti josservaw ukoll li l-istess funzjoni ta’ kkopjar tista’ tiġi kkunsidrata bħala forma ta’ pproċessar ta’ data u b’hekk tiġi eskluża awtomatikament il-possibbiltà li tiġi applikata n-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 (13).
27. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Olandiż u il-Gvern Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni, huma favur il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9009 12 00.
28. Għalkemm l-argumenti ta’ dawn il-partijiet ġew espressi b’mod differenti, ir-raġunament bażiku tagħhom jista’ jiġi spjegat b’dan il-mod.
29. Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9009 12 00 toħroġ l-ewwel nett mill-applikazzjoni tan-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 tan-NM. Il-fatt li l-apparat multifunzjonali in kwistjoni jista’ jassumi l-funzjoni tal-ikkopjar b’mod awtonomu mingħajr ma jkun imqabbad ma’ kompjuter huwa biżżejjed sabiex tapplika d-dispożizzjoni ċċitata, u għalhekk sabiex il-prodotti jiġu kklassifikati taħt l-intestatura li tikkorrispondi għal dik il-funzjoni speċifika (jiġifieri l-intestatura 9009 12 00 tan-NM 2006) (14).
30. Sussidjarjament, l-istess klassifikazzjoni tista’ toħroġ mir-regola ġenerali 3(ċ), billi r-regola ġenerali 3(b) ma tapplikax minħabba l-impossibbiltà li jiġi ddeterminat element li jagħti lill-prodotti il-“karattru essenzjali” tagħhom (15).
3. Kunsiderazzjonijiet
a) Osservazzjonijiet Ġenerali
31. Jiena nqis li l-interess partikolari f’din il-kawża jinsab fil-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab, iktar milli tipprovdi indikazzjoni konkreta dwar il-mod ta’ klassifikazzjoni ta’ prodott speċifiku, li tesprimi ruħha dwar l-interpretazzjoni ta’ xi regoli fundamentali li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni doganali. Qed nirreferi b’mod partikolari, kif ser jirriżulta b’mod ċar fl-iżvolġiment tal-argumenti iktar ’il quddiem, għan-Nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-NM u għar-regola ġenerali 3 tagħha.
32. Jiena nosserva wkoll li, kif inhu magħruf, id-dritt applikabbli f’dan il-każ partikolari jirriżulta, in parti, mill-ftehim internazzjonali ffirmati mill-Komunità.
33. Evidentement, qed nirreferi l-ewwel nett għas-sistema armonizzata elaborata fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana li fuqha hija bbażata n-NM (16). Iżda f’dan il-każ partikolari lanqas tista’ tiġi injorata r-rilevanza eventwali tal-Ftehim tal-WTO dwar kummerċ fi prodotti teknoloġiċi tal-informatika (17). L-eventwali rilevanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet internazzjonali f’dan il-każ ser tiġi diskussa iktar ’il quddiem (18).
34. Hemm bżonn li jiġi mfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija għandha ssir abbażi ta’ kriterji kemm jista’ jkun oġġettivi, billi ssir referenza għat-test tal-intestaturi tan-NM u għall-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-merkanzija li għandha tiġi kklassifikata (19). Min-naħa tagħhom, in-Noti ta’ Spjega pprovduti mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tad-Dwana u mill-Kummissjoni huma elementi ta’ importanza kbira għall-interpretazzjoni minkejja li m’humiex ġuridikament vinkolanti (20).
35. F’din il-kawża l-qorti nazzjonali hija mitluba tiddeċiedi jekk l-apparat multifunzjonali deskritt iktar ’il fuq għandux jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 (li tinsab fit-Taqsima XVI tal-Kapitolu 84) jew taħt l-intestatura 9009 (li jinsab fit-Taqsima XVIII tal-Kapitolu 90).
36. B’mod ġenerali, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fin-NM juru b’mod ċar li min jagħmel l-interpretazzjoni għandu jeżamina qabel kollox ir-regoli speċifiċi u dettaljati, billi jirrikorri għad-dispożizzjonijiet ġenerali biss meta klassifikazzjoni abbażi ta’ dawk tal-ewwel ma tkunx possibbli. Dan jirriżulta b’mod partikolari mir-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, li tistabbilixxi partikolarment li l-istess regoli ġenerali japplikaw biss f’każ ta’ bżonn u fi kwalunkwe każ mingħajr ħsara għal dak stabbilit fl-intestaturi individwali tan-NM u tan-noti li jippreċedu t-taqsimiet u l-kapitoli. Barra minn hekk, ir-regola ġenerali 3 tipprovdi, fil-paragrafu (a) li “l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali”.
37. Skont din il-loġika, jiena nqis li f’din il-kawża huwa meħtieġ li l-ewwel nett tiġi eżaminata n-Nota 5 ta’ qabel il-Kapitolu 84 tan-NM, sabiex jiġu ddeterminati l-portata u l-applikabbiltà eventwali f’dan il-każ partikolari. Għalhekk, jekk ikun hemm bżonn, wieħed għandu jara n-Nota 3 ta’ qabel it-Taqsima XVI u fl-aħħar, eventwalment, ir-regola ġenerali 3.
b) Fuq in-Nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-NM
38. Kif rajna, in-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 tipprovdi li “[m]agni li jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data għandhom jiġ[u] klassifikati fit-titli [fl-intestaturi] xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fit-titli [fl-intestaturi] li jibqa’”.
39. F’din il-kawża huma l-Gvernijiet ta’ Franza u tal-Olanda li b’mod partikolari sostnew li, bl-applikazzjoni tar-regola ċċitata, il-prodotti eżaminati jaqgħu taħt il-Kapitolu 84, għaliex il-kapaċità tagħhom li jagħmlu l-fotokopji mingħajr il-bżonn li jitqabbdu ma’ kompjuter tista’ jwassal sabiex jiġu kklassifikati taħt il-Kapitolu 90.
40. L-evalwazzjoni dwar l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni f’dan il-każ għandha ssir fi tliet stadji suċċessivi. L-ewwel nett, wieħed għandu jistaqsi jekk in-Nota 5(E) iċċitata iktar ’il fuq tistax, b’mod astratt, tiġi użata sabiex prodott speċifiku jiġi kklassifikat barra mill-kapitolu preċedut minn din in-nota, jiġifieri barra mill-Kapitolu 84. F’każ ta’ risposta fl-affermattiv jeħtieġ li mbagħad jiġi vverifikat jekk il-funzjoni ta’ fotokopja tal-prodotti in kwistjoni hijiex “funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data”. Fl-aħħar nett, anki jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv, xorta jkun jeħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk dik in-nota tistax, b’mod konkret, tiġi applikata f’dan il-każ.
i) Fuq l-applikabbiltà fl-astratt tan-Nota 5(E)
41. L-ewwel nett wieħed għandu jistaqsi dwar il-possibbiltà li tintuża n-Nota 5(E) sabiex prodott jiġi kklassifikat barra mill-Kapitolu 84, preċedut minn din in-nota.
42. F’dan ir-rigward jista’ jiġi osservat li ġeneralment, in-noti li jippreċedu d-diversi subdiviżjonijiet tan-NM japplikaw biss fil-kuntest tal-parti li fiha jkunu inklużi (21).
43. Madankollu, jiena nikkunsidra li l-argumenti ċċitati m’humiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikabbiltà astratta, f’dan il-każ partikolari, tan-Nota 5(E).
44. Min-naħa, din in-nota m’għandhiex il-funzjoni li tindika klassifikazzjoni speċifika għal prodotti partikolari, imma l-funzjoni tagħha hija sempliċiment li teskludi klassifikazzjoni partikolari. B’mod partikolari, l-għan tan-nota huwa li jiġi evitat li prodott jiġi kklassifikat bħala prodott “informatiku” għall-fatt biss li jkun fih kompjuter, jew li jkun jaħdem meta mqabbad ma’ kompjuter, minkejja li l-prodott stess ikollu funzjonijiet kompletament differenti. Huwa evidenti li klassifikazzjoni ta’ tip “informatiku” tal-prodotti in kwistjoni ssir fil-kuntest tal-Kapitolu 84 tan-NM 2006, għaliex huwa f’dan il-kapitolu li huma inklużi l-prodotti informatiċi. Għaldaqstant, nota li f’dawn il-każijiet teskludi klassifikazzjoni “informatika” ma tistax tkun f’post ieħor għajr dak magħżul, fil-bidu tal-Kapitolu 84. Barra minn hekk, billi l-prodotti li jinkorporaw kompjuter jew jaħdmu meta mqabbdin ma’ kompjuter imma jkollhom funzjonijiet “mhux informatiċi” jistgħu jkunu kklassifikati fi kwalunkwe kapitolu ieħor tan-NM, l-alternattiva għat-tqegħid tan-nota in kwistjoni fil-bidu tal-Kapitolu 84 kienet tkun dik li titqiegħed bejn ir-regoli ġenerali għall-klassifikazzjoni li, minħabba n-natura astratta ħafna tagħhom, ma tantx jidher li kien ikun xieraq.
45. Min-naħa l-oħra, nosserva wkoll li fl-uniku każ li jiena naf bih li fih il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li kien hemm il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tan-Nota 5(E) iċċitata iktar ’il fuq, l-alternattiva possibbli għall-klassifikazzjoni tal-prodotti fil-Kapitolu 84 kienet fl-ambitu ta’ kapitolu differenti, il-Kapitolu 85 (22). Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li n-Nota 5(E) kienet applikabbli biss sabiex tippermetti klassifikazzjoni “mhux informatika” ġewwa l-Kapitolu 84, fil-każ in kwistjoni, hija ma kellhiex tapplika, l-istess nota.
46. Konsegwentement, in-Nota 5(E) hija, fil-fehma tiegħi, applikabbli b’mod astratt fil-każ in kwistjoni.
ii) Fuq l-eżistenza ta’ “funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data”
47. Issa jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-funzjoni ta’ fotokopja ta’ prodotti multifunzjonali f’din il-kawża tistax tiġi kklassifikata bħala “funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data” skont in-nota ċċitata 5(E).
48. F’dan ir-rigward jiena nikkunsidra li ma jistax ikun hemm dubji dwar il-ħtieġa li r-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv.
49. Fil-fatt, tal-inqas fil-kuntest tan-NM 2006, il-funzjoni ta’ fotokopjatur kienet ċertament “funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data”, billi hija stess kienet inkluża f’kapitolu differenti (u f’taqsima differenti) tan-NM. Qed nirreferi evidentement għall-Kapitolu 90, li fih il-Kummissjoni u l-Istati Membri intervenjenti jixtiequ jikklassifikaw il-prodotti in kwistjoni.
iii) Fuq l-applikabbiltà konkreta tan-Nota 5(E) f’dan il-każ partikolari
50. Il-fatt li n-Nota 5(E) hija applikabbli potenzjalment u li l-funzjoni tal-ikkopjar hija “funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data” ma jfissirx, fil-fehma tiegħi, li n-Nota 5(E) għandha tiġi applikata f’dan il-każ partikolari.
51. Minn naħa jiena nikkunsidra li d-dispożizzjoni ċċitata tista’ bla dubju tiġi applikata mingħajr il-bżonn li jkun hemm verifiki ulterjuri, meta l-“funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data” tkun, konkretament, l-unika funzjoni li jiżvolġu l-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati.
52. Iżda, min-naħa l-oħra meta l-istess prodott jgħaqqad il-funzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data ma’ funzjonijiet differenti, il-possibbiltà li tiġi applikata d-dispożizzjoni in kwistjoni tidher ferm iktar dubjuża.
53. Din hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ.
54. Hawnhekk qed nitkellmu dwar apparat li jgħaqqad flimkien funzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data – li ċertament jaqa’ taħt il-kapitolu relattiv għan-NM (f’dan il-każ, il-funzjonijiet ta’ printer u ta’ scanner) − u funzjonijiet li ma jaqgħux f’dan il-kuntest (f’dan il-każ, il-funzjonijiet ta’ fotokopjaturi).
55. Kieku s-sempliċi eżistenza ta’ funzjoni waħda estranea għall-ipproċessar ta’ data kienet tkun biżżejjed sabiex teskludi b’mod assolut, għall-prodotti in kwistjoni, klassifikazzjoni bħala prodotti “informatiċi” fil-Kapitolu 84 tan-NM, konna nkunu f’sitwazzjoni, fil-fehma tiegħi paradossali, ta’ prodott ikklassifikat abbażi ta’ funzjoni tiegħu stess li tista’ tkun sekondarja għal kollox, jekk mhux irrilevanti.
56. Barra minn hekk, ikun diffiċli li jiġu kklassifikati prodotti li l-funzjonijiet tagħhom apparti l-ipproċessar ta’ data jkunu iktar minn waħda: per eżempju fil-każ, li assolutament m’huwiex teoretiku, ta’ prodotti multifunzjonali li, minbarra l-funzjonijiet ta’ stampar, ta’ skanjar jew ta’ kkopjar, ikollhom ukoll il-funzjoni ta’ faks.
57. Ma jidhirlix li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-Nota 5(E) tikkontrasta ma’ l-interpretazzjoni li ser nipproponi.
58. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat l-applikabbiltà tan-Nota 5(E), billi ddeċidiet li l-prodott eżaminat kellu “funzjoni speċifika” differenti mill-ipproċessar ta’ data, f’każ fejn il-prodott stess, minkejja li kellu kompjuter inkorporat fih, kien ikkonfigurat u ppreżentat bħala apparat ta’ sorveljanza permezz ta’ vidjokamera. Fi kliem ieħor, kien prodott li l-unika funzjoni prattika tiegħu ma kinitx l-ipproċessar ta’ data (23).
59. Min-naħa l-oħra, f’diversi sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kinux jeżistu l-kundizzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat li apparat għandu “funzjoni speċifika” differenti mill-ipproċessar ta’ data (24).
60. F’kawża li kienet partikolarment simili għal din li għandna quddiemna u li kienet tirrigwarda apparat multifunzjonali li kien iġib flimkien il-funzjonijiet ta’ printer, scanner u faks, sfortunatament il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni eżatta tal-prodotti in kwistjoni, billi d-domanda preliminari li saritilha kienet tirrigwarda biss il-validità ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni (25).
61. Iżda f’dan il-każ huwa paċifiku li l-funzjoni tal-ikkopjar hija waħdabiss mill-funzjonijiet tal-apparat in kwistjoni, u fil-fatt lanqas ma hija funzjoni ewlenija: li l-klassifikazzjoni tagħhom fost l-apparat informatiku tiġi eskluża a priori u b’mod assolut, abbażi tal-fatt li b’dan l-apparat jistgħu jsiru l-fotokopji, iwassal għar-riskju ta’ żnaturament tan-NM.
62. Għalhekk jiena nqis li, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet evidenti fil-klassifikazzjoni doganali, in-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 tan-NM iċċitata iktar ’il fuq għandha tapplika biss b’referenza għal funzjoni speċifika ta’ prodott li tkun l-unika funzjoni tal-prodott stess. Fil-każijiet l-oħrajn, huma d-dispożizzjonijiet l-oħra tan-NM li jippermettu d-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni.
63. Naturalment nosserva li l-fatt li f’każ speċifiku n-Nota 5(E) ma tapplikax ma jfissirx bilfors li ssir klassifikazzjoni fost il-prodotti informatiċi, billi l-applikazzjoni tar-regoli l-oħra ta’ klassifikazzjoni wkoll tista’ twassal għal riżultati differenti.
64. Billi l-funzjonijiet ta’ kkopjar m’humiex l-uniċi funzjonijiet tal-prodotti in kwistjoni, u lanqas ma huma l-funzjonijiet prinċipali, ma tistax tintuża n-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84: għalhekk ma tistax tiġi eskluża a priori u b’mod assolut il-possibbiltà tal-klassifikazzjoni tagħhom fost l-apparat “informatiku” fil-Kapitolu 84 tan-NM 2006.
65. Dak li sostnejt iktar ’il fuq jidhirli li huwa kkonfermat ukoll min-Nota 5(B) tal-istess Kapitolu 84, fejn, ħlief għal dak stabbilit fin-Nota 5(E) suċċessiva, jingħad espliċitament li għandha tiġi kkunsidrata bħala parti minn sistema għall-ipproċessar ta’ data kull unità li, fost l-oħrajn, hija “tat-tip użat esklużivament jewprinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data” (il-korsiv huwa tiegħi). Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur stess jassumi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala parti minn sistema informatika komponenti li, anki jekk b’mod sekondarju, għandhom funzjonijiet differenti mill-ipproċessar ta’ data. Jekk in-Nota 5(E) għandha tiġi interpretata, kif jipproponu l-Kummissjoni u l-Gvernijiet intervenjenti, fis-sens li anki funzjoni minima “mhux informatika” ta’ prodott tipprekludi assolutament klassifikazzjoni taħt l-“informatika”, il-preżenza tal-avverbju “prinċipalment” tkun inutli għal kollox, billi n-Nota 5(B) tiġi tapplika biss għal prodotti maħsubin, b’mod esklużiv, għall-użu fil-kuntest ta’ sistema informatika.
66. Lanqas jista’ jiġi injorat il-fatt, għalkemm m’huwiex determinati, li fil-verżjonijiet riċenti tan-NM l-apparat multifunzjonali bħal dak in kwistjoni f’din il-kawża, jaqa’ taħt il-Kapitolu 84, u b’mod iktar preċiż taħt l-intestatura 8443 31 (26).
67. Fl-aħħar, jiena nikkunsidra li l-interpretazzjoni restrittiva li nipproponi għan-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 hija kkonfermata ulterjorament fid-dawl tal-Ftehim tal-WTO dwar kummerċ fi prodotti teknoloġiċi tal-informatika.
68. Irrispettivament mill-kwistjonijiet dwar l-applikabbiltà ta’ dan il-ftehim f’dan il-każ partikolari, li ma ġiex invokat mill-partijiet (27), huwa ċar li, ikkunsidrat fid-dawl tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi (28), dan ma jidhirx li huwa kompatibbli ma’ interpretazzjonijiet li, bħal dik proposta mill-Kummissjoni u mill-Gvernijiet intervenjenti, għandhom it-tendenza li jillimitaw għal kollox il-qasam ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni tad-dazji doganali.
69. Fil-fatt, il-ftehim imsemmi iktar ’il fuq juri parzjalità evidenti favur iċ-ċirkulazzjoni libera mingħajr dazji, ta’ prodotti informatiċi, li fir-rigward tagħhom huwa rikonoxxut li għandhom “rwol ewlieni […] fl-iżvilupp tal-industriji tal-informazzjoni u fl-espansjoni dinamika tal-ekonomija dinjija”.
c) Fuq in-Nota 3 tat-Taqsima XVI
70. Għalhekk, ladarba ġiet eskluża l-possibbiltà li tiġi applikata n-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84, skont il-loġika li indikajt iktar ’il fuq inkwantu karatteristika tad-dispożizzjonijiet interpretattivi tan-NM (29), jeħtieġ li tiġi eżaminata l-possibbiltà li tiġi applikata, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni doganali tal-prodotti in kwistjoni, in-Nota 3 tat-Taqsima XVI, li tipprovdi “magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien […] magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet […] jew aktar kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali” (il-korsiv huwa tiegħi).
71. Iżda f’dan il-każ jidhirli li huwa ċar li d-dispożizzjoni ċċitata m’hijiex applikabbli.
72. Fil-fatt, kif diġà kelli okkażjoni nispjega qabel, il-klassifikazzjonijiet possibbli għall-apparat in kwistjoni huma fil-kuntest tal-Kapitolu 84 jew tal-Kapitolu 90, rispettivament. Billi dawn iż-żewġ kapitoli huma f’taqsimiet differenti (fit-Taqsimiet XVI u XVIII rispettivament), nota li tinsab f’waħda minnhom biss minn dawn ma tistax tiġi applikata hawnhekk (30). Anki l-partijiet, waqt is-seduta, urew qbil dwar dan il-punt.
73. Jiena nosserva ukoll li, kważi sabiex tagħmel distinzjoni netta bejn dawn iż-żewġ partijiet tan-NM, in-Nota 1 tat-Taqsima XVI tistabbilixxi li “din it-Taqsima ma tinkludix: […] (m) l-oġġetti tal-Kapitolu 90 […]” (31).
d) Fuq ir-regola ġenerali 3
i) Osservazzjonijiet ġenerali
74. Abbażi ta’ dak li għadni kemm osservajt hemm bżonn li, f’dan il-każ, issir referenza għar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fit-Taqsima I tagħha. B’mod partikolari, ir-regola applikata għall-klassifikazzjoni tal-prodotti li jistgħu jaqgħu taħt żewġ intestaturi jew iżjed hija r-regola ġenerali 3.
75. L-ewwel mit-tliet ittri li fihom tinqasam din ir-regola tistabbilixxi li l-intestatura l-iktar speċifika għandha tipprevali fuq l-intestaturi ta’ portata iktar ġenerali. Dan il-prinċipju, li jaqbel mal-karatteristiċi ġenerali tas-sistema ta’ klassifikazzjoni tan-NM m’huwiex ta’ utilità f’din il-kawża billi d-diversi klassifikazzjonijiet possibbli tal-prodotti in kwistjoni huma t-tnejn speċifiċi u jinsabu f’kapitoli u f’taqsimiet differenti.
76. Iżda l-paragrafu (b) tar-regola ġenerali 3 jistabbilixxi li l-prodotti “komposti” huma kklassifikati skont il-“materjal jew [il]-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom”.
77. Kif rajna meta ġbart fil-qosor il-pożizzjonijiet tal-partijiet, il-Gvernijiet intervenjenti u l-Kummissjoni jikkunsidraw li r-regola li għadha kif ġiet iċċitata m’hijiex applikabbli, billi, f’dan il-każ, m’huwiex possibbli li jiġi individwat element li jagħti lill-apparat multifunzjonali in kwistjoni karattru speċifiku essenzjali (32). Konsegwentement, għandu jiġi applikat il-paragrafu (ċ) tal-istess regola ġenerali.
78. Min-naħa tagħhom, il-kumpanniji rikorrenti fil-kawża prinċipali jinsistu fuq id-differenza li teżisti bejn il-paragrafu (b) tar-regola ġenerali 3, minn naħa, u min-naħa l-oħra, in-Nota 3 tat-Taqsima XVI. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “funzjoni prinċipali” li hemm f’din l-aħħar regola għandu jinżamm separat minn dak ta’ “materjal” u ta’ “komponent” li jikkaratterizzaw prodott skont ir-regola ġenerali 3(b).
79. Il-pożizzjoni tal-kumpanniji rikorrenti tista’ tiġi spjegata billi jiġi kkunsidrat li l-kapaċità tal-apparat in kwistjoni li jagħmel il-fotokopji b’mod awtonomu tista’ tkun “funzjoni” imma ċertament ma tistax tiġi identifikata f’komponent materjali tal-istess prodotti. L-apparat multifunzjonali in kwistjoni huwa l-ikkombinar ta’ modulu ta’ printer u modulu ta’ scanner, li huma l-uniċi żewġ elementi li jistgħu jiġu individwati fiżikament. Il-kapaċità tal-ikkopjar hija, biex ngħidu hekk, “effett kollaterali” tal-ikkombinar taż-żewġ elementi msemmija.
80. Skont l-argumenti tal-kumpanniji rikorrenti, il-kapaċità li jsir l-ikkopjar, bħala sempliċi “funzjoni”, m’għandhiex tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-klassifikazzjoni skont ir-regola ġenerali 3(b). Billi r-raġunament għandu jkun ibbażat esklużivament fuq komponenti materjali tal-prodott, u billi dawn jistgħu jiġu kklassifikati biss fil-kuntest tal-Kapitolu 84 tan-NM, il-klassifikazzjoni fil-Kapitolu 90 hija impossibbli.
81. Madankollu ma jidhirlix li nista’ naqbel ma’ din il-pożizzjoni. Hekk kif ir-raġunament tal-Gvernijiet intervenjenti u tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà tal-applikazzjoni tan-Nota 5(E) tat-Taqsima XVI f’dan il-każ iwassal għat-tiġbid tar-regoli tan-NM, bl-istess mod l-interpretazzjoni litterali rigoruża tar-regola ġenerali 3(b) proposta mill-partijiet rikorrenti għandha r-riskju li tagħti riżultati daqstant inaċċettabbli.
82. Jiena jidhirli li huwa approċċ interpretattiv pjuttost ristrett li jiġu kkunsidrati biss elementi materjali li jikkomponu prodott b’ħafna użi, bħall-apparat multifunzjonali in kwistjoni f’din il-kawża, u b’hekk jiġu injorati kompletament il-funzjonijiet li jkollhom dawn il-prodotti. Dan iktar u iktar fi żmien meta, biż-żieda kontinwa ta’ apparat elettroniku, il-minjaturizzazzjoni u t-tendenza li jsiru prodotti li jgħaqqdu flimkien diversi funzjonijiet, f’isem ’l hekk imsejħa “konverġenza teknoloġika”, il-possibbiltà li jiġu kkunsidrati biss l-elementi esterjuri jew materjali ta’ prodott li għandu jiġi kklassifikat dejjem tidher inqas sodisfaċenti.
83. Għalhekk jidhirli li mhux talli ma kinitx ir-riżultat ta’ żball fl-abbozzar, kif issuġġerit fis-seduta mill-partijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni li ħaddnet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Xerox tibqa’ kompletament valida u l-kritika li saret fil-konfront tagħha (33) ma tistax tintlaqa’.
84. Fil-kawża deċiża b’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja kienet intalbet tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni doganali ta’ apparat multifunzjonali faks/fotokopjatur. Fir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-possibbiltà li tapplika r-regola ġenerali 3(b), “billi l-apparat in kwistjoni m’għandu l-ebda funzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat il-karattru essenzjali tiegħu” (34) (il-korsiv huwa tiegħi). Fi kliem ieħor, għall-Qorti tal-Ġustizzja, meta dan jidher li jkun meħtieġ minħabba l-karatteristiċi tekniċi tal-prodott speċifiku, huwa possibbli li tittieħed inkonsiderazzjoni l-funzjoni tiegħu, b’mod partikolari għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola ġenerali 3, għalkemm it-test ta’ din id-dispożizzjoni ma jsemmix “funzjoni” imma biss “materjal” u “komponent”.
ii) L-applikazzjoni tar-regola ġenerali 3 f’din il-kawża
85. Meta ngħaddu għall-applikazzjoni tar-regola ġenerali 3 għall-prodotti in kwistjoni f’dan il-każ, nosserva qabel kollox li ġeneralment, l-applikabbiltà tal-paragrafu (b) jew, inkella, tal-paragrafu (ċ) tar-regola ġenerali 3 tiddependi biss minn evalwazzjoni ta’ każ b’każ.
86. Madankollu, din iġġib magħha problema oħra.
87. Jekk wieħed jikkunsidra, kif jidhirli li huwa verosimili, li l-funzjonijiet prinċipali tal-apparat multifunzjonali in kwistjoni huma l-funzjoni ta’ stampar u skanjar, u li l-funzjoni ta’ kkopjar hija sekondarja, tinqala’ l-problema sabiex jiġi ddeterminat jekk il-klassifikazzjoni għandhiex issir skont il-paragrafu (b) jew (ċ).
88. Min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jammetti li l-funzjonijiet ta’ stampar, ta’ skanjar u ta’ kkopjar huma ta’ importanza ekwivalenti, jibqa’ l-fatt madankollu li, flimkien, il-funzjoni ta’ stampar u skanjar, li t-tnejn jistgħu jiġu kklassifikati bħala funzjonijiet “informatiċi” skont in-NM 2006, jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-apparat in kwistjoni (żewġ terzi tal-funzjonijiet tagħhom).
89. Kieku l-funzjoni prinċipali kienet waħda biss, m’hemmx dubju li kien ikollha tiġi applikata d-dispożizzjoni tal-paragrafu (b). Iżda jekk ma jkunx possibbli li jiġi individwat element li jikkaratterizza l-prodott, ikollha tiġi applikata d-dispożizzjoni tal-paragrafu (ċ). Iżda, f’dan il-każ teżisti “funzjoni prinċipali” doppja (stampar u skanjar, it-tnejn funzjonijiet tal-Kapitolu 84) u “funzjoni sekondarja” waħda (ikkopjar, funzjoni tal-Kapitolu 90). Għaldaqstant, l-impossibbiltà li tiġi ddeterminata funzjoni prinċipali waħda għandha, għalhekk, twassal għall-applikazzjoni tar-regola fil-paragrafu (ċ) biex b’hekk il-prodotti in kwistjoni jiġu kklassifikati fil-Kapitolu 90?
90. Ma jidhirlix li dan huwa aċċettabbli għaliex jista’ jwassal għal klassifikazzjoni bbażata fuq aspett sekondarju u relattivament marġinali tal-prodott li għandu jiġi kklassifikat. Jiena nikkunsidra li, jekk il-prodott għandu diversi “funzjonijiet prinċipali” (jew, taħt il-profil materjali, diversi elementi distintivi), li madankollu jaqgħu taħt il-kuntest ta’ kapitolu wieħed jew ta’ taqsima waħda tan-NM, ikun meħtieġ li l-prodott in kwistjoni jiġi kklassifikat f’dak il-kapitolu jew f’dik it-taqsima, u eventwalment jiġu applikati n-noti introduttivi ta’ wieħed jew l-ieħor sabiex tiġi ddefinita b’mod preċiż l-intestatura fejn għandu jiġi kklassifikat.
91. Għalhekk, jiena nikkunsidra li, abbażi tal-elementi miġburin anki waqt is-seduta, l-intestatura l-iktar xierqa għall-klassifikazzjoni tal-apparat in kwistjoni hija, fil-kuntest tal-Kapitolu 84, l-intestatura 8471 60, indikata anki mill-qorti tar-rinviju.
e) Konklużjonijiet parzjali
92. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi l-ewwel erba’ domandi preliminari billi tiddikjara li:
1. Il-funzjoni ta’ kkopjar ta’ apparat multifunzjonali bħal dak deskritt f’din il-kawża hija “funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data” skont in-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 tan-NM.
2. L-eżistenza ta’ din il-funzjoni speċifika teskludi l-klassifikazzjoni inkwantu prodotti informatiċi tal-Kapitolu 84, skont in-Nota 5(E) tiegħu, jekk dik tkun l-unika funzjoni tal-apparat li għandu jiġi kklassifikat.
3. Fil-kuntest tan-NM 2006, il-klassifikazzjoni ta’ apparat multifunzjonali li għandu funzjonijiet ta’ stampar, skanjar u kkopjar għandha ssir abbażi tar-regola ġenerali 3. Jekk ikun possibbli li tiġi individwata funzjoni waħda prinċipali jew numru ta’ funzjonijiet prinċipali li jistgħu jaqgħu taħt l-istess taqsima jew taħt l-istess kapitolu tan-NM, il-klassifikazzjoni għandha ssir abbażi tal-paragrafu (b) tal-imsemmija regola ġenerali, u eventwalment jiġu applikati n-noti li jippreċedu t-taqsima jew il-kapitolu kkonċernati. F’każ kuntrarju għandu japplika l-paragrafu (ċ).
4. Apparat multifunzjonali bħal dak li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 60 tan-NM 2006.
C – Fuq il-validità tar-Regolament Nru 400/2006
1. Argumenti tal-partijiet
93. Il-kumpanniji rikorrenti jinsistu fuq il-ħtieġa li jiġi ddikjarat invalidu r-Regolament Nru 400/2006. Kif rajna, f’dak ir-regolament il-Kummissjoni kklassifikat apparat multifunzjonali li kellu funzjoni ta’ skanjar, stampar bil-laser u kkopjar taħt l-intestatura 9009 12 00. B’mod partikolari, din il-klassifikazzjoni ġiet deċiża, abbażi tal-applikazzjoni ta’ regoli esposti iktar ’il fuq billi “l-apparat għandu diversi funzjonijiet li l-ebda waħda minnhom ma tagħti lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu”.
94. Iżda, skont dawn il-kumpanniji, il-prodott ikkunsidrat mill-Kummissjoni fl-imsemmi regolament għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kapitolu 84 tan-NM, bl-istess mod kif jipproponu dawn il-partijiet għal prodotti in kwistjoni f’din il-kawża. Dan jirriżulta mill-applikazzjoni tal-istess loġika u tal-istess metodu interpretattiv esposti iktar ’il fuq.
95. Iżda l-Kummissjoni tikkunsidra li, abbażi tas-soluzzjoni li tipproponi għall-ewwel erba’ domandi, m’hemmx bżonn li tingħata risposta għall-ħames waħda (35).
96. Il-Gvern Franċiż u l-Gvern Olandiż jipproponu min-naħa tagħhom li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara, abbażi ta’ raġunijiet sostanzjalment identiċi, il-validità tar-Regolament Nru 400/2006 (36). Il-Gvern Pollakk, li ttratta din il-kwistjoni iktar fil-fond, huwa tal-istess fehma (37), filwaqt li jenfasizza li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tannulla r-regolament in kwistjoni, hija għandha tadotta d-dispożizzjonijiet xierqa sabiex tillimita fiż-żmien l-effetti tas-sentenza (38).
2. Kunsiderazzjonijiet
97. Għalkemm id-diversi partijiet f’din il-kawża jidhru li jassumu li jeżisti paralleliżmu bejn, minn naħa, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klassifikazzjoni tal-apparat multifunzjonali in kwistjoni, u min-naħa l-oħra, il-validità tar-Regolament Nru 400/2006, jidhirli li ż-żewġ kwistjonijiet għandhom jintgħarfu minn xulxin b’mod nett.
98. Kif affermat b’mod ċar il-Qorti tal-Ġustizzja, regolament ta’ klassifikazzjoni japplika biss jekk il-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati fil-każ konkret fil-fatt jikkoinċidu ma’ dawk ikkunsidrati fir-regolament stess. Għaldaqstant huwa meħtieġ li dawn il-prodotti mhux biss ikollhom l-istess funzjonijiet, imma wkoll, li meta jkollhom funzjonijiet differenti, il-funzjoni prinċipali tagħhom tkun l-istess (39).
99. Għal dan l-iskop, għandha tiġi rikonoxxuta l-importanza partikolari tal-motivazzjoni indikata fir-regolament ta’ klassifikazzjoni stess (40).
100. Ma jidhirlix li l-apparat multifunzjonali f’din il-kawża jista’ jiġi kkunsidrat bħala analogu għall-apparat li kien eżaminat mir-Regolament Nru 400/2006.
101. Fl-ewwel lok nosserva li, fost ir-raġunijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni tal-prodott ikkunsidrat fir-Regolament Nru 400/2006 taħt l-intestatura 9009 12 00, ġie rikonoxxut rwol ewlieni, min-naħa tal-Kummissjoni fil-motivazzjoni tar-regolament, għall-fatt li l-ebda funzjoni li għandu dan il-prodott ma setgħet tiġi kkunsidrata bħala prinċipali. Iżda f’dan il-każ, kif rajna, jidher li teżisti prevalenza tal-funzjonijiet ta’ stampar u skanjar.
102. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li fost il-karatteristiċi tekniċi tal-apparat ikkunsidrat fir-Regolament Nru 400/2006, issemma l-fatt li “[l]-apparat, mgħammar b’diversi kxaxen għall-karti, jista’ jagħmel sa 40 fotokopja fuq paġna A4 fil-minuta”. Dan huwa evidentement prodott li l-funzjonijiet tiegħu ta’ fotokopjatur huma avanzati ħafna, u probabbli għandu feeder awtomatiku għall-folji tal-karti għall-kopji. Għall-kuntrarju, l-apparat in kwistjoni f’din il-kawża huwa radikalment differenti minn dan l-aspett, tal-inqas fir-rigward tal-fatt li, it-tqabbil juri li l-funzjonijiet tiegħu ta’ kkopjar huma rudimentali ħafna (41).
103. L-unika kritika li tista’ ssir għar-regolament in kwistjoni, skont il-linja interpretattiva tan-Nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-NM 2006 li pproponejt iktar ’il fuq, tirrigwarda l-fatt li dan ir-regolament indika n-Nota 5(E) fost id-dispożizzjonijiet applikati għall-klassifikazzjoni tal-prodott. Din in-nota tidher li diffiċilment tista’ tiġi applikata, kif rajna, fil-każ ta’ apparat multifunzjonali printer/scanner/fotokopjatur. Jidhirli, min-naħa l-oħra, li huwa evidenti li, anki jekk titneħħa din ir-referenza normativa, il-klassifikazzjoni proposta fir-Regolament Nru 400/2006 tista’ tkun fondata, mingħajr ebda problema, fuq id-dispożizzjonijiet l-oħra indikati, b’mod partikolari, fuq ir-regola ġenerali 3(ċ).
104. Għaldaqstant, jiena nikkunsidra li ma jeżistux elementi sabiex ir-Regolament Nru 400/2006 jiġi kkunsidrat invalidu.
V – Konklużjonijiet
105. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi magħmula mit-Tribunal d’instance du VIIe arrondissement de Paris billi tiddikjara li:
1. Il-funzjoni ta’ kkopjar ta’ apparat multifunzjonali bħal dak deskritt f’din il-kawża hija “funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data” skont in-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda.
2. L-eżistenza ta’ din il-funzjoni speċifika teskludi l-klassifikazzjoni inkwantu prodotti informatiċi tal-Kapitolu 84, skont in-Nota 5(E) tiegħu, jekk din tkun l-unika funzjoni tal-apparat li għandu jiġi kklassifikat.
3. Fil-kuntest tan-Nomenklatura Magħquda 2006, il-klassifikazzjoni ta’ apparat multifunzjonali li għandu funzjonijiet ta’ stampar, skanjar u kkopjar għandha ssir abbażi tar-regola ġenerali 3. Jekk ikun possibbli li tiġi individwata funzjoni waħda prinċipali jew numru ta’ funzjonijiet prinċipali li jistgħu jaqgħu taħt l-istess taqsima jew fl-istess kapitolu tan-Nomenklatura Magħquda, il-klassifikazzjoni għandha ssir abbażi tal-paragrafu (b) tal-imsemmija regola ġenerali, u eventwalment jiġu applikati n-noti li jippreċedu it-taqsima jew il-kapitolu kkonċernati. F’każ kuntrarju għandu jiġi applikat il-paragrafu (ċ).
4. Apparat multifunzjonali bħal dak li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 60 tan-Nomenklatura Magħquda 2006.
5. L-analiżi tad-domanda magħmula ma wriet l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 400/2006, tat-8 ta’ Marzu 2006, dwar il-klassifikazzjoni ta’ xi oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda.
1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 286, p. 1).
3 – Regolament (KE) tal-Kummissjoni 400/2006, tat-8 ta’ Marzu 2006, dwar il-klassifikazzjoni ta’ xi oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 70, p. 9).
4 – ĠU L 155, p. 1. Fix-xahar ta’ Mejju 2008 l-Istati Uniti adixxew formalment lil-WTO sabiex jikkontestaw il-prattika doganali Komunitarja dwar, fost l-oħrajn, l-apparat multifunzjonali bħal dak in kwistjoni f’din il-kawża. Fil-mument tat-tħejjija ta’ dawn il-konklużjonijiet kienu disponibbli biss żewġ rapporti ġurnalistiċi, b’mod li kien għadu mhux possibbli li ssir evalwazzjoni preċiża tal-kwistjoni.
5 – It-test li qed nirriproduċi hawnhekk huwa dak tad-domandi magħmulin fil-kuntest tal-kawża C‑362/07. It-test tad-domandi magħmulin fil-kawża C‑363/07 huwa essenzjalment identiku, b’differenza żgħira biss fit-tielet domanda, fejn tneħħiet ir-referenza għal kompjuter bħala komponent addizzjonali tal-apparat in kwistjoni; għalhekk f’dak il-każ hemm biss żewġ elementi u mhux tlieta.
6 – Tinsab fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 286, p. 1).
7 – Osservazzjonijiet tal-kumpanniji rikorrenti, punti 37 sa 38.
8 – Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1997, C‑67/95, Rank Xerox Manufacturing (Ġabra p. I‑5401).
9 – Ibidem, punt 30. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza evitat dan l-iżball fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 2003, Sony Computer Entertainment Europe vs Il-Kummissjoni (T-243/01, Ġabra p. II‑4189, punt 124): ara n-noti tal-osservazzjonijiet tal-kumpanniji rikorrenti, punti 41 sa 43.
10 – Osservazzjonijiet tal-kumpanniji rikorrenti, punt 48.
11 – Ibidem, punti 66 et seq.
12 – Ibidem, punt 71.
13 – Ibidem, punti 56 et seq.
14 – Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punti 32 sa 37, tal-Gvern Franċiż, punti 23 sa 27, tal-Gvern Olandiż, punti 27 sa 28, u tal-Gvern Pollakk, punt 25.
15 – Ara l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punti 43 et seq, tal-Gvern Franċiż, punti 51 sa 56, tal-Gvern Olandiż, punti 31 sa 39, u tal-Gvern Pollakk, punti 22 sa 24.
16 – Sabiex id-dispożizzjonijiet tan-NM jitqiegħdu fil-kuntest tas-sistema armonizzata elaborata fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, ASAD (C‑311/04, Ġabra p. I‑609, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).
17 – Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.
18 – Ara l-punti 67 et seq iktar ’il quddiem.
19 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Techex (C‑382/95, Ġabra p. I‑7363, punt 11); ASAD, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 26; tal-4 ta’ Marzu 2004, Krings (C‑130/02, Ġabra p. I‑2121, punt 28), u tas-17 ta’ Marzu 2005, Ikegami (C‑467/03, Ġabra p. I‑2389, punt 17).
20 – Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 1985, Daiber (200/84, Ġabra p. 3363, punti 13 sa 14); tad-19 ta’ Mejju 1994, Siemens Nixdorf (C‑11/93, Ġabra p. I‑1945, punti 11 sa 12); Techex, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 12; tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom (C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 17), u tal-5 ta’ Ġunju 2008, JVC France (C‑312/07, Ġabra p. I-4165, punt 34).
21 – Dan ser jintwera iktar ’il quddiem b’referenza għan-nota 3 ta’ qabel it-Taqsima XVI tan-NM 2006: ara l-punti 70 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
22 – Sentenza Ikegami, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19. Ara, b’mod partikolari, il-punt 12.
23 – Sentenza Ikegami, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ l-paġna 19. Għall-kunsiderazzjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni u preżentazzjoni tal-prodott, kif ukoll id-destinatarji tiegħu, ara b’mod partikolari l-punti 21, 23 u 24 tas-sentenza. Fl-istess sens, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fl-istess kawża, li ġew ippreżetati fl-20 ta’ Jannar 2005, punt 55. Ara wkoll is-sentenza Olicom, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.
24 – Sentenzi Olicom, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 30 (fil-każ ta’ kards ta’ netwerk ikkombinat (combined network cards/modem); Techex, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 21 (kards għall-grafika tal-kompjuter); tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock (C‑339/98, Ġabra p. I‑8947, punti 16 u 17) (netwerk kards); Siemens Nixdorf, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 16 (monitor għal kompjuter); tal-10 ta’ Mejju 2001, Cabletron (C‑463/98, Ġabra p. I‑3495, punt 27) (tipi ta’ apparat għan-netwerk), u tas-7 ta’ Ġunju 2001, CBA (C‑479/99, Ġabra p. I‑4391, punt 27) (sound cards għall-kompjuter).
25 – Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001, Hewlett Packard BV (C‑119/99, Ġabra p. I‑3981). Madankollu, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo f’dik il-kawża, ippreżentati fit-18 ta’ Jannar 2001 (partikolarment il-punti 13 sa 18), fejn ġiet ipotizzata l-invalidità ta’ regolament li, għall-apparat multifunzjonali kollu li jkun fih faks, kien jipprovdi għall-klassifikazzjoni awtomatika tiegħu abbażi tal-funzjoni tal-faks.
26 – Dan għalkemm, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iżvilupp tat-teknoloġija jwassal sabiex l-istituzzjonijiet Komunitarji jkollhom jadattaw in-NM, iżda ma jippermettix li qabel tiġi emendata n-NM tiġi interpretata b’mod li jinbidel il-kontenut tagħha (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1981, Analog Devices, 122/80, Ġabra p. 2781, punt 12, u Rank Xerox Manufacturing, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 22).
27 – Huwa magħruf li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat ripetutament li l-possibbiltà li tuża Ftehim tal-WTO bħala parametru sabiex tevalwa l-legalità ta’ att Komunitarju hija suġġetta għal kundizzjonijiet rigorużi ħafna, li ma jidhrux li jeżistu hawnhekk: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003 Biret & Cie vs Il-Kunsill (C‑94/02 P, Ġabra p. I‑10565, punti 55 sa 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, sabiex tkun tista’ teżamina l-legalità ta’ att Komunitarju abbażi tal-ftehim tal-WTO huwa meħtieġ li “l-Komunità kellha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari meħud fil-kuntest tal-WTO, jew li l-att Komunitarju jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim tal-WTO”. L-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tidher li hija ssodisfatta fil-każ tan-NM.
28 – Ara b’mod ġenerali, dwar dan l-obbligu, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen (C‑286/90, Ġabra p. I‑6019, punt 9); tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52) u tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C‑341/95, Ġabra p. I‑4355, punt 20). B’referenza speċifika għall-Ftehim TRIPS, li jaqa’ taħt is-sistema tal-WTO u li għandu l-karatteristiċi tagħha, ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1998, Hermès International (C‑53/96, Ġabra p. I‑3603, punt 28); tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et (kawżi magħquda C‑300/98 u C‑392/98, Ġabra p. I‑11307, punt 47), u tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch (C‑245/02, Ġabra p. I‑10989, punt 55).
29 – Punt 36.
30 – Ara s-sentenza Rank Xerox Manufacturing, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 28 sa 29.
31 – Iżda jiena ma nikkunsidrax li dan l-argument, li huwa sostnut b’mod partikolari mill-Kummissjoni u li jipprovdi li din in-nota 1(m) tat-Taqsima XVI teskludi l-possibbiltà li l-prodotti in kwistjoni jiġu kklassifikati fit-Taqsima stess, ladarba dawn jistgħu jiġu kklassifikati wkoll fil-Kapitolu 90, huwa fondat. Fil-fatt, jiena nosserva li n-nota 1(m) tagħmel id-distinzjoni netta bejn iż-żewġ taqsimiet, imma ma tindikax li, f’każ ta’ dubju bejn il-Kapitolu 90 u Kapitolu tat-Taqsima XVI, għandu jkun tal-ewwel wieħed li jipprevali.
32 – Ara iktar ’il fuq, il-punt 30.
33 – Ara iktar ’il fuq, punt 22.
34 – Sentenza Rank Xerox Manufacturing, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 30.
35 – Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punt 51.
36 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, punt 58; osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż, punt 40.
37 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk, punti 28 sa 34.
38 – Ibidem, punti 35 et seq.
39 – Sentenza Hewlett Packard, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 21 sa 22. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet b’mod ġenerali l-possibbiltà ta’ applikazzjoni analoġika ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni (sentenza Krings, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 35), ma jidhirlix li, f’dan il-każ, jeżistu dawk il-kundizzjonijiet.
40 – Sentenza Hewlett Packard, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 20.
41 – Forsi ta’ min josserva li, fil-verżjonijiet l-iktar reċenti tan-NM, fl-intestatura 8443 31 il-veloċità tal-ikkopjar tal-apparat multifunzjonali hija determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom u tal-applikazzjoni eventwali ta’ dazju.
Full & Egal Universal Law Academy