KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fl-10 ta’ Settembru 2008 1(1)
Kawża C‑376/07
Staatssecretaris van Financiën
vs
Kamino International Logistics BV
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Klassifikazzjoni doganali – Monitor kompost minn kristalli likwidi”
I – Introduzzjoni
1. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tagħti deċiżjoni preliminari rigward tliet domandi li qed tagħmlilha l-qorti tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi), rigward ċerti dispożizzjonijiet tan-nomenklatura magħquda. Il-qorti nazzjonali trid tagħti deċiżjoni dwar il-mezzi ta’ klassifikazzjoni ta’ monitor kompost minn kristalli likwidi (iktar ’il quddiem: “LCD”) li ġie importat mill-kumpannija Kamino International Logistics BV (iktar ’il quddiem: “Kamino”): f’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tan-Nomenklatura.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dispożizzjonijiet tan-nomenklatura magħquda
2. In-nomenklatura magħquda applikabbli għall-fatti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża hija dik għas-sena 2004, inkluża fir-Regolament Nru 1789/2003 (2) (iktar ’il quddiem: in-“NM 2004”).
3. It-Taqsima I tal-Ewwel Parti tan-NM 2004, intitolata “Regoli Ġenerali”, tipprovdi li:
“[…]
Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
[…]
3. Meta […] l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:
a) l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. […]
b) taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli.
c) meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom kunsiderazzjoni.
4. Oġġetti li ma jistgħux ikunu klassifikati skond ir-regoli ta’ hawn fuq għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura xierqa għall-oġġetti li huma l-iżjed jixbħu”.
4. It-Taqsima XVI tan-NM 2004 hija intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. Din tinkludi l-Kapitolu 84, “Reatturi nukleari, kaldaruni (boilers), makkinarju u għodod mekkaniċi; bċejjeċ tagħhom” u l-Kapitolu 85, “Makkinarju u apparat elettriku u bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.
5. Qabel il-Kapitolu 84 jinsabu dawn in-“Noti” li ġejjin:
“[…]
5.
[…]
B. Magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data jistgħu jkunu f’għamla ta’ sistemi magħmulin minn numru varjabbli ta’ unitajiet separati. Bla ħsara għall-paragrafu E hawn taħt, unità għandha titqies li tagħmel parti minn sistema kompluta jekk hija tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha:
a) hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għall-ipproċessar ta’ data;
b) tista’ titqabbad mal-unità ċentrali ta’ pproċessar kemm direttament jew permezz ta’ unità oħra jew iktar; u
c) tista’ tilqa jew tagħti data f’forma (kodiċijiet jew sinjali) li jistgħu jintużaw mis-sistema.
C. Unitajiet ta’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data ppreżentati separatament għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471.
D. Printers, tastieri, mezzi ta’ dħul b’koordinati X-Y u unitajiet ta’ diski għal ħażna li jissodisfaw il-kondizzjonjiet tal-paragrafi B (b) u B ([c]) hawn fuq, għandhom fil-każi kollha jiġu kklassifikati bħala unitajiet tal-intestatura 8471.
E. Magni ji jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data għandhom jiġi kklassifikati fl-intestaturi xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fl-intestaturi li jibqa’.
[…]”.
6. Il-Kapitolu 84 tan-NM 2004 jinkludi, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin:
“8471 Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b’sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla kodifikata u magni biex jipproċessaw din id-data, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra.
[…]
8471 60 - Unitajiet tal-input u l-output kemm jekk fihom unitajiet tal-ħażna fl-istess għeluq u kemm jekk le:
[…]
8471 60 90 - - Oħra”.
7. Fil-Kapitolu 85 tan-NM 2004 minflok jinsabu dawn li ġejjin:
“8528 Apparat għar-riċezzjoni ta’ televiżjoni, li fih jew le riċevituri għax-xandir tar-radju jew apparat għar-reġistrazzjoni jew riproduzzjoni ta’ ħoss jew video; monitor tal-video u projjetturi tal-video:
[…]
- Monitor tal-video:
8528 21 - - Kulur
- - - b’tubu katodiku
[…]
8528 21 90 - - - oħra [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
B – In-noti ta’ spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata
8. Is-Sistema Armonizzata, imħejjija fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwani, hija l-punt ta’ tluq biex tiġi fformulata n-Nomenklatura Magħquda (3). Is-Sistema Armonizzata tingħata b’noti ta’ spjegazzjoni. B’mod partikolari, in-noti ta’ spjegazzjoni rigward l-intestatura 8471 li kienu applikabbli meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali kienu jipprovdu dan li ġej:
“Fost l-unitajiet kostitwenti [ta’ minn sistema għall-ipproċessar tal-informazzjoni] huma inklużi l-iskrins għal magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni, li jirrappreżentaw b’mod grafiku l-informazzjoni pproċessata. Dawn jingħarfu mill-monitors tal-vidjos u mill-apparat riċeventi tat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 85.28 taħt diversi profili, fost l-oħrajn:
(1) L-iskrins għall-magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni jistgħu jirċievu sinjal biss mill-unità ċentrali ta’ magna awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni, u għalhekk ma jistgħux jirriproduċu immaġini bil-kulur minn sinjal ta’ vidjo kompost li jkollu forma ta’ mewġa konformi ma’ standard ta’ tranżmissjoni (NTSC, SECAM, PAL, D‑MAC, ecc.). Dawn għandhom konnetturi tipiċi tas-sistemi għall-ipproċessar tal-informazzjoni (pereżempju, interface RS‑232 jew konnetturi DIN jew SUB‑D) u ma għandhomx ċirkwit awdjo. […]
(2) Dawn l-iskrins huma kkaratterizzatti minn emissjonijiet elettromanjetiċi mnaqqsa. Għandhom dot pitch li jibda minn 0.41 mm għar-riżoluzzjonijiet medji, li tonqos iktar hekk kif iżżid ir-riżoluzzjoni.
(3) Sabiex ikunu rrappreżentati immaġini żgħar iżda b’definizzjoni ċara, l-iskrins ikklassifikati taħt din l-intestatura jużaw pixel ta’ daqsijiet iżgħar u standards ta’ konverġenza akbar meta pparagunati ma’ dawk applikabbli għall-monitors tal-vidjos u għall-apparat riċeventi tat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 85.28 […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”(4).
C – In-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM
9. In-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM li kienu japplikaw fiż-żmien li seħħew il-fatti, stabbiliti mill-Kummissjoni(5), rigward is-subintestatura 8471 60 90 jipprovdu dan li ġej:
“Dan is-subtitlu jinkludi unitajiet ta’ display viżiv li jistgħu jintużaw biss bħala unitajiet ta’ ħruġ għal magna għall-ipproċessar ta’ data awtomatiċi.
Dawn l-unitajiet ma jistgħux jirriproduċu stampa minn sinjal ikkodifikat (composite video)”.
D – Ir-Regolament Nru 754/2004
10. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 754/2004, tal-[21] ta’ April 2004 dwar il-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda(6), taħt is-subintestatura 8258 21 90 ikklassifika żewġ prodotti li ġew deskritti kif ġej:
“1. Plasma skrin tal-kulur b’qies djagonali ta’ 106 cm (dimensjonijiet: wisgħa × għoli × fond 104 × 64.8 × 9.5 cm) u konfigurazzjoni ta’ 852 × 480 pixel.
L-apparat għandu dawn l-interfaces:
— konnettur RGB;
— konnettur DVI (digital visual interface, interface viżwali diġitali);
— konnettur tal-kontroll.
Il-konnettur RGB jagħmilha possibbli biex l-apparat juri data direttament minn magna awtomatika li tipproċessa d-data.
Il-konnettur DVI jagħmilha possibbli biex l-apparat juri sinjali mill-magna awtomatika li tipproċessa d-data jew minn sors ieħor, bħalma huwa DVD plejer jew video game plejer permezz ta’ kaxxa tat-tuner.
2. Plasma skrin tal-kulur b’qies djagonali ta’ 106 cm (dimensjonijiet: wisgħa × għoli × fond 103 × 63.6 × 9.5 cm) b’konfigurazzjoni ta’ 1024 × 1024 pixel u bil-loudspeakers li jinqalgħu.
L-apparat għandu l-interfaces li ġejjin:
— konnettur DVI (digital visual interface, interface diġitali viżiv);
— konnettur tal-kontroll.
Il-konnettur DVI jippermetti għall-apparat li juri s-sinjal minn magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data jew minn sors ieħor, bħalma huwa DVD plejer jew apparat għall-vidjo games via l-kaxxa tat-tuner”.
11. Il-motivazzjoni indikata għall-imsemmija klassifikazzjoni, l-istess waħda għaż-żewġ prodotti inkwistjoni, tipprovdi kif ġej:
“Il-klassifika tiġi stabbilita b’Regoli Ġenerali minn 1 sa 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bit-termini tal-kodiċijiet [NM] 8528, 8528 21 u 8528 21 90.
Il-klassifika taħt is-subintestatura 847160 hija eskluża billi l-monitor m’huwiex tal-kwalità li jintuża biss jew l-iktar fis-sistema awtomatika għall-ipproċessar tad-data. (Ara n-Nota 5 tal-Kapitolu 84).
Għall-istess raġuni, il-prodott huwa klassifikabbli taħt l-intestatura 8531 għaliex il-funzjoni tiegħu m’hijiex li tippovdi indikazzjoni viżiva għal finijiet ta’ sinjaletika (ara l-HSEN għall-intestatura 8531, punt D)”.
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12. F’Awwissu 2004, Kamino importat kunsinna ta’ monitors tal-kulur, mudell BenQ FP231W, bil-karatteristiċi li ġejjin: qies djagonali ta’ 23 pulzier (58,42 cm), riżoluzzjoni massima ta’ 1920 x 1200 pixel, format 16:10, luminożità 250 cd/m2, kuntrast 500:1, 16,7 miljun ta’ kuluri, dimensjonijiet tal-pixels 0.258 mm. Il-monitor huwa mgħammar b’port D-sub (VGA), DVI-D, USB, S-video u video kompost, barra minn output għall-awdjo(7).
13. L-awtoritajiet doganali Olandiżi qiesu li l-monitor inkwistjoni kellu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 8528 21 90 tan-NM 2004. Kamino, min-naħa tagħha, tqis li l-prodott inkwistjoni jrid jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 tan-NM 2004.
14. Il-qorti tar-rinviju, li trid tiddeċiedi fl-aħħar istanza tal-kontroversja, qieset f'dan ir-rigward li kien meħtieġ li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) In-nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-NM, skond il-verżjoni tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003 tal-11 ta’ Settembru 2003, għandha tkun interpretata fis-sens li monitor tal-kulur li jista’ jittrażmetti sinjali li jkunu ġejjin minn magna li tipproċessa data awtomatikament skond l-intestatura 8471 tan-NM, kif ukoll sinjali ġejjin minn sorsi oħrajn, ma jistax jiġi kklassifikat fl-intestatura 8471 tan-NM.
2) Fil-każ fejn il-monitor imsemmi fid-domanda 1 jista’ jiġi kklassifikat fl-intestatura 8471 tan-NM, liema huma ċ-ċirkustanzi li permezz tagħhom jista’ jiġi stabbilit jekk dan il-monitor huwiex unità tat-tip li huwa esklużivament u prinċipalment użat f’sistema awtomatika li tipproċessa d-data.
3) Il-monitor inkwistjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 754/2004 tal-21 ta’ April 2004, dwar il-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, u, fil-każ ta’ risposta affermativa, dan ir-regolament huwa validu fid-dawl tas-soluzzjonijiet mogħtija għall-ewwel żewġ domandi”.
15. Bl-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk in-nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-NM 2004 tridx twassal sabiex teskludi l-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8471, fi ħdan tal-istess Kapitolu 84, ta’ monitor li jista’ jirriproduċi, minbarra s-sinjali li ġejjin minn kompjuter, anki sinjali li ġejjin minn sorsi oħrajn. Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma tindikax dan b’mod espliċitu fil-kuntest tad-domanda, jidher ċar, anki fuq il-bażi tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, li qed tirreferi, b’mod iktar preċiż, għan-nota 5 B.
A – L-argumenti tal-partijiet
16. Kamino ssostni li, b’mod ġenerali, ma jeżistux u qatt ma kienu jeżistu monitors li jistgħu jaħdmu esklużivament f’konnessjoni ma’ kompjuter, peress li jekk jintużaw il-konnessjonijiet xierqa, kwalunkwe monitor jista’ juri immaġini li jkunu ġejjin minn sorsi differenti (8).
17. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet doganali Olandiżi, li skondha l-possibbiltà li monitor jiġi konness ma’ apparat li ma jkunx kompjuter teskludi l-possibbiltà li dan il-monitor jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471, tispiċċa biex teskludi li kwalunkwe monitor jiġi kklassifikat taħt din l-intesatura doganali, u dan jipproduċi għalhekk riżultat assurd.
18. Min-naħa l-waħda, il-klassifikazzjoni tal-monitors inkwistjoni taħt l-intestatura 8471 lanqas ma hija eskluża fuq il-bażi tan-nota 5 E tal-Kapitolu 84, peress li l-monitors inkwistjoni ma għandhomx funzjoni speċifika differenti mill-ipproċessar tal-informazzjoni (9).
19. Min-naħa l-oħra, in-nota 5 B tal-Kapitolu 84 ma teħtieġx, għall-fini ta’ klassifikazzjoni bejn l-apparat informatiku, li l-apparat periferali ta’ kompjuter ikun maħsub sabiex jintuża biss f’kuntest informatiku. Fil-fatt, peress li d-dispożizzjoni inkwistjoni teħtieġ li l-apparat periferali ikun “ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data”, il-possibbiltà ta’ użu differenti minn dak fl-ambitu ta’ sistema ta’ pproċessar tal-informazzjoni fil-prinċipju mhux inkompatibbli ma’ klassifikazzjoni taħt il-Kapitolu 84 (10).
20. Mill-bqija, il-Kummissjoni ammettiet espliċitament, f’okkażjoni oħra, li taħt l-intestatura 8471 jistgħu jiġu kklassifikati ċerti monitors, li astrattament, jistgħu jirriproduċu sinjali awdjo u vidjo li ma jkunux joriġinaw minn kompjuter. Dan jidher li seħħ, b’mod partikolari, fil-kuntest tar-Regolament ta’ klassifikazzjoni Nru 2171/2005 (11).
21. Għaldaqstant, in-nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-NM 2004 ma teskludix il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8471 ta’ monitor tal-kulur li jista’ juri kemm sinjali li joriġinaw minn kompjuter kif ukoll sinjali li joriġinaw minn sorsi oħra.
22. Il-Gvern Olandiż isostni li, b’mod ġenerali, monitor li jista’ jirriproduċi kemm immaġini li toriġina minn kompjuter kif ukoll immaġini li joriġinaw minn sorsi oħra, bħal DVD plejer jew apparat tal-vidjo games, ma jistax jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471, imma jrid jiġi inkluż taħt l-intestatura 8528 tan-NM 2004 (12).
23. Min-naħa l-oħra, monitor bħal dak inkwistjoni, li jkun mgħammar b’konnessjonijiet D-sub, DVI-D, USB, S-video u vidjo kompost, kif ukoll b’output għall-awdjo, ma jistax jiġi inkluż taħt l-intestatura 8471, peress li ma jistax jitqies ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ informazzjoni (13).
24. Il-Kummissjoni min-naħa tagħha qed tenfasizza, l-ewwel nett, il-karatteristiċi tal-monitors inkwistjoni, fejn teskludi li dawn jistgħu jitqiesu bħala li huma maħsuba biex jintużaw “biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar tad-data”, peress li, minħabba l-karatteristiċi tekniċi li għandhom, jistgħu jintużaw b’ċertu faċilità għal finijiet differenti (14).
25. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni tal-monitors inkwistjoni taħt il-Kapitolu 84 tan-NM 2004 hija eskluża anki skond in-nota 5 E ta’ dan il-kapitolu, peress li l-monitors għandhom ukoll “funzjoni speċifika differenti mill-ipproċessar ta’ data” (15).
26. B’mod iktar ġenerali, il-Kummissjoni tqis li l-possibbiltà li jiġu riprodotti sinjali li joriġinaw anki minn sorsi differenti minn kompjuter teskludi l-klassifikazzjoni ta’ monitor taħt l-intestatura 8471 tan-NM 2004 (16).
B – Kunsiderazzjonijiet
1. L-osservazzjonijiet preliminari
27. Rigward l-ewwel domanda preliminari, kemm il-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni żviluppaw diversi kunsiderazzjonijiet rigward il-karatteristiċi speċifiċi tal-monitors inkwistjoni, sabiex isostnu li dawn ma għandhomx il-karatteristiċi meħtieġa biex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471 tan-NM 2004.
28. Madankollu, qed ninnota li l-qorti tar-rinviju, bl-ewwel domanda tagħha, mhijiex titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindika l-intestatura tariffarja li taħtha l-prodotti inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati. Minflok, id-domanda hija bbażata b’mod iktar ġenerali fuq kif għandha tiġi interpretata n-nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-NM 2004.
29. Meta neżamina din id-domanda għalhekk se noqgħod lura milli nqis l-argumenti li ppreżentaw il-partijiet rigward il-karatteristiċi partikolari tal-prodotti inkwistjoni, u se nillimita ruħi għall-interpretazzjoni tal-imsemmija nota 5. Ikun xi jkun il-każ, l-argumenti tal-partijiet rigward il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati jistgħu jitqiesu meta niddiskutu t-tieni domanda preliminari, anki jekk hawn, kif se naraw, il-qorti nazzjonali mhix qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni rigward il-mezzi konkreti klassifikazzjoni tal-prodotti, imma, għal darb’oħra, biex tagħti xi indikazzjonijiet ġenerali biss.
2. Dwar il-mertu tad-domanda preliminari
30. Il-pożizzjoni adottata mill-Gvern Olandiż u mill-Kummissjoni f’din il-kawża, bl-iskop evidenti li jtemmu l-kontroversja diġà bir-risposta għall-ewwel domanda, tikkonsisti fl-affermazzjoni li s-sempliċi kapaċità ta’ monitor li juri immaġini li joriġinaw minn sorsi li mhumiex dawk ta’ kompjuter timplika l-ħtieġa li dan il-monitor jiġi eskluż minn klassifikazzjoni fil-kuntest tal-Kapitolu 84 tan-NM 2004(17).
31. Madankollu, ma naħsibx li din il-pożizzjoni għandha tiġi aċċettata.
32. It-tifsira litterali tan-nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-NM 2004 hija tabilħaqq ċara: sabiex apparat periferali (u b’hekk anki monitor) ikun jista’ jitqies bħala parti integrali minn sistema għall-ipproċessar tal-informazzjoni, ħalli b’hekk jiġi kklassifikat taħt il-Kapitolu 84, mhux meħtieġ li l-imsemmi apparat periferali, ikun jista’ jintuża, b’mod astratt, biss bħala parti minn din is-sistema. Dak li huwa meħtieġ, fil-fatt huwa li jkun “ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data” (il-korsiv huwa tiegħi).
33. L-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni tekwivali għat-titneħħija mit-test tar-regolament l-espressjoni “jew prinċipalment”, u dan mhuwiex għalhekk aċċettabbli. Anki unità maħsuba sabiex tintuża “prinċipalment”, minkejja li mhux b’mod esklużiv, f’konnessjoni ma’ kompjuter, għalhekk tista’ tiġi kklassifikata bħal prodott informatiku.
34. L-idea bażika tal-pożizzjoni li ħadu l-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, probabbilment, hija marbuta mad-diffikultajiet prattiċi sabiex tiġi iddeterminata l-portata speċifika tal-avverb “prinċipalment”, iktar u iktar fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ġeneralment, għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni doganali, tagħti preferenza lill-karatteristiċi konkreti u li jistgħu jiġu evalwati b’mod oġġettiv tal-prodotti(18).
35. Madankollu, il-problemi possibbli ta’ applikazzjoni prattika tad-dispożizzjoni msemmija ma jistgħux iwasslu biex ninjoraw element sinjifikattiv tagħha stess. Is-soluzzjoni ta’ dawn il-problemi fil-fatt tinsab fuq livell ieħor, u se niddiskuti dan, fil-limiti li taħdem fihom il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sede, meta ngħaddu għat-tieni domanda preliminari.
3. Dwar ir-rilevanza possibbli tan-nota 5 E tal-Kapitolu 84
36. Naħseb li huwa biżżejjed li jissemma fil-qosor l-argument tal-Kummissjoni, li l-klassifikazzjoni tal-monitors inkwistjoni fil-Kapitolu 84 tan-NM 2004 hija eskluża anki fuq il-bażi tan-nota 5 E tal-istess kapitolu.
37. F’dan ir-rigward, ninnota, l-ewwel nett, li l-qorti tar-rinviju mhix qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-applikabbiltà f'dan il-każ tad-dispożizzjoni inkwistjoni.
38. F’kull każ, nemmen li l-imsemmija nota 5 E tista’ teskludi l-klassifikazzjoni ta’ apparat fil-Kapitolu 84 tan-NM biss jekk “funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data” tkun l-uniku element essenzjali tal-apparat inkwistjoni. F’każ kuntrarju, jkun hemm ir-riskju li ċerti prodotti jiġu kklassifikati fuq il-bażi ta’ funzjoni tagħhom li tkun għalkollox sekondarja, jekk mhux ukoll irrilevanti(19).
39. Għaldaqstant ma naħsibx li f’din il-kwistjoni n-nota 5 E tista’ tiġi applikata. Min-naħa l-waħda, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà affermat li l-attività ta’ monitor, li tikkonsisti fir-riproduzzjoni ta’ immaġini li joriġinaw minn kompjuter, ma tistax tikkostitwixxi “funzjoni speċifika” skond kif ġie indikat iktar ’il fuq (20). Min-naħa l-oħra, għalkemm il-partijiet mhumiex jaqblu rigward l-użi possibbli tal-monitors inkwistjoni, l-ebda parti ma ssostni li l-użi li ma jaqgħux fil-kuntest tal-ipproċessar tal-informazzjoni (jiġifieri, fi kliem ieħor, użi “mhux informatiċi”) huma l-uniċi possibbli.
4. Dwar in-noti ta’ spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata u tan-NM
40. Jonqosna nivverifikaw jekk, f’dan il-każ, klassifikazzjoni tal-monitors inkwistjoni fil-kuntest tal-Kapitolu 84 tan-NM 2004 trid tkun eskluża fuq il-bażi tan-noti ta’ spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata u tan-NM.
a) Dwar in-nota ta’ spjegazzjoni rigward l-intestatura 84.71 tas-Sistema Armonizzata
41. Qabel kollox, għandna niftakru li, skond ġurisprudenza stabbilita, in-noti ta’ spjegazzjoni, huma kemm huma importanti, mhumiex vinkolanti mil-lat ġuridiku, u lanqas ma jistgħu jidħlu f’kunflitt mal-kontenut tas-Sistema Armonizzata u tan-NM(21).
42. Fir-rigward tan-nota ta’ spjegazzjoni tal-intestatura 84.71 tas-Sistema Armonizzata, naħseb li din, li tmur lura għal iktar minn sentejn qabel ma seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali (żmien suffiċjenti, fil-kuntest tat-teknoloġiji informatiċi, biex il-firxa ta’ prodotti għall-bejgħ tinbidel anki b’mod sinjifikattiv), tista’ anki tiġi interpretata bħal li mhix qed tindika l-monitors kollha li jaqgħu taħt l-intestatura 84.71, imma biss parti minnhom. Il-bidu tan-nota donnu isostni dan l-argument ukoll meta jgħid: “[f]ost l-unitajiet li jifformaw parti” minn sistema biex tkun ipproċessata l-informazzjoni “huma inklużi l-iskrins għal magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni”. F’dak il-każ, jistgħu jeżistu skrins oħra li, minkejja li ma jistgħux jiġu ddefiniti bħala “skrins għal magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni”, madankollu, jistgħu jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 84.71.
43. Madankollu, anki jekk jiġi rikonoxxut li n-nota ta’ spjegazzjoni inkwistjoni effettivament għandha l-għan li tagħti indikazzjoni eżawrjenti rigward il-monitors li għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intesatura 84.71, għandu jiġi osservat dan li ġej. Jekk tiġi interpretata b’dan il-mod, in-nota ta’ spjegazzjoni tibda mill-premessa, li diġà indikajt li hija żbaljata, li jistgħu jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 84.71 biss il-monitors li jistgħu jiġu konnessi biss ma kompjuter. Fi kliem ieħor, in-nota ta’ spjegazzjoni lanqas ma tqis il-possibbiltà, prevista b’mod ċar fit-test tas-Sistema Armonizzata, ta’ monitor li jista’ jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 84.71 anki jekk jista’ jintuża wkoll, minkejja li mhux prinċipalment, f’kuntesti oħra minn dak “informatiku”(22). Għaldaqstant, jekk tiġi interpretata b’dan il-mod, in-nota ma tistax tiġi applikata, peress li hija kunfliġġenti ma’ dak li huwa stabbilit fis-Sistema Armonizzata stess.
44. Għaldaqstant, inqis li safejn jirrigwarda l-karatteristiċi tekniċi l-oħra li n-nota ta’ spjegazzjoni inkwistjoni tindika għal monitors tal-intestatura 84.71, il-prodott inkwistjoni f’din il-kawża jidher li huwa konformi b’mod sħiħ magħhom.
b) Dwar in-nota ta’ spjegazzjoni rigward is-subintestatura 8471 60 90 tan-NM
45. Lanqas in-nota ta’ spjegazzjoni li tapplika għas-subintestatura 8471 60 90 tan-NM 2004 ma tippermetti li tiġi eskluża l-klassifikazzjoni tal-monitor inkwistjoni taħt din is-subintestatura.
46. Fil-fatt, in-nota ta’ spjegazzjoni inkwistjoni hija bbażata fuq l-eżempji u hija inklużiva, imma mhix eżawrjenti. Fi kliem ieħor, hija tidentifika grupp speċifiku ta’ prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura inkwistjoni, imma ma teskludix li prodotti oħra, differenti minn dawk li ġew identifikati b’dan il-mod, jistgħu wkoll jiġu kklassifikati taħt l-istess intestatura. Dan joħroġ b’mod pjuttost evidenti mill-mod kif inhi ffomulata din in-nota(23).
5. Dwar ir-rwol tal-Ftehim tad-WTO rigward il-kummerċ tal-prodotti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni
47. L-osservazzjonijiet li semmejt sa issa jsibu konferma ulterjuri fid-dawl tal-Ftehim tad-WTO dwar il-kummerċ tal-prodotti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni.
48. Ma rridux ninsew li, fl-aħħar mill-aħħar, il-qalba tal-problema tal-klassifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni tinsab fil-fatt li, skond l-intestatura tan-NM li jiġu kklassifikata taħtha, dawn il-prodotti jistgħu jkunu suġġetti jew le għal dazju fuq l-importazzjoni.
49. B’mod partikolari, il-prodotti informatiċi ġeneralment jiġu esklużi mill-applikazzjoni tad-dazji, skond ftehim li ntlaħaq f’dan ir-rigward mal-Organizzazzjoni Dinijia tal-Kummerċ (WTO) u li jirriżulta mid-Dikjarazzjoni Ministerjali tat-13 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kummerċ tal-prodotti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni. Dan il-Ftehim ġie implimentat mill-Kunsill bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/359/KE tal-24 ta’ Marzu 1997 li tirrigwarda l-eliminazzjoni ta’ dazji minn fuq prodotti tekonoloġiċi tal-informatika(24).
50. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni u ċerti Stati Membri għandhom it-tendenza li jinterpretaw il-Ftehim inkwistjoni b’mod restrittiv, billi jillimitaw kemm jistgħu l-firxa ta’ prodotti li, skond il-ftehim, ikunu eżenti mid-dazji.
51. Madankollu, minkejja li l-applikabbiltà diretta fid-dritt Komunitarju tal-ftehimiet tal-WTO hija ferm problematica (25), nemmen li, skond l-obbligu ta’ interpretazzjoni conformi (26), il-fatt li ċirkolazzjoni libera mhux mgħobbija b’dazji fuq prodotti informatiċi hija ffavorita minn dan il-Ftehim, irid jitqies b’mod xieraq fl-interpretazzjoni tan-NM (27).
6. Is-sospensjoni unilaterali volonatarja tad-dazji fuq ċerti tipi ta’ monitors
52. Id-diffikultà li l-monitors bil-kristalli likwidi jiġu kklassifikati b’mod wieħed ġiet rikonoxxuta mill-istess leġiżlatur Komunitarju. Mill-2005, fil-fatt, il-monitors kollha tal-kulur bil-kristalli liwkidi li jkollhom qies djagonali mhux ikbar minn 48.5 cm (madwar 19-il pulzier) u format ta’ 4:3 jew 5:4 huma eżenti mid-dazji (28). Din l-għażla unilaterali ġiet adottata wara d-diffikultajiet prattiċi sabiex tiġi ddeterminata d-destinazzjoni prinċipali tal-prodotti inkwistjoni, kif ukoll fuq il-bażi tal-konstatazzjoni li “[i]d-data kummerċjali jindikaw li bħalissa l-vidjo monitors bi kristalli likwidi, bi skrin li d-daqs djagonali tiegħu huwa ta’ 48.5 cm jew inqas, u li għandhu format ta’ 4:3 jew 5:4, qed jintużaw l-iktar bħala unitajiet ta’ output ta’ magni awtomatiċi li jipproċessaw id-data” (29).
53. Din is-sospensjoni volontarja kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali u, ikun xi jkun il-każ, il-karatteristiċi tekniċi tal-monitors inkwistjoni f’din il-proċedura ma jikkorrispondux għal dawk tal-prodotti li jibbenefikaw minn tali sospensjoni (fil-fatt għandhom dimensjonijiet xi ftit akbar u format differenti).
54. Madankollu, inqis li r-Regolament Nru 493/2005 juri biċ-ċar kif inhu impossibbli li wieħed jikklassifika l-monitors b’mod sempliċi u, fuq kollox, li jeħtieġ li jiġi aċċettat il-fatt li ċerti skrins li potenzjalment jistgħu jirriproduċu sinjali li ġejjin minn sorsi minbarra kompjuter jistgħu anki, b’mod konkret, jintużaw b’mod għalkollox prevalenti f’kuntest “informatiku”.
7. Konklużjonijiet dwar l-ewwel domanda
55. Fl-aħħar nett, inqis li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari trid tkun li n-nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-NM 2004 għandha tiġi interpreta fis-sens li monitor tal-kulur, li jista’ jirriproduċi kemm sinjali li joriġinaw minn magna awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni, kif ukoll sinjali li joriġinaw minn sorsi oħra, m'għandhux minħabba din ir-raġuni biss jiġi eskluż milli jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 tan-NM 2004.
IV – Dwar it-tieni domanda preliminari
56. Bit-tieni domanda preliminari il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’każ li l-klassifikazzjoni tal-monitor inkwistjoni taħt l-intestatura 8471 tan-NM 2004 ma ġietx eskluża, liema huma l-elementi li fuq il-bażi tagħhom jista’ jiġi ddeterminat jekk dan il-monitor jissodisfax ir-rekwiżiti indikati fin-nota 5B biex jiġi kklassifikat bħala prodott informatiku.
A – L-argumenti tal-partijiet
57. Kamino ssostni li, sabiex jiġi ddeterminat jekk monitor ikunx ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar tal-informazzjoni, jeħtieġ li jitqies l-użu li l-prodott ikun maħsub biss jew prinċipalment għalih.
58. F’dan il-każ, diversi fatturi oġġettivi jġiegħluna nikkunsidraw li l-monitors inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati fil-kuntest tal-Kapitolu 84 tan-NM 2004. B’mod partikolari, dawn il-fatturi huma: id-dimensjonijiet tal-pixel (“dot pitch”), ir-riżoluzzjoni, il-format 16:10, il-preżenza ta’ konnetturi VGA u DVI, in-nuqqas ta’ remote control, ta’ konnettur SCART, ta’ tuner għat-TV, ta’ swiċċijiet għat-teqlib bejn l-istazzjonijiet (30).
59. Min-naħa tagħhom, kemm il-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li, minħabba r-risposta li huma qed jissuġġerixxu għall-ewwel domanda preliminari, mhemmx għalfejn tingħata risposta għat-tieni waħda.
60. Minkejja din il-pożizzjoni ta’ prinċipju, waqt id-diskussjoni rigward l-ewwel domanda preliminari, dawn il-partijiet issuġġerixxu ukoll ċerti kunsiderazzjonijiet li jidher li huma marbuta loġikament iktar mat-tieni domanda.
61. B’mod partikolari, il-Gvern Olandiż innota li, fil-fehma tiegħu, monitor bil-karatteristiċi speċifiċi bħal dawk inkwistjoni ma jistax jitqies ta’ tip intiż sabiex jintuża b’mod esklużiv jew prinċipalment fil-kuntest ta’ sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ informazzjoni: b’mod partikolari, meta jitqiesu l-konnessjonijiet li huwa mgħammar bihom dan l-apparat (D‑sub, DVI‑D, USB, S‑video, vidjo kompost, output għall-awdjo) (31).
62. Skond il-Gvern Olandiż, li qal dan meta kien qed jirrispondi għad-domandi li għamlitlu l-Qorti tal-Ġustizzja, l-użi possibbli “mhux informatiċi” ta’ monitor, biex ikun jista’ jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471, iridu jkunu “biss teoriċi”.
63. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, osservat li l-frażi “ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data” inkluża fin-nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-NM 2004, trid titqies bħala li qed tirreferi mhux għat-tip ta’ użu tal-apparat imma għall-funzjonijiet li għandu(32). Barra minn hekk, il-karatteristiċi tekniċi tal-monitor inkwistjoni, u b’mod partikolari d-dimensjonijiet, ir-riżoluzzjoni u l-luminożità tiegħu, huma għalkollox adegwati biex jintuża f’kuntesti differenti minn dak informatiku, biex b’hekk jiġi eskluż li jeżistu l-kundizzjonijiet li jissemmew fil-paragrafu a) tal-imsemmija nota 5 B(33).
B – L-evalwazzjoni
64. Anki din id-domanda, li probabbilment hija l-iktar waħda delikata mit-tlieta mqajma, tirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi ċerti indikazzjonijiet ġenerali dwar il-mod kif għandha tiġi interpretata n-Nomenklatura Magħquda. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tindika liema hija t-tifsira eżatta tad-dispożizzjoni fil-paragrafu a) tan-nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-NM 2004 u, b’mod iktar speċifiku, liema huma l-elementi li jeħtieġ li jitqiesu sabiex ikun iddeterminat jekk prodott jissodisfax jew le l-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjoni msemmija.
65. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tindika l-intestatura eżatta tan-Nomenklatura Magħquda li taħtha għandhom jiġu kklassifikati l-monitors inkwistjoni, din id-deċiżjoni speċifika tibqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, li trid tagħti deċiżjoni billi ssegwi l-indikazzjonijiet li tagħtiha l-Qorti tal-Ġustizzja.
66. Il-problema ċentrali li għandna b’din id-domanda tikkonsisti fid-definizzjoni ta’ avverbju: “prinċipalment” (34). Fil-fatt waqt li l-avverbju preċedenti “biss” ma jagħti lok għall-ebda dubju partikolari dwar kif għandu jiġi interpretat, it-terminu “prinċipalment” huwa iktar ekwivoku fit-tifsira tiegħu.
67. Peress li huwa għalkollox evidenti li ma nistgħux nagħtu interpretazzjoni ta’ dan l-avverbju f’termini matematiċi/perċentwali (billi nindikaw, pereżempju, perċentwali tal-użu f’konnessjoni ma’ kompjuter ta’ 80 % mill-użu totali), nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “użu prinċipali” bħala ekwivalenti għal dak ta’ “użu normali”.
68. Fil-fatt, jidhirli li l-kunċett ta’ “użu normali” jista’ jiġi applikat f’każijiet konkreti b’riskju inqas ta’ ambigwità.
69. Mill-bqija, inqis li l-espressjoni “prinċipalment”, inkluża fid-dispożizzjoni, ma tirreferix għat-tul ta’ żmien li matulu jintuża l-prodott, imma, anzi, għal xiex jintuża l-iktar ta’ spiss. Fi kliem ieħor, dak li l-interpretu qed jintalab jaċċerta mhuwiex il-perċentwali ta’ kwalunkwe użu differenti tal-prodott f’każ li dan il-prodott jintuża f’kuntesti differenti, imma iktar sempliċement, l-użu “tipiku” jew “normali” tiegħu.
70. Għalhekk jeħtieġ li l-interpretu, f’dan il-każ, jivverifika liema jkun, għall-prodott li jkun qed jiġi evalwat, l-użu li raġonevolment jidher li jkun maħsub għalih.
71. Barra minn hekk, anki jekk nużaw l-interpretazzjoni li ssuġġerejt, u għalhekk jekk inqisu l-użu normali tal-prodott inkwistjoni, xorta jkollna l-problema li rridu niddeterminaw liema jkunu l-elementi li tabilħaqq jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.
72. Nemmen li mhemmx dubji rigward il-fatt li l-element esssenzjali li għandu jitqies f’dan ir-rigward huma l-karatteristiċi tekniċi tal-prodott. Fil-każ tal-monitors inkwistjoni, huma evidentement karatteristiċi bħar-riżoluzzjoni, il-format (il-proporzjon tal-wisa’ għall-għoli tal-iskrin), il-konnessjonijiet disponibbli (35), il-possibbiltà li jiġu rregolati l-għoli u l-inklinazzjoni, il-preżenza ta’ karatteristiċi ergonomiċi speċifiċi li għandhom l-għan li jiffaċilitaw użu mill-qrib “minn skrivanija (desktop)”, eċċ., li għandhom jiġu analizzati mill-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina jekk l-użu normali tal-prodott huwiex ftit jew wisq użu fil-kuntest ta’ sistema awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni.
73. Sabiex niddeterminaw l-użu normali ta’ prodott, tidher iktar problematika l-possibbiltà li nużaw id-destinazzjoni tiegħu mil-lat kummerċjali, jiġifieri, fi kliem ieħor il-“mira” tal-prodott. Fil-fehma tiegħi, din il-possibbiltà trid tiġi eskluża.
74. Fil-fatt, huwa ċar li, jekk tiġi rikonoxxuta l-importanza ta’ elementi bħall-għan iddikjarat tal-prodott, kif indikat fuq il-pakkett tal-prodott jew fil-kuntest ta’ informazzjoni għal finijiet ta’ reklamar, ir-riskju ta’ abbuż huwa ikbar. Fil-fatt, huma kollox għajr infrekwenti, f’kuntesti varji, il-każijiet ta’ prodotti li, pereżempju bl-għan li jiġu evitati projbizzjonijiet ta’ bejgħ jew li tiġi eskluża r-responsabbiltà tal-produttur, jiġu ppreżentati indirettament bħala intiżi għal finijiet differenti minn dawk effettivi: u, dan minkejja li l-pubbliku rilevanti jkun jaf sew il-vera użu tal-prodotti.
75. Jidhirli li l-pożizzjoni li għadni kemm spjegajt hija mill-bqija koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, anki jekk fil-prinċipju tammetti l-possibbiltà li jitqies l-użu ta’ prodott għal finijiet tal-klassifikazzjoni doganali tiegħu, madankollu enfasizzat li l-imsemmi użu jrid jirriżulta minn elementi oġġettivi speċifiċi(36).
76. Inqis li l-argument, li rrepetiet b’mod partikolari l-Kummissjoni matul is-seduta, jiġifieri li l-użu intiż tal-prodott huwa irrilevanti għall-klassifikazzjoni tiegħu, bħala infondat. Min-naħa l-waħda, hija l-istess nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-NM 2004 li ssemmi l-“użu” tal-prodott (fejn isemmi prodotti “ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data”; il-korsiv huwa tiegħi). Min-naħa l-oħra, dak li qed nitkellmu dwaru hawnhekk huwa l-użu ta’ prodott f’termini tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu: element oġġettiv, għalhekk, u mhux varjabbli suġġettiv jew marbut mal-mezzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-istess prodott.
77. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari billi tiddikjara li, biex ikun jista’ jiġi sostnut li prodott ikun “ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data”, skond il-paragrafu a) tan-nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-NM 2004, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-użu normali tal-istess prodott ikunx fl-ambitu ta’ sistema awtomatika tal-ipproċessar tal-informazzjoni. Għal dan il-għan, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni każ b’każ, għandhom jitqiesu l-karatteristiċi oġġettivi kollha tal-prodott inkwistjoni.
V – Dwar it-tielet domanda preliminari
78. Bit-tielet u bl-aħħar domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk il-monitors inkwistjoni jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 754/2004; f’każ ta’ risposta pożittiva, l-imsemmija qorti tistaqsi wkoll jekk dan ir-Regolament huwiex validu.
A – L-argumenti tal-partijiet
79. Kamino, billi dawret l-ordni tal-problemi li tressqu mill-qorti tar-rinviju, issostni l-ewwel nett l-illegalità tar-Regolament Nru 754/2004, peress li dan, billi jindika l-intenzjoni ċara tal-Kummissjoni li timpedixxi f’kull każ l-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8471 tan-NM ta’ kwalunkwe monitor li jista’ jirriproduċi sinjali vidjo li joriġinaw minn sorsi oħra li mhumiex ta’ kompjuter, jidħol f’kunflitt man-NM u, b’mod iktar ġenerali, mas-Sistema Armonizzata u mal-obbligi li għandha l-Komunità li huma parti minnu (37).
80. Ikun xi jkun il-każ, anki jekk huwa legali, ir-Regolament inkwistjoni mhux applikabbli għal dan il-każ, peress li dan jikkonċerna prodotti għalkollox differenti minn dawk li qed nikkunsidraw hawn (38).
81. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Olandiż iqis li r-Regolament inkwistjoni huwa validu u li jista’ japplika anki għall-monitors inkwistjoni, direttament jew, l-iktar l-iktar, b’analoġija (39).
82. Skond il-Kummissjoni, għall-kuntrarju, fid-dawl tar-riposta li ngħatat għall-ewwel domanda mhemmx għalfejn tingħata risposta għat-tielet waħda.
B – L-evalwazzjoni
83. Inqis li r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 754/2004 ma jistax jiġi applikat għall-monitors inkwistjoni għar-raġunijiet li ġejjin.
84. Qabel kollox, ir-Regolament ma jistax jiġi applikat direttament minħabba l-għadd kbir ta’ differenzi tekniċi bejn il-monitors inkwistjoni hawnhekk u l-iskrins li qed jiġu kklassifikati fir-Regolament.
85. Fir-Regolament Nru 754/2004, għal finijiet tal-klassifikazzjoni doganali tagħhom, fil-fatt tqiesu żewġ skrins plażma b’daqs djagonali ta’ 106 cm (ekwivalenti għal madwar 42 pulzier) u b’riżoluzzjoni, rispettivament ta’ 852 x 480 u ta’ 1024 x 1024 pixel.
86. Dawn iż-żewġ elementi biss juru b’mod ċar li għandna quddiemna prodotti kompletament differenti minn dawk li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura: fil-fatt, għandu jitfakkar li l-monitors inkwistjoni f’din il-kawża huma ferm iżgħar fid-daqs (23 pulzier, jiġifieri 58.42 cm) u riżoluzzjoni ferm akbar (1920 x 1200 pixel). Mill-bqija dan jidher li huwa koerenti mat-teknoloġija differenti tal-prodotti pparagunati: filwaqt li skrin bil-kristalli likwidi jista’ jintuża għal finijiet differenti, skond il-karatteristiċi tekniċi li jkollu, l-iskrins plażma tipikament jintużaw biex jirriproduċu, b’riżoluzzjonijiet relattivament imnaqqsa meta pparagunati mad-daqs tagħhom, sinjali televiżivi, films u preżentazzjonijiet.
87. Barra minn hekk, ma jistax jintlaqa l-argument tal-Gvern Olandiż, li ġie spjegat b’mod partikolari fil-punt 41 tal-osservazzjonijiet tiegħu, jiġifieri li t-teknoloġija plażma li tikkaratterizza l-monitors li jissemmew fir-Regolament Nru 754/2004 mhix element rilevanti, u ma tostakolax l-applikabbiltà tar-Regolament rigward il-monitors li qed jiġu evalwati f’din il-kawża. Inqis, fil-fatt, li l-kunsiderazzjoni oġġettiva tad-differenzi li jeżistu bejn it-teknoloġija plażma u t-teknoloġija LCD, kif ukoll il-fatt, rikonoxxut anki waqt is-seduta mill-istess Gvern Olandiż, li l-iskrins plażma ġeneralment ma jintużawx bħala apparat periferali ta’ output għall-magni għall-ipproċessar tal-informazzjoni, jikkontradixxi dan. Fi kliem ieħor, il-prodotti inkwistjoni mhumiex funġibbli.
88. Baqa’ li nivverifikaw jekk, kif qed jissuġġerixxi l-Gvern Olandiż fl-istess punt 41 tal-osservazzjonijiet tiegħu, ir-Regolament Nru 754/2004, eventwalment jistax jiġi applikat għall-monitors inkwistjoni mhux b’mod dirett imma b’analoġija.
89. Anki f’dan il-każ, madankollu, inqis li għandha tingħata risposta negattiva.
90. Fil-fatt, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ġenerali ammettiet il-possibbiltà li Regolament ta’ klassifikazzjoni jiġi applikat b’analoġija, għamlet dan filwaqt li ppreċiżat li dan jista’ jseħħ b’relazzjoni għal prodotti “ekwivalenti” għal dawk indikati f’dak ir-Regolament, peress li dan “jiffavorixxi interpretazzjoni koerenti tan-NM kif ukoll trattament ugwali lill-operaturi [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (40). Madankollu, f’dan il-każ ma nistgħux inqisu, kif diġà rajna, li l-monitors bil-kristalli likwidi li qed jiġu evalwati f’dan il-każ b’xi mod huma ekwivalenti għall-iskrins plażma li jissemmew fir-Regolament Nru 754/2004.
91. Għaldaqstant, inqis li t-tielet domanda preliminari trid tingħata din ir-risposta, jiġifieri li l-monitors inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 754/2004. Konsegwentement, lanqas mhemm elementi biex naħsbu li dan ir-Regolament huwa illegali.
VI – Konklużjonijiet
92. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet li semmejt iktar ’il fuq, nissuġġerrixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi li sarulha mill-Hoge Raad b’dan il-mod:
1. In-nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda għas-sena 2004 għandha tiġi interpreta bħala li monitor tal-kulur, li jista’ jirriproduċi kemm sinjali li ġejjin minn magna awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni, kif ukoll sinjali li ġejjin minn sorsi oħra, minħabba din ir-raġuni biss ma għandux jiġi eskluż milli jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 tan-Nomenklatura Magħquda għas-sena 2004.
2. Biex ikun jista’ jiġi sostnut li prodott ikun “ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data”, skond il-paragrafu a) tan-nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda għas-sena 2004, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-użu normali tal-istess prodott ikunx fl-ambitu ta’ sistema awtomatika tal-ipproċessar tal-informazzjoni. Għal dan il-għan, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni każ b’każ, għandhom jitqiesu l-karatteristiċi oġġettivi kollha tal-prodott inkwistjoni.
3. Il-monitors evalwati fil-każwa prinċipali ma jaqgħux fil-kamp ta’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 754/2004 tal-21 ta’ April 2004 dwar il-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda.
1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan
2 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003 tal-11 ta’ Settembru 2003 biex jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar it-tariffa u n-nomenklatura statistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 281, p. 1).
3 – Għal kuntestwalizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tan-NM u tar-rilevanza tagħhom mas-Sistema Armonizzata, ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Kawża C-311/04, ASAD (Ġabra p. I‑609, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).
4 – In-noti ta’ spjegazzjoni msemmija huma ta’ Frar 2002. Dawn huma disponibli biss bl-Ingliż u bil-Franċiż: għaldaqstant it-traduzzjoni Taljana mhijiex uffiċjali.
5 – Noti ta’ spjegazzjoni għan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 23.10.2002, C 256, p. 1).
6 – ĠU L 118, p. 32.
7 – Barra minn hekk, minkejja li dan l-“output għall-awdjo” jissemma fid-deċiżjoni tar-rinviju u mhuwiex ikkontestat mill-partijiet, meta kkonsultajt id-dokumentazzjoni disponibbli fuq is-sit web tal-produttur dan l-“output għall-awdjo” tabilħaqq jidher li huwa sokit ta’ 12 V imqabbad ma’ żewġ loudspeakers esterni li jistgħu jiġu konnessi mal-monitor imma, li fejn għandu x’jaqsam is-sinjal, iridu jiġu konnessi ma’ sors awdjo estern. Fi kliem ieħor, il-prodott ma jidher li għandu l-ebda ċirkwit tal-awdjo.
8 – Punt 41 tal-osservazzjonijiet ta’ Kamino.
9 – Ibidem, punt 45.
10 – Ibidem, punt 55.
11 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2171/2005 tat-23 ta’ Diċembru 2005 li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 346, p. 7). B’mod partikolari, f’dan ir-Regolament monitor LCD b’qies djagonali ta’ 15-il pulzier, b’riżoluzzjoni ta’ 1024 x 768 pixel u b’inteface D-sub wieħed ġie kklassifikat taħt l-intestatura 8471. Ir-raġuni li l-Kummissjoni tat għall-klassifikazzjoni kienet din li ġejja: “Fuq il-bażi tal-użu previst, il-monitor jirċievi sinjali mill-unità tal-ipproċessar ċentrali ta’ sistema awtomatiku għall-ipproċessar tal-informazzjoni. Il-prodott jista’ anki jirriproduċi sinjali awdjo u vidjo. Madankollu, minħabba d-daqs tiegħu u l-kapaċità limitata li għandu biex jirċievi sinjali minn sors li mhux sistema awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni permezz ta’ kard li ma tkunx tista’ tipproċessa l-vidjo, jitqies bħala li huwa ta’ tip li għandu jintuża biss jew prinċipalment fis-sistemi awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
12 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż, punt 34.
13 – Ibidem, punt 36.
14 – Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punti 28‑36.
15 – Ibidem, punt 37.
16 – Ibidem, punt 39.
17 – Kif diġà osservajt iktar ’il fuq, dan jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 34 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż u mill-punt 39 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, inqis li l-istess partijiet madankollu żviluppaw argumenti li, anki mingħajr ma jindikaw dan b’mod ċar, jibdew mill-premessa li s-sempliċi possibbiltà li jintwerew sinjali vidjo li ma joriġinawx minn kompjuter mhuwiex suffiċjenti biex teskludi l-klassifikazzjoni fil-Kapitolu 84, billi għal dan il-għan jeħtieġ li l-isemmija funzjoni “alternattiva” jew “ulterjuri” ma tkunx biss marġinali jew teoretika (ara pereżempju l-punt 36 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż u l-punt 36 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni). F’dan ir-rigward, għal iktar dettalji, ara d-diskussjoni dwar it-tieni domanda preliminari.
18 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Kawża C‑42/99, Eru Portugesa (Ġabra p. I‑7691, punt 13); tas-16 ta’ Settembru 2004, Kawża C‑396/02, DFDS (Ġabra p. I‑8439, punt 27), u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Kawża C‑445/04, Possehl Erzkontor (Ġabra p. I‑10721, punt 19). Iktar ’il quddiem, ara anki l-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
19 – Għal diskussjoni iktar dettaljata tal-problema, ippermettuli nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi Magħquda C‑362/07 u C‑363/07, Kip Europe et, li ppreżentajt fis-17 ta’ Lulju 2008 (punti 50, 69).
20 – Sentenza tad-19 ta’ Mejju 1994, Kawża C-11/93, Siemens Nixdorf (Ġabra p. I‑1945, punt 16).
21 – Pereżempju, ara s-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Kawża C‑229/06, Sunshine Deutschland Handelsgesellschaft (Ġabra p. I‑3251, punt 27); tat-18 ta’ Lulju 2007, Kawża C‑142/06, Olicom (Ġabra p. I‑6675, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk), u tal-5 ta’ Ġunju 2008, Kawża C‑312/07, JVC France (Ġabra, p. p. I-4165, punt 34).
22 – Il-verżjoni attwali tan-noti ta’ spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata, jiġifieri tal-2007, minflok hija iktar miftuħa. Fin-nota li tikkonċerna l-intestatura 8528, li taħtha huma issa kklassifikati l-monitors kollha, tabilħaqq ninnotaw li fost il-monitors użati esklużivament jew essenzjalment użati inkonnessjoni ma’ kompjuter (li għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8528.41) “huma nklużi” dawk li jistgħu jiġu konnessi biss ma’ kompjuter. Għalhekk, mhux qed jiġi eskluż li anki monitors oħrajn jistgħu jiġu kklassifikati taħt din l-intestatura.
23 – F’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tan-noti ta’ spjegazzjoni, in-natura mhux eżawrjenti tan-nota msemmija toħroġ biċ-ċar permezz ta’ avverbju. Fit-test Taljan huwa indikat, pereżempju, li huma inklużi “specialmente” taħt din l-intestatura il-monitors li jistgħu jaħdmu biss f’konessjoni ma’ kompjuter: it-test Franċiż juża t-terminu “notamment”, filwaqt li dak Spanjol “especialmente”. Min-naħa l-oħra, l-avverbju huwa nieqes f’verżjonijiet lingwistiċi oħrajn, anki jekk il-formulazzjoni tal-frażi donnha xorta qed tissuġġerixxi, anki f’dawn il-każijiet, li l-indikazzjoni ma teżawrixxix l-ambitu tal-prodotti li jaqgħu taħt is-sotto-intestatura 8471 60 90. B’mod partikolari, l-verżjoni Ingliża tipprovdi li “[t]his subheading includes visual display units which can only be used as output units for an automatic data-processing machine”, dik Ġermaniża li “[h]ierher gehören Datensichtgeräte, die nur als Ausgabeeinheiten von automatischen Daten-verarbeitungsmaschinen verwendet werden können” u dik Olandiża li “[d]eze onderverdeling omvat beeldschermeenheden die uitsluitend kunnen worden gebruikt als uitvoereenheid voor een automatische gegevensverwerkende machine” (il-korsiv huwa tiegħi).
24 – ĠU L 155, p. 1. F’Mejju 2008, l-Istati Uniti formalment fetħu proċeduri legali kontra d-WTO sabiex jikkontestaw il-prattika doganali Komunitarja li tikkonċerna, fost l-oħrajn, anki l-monitors bħal dawk li ġew evalwati f’din il-kawża. Meta kont qed nikteb dawn il-konklużjonijiet f’dan ir-rigward kienu disponibbli biss artikli ġurnalistiċi ġeneriċi, u għaldaqstant għad ma tistax issir evalwazzjoni preċiża tas-sitwazzjoni. Jirriżulta, dejjem skond sorsi ġurnalistiċi, li wara l-pass li ħadet l-Istati Uniti, għamlu bħalha l-Ġappun u t-Tajwan.
25 – Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet kemm-il darba li l-possibbiltà li Ftehim tad-WTO jintuża bħala parametru biex tkun evalwata l-legalità ta’ att Komunitarju hija suġġetta għal kundizzjonijiet ferm rigorużi, ara, għal kollha, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Kawża C‑94/02 P, Biret & Cie vs Il-Kunsill (Ġabra p. I‑10565, punti 55‑56 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). F’dik is-sede, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, biex wieħed jista’ jeżamina l-legalità ta’ att Komuntarju fuq il-bażi ta’ Ftehim tad-WTO, jeħtieġ li l-“Komunità kellha l-ħsieb li twettaq obbligu partikolari li kellha fl-ambitu tad-WTO, jiġifieri [li] l-att Komunitarju jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehimiet tad-WTO [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Fil-każ tan-NM ma jidher li hemm l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet.
26 – Rigward dan l-obbligu ara, b’mod ġenerali, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Kawża C‑286/90, Poulsen (Ġabra p. I‑6019, punt 9); tal-10 ta’ Settembru 1996, Kawża C‑61/94, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Ġabra p. I‑3989, punt 52) u tal-14 ta’ Lulju 1998, Kawża C‑341/95, Bettati (Ġabra p. I‑4355, punt 20). B’referenza speċifika għall-Ftehim TRIPS, li jaqa’ fl-ambitu tas-sistema tad-WTO u jikkondividi l-karatteristiċi tagħha, ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1998, Kawża C‑53/96, Hermès International (Ġabra p. I‑3603, punt 28), tal-14 ta’ Diċembru 2000, Kawżi Magħquda C‑300/98 u C‑392/98, Dior et (Ġabra p. I‑11307, punt 47), u tas-16 ta’ Novembru 2004, Kawża C‑245/02, Anheuser-Busch (Ġabra p. I‑10989, punt 55).
27 – Ara anki l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Kip Europe et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 67‑69.
28 – Ibda bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 493/2005 tas-16 ta’ Marzu 2005 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffi u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 82, p. 1). Il-previżjoni nżammet ukoll fil-verżjonijiet suċċessivi tan-NM: fil-verżjoni fis-seħħ għas-sena 2008, inkluża fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007 tal-20 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 286, p. 1) is-subintestatura ta’ referenza hija 8528 59 90.
29 – L-ewwel premessa tar-Regolament Nru 493/2005.
30 – Osservazzjonijiet ta’ Kamino, punti 81‑99.
31 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż, punt 36.
32 – Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punt 35.
33 – Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punt 36.
34 – Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tan-nota 5 B mhumiex wisq differenti rigward dan il-punt: għat-Taljan “esclusivamente o principalmente” pereżempju jikkorrispondi l-Franċiż b’“exclusivement ou principalement”, l-Ingliż b’“solely or principally”, il-Ġermaniż b’“ausschließlich oder hauptsächlich”, l-Ispanjol b’“exclusiva o principalmente”, u l-Olandiż b’“uitsluitend of hoofdzakelijk”.
35 – Fil-fehma tiegħi, inqis li f’dan ir-rigward, il-preżenza ta’ konnessjoni DVI per se ma jfissirx li nistgħu neskludu, b’differenza għal dak li donnu qed isostnu l-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, użu primarjament “informatiku” ta’ monitor. Dan peress li f’dawn l-aħħar snin, numru dejjem akbar u probabbilment issa fil-maġġoranza ta’ kompjuters huma mgħammra propju b’output għall-vidjo DVI, li effettivament ħa l-post ta’ output VGA.
36 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2000, Kawża C‑309/98, Holz Greenen (Ġabra p. I‑1975, punt 15); tal-5 ta’ April 2001, Kawża C‑201/99, Deutsche Nichimen (Ġabra p. I‑2701, punt 20); tal-4 ta’ Marzu 2004, Kawża C‑130/02, Krings (Ġabra p. I‑2121, punt 30), u Olicom, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 18. Barra minn hekk, fis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Kawża C‑467/03, Ikegami (Ġabra p. I‑2389, punt 24), il-Qorti tal-Ġustizzja xorta semmiet, anki jekk ad adiuvandum, il-mezzi ta’ promozzjoni kummerċjali ta’ prodott.
37 – Osservazzjonijiet ta’ Kamino, punti 100‑106.
38 – Ibidem, punt 107.
39 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż, punti 38‑42.
40 – Sentenza Krings, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 (punt 35).
Full & Egal Universal Law Academy