KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RUIZ-JARABO COLOMER
ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2008 1(1)
Kawża C‑415/07
Lodato Gennaro & C. SpA
vs
Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)
vs
SCCI
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Nocera Inferiore (l-Italja)]
“Għajnuna mill-Istat għax-xogħol – Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol – Verifika tar-rispett tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tinkiseb għajnuna – Kalkolu tal-indikatur tal-‘ħolqien tal-impjiegi’”
I – Introduzzjoni
1. Id-domanda preliminari tat-Tribunale di Nocera Inferiore (l-Italja) twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħżel bejn żewġ metodi għall-kalkolu tal-indiċi tat-“tkabbir fil-livell tal-impjiegi” ta’ impriża, li għandu jkun pożittiv sabiex l-impriża tkun tista’ tibbenefika minn għajnuna għall-ħolqien tal-impjiegi: l-ewwel metodu huwa bbażat fuq il-paragun bejn żewġ medji annwali tan-numru ta’ impjiegi, jiġifieri l-medja tas-sena qabel ma ġew impjegati ħaddiema ġodda li jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna u l-medja tas-sena ta’ wara ma ġew impjegati dawn il-ħaddiema ġodda; it-tieni metodu jnaqqas il-medja tan-numru ta’ impjiegi konkreti tas-sena preċedenti fid-data meta ddaħħlu l-ħaddiema l-ġodda.
2. Waħda mill-karatteristiċi partikolari ta’ dan il-każ, li mal-ewwel daqqa ta’ għajn jidher tekniku ħafna, tinsab fil-fatt li l-qorti Taljana ssemmi biss, bħala referenza għall-analiżi mitluba, ċerti dispożizzjonijiet nieqsa minn valur legali (il-Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol (2) u l-Linji ta’ gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali (3)) kif ukoll regolament li fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-każ kien għadu ma daħalx fis-seħħ [ir-Regolament (KE) Nru 2204/2002 (4)].
3. Fil-quċċata tal-istruttura legali, jista’ jissemma’ t-Trattat KE: l-Artikoli 87 KE u 88 KE tiegħu jikkostitwixxu l-leġiżlazzjoni vinkolanti (“hard law”) applikabbli f’dan il-qasam, filwaqt li l-linji gwida huma atti mhux vinkolanti (“soft law”) li jservu fl-interpretazzjoni ta’ dawn l-artikoli. Il-paragun taż-żewġ metodi ta’ kalkolu mat-Trattat ma għandux xi utilità partikolari, għaliex il-konformità mad-dritt primarju ta’ waħda miż-żewġ formuli mhux neċessarjament timplika li l-oħra ma tkunx konformi.
4. B’mod inqas Manikew, il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf liema hija l-iktar interpretazzjoni konformi mal-loġika ġenerali tas-sistema tal-għajnuna mill-Istat għax-xogħol, li xi regoli tagħha jinsabu fil-linji gwida msemmija iktar ’il fuq u fir-regolamenti ta’ eżenzjoni.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
1. Il-linji gwida tal-Kummissjoni
5. Il-kuntest leġiżlattiv rilevanti jinkludi żewġ komunikazzjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni ppubblikat il-linji gwida intiżi sabiex jidderiġu l-azzjoni tagħha fil-kuntest tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-iskemi ta’ għajnuna nnotifikati mill-Istati Membri mat-Trattati skont l-Artikolu 88 KE (li qabel kien l-Artikolu 93 KE). Dawn huma l-linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol u l-linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali.
a) Il-linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol
6. Dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jiggarantixxu ċerta koerenza bejn ir-regoli tal-kompetizzjoni u t-twettiq tal-politiki meħtieġa għall-ġlieda kontra l-qgħad fl-Ewropa, bl-adozzjoni ta’ “attitudni li tiffavorixxi l-għajnuniet għall-ħolqien tal-impjiegi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li minkejja r-riskji għall-kompetizzjoni fil-Komunità, itejbu l-intensità tax-xogħol fit-tkabbir ekonomiku (punt 20).
7. Il-punt 17 jipprovdi li bit-terminu “ħolqien tal-impjiegi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għandu jinftiehem il-ħolqien nett tax-xogħol, jiġifieri “impjieg addizzjonali meta mqabbel man-numru ta’ ħaddiema (valur medju matul ċertu perijodu) tal-impriża kkonċernata”.
b) Il-linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali
8. Dawn il-linji gwida jikkonċernaw l-għoti ta’ għajnuna lil ċerti zoni ġeografiċi u, b’differenza mil-linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol, japplikaw biss għall-postijiet tax-xogħol il-ġodda marbuta mal-implementazzjoni ta’ investiment inizjali (punt 4.11).
9. Anki dawn il-linji gwida jużaw il-kunċett ta’ “ħolqien tal-impjiegi”. Il-punt 4.12 tagħhom jiddefinixxi dan il-kunċett bħala t-tkabbir nett fin-numru ta’ impiegi fi stabbiliment partikolari “meta mqabbel mal-medja fuq tul ta’ żmien [f’perijodu ta’ referenza]”, u l-“[i]mpjiegi mitlufin waqt dak il-perjodu għandhom jiġu mnaqqsa min-numru apparenti ta’ impjiegi [k]kreati fl-istess perjodu”. In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 33 (li tikkorrispondi għal dan il-punt) tippreċiża li “[i]n-numru ta’ l-impiegi jikkorrispondi għan-numru ta’ ħaddiema annwali (AWU). i.e. in-numru ta’ persuni impjegati full time f’sena waħda”, fejn ix-xogħol part time u x-xogħol staġunali jitqiesu bħala frazzjonijiet tal-AWU.
2. Ir-regolamenti ta’ eżenzjoni
10. Fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (5), il-Kummissjoni adottat żewġ regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategoriji li jippermettu li, f’ċerti każijiet jiġi injorat ir-rekwiżit tan-notifika bil-quddiem tal-għajnuniet skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE. B’hekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 (6) jiġi applikat għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u r-Regolament (KE) Nru 2204/2002 għall-għajnuna mill-Istat għax-xogħol.
a) Ir-Regolament (KE) Nru 70/2001
11. B’mod konformi mal-Artikolu 4(6)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 70/2001, biex skema ta’ għajnuna lill-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju tkun tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet: il-proġett ta’ investiment għandu jwassal għal żieda netta fin-numru ta’ impjegati tal-impriża kkonċernata meta ppargunata mal-medja tat-12-il xahar preċedenti u li l-impjiegi maħluqa għandhom jinżammu għal perijodu minimu ta’ ħames snin.
12. Skont l-Artikolu 2(ġ) tar-regolament, in-“numru ta’ impjegati” jikkorrispondi għan-numru tal-ħaddiema ta’ kull sena (AWU).
b) Ir-Regolament (KE) Nru 2204/2002
13. L-Artikolu 4(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2204/2002, jeħtieġ li x-xogħol maħluq għandu jirrappreżenta żieda netta fin-numru ta’ impjegati, kemm fl-istabbiliment u fl-intrapriża kkonċernata, imqabbel mal-medja matul l-aħħar 12-il xahar, u li l-impjiegi maħluqa għandhom jinżammu “għal perjodu minimu ta’ tliet snin, jew sentejn fil-każ ta’ SMEs”.
14. L-Artikolu 2(e) ta’ dan ir-regolament jadotta d-definizzjoni tan-“numru ta’ impjegati” tal-Artikolu 2(ġ) tar-Regolament Nru 70/2001.
B – Il-leġiżlazzjoni Taljana u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni
15. L-Artikolu 3(5) tal-Liġi Taljana Nru 448/98, tat-23 ta’ Diċembru 1998 (7), jipprovdi li, għall-persuni li jiġu impjegati fl-1999, fl-2000 u fl-2001 li jiżdiedu man-numru ta’ ħaddiema li diġà kienu impjegati fil-31 ta’ Diċembru 1998, il-persuni privati li jħaddmu u l-entitajiet ekonomiċi pubbliċi li joperaw fir-reġjuni tal-Campania, tal-Basilicata, tas-Sicilia, tal-Puglia, tal-Calabria u ta’ Sardegna jibbenefikaw minn tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kollha dovuti lill-Istituto nazionale della previdenza sociale (Istitut Nazzjonali tas-Servizzi Soċjali, iktar ’il quddiem, l-“INPS”), għal perijodu ta’ tliet snin mid-data meta jimpjegaw ħaddiem individwali, fuq il-ħlasijiet suġġetti għall-kontribuzzjoni lill-Fondo pensioni lavoratori dipendenti (Fond tal-Pensjonijiet tal-Ħaddiema Impjegati). Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll fir-reġjuni tal-Abbruzzo u tal-Molise, iżda limitati għall-ħaddiema ġodda impjegati fis-sena 1999.
16. Fil-verżjoni oriġinali tiegħu, l-Artikolu 3(6) ta’ din il-liġi kien jissuġġetta l-għotja ta’ din l-għajnuna għal numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom dik li l-impriża, anki jekk tkun għadha kemm twaqqfet, ikollha żżid in-numru ta’ impjegati full time u b’kuntratt indefinit. Għall-impriżi li diġà kienu stabbiliti fil-31 ta’ Diċembru 1998, iż-żieda kellha tkun proporzjonata man-numru ta’ impjegati li kien hemm fit-30 ta’ Novembru 1998 [Artikolu 3(6)(a)]; u l-kundizzjoni li “il-livell ta’ impjiegi milħuq wara li jiġu impjegati ħaddiema ġodda ma għandux jonqos matul il-perijodu tal-għajnuna” [Artikolu 3(6)(ċ)].
17. Fis-16 ta’ Diċembru 1998, ir-Repubblika Taljana nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea bl-adozzjoni tal-imsemmija skema ta’ għajnuna.
18. Wara skambju ta’ opinjonijiet bejn l-awtoritajiet Taljani u l-awtoritajiet Komunitarji, il-ħtieġa relatata maż-żieda fin-numru ta’ impjegati ġiet riveduta b’dan il-mod: l-impriża, anki jekk tkun għadha kemm twaqqfet, għandha żżid in-numru tal-impjegati full time. Il-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol għandu jiġi kkalkolat b’referenza għall-medja tal-ħaddiema effettivi tal-impriża matul it-12-il xahar ta’ qabel ma ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda. Il-medja ta’ dawn l-impjegati effettivi tiġi espressa f’AWU.
19. Fl-10 ta’ Awwissu 1999, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-iskema ta’ għajnuna stabbilita mil-Liġi Taljana Nru 448/98, filwaqt li fir-rigward tal-għajnuniet li mhumiex marbuta ma’ investiment inizjali, “l-iskema tissodisfa l-kundizzjoni taż-żieda netta fl-impjiegi, peress li l-għajnuna tingħata għall-impjegati addizzjonali meta mqabbla man-numru ta’ ħaddiema tal-impriża matul it-12-il xahar preċedenti”.
20. B’deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni approvat ukoll l-Artikolu 44 tal-Liġi Taljana Nru 448/01, tat-28 ta’ Diċembru 2001 (8), li kien jestendi l-għajnuna prevista mil-Liġi Nru 448/98.
III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
21. Il-kumpannija Lodato Gennaro & C. s.p.a. (iktar ’il quddiem, “Lodato”) prinċipalment topera fil-manifattura tal-priservijiet tat-tadam fir-reġjun tal-Campania. L-attività tagħha tilħaq il-qofol staġunali fix-xhur meta dan il-frott jimmatura u jiġi pproċessat (9), u għaldaqstant ikollha timpjega numru kbir ta’ ħaddiema staġunali.
22. L-imsemmija impriża kienet ibbenefikat mill-iskema tal-għajnuna għax-xogħol ipprovduta mil-Liġijiet Taljani Nru 448/98 u Nru 448/01, u ngħatat it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, l-ewwel għal seba’ ħaddiema, u wara għal ħaddiema oħra.
23. Fil-21 ta’ Novembru 2005, l-INPS ħejja rapport fejn allega li Lodato kisret l-imsemmija liġijiet nazzjonali. Skont l-INPS, l-impriża ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tikseb l-għajnuna inkwistjoni, peress li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni lill-ħaddiema staġunali fil-kuntest tal-kalkolu tal-ħaddiema tagħha sabiex tiddetermina jekk kienx hemm żieda fl-impjiegi.
24. L-ispetturi inkarigati mill-każ stabbilixxew li l-ebda ħaddiem ġdid li minħabba fih l-impriża kkonċernata kienet ibbenefikat mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma kien wassal għal żieda fl-impjiegi, ikkalkolata fuq il-bażi tal-paragun, għal kull ħaddiem ġdid ikkonċernat, bejn il-medja tal-AWU tas-sena ta’ qabel ma ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda u n-numru totali ta’ impjegati preżenti fid-data meta ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda.
25. Lodato kkontestat id-deċiżjoni tal-INPS quddiem it-Taqsima tax-Xogħol tat-Tribunale di Nocera Inferiore. Insostenn tar-rikors tagħha, hija ssostni li l-amministrazzjoni applikat termini mhux omoġenji minflok ma pparagunat il-medja tal-AWU tas-sena ta’ qabel ma ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda u l-medja tal-AWU tas-sena ta’ wara. Lodato tinvoka wkoll il-fatt li inkludiet lill-ħaddiema staġunali bħala frazzjonijiet tal-AWU.
26. Id-deċiżjoni tar-rinviju tadotta pożizzjoni billi tqis li ma kinitx korretta l-affermazzjoni tal-INPS li tgħid li l-ħaddiema staġunali ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni u li tqis li l-metodu użat mill-INPS huwa diskriminatorju fir-rigward tal-impriżi b’attività staġunali. Hija żżid li “il-paragun bejn l-AWU tas-sena ta’ qabel ma ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda u l-AWU tas-sena ta’ wara huwa iktar konformi mal-ispirtu tal-għajnuna, li huwa dak li jiffavorixxi l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda għal tul ta’ żmien”. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva kunflitt eventwali dwar l-interpretazzjoni eżatta tal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-dritt Komunitarju stabbilit fil-linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol, fil-linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2002, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar għajnuna mill-Istat għax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm żieda fil-postijiet tax-xogħol, għandu jsir paragun bejn l-AWU medju għas-sena ta’ qabel ma jiġu impjegati ħaddiema ġodda u l-AWU medju għas-sena ta’ wara li jiġu impjegati, jew id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li paragun għandu, jew sempliċement jista’ jsir bejn l-AWU medju għas-sena ta’ qabel ma jiġu impjegati ħaddiema ġodda u n-numru eżatt ta’ ħaddiema tal-impriża fil-ġurnata li fiha l-ħaddiema l-ġodda ġew impjegati?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
27. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Settembru 2007.
28. Lodato, l-INPS, il-Kummissjoni u l-Gvern Taljan ippreżentaw is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom.
29. Waqt is-seduta, li saret fil-21 ta’ Ottubru 2008, ir-rappreżentanti ta’ Lodato, tal-INPS, tar-Repubblika Taljana u tal-Kummissjoni kienu preżenti sabiex jippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.
V – L-evalwazzjoni tad-domanda preliminari
A – Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari
30. Il-kawża li tressqet quddiem it-Tribunale di Nocera Inferiore tirrigwarda att amministrattiv li jobbliga lil Lodato trodd lura l-ammonti tal-għajnuna għax-xogħol li rċeviet abbażi tal-Liġijiet Nru 448/98 u Nru 448/01, peress li din ma ssodisfatx il-kundizzjoni taż-żieda fin-numru ta’ impjegati tal-impriża stabbilita mill-imsemmija liġijiet.
31. L-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali stabbilita mill-imsemmija liġijiet Taljani kienet approvata mill-Kummissjoni, u konsegwentement, mhix il-konformità tagħha mad-dritt Komunitarju li għandha tiġi evalwata, iżda l-metodu ta’ kalkolu li għandu jsir sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ żieda fl-impjiegi, liema ħaġa tinvolvi r-referiment għal-liġijiet Ewropej.
32. Għal din ir-raġuni, il-qorti Taljana għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn talbet l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet li ma għandhomx valur legali (il-Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol u l-Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali), kif ukoll ta’ dispożizzjoni li kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-każ (ir-Regolament Nru 2204/2002).
33. Ma jistax jiġi kkritikat l-invokar tal-linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol u tal-linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali. Dawn iggwidaw lill-Kummissjoni fl-approvazzjoni tagħha tal-Liġi Taljana Nru 448/98. Għaldaqstant, it-Tribunale di Nocera Inferiore għandu jibbaża ruħu fuq dawn il-linji gwida sabiex jiġi stabbilit jekk deċiżjoni amministrattiva tkunx konformi mad-dritt Komunitarju.
34. Fis-sentenza Grimaldi (10), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tinterpreta, b’mod preliminari, l-atti ta’ “soft law” adottati b’mod konformi mat-Trattat (11), billi indikat li dawn l-atti mhumiex nieqsa minn effetti legali u, għaldaqstant, il-qrati nazzjonali għandhom “iqisu[hom]” sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawżi mressqa quddiemhom, b’mod partikolari meta jkunu ta’ għajnuna fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li ġew adottati sabiex jiggarantixxu l-implementazzjoni tagħhom jew bil-għan li jikkompletaw dispożizzjonijiet Komunitarji ta’ natura vinkolanti (12).
35. Madankollu, strettament, il-linji gwida mhumiex sorsi tad-dritt Komunitarju. Kif iddikjarat kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tista’ timponi gwida fuqha nfisha biex teżerċita s-setgħat tagħha ta’ evalwazzjoni permezz ta’ atti bħal-linji gwida, sakemm dawn l-atti jinkludu regoli li jindikaw id-direzzjoni li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni, ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat u jagħtu kontribut sabiex ikun garantit li l-azzjoni tagħha tkun ibbażata fuq kriterji ta’ trasparenza, ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali. Anki jekk mhumiex vinkolanti fuq il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l-atti jikkostitwixxu bażi utli ta’ referiment għall-argumenti tagħha (13).
36. Skont il-ġurisprudenza wkoll, bil-pubblikazzjoni ta’ tali regoli, il-Kummissjoni tkun qed tfassal il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax titbiegħed minn dawn il-linji gwida mingħajr motivazzjoni. Inkella, tiġi sanzjonata minħabba ksur ta’ prinċipji legali, bħat-trattament ugwali jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li, “taħt ċerti kundizzjonijiet u skond il-kontenut tagħhom, dawn ir-regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali jista’ jkollhom effetti ġuridiċi” (14).
37. Għaldaqstant, il-linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol u l-linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali huma strument ta’ interpretazzjoni indispensabbli biex jiġi stabbilit l-iktar metodu ta’ kalkolu koerenti mal-loġika tal-għajnuna għax-xogħol.
38. Minbarra l-linji gwida tal-Kummissjoni, it-Tribunale di Nocera Inferiore jinvoka regolament ta’ eżenzjoni ta’ grupp li kien adottat wara l-approvazzjoni tal-iskema tal-għajnuna inkwistjoni (ir-Regolament Nru 2204/2002). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea ssostni li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa inammissibbli fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament, għaliex huwa irrilevanti sabiex tinsab soluzzjoni għall-kawża prinċipali.
39. Ir-regolament inkwistjoni, li jeżenta numru ta’ għajnuna għax-xogħol mill-obbligu tan-notifika skont l-Artikolu 88(3) KE, kien fis-seħħ mill-bidu tal-2003 sal-31 ta’ Diċembru 2006 (Artikolu 11). Għaldaqstant, ma hemmx dubju li dan ma kienx japplika għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bejn l-1998 u l-2001, u kien għalhekk li l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw il-Liġijiet Nru 448/98 u Nru 448/01 lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kontenut tagħhom.
40. Huwa biss it-Trattat, u permezz tal-karatteristiċi partikolari msemmija, il-linji gwida, li jippermettu li tiġi mistħarrġa l-validità tad-deċiżjonijiet adottati dak iż-żmien mill-Kummissjoni. Madankollu, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu l-iktar konformi mal-għanijiet tat-Trattat f’dan il-qasam, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħmel użu mill-parametri tal-interpretazzjoni li jirriżultaw minn regola tad-dritt sussidarju adottata abbażi tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, għalkemm kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ fil-mument meta seħħew il-fatti tal-każ.
41. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita (15), hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm il-ħtieġa li jsir rinviju preliminari qabel ma tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jistgħu jiġu miċħuda biss jekk jidher li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, kundizzjonijiet li, fil-fehma tiegħi, mhumiex preżenti f’din il-proċedura.
B – Fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-“ħolqien tal-impjiegi”
42. Skont l-Artikolu 87 KE, il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi l-faċilitajiet mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li, f’diversi forom, itaffu l-piżijiet li normalment ikun hemm fuq il-baġit ta’ impriża (16).
43. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jkollhom l-impriżi ta’ settur industrijali partikolari jikkostitwixxi għajnuna fit-tifsira tat-Trattat jekk din il-miżura jkollha l-għan li teżenta parzjalment lill-impriżi kkonċernati mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, mingħajr ma din l-eżenzjoni tkun iġġustifikata min-natura jew mill-istruttura ta’ din l-iskema jew mill-karattru soċjali tagħha (17).
44. Għaldaqstant, l-għajnuna għax-xogħol li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, u titqies bħala inkompatibbli mas-suq komuni, peress li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Issa, l-għajnuna intiża għall-ħolqien tal-impjiegi tista’ taqa’ taħt waħda mill-eċċezzjonijiet li jissemmew fl-Artikolu 87(3) KE.
45. Biex tiffaċilita l-ftehim tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, il-Kummissjoni fasslet iż-żewġ linji gwida msemmija fid-domanda preliminari, billi żgurat trasparenza ikbar fin-notifika tal-għajnuna kif ukoll koerenza bejn ir-regoli tal-kompetizzjoni u t-twettiq tal-politiki li għandhom l-għan li jiġġieldu l-qgħad fl-Ewropa.
46. Kemm il-linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol kif ukoll il-linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tawtorizza l-għajnuna biex jinħolqu l-impjiegi (18). Dawn iż-żewġ testi jeħtieġu żieda netta fin-numru ta’ postijiet tax-xogħol u jużaw valuri medji għall-finijiet tal-kalkolu ta’ paragun.
47. Kif spjegajt, il-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żewġ metodi alternattivi biex jiġi kkalkolat il-koeffiċjent tal-“ħolqien tal-impjiegi”: dak li qed tiddefendi Lodato, li jipparaguna l-medja tal-AWU tas-sena ta’ qabel ma ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda li wassal għall-kisba tal-għajnuna u l-medja tal-AWU tas-sena ta’ wara ma ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda, u l-metodu ssuġġerit mill-INPS Taljan, li jipparaguna l-medja tal-AWU tas-sena ta’ qabel u n-numru konkret ta’ ħaddiema tal-impriża fid-data meta ddaħħal il-ħaddiem li minħabba fih ngħata t-tnaqqis.
1. Il-linji gwida, ir-regolamenti ta’ eżenzjoni u l-loġika matematika jixhdu favur il-metodu li qed tiddefendi Lodato
48. Analiżi fil-qosor tal-linji gwida turi l-karattru inadegwat tal-formula użata mill-INPS.
49. Il-punt 17 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol jindika li ż-żieda netta tirriżulta meta jinkiseb “għall-inqas post tax-xogħol addizzjonali meta pparagunat man-numru ta’ impjegati (ikkalkulat bħala medja tul ċertu perijodu) tal-impriża inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
50. B’mod iktar preċiż, il-linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali jipprovdu li l-medja għandha tiġi kkalkolata fuq bażi annwali, fejn jintroduċu l-kunċett ta’ “numru ta’ [ħaddiema] annwali” (AWU), li jikkorrispondi għan-numru ta’ impjegati full-time preżenti f’sena, fejn “[ix-xogħol] part-time u [x-]xogħol temporanju [staġunali] huma frazzjoni tal-AWU” (nota ta’qiegħ il-paġna Nru 33).
51. Il-punt 4.12 ta’ dawn il-linji gwida jipprovdi espressament li l-ħolqien tal-impjiegi jfisser “tkabbir nett fin-numru ta’ impiegi [...] fi stabbiliment partikolari meta mqabbel mal-medja fuq tul ta’ żmien [f’perijodu ta’ referenza]”. Għaldaqstant l-“[i]mpjiegi mitlufin waqt dak il-perjodu għandhom jiġu mnaqqsa min-numru apparenti ta’ impjiegi kreati fl-istess perjodu”.
52. Il-kalkolu jidher li huwa sempliċi: biex tiġi evalwata ż-żieda eventwali fl-impjiegi, huwa biżżejjed li min-numru totali tal-ħaddiema li ġew impjegati “[f’perijodu ta’ referenza]” jitnaqqas in-numru ta’ impjiegi mitlufa fl-istess perijodu. Iżda l-istess linji gwida tal-1998 iwasslu sabiex dan il-kalkolu jsir għal-medja annwali (AWU) li tinkludi wkoll, bħala frazzjonijiet, lill-ħaddiema part‑time u l-ħaddiema staġunali. Din l-isfumatura tikkomplika l-kalkoli peress li l-loġika matematika stretta timponi li kull tnaqqis isir abbażi ta’ żewġ numri omoġenji: f’dan il-każ, b’referiment għal intervalli ta’ żmien simmetriċi u ta’ tul ta’ żmien identiku. Fin-nuqqas, ikun hemm riżultat żbaljat, li bl-ebda mod ma jkun jirrifletti r-realtà.
53. Konsegwentement, kif osservat korrettament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha, il-linji gwida jipprovdu għal paragun bejn il-figuri li jirreferu għal żewġ perijodi suċċessivi: il-perijodu qabel ma ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda u l-perijodu ta’ wara din iċ-ċirkustanza, u għaldaqstant imur kontra l-ispirtu u l-għan ta’ dawn il-linji gwida, kif ukoll ikun matematikament assurd, jekk isir paragun bejn il-livell medju tal-ħaddiema f’perijodu partikolari u l-livell medju relatat ma’ data partikolari tal-kalendarju.
54. Ir-Regolament Nru 2204/2002, għalkemm mhux applikabbli ratione temporis għall-għajnuna inkwistjoni, jikkorrobora din id-deduzzjoni. L-Artikolu 4(4)(a) ta’ dan ir-regolament jikkjarifika l-problematika inkwistjoni f’dan il-każ, billi jippreċiża li “[i]x-xogħol maħluq għandu jirrappreżenta żieda netta fin-numru ta’ impjegati [...], imqabbel mal-medja matul l-aħ[ħ]ar 12-il xahar”. L-ewwel element tal-ekwazzjoni huwa l-medja tal-impjiegi matul is-sena preċedenti, liema numru, flimkien mal-użu tal-ULA (li huwa għal darb’oħra impost mill-Artikolu 2(e) tar-Regolament), jikkonferma l-idea li tgħid li, sabiex ikun ivverifikat jekk inħolqux impjiegi, għandhom jitqiesu żewġ medji annwali.
55. B’hekk, jekk fl-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament Nru 2204/2002 tiġi sostitwita l-espressjoni “numru ta’ impjegati” bit-terminu ekwivalenti (skont l-Artikolu 2) “in-numru annwali ta’ unitajiet tax-xogħol (AWU)”, it-test ma jagħti lok għall-ebda dubju: “[i]x-xogħol maħluq għandu jirrappreżenta żieda netta fin-numru ta’ impjegati [fis-sena] [...], imqabbel mal-medja matul l-aħ[ħ]ar 12-il xahar” (19).
56. Il-metodu ta’ kalkolu invokat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa konformi mar-regoli tal-matematika u mar-rieda tal-istituzzjonijiet Komunitarji, li dehret b’mod dejjem iktar ċar: l-ewwel, fil-linji gwida tal-Kummissjoni, u wara fir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ grupp.
2. Is-soluzzjoni tal-INPS tista’ tippenalizza lill-impriżi li għandhom attività staġunali.
57. Bla ħsara għal dak li ntqal iktar ’il fuq, jeżisti argument ieħor favur it-teżi ta’ Lodato, li tikkonċerna n-natura potenzjalment diskriminatorja tal-formula użata mill-INPS.
58. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza reċenti tagħha Nuova Agricast (20), il-proċedura skont l-Artikolu 88 KE qatt ma għandha twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiddikjara għajnuna mill-Istat li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, bħal dak tat-trattament ugwali, bħala kompatibbli mas-suq komuni.
59. Madankollu, ġurisprudenza stabbilita tikkonferma l-“kunċett Artistoteliku [klassiku] tad-diskriminazzjoni” (21), u b’hekk, ikun hemm ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali meta sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod (22). Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-differenzi humiex oġġettivament iġġustifikati.
60. Kif turi d-domanda preliminari li saret mill-qorti Taljana, il-paragun bejn il-medja tal-AWU tas-sena ta’ qabel ma ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda u n-numru ta’ ħaddiema preżenti fl-impriża f’data konkreta tippreġudika b’mod ċar lill-impriżi li, bħal Lodato, jeżerċitaw attivitajiet staġunali u b’hekk jilħqu quċċati li huma evidenti ħafna fil-livell tal-impjiegi tagħhom, li jikkorrispondu għall-perijodi fejn l-attivitajiet tagħhom ikunu iktar intensi. Permezz tal-mekkaniżmu ssuġġerit mill-awtoritajiet Taljani, il-waqt meta jiġu impjegati l-ħaddiema l-ġodda huwa kważi mingħajr importanza għal impriża li żżomm livell ta’ ħaddiema kważi kostanti matul is-sena; iżda għal kumpannija li n-numru ta’ ħaddiema tagħha jvarja ferm minn xahar għall-ieħor, il-possibbiltà li tibbenefika mill-għajnuna inkwistjoni tonqos ħafna jekk l-impjieg ta’ ħaddiem ġdid iseħħ f’jum meta n-numru tal-impjegati jkun inqas mill-medja tas-sena ta’ qabel (liema ħaġa hija komuni fix-xhur fejn ma hemmx ħafna attività).
61. Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-Gvern Taljan isostni li dan il-limitu fl-aċcess għat-tnaqqis ikkontestat għall-impriżi li jagħmlu użu minn ħaddiema staġunali huwa koerenti mar-ratio tal-iskema ta’ għajnuna, peress li kemm l-awtorizzazzjoni li ngħatat mill-Kummissjoni kif ukoll ir-Regolament Nru 2204/2002 jirrigwardaw biss ix-xogħol stabbli.
62. Jien ma naqbilx ma’ din l-opinjoni. Fil-fehma tiegħi, il-prattika tal-INPS twassal għal trattament mhux ugwali li jmur kontra l-għan tal-għajnuna għax-xogħol u tista’ tostakola l-għan ta’ inkoraġġament tal-iżvilupp ekonomiku mfittex minn din l-għajnuna.
63. Kif jista’ jiġi dedott mir-Regolament Nru 2204/2002, din it-tip ta’ għajnuna mill-Istat hija intiża sabiex tiffavorixxi x-xogħol fi ħdan il-politika ekonomika u soċjali tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha. Abbażi tal-Artikolu 87(3) KE, ir-Regolament jiġġustifika li l-awtoritajiet pubbliċi jadottaw “miżuri li jipprovdu inċentivi lill-[impriżi] biex iżidu l-livelli tagħhom ta’ xogħol” (il-premessa 5), u b’hekk l-ekonomija tingħata ħajja ġdida bl-istimolu tal-fattur tax-xogħol.
64. Sabiex tiġi evalwata l-leġittimità tat-trattament sfavorevoli fil-konfront tal-persunal staġunali, għandu jiġi stabbilit jekk din l-għajnuna għandhiex l-għan li tippromwovi kull tip ta’ impjieg (f’liema każ ma jkunx korrett li l-impriżi li jagħmlu użu minn ħaddiema staġunali jiġu esklużi) jew għax-xogħol permanenti biss. Il-Gvern Taljan jiddefendi din l-aħħar idea, billi jinvoka l-Artikolu 4(4)(b) tar-Regolament Nru 2204/2002, li jgħid li, sabiex it-tnaqqis ikun possibbli, l-impjiegi maħluqa għandhom jinżammu għal perijodu minimu ta’ tliet snin, jew ta’ sentejn fil-każ tal-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.
65. Madankollu, inqis li din iċ-ċirkustanza mhix determinanti. L-istituzzjonijiet Komunitarji dejjem issuġġettaw l-għotja ta’ għajnuna għall-ħolqien ta’ impjiegi għall-kundizzjoni li l-impjiegi l-ġodda jinżammu għal ċertu perijodu ta’ żmien. Il-punt 21 tal-linji gwida tal-1995 jirreferi għall-obbligu li “l-impjieg l-ġdid għandu jinżamm għal perijodu minimu ta’ żmien wara l-ħolqien tiegħu”; u l-punt 4.14 tal-linji gwida tal-1998 jeħtieġ, b’iktar preċiżjoni, li dawn l-impjiegi jinżammu għal ħames snin (23).
66. F’kull każ, Lodato setgħet biss tibbenefika b’mod validu mit-tnaqqis bil-kundizzjoni li tipprova li l-ħaddiema l-ġodda kienu se jżommu posthom għal perijodu minimu (fil-każ tal-għajnuna nazzjonali reġjonali, ħames snin). Huma biss dawn l-impjiegi permanenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu taż-żieda netta fil-ħaddiema, li hija kundizzjoni sine qua non biex tingħata l-għajnuna.
67. Kull impjieg ġdid, ikun ta’ liema xorta jkun, jagħti kontribut biex jittejjeb it-tkabbir, bil-kundizzjoni li jkollu ċertu stabbiltà u jippermetti li jiġi evalwat il-valur ta’ titjib li jirrappreżenta. Dan jirriżulta mit-tielet inċiż tal-punt 21 tal-linji gwida tal-1995, fejn il-Kummissjoni turi l-ħsieb li tiffavorixxi l-kuntratti għal perijodu mhux definit, iżda anki l-kuntratti konklużi għal perijodu ta’ żmien pjuttost twil u dawk li jinkludu l-obbligu li l-impjieg jinżamm għal perijodu minimu, liema kundizzjonijiet jiggarantixxu l-istabbiltà tal-impjieg il-ġdid.
68. Xi drabi, kumpannija ma tkunx tista’ tevita li tagħmel użu minn xogħol staġunali. Dan huwa dak li jiġri f’bosta ażjendi agrikoli u f’impriżi oħrajn li joperaw fis-settur agroalimentari (bħall-impriżi li jipproduċu l-priservijiet), u anki f’ċerti impriżi li joperaw fis-settur turistiku, fejn ta’ spiss l-istess persuni jiġu impjegati sena wara l-oħra sakemm idum l-istaġun tal-ikbar attività. Ma jidhirx li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-ħsieb li jippenalizza lill-impriżi ta’ din ix-xorta, li huma l-mutur tal-progress ekonomiku ta’ ħafna mill-Istati Membri, billi jeskludihom mill-għajnuna għax-xogħol (24).
69. Konsegwentement, xejn ma jipprekludi li x-xogħol staġunali jibbenefika mit-tnaqqis, bil-kundizzjoni li tintwera l-kontinwità tiegħu u jekk jingħadd bħala frazzjoni tal-AWU.
70. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-linji gwida jipprovdu regoli suffiċjenti biex jiggarantixxu evalwazzjoni adegwata tal-impjieg maħluq mill-kumpannija rikorrenti u li l-metodu ta’ kalkolu ssuġġerit mill-awtoritajiet Taljani joħloq distorsjoni tal-funzjonament tajjeb tal-imsemmi mekkaniżmu.
71. Dan l-argument juri wkoll in-nuqqas ta’ rilevanza, li ssemma iktar ‘il fuq, tal-livell ta’ impjiegi fid-data meta ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda, peress li l-għan mhuwiex li jiġi vverifikat jekk f’dik id-data eżatta n-numru ta’ ħaddiema fl-impriża kienx ikbar mill-medja tas-sena ta’ qabel, iżda li jiġi vverifikat jekk is-sistema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tippermettix lill-impriża kkonċernata li żżid il-livell ta’ ħaddiema tagħha, li jikkostitwixxi valur li, fl-ewwel lok, jiġi evalwat kull sena, u li, fit-tieni lok, jinkludi mhux biss lill-ħaddiema fissi u full‑time, iżda anki (fil-proporzjon korrispondenti) lill-ħaddiema fissi li ma jaħdmux għal perijodi kontinwi, lil dawk staġunali u lill-ħaddiema part‑time.
VI – Konklużjoni
72. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari mressqa mit-Tribunale di Nocera Inferiore b’dan il-mod:
“Il-leġiżlazzjoni Komunitarja, kif stabbilita mil-linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol, mil-linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2002, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar għajnuna mill-Istat għax-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi vverifikat jekk kienx hemm żieda fin-numru ta’ postijiet tax-xogħol, għandu jsir paragun bejn il-medja tal-AWU tas-sena ta’ qabel ma ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda u l-medja tal-AWU tas-sena ta’ wara.”
1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 95/C 334/04 (ĠU C 334, p. 4).
3 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 74/06 (ĠU C 74, p. 9).
4 – Regolament tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Diċembru 2002, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar għajnuna mill-Istat għax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 273).
5 – Regolament tas-7 ta’ Mejju 1998, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312).
6 – Regolament tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 141).
7 – Suppliment ordinarju għall-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 1998.
8 – Suppliment ordinarju għall-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana Nru. 332, tad-29 ta’ Diċembru 2001.
9 – Normalment minn Lulju sa Ottubru.
10 – Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1989 (C‑322/88, Ġabra p. 4407, punti 8 u 18).
11 – Is-sentenza Grimaldi kienet tirrigwarda rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li ma kienet tinkludi l-ebda referenza għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi oħrajn li jkunu applikabbli wkoll, kif kien ġara f‘ċerti kawżi preċedenti bħal dawk deċiżi bis-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1976, Frecassetti vs Amministrazione delle Finanze dello Stato (113/75, Ġabra p. 983) u tad-9 ta’ Ġunju 1977, Van Ameyde vs UCI (90/76, Ġabra p. 1091). Minkejja l-opinjonijiet kuntrarji ta’ parti mid-duttrina (pereżempju, L. Senden, Soft law in European Community Law, Oxford-Portland, 2004, p. 391), ma hemm l-ebda diffikultà serja biex din il-ġurisprudenza tiġi estiża għal tipi oħrajn ta’ atti ta’ soft law, bħal-linji gwida.
12 – Rigward l-obbligu li “jitqiesu” l-atti tas-soft law Komunitarja u li tkun rispettata l-interpretazzjoni konformi tagħha, ara R. Alonso García, El soft law comunitario, Revista de Administración Pública Nru. 154, Jannar-April 2001; u D. Sarmiento, El soft law administrativo, Ed. Thomson-Civitas, Madrid, 2008, p. 86.
13 – Sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, Ġabra p. I-1125, punti 34 u 36); tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑288/96, Ġabra p. I-8237, punt 62); tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑310/99, Ġabra p. I-2289, punt 52); u tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑387/97, Ġabra p. I-5047, punti 87 u 89).
14 – Sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri A/S et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/28 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 211); tal-10 ta’ Diċembru 1987, Del Plato et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda 181/86 sa 184/86, Ġabra p. 4991, punt 10); tad-9 ta’ Ottubru 1984, Adam et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda 80/81 sa 83/81 u 182/82 sa 185/82, Ġabra p. 3411, punt 22); u tal-15 ta’ Jannar 2002, Liberós vs Il‑Kummissjoni (C‑171/00 P, Ġabra p. I-451, punt 35).
15 – Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia (126/80, Ġabra p. 1563, punt 6); tat-28 ta’ Novembru 1991, Durighello (C‑186/90, Ġabra p. I‑5773, punt 9); tas-16 ta’ Lulju 1992, Lourenço Dias (C‑343/90, Ġabra p. I‑4673, punt 18); tas-17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries (C‑18/93, Ġabra I‑1783, punt 14); tat-13 ta’ Diċembru 1994, Grau-Hupka (C‑297/93, Ġabra I‑5535, punt 19); tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, Ġabra I‑4921, punt 61); tad-9 ta’ Ottubru 1997, Grado u Bashir (C‑291/96, Ġabra I‑5531, punt 12); u tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal Tourisme (C‑36/99, Ġabra p. I‑6049, punt 20).
16 – Sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑75/97, Ġabra p. I‑3671, punt 47); tal-5 ta’ Ottubru 1999, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑251/97, Ġabra p. I-6639, punt 35); tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport (C‑256/97, Ġabra p. I-3913, punt 19); tas-26 ta’ Settembru 1996, Kimberly Clark (C‑241/94, Ġabra p. I-4551, punt 34); tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España (C‑387/92, Ġabra p. I-877, punt 13); u tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja (30/59, Ġabra p. 91).
17 – Sentenzi Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48; Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37; Kimberly Clark, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21); u tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni (173/73, Ġabra p. 709, punti 28 u 33).
18 – Hemm differenza peress li l-linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali, li huma riżervati għal zoni speċifiċi u għall-iżvilupp tagħhom, jeħtieġu wkoll li l-impjiegi maħluqa jkunu marbuta ma’ investiment inizjali.
19 – Ir-Regolament Nru 70/2001 jimxi fuq l-istess linja, u jirreferi wkoll għall-AWU u għall-paragun “mal-medja matul it-tnax-il xahar ta’ qabel” (l-Artikolu 2(ġ) u l-Artikolu 4(6)(b)).
20 – Sentenza tal-15 ta’ April 2008 (C‑390/06, Ġabra p. I‑2577). F’dan is-sens, ara s-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2001, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, (C‑204/97, Ġabra p. I-3175, punt 41); u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, (C‑456/00, Ġabra p. I‑11949, punt 30).
21 – P. Craig, EU Administrative Law, Oxford University Press, 2006, p. 579.
22 – Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1959, Société des fonderies de Pont-à-Mousson vs L‑Awtorità Għolja (14/59, Ġabra p. 445).
23 – Ir-Reglament Nru 2204/2002 anulla din ir-regola tal-ħames snin, u naqqasha għal tliet snin jew għal sentejn fil-każ tal-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju [it-18-il premessa u l-Artikolu 4(4)(b)].
24 – L-għajnuna għax-xogħol hija strument fundamentali fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, fenomenu ferm mifrux f’setturi staġunali. Ara, f’dan is-sens, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol mhux iddikjarat [COM(98)-219 finali].
Full & Egal Universal Law Academy