KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fit-2 ta’ April 2009 1(1)
Kawża C‑416/07
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Ellenika
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 226 KE – Direttiva 91/628 – Regolament Nru 1/2005 – Protezzjoni tal-annimali matul it-trasport – Identifikazzjoni u awtorizzazzjoni tat-trasportaturi – Verifika tal-pjanti tar-rotta – Postijiet ta’ waqfien fil-portijiet – Kontroll fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali – Garanzija tal-applikazzjoni ta’ pieni fil-każ ta’ ksur ripetut – Direttiva 93/119 – Protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir – Sturdament tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir – Spezzjonijiet u sorveljanza tal-biċċeriji”
Werrej
I – Introduzzjoni
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport
1. Id-Direttiva 91/628
2. Ir-Regolament Nru 1/2005
B – Protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir
III – Il-proċedura prekontenzjuża u r-rikors tal-Kummissjoni
1. tiddikjara li billi r-Repubblika Ellenika naqset milli tieħu l-miżuri neċessarji:
2. 2. tiddikjara li peress li r-Reppublika Ellenika naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa:
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
V – L-evalwazzjoni tal-Avukat Ġenerali
A – Introduzzjoni
B – Evalwazzjoni tal-motivi tar-rikors li jirreferu għall-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport
1. Evalwazzjoni preliminari dwar l-ammissibbiltà
2. Fuq il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-identifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni tat-trasportaturi
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Ammissibbiltà
i) Identifikazzjoni tat-trasportaturi
ii) L-awtorizzazzjonijiet tat-trasportaturi
c) Evalwazzjoni ġuridika
i) Identifikazzjoni tat-trasportaturi
ii) Awtorizzazzjoni tat-trasportaturi
d) Riżultat tal-evalwazzjoni
3. Fuq il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-verifika tal-pjanti tar-rotta
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Ammissibbiltà
c) Evalwazzjoni ġuridika
d) Riżultat tal-evalwazzjoni
4. Fuq il-motiv tar-rikors li jirreferi għan-nuqqas ta’ postijiet ta’ waqfien fil-portijiet
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Ammissibbiltà
c) Evalwazzjoni ġuridika
d) Riżultat tal-evalwazzjoni
5. Fuq il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-kontroll inadegwat fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Ammissibbiltà
c) Evalwazzjoni ġuridika
d) Riżultat tal-evalwazzjoni
6. Fuq il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-insuffiċjenza tal-pieni imposti f’każ ta’ ksur ripetut tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-annimali
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Ammissibbiltà
c) Evalwazzjoni ġuridika
d) Riżultat tal-evalwazzjoni
7. Riżultat tal-evalwazzjoni tal-motivi tar-rikors li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport
C – Evalwazzjoni tal-motivi tar-rikors li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir
1. Introduzzjoni
2. Fuq il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-isturdament tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Evalwazzjoni ġuridika
c) Riżultat tal-evalwazzjoni
3. Fuq il-motiv tar-rikors li jirrigwarda t-twettiq tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli meħtieġa fil-biċċeriji
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Evalwazzjoni ġuridika
c) Riżultat tal-evalwazzjoni
4. Riżultat tal-evalwazzjoni tal-motivi tar-rikors li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir
D – Fuq l-ispejjeż
VI – Konklużjonijiet
I – Introduzzjoni
1. Permezz ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex f’din il-kawża tiddikjara li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq sensiela ta’ obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-settur tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u fil-ħin tat-tbiċċir, u b’mod iktar preċiż, mid-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 91/425/KEE u 91/496/KEE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/628”) (2), mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/2005”) (3) kif ukoll mid-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1993, dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/119”) (4).
2. Il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq sensiela ta’ obbligi relatati mal-awtorizzazzjonijiet għat-trasport tal-annimali, mal-kontrolli fuq il-pjanti tar-rotta, mal-istabbiliment ta’ postijiet ta’ waqfien għall-annimali fil-portijiet, mal-kontrolli fuq il-mezzi tat-trasport u tal-annimali u mal-applikazzjoni ta’ pieni effettivi fil-każ ta’ ksur ripetut tal-liġi, irregolaritajiet varji li jirrigwardaw l-isturdament tal-annimali matul it-tbiċċir, kif ukoll l-assenza ta’ spezzjonijiet u sorveljanza meħtieġa fil-biċċeriji. Il-Kummissjoni ġġib prova ta’ dawn in-nuqqasijiet billi tirreferi għall-konstatazzjonijiet li saru mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tad-Direttorat ġenerali tas-saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem l-“UAV”) fil-kuntest tal-missjonijiet imwettqa minnu fir-Repubblika Ellenika fis-snin mill-2002 sal-2006.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport
3. Fil-kuntest Komunitarju, il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport hija rregolata mid-Direttiva 91/628, li ġiet imħassra mir-Regolament Nru 1/2005 tal-5 ta’ Jannar 2007.
1. Id-Direttiva 91/628
4. L-Artikolu 5(A)(1) u (2) tad-Direttiva 91/628 jipprovdi dan li ġej:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
1. kull trasportatur:
(a) huwa:
(i) reġistrat b’mod li jgħin lill-awtorità kompetenti tidentifika lill-persuna malajr fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti ta’ din id-Direttiva;
(ii) koperta minn awtorizzazzjoni valida għat-trasport kollu ta’ l-annimali bis-sinsla (vertebrati) li jitwettaq f’wieħed mit-territorji li għalihom issir referenza fl-Anness I tad-Direttiva 90/675/KEE, mogħtija mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment jew, jekk impriża stabbilita f’pajjiż terz hija involuta, minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni, bla ħsara għal impenn bil-miktub mill-persuna responsabbli għat-trasport li tintrabat li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità fis-seħħ.
[...]
2. it-trasportatur:
[...]
(b) għall-annimali li għalihom issir referenza fl-Artikolu 1(1)(a) li sejrin jiġu negozjati bejn Stati Membri jew esportati lil pajjiżi terzi, u f’każijiet meta l-ħin tal-vjaġġ jeċċedi tmien sigħat, ifassal pjanta tar-rotta bi qbil mal-kampjun fil-Kapitolu VIII ta’ l-Anness, li għandu jiġi mehmuż maċ-ċertifikat tas-saħħa matul il-vjaġġ, u anke jindika [l-eventwali] post[ijiet] ta’ waqfien u [ta’] trasferiment.
[...]
(d) jiżgura:
(i) li l-kopja oriġinali tal-pjanta tar-rotta li għaliha ssir referenza f’(b)
— hija mfassla kif suppost u mimlija mill-persuni approprjati fiż-żmien xieraq,
— hija mehmuża maċ-ċertifikat tas-saħħa li jintbagħat mal-kunsinna matul il-vjaġġ [kollu];
[...]”
5. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, bi qbil mal-prinċipji u r-regoli ta’ kontroll stabbiliti fid-Direttiva 90/425/KEE, l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva ġew mħarsa, billi jwettqu spezzjonijiet mhux diskriminatorji dwar:
(a) il-mezzi ta’ trasport u l-annimali matul it-trasport bit-triq;
(b) il-mezzi ta’ trasport u l-annimali li jaslu fil-post tad-destinazzjoni tagħhom;
(ċ) il-mezzi ta’ trasport u l-annimali fi swieq, f’postijiet ta’ tluq, f’punti ta’ waqfien u f’postijiet ta’ trasferiment;
(d) id-dettalji fuq id-dokumenti li jintbagħtu magħhom.
Dawn l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu fuq kampjun adegwat ta’ annimali trasportati kull sena f’kull Stat Membru, u jista’ jitwettaq fl-istess ħin bħall-kontrolli għal skopijiet oħrajn.
L-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru għandha tissottometti lill-Kummissjoni rapport annwali li jiddikjara n-numru ta’ spezzjonijiet mwettqa fis-sena kalendarja preċedenti għar-rigward ta’ kull wieħed mill-punti (a), (b), (ċ) u (d) u inklużi d-dettalji ta’ kull ksur ta’ liġi rapportat u l-azzjoni meħuda b’riżultat ta’ dan mill-awtorità kompetenti.
Barra minn hekk, meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jkollha informazzjoni li jwassalha biex tissuspetta li sar xi ksur ta’ liġi, jistgħu jitwettqu wkoll spezzjonijiet matul it-trasport ta’ l-annimali fuq it-territorju tagħha.
L-Artikolu m’għandux jaffettwa l-ispezzjonijiet imwettqa bħala parti mix-xogħlijiet mwettqa f’manjera mhux diskriminatorja minn awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni ġenerali tal-liġijiet fi Stat Membru.”
6. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628 jiddisponi:
“1. Jekk jinstab matul it-trasport li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jkunux ġew imħarsa jew ma jkunx hemm konformità magħhom, l-awtorità kompetenti tal-lokal li fih issir dik is-sejba, għandha teħtieġ li l-persuna inkarigata mill-meżżi tat-trasport, [...] tieħu kull azzjoni li l-awtorità kompetenti tqis li jkunu meħtieġa sabiex ikun issalvagwardat il-ġid ta’ l-annimali kkonċernati.
Jiddependi miċ-ċirkostanzi ta’ kull każ, dik l-azzjoni tista’ tinkludi:
(a) [li jitwaqqaf il-]vjaġġ jew li l-annimali jintbgħatu lura lejn il-post tat-tluq tagħhom b’rotta l-aktar diretta, basta li din l-azzjoni ma toħloqx tbatija żejda għall-annimali;
(b) arranġamenti biex l-annimali jinżammu f’akkommodazzjoni addattata bil-kura approprjata sakemm tissolva l-problema;
(ċ) arranġamenti għall-qtil mingħajr tbatija ta’ l-annimali. Id-destinazzjoni u l-użu tal-karkassi ta’ dawn l-annimali għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 64/433/KEE.
Kull miżura meħuda skont it-tieni sotto-paragrafu għandha tiġi mgħarrfa mill-awtorità kompetenti permezz tan-network Animo bi qbil mal-proċeduri, inklużi l-proċeduri finanzjarji, li jridu jiġu stabbiliti bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.
2. Jekk il-persuna inkarigata mill-mezzi tat-trasport tonqos li tkun konformi mal-istruzzjonijiet ta’ l-awtorità kompetenti, din tal-aħħar għandha minnufih iġġiegħel l-miżuri f’dak il-każ ikunu mwettqa u għandha tiġbor lura n-nefqa ta’ dawk il-miżuri b’manjera xieraq.
3. Id-drittijiet tal-appell eżistenti permezz tal-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri kontra d-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti m’għandhomx ikunu affettwati minn din id-Direttiva.
Id-[d]eċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u r-raġunijiet għal dawk id-deċiżjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lejn il-konsenjatur jew lejn ir-rappreżentant tiegħu u lejn l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ dispaċċ.
Jekk il-kunsinnatarju jew ir-rappreżentant tiegħu hekk jitlob, l-imsemmija deċiżjonijiet u raġunijiet għandhom jintbagħtu lilu bil-miktub bid-dettalji tad-drittijiet ta’ l-appell li huma disponibbli għalih permezz tal-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u bil-proċedura u l-limiti ta’ żmien applikabbli.
Madankollu, fil-każ ta’ xi kwistjoni, iż-żewġ partijiet ikkonċernati jistgħu, jekk hekk jiftiehmu, f’perijodu massimu ta’ xahar, jibgħatu l-kwistjoni għal studju minn espert li ismu jidher fuq il-lista ta’ esperti tal-Komunità li għandha tkun imħejjija mill-Kummissjoni.
Dawk l-esperti għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom f’mhux aktar minn 72 siegħa. Il-partijiet għandhom joqgħodu fuq l-opinjoni tal-espert, waqt li jingħata akkont tal-leġiżlazzjoni veterin[a]rja tal-Komunità.”
7. L-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628 jiddisponi:
“Fil-każ ta’ ksur ripetut ta’ din id-Direttiva jew ksur li tinvolvi tbatija serja għall-animali, Stat Membru għandu, mingħajr preġudizzju għal xi penali oħra provduti, jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedja n-nuqqasijiet innutati, sa u inkluża s-sospensjoni jew anki l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 5A(1)(a)(ii).
L-Istati Membri għandhom, meta jittrasponu d-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jistabbilixxu l-miżuri li huma sejrin jieħdu biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet osservati.”
8. Il-Kapitolu VII tal-Anness mad-Direttiva 91/628 jipprovdi dan li ġej:
“1. Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu jgħoddu għall-movimenti tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fl-Artikolu 1(1)(a), minbarra fil-każ ta’ trasport bl-ajru, li r-rekwiżiti tiegħu huma stabbiliti fil-Kapitolu I(E), punti 27 sa 29.
2. Il-ħinijiet tal-vjaġġ għall-annimali li jappartjenu għall-ispeċi li għalihom issir referenza fil-punt 1 m’għandhomx jeċċedu t-tmien sigħat.
3. Il-ħin ta’ vjaġġ massimu fil-punt 2 jista’ jiġi estiż meta l-vettura tat-trasport tissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali li ġejjin:
— ikun hemm saqqijiet biżżejjed fl-art tal-vettura,
— il-vettura tat-trasport iġġorr għalf xieraq għall-ispeċi ta’ annimal trasportat u għall-ħin tal-vjaġġ,
— hemm aċċess dirett għall-annimali,
— ventilazzjoni adegwata hija possibbli u din tista’ tiġi aġġustata skont it-temperatura (ta’ ġewwa u ta’ barra),
— hemm panewwijiet mobbli biex jinħolqu kompartamenti separati,
— il-vetturi huma armati għal konnessjoni ma’ provvista ta’ l-ilma meta jkunu wiefqa,
— fil-każ ta’ vetturi għat-trasport tal-ħnieżer, irid jinġarr ilma suffiċjenti għat-tisqija matul il-vjaġġ.
4. L-intervalli ta’ tmigħ u tat-tisqija, il-ħinijet tal-vjaġġ u l-perjodi ta’ mistrieħ meta jintużaw l-vetturi tat-triq li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 3 huma definiti kif ġej:
(a) Għoġiela, ħrief, gidien u moħor mhux miftuma li għadhom fuq dieta ta’ ħalib u frieħ tal-ħanżir mhux miftuma jridu, wara disa’ sigħat ta’ vjaġġ, jingħataw perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa li tkun biżżejjed għalihom b’mod partikolari biex jingħataw likwidu u jekk ikun meħtieġ għalf. Wara dan il-perijodu ta’ mistrieħ, jistgħu jiġu trasportati għal disa’ sigħat oħra.
(b) Il-ħnieżer jistgħu jiġu trasportati għal perijodu massimu ta’ 24 siegħa. Matul il-vjaġġ, irid ikollhom aċċess kontinwu għall-ilma.
(ċ) Solidungulates domestiċi (minbarra equidae reġistrati fit-tifsira tad-Direttiva 90/426/KEE jistgħu jiġu trasportati għal perijodu massimu ta’ 24 siegħa. Matul il-vjaġġ iridu jingħataw likwidi u jekk ikun meħtieġ għalf kull tmien sigħat.
(d) L-annimali l-oħra kollha ta’ l-ispeċi li għalihom issir referenza fil-punt 1 iridu, wara 14-il siegħa ta’ vjaġġ, jingħataw perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa li tkun biżżejjed għalihom b’mod partikolari sabiex jingħataw likwidu u jekk ikun meħtieġ għalf. Wara dan il-perijodu ta’ mistrieħ, jistgħu jiġu trasportati għal 14-il siegħa oħra.
[...]
7. (a) L-annimali m’għandhomx jiġu trasportati permezz tal-baħar jekk il-ħin tal-vjaġġ massimu jeċċedi dak stabbilit fil-punt 2, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 3 u 4, minbarra l-ħinijiet tal-vjaġġ u l-perijodu ta’ mistrieħ, jintlaħqu.
(b) Fil-każ ta’ trasport bil-baħar b’rabta regolari u diretta bejn iż-żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, dawn ta’ l-aħħar iridu jingħataw mistrieħ għal 12-il siegħa wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tagħha sakemm il-ħin tal-vjaġġ bil-baħar huwa tali li l-vjaġġ jista’ jiġi inkluż fl-iskema ġenerali tal-punti 2 sa 4.”
2. Ir-Regolament Nru 1/2005
9. L-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1/2005 jipprovdi kif ġej:
“Għal vjaġġi twal bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi għal Equidae domestiċi barra minn Equidae reġistrati u annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina jew suwina, it-trasportaturi u organizzaturi għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar ir-ktieb tal-vjaġġ stabbiliti fl-Anness II.”
10. L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1/2005 jipprovdi dan li ġej:
“1. L-ebda persuna m’għandha tagħmilha ta’ trasportatur jekk m’għandhiex awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 10(1) jew għal vjaġġi twal, l-Artikolu 11(1). Kopja ta’ l-awtorizzazzjoni għandha tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti meta l-annimali huma trasportati.”
11. Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1/2005:
“L-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjonijiet lit-trasportatur jekk:
(a) l-applikanti jkunu stabbiliti, jew fil-każ ta’ applikanti stabbiliti f’pajjiż terz, huma rappreżentati, fl-Stat Membru fejn huma japplikaw għall-awtorizzazzjoni;
(b) l-applikanti urew li għandhom persunal suffiċjenti u xieraq, apparat u proċeduri operazzjonali għad-dispożizzjoni tagħhom li twassalhom sabiex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament, inkluż fejn jixraq Gwidi ta’ Prattika Tajba;
(ċ) l-applikanti jew ir-rappreżentanti tagħhom m’għandhomx rekord ta’ ksur serju tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u/jew leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-annimali fit-tlett snin ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika fejn l-applikant juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li ħa kull miżuri neċessarji sabiex jippreveni aktar ksur.”
12. L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2005 jipprovdi dan li ġej:
“L-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjonijiet lit-trasportatur li jagħmel vjaġġi twal fuq applikazzjoni, jekk:
(a) dawn jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(1);
(b) l-applikanti ppreżentaw id-dokumenti li ġejjin:
(i) ċertifikati validi ta’ kompetenza [professjonali] għal xufiera u akkompanjaturi kif inhu pprovdut fl-Artikolu 17(2) għax-xufiera kollha u akkompanjaturi li jagħmlu vjaġġi twal;
(ii) ċertifikati validi ta’ approvazzjoni kif inhu pprovdut fl-Artikolu 18(2) għall-mezzi tat-trasport bit-triq kollha li jintużaw għal vjaġġi twal;
(iii) dettalji tal-proċeduri li jwasslu lit-trasportatur sabiex jittraċċa u jirrikordja l-movimenti ta’ vetturi tat-triq taħt ir-responsabbilità tagħhom u sabiex jikkuntattjaw ix-xufiera konċernati f’kull ħin matul vjaġġi twal;
(iv) pjanijiet ta’ kontinġenza fil-każ ta’ emerġenzi.”
13. Skont l-Artikolu 13(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2005:
“3. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra awtorizzazzjonijiet kif inhu pprovdut dwar dan fl-Artikolu 10(1) jew l-Artikolu 11(1) b’mod li twassal lill-awtorità kompetenti sabiex tidentifika malajr lit-trasportatur, b’mod partikolari f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-ħteġiet ta’ dan ir-Regolament.
4. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra awtorizzazzjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 11(1) f’database elettronika. Isem it-trasportatur u n-numru tal-awtorizzazzjoni għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku matul il-perijodu ta’ validità ta’ l-awtorizzazzjoni. Soġġett għal regoli Komunitarji u/jew nazzjonali rigward il-protezzjoni tal-privatezza, l-aċċess pubbliku għal data oħra rig[w]ard l-awtorizzazzjonijiet ta’ trasportatur għandhom jingħataw mill-Istati Membri. Id-database għandha tinkludi wkoll deċiżjonijiet notifikati taħt l-Artikolu 26(4)(ċ) u l-Artikolu 26(6)”.
14. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2005 jipprovdi dan li ġej:
“L-awtorità kompetenti għandha tagħmel f’kull stadju ta’ vjaġġ twil spezzjonijiet xierqa fuq bażi bla sekwenza jew [immirati sabiex jivverifikaw] li l-ħin[ijiet iddikjarati] tal-vjaġġi huma realistiċi u li l-vjaġġ jikkonforma ma’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari li l-ħinijiet tal-ivvjaġġar u l-perijodi tal-mistrieħ huma konformi mal-limiti stabbiliti fil-Kapitolu V ta’ l-Anness I.”
15. L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2005 intitolat “Pieni” jipprovdi dan li ġej:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jassiguraw li jiġu implimentati. Il-pieni li huwa pprovdut dwarhom għandhom ikunu effettivi, proprozjonati u ta’ tip diżważiv. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw b’dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll dwar id-dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 26, lill-Kummissjoni sal-5 ta’ Lulju 2006 l-aktar tard u għandhom jinnotifikawha bla dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffetwahom.”
16. L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1/2005, li jġib it-titolu “Ksur u notifika tal-ksur” jipprovdi:
“1. F’każ ta’ kull ksur ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri speċifiċi li huwa pprovdut dwarhom fil-paragrafi 2 sa 7.
2. Fejn l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li trasportatur ma osservax, jew mezz tat-trasport ma huwiex konformi ma’ dan ir-Regolament, għandha tinnotifika bla dewmien lill-awtorità kompetenti li tat l-awtorizzazzjoni lit-trasportatur jew iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-mezzi tat-trasport u, fejn ix-xufier huwa involut f’nuqqas milli josserva r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, [lil dik l-awtorità] li ħarġet iċ-ċertifikat ta’ kompetenza tax-xufier. Kull data rilevanti u dokumenti għandhom jakkompanjaw din in-notifika.
3. Fejn l-awtorità kompetenti ta’ post ta’ destinazzjoni ssib li vjaġġ sar bi ksur ta’ dan ir-Regolament, għandha tinnotifika bla dewmien l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq. Kull data rilevanti u dokumenti għandhom jakkompanjaw din in-notifika.
4. Fejn l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li trasportatur ma osservax, jew li mezz tat-trasport ma huwiex konformi ma’ dan ir-Regolament, jew fejn l-awtorità kompetenti tirċievi notifika kif inhu pprovdut fl-paragrafu (2) jew (3) għandha, jekk ikun xieraq:
(a) teħtieġ li[t-]trasportatur sabiex jirrimedja l-ksur u jistabbilixx[i] sistema sabiex jiġi evitat li dan jiġri mill-ġdid;
(b) li trasportatur jiġi soġġett għal spezzjonijiet addizzjoni, [li] b’mod partikolari jeħtieġu l-preżenza ta’ veterinarju [waqt it-tgħabija] ta’ l-annimali;
(ċ) li [tiġi sospiża jew revokata] l-awtorizzazzjoni ta’ trasportatur [...] jew iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-mezzi tat-trasport konċernati.
5. F’każ ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament minn xufier jew akkompanjatur li għandu ċertifikat ta’ kompetenza kif inhu pprovdut fl-Artikolu 17(2), l-awtorita kompetenti tista’ tissospendi jew tirrevoka ċ-ċertifikat ta’ kompetenza, b’mod partikolari jekk il-ksur juri li x-xufier jew l-akkompajatur għandu nuqqas ta’ għarfien jew kuxjenza dwar it-trasport tal-annimali in konformità ma’ dan ir-Regolament..
6. F’każ ta’ ksur repetut jew serju ta’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru jista’ jipprojbixxi b’mod temporanju lit-trasportatur jew mezzi tat-trasport konċernati għat-trasport tal-annimali fuq it-territorju tiegħu, anki jekk it-trasportatur jew il-mezzi tat-trasport huwa awtorizzat minn Stat Membru ieħor, pprovdut li l-possibiltajiet kollha ta’ għajnuna reċiproka u skambju ta’ informazzjoni kif inhu pprovdut fl-Artikolu 24 ikunu ġew eżawriti.
7. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-punti ta’ kuntatt kollha kif inhu pprovdut fl-Artikolu 24(2) huma notifikati bla dewmien b’kull deċiżjoni meħuda taħt il-paragrafu 4(ċ), jew il-paragrafi 5 jew 6 ta’ dan l-Artikolu”.
17. Skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2005:
“L-awtorità kompetenti għandha tikkontrolla li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ġew konformati, permezz ta’ spezzjonijiet tal-annimali mhux diskriminatorji, [tal-]mezzi tat-trasport u [tad-]dokumenti li jakkumpanjaw. Tali spezzjonijiet għandhom isiru fuq proporzjon adegwat tal-annimali ttrasportati kull sena f’kull Stat Membru, u jistgħu jsiru fl-istess ħin [ma’] spezzjonijiet għal skopijiet oħra. Il-proporzjon tal-ispezzjonijiet għandu jiżdied fejn ikun stabbilit li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kienu ġew injorati. Il-proprozjonijiet ta’ hawn fuq għandhom jiġu determinati mal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 31(2)”.
18. L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1/2005 jistabbilixxi dan li ġej:
“Id-Direttiva 91/628/KEE u r-Regolament (KE) Nru 411/98 għandhom jiġu revokati mill-5 ta’ Jannar 2007. Ir-referenzi għad-Direttiva u r-Regolament revokati għandhom ikunu kkunsidrati bħala referenzi għal dan ir-Regolament”.
19. Il-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 jipprovdi kif ġej:
“1.1 Ir-rekwiżiti stabbiliti f’din it-Taqsima japplikaw għall-moviment ta’ equidae domestiċi, ħlief equidae reġistrati, annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina u suwina, għajr f’każ ta’ trasport bl-ajru.
1.2 Il-ħin tal-vjaġġi għal annimali ta’ l-ispeċi msemmija f’punt 1.1. m’għandux jeċċedi tmien sigħat.
1.3 Il-ħin tal-vjaġġ massimu f’punt 1.2. jista’ jiġi estiż jekk ikunu sodisfatti r-rekwiżiti addizzjonali tal-Kapitoli VI.
1.4 L-intervalli ta’ l-ilma u l-ikel, il-ħin tal-vjaġġi u l-perijodi tal-mistrieħ meta jintużaw vetturi tat-triq li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 1.3. huma spjegati kif inhu ġej:
(a) Għoġġiela mhux miftuma, ħrief, gidien u moħor li jixorbu l-ħalib u qżieqeż żgħar mhux miftum għandhom, wara disa’ sigħat ta’ vjaġġar, jingħataw perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-anqas siegħa biżżejjed b’mod partikolari sabiex jingħatawlhom likwidi u ikel jekk hemm bżonn. Wara dan il-perijodu ta’ mistrieħ, jistgħu jiġu trasportati għal disa’ sigħat oħra.
(b) Qżieqeż jistgħu jiġu trasportati għal perijodu massimu ta’ 24 siegħa. Għandu jkollhom aċċess kontinwu għall-ilma matul il-vjaġġ.
(ċ) Equidae domestiċi jistgħu jiġu trasportati għal perijodu massimu ta’ [24] siegħa. Għandhom jingħataw likwidi u jekk hemm bżonn ikel kull tmien sigħat matul il-vjaġġ.
(d) l-annimali l-oħra kollha tal-ispeċi msemmija fil-punt 1.1. għandhom, wara 14 – il siegħa ta’ vjaġġar, jingħataw perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-anqas siegħa biżżejjed għalihom b’mod partikolari [sabiex] jingħataw likwidi u jekk hemm bżonn ikel. Wara dan il-perijodu ta’ mistrieħ, jistgħu jiġu trasportati għal 14 – il siegħa oħra.
[...]
1.7 (a) L-annimali m’għandhomx jiġu trasportati bil-baħar jekk il-ħin tal-vjaġġ massimu jeċċedi dak stabbilit fil-punt 1.2. jekk mhux f’każ li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’punti 1.3. u 1.4. barra mill-ħin tal-vjaġġi u l-perijodi ta’ mistrieħ, huma sodisfatti.
(b) F’każ ta’ trasport bil-baħar fuq konnessjoni regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi Komunitarji permezz ta’ mezzi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr il-ħatt tal-annimali, dawn għandhom jitħallew jistrieħu għal 12 – il siegħa wara l-ħatt fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanzi jekk mhux f’każ li l-ħin tal-vjaġġ bil-baħar huwa tali li l-vjaġġ jista’ jkun inkluż fl-iskema ġenerali tal-punti 1.2. sa 1.4.”
B – Protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir
20. Il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir hija rregolata bid-Direttiva 93/119.
21. Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/119:
“L-annimali għandhom jiġu meħlusa minn xi eċitament, uġigħ jew tbatija li jistgħu jiġu evitati waqt il-moviment, lairaging, żamma, stordament, tbiċċir jew qtil.”
22. L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 93/119 jiddisponi:
“Solipedi, ruminanti, ħnieżer, fniek u tjur miġjuba fil-biċċeriji għal tbiċċir għandhom ikunu:
[...]
d) skarnati skont id-dispożizzjonijiet ta’ Anness D.”
23. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/119 jiddisponi dan li ġej:
“Strumenti, [il-materjal għaż-]żamma u tagħmir u installazzjonijiet oħra użati għall-istordament jew [qtil] iridu jkunu diżinjati, magħmula, miżmuma u użati b’tali mod li [jassiguraw] stordament jew qtil malajr u effettiv skont id-dispożizzjonijiet ma’ din id-Direttiva. L-awtorità kompetenti għandha tikkontrolla li l-istrumenti, [il-materjal għaż-]żamma u tagħmir ieħor użat għall-istordament jew qtil jikkonformaw mal-prinċipji [msemmija] hawn fuq u għandha tikkontrolla regolarment biex tiżgura li huma fi stat tajjeb ta’ tiswija u [li jippermettu li] l-oġġettiv imsemmi hawn fuq jintlaħaq.”
24. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119 jiddisponi:
“Spezzjonijiet u kontroll fil-biċċeriji għandhom jiġu magħmula taħt ir-responsabbilità tal-awtorità kompetenti, li f’kull ħin ikollha aċċess liberu għall-partijet kollha tal-biċċerija sabiex taċċerta konformità ma’ din id-Direttiva. Iżda, spezzjonijiet u kontrolli bħal dawn jistgħu jsiru fl-istess ħin [ma’] kontrolli magħmula għal skopijiet oħra.”
25. L-Anness D tad-Direttiva 93/119 fih regoli li huma iktar dettaljati dwar il-fsid tal-annimali. Il-Punt 1 ta’ dak l-Anness jiddisponi:
“Għal annimali li jkunu ġew storduti, il-fsid irid jinbeda malajr kemm jista’ jkun wara l-istordament u għandu jsir b’tali mod li jġib miegħu fsid malajr, bl-abbundanza u komplet. F’kull każ, il-fsid irid isir qabel ma’ l-annimal jerġa’ jikseb is-sensi”.
III – Il-proċedura prekontenzjuża u r-rikors tal-Kummissjoni
26. Mill-1998, l-UAV wettaq missjonijiet fir-Repubblika Ellenika bl-għan li jivverifika l-effettività tal-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-settur tal-protezzjoni tal-annimali, b’mod partikolari tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u fil-ħin tat-tbiċċir. Mis-sena 2002 sal-2004, l-UAV wettaq dawn il-missjonijiet:
– missjoni Nru 8729/2002, mit-18 sal-20 ta’ Novembru 2002;
– missjoni Nru 9002/2003, mit-13 sas-17 ta’ Jannar 2003:
– missjoni Nru 9176/2003, mill-21 sal-25 ta’ Lulju 2003;
– missjoni Nru 9211/2003, mill-15 sad-19 ta’ Settembru 2003:
– missjoni Nru 7273/2004, mill-4 sat-8 ta’ Ottubru 2004.
27. Peress li l-ispetturi tal-UAV sabu xi irregolaritajiet matul id-diversi missjonijiet li saru fir-Repubblika Ellenika, fit-13 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-istess Repubblika Ellenika, u talbitha sabiex tirrimedja għall-ksur li ġie kkonstatat. Ir-Repubblika Ellenika rrispondiet għal dik l-ittra ta’ intimazzjoni fl-20 ta’ Settembru 2005, fejn ikkontestat il-ksur li ġiet akkużata bih.
28. Wara skambju ta’ informazzjoni mar-Repubblika Ellenika u wara l-missjoni Nru 8042/2006, li saret fil-perijodu bejn il-21 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma kinitx għadha rrimedjat il-ksur ikkontestat. Għalhekk, hija bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Ellenika fl-4 ta’ Lulju 2006, li waslet għand l-imsemmi Stat Membru fil-5 ta’ Lulju 2006. Ir-Repubblika Ellenika rrispondiet għall-opinjoni motivata b’ittra tal-4 ta’ Settembru 2006, fejn ikkontestat dak li kienet sostniet il-Kummissjoni. Wara li kien skada t-terminu għat-twettiq tal-obbligi li kien ġie indikat fl-opinjoni motivata, fil-5 ta’ Settembru 2006, u wara missjoni oħra Nru 8167/2006, li saret mill-4 sal-15 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni, filwaqt li kkonstatat li r-Repubblika Ellenika kienet għadha ma wettqitx l-obbligi tagħha, ippreżentat rikors kontriha fil-11 ta’ Settembru 2007.
29. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
1. tiddikjara li billi r-Repubblika Ellenika naqset milli tieħu l-miżuri neċessarji:
– sabiex kull trasportatur tal-annimali jikseb awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti u jitniżżel f’reġistru sabiex ikun jista’ jiġi individwat malajr mill-awtorità kompetenti, fost oħrajn fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali waqt it-trasport,
– sabiex l-awtoritajiet kompetenti jikkontrollaw il-pjanti tar-rotta/reġistri tal-vjaġġ,
– sabiex jiġu previsti punti ta’ waqfien għall-annimali fil-portijiet jew fil-viċinanzi tal-portijiet wara li l-annimali stess ikunu tniżżlu,
– sabiex ikun żgurat it-twettiq ta’ kontrolli fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali, u
– sabiex ikunu imposti pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ ksur ripetuti jew gravi tar-regoli li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport,
naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5(A)(1)(a)(i) u (ii), 5(A)(2)(b), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(A)(2)(d)(i), 8, 9 u 18(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 91/425/KEE u 91/496/KEE, u mill-punt [48](7)(b)(5) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva inkwistjoni, kif ukoll, wara l-5 ta’ Jannar 2007, mill-obbligi imposti mill-Artikoli 5(4), 6(1), 13(3) u (4), 15(1), 25, 26 u 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97;
2. 2. tiddikjara li peress li r-Reppublika Ellenika naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa:
– sabiex tiżgura l-osservanza tar-regoli dwar l-isturdament tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir, u
– sabiex tiżgura t-twettiq regolari tal-ispezzjonijiet u tas-sorveljanza fil-biċċeriji,
naqset milli twettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 3, 5(1)(d), 6(1) u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1993, dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil;
u sabiex jogħġobha tikkundanna wkoll li r-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
30. Ir-rikors tal-Kummissjoni ġie ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Settembru 2007, filwaqt li r-risposta ġiet ippreżentata fis-26 ta’ Novembru 2007. B’hekk, il-Kummissjoni ppreżentat replika li waslet fir-reġistru fis-7 ta’ Frar 2008, li ġiet segwita minn kontroreplika tal-Gvern Grieg li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2008. Waqt is-seduta li nżammet fit-22 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni u l-Gvern Grieg ressqu d-difiża orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.
V – L-evalwazzjoni tal-Avukat Ġenerali
A – Introduzzjoni
31. Din il-kawża hija rilevanti mill-aspett tal-garanzija, fuq livell Komunitarju, ta’ protezzjoni xierqa tal-annimali waqt it-trasport u fil-ħin tat-tbiċċir (6). Il-fatt li jkun regolat b’mod xieraq dan is-settur kif ukoll l-osservanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dan il-kuntest huma importanti sabiex tiġi evitata tbatija bla bżonn lill-annimali. Fl-istess waqt, imġieba li tkun konformi mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkontribwixxi sabiex jiġi evitat l-iżviluppar ta’ mard (7), li jista’ jirriżulta mill-irregolaritajiet fit-trasport jew fit-tbiċċir, sabiex b’hekk tkun protetta b’mod indirett anki s-saħħa tal-persuni li jikkunsmaw il-laħam ta’ dawn l-annimali. Matul l-aħħar snin, is-settur tal-protezzjoni tal-annimali, fit-totalità tiegħu, kien is-suġġett ta’ dibattiti politiċi kbar fil-Komunità (8), li fuqhom il-Kummissjoni żviluppat programm ta’ azzjoni għall-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali stess, li jipprevedi linji gwida bil-għan li fil-ġejjieni tiżviluppa leġiżlazzjoni Komunitarja fis-settur inkwistjoni(9). Għaldaqstant, il-Komunità tagħmel sforzi bla waqfien sabiex iżżid il-protezzjoni tal-annimali (10).
32. Permezz tar-rikors tagħha, l-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport kif ukoll fil-ħin tat-tbiċċir u, b’mod partikolari, l-obbligi imposti mid-Direttiva 91/628, mir-Regolament Nru 1/2005 kif ukoll mid-Direttiva 93/119. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni ma tilmentax minn traspożizzjoni mhux f’waqtha jew żbaljata tad-direttivi Komunitarji, iżda pjuttost minn nuqqas ta’ twettiq fil-prattika tal-obbligi li jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li l-liġi nazzjonali applikabbli tkun, fiha nfisha, kompatibbli mad-dritt Komunitarju, jista’ jirriżulta nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju anki minn prattika amministrattiva (11). F’tali każ, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-imsemmija prattika amministrattiva tippreżenta ċertu ammont ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità (12). Meta l-Kummissjoni tkun resqet biżżejjed provi sabiex jirriżulta li l-awtoritajiet tal-Istat Membru żviluppaw prattika ripetuta u persistenti li tmur kontra d-dritt Komunitarju, huwa dan l-Istat Membru li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (13).
B – Evalwazzjoni tal-motivi tar-rikors li jirreferu għall-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport
1. Evalwazzjoni preliminari dwar l-ammissibbiltà
33. B’riferiment għall-motivi tar-rikors dwar il-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport, il-Kummissjoni ssostni li hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 91/628 kif ukoll mir-Regolament Nru 1/2005 li jissostitwixxi u jħassar, b’effett mill-5 ta’ Jannar 2007, id-Direttiva 91/628 (14). F’dan is-sens, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1/2005 issostitwixxa u ħassar id-Direttiva 91/628 biss wara li skada t-terminu ta’ xahrejn li beda jiddekorri minn meta ġiet riċevuta l-opinjoni motivata, u li matul l-istess terminu l-Istat Membru għandu jwettaq l-obbligi tiegħu. Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika rċeviet l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2006, b’mod illi t-terminu ta’ xahrejn għat-twettiq tal-obbligi msemmija fl-opinjoni motivata, skada fil-5 ta’ Settembru 2006 (15). Ir-Regolament Nru 1/2005 daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Jannar 2007, filwaqt li l-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors fil-11 ta’ Settembru 2007.
34. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li kienet fis-seħħ meta skada t-terminu li l-Kummissjoni tat lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata tagħha (16).
35. Għalkemm it-talbiet li saru fir-rikors ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu estiżi lil hinn minn nuqqasijiet allegati fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata kif ukoll fl-ittra ta’ intimazzjoni, madankollu, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżulta mill-verżjoni inizjali ta’ att Komunitarju, li sussegwentement ikun ġie emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu fih permezz tad-dispożizzjonijiet il-ġodda(17). Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kontroversja ma jistax jiġi estiż għall-obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jsibux l-ekwivalenti tagħhom fil-verżjoni inizjali ta’ l-att ikkonċernat, taħt piena li jkun hemm ksur tal-forom sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura li tistabbilixxi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (18).
36. Għalhekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kriterju għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-motivi tar-rikors ibbażati fuq leġiżlazzjoni li tkun għadha kif daħlet fis-seħħ huwa kriterju sostantiv u mhux kriterju formali. Jekk l-att leġiżlattiv il-ġdid, li jkun daħal fis-seħħ wara l-iskadenza tat-terminu impost fl-opinjoni motivata u qabel ma jkun ġie ppreżentat ir-rikors, fih obbligi identiċi, mill-aspett sostantiv, bħal dawk previsti fl-att leġiżlattiv li huwa jkun jissostitwixxi, il-motivi tar-rikors ibbażati fuq l-att leġislattiv il-ġdid huma ammissibbli biss f’każ li dan jimponi fuq l-Istat Membru l-istess obbligi li kien jimponi l-att li kien fis-seħħ qabel. Għaldaqstant, f’din il-kawża jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005, hemmx l-ekwivalenti tal-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, li tirreferi għaliha l-Kummissjoni fir-rikors. Sabiex dawn il-konklużjonijiet ikunu iktar ċari, ser nevalwa l-ammissibbiltà tar-riferimenti għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 fil-kuntest ta’ kull motiv tar-rikors.
2. Fuq il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-identifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni tat-trasportaturi
a) L-argumenti tal-partijiet
37. Abbażi tal-verifiki li għamel l-UAV fil-kuntest tal-missjonijiet bin-numri 7273/2004 u 8042/2006, il-Kummissjoni ssostni li l-Gvern Grieg ma adottax il-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li kull trasportatur ikun debitament awtorizzat sabiex jittrasporta l-annimali u jkun debitament reġistrat b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw malajr jekk trasportatur partikolari jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa għall-finijiet tal-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport. Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikoli 5(A)(1)(a)(i) u (ii), u (5)(A)(2)(b) tad-Direttiva 91/629, kif ukoll mill-Artikoli 6(1) u 13(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2005.
38. Il-Kummissjoni ssostni li matul il-missjoni Nru 7273/2004 (punti 5.3 u 6.3 tar-rapport dwar il-missjoni), l-ispetturi tal-UAV ikkonstataw li wħud mit-trasportaturi ma kellhomx awtorizzazzjoni jew kellhom awtorizzazzjoni skaduta. Fil-kuntest tal-missjoni Nru 8042/2006 (punti 5.3 u 6.3 tar-rapport dwar il-missjoni), ġie kkonstatat ukoll li minkejja ċertu titjib, ir-regoli dwar l-awtorizzazzjoni u l-identifikazzjoni tat-trasportaturi ma kinux qed jiġi osservati biżżejjed. Il-Kummissjoni tenfasizza li għalkemm ċerti elenki tat-trasportaturi kienu effettivament disponibbli, madankollu, dawn mhux dejjem kienu aġġornati.
39. Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Grieg isostni li l-individwar ta’ awtorizzazzjoni mhux valida matul il-missjoni Nru 7273/2004 kien każ iżolat li ma jippruvax in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi Komunitarji; fuq kollox dik l-awtorizzazzjoni invalida kienet diġà ġiet individwata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Gvern Grieg sostna wkoll li huwa adotta miżuri intiżi sabiex tkun żgurata l-osservanza tad-dritt Komunitarju. L-imsemmi gvern isostni li kien informa lill-awtoritajiet kompetenti fid-dipartiment Griegi individwali dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-ispetturi tal-UAV u li kien organizza laqgħat għat-trasportaturi u l-veterinarji, liema ħaġa turi l-isforz kontinwu tal-awtoritajiet Griegi sabiex ikun hemm applikazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju.
40. Fuq dan il-punt, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-organizzazzjoni tal-imsemmija laqgħat tirrappreżenta ċertament azzjoni pożittiva, iżda li fl-ebda każ ma tista’ tikkumpensa għall-miżuri uffiċjali li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kellhom jadottaw fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tat-trasportaturi.
b) Ammissibbiltà
41. Fil-kuntest tal-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-identifikazzjoni u l-awtorizzazzjonijiet tat-trasportaturi, il-Kummissjoni tinvoka ksur tal-Artikolu 5(A)(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 91/628. Fir-rikors, hija ssostni li hemm obbligu identiku fl-Artikoli 6(1) u 13(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2005. B’hekk, iktar ’il quddiem, ser nivverifika l-fondatezza ta’ din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni.
i) Identifikazzjoni tat-trasportaturi
42. L-Artikolu 5(A)(1)(a)(i) tad-Direttiva 91/628 jistabbilixxi li kull trasportatur għandu jkun reġistrat b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jidentifikaw malajr lit-trasportatur f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regolament tal-istess direttiva. Skont il-Kummissjoni, il-paragrafi (3) u (4) tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1/2005 jirrappreżentaw l-ekwivalenti tal-imsemmija dispożizzjoni tad-direttiva. Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1/2005, l-awtorità kompetenti għandha tirreġistra l-awtorizzazzjonijiet (19) b’mod li twassal lill-awtorità kompetenti sabiex tidentifika malajr lit-trasportaturi, b’mod partikolari f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolament imsemmi. Fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi affermat li l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1/2005 huwa identiku għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 5(A)(1)(a)(i) tad-Direttiva 91/628. L-għan tal-obbligu stabbilit fiż-żewġ artikoli huwa dak li jitwaqqaf reġistru tat-trasportaturi li jippermetti identifikazzjoni fil-pront tat-trasportatur meta dan ma josservax id-dispożizzjonijiet tad-direttiva jew tar-regolament. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ir-riferiment li għamlet il-Kummissjoni fir-rikors tagħha, għall-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1/2005 huwa ammissibbli.
43. Madankollu, inqis li għandu jkun hemm konklużjoni differenti f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 1/2005. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta l-obbligu tal-awtorità kompetenti li tirreġistra l-awtorizzazzjonijiet f’database elettronika (20). L-obbligu li l-awtorizzazzjonijiet jiġu reġistrati f’database elettronika jirrappreżenta obbligu ġdid li mhuwiex previst fid-Direttiva 91/628. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ir-riferiment li għamlet il-Kummissjoni għall-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 1/2005 huwa inammissibbli.
ii) L-awtorizzazzjonijiet tat-trasportaturi
44. Skont l-Artikolu 5(A)(1)(a)(ii) tad-Direttiva 91/628, kull trasportatur għandu jkollu awtorizzazzjoni valida mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment jew, jekk l-impriża involuta tkun stabbilita f’pajjiż terz, minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni, sakemm il-persuna responsabbli mill-impriża tat-trasport tintrabat bl-impenn li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità fis-seħħ. Il-Kummissjoni tara l-ekwivalenti ta’ tali dispożizzjoni fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1/2005, li minnu jirriżulta li l-ebda persuna ma għandha tagħmilha ta’ trasportatur jekk ma jkollhiex awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 10(1) jew, għal vjaġġi twal, skont l-Artikolu 11(1) tal-istess regolament, u li kopja tal-awtorizzazzjoni għandha tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti meta jiġu trasportati annimali.
45. Huwa minnu li miż-żewġ artikoli – jiġifieri mill-Artikolu 5(A)(1)(a)(ii) tad-Direttiva 91/628 u mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1/2005 – jirriżulta l-obbligu li kull trasportatur ikollu awtorizzazzjoni mogħtija minn awtorità kompetenti. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1/2005, minbarra li jeżiġi li kull trasportatur ikollu awtorizzazzjoni, jistabbilixxi wkoll li dik l-awtorizzazzjoni trid tingħata skont l-Artikolu 10(1) jew l-Artikolu 11(1) tal-istess Regolament. L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1/2005 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet lit-trasportaturi(21), filwaqt li l-Artikolu 11(1) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet lit-trasportaturi li jagħmlu vjaġġi twal(22). Għandu jiġi rilevat li d-Direttiva 91/628 ma tipprevedix rekwiżiti dettaljati simili fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet lit-trasportaturi. Peress li l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1/2005 huma iktar dettaljati mill-obbligi imposti mid-Direttiva 91/628, il-Kummissjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, tirreferi, fir-rikors tagħha, għall-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1/2005. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ir-riferiment li għamlet il-Kummissjoni fir-rikors tagħha għall-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1/2005 huwa inammissibbli.
c) Evalwazzjoni ġuridika
46. Fir-rigward tal-oneru tal-prova, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li tipprova l-ksur tal-Istat Membru(23). Min-naħa l-oħra, huwa l-Istat Membru konvenut li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u dettaljat l-informazzjoni ppreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (24). Insostenn tal-motiv li jirrigwarda l-identifikazzjoni u l-awtorizzazzjonijiet tat-trasportaturi, il-Kummissjoni tfakkar il-konstatazzjonijiet tal-UAV fil-kuntest tal-missjoni Nru 7273/2004 (punti 5.3 u 6.3 tar-rapport dwar il-missjoni) u tal-missjoni Nru 8042/2006 (punti 5.3 u 6.3 tar-rapport dwar il-missjoni); huwa għalhekk meħtieġ li jiġi verifikat jekk il-fatti kkonstatati mill-UAV matul l-imsemmija missjonijiet u li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fir-rikors humiex adegwati sabiex jipprovaw il-fondatezza tal-motiv tar-rikors ineżami.
i) Identifikazzjoni tat-trasportaturi
47. Mill-punt 5.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 jirriżulta li l-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel talab lill-awtoritajiet lokali kompetenti sabiex jibagħtulu l-elenki tat-trasportaturi li għandhom awtorizzazzjoni (25). Mill-imsemmi rapport jirriżulta li fuq livell ministerjali, kien disponibbli l-elenku tat-trasportaturi kollha, u li dan kien qiegħed jiġi rivedut. Mir-rapport jirriżulta wkoll li dawn l-elenki kienu disponibbli għand l-awtoritajiet lokali kompetenti kollha li saritilhom żjara.
48. Fil-punt 5.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 hemm affermat ukoll li l-informazzjoni dwar iż-żona tat-tagħbija tal-vetturi mitluba mill-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel ma kinitx disponibbli fir-rigward ta’ kull trasportatur; fid-dipartiment ta’ Serres, din l-informazzjoni kienet nieqsa għal kull trasportatur, fid-dipartiment ta’ Kilkis kienet nieqsa l-informazzjoni ta’ wieħed mit-tliet trasportaturi, u fid-dipartiment ta’ Messinia kienet nieqsa l-informazzjoni għaż-żewġ trasportaturi ewlenin tal-annimali bovini.
49. Fil-punt 6.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 ġie enfasizzat ukoll li l-miżuri proposti mill-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel ġew implementati b’mod limitat u mhux komplut. L-elenki tat-trasportaturi kienu effettivament disponibbli, madankollu mhux dejjem kienu aġġornati u mhux dejjem kien fihom l-informazzjoni kollha, pereżempju l-informazzjoni dwar iż-żona għat-tagħbija jew l-informazzjoni fuq id-dikjarazzjoni bil-miktub li biha t-trasportatur jintrabat li jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 91/628.
50. Fil-fehma tiegħi, għal diversi raġunijiet, il-fatti msemmija fil-punti 5.3 u 6.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 mhumiex biżżejjed sabiex jipprovaw li r-Repubblika Ellenika kisret l-obbligu tagħha li tiżgura l-possibbiltà ta’ identifikazzjoni tat-trasportaturi fil-pront.
51. Fl-ewwel lok, mill-fatti msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-elenki tat-trasporaturi kienu disponibbli kemm fil-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel kif ukoll f’kull awtorità lokali kompetenti li żaru l-ispetturi tal-UAV.
52. Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni fejn hija ssostni li l-elenki tat-trasportaturi mhumiex aġġornati, għandu jiġi rilevat - hekk kif intqal mill-Gvern Grieg fir-risposta (26) u fil-kontro-replika tiegħu (27) - li dawk l-affermazzjonijiet huma ferm impreċiżi. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-affermazzjonijiet ġeneriċi li jinsabu fil-punt 6.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006, fejn jingħad, pereżempju, li l-elenki tat-trasportaturi “mhux dejjem kienu aġġornati” u “ma kienx fihom l-informazzjoni kollha”, mingħajr ma ressqet provi konkreti u preċiżi sabiex tispeċifika f’kemm każijiet dawn l-elenki ma kinux ġew aġġornati (28).
53. Fit-tielet lok, fir-rigward tal-affermazzjoni li tgħid li l-elenki tat-trasportaturi mhumiex kompluti peress li ma fihomx l-informazzjoni dwar iż-żona għat-tagħbija, għandu jiġi rilevat li la mid-Direttiva 91/628 u lanqas mir-Regolament Nru 1/2005 ma jirriżulta l-obbligu li din l-informazzjoni għandha titniżżel fir-reġistrazzjoni tat-trasportaturi. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni bil-miktub li biha l-persuna responsabbli mit-trasport tintrabat li tosserva r-regoli tal-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja fis-seħħ, hija biss meħtieġa skont l-Artikolu 5(A)(1)(a)(ii) tad-Direttiva 91/628, sabiex tingħata awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lill-impriża stabbilita f’pajjiż terz; f’dan l-artikolu m’hemm previst l-ebda obbligu li permezz tiegħu din id-dikjarazzjoni bil-miktub għandha tinhemeż mal-elenku tat-trasportaturi. Lanqas ir-Regolament Nru 1/2005 ma fih ebda dispożizzjoni speċifika fir-rigward tal-obbligu li bih trid tiġi indikata l-informazzjoni dwar iż-żona għat-tagħbija.
54. Fir-raba’ lok, meta l-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu impost mid-dritt Komunitarju jirriżulta minn prattika amministrattiva, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-imsemmija prattika amministrattiva tippreżenta ċertu ammont ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità (29). Għalhekk, il-Kummissjoni għandha turi li l-awtoritajiet tal-Istat Membru jkunu ħolqu prattika kostanti u twila fiż-żmien li tmur kontra d-dritt Komunitarju. F’dan il-każ, madankollu, mill-provi pprovduti ma jirriżultax li hemm xi prattika ripetuta u persistenti; l-provi prodotti mill-Kummissjoni jirreferu biss għall-verifiki tas-sena 2006 u mhux għall-verifiki li jirrigwardaw perijodu ta’ żmien itwal li matulu nħolqot prattika kostanti.
55. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, jeħtieġ li tinċaħad bħala infondata l-parti tal-motiv tar-rikors li tirrigwarda l-identifikazzjoni tat-trasportaturi, li biha l-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika ma wettqitx l-obbligi imposti mill-Artikolu 5(A)(1)(a)(i) tad-Direttiva 91/628 u mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1/2005.
ii) Awtorizzazzjoni tat-trasportaturi
56. Mill-punt 5.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004 jirriżulta li fl-2004, l-awtoritajiet kompetenti skoprew li kien hemm trasportaturi li ma kellhomx awtorizzazzjoni jew li kellhom awtorizzazzjoni skaduta. Mill-punt 6.3 tar-rapport imsemmi jirriżulta wkoll li kien hemm ċertu titjib fis-sistema biex jiġi żgurat li t-trasportaturi jkollhom f’idejhom awtorizzazzjoni, madankollu, b’kuntrast ma’ dak li kien previst inizjalment, il-leġiżlazzjoni li kellha ttejjeb is-sistema ma ġietx adottata. Mill-punt tar-rapport li ġie ċċitat jirriżulta wkoll li l-obbligu li jiġu eżaminati ż-żminijiet tat-trasport fil-każ ta’ vjaġġi twal inkiser fi tlieta mill-erba’ dipartimenti li saritilhom spezzjoni.
57. Mill-punt 5.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 jirriżulta li l-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel, bil-għan li jipperfezzjona s-sistema tal-awtorizzazzjonijiet, talab lill-awtoritajiet lokali kompetenti sabiex jinfurmaw bil-miktub lit-trasportaturi kollha dwar il-fatt li huma responsabbli sabiex jaraw li l-awtorizzazzjoni tagħhom tiġġedded, li huma marbuta jitolbu t-tiġdid imsemmi xahar qabel ma din tiskadi u li għandhom jikkomunikaw kull tibdil li jolqot lis-sewwieqa jew lill-mezzi tat-trasport. Fir-rapport ġie affermat li 49 awtorità lokali kompetenti minn 54 wieġbu li huma kienu infurmaw lit-trasportaturi bl-obbligi tagħhom; anki fid-dipartimenti kollha li żaru l-ispetturi tal-UAV, l-awtoritajiet kompetenti ħadu ħsieb li jibagħtu dik l-informazzjoni. Minn dan il-punt tar-rapport dwar il-missjoni jirriżulta wkoll li fid-dipartiment ta’ Laconia, it-trasportaturi li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet skadiet kienu ntalbu b’mod ġenerali, b’avviż għal dan l-iskop, sabiex iġeddu l-awtorizzazzjoni tagħhom, madankollu mingħajr ma ntbagħtu avviżi lil kull trasportatur individwali.
58. Fil-punt 5.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 ġie affermat ukoll li l-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel ma kien ġie avżat b’ebda ksur fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tat-trasportaturi. Fid-dipartiment ta’ Laconia ngħatat awtorizzazzjoni lil trasportatur partikolari minkejja li dan ma kienx ippreżenta d-dikjarazzjoni bil-miktub skont l-Artikolu 5(A)(1)(a)(ii) tad-Direttiva 91/628; xi wħud mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali kompetenti sostnew li ċerti trasportaturi provenjenti minn pajjiżi terzi kellhom awtorizzazzjonijiet invalidi, iżda li dawk l-awtorizzazzjonijiet ma kinux ingħataw mill-awtoritajiet kompetenti Griegi.
59. Mill-punt 6.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 jirriżulta li l-miżuri proposti mill-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel kienu ġew implementati b’mod limitat u mhux komplut. Jingħad ukoll li l-Ministeru msemmi ma żgurax li t-trasportaturi provenjenti minn pajjiżi terzi jkollhom awtorizzazzjoni valida skont l-Artikolu 5(A)(1)(a)(ii) tad-Direttiva 91/628.
60. Fil-fehma tiegħi, il-fatti indikati hawn fuq ma jgħoddux bħala prova dwar it-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li r-Repubblika Ellenika ma wettqitx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(A)(1)(a)(ii) tad-Direttiva 91/628 dwar l-awtorizzazzjonijiet tat-trasportaturi.
61. Huwa minnu li, fil-punt 5.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004, ġie ddikjarat li l-awtoritajiet kompetenti skoprew li kien hemm trasportaturi mingħajr awtorizzazzjoni jew b’awtorizzazzjoni skaduta, iżda f’dak ir-rapport ma ġie ppreċiżat la kemm kien hemm trasportaturi li ġew ikkontrollati f’liema u f’kemm-il dipartiment, u lanqas kemm, minn fost it-trasportaturi kkontrollati, kien hemm minnhom li ma kellhomx awtorizzazzjoni jew li kellhom awtorizzazzjoni skaduta. Fil-fatt, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li dan ma kienx “każ iżolat” (30), kif afferma l-Gvern Grieg, iżda pjuttost każ ta’ “numru sostanzjali ta’ każijiet speċifiċi” (31); madankollu, hija ma tippreċiżax kemm kienu dawn il-każijiet, jew kemm kienet il-perċentwali ta’ każijiet fejn it-trasportaturi kkontrollati rriżultaw li kienu mingħajr awtorizzazzjoni jew li kellhom awtorizzazzjoni skaduta. Anki l-affermazzjonijiet imsemmija fil-punt 6.3 tar-rapport iċċitat huma, fil-fehma tiegħi, wisq ġenerali sabiex iservu ta’ prova ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni; bl-istess mod, mir-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 ma jirriżultax b’mod ċar kemm kien hemm trasportaturi li ma kellhomx awtorizzazzjoni valida jew kellhom awtorizzazzjoni skaduta. B’mod kuntrarju, fil-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel ma ġie rrapportat ebda ksur fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tat-trasportaturi, u r-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 jsemmi biss xi każijiet iżolati ta’ ksur.
62. Fil-fehma tiegħi, il-verifiki msemmija fl-ebda każ ma jistgħu jipprovaw l-eżistenza ta’ prattika amministrattiva kostanti u ġenerali, li biha l-awtoritajiet Griegi kisru l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju.
63. Għaldaqstant, inqis li għandha tinċaħad bħala infondata l-parti tal-motiv tar-rikors li tirrigwarda l-awtorizzazzjonijiet tat-trasportaturi, li biha l-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika ma wettqitx l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(A)(1)(a)(ii) tad-Direttiva 91/628.
d) Riżultat tal-evalwazzjoni
64. Fil-fehma tiegħi, il-motiv tar-rikors dwar l-identifikazzjoni u dwar l-awtorizzazzjonijiet tat-trasportaturi, li bih il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika ma wettqitx l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(A)(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 91/628, kif ukoll mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1/2005 għandu jinċaħad bħala infondat.
3. Fuq il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-verifika tal-pjanti tar-rotta
a) L-argumenti tal-partijiet
65. Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli obbligatorji tal-pjanti tar-rotta li jirrigwardaw it-trasport tal-annimali. Il-Kummissjoni ssostni li b’hekk, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha kif jirriżultaw mill-Artikolu 5(A)(2)(b), l-ewwel subinċiż tal-Artikolu (5)(A)(2)(d)(i), is-subparagrafi (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 5(4) u 15(1) tar-Regolament Nru 1/2005.
66. Il-Kummissjoni tirrileva li l-ispetturi tal-UAV ikkonstataw irregolaritajiet f’ċerti pjanti tar-rotta fil-kuntest tal-missjonijiet Nru 9002/2003 (punt 5.4.2 tar-rapport dwar il-missjoni), Nru 7273/2004 (punt 5.3 u 6.4 tar-rapport dwar il-missjoni) kif ukoll Nru 8042/2006 (punti 5.4.2 u 6.4 tar-rapport dwar il-missjoni). Dawn l-irregolaritajiet instabu, b’mod partikolari, taħt l-aspett tat-tul eċċessiv tat-trasport fil-parti l-kbira tal-pjanti tar-rotta li ġew ikkontrollati, fir-rigward ta’ annimali ttrasportati minn Stati Membri oħra intiżi għat-tbiċċir fir-Repubblika Ellenika.
67. Il-Gvern Grieg isostni li fl-2003 ġiet introdotta, permezz ta’ ċirkulari, sistema adegwata ta’ kontroll tal-informazzjoni li tinsab fil-pjanti tar-rotta. Barra minn hekk, il-Gvern Grieg jafferma li f’każ li l-pjanti tar-rotta jkunu ġew stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra, l-awtoritajiet Griegi ma jistgħux jivverifikaw l-informazzjoni indikata f’dawk il-pjanijiet, u lanqas il-kriterji li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-imsemmija awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra. Fil-fehma tal-Gvern Grieg, l-awtoritajiet Griegi jistgħu jivverifikaw biss l-osservanza ta’ dawn il-pjanti tar-rotta.
68. Għal dan l-argument tal-Gvern Grieg, il-Kummissjoni tirribatti billi ssostni li l-għan tal-kontroll tal-pjanti tar-rotta huwa dak li tkun żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628. Fil-fehma tagħha, il-kontroll ma jistax ikun limitat sempliċement għall-kontroll tal-eżistenza tal-pjanijiet jew għall-kontroll tal-informazzjoni li jkun fihom il-pjanijiet, iżda jinvolvi wkoll il-verifika li t-trasport tal-annimali jsir b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport. Il-Kummissjoni żżid tgħid li barra minn hekk, din it-teżi tirriżulta kkonfermata mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/628, li jipprovdi l-miżuri li għandhom ikunu adottati f’każ li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Direttiva ma ġewx osservati waqt it-trasport. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li huwa ċar li s-sempliċi kontroll tal-informazzjoni indikata fil-pjanti tar-rotta ma sservix sabiex tissodisfa l-obbligi stabbilit mid-Direttiva 91/628. F’dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tal-Gvern Grieg, li tgħid li fl-2003 ġiet introdotta, permezz ta’ ċirkolari, sistema adegwata għall-kontroll tal-informazzjoni li tinstab fil-pjanti tar-rotta, il-Kummissjoni tafferma li l-ispetturi tal-UAV, f’ċerti verifiki speċifiċi, ikkonstataw li l-kontrolli msemmija ma sarux b’mod sodisfaċenti.
b) Ammissibbiltà
69. Fir-rigward tal-motiv tar-rikors li jikkonċerna l-kontroll tal-pjanti tar-rotta, il-Kummissjoni ssostni li hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(A)(2)(b), mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(A)(2)(d)(i), mis-subparagrafi (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8, u mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li nkisru l-Artikoli 5(4) u 15(1) tar-Regolament Nru 1/2005, liema artikoli jikkostitwixxu l-ekwivalenti tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva.
70. Skont l-Artikolu 5(A)(2)(b) tad-Direttiva 91/628, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li trasportatur iħejji għall-annimali destinati għall-kummerċ bejn Stati Membri jew sabiex ikunu esportati lejn pajjiżi terzi, fil-każ li t-tul tal-vjaġġ ikun itwal minn 8 siegħat, pjanta tar-rotta li għandha tiġi annessa maċ-ċertifikat sanitarju waqt il-vjaġġ, u li jispeċifika wkoll l-eventwali postijiet ta’ waqfien u ta’ trasferiment. Din il-pjanta tar-rotta għandha titfassal b’mod konformi mal-mudell li jidher fil-Kapitolu VIII tal-anness tal-imsemmija direttiva. L-imsemmi kapitolu jirregola fid-dettall il-kontenut tal-pjanta tar-rotta, li għandu jkollha fiha l-informazzjoni dwar it-trasportatur, il-mezz tat-trasport, l-ispeċi u n-numru tal-annimali, il-post tat-tluq u l-post tal-wasla, l-itinerarju u t-tul tal-vjaġġ, in-numri taċ-ċertifikat sanitarju jew tad-dokument li jintbagħat magħhom, it-timbru tal-veterinarju tal-post tat-tluq, it-timbru tal-awtorità kompetenti tal-post tal-ħruġ, id-data u l-ħin tat-tluq, id-data u l-ħin tal-wasla, l-isem u l-firma tal-persuna responsabbli mit-trasport waqt il-vjaġġ kif ukoll l-informazzjoni dwar il-postijiet ta’ waqfien jew ta’ trasferiment. L-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(A)(2)(d)(i) tad-Direttiva 91/628 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-trasportatur jiżgura li l-pjanta tar-rotta oriġinali tiġi debitament mimlija u kompluta mill-persuni xierqa fil-mument opportun.
71. Il-Kummissjoni tidentifika l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1/2005 bħala r-regola ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 li jirrigwardaw l-obbligu tat-trasportatur li jimla’ l-pjanti tar-rotta. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li għall-vjaġġi t-twal bejn l-Istati Membri u bejn Stati Membri u pajjiżi terzi ta’ Equidae domestiċi minbarra Equidae reġistrati u annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina jew suwina, it-trasportaturi u l-organizzaturi għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar il-ktieb tal-vjaġġ li jinsabu fl-Anness II tar-regolament imsemmi. Mill-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 jirriżulta li l-ktieb tal-vjaġġ fih dawn it-taqsimiet: ippjanar, post tat-tluq, post ta’ destinazzjoni, dikjarazzjoni tat-trasportatur u kampjun ta’ rapport dwar anomaliji. L-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 jirregola fid-dettall, f’taqsimiet speċifiċi, il-kontenut tas-sezzjonijiet partikolari tal-ktieb tal-vjaġġ.
72. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 jeħtieġu li t-trasportatur iħejji pjanta tar-rotta, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 jimponu fuq it-trasportatur l-obbligu li jħejji ktieb tal-vjaġġ. Mill-paragun bejn iż-żewġ testi leġiżlattivi jirriżulta li l-pjanta tar-rotta msemmija fid-Direttiva 91/628 tikkorrispondi fil-parti l-kbira tagħha mat-taqsima 1 tal-ktieb tal-vjaġġ, li tirrigwarda l-ippjanar tal-vjaġġ. Il-bqija tal-partijiet tal-ktieb tal-vjaġġ imsemmija fir-Regolament Nru 1/2005 jinkludu, min-naħa l-oħra, informazzjoni iktar dettaljata dwar il-mappa tar-rotta skont id-Direttiva 91/628. Għalhekk bħala eżempju, it-taqsima 2 tal-ktieb tal-vjaġġ, li tirreferi għall-post tat-tluq, fiha l-isem u l-indirizz tal-gwardjan fil-post tat-tluq; it-taqsima 3 tal-ktieb tal-vjaġġ, li tirreferi għall-post ta’ destinazzjoni, fiha informazzjoni dwar il-gwardjan fil-post ta’ destinazzjoni jew il-veterinarju uffiċjali, kif ukoll informazzjoni dwar il-kontrolli mwettqa; it-taqsima 4 fiha dikjarazzjoni speċifika tat-trasportatur; fl-aħħar nett, it-taqsima 5 fiha kampjun speċifiku ta’ rapport dwar l-anomaliji. Mill-aspett strettament formali, huwa ċertament minnu li l-obbligu li titħejja pjanta tar-rotta jikkorrispondi għall-obbligu li timtela’ t-taqsima 1 tal-ktieb tal-vjaġġ li tirreferi għall-ippjanar; madankollu jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ktieb tal-vjaġġ jikkostitwixxi ħaġa sħiħa, u li bis-sempliċi mili tat-taqsima 1 tal-ktieb tal-vjaġġ, it-trasportatur jkun għadu ma wettaqx l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1/2005, li tirreferi għalihom il-Kummissjoni. Għaldaqstant, insostni li r-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1/2005 fil-kuntest tal-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-kontroll tal-pjanta tar-rotta huwa inammissibbli.
73. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv tar-rikors, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għas-subparagrafi (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628. Fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva jkunu tħarsu mingħajr diskriminazzjoni, billi jikkontrollaw il-mezzi tat-trasport u l-annimali fil-ħin tal-wasla tagħhom fil-post ta’ destinazzjoni [subparagrafu (b)], kif ukoll l-indikazzjonijiet imniżżla fid-dokumenti li jintbagħtu magħhom [subparagrafu (d)]. L-ekwivalenti ta’ din ir-regola huwa, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2005, li abbażi tiegħu l-awtorità kompetenti għandha tagħmel, f’kull stadju ta’ vjaġġ twil, spezzjonijiet xierqa fuq bażi bla sekwenza jew immirati sabiex jivverifikaw li l-ħinijiet iddikjarati tal-vjaġġi u l-perijodiu ta’ mistrieħ huma konformi mar-Regolament u b’mod partikolari li l-ħinijiet tal-ivvjaġġar u l-perijodi tal-mistrieħ huma konformi mal-limiti stabbiliti fil-Kapitolu V tal-Anness I tal-istess Regolament.
74. Fir-rigward tal-obbligi ta’ kontroll jista’ jiġi kkonstatat li l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2005 ma jikkorrispondix fit-totalità tiegħu mal-obbligu msemmi fis-subparagrafi (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628. Filwaqt li l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 91/628 jirrigwardaw il-kontroll tal-mezzi tat-trasport u tal-annimali, kif ukoll b’mod ġenerali l-kontroll tad-dettalji mniżżla fid-dokumenti li jintbagħtu magħhom, l-obbligi msemmija fir-Regolament Nru 1/2005 jirrigwardaw il-kontroll tal-ħinijiet tal-ivjaġġar u tal-perijodu ta’ mistrieħ, kif ukoll, b’mod ġenerali, jekk il-vjaġġ ikunx konformi mar-Regolament. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ kontroll imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2005 jirreferi esklużivament għall-kontrolli fil-każ ta’ vjaġġi twal, filwaqt li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 mhuwiex limitat għall-kontrolli fuq il-vjaġġi ta’ dan it-tip. Differenza oħra bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet tirriżulta mill-fatt li abbażi tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2005, l-awtorità kompetenti twettaq kontrolli bla sekwenza jew immirati f’kull stadju ta’ vjaġġ twil, filwaqt li s-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 jirreferi esklużivament għall-kontrolli fuq il-mezzi tat-trasport u tal-annimali fil-ħin tal-wasla tagħhom fil-post ta’ destinazzjoni (32). Għalhekk, inqis li r-riferiment tal-Kummissjoni għall-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2005 huwa inammissibbli.
75. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628 jispjega x’għandu jsir f’każ li jinstab li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva stess ma jkunux ġew osservati. L-imsemmi artikolu jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li f’każ li jinstab, matul it-trasport, li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva mhumiex jew ma ġewx osservati, l-awtorità kompetenti tal-lokal li fih issir dik is-sejba, għandha teħtieġ li l-persuna inkarigata mill-mezz tat-trasport tieħu kull azzjoni li l-awtorità kompetenti tqis li jeħtieġu sabiex ikun issalvagwardat il-ġid tal-annimali kkonċernati. Jiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, dik l-azzjoni tista’ tinkludi: a) li jintemm il-vjaġġ jew li l-annimali jintbagħtu lura lejn il-post tat-tluq tagħhom billi jagħmlu użu mir-rotta l-iktar diretta, sakemm din il-miżura ma toħloqx tbatija żejda lill-annimali; (b) li l-annimali jinżammu f’akkommodazzjoni addattata b’kura xierqa sakemm tissolva l-problema; (ċ) li l-annimali jinqatlu mingħajr tbatija żejda(33). Il-bqija tal-paragrafi tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628 fihom dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw f’każ li l-persuna responsabbli mit-trasport ma josservax l-ordnijiet tal-awtorità kompetenti, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri quddiem l-awtoritajiet nazzjonali. Fir-rigward ta’ dan l-obbligu, il-Kummissjoni ma tirreferi għall-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1/2005.
c) Evalwazzjoni ġuridika
76. Qabel kollox, insostenn tal-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-verifika tal-pjanti tar-rotta, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 5.4.2 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 9002/2003, li minnu jirriżulta li d-dokumentazzjoni li ntbagħtet mal-annimali matul it-trasport fir-Repubblika Ellenika ma kienx fiha dettalji dwar il-ħin tat-tluq. Mill-punt imsemmi jirriżulta wkoll li l-ispetturi tal-UAV identifikaw ukoll irregolaritajiet f’xi dokumenti li kienu diġà ġew ispezzjonati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-kopji taċ-ċertifikati sanitarji u tal-pjanti tar-rotta li ntbagħtu mal-annimali li kienu ġejjin minn Spanja, minn Franza u mill-Olanda, u intiżi għat-tbiċċir fir-Repubblika Ellenika, fil-fatt ma kinux preċiżi, u wħud minnhom kellhom informazzjoni importanti nieqsa. Il-ħinijiet tal-vjaġġ indikati fil-parti l-kbira tal-pjanti tar-rotta kienu illoġiċi u impossibbli. Il-mistrieħ intermedjarju (bejn il-post tal-waqfa intermedjarja fin-nofsinhar tal-Italja u d-destinazzjoni finali fir-Repubblika Ellenika) ma kienx ġie reġistrat fil-pjanta tar-rotta.
77. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-punt 5.4 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004 (34), li minnu jirriżulta li l-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel talab lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dipartimenti partikolari sabiex jippreżentaw programm ta’ kontrolli għas-sena 2003; dan il-programm ġie ppreżentat biss minn 6 mill-54 dipartiment, jiġifieri minn 11.1 % tad-dipartimenti. Minn dan il-punt jirriżulta wkoll li fid-dipartiment ta’ Fthiotida, fit-tieni trimestru tas-sena 2003, kienu ġew ikkontrollati 92 % tat-tagħbijiet fil-post ta’ destinazzjoni, filwaqt li fit-tielet trimestru tal-istess sena, din il-perċentwali kienet ta’ 83 %. Fid-dipartiment ta’ Karditsa saru kontrolli fil-post tat-tluq, filwaqt li fid-dipartiment ta’ Larissa, f’kull trimestru saru bejn tliet u ħames kontrolli mingħajr avviż minn qabel fil-biċċeriji, iżda l-vjaġġi fit-tul ma ġewx inklużi fil-kontrolli. Fid-dipartiment ta’ Trikala saru kontrolli fil-ħin tal-ħatt wara vjaġġi fit-tul. Barra minn hekk, mill-punt imsemmi tar-rapport jirriżulta li fl-2003, l-awtoritajiet nazzjonali spezzjonaw 6,808 vettura, instabu 3 ċirkustanzi ta’ ksur u 24 ċirkustanza ta’ irregolarità fir-rigward tad-dokumenti li jintbagħtu magħhom. Matul il-missjoni, l-ispetturi tal-UAV identifikaw ċerti irregolaritajiet oħra li ma kinux indunaw bihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (35).
78. Min-naħa l-oħra, il-punt 6.4 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004, jirreferi għall-fatt li l-parti l-kbira mid-dipartimenti ma ppreżentawx programm ta’ kontroll u li fid-dipartimenti li saritilhom żjara, ir-regoli dwar il-proċedura ma kinux ċari, u b’mod ġenerali, għall-ħtieġa li jsiru kontrolli fuq il-pjanti tar-rotta (36).
79. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-punti 5.4.2 u 6.4 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006. Mill-punt 5.4.2 ta’ dan ir-rapport jirriżulta li fid-dipartiment ta’ Kilkis, l-awtorità nazzjonali kompetenti ppreċiżat li ma għamlet ebda kontroll fuq il-pjanti tar-rotta. Fid-dipartimenti ta’ Messinia, Laconia, Tesprotia u Ilia, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għall-finijiet tal-ispezzjoni, ma sabux pjanti tar-rotta li jindikaw ħinijiet ta’ trasport twal wisq jew li kien fihom xi irregolaritajiet. Fid-dipartiment ta’ Tesprotia, l-awtoritajiet lokali kompetenti żammew il-pjanti tar-rotta oriġinali minflok ma tawhom lura lit-trasportaturi, li kellhom jikkonsenjawhom lill-awtorità kompetenti tal-post ta’ tluq. Fid-dipartiment ta’ Patras, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti spezzjonaw il-pjanti tar-rotta sal-port biss, iżda mhux għall-bqija tal-vjaġġ sad-destinazzjoni; għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma ndunawx li l-ħinijiet tal-ivjaġġar, f’ħafna vjaġġi lejn il-gżejjer ta’ Lesbos u Chios, kienu itwal milli permess. Barra minn hekk, fil-punt 6.4 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006, ġie affermat li l-awtoritajiet lokali kompetenti li fasslu programm ta’ spezzjonijiet tal-pjanti tar-rotta ma laħqux l-għanijiet stabbiliti, peress li huma bbażaw ruħhom, b’mod ġenerali, fuq l-ispezzjonijiet li saru fil-biċċeriji, u xi kultant wettqu spezzjonijiet mingħajr wisq użu.
80. Mid-dispożizzjonijiet li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan il-motiv jirriżulta li l-istess Kummissjoni ssostni li hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ ħames obbligi differenti min-naħa tar-Repubblika Ellenika:
– l-obbligu li tassigura li t-trasportaturi jkollhom pjanta tar-rotta [Artikolu 5(A)(2)(b) tad-Direttiva 91/628];
– l-obbligu li tassigura li l-pjanti tar-rotta tat-trasportaturi jkunu regolari u konformi [l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(A)(2)(d)(i) tad-Direttiva 91/628];
– l-obbligu li tikkontrolla l-mezzi tat-trasport u l-annimali fil-ħin tal-wasla tagħhom fil-post ta’ destinazzjoni [subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628];
– l-obbligu li tikkontrolla d-dettalji mniżżla fid-dokumenti li jintbagħtu magħhom [subparagrafu (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628];
– l-obbligu li tadotta miżuri fil-każ ta’ irregolaritajiet (Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628).
81. Fil-fehma tiegħi, mill-provi prodotti mill-Kummissjoni, mhuwiex possibbli li jiġi konkluż li r-Repubblika Ellenika ma wettqitx l-obbligu tagħha li tassigura li t-trasportaturi jkollhom pjanta tar-rotta [Artikolu 5(A)(2)(b) tad-Direttiva 91/628]. M’hemm l-ebda rapport dwar il-missjonijiet li minnu jirriżulta li t-trasportaturi ma kellhomx il-pjanti tar-rotta. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, għandha tinċaħad bħala infondata l-parti tal-motiv tar-rikors li permezz tagħha l-Kummissjoni ssostni li kien hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 5(A)(2)(b) tad-Direttiva 91/628.
82. L-obbligu li tassigura li l-pjanti tar-rotta tat-trasportaturi jkunu regolari u konformi [l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(A)(2)(d)(i) tad-Direttiva 91/628] jimplika l-ħtieġa li l-pjanti tar-rotta jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa u li din l-informazzjoni tkun korretta u taqbel (pereżempju jeħtieġ li l-ħinijiet tal-ivjaġġar ma jkunux twal b’mod eċċessiv). Fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu, għalkemm il-Kummissjoni pprovdiet provi li minnhom jirriżulta li mill-pjanti tar-rotta jirriżultaw ċerti irregolaritajiet, madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn il-provi mhumiex preċiżi biżżejjed sabiex jippruvaw li kien hemm ksur kostanti u ġenerali tal-obbligi li imposti fuq l-awtoritajiet Griegi. Hekk, pereżempju, l-ispetturi tal-UAV sabu li “f’ċerti dokumenti” kien hemm xi irregolaritajiet, li l-ħinijiet tal-ivjaġġar “fil-parti l-kbira tal-pjanti tar-rotta” kienu illoġiċi u improbabbli, u li f’“ħafna vjaġġi” il-ħin tal-vjaġġ kien itwal minn dak permess. M’hemm l-ebda dubju fuq il-fatt li fir-Repubblika Ellenika seħħew ċerti irregolaritajiet f’dak li jirrigwarda l-pjanti tar-rotta, iżda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni ma jirriżultax x’perċentwali jirrappreżentaw dawn l-irregolaritajiet fil-konfront tal-każijiet ikkontrollati. Fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni ma pprovditx elementi preċiżi biżżejjed sabiex tipprova n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġi żgurat li l-pjanti tar-rotta jkunu adegwati. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, jeħtieġ li tinċaħad bħala infondata l-parti tal-motiv tar-rikors li biha l-Kummissjoni ssostni li kien hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu msemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(A)(2)(d)(i) tad-Direttiva 91/628.
83. Fir-rigward tal-obbligu li tikkontrolla l-mezzi tat-trasport u l-annimali fil-ħin tal-wasla tagħhom fil-post ta’ destinazzjoni [is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628), fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda prova. Fir-rapporti msemmija ma hemm l-ebda paragrafu fejn jissemma b’mod ċar li l-mezzi tat-trasport ma kinux ġew ikkontrollati fil-post ta’ destinazzjoni. Bil-kontra, mill-provi prodotti jirriżulta (37) li d-dipartiment ta’ Fthiotida, fit-tieni u fit-tielet trimestru tas-sena 2003, ġew spezzjonati rispettivament 92 % u 83 % tat-tagħbijiet fil-post ta’ destinazzjoni. Għaldaqstant, għandha tinċaħad bħala infondata l-parti tal-motiv tar-rikors li biha l-Kummissjoni tallega nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu msemmi fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628.
84. Fil-fehma tiegħi, anki l-parti tal-motiv li permezz tagħha l-Kummissjoni ssib nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ spezzjoni tad-dettalji mniżżla fid-dokumenti li jintbagħtu magħhom [is-subparagrafu (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628], hija infondata. Għalkemm fl-2003, f’ċerti dipartimenti, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ma ppreżentaw l-ebda programm ta’ kontrolli, madankollu mill-punt 5.4 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004 jirriżulta li fid-dipartimenti li żaru l-ispetturi tal-UAV, dawn il-kontrolli saru xorta waħda. Huwa minnu li f’ċerti każijiet, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma sabux l-irregolaritajiet li kienu jeżistu, iżda huma xorta wettqu l-kontrolli: pereżempju, għas-sena 2003, jirriżulta b’mod ċar li saru 6,808 kontroll. Għaldaqstant, insostni li għandha tinċaħad bħala infondata l-parti tal-motiv tar-rikors li permezz tagħha l-Kummissjoni tallega nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu msemmi fis-subparagrafu (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628.
85. F’dak li jirrigwarda l-obbligu li tittieħed azzjoni f’każ ta’ irregolarità (Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628), insostni li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda prova dwar din il-parti tal-motiv tar-rikors. Il-konstatazzjoni dwar in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu msemmi fl-artikolu indikat teħtieġ il-prova dwar il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti Griegi ma adottawx imġieba xierqa fl-ivverifikar tal-ksur. Madankollu, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda provi li juru f’kemm il-każ u f’liema dipartimenti l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti vverifikaw ksur mingħajr imbagħad ma ħadu azzjoni xierqa. Għaldaqstant, insostni li għandha tinċaħad bħala infondata l-parti tal-motiv tar-rikors li biha l-Kummissjoni tallega nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628.
d) Riżultat tal-evalwazzjoni
86. Insostni li għandu jinċaħad bħala infondat il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-verifika tal-pjanti tar-rotta, li bih il-Kummissjoni tallega li hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(A)(2)(b), mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(A)(2)(d)(i), mis-subparagrafi (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 kif ukoll mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628.
4. Fuq il-motiv tar-rikors li jirreferi għan-nuqqas ta’ postijiet ta’ waqfien fil-portijiet
a) L-argumenti tal-partijiet
87. Il-Kummissjoni tilmenta bil-fatt li mill-missjoni Nru 9211/2003 (punt 5.2.2 tar-rapport dwar il-missjoni) u mill-missjoni Nru 8042/2006 (punt 5.4.2 tar-rapport dwar il-missjoni) jirriżulta li fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport u fil-viċinanzi immedjati, ir-Repubblika Ellenika ma stabbilixxietx il-postijiet ta’ waqfien fejn l-annimali jistgħu jistrieħu għal 12-il siegħa wara l-ħatt tal-bastiment meta t-tul tal-vjaġġ bil-baħar ikun ta’ iktar minn 29 siegħa. F’dan ir-rigward, fil-motivazzjoni tar-rikors, il-Kummissjoni ssostni li hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu msemmmi fil-punt 48(7)(b) (38), tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628, jew nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu msemmi fil-punt 1.7(b) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005. Madankollu, fit-talbiet tar-rikors, hija titlob biss il-verifika tal-ksur tal-obbligu msemmi fil-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628.
88. B’riferiment għal wieħed mill-portijiet (Igoumenitsa), il-Kummissjoni tikkonstata li jeżistu l-ispazji li jistgħu jintużaw bħala postijiet ta’ waqfien, iżda dan ma jirriżultax li huwa possibbli peress li l-awtoritajiet kompetenti ma awtorizzawx l-użu tagħhom għal dan il-għan. Il-Kummissjoni ssostni li fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata, il-Gvern Grieg sostna li huwa adotta l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li jkun hemm il-postijiet ta’ waqfien f’dan il-port; madankollu, fil-fehma tagħha, l-imsemmi Gvern ma pprovda l-ebda prova insostenn ta’ tali affermazzjoni.
89. Il-Gvern Grieg isostni li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda eżempju konkret fejn it-trasport bil-baħar bejn żewġ portijiet Komunitarji jista’ jeċċedi 29 siegħa. Huwa jsostni li l-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628 ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex jassiguraw l-eżistenza ta’ postijiet ta’ waqfien fil-portijiet; fil-fehma tiegħu, din id-dispożizzjoni timponi fuq it-trasportaturi l-obbligu li jipprovdu fil-pjanti tar-rotta tagħhom – li jinkludu wkoll it-trasport bil-baħar – waqfiet f’postijiet adattati. Il-Gvern Grieg jargumenta wkoll li fil-prattika, l-ebda vjaġġ bejn kwalunkwe port għall-bastimenti tat-trasport Grieg u port ieħor għall-bastimenti tat-trasport Komunitarju ma jeċċedi 29 siegħa. F’dan ir-rigward, il-Gvern Grieg josserva li t-tul tal-vjaġġ bejn il-port Taljan ta’ Bari u l-port Grieg ta’ Igoumenitsa, li jirrappreżenta l-port prinċipali ta’ tranżitu Grieg, ma jeċċedix l-10 - 11-il siegħa, filwaqt li t-tul tal-vjaġġ bejn il-port ta’ Bari u dak ta’ Patras ma jeċċedix 15-il siegħa.
90. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Gvern Grieg. Hija tosserva li mill-kliem tal-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri huma marbuta li jassiguraw postijiet ta’ waqfien fil-portijiet jew fil-viċinanzi immedjati tagħhom. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li mhijiex eżatta l-affermazzjoni tal-Gvern Grieg li l-ebda vjaġġ minn kwalunkwe port għall-bastimenti tat-trasport Grieg u xi port għall-bastimenti tat-trasport ieħor Komunitarju ma jeċċedi 29 siegħa.
b) Ammissibbiltà
91. B’riferiment għall-motiv tar-rikors li jirrigwarda n-nuqqas ta’ postijiet ta’ waqfien, il-Kummissjoni ssostni li hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu msemmi fil-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628, jew inkella ksur tal-obbligu msemmi fil-punt 1.7(b) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005. Madankollu nirrileva li l-Kummissjoni tallega n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet iċċitati taż-żewġ atti leġiżlattivi msemmija iktar ’il fuq fil-kuntest tal-motivazzjoni tar-rikors biss, filwaqt li fit-talbiet veri u proprji tal-istess rikors, tallega biss in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu msemmi fil-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628, u mhux in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jirriżulta mill-punt 1.7(b) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 ukoll.
92. Il-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jistabbilixxi li f’każ ta’ trasport bil-baħar b’rabta regolari u diretta bejn żewġ lokalitajiet differenti tal-Komunità, permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, dawn l-annimali jridu jingħataw mistrieħ għal 12-il siegħa wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata, sakemm il-ħin tal-vjaġġ bil-baħar huwa tali li l-vjaġġ jista’ jiġi inkluż fl-iskema ġenerali tal-punti 2, 3 u 4 tal-imsemmi Anness.
93. Min-naħa tiegħu, il-punt 1.7(b) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 jistabbilixxi li f’każ ta’ trasport bil-baħar fuq konnessjoni regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi Komunitarji permezz ta’ mezzi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr il-ħatt tal-annimali, dawn għandhom jitħallew jistrieħu għal 12-il siegħa wara l-ħatt fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanzi jekk mhux f’każ li l-ħin tal-vjaġġ bil-baħar huwa tali li l-vjaġġ jista’ jkun inkluż fl-iskema ġenerali tal-punti 1.2 sa 1.4 ta’ dak il-kapitolu tal-Anness I.
94. Minn paragun ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li huma jistabbilixxu l-istess obbligu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa għall-annimali f’każ ta’ trasport bil-baħar b’rabta regolari, b’vetturi mgħobbija fuq il-bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali (39). Għaldaqstant ir-riferiment magħmula mill-Kummissjoni għall-punt 1.7(b) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005, bħala prinċipju, tista’ tkun ammissibbli. Madankollu, il-Kummissjoni ma titlobx, fil-kuntest tat-talbiet veri u proprji tar-rikors, li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jirrużlta minn dan il-punt tal-Anness tar-Regolament Nru 1/2005. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ċċarat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 huma biżżejjed għall-iskopijiet tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi f’din il-kawża, u li hija tirreferi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 biss sabiex turi li n-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu tar-Repubblika Ellenika ilu jsir għal tul ta’ żmien. Għalhekk, fil-kuntest ta’ dan il-motiv tar-rikors, ser neżamina biss jekk ir-Repubblika Ellenika naqsitx milli twettaq l-obbligu stabbilit fil-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628.
c) Evalwazzjoni ġuridika
95. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motiv li jirrigwarda n-nuqqas ta’ postijiet ta’ waqfien fil-portijiet, jeħtieġ li qabel kollox jiġi ċċarat liema obbligi huma imposti fuq l-Istat Membru mill-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628.
96. L-ewwel nett, għalkemm f’dawn id-dispożizzjonijiet ma jingħadx espressament li l-Istati Membri huma marbuta li jassiguraw li jkun hemm postijiet ta’ waqfien għall-annimali fil-portijiet, madankollu, fil-fehma tiegħi, dan l-obbligu jirriżulta mill-bżonn li l-annimali jingħataw mistrieħ ta’ tnax-il siegħa wara l-ħatt fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata. Ma nistax naqbel mal-argument tal-Gvern Grieg li jgħid li mid-dispożizzjonijiet iċċitati jirriżulta biss l-obbligu li t-trasportaturi, fil-kuntest tal-pjanti tar-rotta tagħhom – li jinkludu wkoll it-trasport bil-baħar – ikollhom jiefqu f’postijiet ta’ waqfien adattati. Jekk il-ħinijet tat-trasport ma jiġux inklużi fil-ħinijiet indikati fil-punti 2 u 4 tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628 (40), l-annimali għandu jkollhom mistrieħ fil-portijiet, u mhux x’imkien ieħor matul il-vjaġġ.
97. Fit-tieni lok, nixtieq nenfasizza l-iżball tat-tezi tal-Kummissjoni li tgħid li l-postijiet ta’ waqfien huma meħtieġa meta t-tul tal-vjaġġ jaqbeż id-29 siegħa. Mill-punti 2, 3 u 4 tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jirriżulta li l-ħinijiet massimi permessi għat-trasport huma diversi u jiddependu mit-tagħmir tal-vettura użata għat-trasport tal-annimali, kif ukoll mill-ispeċi tal-annimali ttrasportati (41). Il-ħinijiet tat-trasport tas-solidungulates domestiċi u tal-annimali domestiċi tal-ispeċi bovina, ovina, kaprina u suwina ma jistgħux, bħala prinċipju, jkunu ta’ iktar minn tmien siegħat (42). Dan it-tul massimu tal-vjaġġ jista’ jitwal jekk il-vetturi li jsir it-trasport bihom jissodisfaw rekwiżiti partikolari, bħal pereżempju l-preżenza ta’ saqqijiet biżżejjed fl-art tal-vettura, ta’ kwantità biżżejjed ta’ għalf u ta’ ilma, ta’ ventilazzjoni adegwata kif ukoll ta’ panewwijiet mobbli biex jinħolqu kompartamenti separati (43). Jekk il-vetturi jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti, it-tul massimu tal-vjaġġ għall-annimali mhux miftuma huwa ta’ disa’ siegħat, u wara dan huma għandhom jingħataw mistrieħ ta’ minimu ta’ siegħa, u wara jistgħu jkomplu bil-vjaġġ għal disa’ siegħat oħra. It-tul massimu tal-vjaġġ tal-ħnieżer u tas-solidungulates domestiċi huwa ta’ 24 siegħa (44). L-ispeċi l-oħra kollha tal-annimali jistgħu jiġu ttrasportati għal 14-il siegħa, u wara dan għandhom jingħataw siegħa mistrieħ li matulha jingħataw jixorbu, u jekk ikun meħtieġ, għalf, u mbagħad jistgħu jkomplu bil-vjaġġ għal 14-il siegħa oħra (45).
98. Minn dak li ntqal fil-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa ċar li f’dawn il-każijiet, l-annimali għandhom jistrieħu anki f’każ li t-trasport bil-baħar ikun iqsar, u li anki f’dawn il-każijiet huwa meħtieġ li jiġu żgurati postijiet ta’ waqfien fil-portijiet (46). Anki għal dan il-motiv, ma nistax naqbel mal-argument tal-Gvern Grieg li jgħid li l-postijiet ta’ waqfien mhumiex meħtieġa peress li t-trasport bejn kull port għall-bastimenti tat-trasport Grieg u port ieħor għal bastimenti tat-trasport Komunitarju ma jistax jeċċedi d-29 siegħa.
99. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni, filwaqt li ssostni li jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm postijiet ta’ waqfien fil-portijiet jew fil-viċinanza immedjata f’każ li t-tul tal-vjaġġ jeċċedi d-29 siegħa, tieħu b’mod ċar inkunsiderazzjoni t-tul tal-vjaġġ tal-ispeċi tal-annimali l-oħra kollha li mhumiex imsemmija b’mod individwali, u mhux lid-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-ħinijiet tat-trasport tal-annimali mhux miftuma jew lill-ħnieżer u s-solidungulates domestiċi, li għalihom il-ħin massimu tal-vjaġġ jiġi kkalkulat skont il-formula “14 + 1 + 14” (14-il siegħa ta’ trasport + siegħa ta’ mistrieħ + 14-il siegħa ta’ trasport). Madankollu dan il-kalkolu huwa żbaljat, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġusitzzja fil-kawża Interboves (47). F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-osservanza ta’ perijodu ta’ mistrieħ ta’ siegħa fuq baħar miftuħ hija assolutament impossibbli fil-prattika, peress li tippresupponi li l-bastiment jittrakka għall-inqas għal siegħa, wara 14-il siegħa baħar, qabel ma jerġa’ jbaħħar għal perijodu ġdid ta’ 14-il siegħa (48). Hija għalhekk stabbilixxiet li f’dan il-każ, il-ħin massimu ta’ trasport bil-baħar huwa ta’ 28 siegħa (49).
100. F’din il-kawża, il-Kummissjoni, insostenn tal-motiv li jirrigwarda n-nuqqas ta’ postijiet ta’ waqfien, tirreferi għall-punt 5.2.2 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 9211/2003 u għall-punt 5.4.2 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006.
101. Mill-punt 5.2.2 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 9211/2003 jirriżulta li fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport Griegi m’hemmx punti ta’ waqfien għall-annimali. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ppruvaw jiġġustifikaw din iċ-ċirkustanza bil-fatt li l-vjaġġ bil-baħar jista’ jingħadd mal-ħin tal-vjaġġ komplessiv permess, iżda l-ispetturi tal-UAV affermaw li dan mhux dejjem huwa possibbli. F’ċerti każijiet ta’ trasport tal-annimali min-nofsinhar tal-Italja għar-Repubblika Ellenika, it-trasport bil-baħar dam iżjed mill-ħin massimu permess għat-trasport, b’tali mod li l-annimali suppost kellhom jingħataw mistrieħ f’postijiet ta’ waqfien.
102. Fil-punt 5.4.2 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 jintqal b’mod speċifiku li fl-istess portijiet ta’ Patras u ta’ Piraeus, jew fil-viċinanza immedjata tagħhom, m’hemmx postijiet ta’ waqfien għall-annimali. Fil-viċinanza tal-port ta’ Igoumenitsa jeżisti fil-fatt spazju li jista’ jintuża’ bħala post ta’ waqfien għall-annimali ttrasportati, iżda l-awtoritajiet kompetenti ma awtorizzawx l-użu ta’ dan l-ispazju għal dan il-għan.
103. Mill-imsemmija rapporti dwar il-missjonijiet jirriżulta li r-Repubblika Ellenika fl-ebda wieħed mill-portijiet tagħha ma żgurat li jkun hemm postijiet ta’ waqfien għall-annimali, u għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-motiv tar-rikors li jirrigwarda n-nuqqas ta’ postijiet ta’ waqfien huwa fondat.
d) Riżultat tal-evalwazzjoni
104. Fil-fehma tiegħi, ir-Repubblika Ellenika, peress li naqset milli tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura postijiet ta’ waqfien għall-annimali fil-portijiet jew fil-qrib tal-portijiet wara li jsir il-ħatt tal-annimali, naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li jirriżulta mill-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628.
5. Fuq il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-kontroll inadegwat fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali
a) L-argumenti tal-partijiet
105. Il-Kummissjoni ssostni li mir-rapporti dwar il-missjonijiet Nru 9211/2003 (punt 5.2.1), Nru 7273/2004 (punt 5.5) u Nru 8042/2006 (punt 5.5) jirriżulta li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tassigura l-kontroll fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali b’mod li tipprevjeni forom illegali ta’ trasport tal-annimali bit-triq. B’riferiment għal dan il-motiv, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 u mill-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2005.
106. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li f’ċerti dipartimenti Griegi – Acaia, Kilkis u Serres – ma kien ippjanat ebda kontroll fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali, jew minħabba nuqqas ta’ persunal jew peress li dan il-kontroll diġà jsir fil-portijiet Griegi. Il-Kummissjoni twissi li l-proġett pilota li bih ġew stabbiliti kontrolli addizzjonali ma kienx ikopri r-reġjun kollu: pereżempju ma ġiex inkluż id-dipartiment ta’ Thessalia, li fir-rigward tiegħu rriżultaw xi irregolaritajiet waqt il-missjoni Nru 9211/2003.
107. Il-Gvern Grieg isostni li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2005 għandhom jiġu interpretati fis-sens li sabiex jiġi kkonstatat ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġ li jintwera nuqqas totali ta’ kontroll li jikkonċerna l-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-trasport, u li għandhom ikunu l-awtoritajiet kompetenti li jistabbilixxu l-metodi u l-post ta’ fejn isir dan il-kontroll. Fil-fatt, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 jipprovdi diversi forom ta’ kontroll, u mhux biss il-kontroll fit-triq li tirreferi għalih il-Kummissjoni. L-imsemmi gvern isostni li t-twettiq ta’ proġett pilota li fil-kuntest tiegħu saru spezzjonijiet f’ċerti dipartimenti permezz ta’ timijiet imħallta, kif ukoll l-għoti ta’ pieni lit-trasportaturi kif ukoll il-bidu ta’ diversi proċeduri ta’ assistenza reċiproka ma’ Stati Membri partikolari, iservu sabiex juru li l-awtoritajiet Griegi jagħmlu effettivament il-kontroll mitlub mid-dispożizzjonijiet Komunitarji. Bħala prova ta’ dan, il-Gvern Grieg jippreżenta flimkien mar-risposta tiegħu ċerti dokumenti li juru l-applikazzjoni ta’ pieni kif ukoll il-bidu ta’ proċeduri ta’ assistenza reċiproka (50).
108. Il-Kummissjoni tirribatti dan l-argument billi tafferma li l-kontroll fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali, sabiex ikun konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji, għandu jkun xieraq, sodisfaċenti u effikaċi. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kontrolli fuq il-pjanti tar-rotta li jsiru mill-awtoritajiet Griegi ma kinux effikaċi u xierqa b’mod li jipprevjenu forom illegali ta’ trasport tal-annimali bit-triq.
b) Ammissibbiltà
109. F’dak li jirrigwarda l-motiv dwar il-kontroll insuffiċjenti fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2005.
110. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li r-rekwiżiti tad-direttiva jitħarsu (51), billi jwettqu spezzjonijiet mhux diskriminatorji dwar: (a) il-mezzi tat-trasport u l-annimali waqt it-trasport bit-triq; (b) il-mezzi tat-trasport u l-annimali li jaslu fil-post tad-destinazzjoni tagħhom; (ċ) il-mezzi tat-trasport u l-annimali fis-swieq, f’postijiet ta’ tluq, kif ukoll fil-postijiet ta’ waqfien u ta’ trasferiment; (d) id-dettalji fuq id-dokumenti li jintbagħtu magħhom. Fit-tieni paragrafu, l-imsemmi Artikolu jippreċiża li dawn il-kontrolli għandhom isiru fuq kampjun adegwat ta’ annimali, u fit-tielet paragrafu jippreċiża li l-awtorità kompetenti għandha tippreżenta lill-Kummissjoni rapport annwali dwar il-kontrolli li jkunu saru. Ir-raba’ paragrafu jistabbilixxi li l-kontrolli jistgħu jsiru anki matul il-vjaġġ tal-annimali, filwaqt li mill-ħames paragrafu jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma jaffettwawx il-kontrolli li jkunu saru mill-awtoritajiet responsabbli mill-applikazzjoni ġenerali tal-liġijiet fi Stat Membru.
111. Madankollu, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2005, li fl-opinjoni tal-Kummissioni jirrappreżenta l-ekwivalenti tal-Artikolu 8 tad-Direttva 91/628, jipprovdi fl-ewwel paragrafu li l-awtorità kompetenti għandha tikkontrolla li d-dispożizzjonijiet tar-regolament jiġu osservati, permezz ta’ spezzjonijiet mhux diskriminatorji fuq l-annimali, fuq il-mezzi tat-trasport u fuq id-dokumenti li jintbagħtu magħhom. Imbagħad fit-tieni paragrafu, l-istess Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2005 jistabbilixxi li tali spezzjonijiet għandhom isiru fuq perċentwali adegwata tal-annimali ttrasportati kull sena f’kull Stat Membru, filwaqt li t-tielet paragrafu jipprovdi li l-perċentwali tal-ispezzjonijiet tiżdied fejn jinstab li d-dispożizzjonijiet tal-istess Regolament ma jkunux ġew osservati (52).
112. Minn paragun ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 jistabbilixxi fid-dettal meta jkun meħtieġ li jsiru kontrolli mhux diskriminatorji fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali: matul it-trasport bit-triq, fil-postijiet ta’ destinazzjoni, fis-swieq, fil-postijiet ta’ tluq kif ukoll fil-postijiet ta’ waqfien u ta’ trasferiment; huwa jistabbilixxi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw id-dettalji mniżżla fid-dokumenti li jintbagħtu magħhom. Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2005 fih regola ġenerali li tgħid li l-awtorità kompetenti għandha twettaq spezzjonijiet mhux diskriminatorji fuq l-annimali, fuq il-mezzi tat-trasport u fuq id-dokumenti li jintbagħtu magħhom. Fir-realtà, jista’ jingħad li d-differenzi fit-tfassil taż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni mhumiex tali li jbiddlu l-kontenut tal-obbligi tal-awtorità kompetenti, u li abbażi taż-żewġ regoli ċċitati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-obbligu li jwettqu spezzjonijiet mhux diskriminatorji fuq l-annimali, fuq il-mezzi tat-trasport u fuq id-dokumenti li jintbagħtu magħhom. Madankollu, nenfasizza li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2005 jagħti lill-awtoritajiet kompetenti iktar diskrezzjoni fid-deċiżjoni tagħhom dwar fejn u b’liema mod għandhom iwettqu tali spezzjonijiet. It-tipi ta’ spezzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 huma stabbiliti b’mod kumulattiv u l-awtorità kompetenti ma tistax, b’evalwazzjoni indipendenti, tistabbilixxi liema tipi ta’ spezzjonijiet twettaq u liema ma twettaqx. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi affermat li l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2005 huma assolutament identiċi, peress li r-riferiment tal-Kummissjoni għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2005 huwa inammissibbli.
113. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628, li jistabbilixxi li l-kontrolli għandhom jolqtu kampjun adegwat ta’ annimali, jikkorrispondi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2005, li jipprovdi li l-ispezzjonijiet għandhom isiru fuq perċentwali adegwata ta’ annimali. Għaldaqstant, ir-riferiment għal din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1/2005 hija ammissibbli. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(3) – (5) tad-Direttiva 91/628, ma għandu l-ebda ekwivalenti fil-kuntest tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2005 (53).
c) Evalwazzjoni ġuridika
114. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni tirreferi għall-konstatazzjonijiet imsemmija fil-punt 5.2.1 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 9211/2003, fil-punt 5.5 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004 u fil-punt 5.5 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006.
115. Mill-punt 5.2.1 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 9211/2003 jirriżulta li fid-dipartimenti Griegi jsiru kontrolli biss fil-portijiet u waqt il-qsim tal-fruntieri, filwaqt li ma jsir l-ebda kontroll f’postijiet oħra waqt il-vjaġġ. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti ma kkonkludew l-ebda ftehim mal-pulizija sabiex ikunu ffaċilitati l-kontrolli fit-triq.
116. Mill-punt 5.5 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004 jirriżulta li ssejħet laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel u dawk tal-Ministeru Grieg għall-Ordni Pubbliku bl-iskop li jiġu organizzati kontrolli fit-toroq; it-twettiq ta’ dawn il-kontrolli kellu jibda biss wara li jiġu adottati miżuri amministrattivi ulterjuri (54). Ir-rappreżentant tal-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel ammetta li fil-Greċja, it-trasport illegali tal-annimali għadu jirrappreżenta problema mifruxa ħafna.
117. Mill-punt 5.5 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 jirriżulta wkoll li l-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel inkariga lil erba’ dipartimenti (Kilkis, Serres, Tesprotia u Acaia) sabiex fil-kuntest ta’ proġett pilota jwettqu kontroll fit-toroq bl-għajnuna tal-pulizija. Fil-kuntest ta’ dan l-inkarigu, l-awtoritajiet kompetenti tad-dipartiment ta’ Serres qalu li ma kellhom l-ebda intenzjoni li jwettqu tali kontroll; l-awtoritajiet kompetenti fid-dipartiment ta’ Kilkis affermaw li ma kellhomx biżżejjed persunal disponibbli sabiex iwettqu dan it-tip ta’ kontroll; fid-dipartiment ta’ Tesprotia, dan il-kontroll kien ippjanat darbtejn, iżda ma seħħx minħabba impenji oħra li ma kinux previsti mill-pulizija. L-awtoritajiet kompetenti fid-dipartiment ta’ Acaia affermaw li huma jikkonċentraw il-kontrolli fil-port ta’ Patras u li ma kellhomx bżonn il-kollaborazzjoni tal-pulizija minħabba li l-vetturi jitwaqqfu mill-awtoritajiet tal-port.
118. Mill-punt 5.5 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 jirriżulta wkoll li l-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel talab lill-54 dipartiment Grieg kollha sabiex jintroduċu miżuri oħra għall-prevenzjoni tat-trasporti illegali. Għal din it-talba rrispondew biss 21 dipartiment, filwaqt li 33 dipartiment ma rrispondew bl-ebda mod għal din it-talba ministerjali. Minn seba’ dipartimenti li rċevew żjara mingħand l-ispetturi tal-UAV, ħamsa ma rrispondewx għal din it-talba, filwaqt li tnejn – Karditsa u Trikala – irrispondew għal din it-talba. Fid-dipartiment ta’ Karditsa ġiet imposta piena pekunjarja kontra erba’ trasportaturi, u kontra wieħed minnhom ġiet imposta piena anki fid-dipartiment ta’ Trikala.
119. Fir-rigward ta’ dan il-motiv tar-rikors, jeħtieġ li qabel kollox jiġi ċċarat li għalkemm fir-rikors promotur tal-Kummissjoni hemm riferiment, mil-lat formali, għall-Artikolu 8 kollu tad-Direttiva 91/628, madankollu, hija fil-fatt tallega biss żewġ ċirkustanzi espliċiti ta’ ksur.
120. Min-naħa waħda – kif sostna tajjeb il-Gvern Grieg (55) – fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ġabet provi intiżi sabiex juru n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu stabbilit fis-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628, li jimponi li jitwettaq kontroll fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali waqt it-trasport bit-triq. Min-naħa l-oħra, hija pproduċiet provi intiżi sabiex juru li ma ġewx adottati l-“miżuri l-oħra” (56), kif mitluba mill-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel.
121. F’dak li jirrigwarda l-“miżuri l-oħra” li kellhom jiġu adottati, mill-provi ma jirriżultax b’mod ċar liema huma dawn il-miżuri u jekk dawn il-miżuri kellhomx jiġu adottati fil-postijiet ta’ destinazzjoni, fil-postijiet ta’ tluq, fil-postijiet ta’ waqfien jew inkella jirreferux għall-kontroll fuq id-dettalji mniżżla fid-dokumenti li jintbagħtu magħhom. Fil-fehma tiegħi, dawn il-provi ma jippermettux li jiġi żgurat liema obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 eventwalment inkisru mir-Repubblika Ellenika. Barra minn hekk, irrid ukoll nirrimarka li fil-kuntest tal-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-kontroll tal-pjanti tar-rotta, diġà enfasizzajt kif il-Kummissjoni ma ġabitx il-prova dwar in-nuqqas ta’ twettiq mir-Repubblika Ellenika tal-obbligi li hija għandha taħt is-subparagrafi (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 (57). Għaldaqstant, għandu jinċaħad il-motiv dwar il-kontroll insuffiċjenti fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali fil-parti li tirrigwarda n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu adottati l-“miżuri l-oħra” (58).
122. Għalhekk, ser nikkonċentra l-evalwazzjoni ta’ dan il-motiv tar-rikors fuq il-kwistjoni jekk ir-Repubblika Ellenika kisritx is-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628.
123. Insostni li abbażi tal-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq, li ttieħdet mir-rapporti dwar il-missjonijiet, jista’ jiġi affermat li l-motiv li jirrigwarda n-nuqqas ta’ kontroll fuq il-mezzi ta’ trasport u fuq l-annimali, fil-parti li tirrigwarda l-kontroll tal-mezzi tat-trasport u tal-annimali waqt it-trasport bit-triq, huwa fondat. Fil-fatt, mir-rapporti msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li mill-2003 sal-2006, il-kontroll fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali waqt it-trasport bit-triq kien kważi ineżistenti. Il-kontrolli saru biss fil-portijiet u mal-qsim tal-fruntieri, filwaqt li ma kien hemm l-ebda kontroll fit-toroq.
124. Nenfasizza wkoll li l-kontroll waqt it-trasport bit-triq – li jirrappreżenta l-iktar forma frekwenti ta’ trasport tal-annimali – għandu importanza ikbar minħabba l-fatt li bħala prinċipju, dan il-metodu ta’ trasport huwa iktar iebes għall-annimali mill-metodi l-oħra, u l-kundizzjonijiet li fihom jiġu ttrasportati l-annimali għat-tbiċċir huma normalment l-agħar (59).
125. Fir-rigward tal-provi annessi mar-risposta tal-Gvern Grieg u li minnhom jirriżulta li, minn naħa, ġew imposti pieni fid-dipartimenti ta’ Acaia, Attica tal-Punent, Tesprotia u Pella u li, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Griegi bdew diversi proċeduri ta’ assistenza reċiproka ma’ awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra, nirrileva li l-miżuri kollha adottati, minbarra tnejn (60), ġew eżegwiti wara li skada t-terminu għat-twettiq tal-obbligi li ġie stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri wara l-5 ta’ Settembru 2006. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk fil-verità kienx hemm nuqqas għandha tiġi kkunsidrata skont is-sitwazzjoni eżistenti fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (61). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura taħt l-Artikolu 226 KE, ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ Stat Membru li jkunu ġew adottati fil-perijodu bejn l-opinjoni motivata u l-preżentata tar-rikors, iżda għandha tillimita ruħha għall-eżami tas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata sabiex jiġi rimedjat il-ksur. Ir-Repubblika Ellenika, sabiex tipprova li wettqet l-obbligi tagħha, ipprovdiet biss żewġ eżempji ta’ impożizzjoni ta’ pieni qabel l-iskadenza tat-terminu msemmi (62), li madankollu, fil-fehma tiegħi, mhumiex biżżejjed sabiex jiġi ppruvat li hija wettqet l-obbligi li jirriżultaw mis-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 (63).
d) Riżultat tal-evalwazzjoni
126. Peress li r-Repubblika Ellenika naqset milli tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tassigura t-twettiq tal-kontrolli fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali waqt it-trasport bit-triq, hija ma wettqitx l-obbligi li jirriżultaw mis-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628. Fir-rigward tal-kumplament, għandu jinċaħad bħala infondat il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-kontroll insuffiċjenti fuq il-mezzi ta’ trasport u fuq l-annimali.
6. Fuq il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-insuffiċjenza tal-pieni imposti f’każ ta’ ksur ripetut tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-annimali
a) L-argumenti tal-partijiet
127. Il-Kummissjoni ssostni li fil-kuntest tal-missjoni Nru 9002/2003 (punt 5.4.5 tar-rapport dwar il-missjoni), Nru 9211/2003 (punt 5.4 tar-rapport dwar il-missjoni), Nru 7273/2004 (punt 6.7 tar-rapport dwar il-missjoni) u Nru 8042/2006 (punt 5.4.3 tar-rapport dwar il-missjoni) ġie stabbilit li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu imposti pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra l-awturi tal-ksur f’każ ta’ ksur ripetut jew gravi tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ssostni li nkisru l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628 kif ukoll l-Artikoli 25 u 26(6) tar-Regolament Nru 1/2005.
128. Il-Gvern Grieg isostni li l-Kummissjoni ma semmiet l-ebda fatt konkret insostenn tal-affermazzjonijiet tagħha; huwa jenfasizza li l-awtoritajiet kompetenti jimponu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra l-awturi tal-ksur, u sabiex jipprova dan, hemeż lista ta’ deċiżjonijiet li bihom ġew imposti pieni amministrattivi (64).
b) Ammissibbiltà
129. Fil-kuntest tal-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-insuffiċjenza tal-pieni imposti f’każ ta’ ksur ripetut tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-annimali, il-Kummissjoni tallega li hemm ksur tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628. Hija ssostni li d-dispożizzjoni ekwivalenti għal din tista’ tiġi identifikata fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2005, u f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ksur ripetut, fl-Artikolu 26(6) tal-imsemmi regolament.
130. L-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628 jistabbilixxi li f’każ ta’ ksur ripetut tal-istess Direttiva, jew ta’ ksur li jinvolvi tbatija serja għall-annimali, Stat Membru għandu, mingħajr preġudizzju għal xi penalitajiet oħra stabbiliti, jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedja n-nuqqasijiet li jinstabu, li jistgħu jwasslu għas-sospensjoni u għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5A(1)(a)(ii) tal-istess Direttiva. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni msemmija tipprovdi li l-Istati Membri għandhom, meta jittrasponu d-direttiva inkwistjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jistabbilixxu l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet osservati.
131. L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2005 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jassiguraw li dawn jiġu applikati. Fis-sens ta’ dan l-Artikolu, il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi (65). B’hekk, skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom obbligu ġenerali li jassiguraw l-applikazzjoni ta’ pieni f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, iżda mhux l-obbligu li jassiguraw l-applikazzjoni ta’ pieni f’każ ta’ ksur ripetut, kif ipprovdut mill-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628. Għalhekk, l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2005 jista’ l-iktar jirrappreżenta l-ekwivalenti tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/628, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw miżuri adegwati sabiex jiġi ppenalizzat kull ksur tal-istess Direttiva, imwettaq minn persuna fiżika jew ġuridika,. Madankollu, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma tinvokax ksur tal-Artikolu 18(1), iżda ksur tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628. Peress li l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2005 mhuwiex ekwivalenti għall-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628, fil-fehma tiegħi, ir-riferiment għall-Artikolu 25 tar-Regolament min-naħa tal-Kummissjoni hija inammissibbli.
132. L-Artikolu 26(6) tar-Regolament Nru 1/2005 jistabbilixxi li f’’każ ta’ ksur ripetut jew serju ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru jista’ jipprojbixxi b’mod temporanju li t-trasportatur jew l-mezz tat-trasport inkwistjoni milli jittrasporta annimali fuq it-territorju tiegħu, anki jekk it-trasportatur jew il-mezz tat-trasport huwa awtorizzat minn Stat Membru ieħor (66).
133. Għaldaqstant, mill-imsemmija dispożizzjoni tar-regolament jirriżulta li l-Istat Membru għandu biss il-possibbilità li jipprojbixxi temporanjament lit-trasportatur milli jittrasporta l-annimali, filwaqt li l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628 iħalli, b’mod ġenerali, lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet ikkonstatati, li jistgħu jwasslu għas-sospensjoni u għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tat-trasportatur. Għalhekk, il-possibilitajiet mogħtija lill-Istati Membri sabiex jissanzjonaw il-ksur ripetut abbażi tal-Artikolu 26(6) tar-Regolament Nru 1/2005 huma iktar limitati meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti mill-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628; madankollu, il-possibilitajiet iktar wesgħin għall-impożizzjoni ta’ pieni offruti mid-direttiva jinkludu wkoll, a maiori ad minus, il-projbizzjoni temporanja li jiġu ttrasportati annimali bħal f’dan ir-Regolament. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ir-riferiment tal-Kummissjoni għall-Artikolu 26(6) tar-Regolament Nru 1/2005 huwa ammissibbli.
c) Evalwazzjoni ġuridika
134. Il-Kummissjoni ssostni l-fondatezza tal-motiv tar-rikors inkwistjoni billi tirreferi għall-punt 5.4.5 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 9002/2003, għall-punt 5.4 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 9211/2003, għall-punt 6.7 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004 u għall-punt 5.4.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006.
135. Mill-punt 5.4.5 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 9002/2003 jirriżulta li l-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel introduċa sistema ta’ kontroll fuq l-osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u fil-ħin tat-tbiċċir. Din is-sistema hija bbażata fuq elenki ta’ kontroll intiżi sabiex jiddokumentaw l-ispezzjonijiet waqt it-trasport u fil-ħin tat-tbiċċir, u fuq it-tħejjija suċċessiva ta’ sunti fuq ir-riżultati tal-istess spezzjonijiet. Abbażi ta’ din is-sistema, l-ewwel ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-annimali jiġi ppenalizzat permezz ta’ twissija bil-miktub, it-tieni ksur jiġi ppenalizzat permezz ta’ piena amministrattiva (67), filwaqt li fil-każ tat-tielet ksur jingħata bidu għal proċeduri kriminali.
136. Mill-punt 5.4.5 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 9002/2003 jirriżulta wkoll li ġew eżaminati ċerti eżempji ta’ kontrolli li saru mill-awtoritajiet nazzjonali, li fil-kuntest tagħhom instabu xi irregolaritajiet (68).
137. Fil-punt 5.4 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 9211/2003 hemm indikat li fl-2002, għal 26 ċirkustanza ta’ ksur, ingħataw 9 twissijiet verbali, 16-il twissija bil-miktub u piena amministrattiva waħda. La matul l-2001 u lanqas matul l-2002, ma kien hemm l-ebda sospensjoni jew revoka tal-awtorizzazzjoni għat-trasport. Ġie kkonstatat li f’wieħed mid-dipartimenti, fir-rigward ta’ ċerti ċirkustanzi ta’ ksur, ġew proposti erba’ pieni fil-forma ta’ multi, għall-ammont ta’ EUR 3 000, iżda ma twettqu l-ebda proċeduri ulterjuri fir-rigward tal-fajls tagħhom.
138. Fil-punt 6.7 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004 ġie affermat li s-sistema ta’ pieni hija ineffettiva, minħabba l-fatt li l-kontrolli bażiċi huma dgħajfa, li n-numru ta’ twissijiet bil-miktub huwa żgħir, u li l-proċeduri għall-applikazzjoni tal-pieni huma problematiċi.
139. Mill-punt 5.4.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 jirriżulta li l-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel inkariga lill-awtoritajiet kompetenti fid-dipartimenti sabiex jagħtu twissija bil-miktub f’każ tal-ewwel ksur li ma jinvolvix tbatija serja għall-annimali, u piena amministrattiva f’każ ta’ ksur ripetut. Il-Ministeru inkariga lill-awtoritajiet imsemmija sabiex jirrevokaw l-awtorizzazzjoni tat-trasportatur jekk wara l-impożizzjoni ta’ piena amministrattiva jkompli jikser id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport. Barra minn hekk, il-Ministeru talabhom jimponu piena amministrattiva b’mod immedjat jekk jirriżulta li ġew trasportati annimali mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa jew b’awtorizzazzjoni skaduta. Fil-verifika dwar jekk l-istruzzjonijiet tal-Ministeru ġewx eżegwiti, irriżulta li fil-port ta’ Patras ngħataw biss twissijiet verbali għall-ksur, u fl-ebda każ ma nħarġu twissijiet bil-miktub jew xi tipi oħra ta’ pieni (69). Fil-kuntest tal-kontrolli fil-fruntieri nħarġu biss twissijiet orali u xi drabi lanqas ġie sanzjonat ksur li jinvolvi tbatija serja tal-annimali.
140. Fil-fehma tiegħi, dan il-motiv huwa infondat.
141. Fl-ewwel lok, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni tenfasizza l-ineffettività tas-sistema ta’ pieni fil-ksur ripetut, u tipprova turiha billi tirreferi għad-diversi rapporti dwar il-missjonijiet magħmula fir-Repubblika Ellenika. Madankollu, dawn il-provi fihom informazzjoni dwar ksur sempliċi iżolat imħallta ma’ informazzjoni dwar ksur ripetut. Għalhekk, il-Kummissjoni tipprova turi l-eżistenza ta’ ksur ripetut billi ssemmi wkoll każijiet ta’ sempliċi ksur iżolat. Fit-tieni lok, l-informazzjoni li tirreferi għaliha l-Kummissjoni fir-rikors u li tirriżulta mir-rapport dwar il-missjonijiet mhijiex eżatta u hija ġenerika. M’hemm l-ebda punt fir-rapporti dwar il-missjonijiet li jindika bi preċiżjoni kemm-il darba kien hemm ksur li ġie ripetut, jekk kienx hemm ksur ripetut mill-istess persuna u kemm kien gravi dan il-ksur. Barra minn hekk, mill-provi pprovduti mill-Kummissjoni jirriżulta b’mod ċar li ġew imposti ċerti pieni, b’mod partikolari twissijiet bil-miktub jew verbali.
d) Riżultat tal-evalwazzjoni
142. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi jeħtieġ li jinċaħad bħala infondat il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-insuffiċjenza tal-pieni imposti fil-każ ta’ ksur ripetut tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-annimali li fil-kuntest tagħhom il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika ma wettqitx l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628 kif ukoll mill-Artikolu 26(6) tar-Regolament Nru 1/2005.
7. Riżultat tal-evalwazzjoni tal-motivi tar-rikors li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport
143. Fil-fehma tiegħi, fid-dawl tas-suespost, ir-Repubblika Ellenika, peress li ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti postijiet ta’ waqfien għall-annimali fil-portijiet jew fil-viċinanza tal-portijiet wara li l-istess annimali jinħattu u sabiex ikun żgurat li jsiru kontrolli fuq il-mezzi tat-trasport u tal-annimali waqt it-trasport bit-triq, ma wettqitx l-obbligi li jirriżultaw mill-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-anness, kif ukoll tas-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artkolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628.
C – Evalwazzjoni tal-motivi tar-rikors li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir
1. Introduzzjoni
144. Kull sena, fil-biċċeriji Komunitarji, jinqatlu madwar 360 miljun ħanżir, bovin, nagħaġ u mogħoż, kif ukoll 4 biljun tajra (70). Sabiex tiġi evitata tbatija inutli waqt it-tbiċċir, huwa meħtieġ li tittieħed azzjoni impekkabbli u li ssir manutenzjoni regolari tal-impjanti għall-isturdament tal-annimali u għat-tbiċċir. Fil-preżent, l-isturdament isir b’diversi metodi: elektronarkożi, kunkussjoni, esposizzjoni għad-dijossidu tal-Karbonju jew b’pistola tal-bolt li jaqbad (71). Madankollu, f’dan il-kuntest, fl-aħħar snin saru ħafna studji (72) u ġiet introdotta teknoloġija ġdida b’tali mod li ċerti metodi indikati fid-Direttiva 93/119 diġà għadda żmienhom. Peress li fil-futur hija prevista s-sostituzzjoni tad-direttiva msemmija b’regolament ġdid (73), li ser jieħu inkunsiderazzjoni l-iskoperti xjentifiċi ġodda fil-kuntest tal-metodi ta’ sturdament u ta’ qtil, huwa ħafna iktar importanti li l-Istati Membri josservaw il-livell ta’ protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir kif stabbilit mid-Direttiva 93/119.
2. Fuq il-motiv tar-rikors li jirrigwarda l-isturdament tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir
a) L-argumenti tal-partijiet
145. Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Ellenika li ma adottatx id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex tassigura l-osservanza tar-regoli dwar l-isturdament tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir, u li b’hekk kisret l-obbligi li tagħha skont l-Artikoli 3, 5(1)(d) u 6(1) tad-Direttiva 93/119.
146. Il-Kummissjoni ssostni li fil-kuntest tal-missjonijiet Nru 9002/2003 (punt 5.4.4 tar-rapport dwar il-missjoni), Nru 7273/2004 (punt 5.6 tar-rapport dwar il-missjoni) u Nru 8042/2006 (punt 5.7 tar-rapport dwar il-missjoni), l-UAV sab li f’biċċeriji partikolari, il-kontroll dwar l-isturdament tal-ħnieżer u tal-annimali ovini kien insuffiċjenti, u li konsegwentement, kien possibbli li l-annimali ma kinux ġew storduti b’mod effettiv. Bl-istess mod, ġie rilevat li l-intervall bejn l-isturdament u l-fsid kien twil wisq, b’mod li l-annimali setgħu jerġgħu jiġu f’sensihom.
147. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-UAV ikkonstata irregolaritajiet mill-ġdid fir-rigward tal-isturdament tal-annimali fil-kuntest tal-missjoni Nru 8042/2006. B’mod partikolari, l-ispetturi tal-UAV ikkonstataw in-nuqqas ta’ manutenzjoni tat-tagħmir tal-isturdament, il-funzjonament ħażin tat-tagħmir imsemmi, kif ukoll intervalli twal wisq bejn l-isturdament u l-fsid. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li huwa l-obbligu tagħha li tivverifika jekk it-tagħmir għall-isturdament jew għall-qtil jintużawx b’mod rapidu u effettiv bil-għan li tiġi evitata tbatija potenzjali lill-annimali.
148. Il-Gvern Grieg isostni li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni huma impreċiżi u ġeneriċi, u li insostenn tal-istess affermazzjonijiet, hija ma pprovdiet l-ebda eżempju konkret ta’ ksur tad-dritt Komunitarju. Il-Gvern Grieg ikkonstata li f’kull każ, l-irregolaritajiet li nstabu kienu minimi, u jirreferu biss għal każijiet iżolati, u fuq kollox debitament ippenalizzati. L-imsemmi Gvern isostni wkoll li huwa rrimedja dawn l-irregolaritajiet billi organizza diversi laqgħat ta’ taħriġ għall-veterinarji.
b) Evalwazzjoni ġuridika
149. Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/119, l-annimali għandhom jinħelsu minn xi eċċitament, uġigħ jew tbatija li jistgħu jiġu evitati waqt il-moviment, lairaging, żamma, sturdament, tbiċċir jew qtil. L-Artikolu 5(1)(d) tad-Direttiva 93/119 jipprovdi li s-solipedi, ir-ruminanti, il-ħnieżer, il-fniek u t-tjur miġjuba fil-biċċeriji għat-tbiċċir għandhom ikunu skarnati skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness D tad-Direttiva 93/119. L-anness imsemmi fih regoli iktar dettaljati dwar il-fsid tal-annimali; il-punt 1 tiegħu jipprovdi li għall-annimali li jkunu ġew storduti, l-operazzjoni tal-fsid għandha tinbeda malajr kemm jista’ jkun wara l-isturdament, u għandu jsir b’tali mod li jġib miegħu fsid malajr, bl-abbundanza u komplet; f’kull każ, il-fsid irid isir qabel ma l-annimal jerġa’ jiġi f’sensih.
150. Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/119, l-istrumenti, il-materjal għaż-żamma u tagħmir u installazzjonijiet oħra użati għall-isturdament jew qtil iridu jkunu diżinjati, magħmula, miżmuma u użati b’tali mod li jassiguraw sturdament jew qtil malajr u effettiv skont id-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva. L-istess dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll li l-awtorità kompetenti għandha tikkontrolla li l-istrumenti, il-materjal għaż-żamma u tagħmir ieħor użat għall-isturdament jew qtil jikkonformaw mal-prinċipji msemmija hawn fuq, u għandha tikkontrolla regolarment biex tiżgura li huma fi stat tajjeb ta’ tiswija u li jippermettu li jintlaħaq l-għan imsemmi.
151. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ssostni li kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ tliet obbligi:
– l-obbligu li tiġi evitata t-tbatija lill-annimali qabel u fil-ħin tat-tbiċċir (Artikolu 3 tad-Direttiva 93/119);
– l-obbligu li l-fsid tal-annimali jsir malajr u b’mod effettiv [Artikolu 5(1)(d)) flimkien mal-Anness D tad-Direttiva 93/119];
– l-obbligu li ssir manutenzjoni tajba u li l-impjanti għall-isturdament u l-qtil jintużaw b’mod effettiv [Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/119].
152. Il-Kummissjoni tipprova l-ksur allegat billi tirreferi għall-konstatazzjonijiet imsemmija fid-diversi rapporti dwar il-missjonijiet.
153. Mill-punt 5.4.4 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 9002/2003 jirriżulta li fi tliet biċċeriji li żaru l-ispetturi tal-UAV, it-tagħmir għall-isturdament tal-annimali u l-manutenzjoni tiegħu kienu essenzjalment konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji, bl-eċċezzjoni ta’ biċċerija tal-ħnieżer, fejn dawn ma kinux qed jiġu storduti b’mod effettiv bl-apparat li jagħti x-xokkijiet. Barra minn hekk, ġew ikkonstatati problemi anki matul id-dimostrazzjoni tal-metodu ta’ sturdament tal-annimali. F’waħda mill-biċċeriji, l-immobbilizzazzjoni, l-isturdament u l-fsid ta’ tliet baqriet biss dam siegħa; barra minn hekk, l-intervall bejn l-isturdament u t-tbiċċir ta’ żewġ bovini kien ta’ 120 sekonda, u għalhekk huwa possibbli li l-annimal reġa’ ġie f’sensih. Anki fit-tbiċċir tal-annimali ovini, l-intervall bejn l-isturdament u t-tbiċċir tant kien twil (37 sekonda) li huwa possibbli li l-annimali reġgħu ġew f’sensihom. Abbażi tad-dimostrazzjonijiet ta’ dawn il-proċeduri ta’ tbiċċir, kien possibbli li jiġi kkonstatat li kien hemm fihom ċerti irregolaritajiet u li l-mod kif saru ma kienx dak li normalment jintużaw.
154. Anki mill-punt 5.6 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004 jirriżultaw irregolaritajiet fit-tbiċċir tal-annimali f’ħafna biċċeriji. Fid-dipartiment ta’ Fthiotida, f’biċċerija minnhom, kien nieqes l-apparat biex l-annimali jingħataw jixorbu fiż-żona fejn jinżammu, kif ukoll l-art ma kinitx orizzontali. Fid-dipartiment ta’ Larissa instab li biċċerija, li qabel il-missjoni, kienet ġiet indikata bħala mhux operattiva, kienet fir-realtà operattiva, u li l-impjanti f’dik il-biċċerija ma kinux adegwati (74). F’biċċerija oħra li ġiet spezzjonata ma kienx hemm elettriku għall-isturdament bix-xokkijiet tal-annimali. Fid-dipartiment ta’ Trikala, l-isturdament tal-ħnieżer fil-biċċerija li żaru l-ispetturi tal-UAV irriżulta li kien ineffettiv, u l-intervall bejn l-isturdament u t-tbiċċir kien twil wisq. Anki l-isturdament tal-bovini rriżulta li kien ineffettiv u barra minn hekk, f’dan il-kuntest, l-apparat ta’ riżerva għall-isturdament kien nieqes.
155. Anki fil-punt 5.7 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 jirriżultaw ħafna irregolaritajiet fil-kuntest tat-tbiċċir tal-annimali. Fil-fatt, l-ispetturi tal-UAV iltaqgħu ma numru ta’ irregolaritajiet fil-biċċeriji spezzjonati fid-dipartiment ta’ Kilkis (75), l-istess bħal fid-dipartimenti ta’ Serres (76), Tesprotia (77), Messinia (78), Laconia (79) u Ilia (80).
156. F’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi evitata t-tbatija lill-annimali qabel u fil-ħin tat-tbiċċir (Artikolu 3 tad-Direttiva 93/119), insostni li l-ilment tal-Kummissjoni huwa fondat. Mill-punti 153 - 155 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-maġġoranza tal-biċċeriji spezzjonati mill-ispetturi tal-UAV, fil-proċedura ta’ sturdament tal-annimali rriżultaw irregolaritajiet li jikkaġunaw tbatija lill-istess annimali. Jista’ jiġi affermat ukoll li l-prattika kienet ikkonsolidata, peress li hemm numru kbir ta’ ċirkostanzi ta’ ksur ikkonstatati fil-perijodu mill-2003 sal-2006. Barra minn hekk, l-irregolaritajiet li nstabu mill-ispetturi tal-UAV jirriżultaw individwati b’mod konkret; fil-fatt, mir-rapporti jirriżulta b’mod ċar f’liema dipartimenti nstabu irregolaritajiet fil-biċċeriji li żaru l-ispetturi. Fir-rapporti ġie indikat b’mod ċar kemm-il biċċerija u f’liema dipartiment sarulhom żjarat, u barra minn hekk ġie deskritt b’mod dettaljat liema irregolaritajiet instabu fl-imsemmija biċċeriji. Għaldaqstant, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Gvern Grieg li jgħid li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni m’humiex preċiżi u ġeneriċi. Bl-istess mod, fil-fehma tiegħi, mhuwiex possibbli tintlaqa’ t-teżi tal-Gvern Grieg li tgħid li dawn l-irregolaritajiet tneħħew permezz ta’ laqgħat ta’ taħriġ għall-veterinarji. Fil-fatt, lanqas tali taħriġ għall-veterinarji, anki jekk tajjeb, ma jista’ jiggarantixxi li d-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir ser jiġu osservati anki fil-prattika. Għaldaqstant insostni li r-Repubblika Ellenika ma wettqitx l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Direttva 93/119 sabiex jiġu evitati t-tbatijiet tal-annimali qabel u fil-ħin tat-tbiċċir.
157. F’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li l-fsid tal-annimali jsir malajr u b’mod effettiv (Artikolu 5(1)(d) flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness D tad-Direttiva 93/119), fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni ma ressqet ebda prova. Il-parti l-kbira tal-ksur li jirriżulta mir-rapporti dwar il-missjonijiet jirreferi għal irregolaritajiet fl-isturdament tal-annimali, għal irregolaritajiet fir-rigward tal-intervalli twal wisq bejn l-isturdament u t-tbiċċir, kif ukoll għan-nuqqas ta’ manutenzjoni tat-tagħmir għall-isturdament u għat-tbiċċir. Madankollu, m’hemm l-ebda punt fir-rapporti dwar il-missjonijiet li jiddokumenta li sar fsid tal-annimali b’metodi mhux xierqa. Għalhekk insostni li għandha tinċaħad bħala infondata l-parti tal-motiv tar-rikors li biha l-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(1)(d) flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness D tad-Direttiva 93/119.
158. F’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ manutenzjoni tajba u ta’ użu effettiv tal-impjanti għall-isturdament u l-qtil (Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/119), insostni li l-ilment tal-Kummissjoni huwa fondat. Mir-rapporti dwar il-missjonijiet jirriżultaw ħafna irregolaritajiet dwar il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawn l-impjanti. Mill-imsemmija rapporti dwar il-missjonijiet jirriżulta li ġiet ikkawżata tbatija lill-annimali minħabba manutenzjoni ħażina, minħabba funzjonament jew użu ħażin tat-tagħmir għall-isturdament u għall-qtil. Anki dan il-ksur dam ħafna, fil-perijodu mill-2003 sal-2006. Għaldaqstant, insostni li r-Reppubblika Ellenika ma wettqitx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/119.
c) Riżultat tal-evalwazzjoni
159. Fid-dawl tas-suespost, insostni li peress li r-Repubblika Ellenika naqset milli tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tassigura l-osservanza tar-regoli dwar l-isturdament tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha kif jirriżultaw mill-Artikoli 3 u 6(1) tad-Direttiva 93/119.
3. Fuq il-motiv tar-rikors li jirrigwarda t-twettiq tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli meħtieġa fil-biċċeriji
a) L-argumenti tal-partijiet
160. Fir-rigward tal-motiv tar-rikors li jirrigwarda t-twettiq tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli meħtieġa fil-biċċeriji, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika ma wettqitx l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119.
161. Il-Kummissjoni ssostni li fil-kuntest tal-missjonijiet Nru 7273/2004 (punt 5.6 tar-rapport dwar il-missjoni) u Nru 8042/2006 (punt 5.7 tar-rapport dwar il-missjoni) ġew ikkonstatati irregolaritajiet rilevanti fil-biċċeriji, u li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex tassigura forom adegwati ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza fil-biċċeriji. Fuq kollox, hija tallega li l-Gvern Grieg ma wettaqx għal kollox il-pjan ta’ azzjoni mħabbar intiż sabiex jassigura l-ispezzjonijiet fil-biċċeriji. L-imsemmi pjan kien jipprevedi spezzjoni ġdida għall-biċċeriji kollha eżistenti fid-dipartimenti Griegi kollha sal-aħħar tas-sena 2001. Il-Kummissjoni tallega wkoll li l-awtoritajiet Griegi ma kkollaborawx biżżejjed mal-ispetturi tal-UAV. Hija tirreferi għal każ ta’ biċċerija li kellha ssirilha żjara mill-ispetturi, u li ma kienx hemm aċċess għaliha minħabba li s-servizz veterinarju kompetenti tad-dipartiment inkwistjoni kien issospenda l-operat tagħha ġimgħatejn qabel il-missjoni tal-UAV. Hija tirreferi wkoll għal biċċeriji partikolari li kellu jsirilhom kontroll iżda li saru inaċċessibbli minħabba strajkijiet imħabbra ġurnata biss qabel il-missjoni.
162. Il-Gvern Grieg isostni li huwa diffiċli għalih li jifhem fid-dettal liema obbligi huwa qed ikun akkużat li naqas milli jwettaq. F’kull każ, huwa jsostni li ma jista’ jkun akkużat bl-ebda nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119, peress li l-veterinarji kompetenti wettqu kontroll tajjeb, ġew organizzati laqgħat ta’ taħriġ, u peress li l-biċċeriji kollha ġew spezzjonati mill-ġdid.
163. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din it-teżi tal-Gvern Grieg u tafferma li għalkemm l-organizzar ta’ laqgħat ta’ taħriġ jirrappreżenta pass pożittiv, madankollu dan ma jistax jirrappreżenta l-unika soluzzjoni fil-konfront ta’ prattika ħażina konsolidata.
b) Evalwazzjoni ġuridika
164. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika ma wettqitx l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119, li jistabbilixxi li l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza fil-biċċeriji għandhom isiru taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti, li tista’ taċċedi f’kull ħin il-partijet kollha tal-biċċerija sabiex taċċerta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jkunu qegħdin jiġu osservati; spezzjonijiet u kontrolli bħal dawn jistgħu jsiru fl-istess ħin bħal kontrolli magħmula għal skopijiet oħra.
165. Il-Kummissjoni ġġib prova tal-ksur tal-obbligi tar-Repubblika Ellenika dwar l-ispezzjonijiet u l-kontroll tal-biċċeriji billi tirreferi għall-punt 5.6 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004, li minnu jirriżulta li fil-11 ta’ Lulju 2001, il-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel ordna lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull dipartiment sabiex jispezzjonaw il-biċċeriji kollha bil-għan li jivverfikaw jekk dawn il-biċċeriji humiex konformi mad-Direttiva 93/119. L-ewwel terminu għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu kien iffissat għall-aħħar tas-sena 2001. Minħabba li f’dik id-data ma kienx twettaq l-obbligu ta’ spezzjoni, f’Awwissu 2003, il-Ministeru bagħat lill-awtoritajiet kompetenti tad-dipartimenti kollha lista kompluta tal-kontrolli li għandhom isiru u mudell sabiex jinkitbu fil-qosor ir-riżultati tal-ispezzjonijiet, filwaqt li ffissa terminu ġdid li fih kellhom isiru dawn l-ispezzjonijiet għall-aħħar ta’ Frar 2004. F’Settembru 2004, il-Ministeru talab lill-awtoritajiet kompetenti tad-dipartimenti kollha sabiex jinfurmawh bir-riżultati tal-ispezzjonijiet li saru sas-27 ta’ Settembru 2004; madankollu fl-aħħar tal-missjoni Nru 7273/2004, li damet mill-4 sat-8 ta’ Ottubru 2004, l-awtoritajiet kompetenti f’50 % tad-dipartimenti ma kinux ippreżentaw l-imsemmija riżultati.
166. Barra minn hekk, mill-punt 5.7 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 jirriżulta li t-termini ta’ żmien għall-preżentazzjoni tar-riżultati tal-ispezzjonijiet kienu ttawwlu mill-ġdid u li fl-aħħar, it-terminu ġie ffissat għat-30 ta’ Lulju 2005. Fiż-żmien tal-missjoni Nru 7273/2004, li saret bejn il-21 ta’ Frar sal-1 ta’ Marzu 2006, il-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel ħabbar li l-awtoritajiet kompetenti kienu wettqu l-ispezzjonijiet fil-biċċeriji ta’ 38 minn 54 dipartiment. Għalhekk, minn dan ir-rapport dwar il-missjoni jirriżulta b’mod ċar li l-ispezzjonijiet saru f’70.37 % tad-dipartimenti, filwaqt li fid-29.63 % tad-dipartimenti, ma kinux saru spezzjonijiet.
167. Abbażi ta’ din id-data, fil-fehma tiegħi, jista’ jingħad li l-motiv tar-rikors li bih il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-ispezzjonijiet fil-biċċeriji, u għalhekk naqset milli twettaq l-obbligi msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119, huwa fondat.
168. Min-naħa waħda, mill-informazzjoni pprovduta jirriżulta b’mod ċar li r-Repubblika Ellenika ma assiguratx spezzjonijiet effettiv fil-biċċeriji, minħabba li t-termini għat-twettiq tal-ispezzjonijiet ittawwlu kemm-il darba, u l-awtoritajiet kompetenti ma wettquhomx fit-termini mogħtija. Min-naħa l-oħra, anki wara numru ta’ tiġdid tat-termini – jiġifieri, b’mod iktar preċiż, iktarminn erba’ snin wara l-iskadenza tat-terminu oriġinali, li kien jagħlaq fl-aħħar tas-sena 2001 – l-awtoritajiet kompetenti wettqu spezzjonijiet f’70.37 % biss tad-dipartimenti. Dawn iċ-ċirkustanzi juru li l-awtoritajiet Griegi żviluppaw prattika konsolidata ta’ nuqqas ta’ spezzjonijiet fil-biċċeriji.
169. F’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet Griegi mal-ispetturi tal-UAV, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119 ma jirriżulta l-ebda obbligu ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti mal-ispetturi tal-UAV (81). Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet Griegi ma jiswiex bħala motiv speċifiku tar-rikors (82).
170. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, għandu jingħad li peress li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex tassigura l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza tal-biċċeriji, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha kif jirriżultaw mill-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119.
c) Riżultat tal-evalwazzjoni
171. Fid-dawl tal-argumenti suesposti, insostni li peress li r-Repubblika Ellenika naqset milli tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tassigura l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza tal-biċċeriji, hija naqset mill-obbligi tagħha kif jirriżultaw mill-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119.
4. Riżultat tal-evalwazzjoni tal-motivi tar-rikors li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir
172. Abbażi tal-evalwazzjoni tal-motivi tar-rikors li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir, insostni li r-Repubblika Ellenika, minħabba li naqset milli tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tassigura l-osservanza tar-regoli dwar l-isturdament tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir u sabiex tassigura l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza tal-biċċeriji, naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 3, 6(1) u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KE.
D – Fuq l-ispejjeż
173. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn jintalbu. Madankollu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(3) tal-istess Regoli jipprevedi li jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
174. F’din il-kawża, peress li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaħaq biss parzjalment, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tordna li l-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
VI – Konklużjonijiet
175. Fid-dawl tas-suespost, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li:
1) ir-Repubblika Ellenika, peress li naqset milli tadotta l-miżuri meħtieġa:
– sabiex ikunu previsti postijiet ta’ waqfien għall-annimali fil-portijiet jew fil-viċinanza tal-portijiet wara li l-annimali jinħattu, u
– sabiex ikun assigurat it-twettiq tal-kontrolli fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali waqt it-trasport bit-triq,
naqset milli twettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness kif ukoll mis-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 91/425/KEE u 91/496/KEE;
2) ir-Repubblika Elennika, peress li naqset milli tadotta l-miżuri meħtieġa:
– sabiex tassigura l-osservanza tar-regoli dwar l-isturdament tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir, u
– sabiex tassigura l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza tal-biċċeriji,
naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skont l-Artikoli 3, 6(1) u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1993, dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil.
3) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
4) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika Ellenika għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
1 – Lingwa oriġinali: is-Sloven.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p. 133.
3 – ĠU L 3, p. 1.
4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 15, p. 421.
5 – Fil-kuntest tat-talbiet tar-rikors u tal-parti motivata tiegħu stess, il-Kummissjoni tirreferi dejjem għall-“punt 7(b)” tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628, madankollu din ir-referenza għad-dispożizzjoni inkwistjoni mhix eżatta, peress li din qegħda fil-punt 48 tal-anness imsemmi, intitolat “Interval ta’ tisqija u ta’ tmigħ, il-ħinijiet tal-vjaġġ u l-perjodi ta’ mistrieħ”. Għaldaqstant huwa korrett li ssir referenza għal dik id-dispożizzjoni bħala l-“punt 48(7)(b)” tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628. Dan il-metodu ta’ referenza għall-anness inkwistjoni nsibuh ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; ara, pereżempju, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2006, ZVK (C‑300/05, Ġabra p. I‑11169, punt 1), u tad-9 ta’ Ottubru 2008, Interboves (C‑277/06, Ġabra p. I‑7433, punt 1). Għalhekk, f’dawn il-konklużjonijiet, minflok ir-referenza għall-“punt 7(b)”, jiena ser nuża r-referenza iktar preċiża għall-“punt 48(7)(b)” tal-Kapitolu VII tal-anness tad-Direttiva 91/628.
6 – Il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u waqt it-tbiċċir fil-kuntest tad-dritt Komunitarju hija aspett tal-isforz ġenerali tal-Komunità għall-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali. Għalhekk mill-Protokoll Nru 33 dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali, li daħal fis-seħħ permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam bħala Anness għat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, jirriżulta li l-Istati Membri “jixtiequ jassiguraw it-titjib tal-protezzjoni u r-rispett tal-benessri ta’ l-annimali bħala ħlejjaq senzjenti”, ftehmu dwar id-dispożizzjoni segwenti li tinsab fl-anness mat-Trattat KE: “Fil-formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiċi tal-Komunità dwar l-agrikoltura, it-trasport, is-suq intern u r-riċerka, il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jgħatu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġiet tal-benessri ta’ l-annimali, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali”. Inżid ngħid li fil-kuntest tal-isforz tagħha għall-protezzjoni tal-annimali, il-Komunità aderiet ukoll mal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport internazzjonli, li ġiet adottata fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Komunità aderiet ma’ din il-konvenzjoni permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill, 2004/544/KE, tal-21 ta’ Ġunju 2004 dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-annimali matul trasport internazzjonli (riveduta) (ĠU L 352M, p. 1).
7 – D. B. Wilkins, Animal Welfare in Europe. European Legislation and Concerns, Kluwer Law International, Londra, L-Aja, Boston, 1997, p. 4, isostni li t-trasport tal-annimali ħajjin minn Stat Membru lejn ieħor jista’ jaffettwa t-tixrid ta’ mard fil-Komunità.
8 – F’dan ir-rigward nixtieq inżid li fil-kuntest tad-dibattiti pubbliċi ta’ spiss isir diskors anki dwar “id-drittijiet tal-annimali” u mhux biss dwar il-protezzjoni tal-annimali. F’dan is-sens, ara S. Brooman, u D. Legge, “Animal transportation”, New Law Journal Practitioner, Nru 6706/1995, p. 1131.
9 – Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar pjan ta’ azzjoni Komunitarja għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali 2006-2010, COM/2006/ 13 def. Fost l-oqsma ta’ azzjoni prinċipali, il-pjan ta’ azzjoni jindika l-aġġornament tal-istandards minimi preżenti fil-qasam tal-protezzjoni u l-benessri tal-annimali, kif ukoll is-sostenn u l-bidu ta’ inizjattivi internazzjonali intiżi sabiex jissensibilizzaw u joħolqu kunsens ikbar dwar it-temi marbuta mal-benessri tal-annimali.
10 – Dwar il-pożizzjoni fid-dottrina fuq dan il-punt ara wkoll pereżempju, J.-P Marguenaud,, “Arrêt “Danske Svineproducenter”: la protection communautaire des animaux transportés”, Journal de droit européen, Nru 151/2008, p. 206. Ara wkoll M. Nentwich, “Die Bedeutung des EG-Rechts für den Tierschutz”, f’F. Harrer, u G. Graf, Tierschutz und Recht, Orac, Vjenna, 1994, p. 87, isostni li l-Komunità hija attiva ħafna fis-settur tal-protezzjoni tal-annimali, fejn stabbiliet numru ta’ dispożizzjonijiet. J. Caspar, Zur Stellung des Tieres im Gemeinschaftsrecht, Nomos, Baden-Baden, 2001, p. 89, isostni li d-dritt Komunitarju jirregola l-kwistjonijiet fundamentali tal-protezzjoni tal-annimali. D. Bowles u C. Fisher, “Trade Liberalisation in Agriculture: The Likely Implications for European Farm Animal Welfare”, f’S. Bilal u P. Pezaros, Negotiating the Future of Agricultural Policies: Agricultural Trade and the Millenium WTO Round, Kluwer Law International, L-Aja, 2000, p. 202, isostnu li l-istandards ta’ protezzjoni tal-annimali fl-Unjoni Ewropea huma normalment iktar għolja meta mqabbla ma’ dawk fis-seħħ fil-pajjiżi kompetituri.
11 – Ara pereżempju s-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑387/99, Ġabra p. I‑3751, punt 42); tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, Ġabra p. I‑3331, punt 28); tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑278/03, Ġabra p. I‑3747, punt 13), u tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑441/02, Ġabra p. I‑3449, punt 47). Dwar il-pożizzjoni fid-dottrina ara, pereżempju K. Lenaerts, D. Arts, I. Maselis, u R. Bray, Procedural Law of the European Union, It-Tieni Edizzjoni, Sweet & Maxwell, Londra, 2006, p. 132, punt 5-008; P. Karpenstein, u U. Karpenstein, f’E. Grabitz, M. Hilf, u M. Nettesheim, Das Recht der Europäischen Union, Beck, Munich’, 2008, kummentarju fuq l-Artikolu 226, punt 25.
12 – Ara pereżempju s-sentenzi, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (punt 42), Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (punt 28) u tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (punt 50), kif ukoll is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑287/03, Ġabra p. I‑3761, punt 29, u tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑135/05, Ġabra p. I‑3475, punt 21).
13 – Ara pereżempju s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 46 u 47, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 32.
14 – Ara l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1/2005, li fost oħrajn jistabbilixxi li d-Direttiva 91/628 tħassret b’effett mill-5 ta’ Jannar 2007, u li r-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenza għall-imsemmi regolament.
15 – Ara l-punt 6 tar-replika tal-Kummissjoni, fejn l-istess Kummissjoni tiċċara fid-dettall meta skada t-terminu impost fl-opinjoni motivata għat-twettiq tal-obbligi. Fil-punt 11 tar-replika tagħha, il-Kummissjoni tiċċara wkoll li l-punt 39 tar-rikors fih żball fejn jindika li t-terminu għat-twettiq tal-obbligi msemmija fl-opinjoni motivata skada f’Novembru 2006.
16 – Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 42); tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (C‑365/97, Ġabra p. I‑7773, punt 32); tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummisjoni vs Il-Belġju (C‑377/03, Ġabra p. I‑9733, punt 33). Dwar il-pożizzjoni fid-dottrina ara, pereżempju, K. Lenaerts, D. Arts, I. Maselis, u R. Bray, Procedural Law of the European Union, It-Tieni Edizzjoni, Sweet & Maxwell, Londra, 2006, p. 159, punt 5-052; J. Rideau, u F. Picod, Code des procédures juridictionnelles de l’Union européenne, It-Tieni Edizzjoni, Litec, Pariġi, 2002, p. 175; P. Karpenstein, u U. Karpenstein, f’E. Grabitz, M. Hilf, u M. Nettesheim, Das Recht der Europäischen Union, Beck, M’unich, 2008, kummentarju fuq l-Artikolu 226, punt 17.
17 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 36; is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑363/00, Ġabra p. I‑5767, punt 22); is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 34. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-11 ta’ Ġunju 2008 fil-kawża C‑275/07, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Ġabra p. I‑2005), punt 73). Dwar il-pożizzjoni fid-dottrina ara, pereżempju, K. Lenaerts, D. Arts, I. Maselis, u R. Bray, Procedural Law of the European Union, It-Tieni Edizzjoni, Sweet & Maxwell, Londra, 2006, p. 158, punt 5-048.
18 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 22, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 34. Ara wkoll il-konklużjonijiet iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 73.
19 – Barra minn hekk, l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1/2005 jippreċiża wkoll li huma l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1) jew fl-Artikolu 11(1) tal-imsemmi Regolament. L-Artikolu 10(1) tar-regolament imsemmi jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet lit-trasportaturi, filwaqt li l-Artikolu 11(1) jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għat-trasportaturi li jagħmlu vjaġġi twal.
20 – Barra minn hekk, l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 1/2005 jistabbilixxi wkoll li l-isem u n-numru tal-awtorizzazzjoni tat-trasportatur għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku matul il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni. Bla ħsara għal-leġiżlazzjoni Komunitarja u/jew nazzjonali fil-qasam tal-ħajja privata, l-Istati Membri għandhom jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku l-informazzjoni l-oħra dwar l-awtorizzazzjonijiet tat-trasportaturi. Id-database tinkludi wkoll id-deċiżjonijiet notifikati skont l-Artikoli 26(4)(ċ) u (6).
21 – L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1/2005 jistabbilixi li l-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjonijiet lit-trasportaturi jekk l-applikanti: jkunu stabbiliti, jew fil-każ ta’ applikanti stabbiliti f’pajjiż terz, ikunu rappreżentati fl-Istat Membru li fih japplikaw għall-awtorizzazzjoni; ikunu wrew li għandhom persunal suffiċjenti u xieraq, apparat u proċeduri operazzjonali għad-dispożizzjoni tagħhom; ma jkollhomx rekord ta’ ksur serju tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u/jew leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-annimali fit-tliet snin ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni, ħlief meta l-applikant juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li ħa kull miżuri neċessarji sabiex jippreveni iktar ksur.
22 – L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2005 jistabbilixxi li l-awtorità kompetenti għandha toħroġ awtorizzazzjonijiet lit-trasportaturi jekk jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) u jekk ikunu ppreżentaw: ċertifikati validi ta’ kompetenza għax-xufiera u akkompanjaturi; ċertifikati validi ta’ approvazzjoni għall-mezzi tat-trasport bit-triq kollha li jintużaw għal vjaġġi twal; dettalji tal-proċeduri li jwasslu lit-trasportatur sabiex jimmarka u jirreġistra l-movimenti tal-vetturi tat-triq taħt ir-responsabbilità tagħhom u sabiex jikkuntattjaw lix-xufiera kkonċernati f’kull ħin matul vjaġġi twal; kif ukoll pjanijiet ta’ kontinġenza f’każ ta’ emerġenzi.
23 – Ara, pereżempju s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑157/94, Ġabra p. I‑5699, punt 59); tal-15 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑147/00, Ġabra p. I‑2387, punt 27); Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 41; tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑490/04, Ġabra p. I‑6095, punt 48), u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑189/07, sommarju ippubblikat fil-Ġabra p. I‑41, , punt 82).
Dwar il-pożizzjoni fid-dottrina dwar l-oneru tal-prova tal-Kummissjoni, ara, pereżempju, W. Cremer, f’C. Calliess, u M. Ruffert, EUV/EGV. Das Verfassungsrecht der Europäischen Union mit Europäischer Grundrechtecharta. Kommentar, It-Tielet Edizzjoni, Beck, Munich, 2007, p. 1991, punt 33, li jsostni li r-rikors ikun fondat jekk il-fatti msemmija mill-Kummissjoni jkunu veri u jekk minn dawn il-fatti jkun jirriżulta ksur tad-dritt Komunitarju min-naħa tal-Istat Membru konvenut; l-eżistenza ta’ dawn il-fatti għandha tiġi pprovata mill-Kummissjoni. G. Eberhard, u E. Riedl, f’H. Mayer, Kommentar zu EU- und EG-Vertrag, Manz, Vjenna, 2005, kummentarju fuq l-Artikolu 226, punt 76, josservaw li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-oneru tal-prova fir-rigward tal-ksur tad-dritt Komunitarju jaqa’ fuq il-Kummissjoni.
24 – F’dan ir-rigward, ara pereżempju s-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (272/86, Ġabra p. 4875, punt 21); tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑119/04, Ġabra p. I‑6885, punt 41); tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑82/06, Ġabra p. I‑83, punt 35); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2007 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑265/06, Ġabra 2008, p. I‑2245, punt 35).
25 – Mill-punt iċċitat mir-rapport jirriżulta wkoll li l-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel talab lill-awtoritajiet lokali kompetenti sabiex jibagħtulu l-imsemmija elenki sal-20 ta’ Ġunju 2005. Madankollu, mill-bqija tar-rapport, fejn jintqal li l-imsemmija elenki kienu saru aċċessibbli, ma jirriżultax b’mod ċar jekk l-awtoritajiet lokali kompetenti wettqux dan l-obbligu jew le.
26 – Ara l-punt 8 tar-risposta tal-Gvern Grieg.
27 – Ara l-punt 8 tal-kontro-replika tal-Gvern Grieg.
28 – F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja, bil-għan li tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu li jirriżulta mid-dritt Komunitarju fid-dawl ta’ prattika amministrattiva fi Stat Membru partikolari, tibbaża ruħha fuq elementi konkreti ħafna sabiex tistabbilixxi kemm huma l-każiijiet li fihom inkisru r-regoli tad-dritt Komunitarju fil-prattika; ara, pereżempju, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja (C‑502/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 8), u tad-29 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑423/05, Ġabra p. I‑47, punt 12).
29 – Ara f’dan is-sens is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 42, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 28 u tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 50, kif ukoll is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 29 u Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 21.
30 – Ara l-punt 7 tar-risposta.
31 – Ara l-punt 43 tar-rikors.
32 – Huwa minnu li s-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 jipprevedi l-obbligu li jkunu kkontrollati l-mezzi ta’ trasport u l-annimali waqt it-trasport bit-triq, iżda l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ dan il-motiv tar-rikors, tirreferi esklużivament għas-subparagrafi (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva msemmija. Ara l-punt 49 tar-rikors tal-Kummissjoni.
33 – L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/628 jistabbilixxi wkoll li d-destinazzjoni u l-użu tal-karkassi ta’ dawn l-annimali huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 64/433/KEE (Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1964, fuq problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ ġewwa l-Kommunità ta’ prodotti tal-laħam (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 34). It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) jistabbilixxi wkoll li kull dispożizzjoni adottata skont it-tieni subparagrafu tiegħu għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità kompetenti permezz tan-netwerk ANIMO skont metodi, inklużi dawk finanzjarji, li għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17 tal-imsemmija Direttiva 91/628.
34 – Fir-rikors, il-Kummissjoni ma tagħmilx referenza espliċita għal dan il-punt tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004, madankollu, insemmi l-kontenut tiegħu peress li huwa rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv tar-rikors.
35 – Pereżempju l-fatt li fid-dipartiment ta’ Larissa, numru kbir ta’ pjanti tar-rotta kienu jindikaw vjaġġi twal wisq, jew il-fatt li fid-dipartiment ta’ Fthiotida, il-pjanti tar-rotta kellhom ċerta informazzjoni relevanti nieqsa.
36 – Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-punt 5.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004, li minnu jirriżulta li f’wieħed biss mill-erba’ dipartimenti eżaminati kien sar kontroll tal-pjanti tar-rotta, jiġifieri fid-dipartiment ta’ Fthiotida. Madankollu, mill-imsemmi punt tar-rapport ma jirriżultax dak li sostniet il-Kummissjoni, iżda pjuttost li fid-dipartiment ta’ Fthiotida ġew ivverifikati d-dikjarazzjonijiet maħlufa magħmula mit-trasportaturi b’referenza għar-rotta abitwali tagħhom; madankollu, mill-punt imsemmi ma jirriżultax li dan kien l-uniku dipartiment fejn sar kontroll tal-pjanti tar-rotta.
37 – Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
38 – Dwar il-kwotazzjoni korretta tal-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
39 – [Din in-nota tirrigwarda biss il-verżjoni Slovena ta’ dawn il-konklużjonijiet].
40 – Ara f’dan ir-rigward, f’iktar dettal, il-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
41 – Dwar il-pożizzjoni fid-dottrina, b’referenza għaż-żmien massimu tat-trasport tal-annimali, M. Radford, “Animal passions, animal welfare and European policy making”, fi P. Craig u C. Harlow, Lawmaking in the European Union, Kluwer Law International, Londra, 1998, p. 424, jenfasizza li l-pożizzjoni li ħadu l-Istati fuq din il-kwistjoni fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva 91/628 kienu differenti ħafna.
42 – Ara l-punt 2 tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628.
43 – Dwar id-dispożizzjonijiet preċiżi li jirregolaw il-kundizzjonijiet addizzjonali li għandhom jiġu osservati mill-vetturi, ara l-punt 3 tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628.
44 – Ara l-punt 4(b) u (ċ) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628.
45 – Ara l-punt 4(d) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628.
46 – Fil-prattika għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li xi kultant huwa diffiċli li jkun assigurat il-mistrieħ meta jkun ser jiskadi ż-żmien massimu ta’ trasport permess għall-ispeċi partikolari tal-annimali; jekk pereżempju t-trasport bil-baħar tal-ħnieżer idum 23 siegħa u l-ħatt idum nofs siegħa, għandu jiġi assigurat mistrieħ għall-annimali fil-viċinanza immedjata tal-port. Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, ZVK (C‑300/05, Ġabra p. I‑11169), it-trasport jinkludi t-tagħbija u l-ħatt tal-annimali; b’dan il-mod, iż-żmien komplessiv tat-trasport jitwal iktar.
47 – Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Interboves (C‑277/06, Ġabra p. I‑7433).
48 – Ara s-sentenza Interboves, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 30. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi, ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 2008 fis-sentenza Interboves (C‑277/06, Ġabra p. I‑7433, punt 33), li minnhom jirriżulta li matul it-trasport bil-baħar il-perjodu ta’ mistrieħ ta’ siegħa ma jagħmilx sens.
49 – Ara s-sentenza Interboves, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 32.
50 – Dawn huma s-segwenti deċiżjonijiet għall-applikazzjoni ta’ pieni: 17 ta’ Marzu 2006, Nru 1537; 19 ta’ April 2007, Nru 2324; 24 ta’ Settembru 2007, Nru 5505; 23 ta’ Awwissu 2006, Nru 1556; 8 ta’ Jannar 2007, Nru 16 u 2 ta’ Ottubru 2006, Nru 2961. Id-dokumenti li jikkonfermaw il-bidu tal-proċeduri ta’ assistenza reċiproka ma’ Stati Membri oħra huma s-segwenti: 25 ta’ Settembru 2006, Nru 308252; 14 ta’ Novembru 2006, Nru 308313; 7 ta’ Marzu 2007, Nru 261133; 12 ta’ Ġunju 2007, Nru 304840; 24 ta’ Lulju 2007, Nru 304908 u 25 ta’ Ġunju 2007, Nru 304856.
51 – L-Artikolu msemmi jistabbilixxi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu dan il-kontroll fl-osservanza tal-prinċipji u tar-regoli dwar il-kontroll stabbiliti mid-Direttiva 90/425/KEE [Direttiva tal-Kunsill 90/425/KE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 10, p. 138)].
52 – L-Artikolu 27(1) jistabbilixxi wkoll li dawn il-perċentwali jiġu stabbiliti skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 31(2) tal-istess regolament.
53 – L-ekwivalenti tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 seta’ kien l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2005, iżda l-Kummissjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għalih.
54 – Mill-punt 5.5 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 7273/2004 ma jirriżultax liema huma dawn il-miżuri.
55 – Ara l-punt 16 tar-risposta tal-Gvern Grieg.
56 – Ara l-punt 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
57 – Dwar l-infondatezza tal-parti tal-motiv tar-rikors li tirreferi għan-nuqqas tar-Repubblika Ellenika li twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628, ara l-paragrafu 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet; dwar l-infondatezza tal-parti tal-motiv tar-rikors li tirreferi għan-nuqqas tar-Repubblika Ellenika li twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mis-subparagrafu (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628, ara il-punt 84 minflok.
58 – F’dan ir-rigward, inżid li ma jistax jiġi aċċettat l-argument tal-Gvern Grieg li jgħid li sabiex ikun hemm ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628, jeħtieġ li jiġi ppruvat li kien hemm nuqqas totali ta’ kontrolli fuq il-mezzi tat-trasport u fuq l-annimali, u li jgħid li l-awtoritajiet kompetenti għandhom diskrezzjoni totali sabiex jistabbilixxu l-metodi u l-post fejn isiru l-istess kontrolli. It-tipi ta’ kontrolli kkunsidrati fis-subparagrafi (a) sa (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 huma ta’ natura kumulattiva u mhux alternattiva, u għalhekk, bil-verifika ta’ tip partikolari, l-Istati Membri ma jkunux wettqu l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628.
59 – Ara D. B. Wilkins, Animal Welfare in Europe. European Legislation and Concerns, Kluwer Law International, Londra, L-Aja, Boston, 1997, p. 3 u 4.
60 – Il-każijiet indikati huma: 1) piena amministrativa ta’ EUR 2 935 għall-ksur tad-Direttiva 91/628, li ġiet imposta fis-17 ta’ Marzu 2006 fid-dipartiment ta’ Acaia għal tagħbija żejda fuq vettura u għal nuqqas ta’ spazju suffiċjenti sabiex jippermetti li l-annimali joqgħodu fil-pożizzjoni naturali tagħhom; u 2) piena amministrattiva ta’ EUR 1 000 għall-ksur tad-Diretttiva 91/628 li ġiet imposta fit-23 ta’ Awwissu 2006 minħabba sistema inadegwata għat-tisqija tal-annimali bovini u minħabba impjant difettuż għat-tisqija tal-ovini.
61 – Ara f’dan is-sens is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑384/97, Ġabra p. I‑3823, punt 35); tal-10 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑152/98, Ġabra p. I‑3463, punt 21); tas-17 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑423/00, Ġabra p. I‑593, punt 14); tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑350/02, Ġabra p. I‑6213, punt 31); tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑254/05, Ġabra p. I‑4269, punt 39); tas-17 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑152/05, Ġabra. p. I‑39, punt 15), u tal-10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑265/06, Ġabra p. I‑2245, punt 25.
62 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
63 – Waqt is-seduta, ir-Repubblika Ellenika sostniet li fir-realtà, il-ksur ġie kkonstatat qabel ma skada t-terminu għat-twettiq tal-obbligi stabbilit mill-opinjoni motivata, iżda ma pproduċiet l-ebda prova insostenn ta’ din it-teżi, u għalhekk, fil-fehma tiegħi, din it-teżi ma tistax tintlaqa’.
64 – Il-Gvern Grieg jirreferi għad-deċiżjonijiet fejn ġew imposti pieni kif indikati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
65 – Dan l-Artikolu jipprovdi wkoll li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll bid-dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26, sal-5 ta’ Lulju 2006, u għandhom jinnotifikawha wkoll bla dewmien b’kull emenda sussegwenti relatata magħhom.
66 – Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li l-imsemmija projbizzjoni hija possibbli biss jekk ikunu ġew eżawriti l-possibilitajiet kollha offruti mill-assistenza reċiproka u mill-iskambju ta’ informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 24 tal-istess regolament. Dan l-aħħar Artikolu jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li għall-iskopijiet ta’ dan ir-regolament għandhom japplikaw ir-regoli u l-proċeduri ta’ informazzjoni stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill, 89/608/KEE [(Id-Direttiva tal-Kunsill, 89/608/KEE, tal-21 ta’ Novembru 1989, dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji u żootekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 135)]; imbagħad, fit-tieni paragrafu jipprovdi li kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni d-dettalji ta’ punt ta’ kuntatt għall-iskopijet tar-regolament, inkluż, fejn ikun disponibbli, indirizz elettroniku, fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, kif ukoll kull aġġornament ta’ tali dettalji. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dettalji dwar il-punt ta’ kuntatt lill-Istati Membri l-oħra fi ħdan il- Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimal.
67 – Għall-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport hija prevista piena fil-forma ta’ multa li tvarja bejn EUR 3 000 sa EUR 15 000, kif ukoll is-sospensjoni jew ir-revoka tal-awtorizzazzjoni tat-trasportatur; min-naħa l-oħra, f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir hija prevista piena fil-forma ta’ multa li tvarja bejn EUR 1 500 sa EUR 3 000.
68 – L-imsemmija irregolaritajiet kienu jinkludu, pereżempju, tagħbija ta’ 2 345 ħanżir mill-Olanda, li mal-wasla tagħhom 184 annimal kienu mejtin, filwaqt li 150 kienu fi stat ħażin. L-awtoritajiet kompetenti lokali infurmaw b’dan lill-Ministeru Grieg għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel, li min-naħa tiegħu informa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Olanda u lill-Kummissjoni.
69 – F’dan ir-rigward, mill-punt 5.4.3 tar-rapport dwar il-missjoni Nru 8042/2006 ma jirriżultax liema tip ta’ pieni huma involuti.
70 – L-informazzjoni hija meħudha mir-rapport dwar il-proposta ta’ Regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qtil COM/2008/0553 def., p. 3.
71 – Ara l-punt 1(A) tal-Anness C tad-Direttiva 93/119.
72 – Pereżempju D. B. Wilkins, Animal Welfare in Europe. European Legislation and Concerns, Kluwer Law International, Londra, L-Aja, Boston, 1997, p. 7, li jafferma li abbażi ta’ studji fuq il-metodi ta’ sturdament hemm iktar għarfien, pereżempju, dwar il-kwantità ta’ elettronarkożi meħtieġa sabiex l-annimali jitilfu s-sensi, dwar il-ħoqlien ta’ pistoli tal-bolt li jaqbad u dwar l-użu tad-dijossidu tal-karbonju għall-isturdament tal-ħnieżer.
73 – Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qtil COM/2008/0533 def., p. 3.
74 – Aktar fid-dettal, fl-imsemmija biċċerija kienu nieqsa d-dispożitivi għaż-żamma tal-annimali waqt l-isturdament, il-moniters li juru l-vultaġġ jew il-kurrent elettriku u t-tagħmir ta’ riżerva għall-isturdament, filwaqt li l-pinzetti għax-xokkijiet elettriċi ma kinux imnaddfa b’mod adegwat.
75 – Fost dawn l-irregolaritajiet kien hemm l-ineffettività fl-isturdament tal-bovini, manutenzjoni u tindif inadegwat tat-tagħmir għaż-żamma tal-annimal, manutenzjoni inadegwata tat-tagħmir għall-isturdament tal-annimali ta’ kull speċi, funzjonament ħażin tal-pistola tal-bolt li jaqbad u n-nuqqas ta’ funzjonament tal-impjant elettriku għall-isturdament tal-annimali ovini, kif ukoll in-nuqqas ta’ tagħmir ta’ riżerva għall-isturdament.
76 – F’waħda mit-tliet biċċeriji li saritilhom żjara fid-dipartiment ta’ Serres, l-ispazju għall-annimali morda kien inadegwat, u fih kien hemm ftuħ li jagħti għal fuq il-kanal; barra minn hekk, l-impjanti biex l-annimali jingħataw jixorbu ma kinux qed jaħdmu. Fit-tieni biċċerija, it-tagħmir għall-isturdament tar-ruminanti żgħar kien inadegwat. F’biċċerija tat-tjur instab tagħmir brutali u inadegwat għall-immobilizzazzjoni tat-tjur, filwaqt li l-ilma fil-vaska għall-isturdament tat-tjur kien qed ifur minnha. Fil-fażi tal-isturdament, l-intensità tal-kurrent elettriku kienet baxxa wisq, u għalhekk it-tjur ma kinux qed jiġu storditi b’mod adegwat.
77 – F’żewġ biċċeriji li saritilhom żjara fid-dipartiment ta’ Thesprotia, l-ispetturi tal-UAV sabu impjant għall-isturdament inadegwat, nuqqas ta’ tagħmir ta’ riżerva għall-isturdament, manutenzjoni ħażina tal-ispazju għall-mistrieħ tal-annimali, u n-nuqqas ta’ impjanti sabiex l-annimali jingħataw jixorbu. F’waħda mill-biċċeriji, it-tbiċċir kien irreġistrat iktar tard minn meta jkun sar effettivament, u dan għaliex fid-data li fiha effettivament ikun sar, it-tbiċċir ma kienx awtorizzat.
78 – Fid-dipartiment ta’ Messinia, l-ispetturi tal-UAV sabu li kien hemm ħinijiet twal wisq bejn l-isturdament u t-tbiċċir, kif ukoll nuqqas ta’ tagħmir ta’ riżerva għall-isturdament.
79 – Fid-dipartiment ta’ Laconia, l-ispetturi tal-UAV sabu li f’biċċerija li kienet għadha kif inbniet, kien hemm ħinijiet twal wisq bejn l-isturdament u t-tbiċċir tal-ħnieżer, manutenzjoni inadegwata tal-pistola tal-bolt li jaqbad, u l-indikatur tal-vultaġġ għall-isturdament bl-elettriku tal-annimali ma kienx qed jaħdem.
80 – Fid-dipartiment ta’ Ilia ġie kkonstatat li f’biċċerija minnhom, l-intervall bejn l-isturdament u l-fsid kien eċċessiv, u li l-moniter li jkejjel il-kurrent elettriku kien qed juri informazzjoni żbaljata.
81 – Tali obbligi ta’ kooperazjoni jistgħu l-iktar jirriżultaw mill-Artikolu 14(3) tal-istess direttiva, li jipprovdi li l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jsir kontroll għandu jagħti l-assistenza kollha neċessarja lill-esperti fit-twettiq ta’ xogħolhom. Madankollu, peress li l-Kummissjoni ma tikkonstatax li kien hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 93/119, mhuwiex possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni din ir-regola fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motivi tar-rikors.
82 – Nixtieq nenfasizza wkoll li fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni fil-fatt tirreferi għal ksur tal-Artikolu 10 KE b’rabta man-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet Griegi, iżda fir-rikors ma tilmenta dwar l-ebda ksur ta’ dan l-artikolu. Konsegwentement, jista’ jiġi konkluż li l-Kummissjoni bniet il-bażi legali tar-rikors fuq dik tal-opinjoni motivata. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motivi tar-rikors, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 10 KE wkoll.
Full & Egal Universal Law Academy