KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fl-20 ta’ Novembru 2008 1(1)
Kawża C‑430/07
Exportslachterij J. Gosschalk & Zoon BV
vs
Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit
[talba għal Deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli – Laħam taċ-ċanga u tal-vitella – Finanzjament tal-ispejjeż għat-testijiet għad-dijanjosi tal-enċefalopatija sponġiformi bovina”
Introduzzjoni
1. B’din it-talba għal Deċiżjoni preliminari, ir-Raad van State (l-Pajjiżi l-Baxxi) qed tressaq domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom x’jaqsmu, minn naħa, mal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2777/2000, tat-18 ta’ Diċembru 2000, li jadotta miżuri ta’ għajnuna eċċezzjonali għas-suq taċ-ċanga u tal-vitella (2), kif ukoll mal-validità tal-Artikolu 2(2) tal-istess Regolament, u, min-naħa l-oħra, mal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 85/73/KEE, tad-29 ta’ Jannar 1985, fuq il-finanzjament tal-ispezzjonijiet tas-saħħa u l-kontrolli veterinarji tal-annimali msemmija fid-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE, 90/675/KEE u 91/496/KEE (3), kif emendata u kkonsolidata fid-Direttiva tal-Kunsill 96/43/KE tas-26 ta’ Ġunju 1996 (4).
2. Dawn id-domandi tressqu fil-kuntest ta’ kawża bejn Exportslachterij J. Gosschalk & Zoon BV (iktar ’il quddiem, “Gosschalk”) u l-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (il-Ministru Olandiż tal-Agrikultura, tal-Patrimonju Naturali u tal-Kwalità tal-Ikel) dwar il-legalità ta’ Deċiżjoni jiet ta’ rkupru ta’ kontribuzzjonijiet mitlubin biex isiru testijiet għall-enċefalopatija sponġiformi bovina (iktar ’il quddiem il-“ESB”) magħmulin bejn Mejju u Diċembru 2001 fl-azjenda ta’ Gosschalk.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
3. L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (5), jipprovdi kif ġej:
“It-Taqsima tal-Garanzija [tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija] għandha tiffinanzja:
[…]
b) l-intervent maħsub biex jistabilizza s-suq agrikolu;
[…]
d) il-kontribuz[z]joni finanzjarja Komunitarja għall-miżuri veterenarji speċifiċi, il-miżuri ta’ spezzjoni fil-qasam veterenarju u l-programmi għall-eradikazjoni u s-sorveljanza tal-mard ta’ l-annimali (miżuri veterenarji) kif ukoll miżuri dwar is-saħħa tal-pjanti;
[…]”.
4. Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1258/1999, “[l]-intervent maħsub biex jistabilizza is-swieq agrikoli, midħul għalih skond ir-regoli Komunitarji ġewwa l-qafas ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, għandu jkun iffinanzjat skond l-Artikolu 1(2)(b)”. Barra minn dan, skont l-Artikolu 3(2) tal-istess regolament, “[i]l-miżuri veterenarji u tas-saħħa tal-pjanti meħuda skond ir-regoli Komunitarji għandhom ikunu ffinanzjati skond l-Artikolu 1(2)(d)”.
5. L-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (6), jipprevedi dan li ġej:
“1. Meta tkun irreġistrata żieda sostanzjali jew tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq tal-Komunità u din is-sitwazzjoni aktarx li tkun sejra tkompli, b’tali mod li tfixkel jew thedded li tfixkel is-suq, il-miżuri meħtieġa jistgħu jittieħdu.
2. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43”.
6. L-Artikolu 45 tar-Regolament 1254/1999 japplika r-Regolament Nru 1258/1999 għall-prodotti rregolati mill-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, kif ukoll id-dispożizzjonijiet adottati għall-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament.
7. L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 89/662/KEE, tal-11 ta’ Diċembru 1989, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (7), jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet veterinarji li jridu jitwettqu fuq prodotti ta’ oriġini tal-annimali li huma maħsuba għall-kummerċ, li fosthom hemm il-laħam taċ-ċanga u tal-vitella frisk, m’għandhomx jitwettqu iżjed fil-fruntieri imma għandhom jitwettqu b’mod konformi ma’ din id-direttiva.
8. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/662 jistabbilixxi dan li ġej:
“1. Kull Stat Membru għandu minnufih jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull tifqigħa fit-territorju tiegħu, minbarra kull tifqigħa ta’ mard li għalih saret referenza fid-Direttiva 82/894/KEE, ta’ kull żoonożi, mard jew kawża oħra li aktarx tikkawża kull periklu serju lill-annimali jew lis-saħħa tal-bniedem.
L-Istati Membri ta’ l-oriġini għandhom minnufih jimplmenaw il-kontroll jew miżuri prekawzjonali provduti fir-regoli tal-Komunità, b’mod partikolarment fl-iffissar ta’ żoni ta’ lqugħ ipprovduti f’dawn ir-regoli, jew jadottaw kull miżura oħra li jqisu xierqa.
L-Istat Membru tad-destinazzjoni jew ta’ vjaġġ li, waqt spezzjoni li għaliha saret referenza fl-Artikolu 5, ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ waħda mill-mardiet jew kawżi li għalihom saret referenza fl-ewwel subparagrafu jista’, jekk ikun meħtieġ, jieħu miżuri ta’ prekawzjoni kif previst fir-regoli tal-Komunità.
Sakemm isiru l-miżuri li jridu jittieħdu b’mod konformi ma’ paragrafu 4, l-Istati Membri tad-destinazzjoni jistgħu, fuq raġunijiet serji ta’ saħħa pubblika jew ta’ l-annimali, jieħdu miżuri ta’ ħarsien interim rigward l-istabbilimenti kkonċernati jew, fil-każ ta’ kull marda epiżootika, b’rigward għall-erja ta’ protezzjoni li hemm prevista fir-regoli tal-Komunità.
Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhom jiġu mgħarrfa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien.
[…]
4. Il-Kummissjoni għandha f’kull każ tirrevedi s-sitwazzjoni fil-Kumitat Veterinarju Imwaqqaf ma’ l-ewwel opportunità li jkollha. Għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għall-prodotti li għalihom saret referenza fl-Artikolu 1 u, jekk is-sitwazzjoni hekk tirrikjedi, għall-prodotti li joriġinaw jew prodotti derivattivi minn dawn il-prodotti b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17. Il-Kummissjoni għandha ssegwi s-sitwazzjoni u, bl-istess proċedura, għandha temenda jew tħassar id-Deċiżjoni jiet meħuda, skond kif tiżviluppa s-sitwazzjoni.
[…]”.
9. Bl-istess mod, id-Direttiva tal-Kunsill Nru 90/425/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (8), tistabbilixxi, b’referenza għal sensiela partikolari ta’ annimali ħajjin, fosthom dawk tal-ispeċi bovina, u ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali (b’mod divers mil-laħam frisk), it-tneħħija ta’ kontrolli veterinarji fil-fruntieri u regoli li magħhom għandhom jikkonformaw il-kontrolli veterinarji. L-Artikolu 10 ta’ dik id-direttiva fih dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għalkollox ma’ dawk tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/662.
10. Adottata abbażi tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 89/662 u tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 90/425, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/764/KE, tad-29 ta’ Novembru 2000, dwar l-iskrining tal-enċefalopatija sponġiformi bovina fuq l-annimali bovini u li emendat id-Deċiżjoni 98/272/KE dwar is-sorveljanza epidemjoloġika tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (9), approvat programm rivedut biex isiru testijiet fuq annimali bovini għad-dijanożi tal-ESB, biex jiġu estiżi t-testijiet li qabel kienu limitati għal xi gruppi ta’ annimali li kienu f’riskju, fl-ewwel fażi għall-annimali bovini kollha f’riskju ta’ età ikbar minn 30 xahar u fit-tieni fażi għall-animali bovini ta’ età ta’ iktar minn 30 xahar li ma kellhomx sintomi kliniċi u li jinqatlu għall-konsum mill-bniedem. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2000/764, fil-verżjoni li tirriżulta mid-Deċiżjoni 2001/8, jistabbilixxi dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li annimali bovini kollha ’l fuq minn 30 xahar:
– suġġetti għal “qatla speċjali ta’ emerġenza”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(n) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE [(10)], jew
– maqtulin skont l-Anness I, Kapitolu VI, punt 28 (c) tad-Direttiva 64/433/KEE
jgħaddu minn wieħed mit-testijiet rapidi approvati elenkati fl-Anness IV, Parti A tad-Deċiżjoni 98/272/KE li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2001.
[…]
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-annimali bovini kollha ta’ età ta’ iktar minn 30 xahar li jmutu waqt it-trobbija jew matul it-trasport, imma li ma nqatlux għall-konsum mill-bniedem, jiġu eżaminati skont l-Anness I, Parti A tad-Deċiżjoni 98/272/KE mill-1 ta’ Jannar 2001.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-annimali bovini kollha ta’ età ta’ iżjed minn 30 xahar suġġetti għall-qatla normali għall-konsum mill-bniedem jgħaddu minn wieħed mit-testijiet rapidi approvati li huma elenkati fl-Anness IV(a) tad-Deċiżjoni 98/272/KE li jibdew mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2001.[traduzzjoni mhux uffiċjali]
[…]”.
11. Adottat abbażi tal-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 1254/1999, ir-Regolament 2777/2000 li sar applikabbli, skont l-Artikolu 11 tiegħu, mill-1 ta’ Jannar 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2001, jistabbilixxi b’mod partikolari, dan li ġej:
“Artikolu 2
1. Il-laħam tal-annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar, li nqatlu fil-Komunità wara l-1 ta’ Jannar 2001, jista’ jiġi ddikjarat tajjeb għall-konsum mill-bniedem fil-Komunità jew għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi biss jekk qabel ikun għadda pożittivament minn test għall-[ESB] magħmul skont wieħed mill-metodi rikonoxxuti fl-Anness IV A tad-Deċiżjoni 98/272/KE tal-Kummissjoni.
2. Il-Komunità għandha tiffinanzja t-testijiet taħt il-paragrafu 1. Il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità hija ta’ 100 % tal-ispiża (VAT eskluża) tal-akkwist tal-materjal meħtieġ, inklużi r-reaġenti, sa massimu ta’ EUR 15 għal kull test, fir-rigward tat-testijiet magħmula fuq annimali bovini maqtula qabel id-dħul fis-seħħ tal-programm tat-testijiet obbligatorji stabbilit mill-Artikolu 1(3), tad-Deċiżjoni 2000/764/KE imma qabel l-1 ta’ Lulju 2001.
Huma esklużi mill-kofinanzjament it-testijiet li jsiru fuq:
– annimali taħt l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2000/764/KE,
– annimali li qegħdin fis-sistema ta’ akkwist taħt l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġu evitati ħlasijiet doppji mill-baġit tal-Komunità.
Artikolu 3
1. L-Istati Membri għandhom jakkwistaw, għall-qatla u l-qerda totali mingħajr ma jkun suġġett għal test kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), kull annimal ta’ età ikbar minn 30 xahar li joffrilhom kull produttur jew aġent tiegħu.
[…]
4. L-Istati Membri li jistgħu juru għas-sodisfazzjon tal-Kummissjoni li huma kapaċi biżżejjed sabiex jeżaminaw, b’mod konformi mal-Artikolu 2(1), il-kwantità normali ta’ annimali bovini ta’ iktar minn 30 xahar li ntbagħtu sabiex jiġu maqtula, jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni, skont il-proċedura tal-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999, biex iwaqqfu l-applikazzjoni tal-iskema tax-xiri preskritta fil-paragrafu 1, sakemm tittieħed Deċiżjoni fis-sens tal-paragrafu 3.
[…]
Artikolu 10
Il-miżuri li jittieħdu taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri ta’ intervent fit-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
[…]”.
12. B’applikazzjoni tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 2777/2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni Nru 2001/3/KE, tat-3 ta’ Jannar 2001, dwar miżuri speċifiċi għad-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella skont ir-Regolament (KE) Nru 2777/2000 (11), li permezz tagħha l-Pajjiżi l-Baxxi ġew awtorizzati jwaqqfu l-applikazzjoni tas-sistema ta’ akkwist previst fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament.
13. Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001, tat-22 ta’ Mejju 2001, li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (12), applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2001, iwaqqaf sistema ta’ sorveljanza bbażata, b’mod partikolari, fuq l-obbligu tal-Istati Membri, stabbilit fl-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-regolament, li jimplementaw programm annwali għas-sorveljanza, partikolarment, tal-ESB kif indikat fil-Kapitolu A tal-Anness III tal-istess Regolament. Minn dan il-programm, li għandu jiġi applikat b’mod partikolari għall-annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar suġġetti għall-qatla normali għall-finijiet tal-konsum mill-bniedem, tagħmel parti integrali proċedura ta’ screening li tistabbilixxi l-użu ta’ testijiet dijanjostiċi rapidi.
14. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (13), tistabbilixxi l-modalitajiet tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità, partikolarment, f’azzjonijiet ta’ kontroll fil-kamp veterinarju u f’programmi ta’ qerda u sorveljanza tal-mard tal-annimali. L-Artikolu 24(1) ta’ din id-Deċiżjoni jistabbilixxi miżuri finanzjarji tal-Komnunità għall-qerda u għas-sorveljanza tal-mard elenkat fl-Anness tad-Deċiżjoni u fosthom, ikklassifikata fost iż-“Żoonosijiet jew epiżutijiet mhux koperti x’imkien ieħor”, l-ESB. Skont l-Artikolu 24(3) u (4), din il-miżura tissarraf f’kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija għal kull każ individwali mibgħut mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni u approvat minnha. Barra minn hekk, l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni 90/424 jistabbilixxi li l-Komunità “għandha tikkontribwixxi sabiex titjieb l-effiċjenza ta’ l-ispezzjoni veterinarja” b’mod partikolari, billi tipparteċipa finanzjarjament fit-twettiq tal-kontrolli intiżi biex jipprevjenu ż-żoonosi. Din il-parteċipazzjoni, skont l-Artikoli 29 u 30 tal-istess deċiżjoni, tissarraf f’kontribuzzjoni finanzjarja li l-Istati Membri jistgħu jitolbu, sa mill-applikazzjoni ta’ regoli Komunitarji għall-kontroll taż-żoonosijiet, għal kull programm nazzjonali ta’ kontroll mibgħut lill-Kummissjoni u approvat minnha.
15. Adottata abbażi tad-Deċiżjoni 90/424, u b’mod partikolari tal-Artikolu 24 tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2000/773/KE, tat-30 ta’ Novembru 2000, li tapprova l-programmi għall-monitoraġġ tal-ESB ippreżentati għall-2001 mill-Istati Membri u li tiffissa r-rata tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità (14), żiedet il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lil dawn il-programmi li kien ġie stabbilit qabel, mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/639/KE tat-13 ta’ Ottubru 2000 (15). Fil-fatt, dawn il-programmi li kellhom jiġu ppreżentati sal-1 ta’ Ġunju 2000, ma setgħux jikkunsidraw l-obbligi inerenti fil-programm rivedut għall-eżekuzzjoni ta’ testijiet rapidi għad-dijanjosi tal-ESB (iktar ’il quddiem, it-“testijiet rapidi tal-ESB”) adottat mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Diċembru ta’ wara bid-Deċiżjoni 2000/764. Għalhekk, l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni 2000/773 jistabbilixxi li “[b]arra mill-miżuri stabbiliti mill-programmi approvati […], il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità tingħata wkoll għat-testijiet eżegwiti skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764/KE bil-kundizzjoni li l-Istati Membri li jagħmlu t-talba jippreżentaw programm emendat lill-Kummissjoni mhux iktar tard mill-15 ta’ Ġunju 2001 [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
16. Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2001/499/KE tat-3 ta’ Lulju 2001 li temenda d-Deċiżjonijiet 2000/639/KE u2000/773/KE dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-programmi ta’ sorveljanza tal-ESB ppreżentati mill-Istati Membri għall-2001 (16), anki din adottata abbażi tad-Deċiżjoni 90/424, b’mod partikolari tal-Artikolu 24 tagħha, kien hemm reviżjoni ulterjuri tal-ammont massimu tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità għal kull programm, fil-kuntest tal-programm estiż ta’ sorveljanza tal-ESB introdott mir-Regolament Nru 999/2001.
17. L-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni 2000/773, kif issostitwit mid-Deċiżjoni 2001/499 jistabbilixxi li “[i]l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità favur programmi approvati tkopri:
– il-100 % (VAT eskluża) tal-ispejjeż għax-xiri tal-kits tat-testijiet u tar-reaġenti, sal-ammont massimu ta’ EUR 30 għal kull test, għat-testijiet magħmula bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju 2001 fuq l-annimali msemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2000/764/KE tal-Kummissjoni,
– […],
– il-100 % (VAT eskluża) tal-ispejjeż ta’ xiri tal-kits tat-testijiet u tar-reaġenti, sal-ammont massimu ta’ EUR 15 għal kull test, għat-testijiet magħmula bejn l-1 ta’ Lulju u l-31 ta’ Diċembru 2001 fuq l-annimali msemmija fl-Anness III, Kapitolu A, Parti I, punti 2.2, 4.2 u 4.3 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001”, il-punt 2.2 iktar ’il fuq dwar “l-annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar suġġetti għall-qtil normali għall-konsum mill-bniedem” (17).
18. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-programm ta’ sorveljanza tal-ESB tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2001, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2001/499, jammonta għal massimu ta’ EUR 5 245 000.
19. Fl-aħħar, id-Direttiva 85/73 (18), kif emendata u kkonsolidata bid-Direttiva 96/43 (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 85/73”) tistabbilixxi regoli armonizzati ta’ finanzjament tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli veterinarji tal-annimali msemmija, fost l-oħrajn, fid-Direttiva 89/662 u 90/425 biex jipprekludu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw mill-ġbir min-naħa tal-Istati Membri tal-kontribuzzjonijiet iffinanzjati f’diversi forom.
20. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/73 jiddisponi li l-Istati Membri “għandhom jassiguraw, skond l-arranġamenti stabbiliti fl-Anness A, li l-miżata Komunitarja tkun miġbura sabiex tkopri l-ispejjeż okkażjonati mill-ispezzjonijiet tal-, u l-kontrolli fuq il-prodotti elenkati f’dak l-Anness […]” li fosthom hemm laħam frisk tal-ċanga u l-vitella li huwa s-suġġett tad-Direttiva 64/433.
21. Barra minn hekk, id-Direttiva 85/73 tistabbilixxi b’mod partikolari wkoll dan li ġej:
“Artikolu 4
1. Matul l-adozzjoni tad-disposizzjonijiet li jirregolaw il-miżati Komunitarji, l-Istati Membri għandhom jassiguraw il-finanzjament ta’ l-ispezzjonijiet u l-kontrolli mhux koperti mill-Artikoli 1, 2 u 3.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jitolbu miżati nazzjonali bi qbil mal-prinċipji adottati għall-miżati Komunitarji.
Artikolu 5
1. Il-miżati Komunitarji għandhom jiġu ffissati f’livell li jkopri l-ispejjeż sostenuti mill-awtorità kompetenti fir-rigward ta’:
– l-ispejjeż tas-salarji u l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali involuti fis-servizz ta’ l-ispezzjoni;
– l-ispejjeż amministrattivi li jkunu ntefqu fit-twettiq tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet, li jistgħu jinkludu n-nefqa li hemm bżonn għat-taħriġ matul is-servizz ta’ l-ispetturi għall-kontrolli u l-ispezzjonijiet li ssir referenza dwarhom fl-Artikoli 1, 2 u 3.
[…]
3. L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jitolbu ammont li jeċċedi l-livelli tal-miżati Komunitarji bil-kondizzjoni li l-miżati totali mitluba minn kull Stat Membru ma jeċċedux l-ispiża reali ta’ l-ispezzjoni.
4. Mingħajr preġudizzju għall-għażla ta’ l-awtorità awtorizzata sabiex titlob il-miżati Komunitarji, il-miżati Komunitarji għandhom jissostitwixxu t-tariffi l-oħra kollha ta’ l-ispezzjonijiet sanitarji jew il-miżati mitluba mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, jew lokali ta’ l-Istati Membri għall-ispezzjonijiet u l-kontrolli li ssir referenza dwarhom fl-Artikoli 1, 2 u 3 u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom.
Din id-Direttiva m’għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli jitolbu miżati għall-ġlieda kkontra l-mard epiż[o]tiċi u enż[o]tiċi.”
Id-dritt nazzjonali
22. Fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-obbligu li jitqiegħdu għat-testijiet rapidi tal-ESB l-annimali bovini kollha ta’ età ikbar minn 30 xahar miġjuba għall-qatla għall-għanijiet tal-konsum mill-bniedem, kif stabbilit fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764, iddaħħal, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2001, bl-Artikolu 14b(1) tal-Onderzoekingsregulatief 1994 (regolament tal-1994 dwar l-iskrining) tal-Minister van Welzijn, Volksgezondheid en Cultuur (Ministru Olandiż tal-Welfare, tas-Saħħa u tal-Kultura) (19), kif emendat mill-Wijziging Onderzoekingsregulatief 1994 (regolament li jemenda r-regolament tal-1994 dwar l-iskrining) tal-Minister van Volksgezondheid, Welzijn en Sport (Ministru Olandiż tas-Saħħa, tal-Welfare u tal-Isport) tal-15 Diċembru 2000 (20). Fil-motivazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament hemm referenza għad-Deċiżjoni 2000/764, li huwa maħsub jimplementa, u huwa enfasizzat li l-Pajjiżi l-Baxxi ddeċidew li jantiċipaw għall-1 ta’ Jannar 2001 l-obbligu, li d-deċiżjoni msemmija tippreskrivi biss mill-1 ta’ Lulju 2001, li jitqiegħdu għat-testijiet rapidi tal-ESB anki l-annimali bovini li m’għandhomx sintomi kliniċi jew li mhumiex issuspettati li għandhom il-marda. Dik l-antiċipazzjoni kienet intiża speċifikament sabiex tippermetti lill-Pajjiżi l-Baxxi jevitaw is-sistema ta’ xiri tal-annimali bovini stabbilita bir-Regolament Nru 2777/2000. Skont dak li ddikjara l-Gvern Olandiż fil-kors ta’ din il-proċedura, ir-regoli msemmija iktar ’il fuq jirrigwardaw biss laħam maħsub għall-kummerċ nazzjonali.
23. Barra minn hekk, l-Artikolu 2bis (1)(y) tar-Regeling uitvoer vers vlees en vleesbereidingen 1985 (regolament tal-1985 dwar l-esportazzjoni ta’ laħam frisk u ta’ preparazzjonijiet ibbażati fuq il-laħam; iktar ’il quddiem, ir-“Regolament fuq l-esportazzjoni”) tal-Minister van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij (Ministru Olandiż tal-Agrikoltura, tal-Patrimonju naturali u tas-Sajd) (21), miżjuda mill-Wijziging Regeling uitvoer vers vlees en vleesbereidingen 1985 (regolament li jemenda r-regolament tal-1985 dwar l-esportazzjoni ta’ laħam frisk u ta’ preparazzjonijiet ibbażati fuq il-laħam) tal-istess Ministru tal-21 ta’ Diċembru 2000 (22), ipprojbixxa, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2001, l-esportazzjoni tal-laħam ta’ annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar li ma kinux suġġetti għal wieħed mit-testijiet rapidi stabbiliti fl-Anness IV A tad-Deċiżjoni 98/272 jew li rriżultaw pożittivi f’wieħed minn dawk it-testijiet. Fil-motivazzjoni ta’ dan it-tieni Regolament issir referenza għad-Deċiżjoni 2000/764, b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tagħha, fejn jiġi indikat li l-emenda leġiżlattiva li ddaħħlet minn dan ir-Regolament hija intiża sabiex timponi l-obbligu li dawk l-annimali bovini jkunu suġġetti għal dawk it-testijiet f’biċċeriji li l-produzzjoni tagħhom hija maħsuba għall-esportazzjoni u jidher ukoll li, billi għandha l-kapaċità meħtieġa biex tagħmel dawk it-testijiet, is-sistema ta’ xiri imsemmija iktar ’il fuq ma tapplikax għall-Pajjiżi l-Baxxi.
24. Bis-saħħa tar-Regeling tarieven keuring vlees en vleesprodukten 1993 (regolament tal-1993 fuq it-tariffi għall-ispezzjonijiet fuq il-laħam u l-prodotti bbażati fuq il-laħam; iktar ’il quddiem, ir-“Regolament tariffarju”) (23), l-ispiża tat-test rapidu tal-ESB baqgħet, sal-31 ta’ Marzu 2001, sostnuta għalkollox mill-awtoritajiet nazzjonali, ħlief għall-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-finanzjament tal-kits dijanjostiċi u tar-reaġenti bil-prezz ta’ EUR 15 għal kull test. Iżda b’effett mill-1 ta’ April 2001, bis-saħħa tal-Artikolu 3b tar-Regolament tariffarju, kif emendat bir-regolamenti interministerjali tat-30 ta’ Marzu 2001 (24) u tal-1 ta’ Novembru 2001 (25), għall-eżekuzzjoni tat-testijiet imsemmija iktar ’il fuq, fuq annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar, l-operaturi kellhom iħallsu miżata ta’ NLG 70 (EUR 31.76) għal kull annimal. Mill-1 ta’ Jannar 2002 il-prezz tal-istess testijiet, fil-medja NGL 198.35 (EUR 90) skont dak iddikjarat mill-Gvern Olandiż, ġie ttrasferit għalkollox fuq l-operaturi.
Il-kawża nazzjonali u d-domandi preliminari
25. Bid-deċiżjonijiet tat-22 ta’ Frar 2002, tat-8 ta’ Marzu 2002 u tad-19 ta’ April 2002, il-Minister van Landbouw, Natuurbeheer en Visserj (Ministru Olandiż tal-Agrikultura, tal-Patrimonju Naturali u tas-Sajd) iddebita lil Gosschalk ammont totali ta’ EUR 1 681 279,12 għal testijiet rapidi tal-ESB imwettqa fuq annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar li kienu fl-impriża agrikola tagħha mill-Rijksdienst voor de Keuring van Vee en Vlees (dipartiment nazzjonali ta’ ispezzjoni tal-bhejjem u tal-laħam) fil-perijodu bejn Mejju u Diċembru 2001, bil-prezz ta’ EUR 31.76 għal kull test.
26. Wara li ġew ikkonfermati wara appell amministrattiv, dawn id-deċiżjonijiet ġew ikkontestati quddiem il-qorti amministrattiva nazzjonali kompetenti minn Gosschalk, li sostniet, essenzjalment, li l-Ministru konvenut ma setax jgħaddilha lanqas parzjalment l-ispejjeż sostnuti għat-testijiet rapidi tal-ESB permezz tal-impożizzjoni ta’ miżata, billi skont id-dritt Komunitarju dawn l-ispejjeż għandhom jiġu ddebitati lill-finanzi pubbliċi.
27. Fil-kuntest tal-kawża li nqalgħet minn dan, li kellha diversi fażijiet, ir-Raad van State, b’deċiżjoni ppreżentata fis-17 ta’ Settembru 2007, iddeċidiet li kien meħtieġ li tressaq dawn id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) It-testijiet tal-ESB li kienu obbligatorji b’effett mill-1 ta’ Jannar 2001 bis-saħħa tar-[Regolament fuq l-esportazzjoni], li implementa l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764/KE […], jikkostitwixxu testijiet fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2777/2000 […]?
2) Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2777/2000 għandu jiġi kkunsidrat bħala intervent intiż biex jistabbilizza s-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella (appoġġ favur is-suq) fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1258/1999 […], jew inkella bħala miżura speċifika ta’ natura veterinarja, skont l-ittra (d) ta’ dik id-dispożizzjoni jew it-tnejn?
3) Jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi (ukoll) miżura ta’ għajnuna favur is-suq, għandu jiġi konkluż, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-239/01) [(26)], li t-testijiet magħmula kellhom ikunu ffinanzjati esklużivament mill-Komunità u li, għalhekk, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000, safejn dan jipprovdi li l-Komunità tiffinanzja biss parti mill-ispejjeż tat-testijiet tal-ESB, huwa invalidu għaliex imur kontra r-Regolament Nru 1254/1999?
4) Jekk l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000 huwa validu, l-imsemmi Regolament jipprekludi lill-Istati Membri milli jgħaddu għal fuq l-operaturi ekonomiċi l-ispejjeż tat-testijiet tal-ESB imwettqa?
5) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 85/73/KEE […] kif emendata u kkonsolidata bid-Direttiva 96/43/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tipprekludix lil Stat Membru milli jitlob miżata minħabba l-ispejjeż sostnuti sabiex jitwettqu t-testijiet tal-ESB? Jekk iva, x’rekwiżiti għandha tissodisfa miżata għat-testijiet tal-ESB?”
Il-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi
28. L-ewwel erba’ domandi preliminari għandhom x’jaqsmu mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2777/2000, li kien applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2001. Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju stess li tispeċifika li huma rilevanti biss fir-rigward tat-testijiet tal-ESB imwettqa għand Gosschalk fix-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2001 u mhux ukoll għal dawk li saru fit-tieni semestru tal-istess sena. Iżda l-ħames domanda hija rilevanti għat-testijiet kollha tal-ESB fil-kawża nazzjonali.
Fuq l-ewwel tliet domandi preliminari
Premessa
29. Kif inhu magħruf, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija l-qorti tar-rinviju, li quddiemha jkollha l-kawża prinċipali, li għandha tapplika fil-każ partikolari r-regoli tad-dritt Komunitarju rilevanti, filwaqt li l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa dak li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-istess regoli u fuq il-validità tagħhom.
30. L-ewwel domanda preliminari magħmula mir-Raad van State għandha b’hekk tinftiehem bħala intiża biex tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja spjegazzjonijiet dwar il-kunċett tat-test tal-ESB fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2777/2000, biex din il-qorti nazzjonali tkun tista’ tevalwa jekk it-testijiet tal-ESB imwettqa f’Mejju u f’Ġunju 2001, bis-saħħa tar-regolament fuq l-esportazzjoni, fuq l-annimali bovini ta’ Gosschalk ta’ età ikbar minn 30 xahar intiżi għall-qatla normali jidħlux jew le taħt dak il-kunċett.
31. Bit-tieni domanda preliminari, ir-Raad van State tistaqsi jekk ir-regola fuq imsemmija, b’mod partikolari l-kundizzjoni tat-twettiq ta’ test tal-ESB li hija tagħmel biex jiddaħħal il-laħam fis-suq, tikkostitwixxix intervent ta’ appoġġ favur is-suq skont l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1258/1999 jew miżura speċifika ta’ natura veterinarja skont l-Artikolu 1(2)(d) ta’ dan tal-aħħar jew it-tnejn fl-istess ħin.
32. Bl-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari qed jiġi mistoqsi, fil-każ li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2777/2000 jikkostitwixxi (ukoll) intervent ta’ appoġġ favur is-suq, jekk it-testijiet fiha msemmija għandhomx jiġu ffinanzjati esklużivament mill-Komunità.
33. Dawn id-domandi qed isiru biex tiġi vverifikata l-korrettezza tal-interpretazzjoni ipotizzata fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2777/2000, safejn jissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni għall-konsum mill-bniedem ta’ laħmijiet ta’ annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar għal riżultat negattiv ta’ test rapidu tal-ESB, bl-għan li l-konsumaturi jerġgħu jiksbu l-fiduċja fil-laħam bovin, jikkostitwixxi intervent ta’ appoġġ favur is-suq bħas-sistema ta’ xiri taħt l-Artikolu 3(1) tal-istess Regolament Nru 2777/2000, u b’hekk l-ispiża biex isir dan it-test għandha, b’differenza tal-miżuri veterinarji, tiġi ffinanzjata esklużivament mill-Komunità b’ħarsien tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1254/1999 u 1258/1999.
34. Fil-fatt, f’din il-kawża huwa aċċettat, u jirriżulta mis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (27) li saret referenza għaliha fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-interventi ta’ appoġġ favur is-suq magħmula bis-saħħa tar-regoli Komunitarji fil-kuntest tal-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq agrikoli huma, skont l-Artikolu 1(2)(b) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1258/1999 iffinanzjati għalkollox mill-Komunità, iżda għall-ispejjeż inerenti fil-miżuri veterinarji u tas-saħħa tal-pjanti magħmula skont ir-regoli Komunitarji l-Komunità tagħti biss, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2)(d) u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1258/1999, kontribuzzjoni finanzjarja.
35. Bit-tieni parti tat-tielet domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi fuq il-validità, fir-rigward tar-Regolament Nru 1254/1999, tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000 fil-parti fejn tistabbilixxi finanzjament parzjali biss tal-ispejjeż tat-testijiet tal-ESB min-naħa tal-Komunità.
Id-dispożizzjonijiet adottati mill-Komunità fix-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2000
36. L-intervent Komunitarju fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-ESB, li żviluppa progressivament matul is-snin disgħin, intensifika ħafna fl-aħħar tas-sena 2000, minn naħa bil-perfezzjonament tat-testijiet għad-dijanjosi tal-ESB u, min-naħa l-oħra, bit-tixrid f’numru ta’ pajjiżi tal-Komunità ta’ każijiet ġodda ta’ ESB u, għad-dannu tal-bnedmin, ta’ varjanti ġdida tal-marda ta’ Creutzfeld-Jakob marbuta mal-ESB, u l-kollass konsegwenti tal-fiduċja tal-konsumaturi fis-sigurtà tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella. Ġie adottat pakkett importanti ta’ dispożizzjonijiet mill-Komunità fix-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2000. Ser nillimita ruħi biex infakkar iktar ’il quddiem dawk li huma rilevanti għall-għanijiet ta’ din il-kawża.
37. Fid-29 ta’ Novembru 2000, bid-Deċiżjoni 2000/764, ġie approvat b’mod eċċezzjonali programm rivedut għall-eżekuzzjoni tat-testijiet tal-ESB fuq l-annimali bovini. Dan il-programm, indirizzat lill-Istati Membri, kellu żewġ fażijiet. L-ewwel fażi kienet tirrigwarda l-eżekuzzjoni obbligatorja li kienet tibda mill-1 ta’ Jannar 2001, ta’ testijiet rapidi tal-ESB fuq l-annimali bovini kollha ta’ età ikbar minn 30 sena li kienu suġġetti għal qatla speċjali ta’ emerġenza jew li kellhom sintomi kliniċi fil-qatla u fuq kampjun każwali ta’ annimali bovini, mhux maqtula għall-konsum mill-bniedem, li mietu fit-trobbija jew matul it-trasport (Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni ċċitata), filwaqt li għat-tieni fażi ġie estiż l-obbligu li jiġu eżegwiti testijiet rapidi tal-ESB, li kellhom jibdew mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2001 fuq l-annimali bovini kollha ta’ età ikbar minn 30 xahar maqtula normalment għall-konsum uman (Artikolu 1(3) tal-istess deċiżjoni) (28).
38. Fit-30 ta’ Novembru 2000, bid-Deċiżjoni 2000/773 ġiet stabbilita kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, barra għat-testijiet tal-ESB imwettqa mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2001 fuq bhejjem li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2000/764 (Artikolu 18 (29)), kif ukoll għal dawk imwettqa fil-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2001 bis-saħħa tal-Artikolu 1(3) ta’ din l-aħħar deċiżjoni (Artikoli 17 u 19 (30)).
39. Fit-18 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 2777/2000 li l-ewwel premessa tiegħu tirrikonoxxi l-kriżi profonda li għadda minnha s-suq Komunitarju tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella minħabba l-ESB u l-kollass tal-konsum, tal-produzzjoni u tal-prezzijiet tal-produzzjoni ta’ dawn il-laħmijiet. Dan ir-regolament stabbilixxa, abbażi tal-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 1254/1999 “miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ” ta’ dak is-suq.
40. Fil-fatt hemm tliet tipi ta’ miżuri: i) il-projbizzoni li l-laħam ta’ annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar jingħata għall-konsum mill-bniedem, maqtula fil-Komunità wara l-1 ta’ Jannar 2001, li ma jkunux ġew suġġetti għal test tal-ESB, b’eżitu negattiv (Artikolu 2(1)); ii) l-irtirar mill-produzzjoni – permezz ta’ sistema ta’ xiri min-naħa tal-Istati Membri kkofinanzjata mill-Komunità – u l-qerda suċċessiva ta’ kull annimal bovin ta’ età ikbar minn 30 xahar mogħti minn produttur (Artikoli 3 u 4); iii) il-kofinanzjament min-naħa tal-Komunità tat-testijiet tal-ESB fil-limiti li ser nippreċiża iktar ’il quddiem (Artikolu 2(2)).
Kunsiderazzjonijiet
41. L-ewwel domanda preliminari tintrabat mal-ewwel waħda minn dawn il-miżuri li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddefinixxi l-kunċett ta’ test tal-ESB skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2777/2000.
42. It-testijiet tal-ESB msemmija f’din id-dispożizzjoni huma, kif inhu ppreċiżat espressament fiha, dawk imwettqa “skont wieħed mill-metodi rikonoxxuti taħt l-Anness IV A tad-Deċiżjoni 98/272/KE tal-Kummissjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (31) fuq “annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar” maqtulin għall-konsum mill-bniedem. B’hekk dan huwa kunċett li jinkludi t-testijiet tal-ESB obbligatorji msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764, iżda mingħajr ma jispiċċa hemm, billi jinkludi b’mod partikolari anki t-testijiet ESB magħmulin b’dawk l-istess metodi u fuq l-istess annimali fuq bażi volontarja, jiġifieri ’l barra minn programm ta’ testijiet tal-ESB obbligatorji adottat fit-twettiq ta’ dik id-deċiżjoni.
43. B’din id-definizzjoni tal-kunċett ta’ test tal-ESB taħt l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2777/2000, il-qorti tar-rinviju, meta tapplika r-regoli, għandha tikkunsidra li t-testijiet tal-ESB li saru obbligatorji bil-leġiżlazzjoni Olandiża mill-1 ta’ Jannar 2001 għal dik il-kategorija ta’ annimali bovini, fl-implementazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764, jaqgħu taħt dak il-kunċett, kif ikkonkludew unanimament Gosschalk, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni.
44. Din il-konklużjoni tfisser madankollu li l-laħam ta’ dik il-kategorija ta’ annimali bovini suġġetti għat-test tal-ESB fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’eżitu negattiv, ma kinux jaqgħu fil-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2777/2000. Għalhekk din għandha ftit importanza prattika għall-finijiet tal-kawża prinċipali kif, wara kollox, enfasizza l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
45. Bit-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju fil-fatt trid tiċċara jekk il-kundizzjoni li jsir test tal-ESB skont dik ir-regola għall-għanijiet tad-destinazzjoni tal-laħam għall-konsum mill-bniedem tikkostitwixxix intervent ta’ appoġġ favur is-suq skont l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1258/1999.
46. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-miżura taħt l-Artikolu 2(1) imsemmi, intiża direttament għall-operaturi ekonomiċi, assolutament m’għandhiex bħala għan l-impożizzjoni mill-1 ta’ Jannar 2001 ta’ obbligu li l-kategorija ta’ annimali bovini kkonċernata tiġi suġġetta għal test tal-ESB minn dik ir-regola. Il-miżura inkwistjoni tikkonsisti minflok, kif għedt diġà, f’projbizzjoni sempliċi li jiġi kkummerċjalizzat laħam tal-annimali bovini ta’ dik il-kategorija li ma jkunux tqiegħdu għat-test tal-ESB b’eżitu negattiv.
47. Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2777/2000, it-twettiq ta’ testijiet tal-ESB b’eżitu negattiv huwa biss piż għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-laħam u mhux obbligu. L-operaturi kellhom għażliet oħrajn, bħal dik li l-annimal jaqa’ fil-kuntest tas-sistema ta’ xiri stabbilit fl-Artikolu 3 tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq jew dik li tiġi sospiża l-qatla tal-annimal sad-data kemm idum fis-seħħ ir-regolament stess. Kien diġà ġie stabbilit obbligu li jsir test tal-ESB fuq annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar maqtulin għall-konsum mill-bniedem fid-Deċiżjoni 2000/764 li obbligat lill-Istati Membri li jintroduċuh fis-sistema interna tagħhom mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2001. L-ebda element tar-Regolament Nru 2777/2000 ma jsostni interpretazzjoni li dan ir-regolament għamilha obbligatorja li jsiru dawn it-testijiet għal dik il-kategorija ta’ annimali bovini mill-1 ta’ Jannar 2001. Għall-kuntrarju, it-tielet premessa tar-Regolament Nru 2777/2000 billi ssemmi l-ħtieġa li “jiġi mħeġġeġ minn issa t-twettiq volontarju tat-testijiet fuq annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar [traduzzjoni mhux uffiċjali]”, tikkonferma li r-regolament stess mhux maħsub biex jintroduċi obbligi ġodda ta’ testijiet jew jantiċipa t-terminu tal-bidu rigward dak stabbilit mid-Deċiżjoni 2000/764 li kienet ġiet adottata bil-kemm għoxrin jum qabel.
48. Il-miżura msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2777/2000 – jiġifieri l-projbizzjoni li jiġi kkummerċjalizzat laħam ta’ annimali bovini tal-kategorija msemmija iktar ’il fuq li ma jkunux ġew suġġetti għal test tal-ESB b’eżitu negattiv – kienet maħsuba ċertament biex tirregolarizza s-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella (ara l-punt 39 iktar ’il fuq), u għalhekk kienet mingħajr dubju miżura ta’ appoġġ skont l-Artikolu 38(1) tar-Regolament 1254/1999. Iżda, billi min-natura tagħha (jiġifieri bħala sempliċi projbizzjoni) ma tinvolvi l-ebda spiża, ma tistax tiġi kkunsidrata fiha nfisha bħala element maħsub biex jistabbilizza suq agrikolu fis-sens u skont l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1258/1999, u dan minkejja l-ittra tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2777/2000 li, meta jippreċiża li l-miżuri li daħħal dan tal-aħħar “huma kkunsidrati miżuri ta’ intervent skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999”, għandha tinftiehem bħala li tirreferi biss għas-sistema ta’ xiri skont l-Artikolu 3 u għall-kofinanzjament Komunitarju skont l-Artikolu 2(2). Bl-istess mod, billi din hija biss projbizzjoni li ma tinvolvix spejjeż, il-miżura inkwistjoni lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala miżura speċifika ta’ natura veterinarja fis-sens u skont l-effetti tal-Artikolu 1(2)(d) tal-istess regolament.
49. Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li t-testijiet tal-ESB msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2777/2000 jikkostitwixxu fihom infushom, bis-saħħa ta’ din ir-regola, intervent ta’ appoġġ favur is-suq. Dawk li saru obbligatorji bid-Deċiżjoni 2000/764 kienu u baqgħu, anki wara l-adozzjoni ta’ dak ir-regolament, miżuri veterinarji skont l-Artikolu 1(2)(d) u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1258/1999, li għalihom ġiet stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni 2000/773 kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija.
50. Għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni 2000/764 ġiet adottata abbażi tal-Artikoli 9(4) tad-Direttiva 89/662 u tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 90/425 jiġifieri fuq regoli Komunitarji dwar miżuri veterinarji u li d-Deċiżjoni 2000/773 adottata abbażi tad-Deċiżjoni 90/424 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju, tippreċiża fit-tnax-il premessa li “bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 tal-Kunsill, il-miżuri veterinarji u tas-saħħa tal-pjanti li jsiru skont ir-regoli Komunitarji huma ffinanzjati mis-sezzjoni Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
51. Viċiversa, ma naħsibx li jista’ jkun hemm dubju fuq il-fatt li l-kofinanzjament Komunitarju tat-testijiet tal-ESB stabbilit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000 intiż biex “jinkoraġġixxi […] it-twettiq volontarju tat-testijiet fuq annimali bovini ta’ iktar minn 30 xahar” (ara t-tielet premessa) biex terġa’ tinkiseb malajr kemm jista’ jkun il-fiduċja tal-konsumaturi fil-laħam taċ-ċanġa u tal-vitella, jikkostitwixxi miżura ta’ intervent skont l-Artikolu 1(2)(b) u tal-Artikoli 2(2) tar-Regolament Nru 1258/1999.
52. Madankollu, din il-konstatazzjoni tidher li hija wkoll nieqsa mir-rilevanza għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima li bagħtet il-qorti tar-rinviju, billi, jekk qed ninterpreta tajjeb il-kuntest ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kofinanzjament, it-testijiet tal-ESB li saru obbligatorji mir-regoli Olandiżi fl-implementazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764, bħal dawk li ntalab il-ħlas tagħhom mingħand Gosschalk ma jistgħux jaqgħu taħthom.
53. Huwa veru li s-sinjifikat litterali tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000 joħloq kemmxejn dubju fl-interpretazzjoni fir-rigward tal-kuntest ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kofinanzjament.
54. B’mod partikolari, l-ewwel sentenza tiegħu, ikkunsidrata weħedha, safejn tirreferi għat-testijiet taħt il-paragrafu 1, tista’ twassal biex wieħed jaħseb li l-kofinanzjament stabbilit minn dik ir-regola jirrigwarda t-testijiet tal-ESB kollha magħmulin, skont il-metodi rikonoxxuti fl-Anness IV A tad-Deċiżjoni 98/272 fuq il-laħam ta’ annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar wara l-1 ta’ Jannar 2001 (u qabel l-1 ta’ Lulju 2001, li hija d-data meta ma baqax fis-seħħ ir-Regolament Nru 2777/2000).
55. Iżda fil-verità meta jerġgħu jiġu analizzati l-affarijiet jidhru li huma differenti.
56. L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li kienet ġiet stabbilita diġà parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità għat-testijiet tal-ESB imwettqa fl-2001 permezz tad-Deċiżjoni 2000/773, li kienet stabbilietha kemm għat-testijiet imwettqa fuq l-annimali skont l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2000/764 (ara l-Artikolu 18 li jiffissa wkoll id-daqs tal-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-ispejjeż ta’ dawk it-testijiet) kif ukoll għat-testijiet “imwettqa skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764/KE [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (ara l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni 2000/773). Huwa diffiċli li jiġi sostnut li bl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000 il-leġiżlatur Komunitarju ried jissostitwixxi l-parteċipazzjoni finanzjarja stabbilita diġà għat-testijiet tal-ESB mid-Deċiżjoni 2000/773 b’parteċipazzjoni finanzjarja differenti, magħmula bis-saħħa ta’ bażi legali oħra. Kieku dan kien il-każ, il-leġiżlatur Komunitarju kien jgħidu b’mod ċar, billi kien iħassar ir-regoli rilevanti tad-Deċiżjoni 2000/773. Għalhekk l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000 għandu jingħata interpretazzjoni inqas wiesgħa minn dik li jista’ jissuġġerixxi l-qari biss tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tiegħu.
57. Fit-tieni lok, nosserva li, it-tieni sentenza ta’ dak l-istess paragrafu tidher li hija intiża biex tippreċiża u tiddelimita l-kofinanzjament Komunitarju inkwistjoni billi tirreferi biss għat-“testijiet imwettqa fuq annimali bovini maqtula qabel id-dħul fis-seħħ tal-programm ta’ testijiet obbligatorji previst fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764/KE imma qabel l-1 ta’ Lulju 2001 [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
58. Din ir-referenza għandha tiġi interpretata fis-sens li għandha bħala għan it-testijiet tal-ESB li jsiru fi Stat Membru qabel id-dħul fis-seħħ, f’dak l-Istat Membru, tar-regoli nazzjonali li jobbligaw lill-operaturi li jissuġġettaw l-annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar għal dawn it-testijiet (32). Il-“programm ta’ testijiet obbligatorji [traduzzjoni mhux uffiċjali]” li tirreferi għalih id-dispożizzjoni ma jistax ikun, fil-fatt, ħlief dak nazzjonali li, indirizzat lill-operaturi, jimplementa, eventwalment anki qabel l-1 ta’ Lulju 2001, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764; għall-kuntrarju, is-sentenza iktar ’il fuq ma tistax tinftiehem bħala li tirreferi għall-obbligu li għandhom l-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar inkwantu, obbligu tali ħa effett mill-1 ta’ Lulju 2001, filwaqt li l-kliem “imma qabel l-1 ta’ Lulju 2001 [traduzzjoni mhux uffiċjali]”, li jidhru fl-aħħar tas-sentenza, huma altrimenti superfluwi.
59. Huwa veru li t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000 hija ta’ interpretazzjoni litterali inċerta, billi l-formulazzjoni tagħha mhijiex omoġenja fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament, l-iktar minħabba l-użu differenti tal-punteġġjatura. Id-dubju fl-interpretazzjoni jirrigwarda mhux tant is-suġġett iżda l-għan tar-referenza, b’valur limitattiv, għat-“testijiet imwettqa fuq annimali bovini maqtula qabel id-dħul fis-seħħ tal-programm ta’ testijiet obbligatorji previst fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764/KE imma qabel l-1 ta’ Lulju 2001 [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
60. F’xi verżjonijiet lingwistiċi (Franċiża, Spanjola, Griega, Daniża u Żvediża) din ir-referenza limitattiva tidher li tirrigwarda l-ammont massimu tal-kofinanzjament, li r-regola tindika bħala EUR 15 għal kull test. Dan billi l-indikazzjoni ta’ dan l-ammont massimu, ippreċedut minn virgola, hija segwita, mingħajr virgola oħra, minn dik ir-referenza.
61. F’verżjonijiet lingwistiċi oħra din ir-referenza tidher minflok li tirrigwarda l-parteċipazzjoni finanzjarja stess tal-Komunità, minħabba indikazzjoni tal-ammont massimu tidher f’paragrafu bejn żewġ virgoli (verżjoni Taljana, Olandiża u Portugiża) jew minħabba kostruzzjoni differenti tas-sentenza li, meta ssemmi fil-bidu l-ammont massimu, ma tippermetti bl-ebda mod li torbot ma’ dan tal-aħħar ir-referenza inkwistjoni (verżjoni Ġermaniża).
62. Verżjonijiet lingwistiċi oħrajn, bħal dik Ingliża u Finlandiża, jidhru li huma kumpatibbli maż-żewġ interpretazzjonijiet, billi l-indikazzjoni tal-ammont massimu la hija ppreċeduta u lanqas segwita minn virgola.
63. Għalhekk jidhirli li l-kunsiderazzjoni tat-tielet premessa tar-Regolament Nru 2777/2000, iċċitata diġà, hija deċiżiva għall-għanijiet tal-interpretazzjoni tal-finalità ta’ dik ir-referenza, minn fejn jirriżulta b’mod ċar li l-iskop tal-kofinanzjament Komunitarju inkwistjoni huwa dak li “jiġi inkoraġġit […] it-twettiq volontarju tat-testijiet fuq l-annimali bovini ta’ iktar minn 30 xahar [traduzzjoni mhux uffiċjali]”, billi d-Deċiżjoni 2000/764 stabbiliet l-obbligu li jsiru testijiet tal-ESB fuq dawk l-annimali bovini biss mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2001, kif jiġi mfakkar fit-tieni premessa tal-istess regolament.
64. Tabilħaqq, mal-ewwel daqqa ta’ għajn wieħed jista’ jaħseb ukoll li t-tielet premessa tirreferi għal testijiet li jsiru volontarjament għall-Istati Membri, u għalhekk il-kofinanzjament skont l-Artikolu 2(2), bl-istess mod bħall-eżenzjoni mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ xiri stabbilit fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 2777/2000, kien jirrappreżenta inċentiv intiż biex iġiegħel lill-Istati Membri jantiċipaw id-dħul fis-seħħ tal-programm ta’ testijiet obbligatorji stabbilit fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764 fir-rigward tat-terminu tal-1 ta’ Lulju 2001 tant li jirrigwarda t-testijiet kollha mwettqa fuq l-annimali kkonċernati minn din l-aħħar dispożizzjoni qabel l-1 ta’ Lulju 2001.
65. Madankollu, jidhirli li l-osservazzjonijiet li għamilt fil-punt 58 iktar ’il fuq jipprekludu li tingħata din it-tifsira. Meta jiġu kkunsidrati flimkien it-tielet premessa u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000 jidher li l-kofinanzjament stabbilit minn din l-aħħar dispożizzjoni kien intiż biex jinkoraġġixxi, u b’hekk jirrigwarda unikament, it-twettiq, fuq dik il-kategorija ta’ annimali bovini, ta’ testijiet tal-ESB qabel id-data meta dawk it-testijiet saru obbligatorji skont ir-regoli nazzjonali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764 (33).
66. Jirriżulta, f’dan il-każ partikolari, li anki t-testijiet magħmula għand Gosschalk fix-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2001, u mhux dak biss li saru wara, ma jidħlux fost dawk li r-Regolament Nru 2777/2000 jistabbilixxi kofinanzjament Komunitarju. Fil-fatt, dawn it-testijiet saru wara d-dħul fis-seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-1 ta’ Jannar 2001, tar-regoli li, fl-implementazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764, jobbligaw lill-operaturi li jqiegħdu għal test tal-ESB l-annimali bovini kollha ta’ età ikbar minn 30 xahar li jkunu nġiebu għall-qatla.
67. Jekk l-analiżi preċedenti, u li qed nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, hija valida, wieħed għandu jikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2777/2000 mhumiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.
68. Għalhekk m’hemmx bżonn jiġi eżaminat f’din il-kawża jekk it-testijiet tal-ESB msemmija fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-regolament kellhomx jiġu ffinalizzati għalkollox u esklużivament mill-Komunità u lanqas il-validità ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1254/1999 u 1258/1999.
69. It-testijiet tal-ESB bħal dawk magħmula għand Gosschalk fix-xhur ta’ Mejju u ta’ Ġunju 2001 jirrappreżentaw għalhekk, kif sostnut mill-Gvern Olandiż u mill-Kummissjoni (34), twettiq ta’ atti previsti minn miżuri veterinarji u mhux meħtieġa jew inċentivati minn miżuri ta’ appoġġ favur is-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella. Għaldaqstant, huma jistgħu jibbenefikaw eventwalment biss minn kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità bis-saħħa tal-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 1258/1999.
70. Il-fatt, li rreferiet għalih il-Kummissjoni, li għal testijiet tal-ESB bħal dawk li saru għand Gosschalk fix-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2001, ingħatat kontribuzzjoni Komunitarja bl-użu, “għal raġunijiet purament prattiċi” u minħabba l-urġenza, il-linja tal-baġit diġà miftuħa bis-saħħa tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000, ma jista’ jkollha l-ebda influwenza fuq l-analiżi ġuridika li saret sa issa (35).
71. Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi l-ewwel tliet domandi preliminari b’dan il-mod li ġej:
“It-testijiet tal-ESB fuq annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar maqtula għall-konsum mill-bniedem, imwettqa b’ħarsien tal-obbligu stabbilit minn leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764 jagħmlu parti mill-kunċett ta’ test tal-ESB fis-sens ta’ u skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2777/2000. Madankollu, dawn it-testijiet mhumiex suġġetti għall-kofinanzjament Komunitarju stabbilit mill-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, iżda jikkostitwixxu t-twettiq ta’ atti previst minn miżuri veterinarji li eventwalment jistgħu jibbenefikaw minn kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità bis-saħħa tal-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 1258/1999”.
Fuq ir-raba’ domanda preliminari
72. Bir-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-każ li ma tiġix iddikjarata l-invalidità tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000 li t-tielet domanda tistaqsi dwarha, ir-regolament stess jipprekludix lill-Istati Membri milli jgħaddu fuq l-operaturi individwali l-ispejjeż għat-twettiq tat-testijiet tal-ESB.
73. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Gosschalk għandhiex raġun issostni li l-kunċett stess ta’ “kofinanzjament” Komunitarju, li hemm referenza għalih fit-tielet premessa tar-Regolament, ifissirx li l-parti tal-ispejjeż inkwistjoni mhux koperta minn dan il-kofinanzjament hijiex iffinanzjata mill-Istati Membri li għalhekk ma jistgħux jgħadduha, lanqas parzjalment, fuq l-operaturi.
74. Kif jirriżulta mill-analiżi li għamilt fir-rigward tal-ewwel tliet domandi preliminari, id-dispożizzjonijiet fuq il-kofinanzjament Komunitarju tat-testijiet tal-ESB li hemm fir-Regolament Nru 2777/2000 ma jirrigwardawx testijiet li, bħal dawk magħmula għand Gosschalk fix-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2001, kienu obbligatorji bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764. Għalhekk isegwi b’mod evidenti li ma jistax jiġi konkluż mid-dispożizzjonijiet imsemmijin li hemm l-impossibbiltà għall-Istati Membri li jgħaddu fuq l-operaturi individwali l-ispejjeż biex isiru dawn it-testijiet.
75. Id-domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju tista’ ssir ovvjament għat-testijiet tal-ESB li jibbenefikaw minn dan il-kofinanzjament. Imma din m’għandhiex bżonn ta’ risposta f’dan il-proċediment billi r-risposta ma jkollha l-ebda influwenza fuq is-soluzzjoni tat-tilwima prinċipali.
76. Madankollu wieħed għandu jiftakar li, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja quddiem domandi fformulati mhux b’mod korrett jew li jeċċedu l-kompetenza tagħha skont l-Artikolu 234 KE, hija obbligata li tiġbor mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, partikolarment mill-motivazzjoni tad-digriet tar-rinviju, l-elementi tad-dritt Komunitarju li jeħtieġu interpretazzjoni fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima (36). Biex tingħata risposta utli lill-qorti li għamlet id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tikkunsidra regoli tad-dritt Komunitarju li l-qorti nazzjonali ma tkunx irreferiet għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda (37).
77. Biex tingħata risposta utli għar-raba’ domanda preliminari li għamlet il-qorti tar-rinviju wieħed jista’ jistaqsi jekk projbizzjoni għall-Istati Membri fuq li jgħaddu fuq l-operaturi l-ispejjeż biex isiru t-testijiet tal-ESB magħmulin bis-saħħa ta’ regolamenti nazzjonali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764 jew, wara t-30 ta’ Ġunju 2001, tar-Regolament Nru 999/2001 tirriżultax, b’mod analogu għal dak li kkunsidrat il-qorti tar-rinviju dwar ir-Regolament Nru 2777/2000 mid-dispożizzjonijiet li eventwalment stabbilew parteċipazzjoni tal-Komunità fil-finanzjament ta’ dawn l-ispejjeż.
78. Jeħtieġ li jsir riferiment għad-Deċiżjoni 2000/773.
79. L-Artikolu 17 ta’ din id-deċiżjoni ppreveda li “tingħata wkoll kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità anki għat-testijiet li jsiru bis-saħħa tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764/KE [traduzzjoni mhux uffiċjali]”, b’mod koerenti mat-tmien premessa tal-istess deċiżjoni fejn kien meħtieġ “li tiġi stabbilita l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità biex isiru t-testijiet li jagħmlu parti mit-tieni fażi tal-programm rivedut [traduzzjoni mhux uffiċjali]” adottat bid-Deċiżjoni 2000/764.
80. Iżda din il-kontribuzzjoni ma ġietx stabbilita b’mod konkret fil-bidu mid-Deċiżjoni 2000/773, li l-Artikolu 19 tagħha kien stabbilixxa li sal-1 ta’ Lulju 2001 kien ser ikun hemm reviżjoni tad-deċiżjoni stess “biex tiġi ffissata il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2001 […] għall-eżekuzzjoni ta’ testijiet fuq bhejjem skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764/KE [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
81. Fil-fatt din ir-reviżjoni saret bid-Deċiżjoni 2001/499 anki minħabba l-programm estiż ta’ sorveljanza tal-ESB li fil-frattemp kien ġie introdott mir-Regolament Nru 999/2001 (ara r-raba’, il-ħames u s-sitt premessi tad-deċiżjoni msemmija). B’mod partikolari l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2001/499 jissostitwixxi l-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni 2000/773 (li stabbilixxa kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fir-rigward biss tat-testijiet eżegwiti fl-2001 bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2000/764) b’test ġdid li t-tielet linja tiegħu, moqrija flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness III, Kapitolu A, Parti I tar-Regolament Nru 999/2001, kif emendat bir-Regolament Nru 1248/2001, tistabbilixxi li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-programmi nazzjonali ta’ sorveljanza tal-ESB tkopri wkoll l-ispejjeż tax-xiri tal-kits dijanjostiċi u tar-reaġenti, sa massimu ta’ EUR 15 għal kull test “għat-testijiet magħmulin bejn l-1 ta’ Lulju u l-31 ta’ Diċembru 2001” fuq annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar suġġetti għall-qatla normali għall-konsum mill-bniedem.
82. Għandu jiġi enfasizzat li d-Deċiżjoni 2000/773 emendata b’dan il-mod, b’mod koerenti ma’ dak preskritt fl-Artikolu 19 tal-istess deċiżjoni tiffissa konkretament kontribuzzjoni finanzjarja għat-testijiet tal-ESB imwettqa fuq din il-kategorija ta’ annimali bovini għall-perijodu biss mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2001. Għalhekk ma jidhirx li huma koperti minn din il-kontribuzzjoni t-testijiet magħmulin fuq l-istess kategorija ta’ annimali bovini fl-ewwel semestru tal-2001, meta fil-fatt l-Artikolu 17 tal-istess Deċiżjoni stabbilixxa l-prinċipju li l- kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità kienet tingħata għat-testijiet kollha magħmulin bis-saħħa tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764, indipendentement mid-data tal-eżekuzzjoni tagħhom.
83. Għalhekk diġà hemm diskrepanza fid-Deċiżjoni 2000/773 bejn l-Artikolu 17 u l-Artikolu 19 dwar il-perijodu li għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità għat-testijiet magħmulin bis-saħħa tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764.
84. Ma jistax jiġi eskluż li n-nuqqas stess ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi konkretament il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għat-testijiet imwettqa bis-saħħa tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764 qabel l-1 ta’ Lulju 2001 (bħal dawk li saru għand Gosschalk fix-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2001) qiegħed fl-oriġini tas-soluzzjoni “purament prattika” li l-Kummissjoni stess kienet issegwi billi tagħti kontribut anki għal dawk it-testijiet permezz tal-linja tal-baġit taħt l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000.
85. Madankollu mhuwiex meħtieġ li wieħed japprofondixxi ulterjorment dan l-aspett problematiku, li ma jirrigwardax fost l-oħrajn it-testijiet imwettqa għand Gosschalk fit-tieni semestru tal-2001, li jibbenefikaw żgur minn kontribuzzjoni finanzjarja bis-saħħa tat-tielet linja tal-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni 2000/773, kif emendata bid-Deċiżjoni 2001/499. Dak li jgħodd biex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli għar-raba’ domanda preliminari huwa li d-Deċiżjoni 2000/773 minn naħa, ma tużax, għad-differenza tar-Regolament Nru 2777/2000, il-kelma “kofinanzjament” imma l-kliem “kontribuzzjoni finanzjarja” – għalhekk l-argument ta’ Gosschalk li huwa bbażat fuq l-ewwel kelma b’referenza għar-regolament imsemmi ma jgħoddx fir-rigward ta’ dik id-deċiżjoni – u min-naħa l-oħra, kif naraha jien, ma fiha l-ebda element ieħor li jġiegħel lil wieħed jaħseb li l-parti tal-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni tat-testijiet tal-ESB mhux koperta mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha neċessarjament taqa’ fuq l-Istati Membri, jiġifieri mingħajr ma tista’ tiġi ttrasferita, għalkollox jew parzjalment, fuq l-operaturi. L-istess jingħad għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni 90/424 u partikolarment l-Artikolu 24 tagħha li hija l-bażi legali għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2000/773.
86. Il-fatt li, kif enfasizzat minn Gosschalk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 24 tad-Deċiżjoni 90/424 ma jsemmix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jiġbru kontribuzzjoni mill-operaturi evidentement ma jfissirx li dak l-artikolu ried jeskludi dik il-possibbiltà. Fil-fatt ma tistax tiġi ammessa l-eżistenza fid-dritt Komunitarju ta’ regola ġenerali li skontha, ħlief jekk jiġi stabbilit espressament mod ieħor, is-sempliċi fatt li l-Komunità tagħti kontribuzzjoni finanzjarja għal spejjeż partikolari li jkun għamel l-Istat Membru jfisser li dan ikun prekluż li jgħaddi, għal kollox jew parzjalment, il-kumplament tal-ispejjeż fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati.
87. Għaldaqstant nissuġġerixxi li r-raba domanda preliminari tingħatalha risposta kif ġej:
“Id-Deċiżjonijiet 90/424 u 2000/773 ma jipprekludux li Stat Membru jgħaddi fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati l-parti mhux koperta minn kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità tal-ispejjeż sostnuti għat-testijiet tal-ESB imwettqa mid-dipartimenti tiegħu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764”.
Fuq il-ħames domanda preliminari
88. Bil-ħames domanda preliminari il-qorti tar-rinviju trid tkun taf sostanzjalment jekk id-Direttiva 85/73, partikolarment meta jitqies it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tagħha, tipprekludix jew le Stat Membru milli jgħaddi fuq l-operaturi l-ispejjeż sostnuti għat-twettiq ta’ testijiet tal-ESB bħal dawk imwettqa għand Gosschalk ikkonċernati fil-kawża prinċipali. Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ir-rekwiżiti li għandu jissodisfa piż impost mill-Istat Membru taħt dan it-titolu.
89. Fid-deċiżjoni tar-rinviju qed jiġi ipotizzat li t-testijiet tal-ESB li saru għand Gosschalk ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Direttiva 85/73 u, għalhekk, fil-konfront tagħhom ma ġietx stabbilita kontribuzzjoni Komunitarja skont dik id-direttiva. B’hekk, il-qorti tar-rinviju qed tipotizza li Stat Membru, għal dak li għandu x’jaqsam mat-testijiet tal-ESB, jista’ jagħżel li jiġbor kontribuzzjoni nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/73 jew kontribuzzjoni ibbażata fuq bażi legali oħra, li għandha x’taqsam mal-ġlieda kontra marda epiżotika, u b’hekk ma taqax, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-direttiva stess fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.
90. Il-Kummissjoni min-naħa tagħha argumentat li kontribuzzjoni nazzjonali miġbura biex jiġu koperti l-ispejjeż biex isiru t-testijiet tal-ESB tista’ tkun ġustifikata kemm abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) (billi l-ESB hija marda kemm epiżotika kif ukoll enżotika) kif ukoll abbażi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/73 (billi fiż-żmien tal-fatti ma kinitx prevista għal dawk it-testijiet kontribuzzjoni Komunitarja skont l-Artikoli 1, 2 u 3 tal-istess direttiva).
91. Madankollu nosserva li s-sistema legali ta’ kontribuzzjoni nazzjonali skont dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet mhijiex l-istess. Filwaqt li l-kontribuzzjonijiet nazzjonali skont l-Artikolu 4(2) huma stabbiliti espressament fl-istess dispożizzjoni, li dawn għandhom jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti għall-kontribuzzjonijiet Komunitarji, biex tiġi ddeterminata kontribuzzjoni nazzjonali għall-ġlieda kontra l-mard epiżotiku u enżotiku skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4), l-Istati Membri jgawdu minn libertà ikbar peress li d-Direttiva 85/73 ma tiffissa l-ebda rekwiżit partikolari.
92. Għal dan il-motiv ma jidhirlix, kuntrarjament għal dak li jgħidu l-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, li wieħed jista’ ma jistabbilixxix jekk il-kontribuzzjoni mitluba f’dan il-każ mingħand Gosschalk għat-testijiet tal-ESB imwettqa fl-impriża tagħha tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi regola minnhom.
93. F’dan ir-rigward għandhom rilevanza mhux il-klassifikazzjoni legali mogħtija lill-kontribuzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali (38), imma l-karatteristiċi oġġettivi u l-għan tal-kontribuzzjoni stess.
94. Ir-rappreżentant ta’ Gosschalk fis-seduta sostna li din il-kontribuzzjoni ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 85/73, billi t-testijiet tal-ESB inkwistjoni, imwettqa fuq annimali li jidhru b’saħħithom, jikkostitwixxu miżura ta’ “prevenzjoni” u mhux ta’ “ġlieda” kontra l-ESB. Ma jidhirlix li dan l-argument huwa konvinċenti billi l-kelma “ġlieda” użata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 85/73 ma tidhirx li tirreferi neċessarjament għal miżuri dwar annimali morda, billi tista’ tinftiehem iktar ġenerikament f’sens komprensiv bħala miżuri ta’ prevenzjoni tal-marda.
95. Inqis li ma tidħolx fil-kunċett ta’ “miżati għall-ġlieda kontra l-mard epiż[o]tiċi u enż[o]tiċi” fis-sens tar-regola msemmija kontribuzzjoni li tinġabar speċifikament biex issir spezzjoni jew kontroll veterinarju minħabba l-kopertura parzjali jew totali tal-ispejjeż relattivi. Kontribuzzjoni bħal din għandha tissodisfa r-regoli stabbiliti mid-Direttiva 85/73. L-iskop ta’ din id-direttiva huwa li jiġu introdotti regoli armonizzati ta’ finanzjament tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli veterinarji biex jiġi evitat li d-divrenzjar tal-kontribuzzjonijiet miġbura b’dan it-titolu fid-diversi Stati Membri jwassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni fost linji ta’ produzzjoni li huma koperti b’organizzazzjonijiet komuni tas-swieq (ara l-ħames u s-sitt premessa tad-Direttiva 96/43). L-effett utli tad-direttiva jiġi ppreġudikat meta l-Istati Membri jitħallew jiġbru kontribuzzjonijiet li, għalkemm huma intiżi għall-finanzjament ta’ spezzjonijiet u kontrolli veterinarji speċifiċi, huma ċarament stabbiliti skont kriterji differenti minn dawk imposti minn regoli armonizzati sempliċement għaliex tiġi ddikjarata r-rilevanza tagħhom mal-ġlieda kontra l-mard epiżotiku jew enżotiku.
96. F’dan il-każ partikolari huwa aċċettat li l-kontribuzzjoni mitluba minn Gosschalk bis-saħħa ta’ regolament tariffarju hija maħsuba biex tkopri parzjalment l-ispejjeż biex isiru t-testijiet tal-ESB li saru għandha u, ġeneralment, tiġi applikata biss għall-operaturi proprjetarji ta’ annimali bovini li effettivament ikunu ġew suġġetti għat-testijiet tal-ESB.
97. Għaldaqstant nikkunsidra li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 85/73 mhuwiex rilevanti f’dan il-każ partikolari.
98. Dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva, għandu jiġi osservat li dan jippermetti lill-Istati Membri li jiġbru kontribuzzjonijiet nazzjonali “[g]ħall-finijiet tal-paragrafu 1” tal-istess artikolu, jiġifieri biex “jassiguraw il-finanzjament ta’ l-ispezzjonijiet u l-kontrolli mhux koperti mill-Artikoli 1, 2 u 3” (39).
99. Għalhekk tqum il-kwistjoni, li mhijiex faċli li tiġi solvuta minħabba l-formulazzjoni xejn ċara tar-regoli rilevanti, jekk it-testijiet tal-ESB bħal dawk imwettqa għand Gosschalk humiex inklużi fost l-ispezzjonijiet jew il-kontrolli msemmija f’wieħed minn dawn l-artikoli.
100. Billi dan huwa laħam frisk ta’ annimali bovini mrobbija fil-Komunità, kif ikkonfermat mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub li għamlitilha l-Qorti tal-Ġustizzja, hemm bżonn li ssir referenza biss għall-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/73.
101. Skont dan l-artikolu “l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skont il-modalitajiet previsti fl-Anness A – sabiex jiġbru miżata Komunitarja għall-ispejjeż tal-ispezzjonijiet tal-kontrolli fuq il-prodotti elenkati f’dak l-Anness […] (traduzzjoni mhux uffiċjali)”.
102. L-Anness A, Kapitolu 1 tad-Direttiva 85/73 jistabbilixxi regoli armonizzati għall-“miżati applikabbli għal-laħam kopert” minn xi direttivi, li fosthom hemm dik rilevanti għal dan il-każ id-Direttiva 64/433 li fl-aħħar tal-Artikolu 1 tagħha fil-verżjoni fis-seħħ matul l-2001, “tistabbilixxi l-kundizzjonijiet sanitarji għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ laħam frisk għall-konsum mill-bniedem minn annimali domestiċi” ta’ diversi speċi, fosthom tal-ispeċi bovina.
103. Ir-rappreżentant ta’ Gosschalk waqt is-seduta ssuġġerixxa risposta fl-affermattiv għad-domanda li semmejt fil-punt 99 iktar ’il fuq, biex jiġi konkluż li l-ispejjeż biex isiru t-testijiet tal-ESB huma koperti diġà mill-kontribuzzjoni Komunitarja ffissata għall-“ispejjeż ta’ l-ispezzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-qatla” fil-punt 1 tal-Anness A, Kapitolu I tad-Direttiva 85/73 u li Gosschalk għamlet diġà (40). Dawn it-testijiet fil-fatt huma “testijiet tal-laboratorju” li, “meta neċessarju”, għandhom isiru fil-kuntest tal-ispezzjoni post mortem skont l-Anness I, Kapitolu VIII, punt 40(e) tad-Direttiva 64/433 fil-verżjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti. Għalhekk l-Istati Membri mhumiex awtorizzati li jiġbru kontribuzzjoni speċifika supplimentari biex isiru t-testijiet tal-ESB.
104. Min-naħa tagħha il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm it-testijiet tal-ESB jistgħu b’mod astratt jidħlu fost l-ispezzjonijiet u l-kontrolli taħt l-Artikolu 1 tad-Direttiva85/73 (41), fiż-żmien tal-fatti ma kinitx ġiet iffissata b’mod konkret kontribuzzjoni Komunitarja għalihom skont dak l-Artikolu. Jekk qed ninterpreta tajjeb dan l-argument, din is-sitwazzjoni tagħmel lill-Artikolu 4 tad-direttiva stess applikabbli bl-istess mod bħal, kif stabbilit espressament minn dak l-artikolu, spezzjoni jew kontroll li ma jaqax taħt l-Artikoli 1, 2 u 3.
105. Ikolli nistqarr li nsibha diffiċli nifhem il-loġika ta’ dan l-argument. Jekk it-testijiet tal-ESB, li huma konnessi mal-operazzjonijiet ta’ qtil, jistgħu jidħlu fost l-ispezzjonijiet u l-kontrolli stabbiliti mid-Direttiva 64/433, il-kontribuzzjoni Komunitarja ffissata fl-Anness A, Kapitolu I, punt 1(a) tad-Direttiva 85/73, għandha tkopri, kif issostni Gosschalk, anki l-ispejjeż ta’ twettiq ta’ dawn it-testijiet u għalhekk ma jkunx hemm la raġuni u lanqas possibbiltà li tiġi ffissata kontribuzzjoni Komunitarja speċifika għat-testijiet tal-ESB.
106. Fis-sentenza Stratmann (42) il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiċċara, b’mod partikolari, jekk il-kontribuzzjoni Komunitarja dovuta għall-ispezzjoni tal-laħam frisk magħmula skont id-Direttiva 64/433 tinkludix anki l-ispejjeż ta’ eżami batterjoloġiku li kien meħtieġ fil-każ partikolari tal-kawża nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha f’sens affermattiv billi qalet li eżami bħal dak jidħol fil-kunċett ta’ “testijiet tal-laboratorju” li għandu jsir “meta neċessarju” skont l-Anness I, Kapitolu VIII, punt 40(e) tad-Direttiva 64/433.
107. It-testijiet tal-ESB mhumiex imsemmija espressament mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 64/433 fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti. Għalkemm, kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni, dawn ma kinux kontrolli ta’ rutina fuq laħam frisk tal-annimali bovini qabel l-adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tad-Deċiżjoni 2000/764, huma jistgħu jikkorrispondu – minbarra r-regola, li rreferiet għaliha Gosschalk, skont l-Anness I, Kapitolu VIII, punt 40(e) tad-Direttiva 64/433 dwar it-“testijiet tal-laboratorju” li, “meta neċessarju”, għandhom isiru fil-kuntest tal-ispezzjoni post mortem – mar-regola fl-Anness I, Kapitolu VI, punt 27(a) tad-Direttiva 64/433, li tgħid li spezzjoni sanitarja ante mortem “għandha tiddetermina”, b’mod partikolari, “jekk l-annimali jkunux qegħdin isofru minn marda li tittieħed mill-bniedem jew mill-annimali”.
108. Iċ-ċirkustanza li fiż-żmien tal-fatti dawn it-testijiet kienu obbligatorji, għal dak li jirrigwarda l-annimali bovini li ma kinux f’riskju, għal dawk biss li kellhom età ta’ ikbar minn 30 xahar ma tidhirx fiha nfisha li teskludi dawk it-testijiet mill-portata ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 64/433 u, bħala konsegwenza, tal-qari flimkien tal-Artikolu 1 u tal-Anness A, Kapitolu I, punt 1(a) tad-Direttiva 85/73. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ċċitata Stratmann, eskludiet li l-kontribuzzjoni Komunitarja inkwistjoni tkopri biss spejjeż għall-eżamijiet li jsiru fil-każijiet kollha (43).
109. L-Avukat Ġenerali Léger, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar dik is-sentenza (44), kellu okkażjoni josserva, b’referenza għall-eżamijiet batterjoloġiċi, li, anki għalkemm mhux imsemmija espressament fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 64/433, huma jidħlu fil-kuntest ta’ “testijiet tal-laboratorju” adegwati intiżi biex jivverifikaw, skont dawk id-dispożizzjonijiet, li l-laħam eżaminat ma jkunx inadegwat għall-konsum mill-bniedem u perikoluż għas-saħħa tal-bniedem u li, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-eżamijiet batterjoloġiċi huma għoljin u jsiru fuq firxa ta’ diversi ġranet mhijiex raġuni biżżejjed biex jiġu esklużi mit-“testijiet tal-laboratorju” previsti minn dawk id-dispożizzjonijiet.
110. Huwa osserva li, għalkemm huwa veru li s-sistema armonizzata ta’ finanzjament ta’ spezzjonijiet u kontrolli veterinarji għandha bħala konsegwenza li parti mill-ispiża ta’ eżamijiet partikolari tgħaddi fuq il-proprjetarji tal-annimali li ma jkollhomx bżonnhom, madankollu hija “konformi mal-prinċipju stess ta’ miżata stabbilita b’mod fiss li l-proprjetarji ta’ annimali jitgħabbew b’kontribuzzjoni li, f’ċerti każijiet, taqbeż l-ispiża reali tal-miżuri ta’ spezzjoni u ta’ kontroll li l-annimal tagħhom kellu bżonn u, f’każijiet oħrajn, hija anqas minn dik l-ispiża” (45).
111. Minkejja l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 107 sa 110 iktar ’il fuq, żewġ elementi jwassluni biex neskludi li t-testijiet tal-ESB jistgħu jiġu kkunsidrati bħala inklużi bejn l-ispezzjonijiet u l-kontrolli skont id-Direttiva 64/433 li, bħala tali, huma koperti mill-kontribuzzjoni Komunitarja skont il-qari flimkien tal-Artikolu 1 u tal-Anness A, Kapitolu I, punt 1(a) tad-Direttiva 85/73.
112. Minn naħa, id-daqs tal-ispiża medja tat-testijiet tal-ESB – li l-Gvern Olandiż indika, għal dak iż-żmien, f’EUR 90 għall-materjal, il-ġbir u t-trasport ta’ kampjuni u biex isiru t-testijiet (46) – jidher li huwa assolutament mingħajr proporzjon għaliex huwa għoxrin darba ikbar, imqabbel mal-kontribuzzjoni Komunitarja normali inkwistjoni (EUR 4.5 għal annimal bovin adult).
113. Min-naħa l-oħra, għalkemm huma intiżi wkoll biex jaċċertaw li l-laħam eżaminat huwa tajjeb għall-konsum mill-bniedem jew li mhuwiex perikoluż għas-saħħa tal-bniedem, it-testijiet tal-ESB fil-kawża prinċipali ma sarux każ b’każ wara evalwazzjoni xierqa tal-veterinarju uffiċjali inkarigat mill-ispezzjonijiet ante u post mortem fuq annimali ta’ Gosschalk, imma b’mod sistematiku fuq l-annimali bovini kollha ta’ età ikbar minn 30 xahar li huma proprjetà tagħha. Madankollu, id-Direttiva 64/433 tistabbilixxi sensiela ta’ eżamijiet li, fil-kuntest ta’ spezzjoni post mortem, il-veterinarju uffiċjali għandu “jwettaq b’mod sistematiku” – (Anness 1, Kapitolu VIII, punt 42, parti A) – fosthom, pereżempju, it-tfittxija għat-trikinosi fil-laħam frisk tal-majjal li jkollu muskoli strijati, li l-Qorti tal-Ġustizzja ikkunsidrat, flimkien mal-eżamijiet batterjoloġiċi, fis-sentenza Stratmann – imma li fost dawk l-eżamijiet m’hemmx it-testijiet tal-ESB. Dawn it-testijiet saru b’mod sistematiku fuq annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar ta’ Gosschalk minħabba obbligu stabbilit fid-dritt nazzjonali fl-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/764, jew ta’ att regolatorju li huwa differenti mid-Direttiva 64/433. Jekk it-twettiq ġeneralizzat ta’ dawn it-testijiet kellu jiġi kkunsidrat fost il-miżuri ta’ spezzjoni u kontroll armonizzat minn din l-aħħar direttiva, ma kienx ikun hemm bżonn li jiġi impost permezz tad-Deċiżjoni 2000/764.
114. Id-daqs konsiderevoli tal-ispiża tat-testijiet tal-ESB imqabbel ma’ dak tal-kontribuzzjoni Komunitarja fissa taħt l-Anness A, Kapitolu I, punt 1(a) tad-Direttiva 85/73 u n-natura sistematika ta’ dawn it-testijiet għal parti sostanzjali tal-merħliet fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espressi f’dan is-sens fid-Direttiva 64/433 jidhru tali li jistgħu jinvalidaw, meta jiġi kkunsidrat li dawk it-testijiet huma inklużi fost dawk koperti mill-kontribuzzjoni msemmija, ir-rappreżentattività ta’ din tal-aħħar bħala approssimazzjoni ta’ spiża medja raġonevoli biex isiru l-ispezzjonijiet u l-kontrolli armonizzati mid-Direttiva 64/433 dwar l-annimali bovini. Wieħed jassumi li l-bilanċ tal-valuri fil-bażi tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni jispiċċa mħarbat.
115. Għalhekk inxaqleb lejn risposta negattiva għad-domanda magħmula fil-punt 99 iktar ’il fuq, jiġifieri fis-sens li testijiet tal-ESB bħal dawk li saru għand Gosschalk mhumiex inklużi fost l-ispezzjonijiet jew il-kontrolli li jidħlu fl-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Direttiva 85/73 u li għalhekk huma koperti minn kontribuzzjoni Komunitarja skont din id-direttiva.
116. Isegwi li, kif issostni l-Kummissjoni u l-Gvern Olandiż, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva japplika f’dan il-każ. Din ir-regola kienet tawtorizza lill-Istat Olandiż li jistabbilixxi kontribuzzjoni nazzjonali fuq l-operaturi għall-finijiet li jiġi żgurat il-finanzjament tat-testijiet tal-ESB imposti mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764.
117. Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżiti li miżata nazzjonali għandha tissodisfa skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/73 – li hija problema li qamet fit-tieni parti tal-ħames domanda preliminari – biżżejjed li wieħed jiftakar, flimkien mal-Kummissjoni, li din hija l-istess regola li tippreċiża li kontribuzzjoni bħal dik għandha tirrispetta “[i]l-prinċipji adottati għall-miżati Komunitarji”. Kif tindika l-Kummissjoni, dawn il-prinċipji huma stabbiliti fl-Artikolu 5(1) sa (3) tal-istess Direttiva. Għaldaqstant il-miżata nazzjonali:
– għandha tiġi ffissata f’livell li jkopri l-ispejjeż sostnuti mill-awtorità kompetenti fir-rigward tal-ispejjeż tas-salarji u l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali involuti fis-servizz tal-ispezzjoni u l-ispejjeż amministrattivi li jkunu ntefqu fit-twettiq tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet, li jistgħu jinkludu n-nefqa li hemm bżonn għat-taħriġ matul is-servizz tal-ispetturi [Artikolu 5(1)];
– ma jistax ikun hemm rimborż dirett jew indirett [Artikolu 5(2)];
– tista’ tkun f’ammont li jeċċedi l-livelli tal-miżati Komunitarji bil-kondizzjoni li l-miżati totali mitluba minn kull Stat Membru ma jeċċedux l-ispiża reali tal-ispezzjoni [Artikolu 5(3)].
118. Naturalment, jeħtieġ li f’dan il-kuntest jiġu kkunsidrati biss l-ispejjeż li effettivament baqgħu fuq l-awtorità kompetenti biex b’hekk titnaqqas il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Komunità. F’dan ir-rigward infakkar li r-rappreżentant tal-Gvern Olandiż fis-seduta sostna li l-kontribuzzjoni finanzjarja mitluba mingħand Gosschalk biex isiru t-testijiet tal-ESB ġiet iffissata, mir-regolament tariffarju, billi tnaqqas it-total tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja mill-ispejjeż reali tat-twettiq tat-testijiet.
119. Iżda hija differenti r-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tal-ħames domanda preliminari fil-każ li jiġi deċiż, kuntrarjament għal dal li qed nissuġġerixxi u kif fil-fatt qiegħda ssostni Gosschalk, li t-testijiet tal-ESB jidħlu fost l-ispezzjonijiet u l-kontrolli armonizzati fejn hemm stabbilita kontribuzzjoni Komunitarja fissa skont l-Anness A, Kapitolu I, punt 1(a) tad-Direttiva 85/73.
120. Fir-rigward tad-diskrezzjoni li tħalliet lill-Istat Membru minn din id-direttiva, jeħtieġ li f’dan il-każ issir referenza għall-Anness A, Kapitolu I, punti 4 u 5 tagħha. Il-punt 4 jippermetti lill-Istat Membru, “[s]abiex jiġu koperti l-ispejjeż iżjed għolja”, jew “jew iżidu l-ammonti normali tal-miżati kif stabbilit fil-punti 1 u 2 (a) għall-istabbilimenti individwali” [punt 4(a)] jew li “tintalab miżata speċjali li tkopri l-ispejjeż reali” [punt 4(b)]. Il-punt 5 jippermetti li tkun tista’ ssir deroga għal tnaqqis f’dawn l-ammonti fissi sabiex jintlaħqu l-ispejjeż reali tal-ispezzjoni meta jkun hemm ċerti kundizzjonijiet.
121. B’mod partikolari, b’referenza għall-punt 4, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Stratmann(47), minn naħa ċċarat, fir-rigward tal-paragrafu (a) ta’ dak il-punt li “kull żieda deċiża minn Stat Membru għandha tirrigwarda l-ammont fiss tal-kontribuzzjoni Komunitarja u tieħu l-forma ta’ żieda ta’ din tal-aħħar” u min-naħa l-oħra, rigward il-paragrafu (b) tal-istess punt li “l-ħlas ta’ kontribuzzjoni speċifika li tkun ta’ ammont ogħla mil-livelli ta’ kontribuzzjonijiet Komunitarji għandu jkopri l-kumpless tal-ispejjeż reali”
122. Għalhekk bir-raġun, fid-dawl ta’ dak li spjegajt subordinatament fil-punt 119 iktar ’il fuq, li r-rappreżentant ta’ Gosschalk, matul is-seduta, iddeduċa minn dawk id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istat Olandiż ma setax jitlob mingħand dik il-kumpannija, b’żieda mal-kontribuzzjoni Komunitarja li hija kienet diġà ħallset, kontribuzzjoni speċifika intiża biex tkopri anki għalkemm parzjalment l-ispejjeż tat-testijiet tal-ESB. Dak l-Istat seta’, biex ikopri dawk l-ispejjeż, jgħolli biss “għal stabbiliment partikolari” r-rata normali tal-kontribuzzjoni Komunitarja skont l-Anness A, Kapitolu I, punt 1(a) tad-Direttiva 85/73 jew tiġi imposta, minflok dik il-kontribuzzjoni, kontribuzzjoni f’ammont differenti u li tista’ tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti għall-ispezzjonijiet u l-kontrolli armonizzati bis-saħħa tal-Anness A, Kapitolu I, punt 1(a) tal-istess direttiva.
123. Fir-rigward ta’ din l-aħħar fakoltà, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sentenza Feyrer (48), li, jekk l-Istati Membri jistgħu jagħmlu hekk “b’mod ġenerali u diskrezzjonali”, dan ikun “bil-kundizzjoni li l-kontribuzzjoni ma taqbiżx l-ispejjeż realment sostnuti”. Kif enfasizza l-Avukat Ġenrali Léger fil-konklużjonijiet fis-sentenza Stratmann (49), “il-ħarsien ta’ din il-kundizzjoni ifisser […] li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż reali kollha li kellu jagħmel l-Istat Membru kkonċernat għal miżuri ta’ ispezzjoni u ta’ kontroll armonizzati u jipprekludi li jkun hemm akkumulazzjoni tal-kontribuzzjoni normali Komunitarja u ta’ kontribuzzjoni speċifika għal miżura partikolari”.
124. Fl-aħħar nett hemm bżonn li jsiru ftit osservazzjonijiet fuq l-affermazzjoni ta’ Gosschalk li kienet ibbażata fuq is-sentenzi Conceria Bresciani (50), Ligur Carni et (51) u Dubois u Général Cargo Services (52), fejn ingħad li d-dritt Komunitarju jimponi li l-ispejjeż magħmulin minn kontrolli mwettqa fl-interess pubbliku jitħallsu mill-kollettività u mhux mill-operaturi kkonċernati.
125. Huwa veru li f’dawk is-sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja kellha okkażjoni tgħid li:
– “l-attività amministrattiva tal-Istat maħsuba biex teżegwixxi sistema ta’ kontroll sanitarju fl-interess ġenerali ma tistax […] tkun ikkunsidrata bħala servizz mogħti individwalment lill-importatur li mingħandu wieħed jista’ jippretendi, bħala korrispettiv, il-ħlas ta’ piż ta’ flus” u għalhekk “l-ispejjeż relattivi għandhom jitħallsu mill-kollettività nazzjonali li, fil-kumpless tagħha, tgawdi mill-vantaġġi ġejjin miċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija” (53);
– l-attività tal-Istat Membru importatur fil-verifika u l-ispezzjonijiet sanitarji permessi fit-territorju tiegħu mid-Direttiva 64/433 “issir fl-interess ġenerali u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala servizz mogħti lill-importatur” u għalhekk “l-ispejjeż rigward dawn il-kontrolli għandhom jitħallsu mill-kollettività nazzjonali li, fil-kumpless tagħha, tgawdi mill-vantaġġi ġejjin miċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija Komunitarja” filwaqt li “l-ġbir ta’ […] ħlasijiet mingħand l-importaturi huwa […] ostakolu għaċ-ċirkulazzjoni libera li huwa pprojbit mit-Trattat” (54);
– “l-ispejjeż li jsiru minn kontrolli sanitarji għandhom jitħallsu mill-kollettività nazzjonali, li, fil-kumpless tagħha, tgawdi miċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija Komunitarja” (55).
126. Madankollu, dawn l-affermazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati barra mill-kuntest tagħhom. Fis-sentenzi ċċitati ir-regola nazzjonali inkwistjoni kienet qed tiġi kkunsidrata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fuq iċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija. Dawn is-sentenzi għandhom x’jaqsmu ma’ każijiet fejn kien hemm piżijiet ta’ flus imposti unilateralment mill-Istat Membru ta’ importazzjoni għall-finanzjament tal-kontrolli, b’mod partikolari dawk veterinarji, li jsiru meta tinqasam il-fruntiera jew fil-komun ta’ tranżitu jew fejn tispiċċa l-merkanzija. Dan il-każ għandu x’jaqsam minflok ma’ piżijiet ta’ flus imposti għal kontrolli finanzjarji preskritti għall-Istati Membri kollha minn regoli Komunitarji u li kellhom isiru fl-Istat Membru ta’ produzzjoni immaterjalment mill-fatt li l-merkanzija inkwistjoni (laħam frisk taċ-ċanga u tal-vitella) kienet intiża għall-konsum intern jew għall-esportazzjoni. Għalhekk, il-ġurisprudenza msemmija ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ (56).
127. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ħames domanda b’dan il-mod:
“Id-Direttiva 85/73 ma tipprekludix li Stat Membru jiġbor mingħand l-operaturi ekonomiċi kkonċernati kontribuzzjoni nazzjonali biex tkopri l-ispejjeż sostnuti għat-testijiet tal-ESB li saru mis-servizzi tiegħu fil-ħarsien tar-regoli nazzjonali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764. Din il-kontribuzzjoni, skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti għall-kontribuzzjonijiet Komunitarji mill-Artikolu 5 (1) sa (3) tagħha u tirrigwarda l-parti biss ta’ dawn l-ispejjeż li mhijiex koperta minn kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità”.
Konklużjonijiet
128. Fid-dawl ta’ dak li ntqal sa issa, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari mressqa mir-Raad van State kif ġej:
“1) It-testijiet għad-dijanjosi tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (ESB) fuq annimali bovini ta’ età ikbar minn 30 xahar maqtulin għall-konsum mill-bniedem, magħmulin fil-ħarsien ta’ obbligu stabbilit minn regola nazzjonali li timplementa l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/764/KE, tad-29 ta’ Novembru 2000, dwar l-iskrining tal-enċefalopatija sponġiformi bovina fuq l-annimali bovini u li emendat id-Deċiżjoni 98/272/KE dwar is-sorveljanza epidemjoloġika tal-enċefalopatiji sponġiformi bovina trażmissibbli, jidħlu fil-kunċett ta’ test tal-ESB fis-sens ta’ u skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2777/2000 tat-18 ta’ Diċembru 2000 li jadotta miżuri ta’ appoġġ eċċezzjonali għas-suq taċ-ċanga u tal-vitella. Madankollu, dawn it-testijiet mhumiex suġġetti għall-kofinanzjament Komunitarju stabbilit mill-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament imma huma twettiq stabbilit minn miżuri veterinarji li eventwalment jistgħu jibbenefikaw minn kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità bis-saħħa tal-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola.
2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (90/424/KEE) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2000/773/KE, tat-30 ta’ Novembru 2000, li tapprova l-programmi għall-monitoraġġ tal-ESB għall-2001 mill-Istati Membri u li tiffissa r-rata tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, ma jipprekludux li Stat Membru jgħaddi fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati l-parti mhux koperta minn kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità tal-ispejjeż sostnuti għat-testijiet tal-ESB li saru fil-ħarsien tar-regoli nazzjonali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764.
3) Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 85/73/KEE, tad-29 ta’ Jannar 1985, dwar il-finanzjament tal-ispezzjonijiet veterinarji u l-kontrolli koperti mid-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE, 90/675/KEE u 91/496/KEE kif emendata u kkonsolidata bid-Direttiva tal-Kunsill Nru 96/43/KE, tas-26 ta’ Ġunju 1996, ma tipprekludix li Stat Membru jiġbor mingħand l-operaturi ekonomiċi kkonċernati kontribuzzjoni nazzjonali biex tkopri l-ispejjeż sostnuti għat-testijiet għad-dijanjosi tal-ESB magħmulin mis-servizzi tiegħu fil-ħarsien tar-regoli nazzjonali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764. Din il-kontribuzzjoni, skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti għall-kontribuzzjonijiet Komunitarji mill-Artikolu 5 (1) sa (3) tagħha u tirrigwarda l-parti biss ta’ dawn l-ispejjeż li mhijiex koperta minn kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità”.
1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 – ĠU L 321, p. 47.
3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 6, p. 161.
4 – Direttiva tal-Kunsill 96/43/KE, tas-26 ta’ Ġunju 1996, li temenda u tikkonsolida d-Direttiva 85/73/KEE sabiex tassigura l-finanzjament tal-ispezzjonijiet veterinarji u l-kontrolli fuq l-annimali ħajjin u fuq ċerti prodotti tal-annimali u li temenda d-Direttivi 90/675/KEE u 91/496/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 19, p. 212).
5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414.
6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 339. Dan ir-regolament ġie abrogat, mill-1 ta’ Lulju 2008, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1).
7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 9, P. 214.
8 – ĠU L 224, p. 29.
9 – ĠU L 30 5, p. 35. Din id-Deċiżjoni – emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2001/8/KE, tad-29 ta’ Diċembru 200, li temenda d-Deċiżjoni 2000/764/KE fuq testijiet għall-annimali bovini għall-preżenza tal-enċefalopatija sponġiformi bovina u li temenda l-Anness IV tad-Deċiżjoni 98/272/KE dwar is-sorveljanza epidemjoloġika tal-enċifalopatiji sponġiformi trażmissibbli (ĠU 2001, L 2, p. 28) – ġiet abrogata, mill-1 ta’ Lulju 2001 bis-saħħa tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1248/01, tat-22 ta’ Ġunju 2001, li jemenda l-Annessi III, X u XI tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar sorveljanza epidemjoloġika u ttestjar tal-enċifalopatiji sponġiformi trażmissibbli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 450).
10 – Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni u l-marketing ta’ laħam frisk (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 34), emendata diversi drabi, imbagħad emendata u kkonsolidata bid-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/497/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991 (ĠU L 268, p. 69). Id-Direttiva 64/433, wara iktar emendi, ġiet abrogata mill-1 ta’ Jannar 2006 mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/41/KE, tal-21 ta’ April 2004, li tirrevoka ċerti direttivi rigward iġene tal-ikel u kundizzjonijiet ta’ saħħa għall-produzzjoni u l-kummerċjalizazzjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali intiżi għall-konsum mill-bniedem u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/662/KEE u 92/118/KEE u Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 95/408/KE (ĠU L 157, p. 33).
11 – ĠU L 1, p. 23.
12 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 289
13 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 10, p. 138
14 – ĠU L 308, p. 35.
15 – ĠU L 269, p. 54.
16 – ĠU L 181, p. 36.
17 – Ara r-Regolament Nru 1248/2001, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.
18 – Id-Direttiva 85/73 ġiet abrogata, mill-1 ta’ Jannar 2008, bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, p. 1).
19 – Staatscourant 1994, Nru 10.
20 – Staatscourant 2000, Nru 247, p. 39.
21 – Staatscourant 1984, Nru 252.
22 – Staatscourant 2000, Nru 249, p. 45.
23 – Staatscourant 1993, Nru 99. Il-Gvern Olandiż indika li dan ir-regolament ġie abrogat fl-24 ta’ Diċembru 2005.
24 – Staatscourant 2001, Nru 64, p. 31.
25 – Staatscourant 2001, Nru 212, p. 16.
26 – Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (Ġabra p. I‑10333).
27 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.
28 – Kif tosserva l-Kummissjoni, it-terminu wiesa’ iktar tal-1 ta’ Lulju 2001 kien ġie stabbilit inkwantu, fl-1 ta’ Jannar 2001, l-Istati Membri kien għad m’għandhomx il-kapaċità li jissuġġettaw għat-testijiet rapidi tal-ESB l-annimali bovini kollha tal-kategorija msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764.
29 – Dak l-artikolu jippreċiża li l-kontribuzzjoni “tkopri l-100% (VAT eskluża) tal-ispejjeż tax-xiri tal-kits tat-testijiet u tar-reaġenti, sa ammont massimu ta’ EUR 30 għal kull test”.
30 – L-iffissar tal-kontribuzzjoni mogħtija għal dawn it-testijiet tħalla, madankollu, għal Deċiżjoni suċċessiva li kellha tittieħed qabel l-1 ta’ Lulju 2001 u twettqet permezz tad-Deċiżjoni 2001/449 li, filwaqt li emendat l-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni 2000/773 stabbilxxiet kontribuzzjoni ta’ 100 % (VAT eskluża) tal-ispejjeż tax-xiri tal-kits tat-testijiet u tar-reaġenti, sa ammont massimu ta’ EUR 15 għal kull test.
31 – L-Anness IV A tad-Deċiżjoni 98/272, kif inhu wara l-emendi mdaħħla mid-Deċiżjoni 2001/8, isemmi dawn it-tliet metodi dijanjostiċi: i) “test immuno-blotting bażat fuq is-sistema tal-Punent għall-identifikazzjoni ta’ frak proteasi reżistenti PrPRes (test Prionics Check)”; ii) “test kemiluminexxenti ELISA li jinvolvi proċedura ta' estrazzjoni u ta' teknika ELISA, bl-użu ta' reaġent kemiluminexxenti imsaħħaħ (test Enfer)”; iii) “Sandwich immunodożaġġ biex jinstab PrPRes magħmul wara fażi ta’ żnaturatezza u waħda ta’ konċentrazzjoni (Bio-Rad)”.
32 – Naħseb li jista’ jiġi injorat il-fatt li r-regola tirreferi mhux għat-testijiet imwettqa qabel ċertu data, imma għat-testijiet imwettqa “fuq annimali maqtula” qabel ċertu data. Mit-tieni premessa tar-Regolament Nru 2777/2000 jirriżulta li t-test tal-ESB normalment isir “fil-mument tal-qatla”.
33 – Il-kliem “imma qabel l-1 ta’ Lulju 2001”, li jikkonkludu l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000 huma intiżi biex jeskludu mill-kofinanzjament inkwistjoni t-testijiet li saru qabel l-introduzzjoni fil-livell nazzjonali tal-programm ta’ testijiet obbligatorji skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764 meta, madankollu, ikun hemm dewmien mill-Istat Membru kkonċernat dwar l-iskadenza tal-1 ta’ Lulju 2001 iffissata għall-implementazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.
34 – Il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jaslu għal din il-konklużjoni abbażi ta’ raġunamenti parzjalment differenti minn tiegħi. Skont il-Kummissjoni, b’mod partikolari, il-kofinanzjament Komunitarju taħt l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2777/2000 ma kienx applikabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi billi kienu eżentati, bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2001/3 u minħabba l-introduzzjoni sa mill-1 ta’ Jannar 2001 tal-obbligu li jsiru testijiet tal-ESB fuq bhejjem taħt l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2000/764 mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ xiri taħt l-Artikolu 3 ta’ dan l-istess Regolament u għalhekk m’hemmx iktar lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tiegħu li, skont il-Kummissjoni din tikkostitwixxi eċċezzjoni għal din is-sistema.
35 – Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni osserva fis-seduta li dak il-fatt ma jaffettwax in-natura ġuridika li għandha tkun rikonoxxuta lit-testijiet tal-ESB inkwistjoni li, anki fil-fehma tiegħu, huma miżuri veterinarji li setgħu jiġu ffinanzjati mill-Komunità mod ieħor, pereżempju abbażi tad-Deċiżjoni 90/424.
36 – Ara, fost ħafna, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1986, Tissier (35/85, Ġabra p. 1207, punt 9), u tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punt 34).
37 – Sentenzi Tissier, iċċitati iktar ’il fuq (punt 9); tat-2 ta’ Frar 1994, Verband Sozialer Wettbewerb (C‑315/92, Ġabra p. I‑317, punt 7), u tas-7 ta’ Novembru 2002, Bourrasse u Perchicot (Kawżi magħquda C‑228/01 u C‑289/01, Ġabra p. I‑10213, punt 33).
38 – Il-Gvern Olandiż, fil-punt 53 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, osserva li din il-kontribuzzjoni “hija (b’mod partikolari) ibbażata fuq l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 85/73”.
39 – Il-korsiv huwa tiegħi.
40 – Il-punt (1) tal-Kapitolu msemmi jistabbilixxi l-ġbir min-naħa tal-Istati Membri ta’ dawn l-ammonti fissi “għall-ispejjeż ta’ l-ispezzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-qatla” ta’ annimali tal-ispeċi bovina: EUR 4.5 għal kull annimal tal-ifrat adult u EUR 2,5 kull annimal tal-ifrat żgħir.
41 – Ara l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 47.
42 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 1992, (Kawżi magħquda C‑284/00 u C‑288/00, Ġabra p. I‑4611).
43 – Sentenza Stratmann, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50).
44 – Konklużjonijiet tal-21 ta’ Marzu 2002 (punt 39).
45 – Ibidem (punt 58).
46 – Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Olandiż, punt 30 .
47 – Iċċitata iktar ’il fuq (punt 56).
48 – Sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999 (C‑374/97, Ġabra p. I‑5153, punt 27).
49 – Iċċitata iktar ’il fuq (punt 62).
50 – Sentenza tal-5 ta’ Frar 1976 (87/75, Ġabra p. 129).
51 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1993 (Kawżi magħquda C‑277/91, C‑318/91 u C‑319/91, Ġabra p. I‑6621).
52 – Sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995 (C‑16/94, Ġabra p. I‑2421).
53 – Sentenza Conceria Bresciani, iċċitata iktar ’il fuq (punt 10).
54 – Sentenza Ligur Carni et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31).
55 – Sentenza Dubois u Général Cargo Services, iċċitata iktar ’il fuq (punt 14).
56 – Ara, għal raġunament parzjalment analogu, is-sentenza tal-15 ta’ April 1997, Bakers of Nailsea (C‑27/95, Ġabra p. I‑1847, punti 44 sa 46), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola tal-4 ta’ Lulju 1996 fl-istess kawża (nota ta’ qiegħ il-paġna 6 fil-punt 8).
Full & Egal Universal Law Academy