KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 20081(1)
Kawża C‑443/07 P
Isabel Clara Centeno Mediavilla et
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Uffiċjali – Ħatra minn lista ta’ riżerva stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda – Kundizzjonijiet inqas favorevoli abbażi tad-data tal-ħatra – Legalità ta’ regola tranżitorja li tirrigwarda l-klassifikazzjoni fi grad meta jsir ir-reklutaġġ – Prinċipji ġenerali tad-dritt”
1. B’effett mill-1 ta’ Mejju 2004, ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem “ir-Regolamenti tal-Persunal”) ġew emendati estensivament(2). B’mod partikolari, ġiet introdotta struttura ta’ karrieri radikalment ġdida. Il-gradi tad-dħul fl-istruttura ġdida kienu jġorru magħhom salarji iktar baxxi minn dawk fl-istruttura l-qadima, imma kwalunkwe żvantaġġ kellu jitpatta b’opportunitajiet aħjar għal promozzjonijiet. Dispożizzjonijiet tranżitorji kienu jittrattaw diversi sitwazzjonijiet, inklużi dawk ta’ uffiċjali li kienu għaddew minn konkors miftuħ organizzat qabel, iżda li ngħataw il-ħatra wara, id-dħul fis-seħħ tal-istruttura l-ġdida tal-karrieri. Il-proċeduri legali preżenti, li issa jinsabu fl-istadju tal-appell, tressqu minn 17-il uffiċjal bħal dawn, li ma kienux sodisfatti bil-fatt li huma ġew maħtura taħt kundizzjonijiet tal-bidu inqas favorevoli minn dawk ta’ uffiċjali oħra li kienu għaddew mill-istess konkors miftuħ imma li ġew irreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004.
2. Ħamsin każ ieħor quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jikkonċernaw essenzjalment l-istess kwistjoni, huma fil-preżent sospiżi pendenti l-eżitu ta’ dan l-appell. Barra minn hekk, il-Kummissjoni obbligat ruħha, fl-eventwalità ta’ sentenza li tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma kellhomx jiġu applikati għall-uffiċjali kkonċernati, li testendi l-benefiċċju tal-eżerċizzju sussegwenti tal-klassifikazzjoni mill-ġdid għall-uffiċjali kollha li huma milquta b’din is-sentenza, inklużi dawk li ma ppreżentaw ebda lment sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni tagħhom(3).
Il-kuntest leġiżlattiv
Kunsiderazzjonijiet li jirregolaw l-emendi għar-Regolament tal-Persunal
3. Il-preambolu għar-Regolament Nru 723/2004, li introduċa l-emendi, għandu fih, inter alia, il-premessi li ġejjin:
“(7) Il-konformità għandha titħares mal-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, kif miġbura fit-Trattat tal-KE, li b’hekk jeħtieġ aktar żvilupp tal-politika tal-persunal tal-politika tal-persunal li tiżgura opportunitjiet indaqs għal kulħadd, ikunu xi jkunu s-sess, il-kapaċità fisika, iż-żmien, l-identità razzjali jew etnika, l-orjentazzjoni sesswali, u l-istat maritali.”
“(10) Hemm bżonn ċar li jissaħħaħ il-prinċipju ta’ l-iżvilupp fil-karriera bbażat fuq mertu, li tkun stabbilita konnessjoi aktar viċina bejn ir-rendiment u r-remunerazzjoni billi jkunu stabbiliti inċentivi akbar għal rendiment aħjar b’bidliet strutturali tas-sistema tal-karrieri, filwaqt li tkun żgurata ekwivalenza ta’ profili medji tal-karrieri bejn l-istrutturi l-ġodda u l-qodma, waqt li jinżammu mal-pjan ta’ l-istabbiliment u d-dixxiplina ta’ l-estimi.”
“(12) Wasal il-bżonn li tinħoloq sistema li tiżgura l-ekwivalenza tal-profili medji tal-karrieri li, meta jittieħdu kollha f’daqqa, jeliminaw ġustament u raġonevolment, l-ewwel, iż-żieda fin-numru totali tal-gradi u, tnejn, it-tnaqqis fin-numru ta’ skali ta’ kull grad.”
“(34) Il-kondizzjonijiet fondamentali għall-impieg li jkopru l-livelli kollha tal-pagi u l-pensjonijiet ta’ l-uffiċjali u ħaddiema oħra, jibqgħu f’livell li jiġbed u jżomm l-aħjar applikanti mill-Istati Membri kollha fis-servizz ċivili indipendenti u permanenti Ewropew.”
“(37) Disposizzjoni għandha ssir għall-arranġamenti transitorji biex tippermetti li r-regoli u l-miżuri ġodda jkunu applikati gradwalment, waqt li jkunu rispettat d-drittjiet miksuba tal-persunal fil-qafas tas-sistema tal-Komunità qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi tar-Regolamenti tal-Persunal u wara li jkunu kkunsidrati l-istennijiet leġittimi tagħhom.”
Dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Persunal, qabel u wara l-emendi
4. L-Artikolu 1a(1) tal-verżjoni ta’ qabel l-2004 tar-Regolamenti tal-Persunal, introdotta bir-Regolament Nru 781/98(4), kien jipprovdi:
“L-uffiċjali għandhom ikunu ntitolati għal trattament indaqs taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal mingħajr riferenza, diretta jew indiretta, għar-razza, twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż, sess jew xejra sesswali, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet relevanti li jeħtieġu stat maritali [partikolari].”
5. Fil-verżjoni l-ġdida, dik id-dispożizzjoni ġiet riformulata, u saret l-Artikolu 1d(1):
“Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f'minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita.”
Għall-iskopijiet ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, sħubija mhux maritali għandha tkun ittrattata bħala żwieġ sakemm il-kondizzjonijiet kollha mniżżla fl-Artikolu 1(2)(ċ) ta' l-Anness VII jitħarsu.”
6. Qabel l-emendi tal-2004, l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal kien jistipula kif ġej:
“1. Il-postijiet koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kklassifikati, skond in-natura u l-importanza tad-dmirijiet li għalihom jirrelataw, f’erba’ kategoriji, A, B, Ċ u D, f’ordni nieżla tal-grad.
Il-kategorija A għandha tinkludi tmien gradi, maqsuma f’meded ta’ karrieri li normalment fihom żewġ gradi kull wieħed għall-perunal ingaġġat fi dmirijiet amministrattivi jew ta’ konsulenza li jeħtieġu edukazzjoni universitarja jew esperjenza professjonali ekwivalenti.
Il-kategorija B għandha tinkludi ħames gradi, maqsuma f’meded ta’ karrieri li normalment fihom żewġ gradi kull wieħed għall-perunal ingaġġat fi dmirijiet eżekuttivi li jeħtieġu livell avvanzat ta’ edukazzjoni sekondarja jew esperjenza professjonali ekwivalenti.
Il-kategorija Ċ għandha tinkludi ħames gradi, maqsuma f’meded ta’ karrieri li normalment fihom żewġ gradi kull wieħed għall-perunal ingaġġat fi dmirijiet klerikali li jeħtieġu edukazzjoni sekondarja jew esperjenza professjonali ekwivalenti.
Il-kategorija D għandha tinkludi erba’ gradi, maqsuma f’meded ta’ karrieri li normalment fihom żewġ gradi kull wieħed għall-perunal ingaġġat fi dmirijiet manwali jew ta’ servizz li jeħtieġu edukazzjoni primarja, jekk meħtieġ supplimentata b’xi taħriġ tekniku.
[...]
2. Postijiet tat-tradutturi u interpreti jkunu miġbura f’Servizz tal-Lingwi bl-isem ta’ LA, magħmul minn sitt gradi ekwivalenti għall-gradi 3 sa 8 tal-Kategorija A u maqsuma f’meded ta’ karrieri li normalment fihom żewġ gradi kull wieħed.
3. Kondizzjonijiet identiċi għar-reklutaġġ u s-servizz ta’ karriera għandhom japplikaw għall-uffiċjali kollha ta’ l-istess kategorija jew l-istess servizz.
[...]”
7. Wara li ġie emendat, l-Artikolu 5 issa jaqra:
“1. Il-posizzjonijiet koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kklassifikati, skond in-natura u l-importanza tad-dmirijiet li għalihom jirrelataw, fi grupp tal-funzjoni ta’ amministraturi (minn issa ’[il] quddiem ‘AD’) u grupp tal-funzjoni ta’ l-assistenti (minn issa ’l quddiem ‘AST’).
2. Il-grupp tal-funzjoni AD għandu jkun fih tnax-il grad, li jikkorrospondu mad-dmirijiet amministrattivi, ta’ konsulenza, lingwistiċi u xjentifiċi. Il-funzjoni tal-grupp AST għandu jkun fih ħdax-il grad, li jikkorrospondu mad-dmirijiet esekuttivi, tekniċi u klerikali.
3. Il-ħatra għandha teħtieġ mill-inqas:
(a) fi grupp tal-funzjoni AST:
(i) livell ta’ edukazzjoni post-sekondarja ċċertifikat b’diploma, jew
(ii) livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma, li jagħti aċċess għal edukazzjoni post-sekondarja, u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas tliet snin, jew
(iii) fejn iġġustifikat fl-interessi tas-servizz, taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti.
(b) fil-gruppi tal-funzjoni AD għall-gradi 5 u 6:
(i) livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ stud[j]i universitarji kkompletati ta’ mill-inqas tliet snin iċċertifikat b’diploma, jew
(ii) fejn iġġustifikat fl-interessi tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti.
(ċ) fil-gruppi tal-funzjoni AD għall-gradi 7 sa 16:
(i) livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kkompletati, iċċertifikati b’diploma meta l-perjodu normali ta’ l-edukazzjoni universitarja huwa erba’ snin jew aktar, jew
(ii) livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b’diploma, esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas sena, meta l-perjodu normali ta’ l-edukazzjoni universitarja hija [huwa] mill-anqas tliet snin jew aktar, jew
(iii) fejn iġġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti.
4. Tabella li turi t-tipi ta’ posizzjonijiet tingħata fl-Anness I, punt A. B’riferenza għal din it-tabella, kull istituzzjoni għandha tiddefinixxi d-dmirijiet u s-setgħat marbutin ma’ kull tip ta’ posizzjoni wara li tikkonsulta l-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.
5. Kondizzjonijiet identiċi għar-reklutaġġ u s-servizzi ta’ karriera għandhom japplikaw għall-uffiċjali kollha ta’ l-istess grupp tal-funzjoni.”
8. Il-gradi fl-istruttura l-qadima tal-karrieri kienu jinkludu b’mod ġenerali tmien skali, kull waħda minnhom tinvolvi inkriment fis-salarju, filwaqt li dawk fl-istruttura l-ġdida ta’ karrieri jinkludu b’mod ġenerali ħames skali. Ma kien hemm ebda tibdil għar-regola li uffiċjali jgawdu awtomatikament minn promozzjoni għall-iskala li jmiss fil-grad tagħhom kull sentejn (Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal), filwaqt li l-promozzjoni għal grad iktar għoli hija b’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra abbażi tal-mertu (Artikolu 45).
9. L-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistipulaw li l-Awtorità tal-Ħatra għandha, waqt li taġixxi biss fl-interess tas-servizz u mingħajr ma tagħti każ tan-nazzjonalità, tassenja lil kull uffiċjal b’ħatra jew trasferiment għall-pożizzjoni fil-kategorija jew servizz tiegħu (jew, mill-1 ta’ Mejju 2004, il-grupp tal-funzjoni tiegħu) li tikkorrispondi mal-grad tiegħu.
10. L-Artikolu 10 iwaqqaf il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-Komunità u min-numru ugwali ta’ rappreżentanti tal-Kumitati tal-Persunal tagħhom. Qabel ma ġie emendat(5), dan kien jgħid, sa fejn huwa rilevanti:
“Il-Kumitat għandu jkun ikkonsultat mill-Kummissjoni fuq kull proposta għar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal; għandu jgħarraf l-opinjoni tiegħu fit-tali perjodu li jista’ jkun stabbilit mill-Kummissjoni.”
11. L-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu x’jaqsam mal-ħatra ta’ uffiċjali magħżulin permezz ta’ kompetizzjoni miftuħa. Qabel ma ġie emendat, l-Artikolu 31(1) kien jistipula li uffiċjali fil-Kategorija A tas-Servizz Lingwistiku għandhom jiġu maħtura fil-grad tal-bidu tal-kategorija jew servizz tagħhom, u dawk f’kategoriji oħrajn fil-grad tal-bidu għall-post li għalih ġew irreklutati. L-Artikolu 31(2) ippermetta lill-Awtorità tal-Ħatra li tidderoga minn dawn ir-regoli fil-limitu ta’ terz jew żewġ terzi tal-postijiet disponibbli, skont il-grad u t-tip ta’ pożizzjonijiet battala.
12. Wara l-emendi tal-2004, l-Artikolu 31(1) u (2) jistipula:
“1. Il-kandidati magħżula għandhom jinħatru għall-grad tal-grupp tal-funzjoni, ippreżentat fl-avviż tal-kompetizzjoni li għaddew minnha.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29(2), [(6)] l-uffiċjali għandhom ikunu reklutati biss taħt il-gradi AST 1 sa AST 4, jew AD 5 sa AD 8. Il-grad tal-avviż tal-kompetizzjoni għandu jkun stabbilit mill-istituzzjoni skond il-kriterji li ġejjin:
(a) l-iskop tar-reklutaġġ ta’ l-uffiċjali sa l-ogħla standard kif definit fl-Artikolu 27 [(7)];
(b) il-kwalità ta’ l-esperjenza professjonali meħtieġa.
Biex ikunu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi ta’ l-istituzzjonijiet, il-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li jeżistu fil-Komunità jistgħu jkunu kkunsidrati wkoll meta jiġu reklutati l-uffiċjali.”(8)
13. Kemm qabel u wara l-emendi, l-Artikolu 32 jistipula li fil-prinċipju uffiċjal għandu jiġi reklutat fl-ewwel skala fil-grad tiegħu, imma li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tippermetti senjorità addizzjonali biex tikkonsidra t-taħriġ u l-esperjenza professjonali tiegħu:
“Membri tal-persunal temporanju ggradat skond il-kriterji li bih ikunu ggradati adottati mill-istituzzjoni għandhom iżommu s-senjorità fl-iskala miksuba f’dik il-kapaċità jekk ikunu maħtura uffiċjali fl-istess grad immedjatament wara l-perjodu tas-servizz temporanju.”
Dispożizzjonijiet tranżitorji
14. Mill-1 ta’ Mejju 2004, ir-Regolamenti tal-Persunal inkludew l-Anness XIII, intitolat “Miżuri transitorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Komunitajiet”, l-Artikoli 1 u 2 ta’ liema jgħidu dan li ġej:
“Artikolu 1
1. Għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 t’April 2006 l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament[i] tal-Persunal huma mibdula b’dan li ġej:
“1. Il-postijiet koperti mir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kklassifikati, skond in-natura u l-importanza tad-dmirijiet li għalihom jirrelataw, f’erba’ kategoriji, A, B, Ċ u D, f’ordni nieżla tal-kariga.
2. Il-kategorija A jkun fiha tnax-il grad, il-kategorija B ikun fiha disa’ gradi, il-kategorija Ċ ikun fiha seba’ gradi, u l-kategorija D ikun fiha ħames gradi.”
2. Kull riferenza għad-data tar-reklutaġġ għandha titqies li tirreferi għad-data tad-dħul fis-seħħ [fis-servizz].
Artikolu 2
1. Fl-1 ta’ Mejju 2004, u suġġetti għall-Artikolu 8 ta’ dan l-Anness, il-gradi tal-uffiċjali li għandhom wieħed mill-istati amministrattivi ppreżentati fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal [(9)] għandhom jingħataw isem mill-ġdid kif ġej:
Grad ta’ qabel
Grad il-ġdid (intermedju)
Grad ta’ qabel
Grad il-ġdid (intermedju)
Grad ta’ qabel
Grad il-ġdid (intermedju)
Grad ta’ qabel
Grad il-ġdid (intermedju)
A1
A*16
A2
A*15
A3/LA3
A*14
A4/LA4
A*12
A5/LA5
A*11
A6/LA6
A*10
B1
B*10
A7/LA7
A*8
B2
B*8
A8/LA8
A*7
B3
B*7
C1
C*6
B4
B*6
C2
C*5
B5
B*5
C3
C*4
D1
D*4
C4
C*3
D2
D*3
C5
C*2
D3
D*2
D4
D*1
[…]”
15. Taħt l-Artikolu 4 tal-Anness XIII, għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2006, il-kliem “grupp tal-funzjoni” kellhom jiġu mibdula bi “kategoriji” fi, inter alia, l-Artikoli 5(5) u 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-kliem “grupp tal-funzjoni ta’ l-AD” bi “kategorija A*” fi, inter alia, l-Artikolu 5(3)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-kliem “grupp tal-funzjoni ta’ l-AST” bi “kategoriji B* u Ċ*” fi, inter alia, l-Artikolu 5(3)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont l-Artikolu 4(n), ir-referenza fl-Artikolu 5(4) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Anness I, punt A kellha tiġi mibdula b’referenza għall-Anness XIII.1, li jelenka tipi ta’ pożizzjonijiet matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
16. L-Artikolu 12 tal-Anness XIII jistipula:
“1. Bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 t’April 2006, r-riferenza għall-gradi fil-gruppi tal-funzjoni ta’ l-AST u l-AD fil-paragrafi 2 u 3 ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha ssir kif ġej:
– AST1 sa AST4: Ċ*1 sa Ċ*2 u B*3 sa B*4,
– AD5 sa AD8: A*5 sa A*8,
– AD9, AD10, AD11, AD12: A*9, A*10, A*11, A*12.
2. Fil-każ ta’ l-uffiċjali reklutati mil-listi ta’ kandidati xierqa [(10)], li jirriżultaw minn kompetizzjonijiet ippubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, l-Artikolu 5(3) tar-Regolamenti tal-Persunal m’għandux japplika.
3. L-uffiċjali li kienu inklużi f’lista tal-kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u huma reklutati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 t’April 2006, għandhom:
– jekk il-lista tħejjiet għall-kategoriji A*, B*, jew Ċ*, ikunu ggradati fil-grad ippubblikat fil-kompetizzjoni;
– jekk il-lista tħejjiet għall-kategoriji A, LA, B, jew Ċ, ikunu ggradati skond ittabella li ġejja:
Grad tal-kompetizzjoni
Grad tar-reklutaġġ
A8/LA8
A*5
A7/LA7 u A6/LA6
A*6
A5/LA5 u A4/LA4
A*9
A3/LA3
A*12
A2
A*14
A1
A*15
B5 u B4
B*3
B3 u B2
B*4
C5 u C4
C*1
C3 u C2
C*2
[…]”
17. Fir-rigward tat-tieni linja tat-tabella ta’ hawn fuq, jidher mill-proċess fl-ewwel istanza li l-Kummissjoni kienet ipproponiet li dawk fuq lista ta’ riżerva għall-kategoriji ta’ karrieri l-qodma A7/LA7 u A6/LA6 għandhom jiġu reklutati fil-grad il-ġdid mhux tal-A*6 imma tal-A*7. Huwa fatt magħruf li l-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal previst fl-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal ġie kkonsultat dwar il-proposta preċedenti imma mhux dwar is-sostituzzjoni li saret wara tal-A*6 għall-A*7. Bħala paragun, is-salarju bażiku għall-grad il-qadim A7/LA7 kien EUR 4 815.59 kull xahar; dak għall-grad ġdid A*7 kien EUR 4 878,24 filwaqt li dak għall-A*6 kien EUR 4 311,55(11).
Il-fatti li taw lok għall-proċeduri legali
18. Il-fatti rilevanti huma spjegati fil-punti 9 sa 21 tas-sentenza appellata (12) kif ġej:
(9) Il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fil-perijodu bejn il-11 ta’ April 2001 u t-18 ta’ Ġunju 2002, diversi avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali maħsuba sabiex jikkostitwixxu riżervi ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi ta’ grad A 7/A 6 (COM/A/6/01, COM/A/9/01, COM/A/10/01, COM/A/1/02, COM/A/3/02 et CC/A/12/02), ta’ assistenti amministraturi ta’ grad A 8 (kompetizzjoni COM/A/2/02) u ta’ assistenti ta’ grad B 5/B 4 (kompetizzjoni COM B/1/02).
(10) Is-17-il rikorrent kienu ġew iskritti qabel l-1 ta’ Mejju 2004 fuq id-diversi listi ta’ kandidati xierqa mħejijja wara li saru l-eżamijiet ta’ selezzjoni.
(11) Taħt it-titolu “Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ”, l-avviżi ta’ kompetizzjoni kienu jippreċiżaw li l-iskrizzjoni tal-kandidtati magħżula fuq il-listi ta’ riżerva kienet tagħmilhom eliġibbli sabiex ikunu reklutati skont il-bżonnijiet tas-servizz.
(12) Fil-punt D (“Informazzjoni ġenerali”), in fine, tal-avviżi ta’ kompetizzjonijiet COM/A/l/02 u COM/A/2/02, issemma dan li ġej:
“Il-Kummissjoni bagħtet formalment lill-Kunsill proposta ta’ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-proposta tinkludi b’mod partikolari sistema ġdida ta’ karriera. Il-kandidati magħżula ta’ din il-kompetizzjoni jkunu jistgħu għalhekk jiġu rreklutati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal, wara l-adozzjoni tagħhom mill-Kunsill.”
(13) L-avviż ta’ kompetizzjoni COM/A/3/02 kien jinkludi riferenza kważi identika għad-“dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda”.
(14) Il-listi ta’ kandidati xierqa stabbiliti wara l-kompetizzjonijiet COM/A/6/01, COM/A/9/01 u COM/A/10/01 (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjonijiet ta’ l-2001”) kienu ġew ippubblikati, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, rispettivament, fid-19 ta’ Novembru 2002 (kompetizzjoni COM/A/6/01), fit-8 ta’ Marzu (kompetizzjoni COM/A/10/01) u fit-2 ta’ Lulju 2003 (kompetizzjoni COM/A/9/01).
(15) L-ittri li bihom il-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet tal-2001 kienu ġew infurmati bl-iskrizzjoni tagħhom fuq il-lista ta’ kandidati xierqa kienu jindikaw b’mod partikolari li din il-lista kienet valida sal-31 ta’ Diċembru 2003.
(16) F’Diċembru tal-2003, id-Diviżjoni Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni” tal-Kummissjoni indirizzat ittra lil kull wieħed mill-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet tal-2001, fejn indikatilhom li l-validità tad-diversi listi ta’ kandidati xierqa kienet ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2004.
(17) Il-listi ta’ kandidati xierqa stabbiliti wara l-kompetizzjonijiet COM/A/l/02, COM/A/2/02, COM/A/3/02, COM/B/1/02 u CC/A/12/02 (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjonijiet ta’ l-2002”) kienu ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, rispettivament, fid-19 ta’ Novembru 2003 (kompetizzjoni CC/A/12/02), fit-23 ta’ Marzu (kompetizzjoni COM/A/1/02 u COM/A/2/02) u fit-18 ta’ Mejju 2004 (kompetizzjoni COM/A/3/02 u COM/B/1/02).
(18) Ir-rikorrenti kienu ġew maħtura uffiċjali bi prova permezz ta’ deċiżjonijiet adottati wara l-1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) u li jieħdu effett bi skadenza bejn din id-data u l-1 ta’ Diċembru 2004.
(19) Permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti kienu ġew ikklassifikati fil-grad skont l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri fil-grad B*3 (kompetizzjoni COM/B/1/02) fil-grad A*5 (kompetizzjoni COM/A/2/02) jew fil-grad A*6 (il-kompetizzjonijiet l-oħra kollha).
(20) Kull wieħed mir-rikorrenti, bejn is-6 ta’ Awwissu 2004 u l-21 ta’ Ottubru 2004, ippreżenta talba, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni li taħtru uffiċjal bi prova sa fejn din kienet tistabbilixxi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-klassifikazzjoni tiegħu fi grad anqas favorevoli minn dawk indikati fid-diversi avviżi ta’ kompetizzjoni.
(21) B’deċiżjonijiet meħuda bejn il-21 ta’ Ottubru 2004 u t-22 ta’ Diċembru 2004, l- Awtorità tal-Ħatra ċaħdet it-talbiet imressqa mir-rikorrenti.
19. Għalhekk, ir-rikorrenti jaqgħu fi tliet kategoriji:
– dawk li kienu jiġu maħtura, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, fil-grad A7 (b’salarju bażiku li jibda minn EUR 4 815,59 kull xahar), li mbagħad kienu jiġu mogħtija t-titolu ġdid ta’ A*8, b’salarju li jinżamm fl-istess livell, imma li fil-fatt ġew maħtura, wara l-1 ta’ Mejju 2004, fil-grad A*6 (b’salarju bażiku li jibda minn EUR 4 311,55 kull xahar);
– dawk li kienu jiġu maħtura, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, fil-grad A8 (b’salarju bażiku li jibda minn EUR 4 258,95 kull xahar), li mbagħad kienu jiġu mogħtija t-titolu ġdid ta’ A*7, b’salarju li jinżamm fl-istess livell, imma li fil-fatt ġew maħtura, wara l-1 ta’ Mejju 2004, fil-grad A*5 (b’salarju bażiku li jibda b’EUR 3 810,69 kull xahar);
– dawk li kienu jiġu maħtura, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, fil-grad B5 (b’salarju bażiku li jibda minn EUR 3 143,24 kull xahar), li mbagħad kienu jiġu mogħtija t-titolu ġdid ta’ B*5, b’salarju li jinżamm fl-istess livell, imma li fil-fatt ġew maħtura, wara l-1 ta’ Mejju 2004, fil-grad B*3 (b’salarju bażiku li jibda minn EUR 2 976,76 kull xahar)(13).
Il-proċedura fl-ewwel istanza
20. B’rikors wieħed li ġie ppreżentat fit-3 ta’ Frar 2005, is-17-il rikorrent talbu l-Qorti ta’ Prim’Istanza sabiex:
– tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn dawn jistabbilixxu l-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad skont l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal;
– tirrikostruwixxi l-karriera tagħhom (inkluż ir-rikonoxximent tal-esperjenza tagħhom fil-grad kif emendat, id-drittijiet tagħhom għall-promozzjoni u għall-intitolament tagħhom għall-pensjoni), abbażi tal-grad li huma kellhom jiġu rreklutati fih f’konformità mal-avviż tal-kompetizzjoni li abbażi tiegħu huma kienu ġew imqiegħda fuq il-lista tal-kandidati xierqa, jew fil-grad imsemmi f’dan l-avviż ta’ kompetizzjoni, jew f’dak li jikkorispondi għall-ekwivalent tiegħu skont il-klassifikazzjoni stabbilita permezz tar-regoli l-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal (u fl-iskala approprjata skont ir-regoli applikabbli qabel l-1 ta’ Mejju 2004), mid-data tad-deċiżjoni ta’ ħatra;
– tagħtihom id-dritt għall-interessi għal dewmien, ikkalkulati abbażi tar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew, dovuti fuq is-somom kollha li jikkorispondu għad-differenza bejn is-salarju li jikkorispondi għall-klassifikazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni ta’ ħatra u l-klassifikazzjoni li huma kellhom ikunu intitolati għaliha, sad-data tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni regolari fil-grad;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.
21. Il-Kunsill intervjena in sostenn tal-Kummissjoni.
22. In sostenn tat-talbiet tagħhom għall-annullament, ir-rikorrenti argumentaw, l-ewwel nett, li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal, abbażi ta’ liema ġew ikklassifikati, kien illegali u, t-tieni nett, li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma stess kisru l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ premura, ta’ trasparenza, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ bona fede, ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, tal-ekwivalenza tal-pożizzjoni u tal-grad.
23. Fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dawn il-motivi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati(14) u, peress li ma kienx hemm għalhekk il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet tagħhom għar-rikostituzzjoni tal-karrieri tagħhom u għall-għoti tal-interessi għal ħlas tardiv fuq l-arretrati tar-remunerazzjoni li setgħu jirriżultaw mill-annullament, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.
24. Madankollu, hija kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitix wissiet lir-rikorrenti b’mod ċar u preċiż dwar l-effett speċifiku prevedibbli fuq is-sitwazzjonijiet individwali tagħhom ta’ proposta ta’ emenda għar-Regolamenti tal-Persunal li tagħha hija stess kienet l-awtriċi, u li minħabba l-inċertezza li b’hekk ġiet maħluqa, kienu intitolati li jħossuhom ġustifikati li jikkontestaw il-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad. Hija għalhekk ordnat lill-Kummissjoni tħallas nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.
L-Appell
25. Is-17-il rikorrent kollha fl-ewwel istanza ppreżentaw appell konġunt fil-21 ta’ Settembru 2007.
26. Huma jagħmlu l-punti preliminari li l-Qorti tal-Prim’Istanza (i) ittrattathom kollha bl-istess mod mingħajr ma kkunsidrat is-sitwazzjoni partikolari ta’ kull wieħed minnhom u (ii) ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-preżunzjoni, li huma jikkontestaw, li l-legalità tal-klassifikazzjoni tal-grad tagħhom tista’ tiġi evalwata biss mid-data tal-ħatra tagħhom.
27. L-appellanti jressqu sussegwentement żewg aggravji in sostenn tal-appell tagħhom.
28. L-ewwel nett, huma jissottomettu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal huwa legali. Fil-qosor, huma jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza (i) kisret l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma meta interpretatu bħala li jiġġustifika nuqqas li jerġa’ jiġi kkonsultat il-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal; (ii) kisret il-prinċipju tad-drittijiet miksuba billi kkunsidrat jekk kienx hemm dritt miksub meta tinħatar, pjuttost milli tiġi kklassifikat f’ċertu grad fl-eventwalità ta’ ħatra; (iii) kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta għamlet distinzjoni bejn kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni skont jekk ġewx maħtura qabel jew wara l-1 ta’ Mejju 2004; (iv) kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u żnaturat l-elementi ta’ prova; u (v) interpretat ħażin l-iskop tal-Artikoli 5, 7 u 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’hekk marret kontra d-dmir li kellha li tagħti raġunijiet.
29. It-tieni nett, l-appellanti jikkontestaw il-konklużjoni li n-nuqqas tal-Kummissjoni milli tipprovdi informazzjoni ma jistax, minnu nnifsu, jirrendi illegali d-deċiżjonijiet ikkontestati. Huma jsostnu f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ premura, ta’ trasparenza, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ bona fede, ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, tal-ekwivalenza tal-pożizzjoni u tal-grad.
L-ammissibbiltà tal-appell
30. Il-Kunsill, filwaqt li mhux qed isostni li l-appell huwa inammissibbli fl-intier tiegħu, jissottometti li ħafna mill-argumenti tal-appellanti ma jissodisfawx l-obbligi tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li ma jiddentifikaw ebda ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza imma sempliċement qed ifittxu eżami mill-ġdid tal-argumenti li saru fl-ewwel istanza.
31. Hija ġurisprudenza stabbilita li “appell huwa inammissibbli jekk, mingħajr ma jkun jinkludi saħansitra argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata, sempliċement jirrepeti jew jirripproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Bil-kontra, meta rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mil-ġdid matul il-proċedura ta’ appell. Fil-fatt, li kieku rikorrent ma setax jibbaża l-appell tiegħu b’dan il-mod fuq il-motivi u l-argumenti li diġà ntużaw quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-imsemmija proċedura titlef parti mis-sens tagħha”(15).
32. Fil-kawża preżenti, huwa ċar għalija li l-appellanti, għal kull aggravju, identifikaw l-iżbalji legali li huma jikkunsidraw li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet f’partijiet differenti tas-sentenza tagħha. Il-fatt li dawn neċessarjament jevokaw mill-ġdid, f’dan il-kuntest, xi wħud mill-argumenti li huma ressqu fl-ewwel istanza għalhekk ma jistax jaffettwa bl-ebda mod l-ammissibbiltà tal-aggravji tagħhom.
Fuq il-mertu
L-ewwel aggravju: l-illegalità tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal
L-ewwel parti: ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunali
– Is-sentenza appellata
33. Ir-rikorrenti argumentaw fl-ewwel istanza li s-sostituzzjoni ta’ grad A*6 għal grad A*7 fit-tabella fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal kienet ivvizjata bin-nuqqas li jiġi kkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fuq dan il-punt(16).
34. Fil-punti 35 sa 43 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dak l-argument, billi essenzjalment irraġunat kif ġej.
35. Il-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal irid jiġi kkonsultat mhux biss dwar proposti formali imma fuq tibdil sostanzjali għal proposti diġà kkunsidrati, sakemm tibdil bħal dan ma jkunx jikkorrispondi ma’ dak propost mill-Kumitat. Għalhekk, jekk tibdil li jaffettwa sostanzjalment il-portata ta’ proposta għar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jiġi introdott matul in-negozjati fi ħdan il-Kunsill, il-kumitat irid jiġi kkonsultat mill-ġdid qabel ma jiġu adottati d-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Madankollu, mhemm ebda obbligu bħal dan għal tibdil speċifiku b’effett limitat – li jkun jirrestrinġi eċċessivament id-dritt li jsiru emendi fil-proċess leġiżlattiv. Il-kwistjoni dwar jekk bidla hijiex sostanzjali jew le trid tiġi evalwata mill-persepettiva tas-suġġett u l-pożizzjoni tagħha fl-ambitu tat-test propost kollu, u mhux tal-konsegwenzi individwali li jista’ jkollha għal dawk li x’aktarx jiġu affettwati minnha.
36. F’din il-kawża, l-istruttura l-ġdida tal-karrieri kellha l-effett immedjat li tbaxxi l-gradi ta’ reklutaġġ għall-uffiċjali l-ġodda, bl-espansjoni eventwali tal-prospetti tal-karrieri tagħhom. Is-sostituzzjoni ta’ grad A*6 għal grad A*7 tidħol fil-loġika wiesa’ u fil-perspettiva globali ta’ ristrutturazzjoni evoluttiva bħal din. Din kienet adattazzjoni speċifika tad-dispożizzjonijiet tranżitorji, li ma taffettwax la s-sens ġenerali u lanqas is-sustanza tagħhom sal-punt li tkun tiġġustifika li ssir konsultazzjoni mill-ġdid mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.
37. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal meta ma reġgħatx ikkonsultat il-kumitat, anki jekk is-sostituzzjoni inkwistjoni, imdaħħla wara li l-kumitat kien ġie kkonsultat, immedjatament kellha effett finanzjarju sinjifikattiv fuq il-klassifikazzjoni inizjali u s-salarju bażiku tal-uffiċjali kkonċernati.
– L-argumenti tal-partijiet
38. L-appellanti jaċċettaw l-ewwel parti ta’ dan ir-raġunament, iżda mhux (i) il-fehma li l-kwistjoni jekk bidla hijiex sostanzjali jew le ma tistax tiġi evalwata mill-persepettiva tal-konsegwenzi individwali li jista’ jkollha għal dawk li x’aktarx jiġu affettwati minnha jew, konsegwentement, (ii) il-konklużjoni li s-sostituzzjoni inkwistjoni ma kinitx bidla sostanzjali.
39. Mingħajr ma jiżviluppaw l-ewwel punt iktar fil-fond, l-appellanti jenfasizzaw l-importanza tal-konsegwenzi fil-kawża preżenti għal numru “kbir ħafna” ta’ uffiċjali – mhux biss ta’ salarju bażiku iktar baxx imma wkoll id-dewmien ta’ tul ta’ karriera fi grad wieħed meta mqabbel ma’ x’kienet tkun is-sitwazzjoni tagħhom li kieku ġew maħtura fi grad iktar għoli – li dwaru l-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal seta’ kellu xi kummenti x’jagħmel.
40. Huma jqabblu s-sostituzzjoni fil-kawża preżenti mal-bidla li saret għar-Regolament Nru 2688/95(17) matul il-proċess leġiżlattiv. Il-proposta inizjali, li fuqha l-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal kien ġie kkonsultat, kienet tipprovdi għal arranġamenti għall-irtirar kmieni fil-każ tal-uffiċjali tal-istituzzjonijiet kollha, imma t-test li ġie adottat finalment illimita dawk l-arranġamenti għall-uffiċjali tal-Parlament. Fis-sentenza Losch(18), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li dan jammonta għal bidla sostanzjali li dwarha l-Kumitat kellu jiġi kkonsultat mill-ġdid.
41. Barra minn dan, l-appellanti jikkunsidraw li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tagħti raġunijiet adegwati għall-konklużjoni tagħha li s-sostituzzjoni ta’ grad A*6 għal A*7 “jidħol fil-loġika [wiesa’] u fil-perspettiva globali ta’ ristrutturazzjoni evoluttiva tal-karrieri”, b’mod partikolari għax hija rrikonoxxiet ukoll li t-tabella fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII ma taqbilx mat-tabella fl-Artikolu 2(1) ta’ dak l-anness, meta kkonvertiet il-gradi tal-uffiċjali fil-post qabel l-1 ta’ Mejju 2004 għal gradi intermedji.
42. Il-Kummissjoni tikkusidra li s-sostituzzjoni inkwistjoni m’għandha l-ebda impatt fuq l-unità tas-servizz ċivili Komunitarju, is-salvagwardja ta’ liema tikkostitwixxi r-rwol speċifiku tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-fatt li l-kumitat seta’ kellu kummenti x’jagħmel ma joħloq ebda obbligu li dan jiġi kkonsultat. Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat raġunijiet adegwati għall-konklużjoni tagħha; l-allegazzjoni tal-appellanti għandha x’taqsam pjuttost man-nuqqas tal-leġiżlatur li jipprovdi raġunijiet adegwati u din il-kwistjoni, li ma ġietx imqajma fl-ewwel istanza, hija inammissibbli fl-appell.
43. Il-Kunsill iżid jgħid li l-bidla inkwistjoni f’Losch kienet teskludi l-persunal tal-istituzzjonijiet kollha ħlief il-Parlament mill-benefiċċju tal-arranġamenti tal-irtirar kmieni, filwaqt li l-bidla preżenti hija modifikazzjoni minuri ta’ dispożizzjoni tranżitorja li taffettwa numru limitat ta’ uffiċjali. Il-bidla kienet loġika fi ħdan l-istruttura ġenerali, għax grad A7 kien it-tieni grad fl-istruttura tal-karrieri l-qadima kategorija A u A*6 huwa ekwivalenti għal AD 6, it-tieni grad fil-grupp tal-funzjoni l-ġdid AD. Barra minn hekk, peress li l-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal kien diġà ta l-fehmiet tiegħu fuq is-sistema tal-korrispondenza in ġenerali, xejn ma jkun ġie ggwadanjat minn konsultazzjoni ulterjuri dwar dan il-punt speċifiku.
– Evalwazzjoni
44. L-ewwel nett, l-argumenti tal-appellanti li għandhom x’jaqsmu mal-importanza tas-sostituzzjoni inkwistjoni kollha huma relatati mal-konsegwenzi tagħha għall-individwi affettwati. Dawn għalhekk jistgħu jkunu rilevanti biss jekk jiġi stabbilit jew (a) li l-Qorti ta’ Prim’Istanza wettqet żball meta ddeċidiet li bidla għal proposta għandha tiġi evalwata mill-perspettiva tas-suġġett u tal-pożizzjoni tagħha fit-test kollu kemm hu li jagħmel parti mill-proposta, u mhux mill-perspettiva tal-konsegwenzi individwali li jista’ jkollha għal dawk li x’aktarx jiġu affettwati minnha, jew (b) li l-bidla kienet sostanzjali anki mill-perspettiva tas-suġġett u tal-pożizzjoni fit-test propost kollu kemm hu.
45. Fil-fehma tiegħi l-ebda waħda minnhom ma ġiet stabbilita.
46. L-appellanti ma ressqu l-ebda argument in sostenn tal-kontenzjoni li l-approċċ bażiku kien żbaljat fid-dritt. Lanqas jidher li dak l-approċċ mhuwiex raġonevoli. Evidentement, mhux kull bidla ddettaljata għal proposta teħtieġ li tiġi riferuta lura lill-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal, għax altrimenti l-proċess leġiżlattiv ikun fir-riskju ta’ paraliżi. Madankollu, kwalunkwe bidla, żgħira kemm hi żgħira, x’aktarx li ser jkollha konsegwenzi individwali għal numru ikbar jew inqas ta’ uffiċjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi jidher li jkun raġonevoli li wieħed jiġġudika jekk il-bidla hijiex sostanzjali biżżejjed li tkun tiġġustifika li ssir konsultazzjoni ulterjuri abbażi mhux ta’ dawk il-konsegwenzi fihom infushom imma tal-importanza oġġettiva tagħha fl-iskema ġenerali tal-proposta li tkun qed tiġi kkunsidrata.
47. Minn din l-aħħar perspettiva, ma jidhirlix li jkun ġustifikat li wieħed jargumenta li l-bidla inkwistjoni hija sostanzjali.
48. Jiena kont nibda mill-premessa li “l-proposta (rilevanti) li qed tiġi kkunsidrata” mhijiex ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom imma l-arranġamenti tranżitorji, u iktar speċifikament is-sistema ta’ korrispondenza bejn il-grad ta’ kompetizzjoni u l-grad tar-reklutaġġ kif stabbilit fit-tabella tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII (jekk wieħed kellu jagħti tifsira tal-proposta b’mod iktar wiesa’, l-iskop tal-bidla fl-iskema ġenerali jonqos ċertament).
49. Meta wieħed iħares lejn it-tabella, u s-salarji bażiċi qabel u wara l-1 ta’ Mejju 2004(19), jien ninnota li, ħlief għal żewġ eċċezzjonijiet, is-salarju bażiku għal grad tar-reklutaġġ il-ġdid huwa iktar baxx minn dak tal-grad l-qadim jew il-kategorija ta’ karriera li għaliha ġiet organizzata l-kompetizzjoni. L-eċċezzjonijiet huma ż-żewġ gradi l-iktar għoljin, essenzjalment għad-diretturi u d-diretturi ġenerali, fejn ir-reklutaġġ ħafna drabi ma jsirx permezz ta’ kompetizzjoni(20). Għall-gradi l-oħrajn kollha kkonċernati, il-grad tar-reklutaġġ il-ġdid (C*1 sa A*12) huwa iktar baxx mill-grad tal-kompetizzjoni l-qadim (C5 sa A3/LA3). F’din il-faxxa, fil-verżjoni tal-proposta li fuqha ġie oriġinarjament ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa biss il-grad tar-reklutaġġ ta’ A*7 li kellu salarju bażiku ħarira għola mill-karriera korrispondenti li dehret fl-avviż tal-kompetizzjoni (A7/LA7 u A6/LA6). Is-sostituzzjoni ta’ A*6 għal A*7 kienet għalhekk konformi mal-iskema ġenerali tat-tabella ta’ korrispondenza.
50. Fid-dawl ta’ dan, ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiegħu għamilt ġabra fil-qosor f’punti 36 u 37 iktar ’il fuq jidher ċar u adegwat. Il-kwistjoni tad-differenza bejn it-tabelli ta’ korrispondenza fl-Artikoli 2(1) u 12(3) tal-Anness XIII hija relatata, kif il-Kummissjoni u l-Kunsill irrilevaw, mar-raġunijiet mogħtija mil-leġiżlatur fir-Regolament Nru 723/2004, u mhux ma dawk mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha.
51. Konsegwentement, nissuġġerixxi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiġi miċħuda.
It-tieni parti: ksur tal-prinċipju tad-drittijiet miksuba
– Is-sentenza appellata
52. Ir-rikorrenti argumentaw fl-ewwel istanza li bl-inklużjoni tagħhom f’lista ta’ riżerva huma kisbu d-dritt li jiġu maħtura fil-gradi msemmija fl-avviżi rispettivi tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kisru dak id-dritt.
53. Fil-punti 52 sa 58 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat dan l-argument, billi rraġunat essenzjalment kif ġej.
54. L-inklużjoni f’lista ta’ riżerva wara kompetizzjoni miftuħa tikkonferixxi biss l-eliġibbiltà għal ħatra. Il-klassifikazzjoni fil-grad ma tinkisibx sakemm issir il-ħatra formali b’deċiżjoni unilaterali tal-Awtorità tal-Ħatra, li tiddikjara d-data minn meta tidħol fis-seħħ u l-pożizzjoni li għalija jiġi maħtur l-uffiċjal. Imbagħad biss kandidat li kkonkorra b’suċċess ikun jista’ jgħid li għandu l-istatus ta’ uffiċjal u jitlob li jiġu applikati r-Regolamenti tal-Persunal.
55. Meta l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għal dawk ir-Regolamenti daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, kienu għadhom mhumiex is-suġġett ta’ deċiżjoni bħal din. Għalhekk dik id-dispożizzjoni ma kisret ebda dritt għal klassifikazzjoni f’xi wieħed mill-gradi preċedenti stipulati fl-avviżi tal-kompetizzjoni. Uffiċjal ma jistax isostni li għandu dritt miksub sakemm iċ-ċirkostanzi li jagħtu lok għalih ikunu tqajjmu taħt reġim partikolari li jkun ġie sussegwentement emendat(21).
– Argumentazzjoni
56. L-appellanti essenzjalment, joġġezzjonaw, għall-premessa li d-dritt tagħhom li jiġu kklassifikati fi grad partikolari ma nkisibx ħlief wara li daħlu fis-seħħ l-emendi għar-Regolamenti tal-Persunal. Huma jaċċettaw li l-inklużjoni tagħhom f’lista ta’ riżerva ma tathomx id-dritt li jiġu maħturin imma jikkontendu li tathom id-dritt li jiġu kklassifikati, fl-eventwalità ta’ ħatra, fil-grad ippubblikat fl-avviż tal-kompetizzjoni.
57. Huma jiċċitaw ġurisprudenza fis-sens li l-Awtorità tal-Ħatra hija obbligata bit-termini tal-avviż tal-kompetizzjoni. Fil-kawża Spachis(22), ir-rikorrenti għaddiet minn żewġ kompetizzjonijiet miftuħa u l-ewwel ġiet maħtura fis-servizz lingwistiku li għaliha ma kellha ebda esperjenza professjonali rilevanti mbagħad, abbażi tat-tieni kompetizzjoni, f’pożizzjoni amministrattiva li għaliha kellha disa’ snin esperjenza rilevanti. Il-Kummissjoni ma kkunsidratx dik l-esperjenza meta stabbilit il-grad tagħha mat-tieni ħatra tagħha, imma ħatritha fl-istess grad bħal fis-servizz lingwistiku. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat dan bħala ksur ta’ dritt li għadu mhux stabbilit(23) li hija kisbet meta għaddiet mill-kompetizzjoni inkwistjoni.
58. Barra minn dan, l-appellanti jissottomettu li ċ-ċirkustanzi li taw lok għad-dritt tagħhom qamu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki: il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kompetizzjonijiet, l-inklużjoni tagħhom fil-listi ta’ riżerva u, f’ċerti każijiet, id-deċiżjoni li joffrulhom pożizzjoni u l-ittra li tindikalhom li ser tiġi offruta pożizzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza nnifisha rrikonoxxiet li kien biss wara l-ħatra tagħhom li ġew informati direttamet dwar is-sistema ġdida ta’ klassifikazzjoni, li baxxiet il-grad tagħhom ta’ reklutaġġ fir-rigward ta’ dak li ġie stabbilit fl-avviżi tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, mhumiex biss dawk li huma diġà uffiċjali li jistgħu jibbenefikaw mir-Regolamenti tal-Persunal, peress li hija ġurisprudenza stabbilita li persuni li jinvokaw dak l-istatus jistgħu jagħmlu hekk ukoll.
59. Il-Kummissjoni tikkunsidra(24) li ma jista’ jkun hemm ebda dritt miksub sakemm iċ-ċirkustanzi li jagħtu lok għalih jkun qamu taħt dispożizzjoni fis-seħħ qabel ma jkunu ġew introdotti l-emendi. Ir-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux jiġu emendati b’mod retroattiv għad-detriment tal-uffiċjali, imma jistgħu jiġu emendati b’mod li ma jkunx favorevoli fil-futur. Barra minn hekk, ma jistax jiġi “akkwistat [jinkiseb]” dritt sakemm is-sitwazzjoni legali tkun ġiet stabbilita u ma tkunx tiddependi iktar fuq deċiżjoni futura b’element diskrezzjonali. Fil-kawża preżenti, is-sitwazzjonijiet tal-appellanti kienu għadhom dipendenti fuq deċiżjonijiet li kienu qed jittieħdu wara l-1 ta’ Mejju 2004.
60. L-argumenti tal-appellanti mhumiex loġiċi meta jsostnu li l-fatt li persuna tgħaddi minn kompetizzjoni miftuħa ma jikkonferixxi ebda dritt għal ħatra imma jikkonferixxi dritt għal klassifikazzjoni fi grad partikolari, li hija konsegwenza tal-ħatra. Is-sentenza Spachis impliċitament tikkonferma biss l-eliġibbiltà għal ħatra fi grad partikolari – ir-rikorrenti setgħet ġiet maħtura f’xi wieħed miż-żewġ gradi fil-kategorija tal-karriera kkonċernata, u l-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-esperjenza rilevanti tagħha kellha tiġi kkunsidrata fid-determinazzjoni tal-grad approprjat.
61. Fir-rigward tal-argument li, f’xi każijiet, id-deċiżjoni li toffri lill-appellanti pożizzjoni u l-ittra li tindika li kienet ser tiġi offruta pożizzjoni kienu datati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, huwa biss il-mument meta d-deċiżjoni formali tal-ħatra ġiet adottata li jista’ jkun rilevanti, mhux il-mument meta l-intenzjoni li tiġi adottata ġiet iffurmata jew ikkomunikata. Fi kwalsiasi każ, dan l-argument ma ġiex imqajjem fl-ewwel istanza u huwa inammissibbli fl-appell.
62. Fl-aħħar nett, it-termini tal-avviż tal-kompetizzjoni huma vinkolanti fuq l-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti mill-kandidati, iżda mhux fir-rigward tal-kontenut ta’ deċiżjoni li taħtar kandidat li jkun għadda, liema deċiżjoni għandha tkun konformi mar-regoli applikabbli tar-Regolamenti tal-Persunal fiż-żmien meta tali deċiżjoni tiġi adottata.
63. Il-Kunsill isostni li l-appellanti ma kienu kisbu ebda drittijiet jew dmirijiet fir-rigward ta’ xi istituzzjoni Komunitarja sa dak iż-żmien meta d-deċiżjoni li ħatrithom ġiet adottata. L-inklużjoni f’lista ta’ riżerva ma toffri ebda garanzija u ma timponi ebda obbligu. Is-sentenza Spachis m’għandhiex x’taqsam ma xi bidla fir-Regolamenti tal-Persunal, u għalhekk ma tista’ tiġi misluta ebda konkluzjoni minnha. Avviż ta’ kompetizzjoni jorbot tabilħaqq lill-Awtorità tal-Ħatra imma ma jeskludix li jkun hemm bidla fl-istruttura legali li fiha l-awtorità trid topera. F’dan il-każ, ħadd ma seta’ jiġi maħtur fil-gradi l-qodma li spiċċaw milli jeżistu fl-1 ta’ Mejju 2004, imma l-leġiżlatur żamm il-possibbiltà li jaħtarhom fuq listi ta’ riżerva eżistenti billi jispeċifika tabella ta’ korrispondenza mal-gradi l-ġodda.
– Evalwazzjoni
64. L-argumenti tal-appellanti huma bbażati b’mod sinjifikattiv fuq ġurisprudenza fis-sens li l-Awtorità tal-Ħatra hija marbuta bit-termini tal-avviż tal-kompetizzjoni. Madankollu, l-avviż tal-kompetizzjoni huwa subordinat għar-Regolamenti tal-Persunal. Meta tittieħed deċiżjoni konformi ma’ dak l-avviż, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tkun marbuta bi kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra xi dispożizzjoni fir-Regolamenti tal-Persunal li hija kemm legali u applikabbli fiż-żmien tad-deċiżjoni. Fil-kuntest preżenti, huma rilevanti biss l-argumenti li jikkonċernaw il-legalità tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għal dawk ir-Regolamenti.
65. Huwa aċċettat mill-Kummissjoni (liema fatt jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja) li l-leġiżlatur jista’ jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-futur iżda huwa u jagħmel dan irid jevita milli jindaħal f’xi drittijiet miksuba preċedentement taħt il-verżjoni mhux emendata. Għalhekk id-kwistjoni hija jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kinitx korretta meta ddeċidiet li ma kien inkiseb ebda dritt għal ħatra f’xi grad partikolari minn dawk li jsimhom deher fil-lista ta’ riżerva, imma li kienu għadhom ma nħatrux qabel l-1 ta’ Mejju 2004.
66. Huwa paċifiku li dawn il-persuni ma kienu kisbu ebda dritt għal ħatra attwali. Huwa wkoll inkontestabbli li l-grad u l-iskala attwali tagħhom mal-ħatra ma kinitx ċerta sakemm ġew attwalment maħtura. F’ħafna każijiet, il-kompetizzjonijiet kienu għal pożizzjonijiet fil-katergoija tal-karrieri li kienet tinkludi żewġ gradi (u l-avviżi tal-kompetizzjoni speċifikaw biss li l-ħatra kienet “bħala regola” fil-grad l-iktar baxx) u, fil-każijiet kollha, l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal kien jippermetti li jiġu kkunsidrati t-taħriġ u l-esperjenza meta tiġi stabbilita l-iskala.
67. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nistax nara kif l-appellanti setgħu jiksbu xi dritt għal ħatra f’xi grad jew skala speċifika, jew b’liema mod setgħet tiġi kkritikata l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huma ma kienu kisbu l-ebda dritt bħal dan.
68. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (jew tal-Qorti tal-Prim’Istanza jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku) sa issa ma tat ebda indikazzjoni dettaljata ta’ x’jikkostitwixxi dritt miksub li jista’ jinkiser b’xi emenda għar-Regolamenti tal-Persunal. Din sempliċement qalet li ċ-ċirkustanzi li jwasslu għal tali dritt kellhom iseħħu meta r-reġim preċedenti kien fis-seħħ. Il-Kummissjoni żżid illi d-dritt ried ikun ukoll sar definitiv taħt dak ir-reġim, sal-punt li ma jkun fadal ebda deċiżjoni diskrezzjonali x’tittieħed. Jien naqbel ma dan – minkejja d-dritt miksub “mhux stabbilit” li tirreferi għalih il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Spachis, fejn ma kien hemm ebda tibdil fir-regoli applikabbli. Fil-kawża preżenti, fl-1 ta’ Mejju 2004, kien għad fadal li jittieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet (jew li setgħu ma ttieħdux) u li setgħu jwasslu għal ħatra fi grad jew skala differenti (jew għal ebda ħatra), anki jekk l-istruttura tal-karrieri l-qadima baqgħet f’postha. Għalhekk dawk fis-sitwazzjoni tal-appellanti m’għandhom ebda dritt għal hatra fi grad jew skala partikolari.
69. Huwa interessanti li wieħed jinnota li t-Tribunal Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol(25) ta tifsira ta’ drittijiet miksuba iktar preċiża. F’sentenza iktar reċenti li tieħu spunt mill-ġurisprudenza li ilha stabbilita sa mill-1961(26), dan qal: “[…] dritt akkwistat [miksub] jiġi miksur biss meta […] emenda taffettwa ħażin il-bilanċ ta’ l-obbligi kuntrattwali billi tbiddel il-kundizzjonijiet fundamentali ta’ l-impjieg li abbażi tagħhom l-uffiċjal aċċetta l-ħatra, jew li wassluh sussegwentement sabiex jibqa’ fejn hu”.
70. Minkejja li l-uffiċjali tal-Komunità mhumiex f’relazzjoni kuntrattwali mal-istituzzjonijiet li jimpjegawhom, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet fundamentali ta’ l-impjieg li abbażi tagħhom l-uffiċjal aċċetta l-ħatra, jew li wassluh sussegwentement sabiex jibqa’ fejn hu” seta’ faċilment – u fil-fehma tiegħi b’mod utli ħafna – jiġi traspost fil-kuntest Komunitarju. Fil-kawża preżenti, bħala prinċipju, l-ebda wieħed mill-uffiċjali li kellhom x’jaqsmu mat-tabella fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal ma kien aċċetta l-ħatra qabel mal-anness daħal fis-seħħ. Lanqas ma setgħu jiksbu xi dritt mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal abbażi ta’ xi fehma żbaljata (ġiet kif ġiet) li dawk id-dispożizzjonijiet xorta kienu japplikaw.
71. Nissuġġerixxi għalhekk li t-tieni parti tal-ewwel aggravju tiġi miċħuda.
It-tielet parti: trattament ugwali
– Is-sentenza appellata
72. Fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti argumentaw li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal jittratta kategorija waħda ta’ persuni – kandidati li għaddew mill-istess kompetizzjoni – b’mod differenti skont jekk ġewx reklutati qabel jew wara l-1 ta’ Mejju 2004. Id-data ma kinitx kriterju oġġettiv li jagħmel id-distinżjoni, peress li d-data tal-ħatra tiddependi fuq fatturi li mhumiex oġġettivi u li dwarhom l-uffiċjal m’għandu ebda kontroll. L-unika data oġġettiva kienet dik li fiha huma ġew infurmati bl-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ riżerva. Fis-sentenza Monaco(27), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-prinċipju ta’ trattament ugwali kien jeħtieġ li l-kandidati kollha li jgħaddu jiġu ttrattati b’mod identiku, irrispettivament mir-regoli l-ġodda li jistgħu jiġu adottati qabel ma wħud minnhom jiġu maħtura.
73. Effett ieħor fil-każijiet tar-rikorrenti kien li ġew assenjati pożizzjonijiet “għoljin” bi grad “inferjuri”. Sa fejn huma kienu diġà kisbu kwalifiki u esperjenza kunsiderevoli, huma kienu suġġetti għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, kuntrarju għall-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li dawn m’għandhomx l-istess prospetti ta’ karriera bħal uffiċjali iżgħar li jibbenefikaw mill-istess klassifikazzjoni. Barra minn hekk, uħud minnhom qabel kienu parti mill-persunal temporanju u awżiljarju, u ġew assenjati għall-istess pożizzjonijiet bl-istess dmirijiet jew anki iktar, imma bi klassifikazzjoni iktar baxxa fil-grad.
74. Fil-punti 75 sa 91 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan l-argument, billi rraġunat kif ġej.
75. Il-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti sakemm id-differenzjar ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Id-domanda għalhekk kienet jekk il-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni ffurmawx kategorija waħda, indipendentement mid-data tal-ħatra.
76. Kif irriżulta b’mod ċar meta ġiet diskussa l-kwistjoni tad-drittijiet miksuba, ir-rikorrenti setgħu jiġu biss ikklassifikati b’mod legali skont il-kriterji li kienu fis-seħħ meta d-deċiżjoni li ħatrithom ġiet adottata. Barra minn hekk, huma impliċitament irrikonoxxew li d-dispożizzjonijiet il-ġodda applikaw għalihom peress li huma talbu l-benefiċċju tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal. B’kuntrast ma’ dan, il-kandidati li kkonkorrew b’suċċess fl-istess kompetizzjonijiet u li ġew maħtura qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kellhom jiġu kklassifikati fil-grad abbażi tal-kriterji l-qodma li kienu għadhom fis-seħħ fid-data tal-ħatra tagħhom. Għalhekk iż-żewġ gruppi ma setgħux jitqiesu li jaqgħu fl-istess kategorija.
77. Meta tispeċifika li d-dispożizzjonijiet tranżitorji għandhom jirrispettaw id-drittijiet miksuba tal-persunal fl-istruttura tas-sistema Komunitarja qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda, il-premessa 37 fil-preambolu għar-Regolament Nru 723/2004 kkonfermat din id-distinzjoni.
78. L-idea li l-uffiċjali kollha reklutati mill-istess kompetizzjoni huma f’sitwazzjonijiet komparabbli tqajmet fis-sentenza Monaco biss sabiex jiġi stabbilit li kien illegali għal istituzzjoni li timpjega li tapplika d-direttivi interni tagħha li huma iktar stretti rigward il-klassifikazzjoni fil-grad, adottati wara l-inklużjoni tal-kandidat fuq il-lista ta’ riżerva, meta l-kriterji tal-klassifikazzjoni taħt ir-Regolamenti tal-Persunal ma kienux inbidlu. Hawnhekk, kien il-leġiżlatur li, meta eżerċita dritt mhux ikkontestat, għażel li jemenda l-kriterji fir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-klassifikazzjoni fi grad meta jsir ir-reklutaġġ. Il-leġiżlatur jista’ f’kull ħin jimplementa, għall-futur, emendi bħal dawn għar-Regolamenti tal-Persunal li jikkunsidra li jkunu konsistenti mal-interessi tas-servizz, anki jekk dawn l-emendi jkunu inqas favorevoli(28).
79. Peress li l-pożizzjoni li għaliha uffiċjali jiġi maħtur tiġi stabbilita bid-deċiżjoni tal-ħatra, li trid tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha, ma jistax ikun diskriminatorju li wieħed jassenja ċerti uffiċjali fi grad inferjuri taħt ir-regoli l-ġodda, anki jekk kienu qed jinħatru fl-istess pożizzjoni li kellhom qabel l-1 ta’ Mejju 2004 bħala membri tal-persunal mhux stabbiliti u kienu qed iwettqu dmirijiet identiċi għal, u iktar importanti minn, dawk li kienu qed iwettqu qabel.
80. Fl-aħħar nett, ma kien hemm ebda diskriminazzjoni bbażata fuq l-età skont it-tifsira tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-kriterji l-ġodda għall-klassifikazzjoni fil-grad huma manifestament mhux konnessi ma xi teħid inkunsiderazzjoni tal-età tal-persuni kkonċernati.
– L-argumenti tal-partijiet
81. L-appellanti jargumentaw, l-ewwel nett, li huma kienu fil-fatt kisbu dritt għal ħatra fi grad partikolari (kif ġie argumentat fir-rigward tal-parti preċedenti tal-aggravju) u li għalhekk kienu fl-istess kategorija ta’ dawk maħtura mill-istess listi ta’ riżerva qabel l-1 ta’ Mejju 2004, li kienu kisbu l-istess dritt. Dan il-fatt ma jistax jiġi affettwat mill-premessa 37 fil-preambolu għar-regolament li jemenda.
82. Huma jsostnu, sussegwentement, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta ddistingwiet bejn emenda leġiżlattiva għar-Regolamenti tal-Persunal u emenda għar-regoli interni ta’ implementazzjoni tal-istituzzjoni. Is-sentenza Monaco ma tipprovdi ebda sostenn għal analiżi bħal din, li twassal sabiex tqiegħed emenda leġiżlattiva lilhinn mill-konfini tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Dan huwa ksur inaċċettabbli tal-istat tad-dritt. Fl-ordni legali Komunitarju, il-prinċipju ta’ trattament ugwali japplika bl-istess mod għall-eżekuttiv, il-leġiżlatur u l-ġudikatura.
83. Il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset fil-fatt milli teżamina jekk il-kandidati kollha li għaddew mill-istess kompetizzjoni kienux jiffurmaw grupp komparabbli intitolat għal trattament ugwali, u naqset milli ssegwi r-raġunament tagħha stess fis-sentenza Ryan. F’dik il-kawża, hija kienet stabbiliet, mingħajr m’għamlet distinzjoni mis-sentenza Monaco, li (i) is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet Komunitarji sabiex jiġu emendati r-Regolamenti tal-Persunal kienet suġġetta għall-prinċipju ta’ trattament ugwali, (ii) in-natura tal-att li jemenda m’għamlet ebda differenza u (iii) il-prinċipju ta’ trattament ugwali jeħtieġ li d-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli l-godda m’għandhiex twassal għal diskriminazzjoni.
84. Meta ma żammitx mal-ġurisprudenza preċedenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset mid-dmir tagħha li tipprovdi raġunijiet adegwati għad-deċiżjoni tagħha. Hija naqset milli teżamina ġustifikazzjonijiet possibbli għad-differenza bejn regoli qodma u ġodda u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn tal-aħħar.
85. Barra minn hekk, tkun qed iddur ċirku tond jekk targumenta li uffiċjali reklutati qabel jew wara l-1 ta’ Mejju 2004 jiffurmaw gruppi differenti għaliex għalihom japplikaw regoli differenti, u għalhekk m’hemm l-ebda diskriminazzjoni illegali.
86. Ir-raġunament li għandu x’jaqsam ma’ diskriminazzjoni abbażi ta’ età huwa wkoll żbaljat fid-dritt. Diskriminazzjoni pprojbita tista’ tkun indiretta kif ukoll diretta. F’dan il-każ, id-diskriminazzjoni kienet indiretta. F’dan il-każ id-diskriminazzjoni kienet indiretta, peress li l-uffiċjali reklutati abbażi ta’ kompetizzjonijiet li għalihom kienet meħtieġa esperjenza professjonali ġew maħtura fi gradi adatti għal dawk li ma kellhomx din l-esperjenza.
87. Għall-Kummissjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex ibbażata fuq il-kunċett li l-leġiżlatur mhuwiex marbut bil-prinċipju ta’ trattament ugwali. Il-kwistjoni vera hija l-“iskop intertemporali” tal-prinċipju: meta bħala riżultat ta’ regola ġdida introdotta minn ċerta data, individwi jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli wara dik id-data milli qabilha, dan ikun jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali? Il-ġurisprudenza ssostni li dan mhuwiex il-każ.
88. L-ewwel nett, fis-sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni(29) il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li regolament tal-Kunsill ma kienx kiser il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni meta żamm skemi ta’ għajnuna awtorizzati preċedentement filwaqt li introduċa reġim iktar strett b’mod sinjifikattiv għal skemi ġodda. Għalkemm kien hemm trattament mhux ugwali bejn skemi li qabel ġew iddikjarati kompatibbli u dawk li ġew stabbiliti skont il-kundizzjonijiet il-ġodda, oġġettivament kien ġustifikabbli. Il-Kummissjoni ma setgħetx tiġi miżmuma milli tistabbilixxi kundizzjonijiet iktar stretti jekk l-iżviluppi hekk kienu jeħtieġu, lanqas ma setgħet b’mod unilterali ġġib skemi eżistenti ta’ għajnuna konformi mal-kundizzjonijiet il-ġodda, li kien ikun jammonta għall-għoti ta’ effett retroattiv lir-regolament, b’mod li jikkawża preġudizzju lill-prinċipju taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi.
89. It-tieni nett, il-leġiżlatur huwa intitolat li jadotta, għall-futur, regolamenti tal-persunal li huma inqas favorevoli għall-uffiċjali, fejn jikkunsidra li dan huwa konsistenti mal-interessi tas-servizz(30), u l-uffiċjali ma jistax jinvokaw dritt miksub għaż-żamma ta’ vantaġġ li huma kienu jgawdu fi żmien partikolari (31). Regoli ġodda jistgħu japplikaw għal effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li qamu taħt ir-regoli preċedenti. L-użu ta’ data partikolari bħala kriterju distintiv li jiġġustifika differenza fit-trattament ġie barra minn hekk rikonoxxut, għall-inqas mill-ġurisprudenza Ġermaniża, peress li l-leġiżlazzjoni li tintroduċi regoli ġodda ma setgħetx altrimenti tilħaq l-għan tagħha.
90. Ċertament, is-sentenza Ryan stqarret li mhuwiex eskluż li d-data li fiha l-leġiżlazzjoni l-ġdida ssir applikabbli tikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali imma, l-ewwel nett, dik il-kawża kienet tikkonċerna data esterna għall-emendi leġiżlattivi (id-data tal-bidla fl-istatus tal-Qorti tal-Awdituri taħt it-Trattat KE), filwaqt li l-kawża preżenti tikkonċerna data inerenti fl-emendi nfushom u, t-tieni nett, l-emendi fil-kawża Ryan ikklassifikaw mill-ġdid b’mod retroattiv sitwazzjoni li kienet qamet taħt ir-regoli preċedenti, iktar milli sempliċement tat tifsira mill-ġdid tal-effetti futuri tagħha. Is-sentenza Monaco (li fuq il-korrettezza tagħha l-Kummissjoni f’kull każ tesprimi dubju) kienet ibbażata mhux fuq in-natura tal-miżura li biddlet ir-regoli imma fuq il-fatt li kienet l-istituzzjoni pjuttost milli l-leġiżlatur li biddlithom.
91. Il-Kunsill jikkunsidra li l-kandidati reklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u dawk reklutati minn dik id-data huma f’sitwazzjonijiet legali differenti, bir-reklutaġġ tagħhom li huwa rregolat b’dispożizzjonijiet differenti. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda ġew introdotti għal raġunijiet ġustifikabbli għal kollox imsemmija fil-preambolu għar-Regolament Nru 723/2004. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qegħditx lil-leġiżlatur lilhinn mill-konfini tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, imma eżaminat bir-reqqa jekk ġiex rispettat. Li kieku wieħed kellu jieħu l-approċċ tal-appellanti, tinħoloq diskriminazzjoni mhux ġustifikabbli bejn uffiċjali reklutati mill-1 ta’ Mejju 2004, skont jekk għaddewx jew le minn kompetizzjoni li bdiet qabel jew wara dik id-data. Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni tal-appellanti ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età hija bbażata fuq l-asserzjoni li dawk b’esperjenza ikbar għandhom neċessarjament iktar żmien, li fattwalment mhijiex korretta.
– Evalwazzjoni
92. L-ewwel nett, jidhirli li l-kwistjoni tat-trattament ugwali hija separata minn dik ta’ drittijiet miksuba. Jekk il-kandidati kollha li għaddew minn kompetizzjoni partikolari kisbu, taħt ċerta kundizzjonijiet, dritt għal ħatra fi grad partikolari, dan ikun jikkostitwixxi tabilħaqq fattur komuni li kapaċi jqegħdhom f’kategorija waħda, li l-membri kollha tagħha għandhom jibbenefikaw mill-ugwaljanza fit-trattament. Wara li wasalt għall-fehma li huma ma kisbu ebda dritt bħal dan, jien nikkonkludi li l-appellanti ma jistgħux għal din ir-raġuni jitolbu trattament ugwali ma’ uffiċjali oħra reklutati mill-istess listi ta’ riżerva. Madankollu, dan ma jfissirx li huma ma jistgħux jitolbu ugwaljanza fit-trattament fuq bażi differenti.
93. It-tieni nett – meta nwarrab argumenti u kunsiderazzjonijiet bħal dawn intiżi sabiex jorbtu d-destin tal-eċċezzjoni bbażata fuq it-trattament ugwali ma’ dak tal-eċċezzjoni bbażata fuq drittijiet miksuba – insib li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa, kif isostnu l-appellanti, mhux adegwat.
94. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tistqarr b’mod korrett li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti sakemm id-differenzjar ma jkunx oġġettivament ġustifikat, u tidentifika b’mod korrett l-ewwel kwistjoni rilevanti bħala li hija jekk il-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni jiffurmawx kategorija waħda – fi kliem ieħor, huma f’sitwazzjoni komparabbli – indipendentement mid-data tal-ħatra tagħhom (punti 75 u 76 tas-sentenza appellata).
95. Hija twieġeb id-domanda fin-negattiv, għar-raġuni bażika – u tabilħaqq unika – li dawk maħtura qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kellhom jiġu kklassifikati skont id-dispożizzjonijiet l-qodma filwaqt li dawk maħtura fi jew wara dik id-data kellhom jiġu kklassifikati skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda (punti 77 sa 80), imbagħad issostni din il-konklużjoni b’diversi kunsiderazzjonijiet addizzjonali.
96. Ir-raġunament bażiku jidher li jdur f’ċirku, liema fatt il-Kummissjoni dehret li aċċettat waqt is-seduta. Il-kriterju li qagħdet fuqu sabiex tiġġustifika t-tqegħid taż-żewġ gruppi kkunsidrati f’kategoriji differenti huwa l-kriterju li allegatament jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Din il-ġustifikazzjoni tidher li timplika li, jekk il-leġiżlazzjoni Komunitarja tittratta żewġ settijiet ta’ persuni b’mod differenti, ma jista’ jkun hemm ebda diskriminazzjoni peress li jaqgħu f’kategoriji differenti bis-saħħa tad-differenza fit-trattament. U dan, kif l-appellanti jirrilevaw, jimplika li l-leġiżlatur Komunitarju ma jaqax taħt il-prinċipju ta’ trattament ugwali – li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti, mhuwiex il-każ(32).
97. Lanqas ma jien konvint bil-kunsiderazzjonijiet l-oħra li bihom il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni l-konklużjoni tagħha.
98. Ir-referenza għal drittijiet miksuba, b’mod partikolari kif imsemmi fil-premessa 37 fil-preambolu għar-Regolament Nru 723/2004, fil-fehma tiegħi mhijiex rilevanti għall-kwistjoni tat-trattament ugwali. Fi kwalsiasi każ, il-premessa 37 hija interna għar-regolament u kull riferiment għaliha għal darb’oħra jkun raġunament li qed idur dawra mejt.
99. Il-mod li bih il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddistingwi s-sentenza preċedenti tagħha fil-kawża Monaco mhuwiex, fil-fehma tiegħi, sodisfaċenti. Xejn fil-punti rilevanti ta’ dik is-sentenza ma jindika li l-prinċipju stabbilit fiha – jiġifieri li jkun jammonta għal diskriminazzjoni illegali li tirrekluta mill-istess kompetizzjoni xi uffiċjali taħt regoli preċedenti, li jkunu iktar favorevoli, u oħrajn taħt regoli inqas favorevoli, li ġew wara – huwa ristrett għal każijiet fejn ir-regoli l-ġodda huma dispożizzjonijiet interni adottati mill-istituzzjoni li timpjega, b’esklużjoni tar-Regolamenti tal-Persunal infushom, adottati mil-leġiżlatur Komunitarju. Fehma bħal din ma tkunx faċli tiddefendi lanqas. Il-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa prinċipju fundamentali tal-liġi li għandu jiġi rispettat bi kwalunkwe miżura li tittieħed minn kull istituzzjoni Komunitarja fi kwalunkwe livell.
100. Għal dak li jirrigwarda r-referenza għall-poter tal-leġiżlatur li fi kwalunkwe ħin jimplementa, għal futur, emendi bħal dawn għar-Regolamenti tal-Persunal li jikkunsidra li huma konsistenti mal-interessi tas-servizz, anki jekk dawn l-emendi huma inqas favorevoli, ma jidhirlix li hemm xi dubju dwar dan. Bla dubju ta’ xejn huwa veru li l-leġiżlatur għandu poter bħal dan, imma dak li lmentaw l-appellanti minnu mill-bidu nett mhux li ġiet introdotta struttura tal-karrieri ġdida mill-1 ta’ Mejju 2004 iżda li ġew applikati żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji għal uffiċjali reklutati mill-istess listi ta’ riżerva, skont jekk daħlux fis-servizz qabel jew wara din id-data.
101. Fir-rigward tat-trattament mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-argumenti tar-rikorrenti li allegaw diskriminazzjoni abbażi tal-età u diskriminazzjoni fil-forma ta’ “żgradar” meta mqabbel mal-gradi li wħud minnhom kellhom bħala membri tal-persunal temporanju, fil-fehma tiegħi dawn l-allegazzjonijiet pjuttost huma sempliċement estranji għall-kwistjoni ta’ jekk iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji jiddifferenzjawx b’mod ġustifikat bejn żewġ kategoriji ta’ uffiċjali f’sitwazzjonijiet differenti jew b’mod mhux ġustifikat bejn uffiċjali f’sitwazzjonijiet komparabbli. Konsegwentement, filwaqt li nikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ma aċċettatx dawn l-argumenti f’dan il-kuntest, dan ma jaffettwax il-fehma tiegħi li r-raġunament fir-rigward tad-differenza fit-trattament mhuwiex adegwat.
102. Għal raġunijiet analogi, mhinix konvint bl-argumenti mressqa mill-Kummissjoni u mill-Kunsill. Il-kwistjoni ma tirrigwardax jekk emendi leġiżlattivi li jintroduċu regoli ġodda applikabbli għal sitwazzjonijiet li jqumu wara ċerta data jistgħux jiksru l-prinċipju ta’ trattament ugwali, iżda jekk dispożizzjonijiet tranżitorji differenti li jirregolaw il-passaġġ mir-regoli l-qodma għall-ġodda humiex applikati, fil-kawża preżenti, għal uffiċjali f’sitwazzjonijiet komparabbli bi ksur ta’ dan il-prinċipju.
103. Jien kont nanalizza l-kwistjoni kif ġej.
104. Bħala prinċipju, kandidati li jgħaddu mill-istess kompetizzjoni huma f’sitwazzjonijiet komparabbli u intitolati għal trattament ugwali. Fl-assenza ta’ xi tibdil fir-Regolamenti tal-Persunal, huma intitolati għal reklutaġġ taħt l-istess kundizzjonijiet, ħlief sa fejn jista’ jiġi ġġustifikata differenzjar għal raġunijiet oġġettivi – bħal pereżempju, l-esperjenza professjonali preċedenti tagħhom. Peress li dawk kollha fuq lista ta’ riżerva ma jistgħux, fil-prattika, jiġu maħtura b’mod simultanju, dan jimplika ta’ bilfors li dawk li jiġu reklutati wara huma intitolati, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u mhux ta’ xi dritt miksub, għal ħatra taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li ġew irreklutati qabel. Li wieħed jgħid li dawk li f’data partikolari għadhom ma ġewx maħtura huma oġġettivament f’sitwazzjoni differenti minn dawk li diġà ġew maħtura, u għalhekk jistgħu jiġu ttratti b’mod differenti, jkun qed jillimita t-trattament ugwali għal dawk biss li ġew maħtura fl-istess data.
105. B’kuntrast mal-gruppi miftuħa tal-uffiċjali kollha reklutati, rispettivament, qabel l-1 ta’ Mejju 2004 jew minn dik id-data, kull lista ta’ riżerva tifforma grupp magħluq, li l-membri tiegħu huma definittivament identifikati fiż-żmien li ġie ffurmat u huma għalhekk intitolati għall-ugwaljanza fit-trattament, suġġett għal kwalunkwe differenzjar intern li jista’ jkun iġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi. Konsegwentement, kull miżura ġdida li taffettwa dak it-trattament – kemm jekk tkun dispożizzjoni interna ta’ implementazzjoni ta’ istituzzjoni li timpjega jew dispożizzjoni leġiżlattiva tar-Regolamenti tal-Persunal – bħala prinċipju trid tirrispetta din l-unità u l-ugwaljanza. Ċirkustanzi esterni jistgħu jkunu kapaċi jisseparaw il-grupp oriġinali f’żewġ gruppi li m’għadhomx iktar f’sitwazzjonijiet komparabbli u għalhekk jitolbu trattament differenti, imma bidla fir-regoli applikabbli ma tistax minnha nnifisha, b’azzjoni waħda, twassal kemm għas-separazzjoni u tistabbilixxi d-differenza fit-trattament mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.
106. Madankollu, fil-kawża preżenti, id-differenzjar inkwistjoni huwa bbażat mhux biss fuq id-data unika tal-1 ta’ Mejju 2004 imma fuq ir-relazzjoni bejn dik id-data u, għal kull membru tal-grupp magħluq ta’ kandidati li għaddew minn kompetizzjoni, id-data tad-dħul fis-servizz.
107. Iżda la d-data tal-aħħar u lanqas ir-relazzjoni bejn it-tnejn ma tista’ tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, raġuni oġġettiva għad-differenzjar bejn kandidati li rnexxielhom jgħaddu. L-ordni u l-għażla taż-żmien tar-reklutaġġ ta’ kandidati differenti minn lista ta’ riżerva partikolari tista’ tiddependi fuq diversi fatturi li mhumiex rilevanti għal xi differenzjar fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ – pereżempju, id-disponibbilità ta’ finanzi għal pożizzjoni u t-tul tal-avviż li kandidat irid jagħti sabiex jitlaq ix-xogħol eżistenti tiegħu. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ drittijiet miksuba, il-Kummissjoni enfasizzat, partikolarment waqt is-seduta, li l-appellanti ma setgħux kisbu dritt għal ħatra qabel l-1 ta’ Mejju 2004 ‘il għaliex dak iż-żmien kien għad fadal li jittieħdu deċiżjonijiet diskrezzjonali. F’dan ir-rigward, uħud mill-fatturi li ttieħdu inkunsiderazzjoni setgħu kienu wkoll soġġettivi. L-istituzzjoni li timpjega setgħet tgħaġġel jew iddewwem ir-reklutaġġ ta’ kandidat partikolari għal diversi raġunijiet ta’ konvenjenza jew anki ta’ preferenza. L-appellanti għamlu referenza għal provi li ċerti kandidati li kienu diġà membri tal-persunal temporanju ġew maħtura bi proċedura mgħaġġla ftit qabel l-1 ta’ Mejju 2004, possibbiltà li ma kinitx disponibbli għal kandidati esterni jew membri tal-persunal awżiljarju(33). Mingħajr ma hemm bżonn li wieħed jieħu xi pożizzjoni fuq dawn il-provi bħala tali, nikkunsidra li dispożizzjoni li tħalli miftuħa l-possibbiltà ta’ tali differenzjar diskrezzjonali bejn il-kandidati li bħala prinċipju huma kollha f’sitwazzjoni komparabbli ma tistax titqies li hija konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
108. Nenfasizza li mhux qed nikkontesta l-possibbiltà li l-leġiżlatur jintroduċi struttura ġdida tal-karrieri, li tinvolvi kundizzjonijiet inqas favorevoli għal uffiċjali ġodda, b’effett minn data partikolari.
109. Madankollu, ma jistax japplika dispożizzjonijiet tranżitorji differenti għal uffiċjali differenti reklutati abbażi tal-istess kompetizzjoni mfassla għall-istruttura tal-karrieri l-qadima, sakemm jekk mhux abbażi ta’ differenzjar oġġettiv li la huwa inerenti għall-emenda leġiżlattiva nnifisha u lanqas suġġett għal xi manipulazzjoni diskrezzjonali mill-istituzzjoni li timpjega.
110. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nissuġġerixxi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju tiġi milqugħa. Fuq din il-bażi, u indipendentement mill-eżitu tas-sottomissjonijiet l-oħra tagħhom, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.
Ir-raba’ parti: ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi – żnaturament tal-provi
– Is-sentenza appellata
111. Fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti argumentaw li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal kisru l-aspettattiva leġittima tagħhom li jibbenefikaw mit-trattament skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-avviżi tal-kompetizzjoni.
112. Fil-punti 95 sa 99 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza caħdet dan l-argument, u rraġunat essenzjalment kif ġej.
113. Uffiċjal ma jistax jibbaża ruħu fuq il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontesta l-legalità ta’ regolament ġdid, b’mod partikolari peress li l-leġiżlatur għandu diskrezzjoni wiesa’ dwar il-bżonn ta’ riforma għar-Regolamenti tal-Persunal. Dan il-prinċipju japplika biss fejn l-amministrazzjoni tal-Komunità tkun wasslet lir-rikorrent sabiex ikollu stennijiet ġustifikati billi tagħti assigurazzjonijiet preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni perċiża, inkondizzjonata u konsistenti li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u attendibbli. Fil-kawża preżenti, il-proċess ma kien fih ebda dokument li kapaċi jagħti lok għal aspettattiva leġittima li l-kriterji l-qodma għall-klassifikazzjoni fi grad meta jsir ir-reklutaġġ kien ser jinżamm. Avviżi tal-kompetizzjoni u korrispondenza mill-Kummissjoni indikaw li l-kandidati li għaddew setgħu jiġu offruti reklutaġġ abbażi tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal. Lanqas setgħu r-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq bidla sostanzjali f’sitwazzjoni stabbilita taħt ir-Regolamenti l-qodma peress li l-inklużjoni tagħhom f’lista ta’ riżerva ma setgħetx tagħtihom id-dritt li jibbenefikaw minn sitwazzjoni bħal din.
– L-argumenti tal-partijiet
114. L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti meta stqarret li l-proċess ma kien fih ebda dokument li kien kapaċi jagħti lok għall-aspettattiva leġittima li l-kriterji l-qodma għall-klassifikazzjoni fi grad meta jsir ir-reklutaġġ setgħu jinżammu. Fil-fatt, il-proċess kien fih dokumenti li kienu juru li, fir-rigward ta’ erba’ appellanti, kienet ġiet mogħtija minn sorsi awtorizzati u attendibbli informazzjoni preċiża, inkondizzjonata u konsistenti fis-sens li l-ħatra kienet ser tkun fil-grad imħabbar fl-avviżi tal-kompetizzjoni, jew l-ekwivalenti tagħha. Dawn id-dokumenti kienu jinkludu offerti ta’ impieg li saru u ġew aċċettati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, mingħajr ebda indikazzjoni li l-pożizzjoni kienet ser tkun fi grad iktar baxx ta’ salarju jew senjorità. Mill-bqija, dawk li ma ġewx offruti impieg ħlief wara din id-data ma ngħataw ebda informazzjoni fil-forma ta’ xi offerta ta’ impieg, u bosta oħrajn ħadu sehem f’kompetizzjonijiet li ma kienu jagħmlu ebda referenza għal xi bidla possibbli fir-Regolamenti tal-Persunal.
115. Il-Kummissjoni u l-Kunsill jsostnu l-ewwel nett li, skont ġurisprudenza konsistenti(34), individwi mhumiex ġustifikati li jkollhom aspettattiva leġittima li sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi mibdula minn istituzzjonijiet Komunitarji fl-eżerċizzju tal-poter diskrezzjonali tagħhom ser tibqa’ kif inhi.
116. It-tieni nett, assikurazzjonijiet mogħtija minn awtorità amministrattiva ma jistgħux jaffettwaw il-legalità ta’ miżuri leġiżlattivi. Konsegwentement, it-talbiet fattwali tal-appellanti huma irrilevanti fir-rigward tal-eċċezzjoni tal-illegalità u l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta stqarret li l-proċess ma kien fih ebda dokument li kien kapaċi jagħti lok għal aspettattiva leġittima li l-kriterji l-qodma rigward klassifikazzjoni fil-grad kienu ser jinżammu.
117. It-tielet nett, wegħdiet li ma jieħdux inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet applikabbli ma jistgħux jagħtu lok għal aspettattiva leġittima min-naħa tal-persuna kkonċernata(35), b’tali mod li, anki fir-rigward tal-legalità tal-ħatriet pjuttost milli tad-dispożizzjoni kkontestata, wegħda magħmula fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal mhux emendati ma tistax twassal sabiex tkun il-bażi ta’ aspettattiva leġittima wara d-dħul fis-seħħ tal-emendi.
118. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma żnaturatx il-provi. Id-dikjarazzjonijiet tagħha jirriflettu fedelment il-fatt li rikorrenti differenti kienu f’sitwazzjonijiet differenti fir-rigward tal-indikazzjonijiet mogħtija lilhom.
– Evalwazzjoni
119. Huwa paċifiku li diversi appellanti ġew mogħtija diversi indikazzjonijiet li minnhom setgħu jikkonkludu li huma kienu ser jiġu maħtura f’wieħed mill-gradi li għalihom saru l-kompetizzjonijiet li minnhom għaddew. Madankollu, ma nosserva l-ebda difett fil-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jgħidu li huma ma kienux intitolati li jiksbu xi aspettattiva leġittima minn dawk l-indikazzjonijiet – irrispettivament kemm kienu perċiżi, konsistenti u mingħajr kundizzjonijiet u minkejja s-sors tagħhom kien awtorizzat u attendibbli.
120. Kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza, individwi ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontestaw il-legalità tal-leġislazzjoni l-ġdida, b’mod partikolari f’qasam fejn il-leġiżlatur kellu diskrezzjoni wiesa’(36).
121. Barra minn hekk, naqbel mal-Kummissjoni li assigurazzjoni mogħtija minn awtorità amministrattiva ma tistax fi kwalsiasi każ tagħti lok għal aspettattiva leġittima li tillimita l-iskop tal-azzjoni tal-leġiżlatur. Konsegwentement, kwalunkwe aspettattiva li setgħet torigina mill-informazzjoni mogħtija lill-appellanti tkun rilevanti biss għall-validità tad-deċiżjonijiet tal-ħatra jew, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, għal possibbiltà ta’ talba għad-danni, imma mhux għal-legalità tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.
122. Madankollu, il-validità ta’ dawn id-deċiżjonijiet tiddependi fl-ewwel lok fuq il-legalità tad-dispożizzjoni li fuqhom kienet ibbażata u li ma’ liema kellhom neċessarjament jikkonformaw. Jekk, kif nissuġġerixxi, dispożizzjoni hija illegali għax tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, id-deċiżjonijiet tal-ħatra jridu fi kwalunkwe każ jiġu annullati, irrispettivament minn xi ksur ta’ aspettattivi leġittimi, u deċiżjonijiet ġodda adottati fuq bażi legali korretta.
123. Jiena għalhekk tal-fehma li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.
Il-ħames parti: ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal
– Is-sentenza appellata
124. Fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti argumentaw li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII kien inkonsistenti mal-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal kif emendat, li taħtu l-kandidati kellhom jiġu rreklutati fil-grad stabbilit fl-avviż tal-kompetizzjoni li minnha għaddew. Huma għalhekk kellhom jiġu rreklutati f’dawn il-gradi, ikkonvertiti fi gradi ġodda intermedji skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII.
125. F’punti 108 sa 116 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dak l-argument, u rraġunat essenzjalment kif ġej.
126. Taħt l-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kandidati li għaddew iridu jiġu maħtura fil-grad stabbilit fl-avviż tal-kompetizzjoni. Madankollu jsegwi li r-raġunament applikat għall-kwistjoni tat-trattament ugwali li l-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-pożizzjonijiet li kellhom jimtlew u l-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-kandidati li għaddew għal dawn il-pożizzjonijiet, imwettqa taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, ma setgħetx testendi l-effetti tagħha lilhinn mill-1 ta’ Mejju 2004 meta l-istruttura tal-karrieri l-ġdida daħlet fis-seħħ.
127. Is-sitwazzjoni ta’ kandidati li kienu inklużi fil-listi ta’ riżerva qabel l-1 ta’ Mejju 2004 imma maħtura fi jew wara din id-data ġiet għalhekk ittrattata fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII. Huwa veru li t-tabella f’din id-dispożizzjoni hjia differenti minn dik fl-Artikolu 2(1) tal-istess anness, li kkonvertiet il-gradi preċedenti ta’ uffiċjali fil-pożizzjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004 fi gradi intermedji ġodda. Madankollu l-leġiżlatur għandu l-fakoltà li jadotta, għall-futur, emendi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk huma inqas favorevoli mid-dispożizzjonijiet ta’ qabel.
128. Min-natura tagħha stess, dispożizzjoni tranżitorja bħal din tidderoga minn ċerti regoli li l-applikazzjoni tagħhom hija neċessarjament affettwata minn bidla fis-sistema. F’dan il-każ, l-eċċezzjoni ma tmurx lilhinn minn dak li jirriżulta mill-ħatra taħt ir-regoli l-ġodda ta’ persuni magħżula permezz ta’ proċeduri ta’ kompetizzjonijiet mibdija u konklużi taħt id-dispożizzjonijiet il-qodma.
– L-argumenti tal-partijiet
129. L-appellanti jsostnu li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal irid jaqa’ fi ħdan ir-raġunament li jikkonċerna l-prinċipju ta’ trattament ugwali. Dan il-prinċipju kien jiġi sodisfatt b’dispożizzjoni tranżitorja fis-sens li, jekk kandidati li għaddew minn kompetizzjoni partikolari kienu diġà maħtura abbażi tal-kriterji l-antiki, dawn il-kriterji japplikaw għal dawn il-kandidati kollha. L-objettiv li “ir-regoli u l-miżuri l-ġodda setgħu jiġu applikati gradwalment” seta’ jiġi sodisfatt permezz tal-allinjament tal-Artikolu 12(3) mal-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII. Ir-raġunament fis-sentenza appellata huwa għalhekk difettuż.
130. Huma jirrilevaw ukoll li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII fil-fatt jipproduċi effetti definittivi, mhux tranżitorji jew progressivi u li fis-sentenza Economidis(37), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien iddeċieda li l-ebda miżura tranżitorja fl-Anness XIII ma kienet tikkonċerna l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal.
131. Il-Kummissjoni essenzjalment twieġeb biss għall-aħħar żewġ punti. Hija tistqarr li deċiżjoni meħudha abbażi ta’ dispożizzjoni tranżitorja jista’ jkollha effetti definittivi, u li s-sentenza Economidis ma kinitx tikkonċerna l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal.
132. Il-Kunsill jsostni li l-argumenti tal-appellanti huma bbażati fuq il-premessa falza li l-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa ta’ ordni superjuri mill-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII – ir-relazzjoni tagħhom hija dik ta’ lex generalis u lex specialis. Għal dak li jirrigwarda l-adegwatezza tar-raġunament, l-appellanti qegħdin għal darb’oħra jħawwdu r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza u dak tal-leġiżlatura imma, fi kwlanukwe każ, l-Artikoli 2(1) u 12(3) tal-Anness XIII jittrattaw żewġ sitwazzjonijiet oġġettivament differenti – dik tal-uffiċjali li kienu kisbu drittijiet taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma u dik tal-kandidati li għaddew u li ma kisbu ebda dritt. Fir-rigward tas-sentenza Economidis, il-Kunsill essenjalment iqajjem l-istess punti tal-Kummissjoni.
– Evalwazzjoni
133. Għalkemm ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward huwa primarjament ibbażat fuq ir-raġunament tagħha dwar it-trattament ugwali, u għalkemm nikkunsidra li dan ir-raġunament tal-aħħar huwa difettuż, ma naqbilx mal-appellanti li l-konklużjoni dwar l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal hija invalida bl-istess mod.
134. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat ukoll, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, li, wara l-introduzzjoni tal-istruttura l-ġdida tal-karrieri, ma kienx iktar materjalment possibbli li jinħatru kandidati fil-gradi mħabbra fl-avviżi tal-kompetizzjoni mfassla taħt l-istruttura tal-karrieri l-qadima. Għalhekk kienu meħtieġa miżuri tranżitorji, li ġew adottati fl-Artikoli 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Jiena hawnhekk naqbel mal-Kunsill li r-relazzjoni bejn l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII hija dik bejn lex generalis u lex specialis.
135. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota diskrepanza bejn żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji – l-Artikoli 2(1) u 12(3) tal-Anness XIII – imma kkunsidrat li d-diskrepanza kienet taqa’ fi ħdan il-kompetenza tal-leġiżlatur li jadotta dispożizzjonijiet ġodda għall-futur. Filwaqt li ma naqbilx ma’ din il-fehma, għar-raġunijiet li spjegajt fir-rigward tat-trattament ugwali, ma naħsibx li dan kellu xi impatt fuq il-kwistjoni preżenti. L-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII, li jittratta l-konverżjoni ta’ gradi fl-istruttura tal-karrieri l-qadima għal gradi fl-istruttura l-ġdida, mhuwiex relatat mal-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonċerna l-grad tal-ħatra wara li persuna tkun għaddiet minn kompetizzjoni miftuħa.
136. Għal dak li jirrigwarda ż-żewġ punti minuri, il-Kummissjoni hija korretta meta tgħid li dispożizzjonijiet tranżitorji jistgħu jkollhom effetti definittivi, u huwa evidenti mill-qari tas-sentenza Economidis li l-fatti tal-kawża seħħew kollha wara l-1 ta’ Mejju 2004, biex b’hekk l-istqarrija tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku trid tinqara f’dan il-kuntest (ma tistax, fi kwalsiasi każ, tiġi moqrija b’mod litterali, peress li l-Artikolu 12(1) tal-Anness XIII espliċitament jaffettwa l-Artikolu 31(2) u (3) tar-Regolamenti tal-Persunal).
137. Għaldaqstant, hemm lok li l-ħames parti tal-ewwel aggravju tiġi miċħuda.
Is-sitt parti: ksur tal-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipju tal-ekwivalenza
– Is-sentenza appellata
138. Fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti argumentaw li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal kiser il-prinċipju tal-ekwivalenza bejn pożizzjoni u grad, u l-identiċità tal-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ u tas-servizz għal uffiċjali fl-istess grupp tal-funzjoni, inkorporati fl-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti tal-Persunal.
139. Fil-punt 124 sa 132 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma aċċettatx dan l-argument, u rraġunat essenzjalment kif ġej.
140. Jirriżulta mill-analiżi tal-ilment li jirrigwarda l-ugwaljanza fit-trattament li mhemm l-ebda bażi sabiex wieħed isostni ksur tal-prinċipju tal-identiċità tal-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ u tal-karriera għal uffiċjali fl-istess grupp tal-funzjoni. Dispożizzjonijiet differenti kienu japplikaw għal dawk reklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u dawk reklutati minn din id-data. L-Anness XIII u b’mod partikolari l-Artikoli 4(n)(38) u 12(3) tiegħu jiffurmaw lex specialis li tipprevali, għal perjodu speċifiku, fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti tal-Persunal.
– L-argumenti tal-partijiet
141. L-appellanti jsostnu li r-raġunament fir-rigward ta’ din it-talba jrid jaqa’ fi ħdan ir-raġunament li jikkonċerna l-prinċipju ta’ trattament ugwali. Barra minn hekk, jekk wieħed ikompli dan ir-raġunament sal-konklużjoni loġika tiegħu, ikun ifisser li dispożizzjoni tranżitorja tista’ tidderoga minn kwalunkwe prinċipju ġenerali tal-liġi, li evidentement ikun assurd. Il-prinċipju tal-ekwivalenza inkwistjoni huwa prinċipju fundamentali li jrid jiġi rrispettat.
142. Il-Kummissjoni u l-Kunsilll jsostnu, essenzjalment, li huwa ċar mis-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet korrettement li l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti tal-Persunal ġew irrispettati b’mod sħiħ bl-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji li pprevalu temporanjament fuq uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom.
– Evalwazzjoni
143. Għal darba oħra, ma naqbilx mal-asserzjoni tal-appellanti li l-konklużjoni dwar dan il-punt trid taqa’ fi ħdan ir-raġunament li jirrigwarda t-trattament ugwali. Il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija bbażata wkoll fuq raġunament ieħor li, kif il-Kummissjoni u l-Kunsill jirrilevaw, hija valida. Id-dispożizzjoni tranżitorja inkwistjoni tifforma lex specialis li tipprevali temporanjament fuq il-lex generalis tal-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għal dak li jirrigwarda t-tentattiv tal-appellanti għal reductio ad absurdum, huwa evidenti li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII bl-ebda mod ma jidderoga mill-prinċipju tal-ekwivalenza, jew korrispondenza bejn pożizzjoni u grad, iżda sempliċement jistabbilixxi, fuq bażi tranżitorja, kriterji ġodda sabiex tiġi stabbilita l-ekwivalenza li huma konformi iktar mal-istruttura l-ġdida tal-karrieri.
144. Nissuġġerixxi għalhekk li din il-parti finali tal-ewwel aggravju tiġi miċħuda.
It-tieni kap tal-appell: ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ bona fede, ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, tal-ekwivalenza tal-pożizzjoni u tal-grad
– Is-sentenza appellata
145. Fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti sostnew li d-deċiżjonijiet ikkontestati, kuntrarjament għad-dispożizzjoni li fuqha huma bbażati, kisru huma stess il-kondizzjonijiet meħtieġa ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, tal-ekwivalenza tal-pożizzjoni u tal-grad, ta’ bona fede u ta’ premura.
146. Fil-punti 147 sa 155 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza caħdet din l-eċċezzjoni, u essenzjalment irraġunat kif ġej.
147. Kien biss wara li r-rikorrenti assumew id-dmirijiet tagħhom li ġew informati direttament dwar is-sistema l-ġdida ta’ klassifikazzjoni u t-tniżżil fil-grad. Barra minn hekk, ħafna mid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jagħmlux referenza għall-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk kien il-bażi sabiex jiġi stabbilit il-grad tar-reklutaġġ.
148. Madankollu, għalkemm dan jista’ jifforma l-bażi ta’ azzjoni għad-danni, dan minnu nnifsu ma jirrendix id-deċiżjoni kkontestata illegali. Il-legalità ta’ miżura individwali trid tiġi evalwata abbażi tal-fatti u l-liġi kif kienet fiż-żmien li ġiet adottata(39). Peress li l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati ma ġew adottati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni kellha tikklassifika r-rikorrenti fil-grad skont l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal, l-illegalità ta’ liema ma ġietx murija. Konsegwentement, kwalunkwe irregolaritajiet li l-Kummissjoni setgħet ikkommettiet kontra l-prinċipji invokati mir-rikorrenti ma seta’ kellhom ebda effett fuq il-legalità tal-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad.
149. B’mod partikolari, anki jekk, bi ksur tal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni, il-Kummissjoni tat prijorità għar-reklutaġġ ta’ ċerti kandidati li għaddew qabel l-1 ta’ Mejju 2004, dan ma jistax jaffettwa l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jrid jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju tal-legalità: l-ebda persuna ma tista’ tiddependi, in sostenn tat-talba tagħha, fuq att illegali kommess favur xi ħaddieħor(40).
– L-argumenti tal-partijiet
150. L-appellanti jsostnu li ċ-ċaħda tat-tieni eċċezzjoni ma tistax treġi jekk jiġi stabbilit li, kif qed jargumentaw, l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII huwa illegali.
151. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ reklutaġġ ta’ prijorità ta’ ċerti kandidati qabel l-1 ta’ Mejju 2004(41), huma jisħqu li huma mhux qed isostnu li reklutaġġi bħal dawn kienu illegali imma pjuttost li kien kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li huma ma kellhomx l-istess benefiċċju. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk naqset milli tipprovdi raġunijiet adegwati għad-deċiżjoni tagħha.
152. Għal dak li jirrigwarda d-dmir ta’ premura, l-appellanti jistqarru li huma ġew appuntati għall-pożizzjonijiet b’rikonoxximent tal-merti tagħhom imma b’renumerazzjoni iktar baxxa minn dik li ġew informati biha matul il-proċedura tar-reklutaġġ, li bosta minnhom wettqu l-istess dmirjiet qabel u wara l-ħatra bħala uffiċjali u li tnejn minnhom kienu anki ġew klassifikati mill-ġdid, bħala membri tal-persunal temporanju, skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal qabel ma ġew “żgradati”, mal-ħatra bħala uffiċjali, għal grad stabbilit skont l-Artikolu 12(3) tal-istess anness. Dan imur kontra d-dmir ta’ premura, li jimplika li r-renumerazzjoni ta’ uffiċjal m’għandhiex titnaqqas mal-ħatra f’pożizzjoni iktar għolja b’rikonoxximent tal-merti personali tiegħu(42). Il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat dan il-prinċipju billi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet irrispettatu.
153. Il-Kummissjoni ssostni li r-raġunament fis-sentenza appellata jindirizza b’mod adegwat il-kwistjonijiet kollha, u li s-sentenza Da Silva mhijiex rilevanti, peress li tikkonċerna uffiċjal li kien inħatar diġà qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u għalhekk kisbet drittijiet taħt id-dispożizzjonijiet preċedenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx li xi reklutaġġi ta’ prijorità kienu illegali; id-dikjarazzjonijiet tagħha kienu evidentement ibbażati fuq sempliċi ipoteżi.
154. Il-Kunsill ma jagħmel l-ebda sottomissjoni fuq dan l-aggravju, li jikkonċerna biss il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.
– Evalwazzjoni
155. Fi kwalunkwe każ, jidhirli li dan it-tieni aggravju huwa superflwu jew inoperattiv. Jew l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal huwa validu, jew għandu jiġi dikjarat illegali għax jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Jekk huwa validu, il-Kummissjoni kienet obbligata taħtar l-appellanti skont id-dispożizzjonijet tiegħu u, sa fejn mhux qed jiġi allegat li l-Artikolu 12(3) innifsu jikser il-prinċipji invokati hawnhekk, dawn il-prinċipji ma setgħux jiġu invokati sabiex jobbligaw lill-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet li jkunu jiksru dawn id-dispożizzjonijiet. Jekk jiġi ddikjarat illegali, id-deċiżjonijiet tal-ħatra li jittieħdu abbażi tiegħu fi kwalunkwe każ iridu jiġu annullati u jridu jittieħdu deċiżjonijiet ġodda, konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Naturalment dawn id-deċiżjonijiet ġodda jridu jikkonformaw mal-prinċipji kollha invokati b’konnessjoni ma’ dan l-aggravju, imma huwa irrilevanti f’dan ir-rigward jekk ġewx osservati fl-ewwel deċiżjonijiet.
156. Huwa veru li, kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti setgħu għamlu talba (jew saħansitra għadhom jistgħu jagħmlu talba) għad-danni b’mod indipendenti abbażi tan-nuqqas ta’ konformità ma’ wħud mill-prinċipji li huma invokaw, anki jekk id-deċiżjonijiet tal-ħatra u d-dispożizzjonijiet li fuqhom kienu bbażati kienu fihom innifishom legali. Madankollu, l-ebda talba bħal din għad-danni ma tifforma parti mill-kawża tagħhom fl-ewwel istanza jew, konsegwentement, tal-appell tagħhom – it-talbiet tagħhom għar-rikostituzzjoni tal-karrieri tagħhom u għall-ħlas ta’ interessi għal dewmien huma dipendenti fuq l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-ħatra tagħhom.
157. Nissuġġerixxi għalhekk li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala inoperattiv.
Konsegwenzi proċedurali
158. Wasalt għall-fehma li l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn dan jipprovdi għal żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji – l-Artikoli 2(1) u 12(3) – li għandhom jiġu applikati għal kandidati li jgħaddu mill-istess kompetizzjoni, għal raġunijiet li mhumiex oġġettivi peress li l-kriterju distintiv huwa, in parti, stabbilit bid-dispożizzjonijiet infushom u, in parti, suġġett għall-possibbiltà ta’ bidla fid-diskrezzjoni tal-istituzzjoni li timpjega.
159. Is-sentenza appellata għandha għalhekk tiġi annullata sa fejn hija wettqet żball ta’ liġi meta waslet għad-deċiżjoni kuntrarja.
160. Ġaladarba dan huwa l-każ, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn huma bbażati fuq dispożizzjonijiet diskriminatorji illegali tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Mhuwiex meħtieġ li l-kawża tiġi rrinvjata lill-Qorti tal-Prim’Istanza għal dan l-iskop.
161. Madankollu, tqum il-kwistjoni tat-talbiet għar-rikostituzzjoni tal-karrieri u għall-ħlas ta’ interessi għal dewmien, li dwarhom il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx.
162. Fir-rigward tat-talba sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tirrikostitwixxi l-karrieri tal-appellanti, hija ġurisprudenza stabbilita li l-qrati tal-Komunità m’għandhomx ġurisdizzjoni sabiex joħorġu direzzjonijiet bħal dawn lill-istituzzjonijiet(43).
163. Madankollu, konformement mal-ewwel punt tal-Artikolu 233 KE, wara l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati fuq il-bażi li qed nipproponi, il-leġiżlatur irid jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxi ugwaljanza fit-trattament bejn uffiċjali reklutati abbażi tal-istess kompetizzjoni, u l-Kummissjoni trid teżamina mill-ġdid il-klassifikazzjoni fil-grad tal-appellanti, b’effett mid-dati tal-ħatriet rispettivi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-fakultà li tispeċifika r-rata tal-interessi li għandha tapplika għal kwalunkwe arretrati ta’ salarji li jistgħu jkunu dovuti lill-appellanti wara tali eżami mill-ġdid(44). Ir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew tidher rata xierqa sabiex tiġi speċifikata f’dan il-kuntest.
Spejjeż
164. Taħt l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba. Peress li l-appellanti talbu li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, u peress li din tal-aħħar, fl-opinjoni tiegħi, għandha titqies bħala telliefa fil-kawża, għandha għalhekk tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell. Il-Kunsill, bħala intervenjent fil-kawża, għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu taż-żewġ istanzi, skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura.
Konklużjoni
165. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti għandha:
– tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża T‑58/05, sa fejn din tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tranżitorji li fuqhom id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu bbażati rrispettaw il-prinċipju ta’ trattament ugwali;
– tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn dawn stabbilixxew il-klassifikazzjoni fil-grad tal-appellanti abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tranżitorji;
– tispeċifika li kwalunkwe arretrati ta’ salarji li jistgħu jsiru dovuti lill-appellanti bħala konsegwenza ta’ dan l-annullament għandhom jingħataw flimkien mal-interessi, mid-data meta l-ammonti korrispondenti kellhom jitħallsu, skont ir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi bl-eċċezzjoni ta’ dawk tal-Kunsill li għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Ir-Regolamenti tal-Persunal ġew adottati inizjalment bir-Regolament tal-Kunsill Nru 31 (KEE), 11 (KEEA) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impieg ta’ impjegati oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1962 p. 1385), u ġew emendati kemm-il darba. L-emendi hawnhekk inkwistjoni ġew inkorporati bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2004 L 124, p. 1).
3 – Ara l-Avviż Amministrattiv Nru 59‑2005 tal-20 ta’ Lulju 2005, “Klassifikazzjoni wara r-reklutaġġ fi jew wara l-1 ta’ Mejju 2004”, u d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F‑78/07, Boudova et vs Il-Kummissjoni (ĠabraSP I‑A‑0000, punti 6 u 27).
4 – Regolament tal-Kunsill (KE, KEFA, Euratom) Nru 781/98 tas-7 ta’ April 1998 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tat-trattament ugwali (ĠU 1998 L 113, p. 4).
5 – Ma kien hemm l-ebda emenda materjali fl-2004.
6 – L-Artikolu 29(2) jippermetti proċeduri eċċezzjonali sabiex jiġu wżati għar-reklutaġġ fil-livelli l-iktar għoljin (Direttur u Direttur-Ġenerali).
7 – Jiġifieri, “l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrita, magħżula mill-iktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunitajiet”.
8 – L-Artikolu 31(3) jippermetti li jiġu organizzati kompetizzjonijiet anki f’ċerti gradi oħra, bil-kundizzjoni li ħatriet abbażi ta’ dawn ma jeċċedux 20 % tan-numru totali ta’ ħatriet fil-grupp ta’ funzjoni AD għas-sena kkonċernata.
9 – Jiġifieri, impieg attiv, sekondar, leave għal raġunijiet personali, stat mhux attiv, leave għal servizz militari u vakanzi parentali jew vakanzi tal-familja.
10 – Magħrufa wkoll komunement bħala “listi ta’ riżerva”.
11 – Is-salarji huma meħudin mill-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ġew emendati l-aħħar qabel l-1 ta’ Mejju 2004 bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2182/2003 tat-8 ta’ Mejju 2003 li jaġġusta b’effett mill-1 ta' Jannar 2004 ir-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropei u l-ippeżar li japplika għalihom (ĠU 2003 L 327, p. 3) u kif emendati b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004 bir-Regolament Nru 723/2004.
12 – Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni (T-58/05, Ġabra p. II-2523).
13 – Is-salarji huma għall-ewwel skala fil-grad rilevanti. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq.
14 – Ser nispjega r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-dettall meħtieġ meta nippreżenta l-aggravji suċċessivi tal-appell.
15 – Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza De Bustamente Tello vs Il-Kunsill (C-10/06 P, Ġabra p. I-10381, punt 28).
16 – Ara l-punt 17 iktar ’il fuq. Jidher mill-proċess li r-rikorrenti oriġinarjament sostnew li l-kumitat ma ġiex ikkonsultat fuq ebda parti tal-artikolu li eventwalment sar l-Artikolu 12(3), imma sussegwentement illimitaw it-talba tagħhom għas-sostituzzjoni ta’ A*6 għal A*7, fid-dawl tal-evidenza prodotta mill-Kummissjoni.
17 – Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom, KEFA) Nru 2688/95 tas-17 ta’ Novembru 1995 li introduċa miżuri speċjali sabiex jiġi tterminat is-servizz ta’ uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej bħala riżultat tal-adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja (ĠU 1995, L 280, p. 1). [traduzzjoni mhux uffiċjali]
18 – Losch vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (T-13/97, ĠabraSP, p. I-A-543 u II-1633, speċjalment fil-punti 151 sa 172).
19 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq.
20 – Ara l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.
21 – Sentenza Gillet vs Il-Kummissjoni (28/74, Ġabra p. 463, punt 5).
22 – Sentenza Spachis vs Il-Kummissjoni (138/84, Ġabra p. 1939, speċjalment punt 12).
23 – “Droit virtuel” fil-Franċiż, li hija l-lingwa tal-kawża u l-lingwa li biha il-Qorti tal-Ġustizzja abbozzat is-sentenza tagħha. Il-verżjoni Ingliża “substantive right” hija evidentement traduzzjoni żbaljata, u l-avukat tal-appellanti kien żbaljat li waqt is-seduta pprova jibbaża argument fuq din il-verżjoni.
24 – Li ċċitat il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti fil-Kawża 127/80 Grogan vs Il-Kummissjoni (Ġabra p. 869, speċjalment p. 898).
25 – Li jiddeċiedi tilwim tal-persunal ta’ iktar minn 50 entità internazzjonali.
26 – Sentenza Nru 2682 tas-6 ta’ Frar 2008, punt 6.
27 – Kawża T-92/96 Monaco vs il-Parlament Ġabra-SP I‑A‑195 u II‑573, punt 55.
28 – Sentenza Ryan vs Il-Qorti tal-Awdituri (T‑121/97, Ġabra p. II‑3885, punt 98).
29 – C‑110/03 (Ġabra p. I‑2801, punti 70 sa 75).
30 – Sentenza Ryan, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 98 u 104.
31 – Sentenza Eridania (230/78, Ġabra p. 2479, punt 22).
32 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Sabbatini vs Il-Parlament (20/71, Ġabra p. 345), Grant (C‑249/96, Ġabra p. I‑621, punt 45) u Rinke (C‑25/02, Ġabra p. I‑8349, punti 25 sa 28).
33 – L-Anness A.6 għar-rikors fl-ewwel istanza; li ġie msemmi, imma li ma ġiex evalwat, fil-punt 154 tas-sentenza appellata. Ara wkoll il-punt 151 iktar ’l isfel.
34 – Sentenza Spanja vs Il-Kunsill (C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 81 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).
35 – Sentenza Vlachou vs Il-Qorti tal-Awdituri (162/84, Ġabra p. 481, punt 6).
36 – Il-Qorti tal-Prim’Istanza irreferiet għas-sentenza tagħha fil-kawża Leonhardt vs Il-Parlament (T‑30/02, ĠabraSP 2003, p. I‑A‑41 u II‑265, punt 55); ara wkoll, pereżempju, fil-qasam tal-politika kummerċjali, il-kawża Spanja vs Il-Kunsill (C‑284/94, p. I‑7309, punt 43).
37 – Economidis vs Il-Kummissjoni (F‑122/05, ĠabraSP I-A-1-179, II-A-1-725).
38 – Ara l-punt 15 iktar ’il fuq.
39 – Sentenzi IECC vs Il-Kummissjoni (C‑449/98, Ġabra p. I‑3875, punt 87) u W vs Il-Parlament (T‑69/03, ĠabraSP 2004, p. I‑A‑153 u II‑687, punt 28).
40 – Sentenza Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri (134/84, Ġabra p. 2225, punt 14).
41 – Għall-eżistenza tagħha hemm xi provi fil-forma ta’ messaġġ bil-posta elettronika ppreżentat bħala Anness A.6 għar-rikors fl-ewwel istanza.
42 – Sentenza Da Silva vs Il-Kummissjoni (F‑21/06, Ġabra p. I-0000).
43 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Campogrande vs Il-Kummissjoni (T‑136/98, ĠabraSP 2000, p. I‑A‑267 u II‑1225, punt 67), u Campogrande vs Il-Kummissjoni (C-62/01 P, Ġabra p. I‑3793, punt 43).
44 – Sentenza fil-kawżi magħquda Razzouk u Beydoun vs Il-Kummissjoni (75/82 u 117/82, Ġabra p. 1509, punti 18 u 19).
Full & Egal Universal Law Academy